Kawża C‑342/13
Katalin Sebestyén
vs
Zsolt Csaba Kővári et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis Szombathelyi Törvényszék)
“Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ bank — Klawżola li tipprovdi għall-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ tribunal ta’ arbitraġġ — Informazzjoni dwar il-proċedura ta’ arbitraġġ ipprovduta mill-bank waqt il-konklużjoni tal-kuntratt — Klawżoli inġusti — Kriterji ta’ evalwazzjoni”
Sommarju — Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ April 2014
1. Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Klawżola inġusta fis-sens tal-Artikolu 3 — Evalwazzjoni tan-natura inġusta mill-qorti nazzjonali — Kriterji
(Direttiva tal-Kunsill 93/13, is-sittax-il premessa, Artikoli 3(1) u 4(1))
2. Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Klawżola inġusta fis-sens tal-Artikolu 3 — Kunċett — Klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tittieħed konjizzjoni tat-tilwim lil tribunal ta’ arbitraġġ li jagħti deċiżjonijiet li ma jistgħux jiġu appellati skont id-dritt nazzjonali — Evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżola mill-qorti nazzjonali — Kriterji
(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 3(1) u (3), u Anness, punt 1(q))
1. Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 27‑29)
2. L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 93/13 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, u l-punt 1(q) tal-Anness ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija l-qorti nazzjonali kkonċernata li għandha tiddetermina jekk klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn bank u konsumatur, li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lil tribunal ta’ arbitraġġ permanenti, li d-deċiżjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu appellati skont id-dritt nazzjonali, sabiex jieħu konjizzjoni ta’ kull tilwima li tqum fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, għandhiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie konkluż l-imsemmi kuntratt, titqies li hija inġusta fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali kkonċernata għandha, b’mod partikolari:
- tivverifika jekk il-klawżola inkwistjoni għandhiex l-għan jew l-effett li teskludi jew tfixkel id-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjoni legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor; u
- tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-komunikazzjoni lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni, ta’ informazzjoni ġenerali dwar id-differenzi li jeżistu bejn il-proċedura ta’ arbitraġġ u l-proċedura ġudizzjarja ordinarja ma tistax, waħedha, tippermetti li tiġi eskluża n-natura inġusta ta’ din il-klawżola.
Fil-każ ta’ konklużjoni affermattiva, l-imsemmija qorti għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnha skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jkunx marbut bl-imsemmija klawżola.
(ara l-punt 36 u d-dispożittiv)