DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

16 ta’ Novembru 2011

Kawża F‑67/11 R

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Urġenza — Assenza — Ibbilanċjar tal-interessi”

Suġġett:      Talba, imressqa skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA kif ukoll l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106(a) tiegħu, li permezz tagħha M. Marcuccio jitlob, essenzjalment, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni taċ-ċaħda tat-talba tagħha tat-28 ta’ Frar 2011 intiża, b’mod partikolari, għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tat-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza tat-Tribunal tad-9 ta’ Ġunju 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F‑56/09).

Deċiżjoni:      It-talba għal miżuri provviżorji tar-rikorrent hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” — Urġenza — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżekuzzjoni u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova — Dannu finanzjarju

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE); (Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

1.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji li jintalbu.

Il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u l-apparenza ġġustifikata tat-talba (fumus boni juris) huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta. L-imħallef għal miżuri provviżorji xorta għandu jipproċedi, jekk ikun il-każ, bl-ibbilanċjar tal-interessi involuti.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġenerali, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ din l-evalwazzjoni, peress li ebda dispożizzjoni legali ma timponi fuqu skema ta’ evalwazzjoni stabbilita minn qabel sabiex jevalwa n-neċessità li jordna miżuri provviżorji.

Fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, huwa l-imħallef għal miżuri provviżorji, li quddiemu huwa allegat l-eżistenza ta’ riskju għar-rikorrent li jsofri dannu serju u irreparabbli, li għandu jeżamina, b’mod partikolari, jekk l-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata mill-qorti fil-kawża prinċipali jippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni li tkun ġiet ikkawżata permezz tal-eżekuzzjoni immedjata tagħha u, bil-maqlub, jekk is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkunx tali li timpedixxi li jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni f’każ li r-rikors fil-mertu kellu jiġi miċħud.

Fil-każ li s-sempliċi sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tibdilx is-sitwazzjoni tar-rikorrent peress li din ma tistax, waħedha, tagħtih l-ebda dritt li jelimina r-ritratti tad-dokumenti mitluba, tali sospensjoni tkun nieqsa minn effett u allura minn interess. Ċertament, l-imħallef għal miżuri provviżorji huwa wkoll kompetenti li jordna miżuri provviżorji oħra barra s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni abbażi tal-Artikolu 279 TFUE, iżda miżura bħal din ma tkunx tista’ tkun ekwivalenti għal sitwazzjoni għal kuntrarju tali li r-rikors fil-mertu jsir mingħajr għan.

(ara l-punti 15 sa 17, 26 u 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta̕ Jannar 1978, Salerno vs Il-Kummissjoni, 4/78 R, punt 2; 31 ta’ Lulju 1989, S. vs Il-Kummissjoni, 206/89 R, punti 14 u 15

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ April 2008, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑65/08 R, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 3 ta’ Lulju 2008, Plasa vs Il-Kummissjoni, F‑52/08 R, punti 21 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata; 15 ta’ Frar 2011, de Pretis Cagnodo u Trampuz de Pretis Cagnodo vs Il-Kummissjoni, F‑104/10 R, punt 16

2.      L-għan tal-proċedura għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi kkumpensat dannu, iżda li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan l-aħħar għan, hemm bżonn li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn jiġu ppronunzjati u li joħolqu l-effetti tagħhom minn qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Hija l-parti li titlob l-għoti tal-miżuri provviżorji li għandha tippreżenta l-prova li hija ma tistax tistenna l-konklużjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali, mingħajr ma tbati dannu ta’ dan it-tip.

Fir-rigward tad-dannu finanzjarju li jirriżulta mir-rifjut li jingħata kumpens u mir-rifjut li jsiru l-pagamenti ta’ penalità mitluba, sabiex jiġi ġġustifikat li l-kundizzjoni ta’ urġenza hija sodisfatta, l-imħallef għal miżuri provviżorji jrid jagħti indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, issostanzjati minn dokumenti dettaljati, li jistabbilixxu s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent u li jagħtuh l-opportunità li jevalwa l-konsegwenzi li jirriżultaw, b’mod konvinċenti, mill-assenza tal-miżuri mitluba.

(ara l-punti 19 u 21)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Marzu 1999; Willeme vs Il-Kummissjoni, C‑65/99 P(R), punt 62

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il-Kummissjoni, T‑173/99 R, punt 25; 19 ta’ Diċembru 2002, Esch-Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02 R, punt 27

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 27 ta’ April 2010, Il-Parlament vs U, T‑103/10 P(R), punt 37