KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑15 ta’ Jannar 2020 (1)

Kawża C623/17

Privacy International

vs

Secretary of State for Foreign and Commonwealth Affairs,

Secretary of State for the Home Department,

Government Communications Headquarters,

Security Service Srl,

Secret Intelligence Service

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Investigatory Powers Tribunal (it-Tribunal responsabbli għas-setgħat ta’ investigazzjoni, ir-Renju Unit))

“Domanda preliminari — Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/58/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 1(3) — Artikolu 15(3) — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 7, 8, 51 u 52(1) — Artikolu 4(2) TUE — Trażmissjoni ġenerali u mhux iddifferenzjata lis-servizzi tas-sigurtà ta’ data ta’ konnessjoni tal-utenti ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”






1.        Fl-aħħar snin il-Qorti tal-Ġustizzja żammet pożizzjoni koerenti dwar iż-żamma u l-aċċess ta’ data personali, li fosthom hemm dawn il-kisbiet mill-iktar importanti:

–      Is-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (2), iddikjarat l-invalidità tad-Direttiva 2006/24/KE (3) peress li kienet tippermetti interferenza sproporzjonata fid-drittijiet irrikonuxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea.

–      Is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (4), li interpretat l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE (5).

–      Is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (6), li kkonfermat l-interpretazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni tad-Direttiva 2002/58.

2.        Dawn is-sentenzi (b’mod partikolari t-tieni waħda) jinkwetaw lill-awtoritajiet ta’ xi wħud mill-Istati Membri, peress li fil-fehma tagħhom dawn għandhom il-konsegwenza li jneħħulhom strument meqjus meħtieġ għas-sigurtà nazzjonali u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Din hija r-raġuni għalfejn uħud minn dawn l-Istati Membri jitolbu r-revoka jew l-iċċarar ta’ dik il-ġurisprudenza.

3.        Ċerti qrati tal-Istati Membri saħqu fuq din l-istess preokkupazzjoni f’erba’ rinviji għal deċiżjoni preliminari (7), liema konklużjonijiet qiegħed nippreżenta f’din l-istess data.

4.        L-erba’ kawżi, qabel kollox, iqajmu l-problema tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 għall-attivitajiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Jekk dik id-direttiva tapplika f’dak il-kuntest, sussegwentement irid jiġi ċċarat il-punt sa fejn l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu d-drittijiet għall-privatezza li dik id-direttiva tħares. Fl-aħħar nett, għandu jkun analizzat sa liema punt il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti (dik Brittanika (8), Belġjana (9) u Franċiża (10)) fuq dan l-argument huma konformi mad-dritt tal-Unjoni, hekk kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Nirreferi għall-punt korrispondenti fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi C‑511 u C‑512/18.

B.      Id-dritt nazzjonali (applikabbli fil-kawża inkwistjoni)

1.      Telecommunications Act 1984 (11)

6.        Skont l-Artikolu 94, is-Segretarju tal-Istat jista’ jindirizza lil operatur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi struzzjonijiet ġenerali jew speċifiċi li jikkunsidra meħtieġa fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jew għar-relazzjonijiet ma’ Gvern ta’ pajjiż jew ta’ territorju li huwa barra mir-Renju Unit.

2.      Data Retention and Investigatory Powers Act 2014 (12)

7.        L-Artikolu 1 jistabbilixxi:

“(1)      Is-Segretarju tal-Istat jista’, permezz ta’ ordni ta’ żamma, jgħarraf lill-operatur tat-telekomunikazzjonijiet pubbliċi dwar iż-żamma ta’ data ta’ komunikazzjoni rilevanti, jekk iqis li tali rekwiżit huwa meħtieġ u proporzjonat b’rabta ma’ wieħed jew iktar mill-għanijiet imsemmija fil-paragrafi (a) sa (h) tal-Artikolu 22(2) tar-Regulation of Investigatory Powers Act 2000 [(il-Liġi tal‑2000 dwar is-Setgħat ta’ Investigazzjoni, iktar ’il quddiem ir-“RIPA”)].

(2)      Ordni ta’ żamma jista’:

(a)      jirreferi għal operatur partikolari jew inkella għal kwalunkwe tip ta’ operatur,

(b)      jimponi ż-żamma tad-data kollha jew ta’ kategorija ta’ data,

(c)      jippreċiża l-perijodu jew il-perijodi li matulhom għandha tinżamm din id-data,

(d)      jinvolvi rekwiżiti oħra jew restrizzjonijiet b’rabta maż-żamma tad-data,

(e)      jipprovdi għal dispożizzjonijiet differenti għal għanijiet varji,

(f)      jirreferi għal data li teżisti jew li ma teżistix fid-data li fiha tkun adottata jew tidħol fis-seħħ l-ordni ta’ żamma.

(3)      Is-Segretarju tal-Istat jista’, permezz ta’ regolament, jadotta iktar dispożizzjonijiet dwar iż-żamma ta’ data rilevanti marbuta mal-komunikazzjoni.

(4)      Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jirreferu, b’mod partikolari għal:

(a)      ir-rekwiżiti ta’ qabel l-adozzjoni tal-ordni ta’ żamma,

(b)      il-perijodu massimu li matulu d-data tinżamm permezz ta’ ordni ta’ żamma,

(c)      il-kontenut, l-adozzjoni, id-dħul fis-seħħ, l-eżami mill-ġdid, il-modifika jew ir-revoka ta’ ordni ta’ żamma,

(d)      l-integrità, is-sigurtà jew il-protezzjoni tad-data miżmuma f’applikazzjoni tal-artikolu preżenti, l-aċċess għad-data, kif ukoll l-iżvelar jew id-distruzzjoni tagħha,

(e)      konformità mar-rekwiżiti jew mar-restrizzjonijiet rilevanti jew il-verifika tal-konformità magħhom,

(f)      kodiċi ta’ prattika tajba marbuta mar-rekwiżiti, mar-restrizzjonijiet jew mas-setgħat rilevanti,

(g)      rimbors mis-Segretarju tal-Istat (taħt ċerti kundizzjonijiet jew le) tal-ispejjeż li l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet pubbliċi jkunu ġarrbu sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti jew mar-restrizzjonijiet rilevanti,

[…]

(5)      Il-perijodu massimu previst fl-applikazzjoni tal-paragrafu 4(b) ma jistax jaqbeż it-tnax‑il xahar mid-data indikata marbuta mad-dati li jikkonċernaw ir-regolamenti msemmija fil-paragrafu 3.

(6)      Operatur tat-telekomunikazzjonijiet pubbliċi li jżomm data rilevanti marbuta mal-komunikazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ma jistax jiżvela din id-data għajr li:

(a)      jiżvela din id-data b’konformità ma’:

(i)      il-Parti 1 tal-Kapitolu 2 tar-[RIPA] jew

(ii)      deċiżjoni ġudizzjarja jew kwalunkwe awtorizzazzjoni oħra jew mandat ġudizzjarju, jew li

(b)      jkun ipprovdut mir-regolamenti msemmija fil-paragrafu 3.

(7)      Is-Segretarju tal-Istat jista’, permezz ta’ regolament, jadotta dispożizzjonijiet rigward kwalunkwe dispożizzjoni adottata (jew li tista’ tkun adottata) bl-applikazzjoni tal-paragrafu 4(d) sa (g) jew tal-paragrafu 6, fir-rigward tad-data relatata mal-komunikazzjonijiet miżmuma minn operaturi tas-servizz ta’ telekomunikazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ kodiċi ta’ prattika tajba bis-saħħa tal-Artikolu 102 tal-Liġi tal‑2001 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità u s-sigurtà [Anti-terrorism, Crime and Security Act 2001]”.

3.      RIPA

8.        L-Artikolu 21 jindika:

“[…]

(4)      Fil-preżenti kapitolu “data relatata mal-komunikazzjonijiet” tfisser kwalunkwe minn dawn il-kunċetti li ġejjin:

(a)      kull informazzjoni marbuta mad-data dwar it-traffiku inkluża jew mehmuża ma’ komunikazzjoni (mill-fornitur jew b’mod ieħor) għall-finijiet ta’ kwalunkwe servizz postali jew sistema ta’ telekomunikazzjoni li permezz tiegħu qiegħda tiġi trażmessa jew tista’ tiġi trażmessa,

(b)      kull informazzjoni li ma tinkludi l-ebda parti minn komunikazzjoni [ħlief għal kwalunkwe informazzjoni inkluża fis-subparagrafu (a)] u li tirreferi għall-użu li sar minn kwalunkwe persuna:

(i)      ta’ kull servizz postali jew ta’ telekomunikazzjoni, jew

(ii)      fir-rigward tal-provvista jew tal-użu minn kwalunkwe persuna ta’ kwalunkwe servizz ta’ telekomunikazzjoni, ta’ kwalunkwe parti minn sistema ta’ telekomunikazzjoni,

(c)      kull informazzjoni mhux inkluża fis-subparagrafi (a) jew (b) li tkun fil-pussess jew miksuba, fir-rigward ta’ dawk il-persuni destinatarji tas-servizz, minn persuna li tipprovdi servizz postali jew servizz ta’ telekomunikazzjonijiet.

[…]

(6)      F’din it-taqsima, il-kunċett ta’ “data dwar it-traffiku”, fir-rigward ta’ kwalunkwe komunikazzjoni, jirreferi għal:

(a)      kull data li tidentifika jew li hija suxxettibbli li tidentifika kwalunkwe persuna, apparat jew post li lejhom jew li minnhom ikun hemm trażmissjoni jew jista’ jkun hemm trażmissjoni ta’ komunikazzjoni;

(b)      kull data li tidentifika jew li tagħżel, jew li hija suxxettibbli li tidentifika jew li tagħżel, it-tagħmir li permezz tiegħu ser tiġi trażmessa l-komunikazzjoni jew li tista’ tiġi trażmessa;

(c)      kull data li tinkludi sinjali għat-tixgħil tal-apparat użat f’sistema ta’ komunikazzjoni għall-finijiet tat-trażmissjoni ta’ kwalunkwe komunikazzjoni; u

(d)      kull data li tidentifika jew data oħra bħala data inkluża jew mehmuża ma’ komunikazzjoni speċifika.

[…]”

9.        L-Artikolu 22 jipprevedi:

“(1)      Dan l-artikolu japplika fejn persuna responsabbli għall-finijiet ta’ dan il-kapitolu tqis li huwa meħtieġ, għar-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li tinkiseb kwalunkwe data dwar il-komunikazzjoni.

(2)      Huwa meħtieġ għal raġunijiet koperti minn dan il-paragrafu li tinkiseb id-data dwar il-komunikazzjoni jekk ikun meħtieġ

(a)      fl-interess tas-sigurtà nazzjonali,

(b)      għall-iskop tal-prevenzjoni jew tal-kxif tal-kriminalità jew sabiex jinżamm l-ordni pubbliku,

(c)      fl-interess tal-benesseri ekonomiku tar-Renju Unit sakemm dawk l-interessi huma ugwalment rilevanti għall-interessi tas-sigurtà nazzjonali,

(d)      fl-interess tas-sigurtà pubblika,

(e)      għall-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

(f)      għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-taxxa jew tal-ġbir ta’ kwalunkwe taxxa, dazju, sisa jew tariffa oħra, kontribuzzjoni jew imposta dovuta lill-amministrazzjoni pubblika,

(g)      għall-finijiet tal-prevenzjoni, f’każ ta’ urġenza, ta’ mwiet, ħsara jew ħsara lis-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika jew tal-mitigazzjoni ta’ dannu jew ħsara lis-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika,

(h)      għal kwalunkwe skop ieħor [mhux kopert mis-subparagrafi (a) sa (g)] stabbilit f’ordni mis-Segretarju tal-Istat skont l-Artikolu 22(2)(h) tad-[DRIPA].

(4)      Bla ħsara għall-paragrafu 5, il-persuna responsabbli, meta jkun jidhrilha li operatur ta’ telekomunikazzjonijiet jew operatur postali jkun jew jista’ jkun fil-pussess ta’, jew ikun kapaċi li jakkwista, data ta’ komunikazzjoni, tista’ titlob lill-operatur ta’ telekomunikazzjoni jew lill-operatur postali li:

(a)      jikseb id-data, jekk ma tkunx diġà fil-pussess tiegħu, u

(b)      jiżvela, fi kwalunkwe każ, id-data kollha fil-pussess tiegħu jew li kiseb wara.

(5)      Il-persuna responsabbli ma tistax tawtorizza skont il-paragrafu 3, jew teħtieġ taħt il-paragrafu 4, sakemm ma tkunx tqis li l-ġbir tad-data inkwistjoni li tirriżulta minn imġiba awtorizzata jew meħtieġa bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni jew talba tkun proporzjonata mal-iskop imfittex għall-ksib tad-data”.

10.      Skont l-Artikolu 65, jista’ jiġi ppreżentat rikors quddiem l-Investigatory Powers Tribunal (it-Tribunal responsabbli għas-setgħat ta’ investigazzjoni, ir-Renju Unit) jekk ikun hemm raġuni sabiex wieħed jemmen li d-data tkun inkisbet b’mod mhux xieraq.

II.    Il-fatti u d-domandi preliminari

11.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-ksib u l-użu mill-United Kingdom Security and Intelligence Agencies (l-Aġenziji tas-Sigurtà u tal-Ġbir ta’ Informazzjoni tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“ASI”) ta’ data ta’ komunikazzjoni li jintbagħtu f’massa.

12.      Din id-data tirreferi għal “min” juża t-telefon u l-internet, u “meta, fejn, kif u ma’ min” jużahom. Dawn jinkludu l-post fejn ikun jinsab it-telefon mobbli u dak fiss li minnhom isiru jew jitwettqu telefonati, kif ukoll il-kompjuters minn fejn isir aċċess għall-internet. Dawn ma jinkludux il-kontenut tal-komunikazzjonijiet, li jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ ordni minn qorti.

13.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (Privacy International, organizzazzjoni mhux governattiva għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem) ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostniet li l-ksib u l-użu tal-imsemmija data minn ASI tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

14.      L-awtoritajiet konvenuti (13) jsostnu li l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom f’dan il-qasam huwa leġittimu u essenzjali, b’mod partikolari, sabiex titħares is-sigurtà nazzjonali.

15.      Skont l-informazzjoni li tinsab fid-digriet tar-rinviju, skont l-istruzzjonijiet maħruġa mis-Segretarju tal-Istat b’konformità mal-Artikolu 94 tal-Liġi tal‑1984, l-ASI jirċievu data dwar il-komunikazzjoni li jintbagħtu f’massa permezz tal-operaturi ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

16.      Tali data tinkludi informazzjoni dwar it-traffiku u l-post, kif ukoll dwar l-attivitajiet soċjali, kummerċjali u finanzjarji, il-komunikazzjonijiet u l-ivvjaġġar tal-utenti. Ladarba tkun fil-pussess tagħhom, l-ASI jżommu din id-data b’mod sigur, bl-użu ta’ tekniċi (pereżempju, li tista’ tkun iffiltrata jew aggregata) ġeneralizzati, jiġifieri mhux immirati għal għanijiet speċifiċi u magħrufa.

17.      Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa pprovat li tali tekniċi huma essenzjali għall-ħidma tal-ASI fil-ġlieda kontra t-theddid serju għas-sigurtà pubblika, b’mod partikolari t-terroriżmu, l-ispjunaġġ u l-proliferazzjoni nukleari. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kapaċità li l-ASI jiksbu u li jagħmlu użu mid-data hija essenzjali għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tar-Renju Unit.

18.      Għall-qorti tar-rinviju, il-miżuri inkwistjoni huma konformi mad-dritt nazzjonali u mal-Artikolu 8 KEDB. Hija tiddubita, madankollu, li huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson.

19.      F’dan il-kuntest, dik il-qorti għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Fid-dawl tal-Artikolu 4 TUE u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva [2002/58], rekwiżit fi gwida minn Segretarju tal-Istat lil fornitur ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li dan tal-aħħar għandu jipprovdi data ta’ komunikazzjonijiet li jintbagħtu f’massa [BCD] lill-Aġenziji ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni (SIAs) ta’ Stat Membru jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tad-Direttiva dwar il-privatezza elettronika?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ir-Rekwiżiti Watson (14) jew kull rekwiżit ieħor minbarra dawk imposti mill-KEDB jistgħu japplikaw għal tali gwida minn Segretarju tal-Istat? Jekk dan ikun il-każ, kif u sa fejn għandhom japplikaw dawn ir-rekwiżiti, fid-dawl tal-ħtieġa essenzjali tal-SIAs li jużaw teknika ta’ bulk acquisition u ta’ pproċessar awtomatizzat għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u sa fejn tali kapaċitajiet, jekk ikunu konformi mal-KEDB, jistgħu jiġu serjament ostakolati bl-impożizzjoni ta’ tali rekwiżiti?”

20.      Il-qorti tar-rinviju tagħti l-kuntest li ġej lid-domandi tagħha:

“a)      il-kapaċitajiet tal-SIAs sabiex jużaw BCD ipprovduta lilhom huma essenzjali għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tar-Renju Unit, inkluż fil-qasam ta’ kontra t-terroriżmu, ta’ kontrospjunaġġ u ta’ kontra l-proliferazzjoni nukleari;

b)      aspett fundamentali tal-użu tal-BCD mis-SIAs huwa l-iskoperta ta’ theddid għas-sigurtà nazzjonali li qabel ma kienx magħruf, permezz ta’ teknika mhux immirata li ssir f’massa li tiddependi fuq l-aggregazzjoni tal-BCD f’post wieħed. L-utilità prinċipali tagħha huwa fl-identifikazzjoni u l-iżvilupp b’ħeffa ta’ suġġett fil-mira, kif ukoll fil-provvista ta’ bażi għal azzjoni quddiem theddida imminenti;

ċ)      il-fornitur ta’ network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ma huwiex sussegwentement meħtieġ li jżomm il-BCD (lil hinn mill-perijodu tal-ħtiġijiet ta’ kuljum fin-negozju tagħhom), li tinżamm mill-Istat (is-SIAs) biss;

d)      il-qorti nazzjonali kkonstatat (suġġett għal ċerti kwistjonijiet riżervati) li s-salvagwardji madwar l-użu tal-BCD mis-SIAs huma konsistenti mar-rekwiżiti tal-KEDB; u

e)      il-qorti nazzjonali kkonstatat li l-impożizzjoni tar-rekwiżiti speċifikati fis-sentenza [Tele2 Sverige AB u Watson], jekk jitqiesu li huma applikabbli, ifixklu l-miżuri adottati għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali mis-SIAs, u għaldaqstant iqiegħdu f’riskju s-sigurtà nazzjonali tar-Renju Unit”.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      Id-domanda preliminari ġiet irreġistrata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Ottubru 2017.

22.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż, Belġjan, Brittaniku, Ċek, Ċiprijott, Spanjol, Estonjan, Franċiż, Ungeriż, Irlandiż, Latvjan, Olandiż, Norveġiż, Pollakk, Portugiż u Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni.

23.      Fid‑9 ta’ Settembru 2019 saret seduta pubblika u nżammet flimkien ma’ dawk tal-Kawżi C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, fejn dehru l-partijiet tal-erba’ rinviji għal deċiżjoni preliminari, il-gvernijiet imsemmija iktar ’il fuq, kif ukoll il-Kummissjoni u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

IV.    Analiżi

A.      Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 u l-esklużjoni tas-sigurtà nazzjonali (l-ewwel domanda preliminari)

24.      Fil-konklużjonijiet li qiegħed nippreżenta fl-istess data fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, nispjega r-raġunijiet għaliex, fil-fehma tiegħi, id-Direttiva 2002/58 “tapplika, bħala prinċipju, meta fornituri ta’ servizzi elettroniċi jkunu obbligati bil-liġi li jżommu data tal-abbonati tagħhom u li jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex ikollhom aċċess għalihom. Din il-pożizzjoni ma tbiddilx il-fatt li l-obbligi huma imposti fuq il-fornituri għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali (15)”.

25.      Fl-iżvilupp tal-argumenti tiegħi, nindirizza l-impatt tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (16), u Tele2 Sverige u Watson, fejn nawspika li jkun hemm interpretazzjoni inklużiva tat-tnejn (17).

26.      F’dawn l-istess konklużjonijiet, wara li affermajt l-applikabbiltà tad-Direttiva 2002/58, neżamina l-esklużjoni tas-sigurtà nazzjonali li tinsab fiha u l-impatt tal-Artikolu 4(2) TUE (18).

27.      Bla ħsara għal dak li ser nispjega iktar ’il quddiem, nirreferi għal dak li diġà ntqal fil-konklużjonijiet irrepetuti u fil-Kawża C‑520/18.

1.      L-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 f’din il-kawża

28.      Skont ir-regoli inkwistjoni f’din it-tilwima, il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma d-destinatarji ta’ obbligu li jinvolvi, minbarra ż-żamma tagħhom, l-ipproċessar tad-data li jkollhom minħabba s-servizz li jipprovdu lil networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet tal-Unjoni (19).

29.      Fil-fatt, l-operaturi msemmija għandhom jittrażmettu b’mod obbligatorju dik id-data lill-ASI. Dak li qiegħed jiġi diskuss hawnhekk huwa jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermettix li din it-trażmissjoni, minħabba l-għan tagħha, hija mingħajr iktar dewmien eskluża mid-dritt tal-Unjoni.

30.      Fil-fehma tiegħi, dan mhux il-każ. Iż-żamma tal-imsemmija data wara t-trażmissjoni sussegwenti tagħha tista’ tiġi kklassifikata bħala l-ipproċessar ta’ data personali minn fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet elettroniċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58.

31.      Ir-raġunijiet għas-sigurtà nazzjonali ma jistgħux jingħataw preċedenza għal din il-konstatazzjoni, hekk kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, bil-konsegwenza li l-obbligu inkwistjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, nirrepeti, l-ipproċessar tad-data huwa meħtieġ fuq il-fornituri fir-rigward tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament fin-networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet tal-Unjoni, li huwa preċiżament il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58, hekk kif stabbilit mill-Artikolu 3(1).

32.      Fid-dawl ta’ din il-premessa, id-dibattitu jdur mhux lejn l-attivitajiet tal-ASI (li, kif diġà wissejt, jistgħu jkunu barra mill-ġurisdizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jekk ma jaffettwawx l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi), iżda fuq iż-żamma u t-trażmissjoni ulterjuri tad-data għand dawn l-operaturi. Minn din il-perspettiva huma d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni li huma f’riskju.

33.      Il-fattur ewlieni sabiex isolvi dan id-dibattitu huwa, għal darba oħra, id-dmir ta’ żamma ġenerali u mhux iddifferenzjata tad-data li l-aċċess tagħha jsir iktar faċli għall-awtoritajiet pubbliċi.

2.      L-appell għas-sigurtà nazzjonali

34.      Peress li f’din il-kawża l-qorti tar-rinviju tagħmel enfasi partikolari fuq l-attivitajiet tal-ASI li jaffettwaw lis-sigurtà nazzjonali, nixtieq nirriproduċi xi wħud mill-punti tal-konklużjonijiet tiegħi fl-istess data fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, dwar dan il-punt:

“77.      Is-sigurtà nazzjonali […] hija s-suġġett ta’ kunsiderazzjoni doppja fid-Direttiva 2002/58. Minn naħa, tikkostitwixxi kawża ta’ esklużjoni (mill-applikazzjoni ta’ dik id-direttiva) għall-attivitajiet kollha ta’ Stati Membri li, b’mod speċifiku, ‘għandhom lilha bħala għan tagħhom’. Min-naħa l-oħra, hija ppreżentata bħala kawża ta’ limitazzjoni, li għandha tiġi żviluppata bil-liġi, tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2002/58, jiġifieri, fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ natura privata jew kummerċjali u barra mill-qasam tal-attivitajiet tal-importazzjoni.

78.      Għal liema attivitajiet jirreferu l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58? Fil-fehma tiegħi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) innifsu jipprovdi eżempju tajjeb billi jissemmew l-Artikoli L. 851‑5 u L. 851‑6 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Interna, li jirreferu għal ‘tekniki għall-ġbir tal-informazzjoni li huma applikati direttament mill-Istat, iżda ma jirregolawx l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi billi jimponu obbligi speċifiċi fuqhom’. […]

79.      Nemmen li dan huwa essenzjali sabiex wieħed jifhem il-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58. L-attivitajiet li, bil-għan li jippreżervaw is-sigurtà nazzjonali, jitwettqu mill-awtoritajiet pubbliċi waħedhom, mingħajr il-ħtieġa tal-koperazzjoni ta’ individwi u, għalhekk, mingħajr ma jimponu obbligi fuqhom fil-ġestjoni tan-negozju tagħhom, ma humiex suġġetti għal din l-iskema.

80.      Il-lista ta’ attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi dderogati mill-iskema ġenerali għall-ipproċessar ta’ data personali għandha, madankollu, tiġi interpretata b’mod restrittiv. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ sigurtà nazzjonali, li r-responsabbiltà tiegħu taqa’ esklużivament għal kull Stat Membru skont l-Artikolu 4(2) TUE, ma jistax jiġi estiż għal setturi oħra, iktar jew inqas qrib tal-ħajja pubblika.

[…]

82.      Inqis […] li jista’ jservi ta’ gwida l-kriterju fl-Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/960/ĠAI, […] li jiddistingwi bejn servizzi ta’ sigurtà fis-sens wiesa’ — li jinkludu ‘il-pulizija nazzjonali, id-dwana jew awtorità oħra, awtorizzati taħt id-dritt nazzjonali sabiex jiskopru, jipprevjenu u jinvestigaw reati u attivitajiet kriminali u sabiex jeżerċitaw awtorità u jieħdu miżuri koersivi fil-kuntest ta’ tali attivitajiet’ — minn naħa, u l-‘aġenziji jew unitajiet li jipproċessaw kwistjonijiet partikolari’ min-naħa l-oħra. […]

[…]

84.      Hemm […] kontinwità bejn id-Direttiva 95/46 u d-Direttiva 2002/58 fir-rigward tal-kompetenzi tal-Istati Membri fuq is-sigurtà nazzjonali. L-ebda waħda miż-żewġ direttivi għandha bħala għan il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali f’dan il-qasam speċifiku, fejn l-attivitajiet tal-Istati Membri ma humiex ‘irregolati mid-dritt [tal-Unjoni]’.

85.      Il-‘bilanċ’ imsemmi fil-[ħdax‑il] premessa [tad-Direttiva 2002/58] jirriżulta mill-ħtieġa li jiġu rrispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali, fejn dawn jeżerċitawhom direttament u bil-mezzi tagħhom stess. Għall-kuntrarju, fejn, anki għal dawk l-istess raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, huma meħtieġa individwi, li fuqhom huma imposti ċerti obbligi, dan il-fatt jiddetermina d-dħul f’kamp (il-protezzjoni tal-privatezza meħtieġa minn dawk l-individwi privati) irregolat mid-dritt tal-Unjoni.

86.      Kemm id-Direttiva 95/46 kif ukoll id-Direttiva 2002/58 għandhom l-għan li jiksbu dak il-bilanċ billi jawtorizzaw li d-drittijiet tal-individwi jistgħu jkunu limitati permezz ta’ miżuri regolatorji adottati mill-Istati skont l-Artikoli 13(1) u 15(1) rispettivament. Ma hemm l-ebda differenza bejn dawn it-tnejn f’dan il-punt.

[…]

89.      L-identifikazzjoni ta’ tali attivitajiet mill-awtorità pubblika għandha tkun neċessarjament restrittiva, għaliex inkella d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-privatezza ma jibqgħux effettivi. Ir-Regolament 2016/679 jipprovdi fl-Artikolu 23 tiegħu – skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 – il-limitazzjoni, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, tad-drittijiet u l-obbligi li huwa jistabbilixxi, fejn meħtieġ, sabiex jissalvagwardja, inter alia, is-sigurtà tal-Istat, id-difiża jew is-sigurtà pubblika. Għal darba oħra, jekk il-protezzjoni ta’ dawk l-għanijiet kienet suffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/679, l-invokazzjoni tas-sigurtà tal-Istat bħala ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, tad-drittijiet iggarantiti minn dak ir-regolament tkun superfluwa.”

3.      Il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson f’din il-kawża

35.      Il-qorti tar-rinviju ffokat fuq l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson, li tistabbilixxi d-diffikultajiet li, fil-fehma tagħha, l-applikazzjoni tagħha għal dan il-każ tkun tinvolvi.

36.      Is-sentenza Tele2 Sverige u Watson indikat, fil-fatt, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-obbligu li tinżamm data dwar it-traffiku u l-post għall-aċċess ulterjuri mill-awtoritajiet pubbliċi.

37.      Bħal fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, u għal raġunijiet simili, inqis li r-regoli nazzjonali inkwistjoni f’dan ir-rinviju ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson, peress li dawn jinvolvu żamma ġenerali u mhux iddifferenzjata ta’ data personali li tipprovdi rendikont iddettaljat tal-ħajja tal-persuni kkonċernati, matul perijodu twil ta’ żmien.

38.      Fil-konklużjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kawżi, nistaqsi jekk huwiex ser ikun possibbli li l-kummentarji esposti f’dik is-sentenza jistgħu jiġu ċċarati jew ikkompletati, minħabba l-konsegwenzi tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jew għall-protezzjoni tal-Istat fil-konfront ta’ theddid ieħor simili kontra s-sigurtà nazzjonali.

39.      Nixtieq ukoll nirriproduċi iktar ’il quddiem uħud mill-punti ta’ dawn il-konklużjonijiet, li fihom essenzjalment insostni li, jekk ikun possibbli li l-kummentarji msemmija iktar ’il fuq jistgħu jiġu ċċarati, ikun neċessarju li dan jiġi kkonfermat fis-sustanza:

“135. Għalkemm diffiċli, mhux impossibbli li jiġu ddeterminati bi preċiżjoni u skont kriterji oġġettivi kemm il-kategoriji tad-data li ż-żamma tagħhom hija meqjusa essenzjali u kemm iċ-ċirku tal-persuni kkonċernati. Ċertament, l-iktar ħaġa prattika u effettiva tkun iż-żamma ġenerali u indiskriminata ta’ kwalunkwe data li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jistgħu jiġbru, iżda. […] il-kwistjoni ma tistax tiġi indirizzata f’termini ta’ effettività prattika, iżda f’termini ta’ effettività legali u fil-kuntest ta’ Stat tad-dritt.

136.      Dak ix-xogħol ta’ determinazzjoni huwa tipikament leġiżlattiv, fil-limiti li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja indikat. […]

137.      Fuq il-bażi, bħala premessa, li l-operaturi ġabru d-data b’mod li jirrispetta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58 u li ż-żamma tagħha twettqet skont l-Artikolu 15(1) […] l-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għal dik l-informazzjoni għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja u min-naħa tiegħi, nanalizza fil-konklużjonijiet tal-Kawża C‑520/18, u li għalihom nirreferi.

138.      Għaldaqstant, f’dan il-każ ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti materjali u proċedurali li jirregolaw l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għad-data miżmuma […] Fil-kuntest ta’ dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, dawk ir-rekwiżiti jawtorizzaw l-aċċess għad-data tal-persuni li jkunu ssuspettati li qed iħejju, se jwettqu, wettqu jew li jistgħu jkunu involuti f’att terroristiku. […]

139.      Il-punt essenzjali madankollu huwa li, għajr għall-każijiet ta’ emerġenza debitament iġġustifikati, l-aċċess għad-data inkwistjoni qiegħed għall-kontroll minn qabel ta’ qorti jew awtorità amministrattiva indipendenti li d-deċiżjoni tagħhom twieġeb għal talba motivata mill-awtoritajiet kompetenti. […] B’dan il-mod, fejn il-ġudizzju astratt tal-liġi ma jistax ikun milħuq, dan ikun iggarantit permezz ta’ ġudizzju in concreto minn din l-awtorità indipendenti, li hija impenjata bl-istess mod għall-garanzija tas-sigurtà tal-Istat u għad-difiża tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini”.

B.      Dwar it-tieni deċiżjoni preliminari

40.      Il-qorti tar-rinviju tifformula t-tieni domanda tagħha f’każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv. Jekk dan ikun il-każ, tixtieq tkun taf liema “iktar rekwiżiti barra minn dawk imposti mill-QEDB” jew minn dawk li joħorġu mis-sentenza Tele2 Sverige u Watson għandhom jiġu mitluba.

41.      Affermat, f’dan is-sens, illi l-impożizzjoni tal-kundizzjonijiet tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson, “jirriżulta f’detriment tal-effiċjenza tal-miżuri adottati mill-ASI sabiex iħarsu s-sigurtà nazzjonali”.

42.      Peress li r-risposta li nissuġġerixxi għall-ewwel domanda hija fin-negattiv, mhux meħtieġ li nindirizza t-tieni domanda. Din tal-aħħar, hekk kif tisħaq il-qorti tar-rinviju, hija suġġetta għall-fatt li jkunu ddikjarati kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni “it-tekniċi awtomatiċi ta’ kisba u pproċessar massiv” tad-data personali tal-utenti kollha tar-Renju Unit, illi l-operaturi tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jkollhom jittrażmettu lill-ASI.

43.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tħoss il-ħtieġa li tirrispondi għat-tieni domanda, nifhem li għandha ssostni l-kundizzjonijiet stipulati fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson fir-rigward ta’:

–      il-projbizzjoni għall-aċċess ġenerali tad-data;

–      il-ħtieġa tal-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ mħallef jew ta’ awtorità indipendenti sabiex jilleġittimaw dan l-aċċess;

–      l-obbligu li tinforma lill-persuni kkonċernati, sakemm dan ma jikkompromettix l-effettività tal-miżura;

–      iż-żamma tad-data fl-Unjoni.

44.      Jinħtieġ, intenni mill-ġdid, li jiġu kkonfermati dawn il-kundizzjonijiet, li għandhom jiġu applikati, għar-raġunijiet imsemmija minni fil-konklużjonijiet tal-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, u C‑520/18, mingħajr il-ħtieġa li jiġu introdotti kundizzjonijiet “oħra” addizzjonali, fis-sens li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju.

V.      Konklużjoni

45.      Fid-dawl ta’ dan kollu, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Investigatory Powers Tribunal (it-Tribunal responsabbli għas-setgħat ta’ investigazzjoni, ir-Renju Unit) f’dawn it-termini:

“L-Artikolu 4 TUE u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lil fornitur ta’ networks ta’ komunikazzjoni elettroniċi l-obbligu li jiffaċilita lill-aġenziji ta’ sigurtà u informazzjoni ta’ Stat Membru d-‘data ta’ komunikazzjonijiet li jintbagħtu f’massa’ li jinvolvu l-ġbir ġenerali u mhux iddifferenzjat preċedenti”.

Sussidjarjament:

“L-aċċess mill-aġenziji tas-sigurtà u intelliġenza ta’ Stat Membru għad-data trażmessa minn dawk il-fornituri ta’ networks ta’ komunikazzjoni elettroniċi għandha tkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970)”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Kawżi C‑293/12 u C‑594/12 (EU:C:2014:238, iktar ’il quddiem is-“sentenza Digital Rights”).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54).


4      Kawżi C‑203/15 u C‑698/15 (EU:C:2016:970, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tele2 Sverige u Watson”).


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).


6      Kawża C‑207/16 (EU:C:2018:788, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ministerio Fiscal”).


7      Barra minn hekk, tirrigwarda l-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, La Quadrature du Net et, u C‑520/18, Ordre des barreaux francophones et germanophone et.


8      Kawża Privacy International, C‑623/17.


9      Kawża Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑520/18.


10      Kawża La Quadrature du Net et, C‑511/18 u C‑512/18.


11      Ley de 1984 sobre las telecomunicaciones (il-Liġi tal‑1984 dwar it-Telekomunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑1984”).


12      Ley de 2014 sobre la conservación de datos y los poderes de investigación (il-Liġi tal‑2014 dwar iż-Żamma tad-Data u s-Setgħat ta’ Investigazzjoni, iktar ’il quddiem id-“DRIPA”).


13      Is-Secretary of State for Foreign and Commonwealth Affairs (is-Segretarju tal-Istat tal-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth), is-Secretary of State for the Home Department (is-Segretarju tal-Istat tal-Affarijiet Interni) u t-tliet ASI tar-Renju Unit, jiġifieri l-Government Communications Headquarters (is-Sede tal-Komunikazzjonijiet tal-Gvern, iktar ’il quddiem il-“GCHQ”), is-Security Service (is-Servizz tas-Sigurtà, iktar ’il quddiem il-“MI5”), u s-Secret Intelligence Service (is-Servizz Sigriet tal-Ġbir ta’ Informazzjoni, iktar ’il quddiem il-“MI6”).


14      Id est, il-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson.


15      Konklużjonijiet fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, punt 42.


16      Kawżi C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346.


17      Konklużjonijiet fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, punti 44 sa 76.


18      Ibidem, punti 77 sa 90.


19      Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 95/46 japplikaw għall-finijiet ta’ dik id-direttiva. Skont l-Artikolu 2(b) ta’ dik id-direttiva, “‘ipproċessar ta’ data personali’ tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni” (enfasi miżjuda).