SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(Imħallef uniku)

18 ta’ Diċembru 2015

Kawża F‑45/11

Carlo De Nicola

vs

Il‑Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni 2009 – Illegalità tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell – Rifjut ta’ promozzjoni – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu C. De Nicola jitlob, essenzjalment, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-Appell”) tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar ’il quddiem il-“Bank”) tat-22 ta’ Settembru 2010 li tiċħad l-appell intern tiegħu għall-annullament u għall-emenda tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2009, it-tieni nett, l-annullament tal-imsemmi rapport ta’ evalwazzjoni, it-tielet nett, l-annullament tal-“atti kollha relatati, konsekuttivi u preċedenti”, b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-BEI tal-25 ta’ Marzu 2010 li huwa ma jiġix promoss, u, ir-raba’ nett, il-kundanna tal-BEI sabiex iħallsu danni bħala kumpens għad-danni materjali u morali li huwa jqis li ġarrab.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment tat-22 ta’ Settembru 2010 hija annullata. Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2009, tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ promozzjoni tal-25 ta’ Marzu 2010 u tal-“atti kollha relatati, konsekuttivi u preċedenti”. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn C. De Nicola.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Kontestazzjoni quddiem il-Kumitat tal-Appell tal-Bank – Portata tal-istħarriġ

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Sentenza li tannulla deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell dwar rapport ta’ evalwazzjoni – Obbligu għall-Bank li jissottometti mill-ġdid lill-imsemmi kumitat il-kontestazzjoni mressqa mill-persuna li ppreżentat l-appell intern

(Artikolu 266 TFUE)

1.      Il-possibbiltà, għall-Kumitat tal-Appell stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal, li jinvalida kwalunkwe dikjarazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ membru tal-persunal tal-Bank timplika li l-imsemmi kumitat għandu s-setgħa jerġa’ jevalwa l-fondatezza ta’ kull waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet qabel ma jiċċensuraha. Il-portata ta’ din is-setgħa għalhekk teċċedi b’mod ċar dik tas-sempliċi setgħa ta’ stħarriġ tal-legalità u ta’ annullament tad-dispożittiv ta’ att, sa fejn hija tinkludi l-possibbiltà li jiġu invalidati anki l-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tad-dispożittiv tiegħu, tkun xi tkun l-importanza tagħhom fit-tqassim tal-motivazzjoni tal-imsemmi att. Din is-setgħa sħiħa ta’ stħarriġ tal-Kumitat tal-Appell hija kkonfermata mis-setgħa li hija espressament irrikonoxxuta lilu sabiex jemenda l-evalwazzjoni finali tal-merti li hija r-riżultat tal-evalwazzjoni globali tal-prestazzjoni tal-persuna li tippreżenta l-appell intern. Fil-fatt, emenda tal-marka tal-mertu tal-persuna kkonċernata timplika li dan il-kumitat jistħarreġ b’mod iddettaljat l-evalwazzjonijiet kollha tal-merti li jidhru fir-rapport ikkontestat f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ eventwali żbalji ta’ evalwazzjoni, ta’ fatt jew ta’ liġi, u li jista’, jekk ikun il-każ, jissostitwixxi ruħu għall-evalwatur sabiex jevalwa dawn il-merti mill-ġdid.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-Kumitat tal-Appell għandu jwettaq stħarriġ sħiħ tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jitressaq quddiemu, liema stħarriġ jirrigwarda l-fondatezza ta’ kull waħda mill-evalwazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-rapport, peress li l-istħarriġ tiegħu ma huwiex limitat għall-verifika tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 49 sa 51)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tas-27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, EU:T:2012:205, punt 41, u tas-16 ta’ Settembru 2013, De Nicola vs BEI, T‑618/11 P, EU:T:2013:479

2.      Fid-dawl tal-portata tad-dispożizzjonijiet dwar is-setgħa tal-Kumitat tal-Appell stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal, l-annullament, mill-qorti tal-Unjoni, ta’ deċiżjoni tal-imsemmi kumitat jista’ jagħti vantaġġ, fuq livell amministrattiv, lill-appellant quddiem l-imsemmi kumitat u, konsegwentement, jista’ jimponi fuq il-Bank li jissottometti mill-ġdid lill-Kumitat tal-Appell il-kontestazzjoni mressqa mill-persuna li ppreżentat l-appell intern imsemmija iktar ’il fuq, bil-għan li l-Kumitat tal-Appell ikun jista’ jiddeċiedi korrettament u fl-eżerċizzju sħiħ tas-setgħat tiegħu dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni kkonċernat.

(ara l-punt 58)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digriet tal-21 ta’ Settembru 2015, De Nicola vs BEI, T‑848/14 P, EU:T:2015:719, punt 40