SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2011/92/UE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Artikolu 11 — Direttiva 2010/75/UE — Emissjonijiet industrijali (prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis) — Artikolu 25 — Aċċess għall-ġustizzja — Leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali mhux konformi”

Fil-Kawża C‑137/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-21 ta’ Marzu 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes u G. Wilms, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

intervenjenti.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev, C. Lycourgos u J. C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Tourres, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta llimitat:

–        l-annullament tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jaqgħu fid-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1) u tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, p. 17) għall-każijiet biss fejn ksur ta’ dritt suġġettiv huwa stabbilit [Artikolu 113(1) tal-“liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi”)];

–        l-annullament tad-deċiżjonijiet għal difetti proċedurali għall-assenza tal-evalwazzjoni obbligatorja tal-effetti fuq l-ambjent jew tal-eżami preliminari obbligatorju [Artikolu 4(1) tal-liġi li għadha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent previsti mid-Direttiva 2003/35/KE) (Umwelt-Rechtsbehelfsgesetzes), tas-7 ta’ Diċembru 2006 (BGBl. 2006 I, p. 2816), kif emendata bil-Liġi tal-21 ta’ Jannar 2013 (iktar 'il quddiem il-“liġi li għandha dispożizzjonijiet addizzjonali dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata”)] u għal każijiet li fihom ir-rikorrent jistabbilixxi li d-difett proċedurali għandu rabta kawżali mar-riżultat tad-deċiżjoni u li dan jaffettwa l-pożizzjoni legali tar-rikorrent [Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva (Verwaltungsverfahrensgesetz, iktar 'il quddiem il-“liġi dwar il-proċedura amministrattiva”), moqrija flimkien mal-Artikolu 113(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi”)];

–        il-locus standi u l-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju għall-oġġezzjonijiet li diġà ġew prodotti matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni (Artikolu 2(3) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, u l-Artikolu UmwRG u l-Artikolu 73(4) tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva);

–        fil-proċeduri li ġew istitwiti wara l-25 ta’ Ġunju 2005 u tterminati qabel it-12 ta’ Mejju 2011, il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet ambjentali għad-dispożizzjonijiet tad-dritt li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi (Artikolu 2(1) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi);

–        fil-proċeduri li ġew istitwiti wara l-25 ta’ Ġunju 2005 u tterminati qabel it-12 ta’ Mejju 2011, il-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ rikorsi ta’ assoċjazzjonijiet ambjentali, għad-dispożizzjonijiet tad-dritt li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi (Artikolu 2(1) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi); u

–        billi teskludi, b’mod ġenerali, mill-kamp tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali l-proċeduri amministrattivi li ġew istitwiti qabel il-25 ta’ Ġunju 2005 (Artikolu 5(1) u (4) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata),

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha imposti fuqha mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

(a)      li jkollhom interess biżżejjed, jew alternattivament,

(b)      li jsostnu l-ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.


2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.  

3.     Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat.


[...]

4.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ stħarriġ preliminari quddiem awtorità amminisrattiva u ma għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżit tal-eżawriment tal-proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv qabel ir-rikors għall-proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, meta jeżisti tali rekwiżit taħt il-liġi nazzjonali.  

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f'waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.


5.     Sabiex iżidu l-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitpoġġew għad-disponibbilità tal-pubbliku tagħrif prattiku dwar l-aċċess għall-proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju.”


3        L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessati jkollhom aċċess għal proċedura ta’ reviżjoni quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi biex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali ta’ deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet suġġetti għall-Artikolu 24 meta titwettaq waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      kollhom interess suffiċjenti;

b)      iżommu t-tnaqqir ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala prekondizzjoni.

2      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

3      Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u tnaqqir ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-għan li jingħata aċċess għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat.  

[...]

4.      Il-paragrafi 1, 2 u 3 m’għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ reviżjoni preliminari quddiem awtorità amministrattiva u m’għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżit tal-eżawriment tal-proċeduri tar-reviżjoni amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-reviżjoni ġudizzjarja, meta jeżisti dan ir-rekwiżit taħt il-liġi nazzjonali.  

Kwalunkwe proċedura bħal din għandha tkun ġusta, ekwa, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

5.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni prattika ssir disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduri amministrativi u ġudizzjarji tar-reviżjoni.” 

 Id-dritt Ġermaniż

 Il-Verwaltungsgerichtsordnung

4        Skont l-Artikolu 42 tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi (Verwaltungsgerichtsordnung, iktar 'il quddiem il-“VwGO”):

“1.      Jista’ jiġi ppreżentat rikors bl-għan li jinkiseb l-annullament ta’ att amministrattiv, jew li tinkiseb il-kundanna tal-amministrazzjoni li twettaq att li hija rrifjutat li teżegwixxi jew li naqset milli twettaq.

2.      Kemm-il darba l-liġi ma tipprovdix xorta oħra, ir-rikors mhux ammissibbli jekk ir-rikorrent ma jurix li d-drittijiet tiegħu ġew miksura permezz tal-att amministrattiv inkwistjoni, jew mir-rifjut jew l-astensjoni li jitwettaq dan l-att.”

5        L-Artikolu 113(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi huwa fformulat kif ġej:

“Kemm-il darba l-att amministrattiv ikun illegali jew id-drittijiet tar-rikorrent ikunu, permezz tiegħu, ġew miksura, il-qorti għandha tannulla l-att amministrattiv u jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni, wara li jkun ġie ppreżentat rikors għal dan il-għan. [...]”

 Il-Verwaltungsverfahrensgesetz

6        Skont l-Artikolu 24 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva Verwaltungsverfahrensgesetz, iktar 'il quddiem il-“VwVfG”):

“1.      L-awtorità tinvestiga ex officio awtorità fuq il-fatti. Hija tiddetermina n-natura u l-firxa tal-investigazzjonijiet; hija ma hijiex marbuta bl-argumenti u t-talbiet ta’ prova għall-persuni kkonċernati.

2.      L-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha fil-każ partikolari, inklużi dawk li huma favorevoli għall-persuni kkonċernati.

3.      L-awtorità ma tistax tirrifjuta li tirċievi dikjarazzjonijiet jew talbiet li jaqgħu fil-qasam ta’ kompetenza tagħha għar-raġuni li hija tqis id-dikjarazzjoni jew it-talba bħala materjalment inammissibbli jew infondata.”

7        L-Artikolu 44 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva jipprevedi:

“1.      Att amministrattiv huwa null jekk ikollu difett partikolarment gravi u jekk dan tal-aħħar jidher li jkun manifest fil-kuntest ta’ evalwazzjoni raġonevoli taċ-ċirkustanzi kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

2.      Mingħajr il-ħtieġa għall-konkorrenza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, għandu jitqies li huwa null, l-att amministrattiv:

–        li ġie adottat bil-miktub jew b’mod elettroniku mingħajr ma l-awtorità li adottatu kienet maħtura li tagħmel dan b’mod rikonoxxibbli;

–        li, skont xi dispożizzjoni legali, ma jistax jiġi adottat ħlief permezz tal-kunsinna ta’ xi dokument, iżda li ma jissodisfax dan ir-rekwiżit formali;

–        li ġie adottat minn awtorità li eċċediet il-kompetenza tagħha kif iddefinita fl-ewwel punt tal-Artikolu 3(1), mingħajr ma kienet awtorizzata tagħmel dan;

–        li, għal raġunijiet materjali, ħadd ma jista’ jeżegwixxi;

–        li jirrikjedi l-għemil ta’ att illegali li jikkostitwixxi reat jew iwassal għal multa;

–        li jmur kontra l-moralità. [...]”

8        L-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva:

“Ħadd ma jista’ jippretendi li jiġi annullat att amministrattiv li ma jkunx invalidu skont l-Artikolu 44 sempliċement għaliex l-imsemmi att ikun ġie mfassal bi ksur tar-regoli proċedurali jew tal-kompetenza territorjali, meta jidher ċar li dan il-ksur ma kellux effett fuq il-mertu tad-deċiżjoni.”

9        L‑Artikolu 73 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva huwa redatt kif ġej:

“1.      Il-persuna responsabbli għal proġett għandha tissottometti l-pjan lill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni, fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-proċedura tal-investigazzjoni pubblika. Il-pjan huwa kkostitwit minn disinni u spjegazzjonijiet li juru l-proġett, ir-raġunijiet tal-ħolqien tiegħu kif ukoll l-artijiet u l-istallazzjonijiet kkonċernati mill-proġett.

2.      Matul ix-xahar ta’ wara li jintbagħat il-pjan komplut, l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni għandha tordna lill-awtoritajiet, li s-settur tal-attribuzzjonijiet tagħhom huwa milqut mill-proġett, sabiex jieħdu pożizzjoni u jaċċertaw li l-pjan jiġi ddepożitat għall-konsultazzjoni fil-komuni fejn il-proġett ser ikollu effett.

3.       Il-komuni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiddepożitaw il-pjan għall-konsultazzjoni fi żmien tliet ġimgħat minn meta dawn ikunu rċevewh, għal perijodu ta’ xahar [...].

3a.      L-awtoritajiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jissottomettu l-kummenti tagħhom f’terminu stabbilit mill-awtorità responsabbli għall-investigazzjoni, li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-osservazzjonijiet ppreżentati wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-ewwel sentenza għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jekk l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-pjan għandha, jew kellha tkun taf bil-kwistjonijiet diskussi jew jekk huma importanti għall-legalità tad-deċiżjoni. Għall-bqija, dawn l-osservazzjonijiet jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

[...]

4.      F’terminu ta’ ġimgħatejn mill-iskadenza taż-żmien għad-depożitu għall-konsultazzjoni, kwalunkwe persuna li l-interessi tagħha huma milquta mill-proġett, tista’, jew bil-miktub jew permezz ta’ iskrizzjoni fi proċess verbal, tippreżenta l-oġġezzjonijiet tagħha kontra l-pjan, lill-muniċipalità jew l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni. [...] Wara li jiskadi t-terminu għall-preżentata tal-oġġezzjonijiet, għandha teskludi kull oġġezzjoni li ma tkunx imsejsa fuq titoli partikolari tad-dritt privat. Dan għandu jissemma’ fl-avviż pubbliku tad-depożitu għall-konsultazzjoni jew fin-notifika tat-terminu għall-preżentata tal-oġġezzjonijiet. L-assoċjazzjonijiet li, bis-saħħa ta’ rikonoxximent taħt dispożizzjonijiet legali oħra, huma intitolati li jippreżentaw rikors taħt il-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi (Verwaltungsgerichtsordnung) kontra d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 74, jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet fit-terminu msemmi fl-ewwel sentenza. [...]

5.      Il-komuni li fihom il-pjan għandu jiġi ppubblikat għandhom minn qabel ixandruhom konformement mal-użi lokali. Din in-notifika għandha tindika:

1)      fejn jew għal kemm żmien il-pjan jista’ jiġi kkonsultat;

2)      li l-oġġezzjonijiet eventwali jew osservazzjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 4 tal-ħames sentenza, għandhom jiġu ppreżentati fit-terminu prefiss;

3)      li d-diskussjonijiet jistgħu jsiru anki fl-assenza ta’ parti fid-data prevista għal dan il-għan;

4)       li:

a)      il-persuni li għamlu oġġezzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet jistgħu jkunu avżati bid-data tad-diskussjonijiet minn komunikazzjoni uffiċjali,

b)      in-notifika tad-deċiżjoni mogħtija dwar l-oġġezzjonijiet tista’ tiġi ssostitwita minn komunikazzjoni uffiċjali,

[...]

6.      Wara l-iskadenza għall-preżentata tal-oġġezzjonijiet, l-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni għandha tiddiskuti l-oġġezzjonijiet magħmula fi żmien utli kontra l-pjan u l-osservazzjonijiet ippreżentati fi żmien utli mill-assoċjazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 4 tal-ħames sentenza, kif ukoll osservazzjonijiet mill-awtoritajiet amministrattivi rigward il-pjan mill-persuna responsabbli tal-proġett, l-awtoritajiet amministrattivi, il-persunu kkonċernati kif ukoll dawk li qajmu oġġezzjonijiet jew ippreżentaw sottomissjonijiet. Id-data tad-dibattiti għandha tiġi kkomunikata għall-inqas ġimgħa bil-quddiem skont il-modalitajiet konformi mal-użi lokali. L-awtoritajiet amministrattivi, il-persuna responsabbli mill-proġett u l-persuni li qajmu oġġezzjonijiet jew ippreżentaw osservazzjonijiet għandhom ikunu infurmati bid-data tad-dibattitu. Jekk iktar minn ħamsin notifika, barra minn dawk li ntbagħtu lill-awtoritajiet amministrattivi u lill-persuna responsabbli mill-proġett, għandhom jintbgħatu, dawn jistgħu jiġu ssostitwiti minn komunikazzjoni uffiċjali. Il-komunikazzjoni uffiċjali issir, b’deroga għat-tieni sentenza, bil-pubblikazzjoni tad-data ta’ dibattiti fil-bullettin uffiċjali tal-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni kif ukoll fil-gazzetti lokali mqassma fil-qasam li fih il-proġett jista’ jkollu riperkussjonijiet. Il-komunikazzjoni fil-bullettin uffiċjali għandha titritħed inkunsiderazzzjoni għall-kalkolu tat-terminu msemmi fit-tieni sentenza. [...]

[...]

9.      L-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni għandha tagħmel il-pożizzjoni tagħha dwar ir-riżultat tal-proċedura ta’ investigazzjoni pubblika u tibgħatha lill-awtorità tal-approvazzjoni tal-pjan fi żmien xahar mill-għeluq tad-diskussjonijiet, flimkien mal-pjan, osservazzjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi u l-assoċjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-ħames sentenza , kif ukoll l-oġġezzjonijiet li għadhom pendenti.”

 Il-liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

10      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (Gesetz über die Umweltverträglichkeitsprüfung, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent”) tipprovdi:

“L-evalwazzjoni ambjentali tagħmel parti integrali mill-proċeduri deċiżjonali amministrattivi li jikkontribwixxu għat-teħid tad-deċiżjoni dwar il-legalità tal-proġetti.”

11      Skont l-Artikolu 2(3) tal-UVPG “[hija deċiżjoni] fi ħdan it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 […] id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ pjan”.

 Il-liġi dwar dispożizzjonijiet supplimentari li jirregolaw rikorsi fi kwistjonijiet ambjentali, kif emendata

12      L-ewwel frażi tal-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar dispożizzjonijiet supplimentari li jirregolaw rikorsi fi kwistjonijiet ambjentali, kif emendata, jipprevedi li din il-liġi hija applikabbli għar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, dwar il-liċejità ta’ proġetti li għalihom jista’ jeżisti, skont din l-aħħar liġi, obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali.

13      L-Artikolu 2 tal-liġi Artikolu 54 tal-liġi dwar dispożizzjonijiet supplimentari li jirregolaw rikorsi fi kwistjonijiet ambjentali kif emendat, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Assoċjazzjoni domestika jew barranija rikonoxxuta [...] tista’ tippreżenta rikors skont il-liġi dwear l-organnizzazzjoni ta’ qrati amministrattivi sabiex tikkontesta deċiżjoni fi ħdan it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1(1) jew nuqqas li tiġi adottata tali deċiżjoni, mingħajr ma hija meħtieġa ssostni indebboliment tad-drittijiet tagħha stess, kemm-il darba l-assoċjazzjoni:  

–        sostni li d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) jew in-nuqqas ta’ deċiżjoni, imorru kontra d-dispożizzjonijiet legali li għandhom fil-mira tagħhom il-protezzjoni tal-ambjent u jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni,

–        ssostni li hija affetwata mid-deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) jew in-nuqqas ta’ deċiżjoni, fil-kamp tal-attività statutorja tagħha li tippromwovi l-għanijiet tal-protezzjoni ambjentali, u

–        kellha l-kapaċità li tipparteċipa fi proċedura stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) u esprimiet ruħha fuq il-mertu skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, jew ma ngħatatx l-opportunità li tesprimi ruħha, bi ksur tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

2.      Assoċjazzjoni li mhix rikonoxxuta [...] tista’ tippreżenta rikors skont il-paragrafu 1 biss jekk,

–        tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent fil-mument tad-depożitu tar-rikors,

–        ppreżentat talba għar-rikonoxximent,

–        għadha ma tteħditx deċiżjoni fir-rigward tar-rikonoxximent tagħha, għal raġunijiet li ma jaqgħux taħt r-responsabbiltà tagħha.

[...]

3.      Jekk l-assoċjazzjoni kellha l-okkażjoni tesprimi ruħha waqt il-proċedura msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), hija ma tista’ tagħmel l-ebda oġġezzjoni waqt il-proċedimenti ta’ appell li ma tkunx ippreżentat jew ma tkunx ippreżentat fil-ħin skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, iżda li setgħet tippreżenta waqt il-proċedura msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1).

4.      Jekk id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) ma saritx pubblika jew ma ġietx nnotifikata lill-assoċjazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, l-oppożizzjoni jew l-appell għandhom jiġu ppreżentati fi żmien sena li għandha tibda tiddekorri mill-mument meta l-assoċjazzjoni saret taf dwar id-deċiżjoni jew setgħet saret taf dwarha. [...]

5.      Ir-rikorsi msemmija fil-paragrafu 1 huma fondati:  

–        jekk id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) jew in-nuqqas ta’ deċiżjoni, jiksru d-dispożizzjonijiet li għandhom fil-mira tagħhom il-protezzjoni tal-ambjent u huma rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni,

–        f’każ ta’ rikorsi relatati ma’ pjanijiet ta’ kostruzzjoni, jekk il-kontestazzjonijiet għall-pjan ta’ kostruzzjoni, li jimmotivaw il-legalità tal-proġett suġġett għall-obbligu [ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent] jiksru d-dispożizzjonijiet li għandhom fil-mira tagħhom il-protezzjoni tal-ambjent,

u meta l-ksur jaffettwa l-interessi tal-protezzjoni tal-ambjent li huma fost dawk promossi mill-assoċjazzjoni skont l-istatuti tagħha. Għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), għandu, barra minn hekk, ikun hemm l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.”

14      L-Artikolu 4 tal-liġi dwar dispożizzjonijiet supplimentari li jirregolaw rikorsi fi kwistjonijiet ambjentali, kif emendata, jipprovdi:

“1.      L-annullament ta’ deċiżjoni relatata mal-legalità tal-proġett, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), jista’ jintalab meta t-twettiq:

–        ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew

–        ta’ eżami preliminari, għal kull każ partikolari, tal-ħtieġa li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent,

li jirrikjedi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-[liġi dwar l-evalawazzjoni ta’ effetti fuq l-ambjent], [...] tħalla barra u ma sar xejn sabiex din l-ommissjoni tiġi rrimedjata.

[...]

3.      Is-subparagrafi 1 u 2 imsemmija iktar 'il fuq huma applikabbli b’analoġija għar-rikorsi tal-partijiet fis-sens tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 61 tal-[liġi dwar l-organizazzjoni ta’ qrati amministrattivi].”

15      Skont l-Artikolu 5 tal-liġi dwar dispożizzjonijiet supplimentari li jirregolaw rikorsi fi kwistjonijiet ambjentali, kif emendat:

“1.      Din il-liġi tapplika għall-proċeduri fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), li ġew istitwiti jew setgħu ġew istitwiti wara l-25 ta’ Ġunju 2005; bl-ewwel parti tas-sentenza ma tkunx applikabbli għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) li saru eżegwibbli qabel il-15 ta’ Diċembru 2006.

[…]      

3.      Il-proċeduri għar-rikonoxximent li jkunu diġà ġew istitwiti skont din il-liġi għandhom jiġu ffinalizzati mill-Aġenzija federali għall-ambjent skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ sat-28 ta’ Frar 2010.

4.      Il-proċeduri ta’ deċiżjoni msemmija fl-ewwel punt tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni msemmija fit-tieni punt tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), jew il-proċedimenti ta’ appell msemmija fl-Artikolu 2 li kienu pendenti fid-data tat-12 ta’ Mejju 2011 jew li ġew istitwiti wara din id-data u li kienu għadhom ma ġewx itterminati b’saħħa eżekuttiva fid-29 ta’ Jannar 2013, għandhom jiġu ffinalizzati skont id-dispożizzjonijiet ta’ din l-liġi fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ mid-29 ta’ Jannar 2013. B’deroga mill-ewwel sentenza, l-Artikolu 4(1) ma japplikax ħlief għall-proċeduri ta’ azzjonijiet ġudizzjarji li ġew istitwiti wara d-29 ta’ Jannar 2013.”

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16      Fit-18 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni rċeviet ilment li kien jallega t-traspożizzjoni żbaljata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bil-liġi li għandha dispożizzjonijiet addizzjonali dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, tal-Artikolu 10 a tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU L 257, p. 26). Wara dan l-ilment, il-Kummissjoni bagħtet, fl-1 ta’ Ottubru 2012, ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għal ksur tal-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, peress li dawn l-aħħar direttivi fil-frattemp issostitwixxew, rispettivament, id-Direttivi 85/337 u 96/61.

17      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni fit-30 ta’ Novembru 2012. Fis-6 ta’ Frar 2013, hija talbet lill-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura peress li wara l-adozzjoni tal-liġi dwar li għandha dispożizzjonijiet addizzjonali dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża hija konformi mas-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289).

18      Fis-26 ta’ April 2013, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li għaliha din tal-aħħar wieġbet fl-10 ta’ Lulju 2013. Peress li ma kinitx issodisfatta bir-risposti ta’ dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2014, ir-Repubblika tal-Awstrija talbet li tiġi awtorizzata li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2014, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

20      Wara l-pronunzja tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, b’nota tat-30 ta’ Ġunju 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Qorti Ġenerali li terġa’ tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċeduri tagħha, għall-motiv li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali “jipproponu li jiġi integrat motiv ġdid fis-suġġett tal-proċeduri li fuqu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħetx tesprimi ruħha, bil-fomm jew bil-miktub”.

21      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

22      F’dan il-każ, dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja rreferiet għall-aħħar waħda mis-suppożizzjonijiet stabbiliti f’dak l-artikolu tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi osservat li l-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Avukat Ġenerali u kkontestati minn dan l-Istat Membru bl-ebda mod ma jikkostitwixxu argument li abbażi tiegħu din il-kawża għandha tiġi deċiża.

23      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, dwar il-limitazzjoni tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jaqgħu fid-Direttivi 2011/92 u 2010/75 biss fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li jagħtu drittijiet lil individwi

 L-argumenti tal-partijiet

24      Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 113(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi jillimita illegalment l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet amministrattivi biss fir‑rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jagħtu drittijiet lill-individwi. B’hekk, il-protezzjoni ġudizzjarja, fil-każ ta’ difett proċedurali, hija ggarantita biss, fil-Ġermanja, jekk ir-regola proċedurali inkwistjoni toħloq dritt suġġettiv għall-benefiċċju ta’ individwu. Issa, konformement mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jaqgħu f’dawn id-direttivi għandha tkun tista’ tiġi mistħarrġa kemm mill-perspettiva tal-mertu kif ukoll tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura.

25      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ organizzazzjoni fil-qasam ġudizzjarju. L-estensjoni tal-istħarriġ li għandu jitwettaq mill-qrati nazzjonali ma hijiex irregolata minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li dawn tal-aħħar ma jippreskrivux il-kriterji ta’ eżami li għandhom jintużaw mill-imsemmija qrati. Fil-fatt, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 bħall-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75 ma għandhomx rekwiżiti dwar l-estensjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju, iżda jistabbilixxu biss l-obbligu, għall-Istati Membri, li jipprevedu mekkaniżmu ta’ reviżjoni sabiex tista’ tiġi kkontestata l-legalità, fil-mertu jew proċedurali, ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull ommissjoni ta’ natura amministrattiva.

26      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tindika li, konformement mal-Artikolu 42(2) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament jew inġunzjoni li jirrigwarda att amministrattiv tippreżumi li r-rikorrent individwali jsostni li ġie leż fid-drittijiet tiegħu minn dan l-att jew mir-rifjut li jadottaha. L-Artikolu 113(1) tal-imsemmija liġi, min-naħa tiegħu, jibbaża l-fondatezza tar-rikors u l-eventwali annullament tiegħu fuq deċiżjoni amministrattiva tal-ksur ta’ dritt suġġettiv tar-rikorrent. B’hekk, kontradizzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà u tal-fondatezza tal-istess rikors jkunu evitati, peress li huma biss ir-rikorsi ammissibbli skont l-Artikolu 42(2) tal-imsemmija liġi li setgħu jwasslu għal annullament abbażi tal-Artikolu 113(1) tal-istess liġi.

27      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-applikazzjoni ta’ kriterji dwar l-interess neċessarju sabiex jiġi ppreżentat rikors quddiem korp ġudizzjarju u l-ksur ta’ dritt jaqgħu biss fid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jippermettu, fi kwalunkwe każ, restrizzjoni tad-dritt ta’ rikors ta’ individwi fil-każ ta’ ksur ta’ drittijiet suġġettivi pubbliċi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28      Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni, hemm lok li jiġi osservat li dan l-ilment ma jirreferix għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikorsi previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, peress li dawn tal-aħħar huma rregolati mill-Artikolu 42(2) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi, iżda għall-estensjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju dwar l-imsemmija rikorsi, fis-sens li, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet il-“membri tal-pubbliku kkonċernat” għandhom ikunu jistgħu jagħmlu rikors ġudizzjarju “sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiett” li jaqgħu f’dawn id-direttivi.

29      Fil-fatt, l-Artikolu 113(1) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni ta’ qrati amministrattivi, jipprevedi, essenzjalment, li l-qorti kompetenti tannulla att amministrattiv illegali biss sa fejn, “permezz tiegħu”, ikunu “ġew miksura” “id-drittijiet” tar-rikorrent. L-annullament ta’ att amministrattiv għaldaqstant jirrikjedi li l-illegalità kkonstatata mill-qorti timplika wkoll il-ksur ta’ dritt suġġettiv tar-rikorrent.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2010/75, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-pubbliku kkonċernat li jsostnu ksur ta’ dritt, meta d-dritt amministrattiv proċedurali nazzjonali jimponi tali kundizzjoni, jistgħu jippreżentaw rikors quddiem qorti jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, fil-mertu jew proċedurali, ta’ deċiżjonijiet, ta’ atti jew ta’ ommissjonijiet li jaqgħu fid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttivi.

31      Barra minn hekk, il-paragrafu 3 tal-imsemmija artikoli jipprevedi li l-Istati Membri jiddeterminaw, fost oħrajn, dak li jikkostitwixxi ksur ta’ dritt.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fir-rigward ta’ dan l-ilment, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-Istat Membru jista’, skont id-dispożizzjonijiet msemmija iktar 'il fuq tad-Direttivi 2011/92 u 2010/75, jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikorsi ppreżentati minn individwi kontra d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar għal kundizzjonijiet, bħar-rekwiżit ta’ ksur ta’ dritt suġġettiv, dan l-Istat Membru għandu wkoll is-setgħa li jipprovdi għall-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva mill-qorti kompetenti li tirrikjedi l-ksur ta’ dritt suġġettiv fir-rigward tar-rikorrent.

33      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-punt 45 tas-sentenza tagħha Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289), li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwu partikolari fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra waħda mid-deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet previsti fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, li sar l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, għad-drittijiet suġġettivi pubbliċi biss, iżda tali limitazzjoni ma tistax tapplika bħala tali għal assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent ħlief billi jiġu interpretati b’mod żbaljat l-għanijiet tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/3.

34      Minn dan isegwi li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi ma tistax titqies inkompatibbli mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75.

35      Konsegwentement, l-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, dwar il-limitazzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom jista’ jintalab l-annullament, għal difett proċedurali, ta’ deċiżjoni amministrattiva li taqa’ fid-Direttivi 2011/92 u 2010/75

 L-argumenti tal-partijiet

36      Skont l-ewwel parti ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni li, konformement mal-Artikolu 4(1) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet addizzjonali dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, awtorizzazzjoni amministrattiva tista’ tiġi annullata biss jekk din tal-aħħar ingħatat abbażi ta’ evalwazzjoni jew ta’ eżami minn tal-effetti fuq l-ambjent u bi proċedura regolari. Għall-kuntrarju, jekk tali evalwazzjoni jew tali eżami minn qabel sar, iżda wara proċedura li ma ssodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, ma huwiex possibbli li dawn jiġu kkontestati quddiem awtorità ġudizzjarja Ġermaniża.

37      Tali limitazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet amministrattivi inkwistjoni ma hijiex, għaldaqstant, inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

38      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrikonoxxi li l-Artikolu 4(1) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet addizzjonali dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent jirreferi biss għal każijiet li fihom evalwazzjoni ta’ effetti fuq l-ambjent hija nieqsa. Fil-każ li tali evalwazzjoni twettqet iżda hija affettwata minn difett proċedurali, azzjoni ġudizzjarja tkun madankollu possibbli, fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 113(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi u l-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva.

39      Dan l-Istat Membru jippreċiża li, konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, in-natura irregolari ta’ evalwazzjoni tista’ dejjem tiġi invokata mir-rikorrent, sa fejn id-difett proċedurali ma huwiex manifestament irrilevanti għar-riżultat tad-deċiżjoni fil-mertu.

40      Permezz tat-tieni parti tal-ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, konformement mal-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, il-kontestazzjoni, minn individwu, tal-legalità, għal difett proċedurali, ta’ deċiżjoni amministrattiva dwar evalwazzjoni ta’ effetti fuq l-ambjent tista’ twassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni biss jekk ikun hemm il-possibbiltà li din id-deċiżjoni kienet tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali allegat u jekk, fl-istess ħin, “pożizzjoni ġuridika sostanzjali” tar-rikorrent tinsab affettwata. Huwa, għaldaqstant, dan tal-aħħar li għandu jistabbilixxi, minn naħa, din ir-rabta kawżali u, min-naħa l-oħra, l-effett ta’ dan id-difett fuq id-drittijiet tar-rikorrent.

41      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 ma jippermettix li r-rikorrent ikollu l-obbligu li jrid jipproduċi l-prova ta’ tali rabta kawżali.

42      Din l-istituzzjoni tinnota li t-tieni kundizzjoni stabbilita mill-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, li tgħid li tali difett għandu jaffettwa “pożizzjoni ġuridika sostanzjali” tar-rikorrenti, hija wkoll inkompatibbli mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92. Fil-fatt, meta rikors huwa ammissibbli, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu restrizzjonijiet fuq il-mezzi li jistgħu jiġu invokati insostenn tal-imsemmi rikors. Konsegwentement, jekk deċiżjoni amministrattiva taffettwa dritt suġġettiv ta’ individwu u li dan l-individwu għandu, konsegwentement, il-locus standi, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha teżerċita stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni. Meta tagħmel dan, hija ma tistax tinjora d-difetti proċedurali, anki jekk dawn ma kellhomx l-effett li jiksru d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.

43      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li r-rekwiżit ta’ rabta kawżali previst fl-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva ma jaffettwax, fil-prinċipju, it-twettiq tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92.

44      Dan l-Istat Membru jqis ukoll li ma huwiex eżatt, fid-dawl tad-dritt Ġermaniż, li jiġi affermat li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova ta’ ksur ta’ dritt suġġettiv.

45      Huwa jsostni li l-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva hija regola partikolari li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi li jiddefendu lilhom infushom kontra talba għal annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva. L-awtorità amministrattiva fil-fatt tkun intitolata li targumenta, għad-difiża tagħha, il-fatt li d-deċiżjoni tagħha ma hijiex annullabbli, għalkemm hija effettivament ivvizzjata b’difett proċedurali invokat mir-rikorrent, jekk dik l-awtorità turi li dan id-difett manifestament ma kellu l-ebda effett fuq il-mertu tad-deċiżjoni, u hija l-awtorità ġudizzjarja li għandha tivverifika dan, konformement mal-Artikolu 46 tal-imsemmija liġi. Konkretament, dan ifisser li din tal-aħħar tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni sakemm ma jistax jiġi eskluż li d-difett proċedurali inkwistjoni kellu effett fuq ir-riżultat tal-ismemmija deċiżjoni.

46      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja madankollu, tindika li, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-liġi dwar dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, huwa previst li tiġi adottata dispożizzjoni ta’ kjarifika dwar it-traspożizzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja


 Dwar l-ewwel parti tat-tieni lment

47      Dwar l-ewwel parti tat-tieni lment rigward il-limitazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet amministrattivi għal każijiet li fihom evalwazzjoni jew eżami minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent hija għal kollox nieqsa, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 36 tas-sentenza Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712), li hija kienet diġà ddeċidiet, fil-punt 36 tas-sentenza Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712), li hija kienet diġà ddeċidiet, fil-punt 37 of tas-sentenza tagħha Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289), li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 bl-ebda mod ma jillimita l-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ azzjoni ġudizzjarja prevista mill-imsemmija dispożizzjoni.

48      Il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 ma jistgħux, għaldaqstant, jillimitaw l-applikabbiltà tagħhom fil-każ biss fejn il-kontestazzjoni tal-legalità tagħha tistrieħ fuq il-motiv li jirriżulta mill-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent. Li teskludi din l-applikabbiltà fil-każ fejn, wara li tkun saret evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent li tkun ivvizzjata b’difett, anki gravi, iċċaħħad id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337 mill-effettività essenzjali tagħhom. Tali esklużjoni, għalhekk, tkun kuntrarja għall-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-qrati, kif imsemmi fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva.

49      Mill-punt 38 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li dan l-aħħar artikolu jipprekludi li l-Istati Membri jillimitaw l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tal-imsemmi artikolu għall-każ fejn il-legalità ta’ deċiżjoni hija kkontestata minħabba li l-evalwazzjoni ambjentali tħalliet barra, mingħajr ma jestendiha għall-każ fejn tali evalwazzjoni twettqet iżda twettqet fi tmiem proċedura vvizzjata.

50      Konsegwentement, l-Artikolu 4(1) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet addizzjonali dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent għandha titqies li hija inkompatibbli mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92.

51      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva li jgħid li, fil-każ fejn evalwazzjoni jew eżami minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent twettqu iżda huma vvizzjati b’difett proċedurali, azzjoni ġudizzjarja hija possibbli fiċ-ċirkustanzi previsti f’dan l-artikolu, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali (sentenzi Dillenkofer et, C‑178/94, C‑179/94 u C‑188/94 sa C‑190/94, EU:C:1996:375, punt 48, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, EU:C:2014:2208, punt 43), li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

52      Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali nnifisha timponi limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ rikorsi skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, li l-analiżi tagħha hija parti mill-tieni parti tat-tieni lment.

53      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni lment huwa fondat.

 Dwar it-tieni parti tat-tieni lment

54      Skont l-ewwel argument insostenn tat-tieni parti tat-tieni lment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tissuġġetta l-annullament, mill-qorti kompetenti, ta’ deċiżjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 għall-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-difett proċedurali allegat u l-eżitu tad-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni.

55      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma kellux l-intenzjoni li jorbot il-possibbiltà li jiġi invokat difett proċedurali għall-kundizzjoni li dan kellu effett fuq is-sens tad-deċiżjoni finali kkontestata. Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2011/92 għandha, b’mod partikolari, l-għan li jiġu ffissati garanziji proċedurali li, b’mod partikolari, jippermettu informazzjoni aħjar u parteċipazzjoni mill-pubbliku fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti pubbliċi u privati li x’aktarx għandhom effett sinjifikattiv fuq dan l-ambjent, il-konformità mar-regoli tal-proċedura f’dan il-qasam huma ta’ importanza partikolari. B’hekk u konformement mal-għan intiż li jagħti aċċess wiesa’ għall-ġustizzja, il-pubbliku kkonċernat għandu għalhekk ikun kapaċi, bħala prinċipju, jinvoka kull difett proċedurali insostenn ta’ rikors li jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjonijiet taħt din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenz Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712, punti 47 u 48).

56      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva tirrikjedi, fil-każijiet kollha, anki jekk ikun hemm difetti proċedurali dwar l-informazzjoni u l-parteċipazzjoni pubblika fil-qasam meqjus, rabta kawżali bejn l-allegat difett proċedurali u r-riżultat tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata sabiex il-qorti kompetenti tista’ tannulla l-imsemmija deċiżjoni, tali kundizzjoni tagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rikors imsemmi fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u tippreġudika l-għan ta’ din id-direttiva sabiex tipprovdi “lill-membri tal-pubbliku kkonċernat” aċċess wiesa’ għall-ġustizzja.

57      Fil-fatt, ir-rifjut tal-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva adottata bi ksur ta’ regola proċedurali għas-sempliċi raġuni li r-rikorrent baqa’ ma stabbilixxiex l-effett ta’ dan id-difett fuq il-fondatezza tal-imsemmija deċiżjoni jċaħħad din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-effettività kollha tagħha.

58      Issa, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni la kellu l-intenzjoni li jillimita l-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors skont dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li ttrasponiet l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u lanqas li jorbot il-possibbiltà li jiġi invokat difett proċedurali għall-kundizzjoni li eżerċitat effett fuq is-sens tad-deċiżjoni finali kkontestata.

59      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ksur ta’ dritt”, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, u iktar konkretament tar-rekwiżit, previst mid-dritt nazzjonali, li jgħid li tali ksur jeżisti biss jekk id-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali invokat, id-devoluzzjoni lir-rikorrent, konformement mad-dritt nazzjonali, tal-oneru tal-prova ta’ din ir-rabta kawżali hija tali li jagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilu mill-imsemmija direttiva, b’mod partikolari minħabba l-kumplessità tal-proċeduri inkwistjoni jew tal-element tekniku tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 52).

60      Minn dan jirriżulta li ksur ta’ dritt, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, ma jistax jiġi eskluż ħlief jekk il-qorti jew il-korp previst taħt dan l-artikolu huma f’pożizzjoni li jikkunsidraw, mingħajr ma jtaqqlu bl-ebda mod fuq l-applikant l-oneru tal-prova tar-rabta kawżali msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, iżda fid-dawl, skont il-każ, tal-provi prodotti mill-iżviluppatur tal-proġett jew mill-awtoritajiet kontraenti, u b’mod iktar ġenerali, mill-atti kollha tal-proċess sottomessi lilhom, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx differenti mingħajr id-difett proċedurali invokat minn dan l-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 53).

61      Filwaqt li huwa veru li dawn il-kunsiderazzjonijiet jirrigwardaw waħda mill-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja, dawn jibqgħu rilevanti fir-rigward ta’ kundizzjoni stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali li għandha l-effett li tillimita l-istħarriġ ġudizzjarju fil-mertu.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rekwiżit impost mill-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, sa fejn din id-dispożizzjoni timponi fuq ir-rikorrent “membru tal-pubbliku kkonċernat” l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat difett proċedurali u l-eżitu tad-deċiżjoni amministrattiva, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, hekk li l-ewwel argument imqajjem mill-Kummissjoni insostenn tat-tieni parti tat-tieni lment huwa fondat.

63      Fir-rigward tat-tieni argument imqajjem mill-Kummissjoni insostenn ta’ din il-parti, huwa paċifiku li, skont l-Artikolu 113(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi, moqri flimkien mal-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, meta miżura ta’ evalwazzjoni ta’ effetti fuq l-ambjent hija affettwata minn difett proċedurali, id-deċiżjoni adottata wara tali proċedura tista’ tiġi annullata mill-qorti nazzjonali biss jekk dan id-difett proċedurali jikser dritt suġġettiv tar-rikorrent.

64      Issa, mill-punti 30 sa 34 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kundizzjoni prevista mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi, li timponi fuq il-qorti nazzjonali l-konstatazzjoni ta’ tali ksur qabel ma’ tista’ tagħti, eventwalment, l-annullament tad-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni, ma hijiex kuntrarja la għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u lanqas għall-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75.

65      L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-obbligu tal-qorti nazzjonali skont l-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, moqri flimkien mal-Artikolu 113(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi.

66      Konsegwentement, it-tieni argument tal-Kummissjoni invokat insostenn tat-tieni parti ta’ dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

67      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni huwa fondat, bl-eċċezzjoni tal-argument dwar ir-rekwiżit tal-ksur ta’ dritt suġġettiv tar-rikorrent, konformement mal-Artikolu l tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, moqri flimkien mal-Artikolu 113(1) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi.

 Fuq it-tielet ilment, dwar il-limitazzjoni tal-locus standi u l-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju għall-oġġezzjonijiet li ġew prodotti matul il-proċedura amministrattiva

 L-argumenti tal-partijiet

68      Il-Kummissjoni tqis li l-limitazzjoni, konformement mal-Artikolu 2(3) tal-liġi li għadha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent u mal-Artikolu 73(4) u (6) tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, ta’ oġġezzjonijiet li jistgħu jitqajmu fil-kuntest ta’ azzjonijiet ġudizzjarji għal dawk li kienu saru qabel waqt il-proċedura amministrattiva hija kuntrarja għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75.

69      Din l-istituzzjoni ssostni li tali limitazzjoni tikkostitwixxi ostakolu eċċessiv għad-dritt tal-pubbliku kkonċernat li jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjonijiet amministrattivi fl-oqsma koperti minn dawn id-direttivi. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal din il-limitazzjoni tkun għalhekk kuntrarja għall-prinċipju ta’ aċċess għall-ġustizzja u jillimitaw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-imsemmi pubbliku. Fil-fatt, l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma jippermettix li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ motivi prodotti matul proċedura ġudizzjarja għall-fatt li dawn il-motivi ġew invokati preċedentement fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva

70      Il-Kummissjoni tqis li l-proċedura ġudizzjarja għandha natura awtonoma, li matulha għandu jkun hemm il-possibbiltà ta’ eżami komplet tal-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva. L-ammissibbiltà ta’ motivi ta’ rikors ma jistgħux jiġu limitati għall-motivi li diġà ġew prodotti fiż-żmien qasir li huwa konċess għall-formulazzjoni tal-oġġezzjonijiet waqt il-proċedura amministrattiva.

71      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tosserva li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/75 jippermetti lill-Istati Membri li jżommu l-istrumenti tas-sistema ġudizzjarja tagħhom fil-qasam ikkunsidrat. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati mill-Kummissjoni huma intiżi li jiggarantixxu ċ-ċertezza legali u l-effikaċja tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. Dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-produzzjoni quddiem il-qrati ta’ oġġezzjonijiet mhux ifformulati matul il-fażi amministrattiva jagħmlu parti integrali minn tali sistema.

72      Dan l-Istat Membru jiġġustifika din il-limitazzjoni peress li, fin-nuqqas, oġġezzjonijiet magħrufa fil-mument tal-proċedura amministrattiva jistgħu, għal raġunijiet ta’ tattika proċedurali, jinżammu u jkunu riżervati għall-proċeduri quddiem il-qrati kompetenti. B’hekk, il-proċedura amministrattiva ma tistax iktar twettaq il-funzjoni partikolari tagħha ta’ konċiljazzjoni ta’ interessi. Tali limitazzjoni tkun barra minn hekk konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

73      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis ukoll li din ir-restrizzjoni lanqas ma tagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju iżjed diffiċli jew saħansitra, a fortiori, impossibbli, iżda għall-kuntrarju tiggarantixxi li jkunu suġġetti għal dan l-istħarriġ fatti rilevanti biss, spjegati b’mod l-iktar kumpless bl-iktar u ddettaljat kemm jista’ jkun. B’hekk, huma biss iċ-ċirkustanzi li r-rikorrent deliberatament kien naqas milli jinvoka fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, sabiex jostakola l-eżitu pożittiv tagħha, huma kkonċernati mill-imsemmija restrizzjoni.

74      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-rikors mhux biss ma għandhom l-ebda riferiment għal regoli ta’ esklużjoni, iżda jirreferu, għall-kuntrarju, għad-dritt nazzjonali, li jirregola l-proċedura amministrattiva. B’hekk, l-Istati membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv sabiex jiddeterminaw il-modalitajiet tad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja kif ukoll l-organizzazzjoni tal-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, il-limitazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(3) tal-liġi li għadha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent u l-Artikolu 73(4) u 6, tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva hija strument tali li jiżgura proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet rapidu u effikaċi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      L-Artikolu 2(3) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent kif ukoll l-Artikolu 73(4) tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva jillimitaw il-motivi li jistgħu jiġu invokati minn rikorrent insostenn ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra deċiżjoni amministrattiva li taqa’ fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75 għall-oġġezzjonijiet imqajma matul il-proċedura amministrattiva.

76      F’dan ir-rigward, għalkemm, ċertament, la l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 u lanqas l-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2011/75 ma jeskludu rikors quddiem awtorità amministrattiva li jippreċedi l-azzjoni ġudizzjarja u ma jistakolawx li d-dritt nazzjonali jipprevedi l-obbligu, għar-rikorrent, li jeżawrixxi r-rimedji amministrattivi kollha qabel ma jitħalla jressaq azzjoni ġudizzjarja, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni madankollu ma jippermettux madankollu li jiġu limitati l-mezzi li jistgħu jiġu invokati minn dan ir-rikorrent insostenn ta’ azzjoni ġudizzjarja.

77      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92, li jgħid li d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet imsemmija fl-imsemmi artikolu għandhom jistgħu jkunu fil-mira ta’ azzjoni ġudizzjarja sabiex “jisfida [jikkontesta] l-legalità sostanzjali jew proċedurali”, ma jillimita bl-ebda mod il-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ tali rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 37). Din il-kunsiderazzjoni fil-fatt tissodisfa l-għan segwit minn din id-dispożizzjoni li jiggarantixxi aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent.

78      Issa, l-Artikolu 2(3) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent kif ukoll l-Artikolu 73(4) tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva jistabbilixxu kundizzjonijiet speċjali li jillimitaw l-istħarriġ ġudizzjarju u li ma humiex previsti la fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u lanqas fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75.

79      Tali restrizzjoni imposta fuq  ir-rikorrent dwar in-natura tal-motivi li huwa permess li jqajjem quddiem il-qorti responsabbli mill-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni amministrattiva li tikkonċernah ma tistax tiġi ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet bbażati fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ma huwa bl-ebda mod stabbilit li stħarriġ ġudizzjarju komplet dwar il-fondatezza tal-imsemmija deċiżjoni jkun tali li jikser dan il-prinċipju.

80      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-effikaċja tal-proċeduri amministrattivi, għalkemm huwa minnu li l-fatt li jitqajjem motiv għall-ewwel darba bħala parti minn azzjoni ġudizzjarja, jista’ jostakola, f’xi każijiet, l-iżvolġiment tajjeb ta’ din il-proċedura, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-għan stess segwit mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75 jikkonsisti mhux biss f’li jiġi żgurat lill-parti fil-kawża l-ikbar aċċess possibbli għall-istħarriġ ġudizzjarju, iżda wkoll sabiex jippermetti li dan l-istħarriġ jikkonċerna l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-mertu jew dwar il-proċedura, fl-intier tagħha.

81      Madankollu, huwa permess, għall-leġiżlatur nazzjonali, li jipprevedi regoli proċedurali speċifiċi, bħall-inammissibbiltà ta’ argument ippreżentat b’mod mhux xieraq jew in mala fide, li jikkostitwixxu mekkaniżmi xierqa sabiex jiżguraw l-effettività tal-proċedura legali.

82      Minn dan isegwi li t-tielet ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha huwa fondat.

 Ir-raba’ u l-ħames ilmenti, relatati ma’ limitazzjoni, ratione temporis, tal-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet ta’ difiża tal-ambjent u tal-estensjoni tal-istħarriġ ta’ legalità biss għar-rikorsi bbażati fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li tagħti drittijiet lil individwi

 L-argumenti tal-partijiet

83      Il-Kummissjoni tfakkar li, fl-ittra tagħha ta’ intimazzjoni tal-1 ta’ Ottubru 2012, hija kkritikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bil-fatt li l-verżjoni inizjali tal-Artikolu 2(1) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent ma kinitx kompatibbli mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, peress li din il-verżjoni tillimita l-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet ta’ difiża tal-ambjent għar-rikorsi bbażati fuq dispożizzjonijiet ġuridiċi li jagħtu drittijiet lill-individwi. Minħabba l-“paralleliżmu” bejn l-ammissibbiltà u l-fondatezza ta’ rikorsi ppreżentati minn dawn l-assoċjazzjonijiet, il-limitazzjoni ratione temporis tirrestrinġi wkoll l-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju dwar il-mertu.

84      Il-Kummissjoni tindika li, skont l-Artikolu 2(1) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendat, daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 2013, wara l-għoti tas-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289), il-kliem “jagħtu drittijiet lill-individwi” tħassru mill-verżjoni inizjali ta’ din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li kienet teżisti sa dak iż-żmien, ir-rikorsi tal-assoċjazzjonijiet ta’ difiża tal-ambjent ma jibqgħux ikunu limitati għal sitwazzjonijiet li jinvolvu drittijiet individwali.

85      Il-Kummissjoni tenfasizza madankollu, li l-applikabbiltà tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, hija suġġetta għal limiti ratione temporis. Fil-fatt huma biss il-proċeduri li kienu għadhom pendenti fit-12 ta’ Mejju 2011, id-data tal-għoti tas-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289), jew li tressqu wara din id-data iżda li l-ebda saħħa eżekutorja ma ġiet rikonoxxuta lilhom fid-data tad-29 ta’ Jannar 2013, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, li għandhom jinġieb fi tmiemhom konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi.

86      B’hekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-proċeduri mibdija wara l-25 ta’ Ġunju 2005 u magħluqa qabel it-12 ta’ Mejju 2011, il-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet ta’ difiża tal-ambjent baqgħet limitata għar-rikorsi bbażati fuq dispożizzjonijiet ġuridiċi li jagħtu drittijiet lill-individwi.

87      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, hija konformi mal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, sa fejn din il-liġi ma tapplikax għad-deċiżjonijiet li jirriżultaw mill-proċeduri relatati mal-approvazzjoni ta’ proġetti li jistgħu jkunu suġġetti għal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali, jekk dawn id-deċiżjonijiet saru infurzabbli qabel il-15 ta’ Diċembru 2006, data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni oriġinali tagħha.

88      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fir-raba’ u l-ħames ilmenti huma kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-kontenut tagħhom huwa purament dikjaratorju u l-iskop tagħhom ikun li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-liġi fil-livell amministrattiv.

89      Dan l-Istat Membru jqis li, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx possibbli li jitqajmu dubji fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru finali wara li jkunu ntużaw il-mezzi kollha disponibbli għal appell jew wara li jkun skada t-terminu previst għal appell. Konsegwentement, Stat Membru mhux marbut li jipprovdi mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid għal tali deċiżjonijiet li saru res judicata. Dan jgħodd ukoll fir-rigward ta’ proċeduri amministrattivi li jkunu ngħalqu, li wasslu għal deċiżjonijiet li lanqas ma kienu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja u li huma, minħabba f’hekk, saru eżekuttivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90      Hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikoli 11(3) tad-Direttiva 2011/92/11 u l-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2010/75, l-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent huma meqjusa li għandhom kemm interess suffiċjenti, kif ukoll drittijiet li jistgħu jinkisru, li abbażi tagħhom il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tirrikjedi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 40).

91      Għalkemm il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwu partikolari fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra waħda mid-deċiżjonijiet, wieħed mill-atti jew waħda mill-ommissjonijiet previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 għal drittijiet suġġettivi pubbliċi biss, tali limitazzjoni ma tistax tapplika bħala tali għall-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent ħlief billi jiġu interpretati b’mod żbaljat l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 45).

92      Konsegwentement, l-imsemmija assoċjazzjonijiet bilfors li għandhom ikunu kapaċi jsostnu, ġudizzjarjament, ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jimplementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent kif ukoll ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 48).

93      F’dak li jikkonċerna r-raba’ u l-ħames ilmenti, għandu jiġi osservat li, sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni ġuridika li tat lok għas-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja adattat il-leġiżlazzjoni tagħha u adottat il-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata. Din tal-aħħar, li daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 2013, hija madankollu limitata dwar l-applikazzjoni tagħha ratione temporis. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tapplika biss għall-proċeduri amministrattivi, għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u għall-proċeduri ta’ reviżjoni li kienu pendenti fit-12 ta’ Mejju 2011, jew li ġew istitwiti wara din id-data u li ma kinux għadhom ġew terminati b’saħħa eżekuttiva fid-29 ta’ Jannar 2013.

94      Minn dan isegwi li kull proċedura oħra taqa’ dejjem fil-verżjoni l-preċedenti tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent. Fil-fatt, l-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija liġi l-proċeduri li saru qabel il-15 ta’ Diċembru 2006, id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

95      Madankollu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet adottati mil-leġiżlatur għall-finijiet tat-traspożizzjoni tiegħu fid-dritt intern kellhom ukoll japplikaw għall-proċeduri amministrattivi istitwiti qabel il-25 ta’ Ġunju 2005, minħabba li wasslu għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni wara din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 31).

96      Fir-rigward tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata li tirreferi għalih ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-importanza li għandu tali prinċipju fl-ordinamenti ġuridiċi kemm tal-Unjoni kif ukoll dawn nazzjonali. Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji kollha disponibbli, jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn ir-rimedji, ma jkunux jistgħu jerġgħu jiġu kkontestati (ara s-sentenza Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Madankollu, għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tinvoka l-osservanza tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata meta l-limiti ta’ applikabbiltà ratione temporis previsti mil-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendat, jikkonċernaw deċiżjonijiet amministrattivi li saru eżekuttivi.

98      Barra minn hekk, il-fatt li, wara t-traspożizzjoni tardiva fid-dritt Ġermaniż tad-Direttiva 2003/35, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466) li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja llimitat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw din l-aħħar direttiva, hija stess għandha tippermetti perijodu ieħor ta’ traspożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, C‑277/13, EU:C:2014:2208, punt 45).

99      Konsegwentement, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-limitazzjonijiet ratione temporis tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent kienu meħtieġa sabiex josservaw il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata dwar il-proċeduri amministrattivi li jistgħu jiġu infurzati jsiru għandhom ikunu miċħuda.

100    Ir-raba’ u l-ħames ilmenti mqajma mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha huma, għaldaqstant, fondati.

 Fuq is-sitt ilment, dwar esklużjoni ġenerali mill-kap ta’ applikazzjoni tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, ta’ proċeduri mibdija qabel il-25 ta’ Ġunju 2005

 L-argumenti tal-partijiet

101    Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu (1) u (4) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, huma inkompatibbli mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75. Dawn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi, kif emendata, fil-fatt jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom il-proċeduri li tressqu qabel il-25 ta’ Ġunju 2005 u li ma kinux għadhom pendenti fit-12 ta’ Mejju 2011, anki jekk l-awtorizzazzjonijiet imsemmija f’dawn il-proċeduri kienu ngħataw wara l-25 ta’ Ġunju 2005. Mill-punti 30 u 31 tas-sentenza Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712), jirriżulta l-Istati Membri ma jistgħux jirriżervaw l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni biss għall-proċeduri mibdija wara l-25 ta’ Ġunju 2005.

102    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrikonoxxi li l-proċeduri koperti mis-sitt ilment tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata. Konsegwentement, emenda ġdida għall-imsemmija liġi qed tiġi redatta. Madankollu, din il-bidla leġiżlattiva jkollha ftit importanza sa fejn, għall-proċeduri li għadhom pendenti, il-qrati nazzjonali kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni t-tagħlim tas-sentenza Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103    Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrikonoxxi l-fondatezza tas-sitt ilment tal-Kummissjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li huwa fondat.

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti għandu jiġi kkonstatat li, meta llimitat:

–        skont l-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, l-annullament tad-deċiżjonijiet għal difetti proċedurali għall-assenza tal-evalwazzjoni jew tal-eżami minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent u għall-każijiet li fihom ir-rikorrent stabbilixxa li d-difett proċedurali għandu rabta kawżali mar-riżultat tad-deċiżjoni;

–        konformement mal-Artikolu 2(3) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, u l-Artikolu 73(4) tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, il-locus standi u l-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju għall-oġġezzjonijiet li diġà ġew prodotti matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni;

–        skont l-Artikolu 2(1) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, fil-proċeduri li ġew istitwiti wara l-25 ta’ Ġunju 2005 u tterminati qabel it-12 ta’ Mejju 2011, il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet ambjentali għad-dispożizzjonijiet tad-dritt li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi;

–        skont l-Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu 5(1) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, fil-proċeduri li ġew istitwiti wara l-25 ta’ Ġunju 2005 u tterminati qabel it-12 ta’ Mejju 2011, il-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ rikorsi ta’ assoċjazzjonijiet ambjentali, għad-dispożizzjonijiet tad-dritt li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi; u

–        billi teskludi, konformement mal-Artikolu 5(1) u (4) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, kif emendata, mill-kamp tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali l-proċeduri amministrattivi li ġew istitwiti qabel il-25 ta’ Ġunju 2005,

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha imposti fuqha mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75.

 Fuq l-ispejjeż

105    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. La l-Kummissjoni ma għamlitx talbiet dwar l-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, inkluż ir-Repubblika tal-Awstrija, konformement għall-Artikolu 140(1) tal-imsemmi regolament.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Meta llimitat:

–        skont l-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva (Verwaltungsverfahrensgesetz), l-annullament tad-deċiżjonijiet għal difetti proċedurali għall-assenza tal-evalwazzjoni jew tal-eżami minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent u għall-każijiet li fihom ir-rikorrent stabbilixxa li d-difett proċedurali għandu rabta kawżali mar-riżultat tad-deċiżjoni;

–        konformement mal-Artikolu 2(3) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent previsti mid-Direttiva 2003/35/KE (Umwelt-Rechtsbehelfsgesetzes), tas-7 ta’ Diċembru 2006, kif emendata bil-Liġi tal-21 ta’ Jannar 2013, u l-Artikolu 73(4) tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, (Verwaltungsverfahrensgesetz), il-locus standi u l-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju għall-oġġezzjonijiet li diġà ġew prodotti matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni;

–        skont l-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-Artikolu 5(1), tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent previsti mid-Direttiva 2003/35/KE (Umwelt-Rechtsbehelfsgesetzes), tas-7 ta’ Diċembru 2006, kif emendata bil-Liġi tal-21 ta’ Jannar 2013, fil-proċeduri li ġew istitwiti wara l-25 ta’ Ġunju 2005 u tterminati qabel it-12 ta’ Mejju 2011, il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet ambjentali għad-dispożizzjonijiet tad-dritt li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi;

–        konformement mal-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-Artikolu 5(1), tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent previsti mid-Direttiva 2003/35/KE (Umwelt-Rechtsbehelfsgesetzes), tas-7 ta’ Diċembru 2006, kif emendata bil-Liġi tal-21 ta’ Jannar 2013, fil-proċeduri li ġew istitwiti wara l-25 ta’ Ġunju 2005 u tterminati qabel it-12 ta’ Mejju 2011, il-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ rikorsi ta’ assoċjazzjonijiet ambjentali, għad-dispożizzjonijiet tad-dritt li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi; u

–        meta eskludiet, konformement mal-Artikolu 5(1) u (4) tal-liġi li għandha dispożizzjonijiet komplementari dwar ir-rikorsi fil-qasam tal-ambjent, previsti mid-Direttiva 2003/35/KE (Umwelt-Rechtsbehelfsgesetzes), tas-7 ta’ Diċembru 2006, kif emendata bil-Liġi tal-21 ta’ Jannar 2013, mill-kamp tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali l-proċeduri amministrattivi li ġew istitwiti qabel il-25 ta’ Ġunju 2005,

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha imposti fuqha mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, u mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis).

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.