SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Settembru 2009 (*)

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 KE – Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Operazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet”

Fil-Kawża C‑42/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal de Pequena Instância Criminal do Porto (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Frar 2007, fil-proċedura

Liga Portuguesa de Futebol Profissional,

Bwin International Ltd, li kienet Baw International Ltd,

vs

Departamento de Jogos da Santa Casa da Misericórdia de Lisboa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts, Presidenti ta’ Awla, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann (Relatur), J. Klučka, A. Arabadjiev, C. Toader u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistraturi: K. Sztranc‑Sławiczek u B. Fülöp, Amministraturi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal-Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International Ltd, minn E. Serra Jorge, avukat, kif ukoll minn C.‑D. Ehlermann u A. Gutermuth, avukat,

–        għad-Departamento de Jogos da Santa Casa da Misericórdia de Lisboa, minn V. Rodrigues Feliciano, procurador‑adjunto,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn L. Duarte u A. Matos Barros, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, avukat,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Liisberg, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn N. Dafniou, O. Patsopoulou u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Sloven, minn T. Mihelič, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn P. Wennerås u J. A. Dalbakk, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Ottubru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE, 49 KE u 56 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Liga Portuguesa de Futebol Profissional (iktar ’il quddiem il-“Liga”) u Bwin International Ltd (iktar ’il quddiem “Bwin”), li qabel kienet Baw International Ltd, minn naħa, u d-Departamento de Jogos da Santa Casa da Misericórdia de Lisboa (iktar ’il quddiem is-“Santa Casa”), min-naħa l-oħra, dwar il-multi li t-tmexxija ta’ din tal-aħħar imponitilhom minħabba li kienu kisru l-leġiżlazzjoni Portugiża applikabbli għall-offerta ta’ ċertu logħob tal-ażżard fuq l-internet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni li tirregola l-logħob tal-ażżard fil-Portugall

3        Fil-Portugall, il-logħob tal-ażżard huwa suġġett għal prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni fejn l-Istat irriżerva l-possibiltà li jawtorizza, skont is-sistema li huwa jqis l-aktar adegwata, l-operazzjoni diretta ta’ logħba jew ta’ diversi logħbiet permezz ta’ entità Statali jew permezz ta’ organizzazzjoni taħt il-kontroll dirett tiegħu, jew li jħalli din l-operazzjoni f’idejn entitajiet privati li jista’ jkollhom jew ma jkollhomx skop ta’ lukru, permezz ta’ sejħiet għal offerti magħmula skont il-Kodiċi tal-proċedura amministrattiva.

4        Il-logħob tal-ażżard, fil-forma ta’ lotteriji, logħob tal-lottu u mħatri sportivi huma magħrufa fil-Portugall bl-isem ta’ logħob soċjali (“jogos sociais”) u l-operazzjoni tagħhom hija sistematikament fdata lis-Santa Casa.

5        Kull logħba tal-ażżard organizzata mis-Santa Casa tinħoloq separatament permezz ta’ digriet liġi u l-organizzazzjoni u l-operazzjoni kollha tad-diversi logħbiet offerti minn din tal-aħħar, inklużi l-ammont tal-imħatri, il-pjan ta’ attribuzzjoni tal-premji, il-frekwenza tal-tlugħ, il-perċentwali konkreti għal kull premju, il-modi tal-ġbir tal-imħatri, il-metodu tal-għażla tad-distributuri awtorizzati, u kif ukoll il-modi u t-termini għall-ħlas tal-premijiet, huma rregolati minn regolamenti maħruġa mill-gvern.

6        L-ewwel tip ta’ logħob inkwistjoni kien il-lotterija nazzjonali (Lotaria Nacional) li nħolqot permezz ta’ digriet irjali tat-18 ta’ Novembru 1783 u tħalliet f’idejn is-Santa Casa permezz ta’ konċessjoni li ġiet sussegwentement imġedda regolarment. Illum il-ġurnata din il-lotterija tikkonsisti fi tlugħ ta’ kull xahar ta’ numri.

7        Wara sensiela ta’ żviluppi leġiżlattivi, is-Santa Casa kisbet id-dritt li torganizza forom oħra ta’ logħob tal-ażżard ibbażati fuq tlugħ ta’ numri jew fuq kompetizzjonijiet sportivi. Dan wassal għall-introduzzjoni ta’ żewġ logħbiet ta’ mħatri sportivi fuq il-logħob tal-futbol imsejħa “Totobola” u “Totogolo”, logħob li jippermetti lill-persuni li jilagħbu li jagħmlu mħatri fuq, rispettivament, ir-riżultat (rebħa, riżultat indaqs jew telfa) u n-numru ta’ goals skurjati mit-timijiet. Jeżistu wkoll żewġ logħbiet ta’ lottu, jiġifieri t-Totoloto, li tinvolvi għażla ta’ 6 numri minn 49, u l-EuroMillions, tip ta’ lottu Ewropew. Il-persuni li jipparteċipaw fit-Totobola jew fit-Totoloto għandhom barra minn hekk il-possibbiltà li japparteċipaw ukoll f’logħba msejħa “Joker”, li tikkonsisti fit-tlugħ bix-xorti ta’ numru. Fl-aħħar nett, teżisti wkoll il-Lotaria Instantânea, logħba istantanja fejn dak li jkun jobrox parti mill-biljett u li hija magħrufa bħala “raspadinha”.

 L-offerta ta’ logħob soċjali permezz tal-internet

8        Matul is-sena 2003, il-kuntest ġuridiku f’dak li jikkonċerna l-lotteriji, il-logħob tal-lottu u l-imħatri sportivi ġie adattat sabiex jirrifletti l-iżviluppi tekniċi li permezz tagħhom jista’ jiġi offert logħob fuq mezzi elettroniċi, u b’mod partikolari bl-internet. Dawn il-miżuri jinsabu fid-Digriet Liġi Nru 282/2003, tat-8 ta’ Novembru 2003 (Diário da República I, Serje A, Nru 259, tat-8 ta’ Novembru 2003). Dawn il-miżuri huma intiżi, essenzjalment, minn naħa, sabiex jawtorizzaw lis-Santa Casa tqassam il-prodotti tagħha fuq mezzi elettroniċi u, min-naħa l-oħra, sabiex jestendu d-dritt esklużiv ta’ operazzjoni tas-Santa Casa għal-logħob offert fuq mezzi elettroniċi, b’mod partikolari bl-internet, b’tali mod għalhekk li jipprojbixxu l-użu ta’ dawn il-mezzi minn kull operatur ieħor.

9        L-Artikolu 2 tad-Digriet Liġi Nru 282/2003 jipprovdi li l-operazzjoni, fuq mezzi elettroniċi, tal-logħob inkwistjoni, kif ukoll kull logħba oħra li l-operazzjoni tagħha titħalla f’idejn is-Santa Casa, għandha titwettaq minn din tal-aħħar skont sistema ta’ esklużività, permezz tad-Departamento de Jogos tagħha (Dipartiment tal-logħob), u jispeċifika li din is-sistema tkopri t-territorju nazzjonali kollu, inkluż, b’mod partikolari, l-internet.

10      Skont l-Artikolu 11(1) tad-Digriet Liġi Nru 282/2003, jikkostitwixxi ksur amministrattiv l-aġir segwenti:

“a)      l-iżvilupp, l-organizzazzjoni jew l-operazzjoni, b’mezzi elettroniċi, ta’ logħob [li l-operazzjoni tiegħu tħalliet f’idejn is-Santa Casa], bi ksur tas-sistema ta’ esklużività prevista fl-Artikolu 2 [tal-imsemmi digriet liġi], kif ukoll ix-xandir, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ biljetti virtwali u t-tħabbir ta’ tlugħ bix-xorti marbut ma’ dawn il-biljetti, kemm jekk dan it-tlugħ isir fit-territorju nazzjonali u kemm jekk isir barra minn dan it-territorju;

b)      l-iżvilupp, l-organizzazzjoni jew l-operazzjoni, b’mezzi elettroniċi, ta’ lotteriji jew ta’ tlugħ bix-xorti ieħor analogu għat-tlugħ tal-Lotaria Nacional jew tal-Lotaria Instantânea, bi ksur tas-sistema ta’ esklużività prevista fl-Artikolu 2, kif ukoll ix-xandir, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ biljetti virtwali u t-tħabbir ta’ tlugħ bix-xorti marbut ma’ dawn il-biljetti, kemm jekk dan it-tlugħ isir fit-territorju nazzjonali u kemm jekk isir barra minn dan it-territorju;

         […]”

11      L-Artikolu 12(1) tad-Digriet Liġi Nru 282/2003 jistabbilixxi l-ammonti massimi u minimi tal-multi li jissanzjonaw il-ksur amministrattiv previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 11(1)(a) u (b) ta’ dan id-digriet liġi. Għall-persuni ġuridiċi, huwa indikat li l-multa ma għandhiex tkun ta’ anqas minn EUR 2 000 u lanqas ma għandha tkun ogħla mit-triplu tas-somma globali li tkun preżunta bħala miġbura mill-organizzazzjoni tal-logħob inkwistjoni, bil-kundizzjoni li dan it-triplu jkun ogħla minn EUR 2 000 iżda mhux aktar minn EUR 44 890.

 L-organizzazzjoni u l-attivitajiet tas-Santa Casa

12      L-attivitajiet tas-Santa Casa kienu, fid-data meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irregolati permezz tad-Digriet Liġi Nru 322/91, tas-26 ta’ Awwissu 1991, li jadotta l-Istatuti tas-Santa Casa da Misericórdia de Lisboa (Diário da República I, Serje A, Nru 195, tas-26 ta’ Awwissu 1991), emendat bid-Digriet Liġi Nru 469/99, tas-6 ta’ Novembru 1999 (Diário da República I, Serje A, Nru 259, tas-6 ta’ Novembru 1999, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 322/91).

13      Il-premessi tad-Digriet Liġi Nru 322/91 jenfasizzaw l-importanza tas-Santa Casa minn diversi aspetti – l-aspett storiku, l-aspett soċjali, l-aspett patrimonjali u l-aspett ekonomiku – u minn dan jiddeduċu li l-gvern għandu jagħti “attenzjoni partikolari u permanenti sabiex jiġu evitati n-negliġenzi u n-nuqqasijiet fil-funzjonament […] filwaqt li jagħtiha, madankollu, l-iktar awtonomija wiesgħa possibbli fil-ġestjoni u fl-organizzazzjoni tal-logħob soċjali.”

14      Skont l-Artikolu 1(1) tal-Istatuti tagħha, is-Santa Casa hija “persuna ġuridika ta’ utilità pubblika amministrattiva”. Skont l-Artikolu 12(1) tal-Istatuti tagħha, l-organi amministrattivi tas-Santa Casa huma kkostitwiti minn direttur u minn bord ta’ diretturi. Skont l-Artikolu 13 tal-istess statuti, dan id-direttur huwa maħtur b’deċiżjoni tal-Prim Ministru filwaqt li l-membri l-oħra tal-bord ta’ diretturi tas-Santa Casa huma maħtura permezz ta’ deċiżjonijiet tal-ministri li fid-dikasteru tagħhom taqa’ s-Santa Casa.

15      Skont l-Artikolu 20(1) tal-Istatuti tagħha, is-Santa Casa ngħatat missjonijiet speċifiċi fl-oqsma tal-protezzjoni tal-familja, tal-maternità u tat-tfulija, tal-għajnuna lit-tfal mingħajr protezzjoni u fil-periklu, tal-għajnuna lill-persuni anzjani, ta’ sitwazzjonijiet soċjali ta’ nuqqas kbir kif ukoll ta’ servizzi tas-saħħa primarji u speċjalizzati.

16      Id-dħul iġġenerat mill-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard jitqassam bejn is-Santa Casa u istituzzjonijiet ta’ utilità pubblika oħra jew li jaħdmu f’oqsma ta’ azzjonijiet soċjali. L-istituzzjonijiet ta’ utilità pubblika oħra inkwistjoni jinkludu assoċjazzjonijiet ta’ pompieri li jaħdmu fuq bażi volontarja, istituzzjonijiet partikolari ta’ solidarjetà soċjali, stabbilimenti ta’ prevenzjoni u ta’ riedukazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà, kif ukoll il-fondi ta’ żvilupp kulturali.

17      Il-qasam tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard jaqa’ taħt id-dipartiment tal-logħob tas-Santa Casa. Dan id-dipartiment huwa rregolat minn regolament adottat, l-istess bħall-Istatuti tas-Santa Casa, permezz tad-Digriet Liġi Nru 322/91 u għandu l-organi amministrattivi u ta’ kontroll tiegħu.

18      L-organu amministrattiv tad-dipartiment tal-logħob, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ dan id-dipartiment, huwa kkostitwit mid-Direttur tas-Santa Casa, li jassumi b’mod obbligatorju r-rwol tal-president ta’ dan l-organu, u minn żewġ diretturi maħtura permezz ta’ deċiżjoni konġunta mill-Ministru tax-Xogħol u tas-Solidarjetà u mill-Ministru tas-Saħħa. Skont l-Artikoli 8, 12 u 16 tar-Regolament tad-dipartiment tal-logħob, il-maġġoranza tal-membri tal-bord tal-kompetizzjonijiet, tal-bord tat-tlugħ u tal-bord tal-ilmenti huma rappreżentanti tas-servizz pubbliku, jiġifieri tal-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi u tal-Gvern Ċivili ta’ Liżbona. B’hekk, il-president tal-bord tal-ilmenti, li għandu dritt ta’ vot iktar qawwi, huwa maġistrat li jagħmel parti mill-ġudikatura u jinħatar permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja. Tnejn mit-tliet membri ta’ dan il-bord huma maħtura, rispettivament, permezz ta’ deċiżjoni tal-Ispettorat Ġenerali tal-Finanzi u mill-Gvernatur Ċivili (Prefett) ta’ Liżbona, filwaqt li t-tielet membru tal-bord jinħatar mid-Direttur tas-Santa Casa.

19      Id-dipartiment tal-logħob ingħata setgħat ta’ awtorità amministrattiva sabiex jiftaħ, jinvestiga u jipproċedi kontra kontravvenzjonijiet marbuta mal-organizzazzjoni illegali tal-logħob tal-ażżard attribwit b’mod esklużiv lis-Santa Casa. Id-Digriet Liġi Nru 282/2003 jikkonferixxi, b’mod partikolari, lit-tmexxija ta’ dan id-dipartiment is-setgħat amministrattivi meħtieġa sabiex timponi multi bħal dawk previsti fl-Artikolu 12(1) tad-Digriet Liġi.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20      Bwin hija impriża ta’ logħob online li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Ġibiltà. Hija tipproponi logħob tal-ażżard fuq is-sit tal-internet tagħha.

21      Bwin ma għandha l-ebda stabbiliment fil-Portugall. Is-servers tagħha għall-offerta ta’ logħob online jinsabu f’Ġibiltà u fl-Awstrija. L-imħatri kollha jsiru direttament mill-konsumatur fuq is-sit internet ta’ Bwin jew permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni diretta ieħor. Il-ħlas għal dawn l-imħatri fuq dan is-sit isir partikolarment permezz ta’ karti bankarji, iżda jintużaw ukoll metodi ta’ ħlas elettroniku oħra. Il-valur tar-rebħ eventwali jiġi kkreditat fil-kont tal-imħatri miftuħ minn Bwin f’isem il-persuna li tilgħab. Din tal-aħħar tista’ tuża dawn il-flus sabiex tilgħab jew inkella tista’ titlob li dawn il-flus jiġu ttrasferiti fil-kont bankarju tagħha.

22      Bwin tipproponi firxa wiesgħa ta’ logħob tal-ażżard online li jinkludi l-imħatri sportivi, il-logħob tal-casinos bħalma huma r-roulette u l-poker, kif ukoll logħob ibbażat fuq it-tlugħ bix-xorti ta’ numri u li huwa analogu għat-Totoloto organizzat mis-Santa Casa.

23      L-imħatri sportivi proposti jirrigwardaw kemm ir-riżultati ta’ logħbiet tal-futbol kif ukoll ir-riżultati ta’ kompetizzjonijiet sportivi oħrajn. Id-diversi possibbiltajiet ta’ logħob jinkludu l-imħatri fuq ir-riżultat (rebħa, riżultat indaqs jew telfa) tal-logħob tal-futbol tal-kampjonat Portugiż, ekwivalenti għal-logħob Totobola u Totogolo, li l-organizzazzjoni tagħhom taqa’ f’idejn is-Santa Casa. Barra minn hekk, Bwin tipproponi mħatri sportivi online li jirriflettu dak li jkun għaddej dak il-mument partikolari (live bets) u li r-rati tagħhom huma varjabbli u jinbidlu skont l-iżvolġiment tal-avveniment sportiv li fir-rigward tiegħu jkunu qegħdin isiru l-imħatri. Informazzjoni bħar-riżultat tal-logħba, il-ħin li jkun għaddha, il-karti sofor u ħomor eċċ, tkun indikata live fuq is-sit tal-internet ta’ Bwin u b’hekk dak li jkun ikun jista’ jagħmel imħatri b’mod interattiv matul li jkun għaddej l-avveniment sportiv.

24      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Liga hija persuna ġuridika rregolata mil-liġi privata, li għandha struttura ta’ assoċjazzjoni u li ma għandhiex skop ta’ lukru, li tiġbor fi ħdanha l-klabbs li jikkompetu f’kompetizzjonijiet tal-futbol fil-livell professjonali fil-Portugall. Hija torganizza b’mod partikolari l-kompetizzjoni ta’ futbol li tikkorrispondi għall-ewwel diviżjoni nazzjonali u hija responsabbli mill-esplojtazzjoni kummerċjali ta’ din il-kompetizzjoni.

25      Fl-osservazzjonijiet tagħhom li ppreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Liga u Bwin speċifikaw li skont kuntratt ta’ sponsorship, konkluż minnhom fit-18 ta’ Awwissu 2005 għal erba’ staġuni sportivi li jibdew mill-istaġun 2005/2006, Bwin hija l-isponsor istituzzjonali prinċipali tal-ewwel diviżjoni tal-futbol fil-Portugall. Skont dan il-kuntratt, l-isem tal-ewwel diviżjoni, li qabel kienet magħrufa bħala s-“Super Liga”, inbidel, inizjalment, għal “Liga betandwin.com” u sussegwentement għal “Bwin Liga”. Barra minn hekk, il-logos ta’ Bwin twaħħlu fuq it-tagħmir sportiv użat mill-plejers u tqiegħdu fl-istadiums tal-klabbs tal-ewwel diviżjoni. Fis-sit internet tal-Liga ġew inklużi riferimenti u konnessjonijiet għas-sit internet ta’ Bwin, b’tali mod li l-konsumaturi fil-Portugall u fi Stati oħra setgħu jużaw is-servizzi ta’ logħob tal-ażżard li huma offerti lilhom b’dan il-mod.

26      Sussegwentement, it-tmexxija tad-dipartiment tal-logħob tas-Santa Casa, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha mid-Digriet Liġi Nru 282/2003, adottat deċiżjonijiet fejn imponiet multi ta’ EUR 75 000 fuq il-Liga u ta’ 74 500 fuq Bwin minħabba l-ksur amministrattiv previst fl-Artikolu 11(1)(a) u (b) tal-istess digriet liġi. Dawn l-ammonti jikkostitwixxu t-total legali ta’ żewġ multi imposti fuq il-Liga u fuq Bwin, minn naħa, talli żviluppaw, organizzaw u operaw, fuq l-internet, logħob soċjali konċess lis-Santa Casa jew logħob analogu għalih u, min-naħa l-oħra, talli għamlu reklamar dwar dan il-logħob.

27      Il-Liga u Bwin ressqu rikorsi quddiem il-qorti tar-rinviju fejn talbu l-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet filwaqt li invokaw, b’mod partikolari, ir-regoli u l-ġurisprudenza Komunitarji f’dan il-qasam.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de Pequena Instância Criminal do Porto ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[…] sistema ta’ esklużività favur is-Santa Casa, invokata kontra [Bwin], jiġifieri kontra fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdi legalment servizzi analogi u li ma għandu ebda stabbiliment fiżiku fil-Portugall, tikkostitwixxi xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jikser il-prinċipji ta’ moviment liberu ta’ servizzi, tal-libertà ta’ stabbiliment u ta’ moviment liberu ta’ pagamenti, stabbiliti rispettivament permezz tal-Artikoli 49 [KE], 43 [KE] u 56 KE[?]

Għandu għalhekk isir magħruf jekk id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, l-imsemmija prinċipji jipprekludux sistema nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, minn naħa, tistabbilixxi sistema ta’ esklużività, favur entità waħda, fir-rigward tal-operazzjoni tal-lotteriji u tal-imħatri totalizzaturi u, min-naħa l-oħra, testendi din is-sistema ta’ esklużività ‘għat-territorju nazzjonali kollu, inkluż [...] l-internet’.”

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

29      Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ottubru 2008, Bwin talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura.

30      Skont l-imsemmija dispożizzjoni, instema’ l-Avukat Ġenerali fir-rigward ta’ din it-talba.

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C‑284/06, Ġabra p. I‑4571, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Mill-banda l-oħra, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali.

33      Issa, fit-talba tagħha, Bwin essenzjalment tagħmel biss kummenti dwar il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali filwaqt li b’mod partikolari tenfasizza l-fatt li dan, fir-rigward ta’ ċertu numru ta’ punti fattwali, ibbaża ruħu fuq l-osservazzjonijiet ippreżentati mis-Santa Casa u mill-Gvern Portugiż, u dan mingħajr ma tirreferi għall-argumenti invokati minnha u mil-Liga sabiex jikkontestaw dawn il-punti u saħansitra mingħajr ma tirreleva li dawn kienu ġew ikkontestati.

34      Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li f’din il-kawża hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.

35      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

36      Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 234 KE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ proċedura mibdija taħt dan l-artikolu, huma l-qrati tal-Istati Membri u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jinterpretaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali u mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni marbuta mad-dritt Komunitarju li abbażi tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt nazzjonali mal-leġiżlazzjoni Komunitarja (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punt 36).

38      Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju mhijiex qiegħda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-leġiżlazzjoni speċifika dwar il-logħob tal-ażżard fil-Portugall iżda sabiex tiddeċiedi biss dwar ċerti elementi ta’ din il-leġiżlazzjoni li huma deskritti f’termini ġeneriċi, jiġifieri, b’mod iktar partikolari, il-projbizzjoni fil-konfront ta’ kull prestatarju ta’ servizzi minbarra s-Santa Casa, inklużi l-prestatarji stabbiliti fi Stati Membri oħra, li dawn joffru, permezz tal-internet fit-territorju Portugiż, logħob tal-ażżard konċessi lis-Santa Casa u logħob analogu għalih. Tali domanda hija ammissibbli.

39      Barra minn hekk, il-Gvern Taljan, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Norveġiż, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, iqajmu dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li ma fihiex indikazzjonijiet suffiċjenti fir-rigward tal-kontenut u tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni Portugiża applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

40      Fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tingħata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ deċiżjoni tar-rinviju, jeħtieġ li jitfakkar li din l-informazzjoni ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli lill-qorti tar-rinviju, iżda għandha wkoll tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet l-oħra interessati, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għal dawn il-finijiet, huwa, minn naħa, neċessarju li l-qorti nazzjonali tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, għall-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-kuntest, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti spjegazzjonijiet, għall-inqas minimi, dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom titlob l-interpretazzjoni u dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-preċiżjoni, jekk mhux ukoll l-utilità, kemm tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-gvernijiet tal-Istati Membri u mill-partijiet interessati l-oħra u kif ukoll tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddependi min-natura suffiċjentement dettaljata tal-indikazzjonijiet dwar il-kontenut u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, fid-dawl tas-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jintalab li, qabel ma tagħmel ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali tagħmel il-konstatazzjonijiet fattwali kollha u l-evalwazzjonijiet ta’ dritt kollha li hija mistennija tagħmel bħala parti mill-funzjoni ġudizzjarja tagħha. Fil-fatt, huwa biżżejjed li s-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi prinċipali għall-ordni ġuridiku Komunitarju jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura quddiem din tal-aħħar.

42      Fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tar-rinviju tissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Il-qorti tar-rinviju ddefiniet il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Safejn l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni Portugiża dwar il-logħob tal-ażżard mhumiex identifikati fl-imsemmija deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja se tkun meħtieġa tirrispondi d-domanda magħmula billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-għanijiet invokati mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Portugiż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, din tal-aħħar tqis li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għal din id-domanda.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

 Fuq id-domanda preliminari

44      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE, 49 KE u 56 KE.

 Fuq l-applikabbiltà tal-Artikoli 43 KE u 56 KE

45      Sa fejn id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tikkonċernax biss l-Artikolu 49 KE iżda anki l-Artikoli 43 KE u 56 KE, għandu jiġi osservat qabel kollox li, fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fil-proċess, ma jidhirx li dawn iż-żewġ artikoli tal-aħħar jistgħu japplikaw għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

46      Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 43 KE, huwa paċifiku li Bwin teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-Portugall esklużivament bl-internet, mingħajr ma tagħmel użu minn intermedjarji li jinsabu fit-territorju Portugiż u għalhekk mingħajr ma nħoloq stabbililment prinċipali jew sekondarju fil-Portugall. Bl-istess mod, mill-proċess ma jirriżultax li Bwin kellha l-intenzjoni li tistabbilixxi ruħha fil-Portugall. Għaldaqstant, ma hemm xejn li jindika li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jkunu applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

47      Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 56 KE, għandu jiġi kkonstatat li l-eventwali effetti restrittivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-moviment liberu tal-kapital u fuq il-libertà tal-pagamenti jistgħu jkunu biss ir-riżultat inevitabbli tal-eventwali restrizzjonijiet imposti fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Issa, meta miżura nazzjonali tkun marbuta fl-istess ħin ma’ diversi libertajiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja teżaminaha, bħala prinċipju, fid-dawl ta’ waħda biss minn dawn il-libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, l-oħrajn ikunu biss sekondarji meta mqabbla ma’ tal-ewwel u jistgħu jkunu marbuta magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C‑452/04, Ġabra p. I‑9521, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tingħata risposta fir-rigward tal-Artikolu 49 KE biss.

 Fuq il-portata tad-domanda preliminari

49      Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-kummerċjalizzazzjoni fil-Portugall ta’ ċertu logħob tal-ażżard li jiġi pprattikat bl-għajnuna ta’ mezz elettroniku, jiġifieri l-internet. Bwin, operatur privat li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor, toffri logħob tal-ażżard fil-Portugall esklużivament permezz tal-internet u l-ksur amministrattiv previst fl-Artikolu 11(1)(a) u (b) tad-Digriet Liġi Nru 282/2003 ikkonstatat fil-konfront tal-Liga u Bwin fil-kuntest tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċerna esklużivament l-aġir fir-rigward ta’ logħob organizzat b’mezzi elettroniċi.

50      Għaldaqstant, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem fis-sens li essenzjalment qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lil operaturi, bħal Bwin, stabbiliti fi Stati Membri oħra, fejn jipprovdu legalment servizzi analogi, milli jipproponu logħob tal-ażżard bl-internet fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

51      L-Artikolu 49 KE jeżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni bejn il-prestatarji nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din ir-restrizzjoni tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-prestatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdi legalment servizzi analogi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger, C‑76/90, Ġabra p. I‑4221, punt 12, u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten, C‑58/98, Ġabra p. I‑7919, punt 33). Barra minn hekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tapplika kemm favur il-prestatarju u kif ukoll favur id-destinatarju tas-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 16).

52      Huwa paċifiku li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lill-prestatarji bħal Bwin, stabbiliti fi Stati Membri oħra, milli jipproponu servizzi fit-territorju tal-imsemmi Stat permezz tal-internet tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, C‑243/01, Ġabra p. I‑13031, punt 54).

53      Tali leġiżlazzjoni barra minn hekk timponi restrizzjoni għal-libertà tar-residenti tal-Istat Membru kkonċernat li jibbenefikaw, permezz tal-internet, minn servizzi offerti fi Stati Membri oħra.

54      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, kif barra minn hekk jammetti b’mod espress il-Gvern Portugiż, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħti lok għal restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

55      Għandu jiġi eżaminat sa fejn ir-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi aċċettata taħt il-miżuri derogatorji espressament previsti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE, applikabbli għal dan il-qasam bis-saħħa tal-Artikolu 55 KE, jew ġustifikata, inkonformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

56      L-Artikolu 46(1) KE jaċċetta restrizzjonijiet ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza identifikat ċertu numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħalma huma l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ prevenzjoni tal-frodi u tal-inkoraġġiment taċ-ċittadini li jidħlu f’nefqa eċċessiva marbuta mal-logħob kif ukoll ta’ prevenzjoni ta’ problemi ta’ natura soċjali b’mod ġenerali (ara s-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat, kif fakkru l-parti l-kbira tal-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard tagħmel parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, relġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja fil-qasam, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa, f’dawn l-oqsma, skont il-firxa ta’ valuri partikolari għalih, ir-rekwiżiti li teżiġi l-protezzjoni tal-interessi kkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1979, Henn u Darby, 34/79, Ġabra p. 3795, punt 15; tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C‑275/92, Ġabra p. I‑1039, punt 32; tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et, C‑268/99, Ġabra p. I‑8615, punti 56 u 60, kif ukoll Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

58      Is-sempliċi fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax ikollu impatt fuq l-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati dwar is-suġġett. Dawn għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li dawn ikunu jixtiequ jiżguraw (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et, C‑124/97, Ġabra p. I‑6067, punt 36, u tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti, C‑67/98, Ġabra p. I‑7289, punt 34).

59      Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jiffissaw l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq. Madankollu, ir-restrizzjonijiet li huma jimponu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom (sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

60      Għaldaqstant, f’din il-kawża għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk ir-restrizzjoni tal-offerta tal-logħob tal-ażżard permezz tal-internet imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu wieħed jew iktar mill-għanijiet invokati mill-Istat Membru kkonċernat u jekk din ir-restrizzjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu. Fi kwalunkwe każ, dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

61      Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk verament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721), punt 55).

62      Skont il-Gvern Portugiż u s-Santa Casa, l-għan prinċipali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa l-ġlieda kontra l-kriminalità, b’mod iktar speċifiku l-protezzjoni tal-konsumaturi tal-logħob tal-ażżard kontra l-frodi mwettqa mill-operaturi.

63      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-ġlieda kontra l-kriminalità tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet fir-rigward tal-operaturi li jkunu awtorizzati sabiex jipproponu servizzi fis-settur tal-logħob tal-ażżard. Fil-fatt, fid-dawl tal-ammonti kbar li jistgħu jinġabru permezz ta’ dan il-logħob u tal-qligħ li dan il-logħob jista’ joffri lill-persuni li jilagħbu, dan il-logħob għandu riskji għolja ta’ reati u ta’ frodi.

64      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li awtorizzazzjoni limitata tal-logħob f’qafas esklużiv għandha l-vantaġġ li tillimita l-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob għal ambjent ikkontrollat u li tevita r-riskji ta’ tali organizzazzjoni għal finijiet frawdolenti u kriminali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Läärä et, punt 37, u Zenatti, punt 35).

65      Il-Gvern Portugiż isostni li l-għoti ta’ drittijiet esklużivi għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard lis-Santa Casa jippermetti li jiġi żgurat il-funzjonament ta’ sistema kkontrollata u mingħajr riskji. Minn naħa, l-eżistenza dewwiema tas-Santa Casa, li ilha teżisti għal iktar minn ħames sekli, turi l-affidabbiltà ta’ din l-entità. Min-naħa l-oħra, dan il-gvern jenfasizza li s-Santa Casa tiffunzjona b’dipendenza stretta fuqu. Id-delimitazzjoni ġuridika tal-logħob tal-ażżard, l-istatuti tas-Santa Casa u l-involviment tal-gvern fil-ħatra tal-membri tal-organi amministrattivi tagħha jippermettu lill-Istat jeżerċita setgħa ta’ tutela effettiva fuq is-Santa Casa. Dan il-qafas legali u statutorju jagħti garanziji suffiċjenti lill-Istat fir-rigward tal-osservanza tar-regoli intiżi sabiex tiġi protetta l-onestà tal-logħob tal-ażżard organizzat mis-Santa Casa.

66      F’dan ir-rigward, mill-kuntest ġuridiku nazzjonali riprodott fil-punti 12 sa 19 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Santa Casa huma rregolati minn kunsiderazzjonijiet u minn rekwiżiti intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess pubbliku. Id-dipartiment tal-logħob tas-Santa Casa ngħata setgħat ta’ awtorità amministrattiva sabiex jiftaħ, jinvestiga u jipproċedi kontra kontravvenzjonijiet marbuta mal-organizzazzjoni illegali tal-logħob tal-ażżard attribwit b’mod esklużiv lis-Santa Casa.

67      F’dan ir-rigward għandu jiġi ammess li l-għoti ta’ drittijiet esklużivi għall-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard permezz tal-internet lil operatur wieħed, bħalma hija s-Santa Casa, li jkun suġġett għal kontroll mill-qrib tal-awtoritajiet pubbliċi jista’, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jippermetti l-limitazzjoni tal-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob għal ambjent ikkontrollat u jista’ jitqies bħala adegwat sabiex il-konsumaturi jiġu protetti kontra l-frodi mwettqa mill-operaturi.

68      Fir-rigward tal-eżami tan-natura neċessarja tas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Portugiż isostni li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma għandhomx l-istess possibbiltajiet ta’ kontroll f’dak li jikkonċerna operaturi li jkollhom l-uffiċċju rrreġistrat tagħhom barra mit-territorju nazzjonali u li jużaw l-internet sabiex jipproponu s-servizzi tagħhom bħalma għandhom fir-rigward ta’ operatur bħalma huwa s-Santa Casa.

69      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li s-settur tal-logħob tal-ażżard offert permezz tal-internet mhuwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni Komunitarja. Għalhekk, Stat Membru jista’ jikkunsidra li s-sempliċi fatt li operatur bħal Bwn jipproponi legalment servizzi li jaqgħu f’dan is-settur permezz tal-internet fi Stat Membru ieħor, fejn ikun stabbilit u fejn, bħala prinċipju, jkun diġà suġġett għal kundizzjonijiet legali u għal kontrolli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat tal-aħħar, ma jistax jitqies bħala garanzija suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi nazzjonali kontra r-riskji ta’ frodi u ta’ kriminalità, fid-dawl tad-diffikultajiet li jistgħu jsibu, f’tali kuntest, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwalitajiet u tal-onestà professjonali tal-operaturi.

70      Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, il-logħob tal-ażżard aċċessibbli bl-internet jimplika riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar meta mqabbla mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob fir-rigward ta’ eventwali frodi mwettqa mill-operaturi fil-konfront tal-konsumaturi.

71      Barra minn hekk, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li operatur li jkun l-isponsor ta’ uħud mill-kompetizzjonijiet sportivi li fir-rigward tagħhom jaċċetta mħatri kif ukoll ta’ uħud mit-timijiet li jieħdu sehem f’dawn il-kompetizzjonijiet isib ruħu f’sitwazzjoni fejn ikun jista’ jeżerċita influwenza, diretta jew indiretta, fuq ir-riżultat ta’ dawn il-kompetizzjonijiet u b’hekk ikabbar il-profitti tiegħu.

72      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard bl-internet, titqies bħala ġustifikata minħabba l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kriminalità.

73      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 49 KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lil operaturi, bħal Bwin, stabbiliti fi Stati Membri oħra, fejn jipprovdu legalment servizzi analogi, milli jipproponu logħob tal-ażżard bl-internet fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 49 KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lil operaturi, bħal Bwin International Ltd, stabbiliti fi Stati Membri oħra, fejn jipprovdu legalment servizzi analogi, milli jipproponu logħob tal-ażżard bl-internet fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.