Rikors ippreżentat fis-6 ta' Jannar 2011 - Soukup vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-1/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Zdenek Soukup (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: E Boigelot u S. Woog, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

L-annullament tad-deċiżjoni tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/144/09 li ma tinkludix lir-rikorrent fil-lista ta' riżerva u d-deċiżjoni li tinkludi kandidat ieħor f'din il-lista kif ukoll il-kumpens għad-danni morali u materjali subiti.

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/144/09 tas-27 ta' April 2010 meħuda wara eżami mill-ġid tal-eżami orali tar-rikorrent, li tikkonferma r-riżultati tiegħu lil dan l-aħħar imsemmi, jiġifieri marka iktar baxxa mill-minimu meħtieġ u, konsegwent, id-deċiżjoni li ma tinkludihx fil-lista ta' riżerva;

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/144/09 li taċċetta kandidat ieħor għall-eżamijiet bil-miktub u orali u sussegwentement, li tinkludih fil-lista ta' riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni;

tannulla l-operat kollu tal-Bord tal-Għażla li pproċeda għalih il-bord sa mill-istadju fejn seħħew l-irregolaritajiet imsemmija;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas, bħala kumpens għad-danni morali u materjali u l-preġudizzju għall-karriera tar-rikorrent, is-somma ta' EUR 25 000, suġġett għall żieda jew tnaqqis matul il-proċeduri, flimkien mal-interessi bir-rata ta' 7 % fis-sena mit-28 ta' Ġunju 2010, data li fiha tressaq l-ilment;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

____________