Rikors ippreżentat fit-2 ta' Gunju 2009 - Dionisio Galao vs Il-Kumitat tar-Reġjuni

(Kawża F-57/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ana Maria Dionisio Galao (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis, u É. Marchal, avukati)

Konvenut: Il-Kumitat tar-Reġjuni

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

L-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenut li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal bil-kuntratt taħt l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, sa fejn tillimita t-tul tal-kuntratt għal 3 xhur, kif ukoll l-annullament ta' żewġ klawżoli addizzjonali għall-kuntratt ta' reklutaġġ tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal temporanju, li jemendaw id-data tal-iskadenza tal-imsemmi kuntratt.

Talbiet tar-rikorrenti

jannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta' Diċembru 2008 sa fejn tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal bil-kuntratt taħt l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u b'mod iktar speċifiku, sa fejn tillimita t-tul tal-kuntratt għal 3 xhur;

jannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-23 ta' Ottubru 2008 sa fejn temenda, permezz tal-klawżola addizzjonali għall-kuntratt Nru 9, il-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal temporanju taħt l-Artikolu 8(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, b'mod iktar speċifiku, sa fejn testendi d-data tal-iskadenza tiegħu sal-31 ta' Diċembru 2008;

jannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta' Settembru 2008 sa fejn temenda, permezz tal-klawżola addizzjonali għall-kuntratt Nru 8, il-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal temporanju taħt l-Artikolu 8(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, b'mod iktar speċifiku, sa fejn testendi d-data tal-iskadenza tal-kuntratt billi tipposponiha mit-30 ta' Settembru għall-31 ta' Diċembru 2008;

jikkundanna lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-ispejjeż.

____________