SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2018 (*)

[Test rettifikat permezz tad-digriet tat-30 ta’ April 2019]

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea PLOMBIR – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Eżami tal-fatti – Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001) – Provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża T‑830/16,

Monolith Frost GmbH, stabbilita f’Leopoldshöhe (il-Ġermanja), irrappreżentata minn E. Liebich u S. Labesius, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Söder, D. Walicka u M. Fischer, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Dovgan GmbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J.‑C. Plate u R. Kaase, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-22 ta’ Settembru 2016 (Każ R 1812/2015‑4) dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Monolith Frost u Dovgan,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius u U. Öberg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ukelyte, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Novembru 2016,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2017,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Marzu 2017,

wara s-seduta tas-17 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-14 ta’ Ġunju 2010, l-intervenjenti, Dovgan GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali PLOMBIR.

3        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 29 u 30 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, b’mod partikolari, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 29: “frott ippreservat jew misjur fix-xropp, bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib”;

–        klassi 30: “Silġ li jittiekel, kafè, kawkaw”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippublikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 2011/118, tas-27 ta’ Ġunju 2011. It-trade mark ġiet irreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea fl-4 ta’ Ottubru 2011 bin-numru 009171695 għall-prodotti msemmija fil-punt 3 hawn fuq.

5        Fit-12 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti, Monolith Frost GmbH, ressqet quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali tat-trade mark PLOMBIR għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, abbażi tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 59(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001).

6        Insostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti invokat obbligu ta’ disponibbiltà għall-esportazzjoni u allegat li t-trade mark ikkontestata kienet it-trażlitterazzjoni f’karattri Latini tal-kelma “Пломбир”, li tfisser “ġelat” bir-Russu. Hija sostniet li l-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata huwa pperċepit mill-persuni residenti fil-Ġermanja u f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, bħalma huma l-Istati Baltiċi, li jafu r-Russu.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2015, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għal ċerti prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29 (ħalib u prodotti tal-ħalib) u 30 (silġ li jittiekel) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“prodotti inkwistjoni”).

8        Fid-9 ta’ Novembru 2015, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Hija mmotivat l-appell tagħha fis-16 ta’ Novembru 2015.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad ir-rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kollu kemm hu. B’mod partikolari, l-ewwel nett, huwa qies li għalkemm il-prodotti inkwistjoni kienu intiżi, f’dan il-każ, għal kwalunkwe konsumatur finali, irrispettivament mill-età, mill-introjtu jew mill-konoxxenzi lingwistiċi tiegħu, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għandha tiġi limitata għat-territorju Ġermaniż biss, peress li l-provi prodotti u l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti kienu jikkonċernaw biss lil dak it-territorju.

10      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat li perċentwal kbir biżżejjed tal-konsumaturi finali tal-prodotti inkwistjoni fil-Ġermanja kien jaf bir-Russu inkwantu l-provi prodotti f’dan ir-rigward ma kinux affidabbli jew ma kinux xierqa.

11      It-tielet nett, il-Bord tal-Appell irrileva li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat li l-pubbliku rilevanti jifhem preċiżament is-sens tal-kelma “plombir”. F’dan ir-rigward, huwa speċifika li, sa fejn il-pubbliku rilevanti Ġermaniż għandu jwettaq it-trażlitterazzjoni tal-kelma “plombir” f’karattri Ċirilliċi u jagħrafha bħala l-kelma “Пломбир”, li ġejja mir-Russu, qabel ma jkun jista’ jagħtiha tifsira deskrittiva, dan ikun obbligat jagħmel sforz intellettwali doppju. Fl-aħħar nett, huwa qies li ma kellux biżżejjed provi biex jiġi konkluż li l-kelma “plombir” jew “Пломбир”, bir-Russu, kienet tfisser “silġ li jittiekel”.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell.

13      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

14      L-EUIPO u l-intervenjenti jsostnu li ċerti dokumenti ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-Annessi K6 sa K12 u K14 u K15 tar-rikors kif ukoll l-Annessi K16 sa K24 tat-talba sabiex tinżamm seduta, li jikkonċernaw il-punt dwar kemm ir-Russu jinftiehem fil-Ġermanja u fil-bqija tal-Unjoni, inkluż, b’mod partikolari, fl-Istati Baltiċi, id-definizzjoni tal-kelma “Пломбир” minn dizzjunarji online u l-użu tal-kelma “plombir” għal finijiet deskrittivi, sabiex jiġi indikat il-ġelat, fil-Ġermanja.

15      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72 tar-Regolament 2017/1001), b’mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi fattwali fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 54, u tal-21 ta’ April 2005, Ampafrance vs UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T‑164/03, EU:T:2005:140, punt 29).

16      Madankollu, la l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma jistgħu jiġu pprojbiti jispiraw ruħhom minn elementi miksubin mil-leġiżlazzjoni, mill-ġurisprudenza u mill-kummentarji nazzjonali, peress li ma hijiex kwistjoni li l-Bord tal-Appell jiġi kkritikat talli ma ħax inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt f’sentenza nazzjonali speċifika, iżda talli invoka ġudizzji jew kummentarji insostenn ta’ motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata, mill-Bord tal-Appell, ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 (ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2016, Karl-May-Verlag vs UASI – Constantin Film Produktion (WINNETOU), T‑501/13, EU:T:2016:161, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      F’dan il-każ, l-Annessi K7 sa K9 tar-rikors jikkonsistu f’diversi deċiżjonijiet tal-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi, il-Ġermanja). Madankollu, dawn huma intiżi iktar li jistabbilixxu kemm ir-Russu jinftiehem mill-pubbliku Ġermaniż speċjalizzat fil-kummerċ mar-Russja u, konsegwentement, li jikkritikaw lill-Bord tal-Appell talli ma ħax inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt, kif ukoll li jiddeterminaw il-kontenut tad-dritt nazzjonali. Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq, dawn għalhekk għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

18      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-EUIPO u l-intervenjenti, għandu jiġi konkluż li l-Anness K6 tar-rikors, li jinkludi siltiet ta’ studju tas-suq tal-Ministeru Federali għall-Ikel u għall-Agrikoltura tal-2014, huwa ammissibbli, peress li dan l-istudju tas-suq serva bħala bażi għad-deċiżjoni tal-Bundespatentgericht (Il-Qorti Federali tal-Privattivi) tas-6 ta’ April 2016 (28 W (pat) 17/13) u li jikkostitwixxi s-suppliment ta’ prova li diġà ġiet prodotta quddiem l-istanzi tal-EUIPO.

19      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-Annessi K10 sa K12 tar-rikors għandhom ukoll jiġu ddikjarati ammissibbli. Minkejja li ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn għandhom l-għan li jistabbilixxu l-eżattezza ta’ fatt magħruf, jiġifieri l-fatt li r-Russu huwa mifhum fil-pajjiżi Baltiċi. Madankollu, rikorrent għandu d-dritt li jressaq quddiem il-Qorti Ġenerali dokumenti insostenn tal-eżattezza ta’ fatt magħruf li ma ġietx stabbilita fid-deċiżjoni tal-korp tal-EUIPO kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2011, LG Electronics vs UASI, C‑88/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:727, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Ġunju 2012, Kraft Foods Schweiz vs UASI – Compañía Nacional de Chocolates (CORONA), T‑357/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:312, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Fir-rigward tal-Annessi K14 u K15 tar-rikors u tal-Annessi K16 sa K24 tat-talba sabiex tinżamm seduta, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel żewġ annessi huma intiżi li jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell li wasslu għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ż-żewġ annessi l-oħra huma intiżi li jirrispondu għall-argumenti tal-EUIPO fil-kuntest tal-ewwel fażi ta’ sottomissjonijiet bil-miktub.

21      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prova kuntrarja u l-amplifikazzjoni tal-provi prodotti wara li titressaq prova kuntrarja mill-kontroparti fir-risposta tagħha ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tipprovdi li l-provi u l-provi proposti għandhom jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-provi l-ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprevedi espressament li l-prova kuntrarja u l-amplifikazzjoni tal-provi proposti għandhom jibqgħu rriżervati (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Biogena Naturprodukte vs EUIPO (ZUM wohl), T‑236/16, EU:T:2017:416, punt 17; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 72, u tat-12 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑394/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:417, punt 45).

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-Annessi K16 sa K24 tat-talba sabiex tinżamm seduta huma ammissibbli, bħalma huma wkoll l-Annessi K14 u K15 tar-rikors u d-dokumenti l-oħra kollha prodotti mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, bl-eċċezzjoni tal-annessi K7 sa K9 tar-rikors.

23      Fir-rigward tad-dokument prodott mill-intervenjenti matul is-seduta għat-trattazzjoni, li jikkonsisti f’deċiżjoni tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tas-6 ta’ Lulju 2017, li tannulla d-deċiżjoni tal-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi) tas-6 ta’ April 2016, għandu jiġi ċċarat li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li dan l-att jiġi inkluż fil-proċess waqt is-seduta, peress li kien ġie ppreżentat tard wisq.

 Fuq il-mertu

24      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ eżami ex officio tal-fatti previst fl-Artikolu 76(1) tal-imsemmi regolament (li sar l-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001), u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 75 ta’ dan l-istess regolament (li sar l-Artikolu 94 tar-Regolament 2017/1001).

25      Il-Qorti Ġenerali ser teżamina, l-ewwel nett, it-tieni motiv u, sussegwentement, l-ewwel u t-tielet motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009

26      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni fatti magħrufa dwar it-tixrid tar-Russu fil-Ġermanja u fl-Istati Baltiċi li hija allegatament diġà invokat quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

27      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

28      F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li huwa magħruf li r-Russu jinftiehem fil-Ġermanja, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa intiż iktar li jikkontesta l-fondatezza tal-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, li tgħid li, essenzjalment, minn fatti ta’ għarfien ġenerali jista’ jiġi dedott li parti sostanzjali tal-pubbliku rilevanti Ġermaniż jifhem ir-Russu biss jekk dan ikun sabiex din tal-aħħar tiġi kkritikata li naqset milli tevalwa l-eżattezza ta’ tali dikjarazzjoni.

29      Sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-Bord tal-Appell evalwax korrettament, jew le, ċerti fatti, argumenti jew provi taqa’ taħt l-eżami tal-legalità fir-rigward tal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u mhux tar-regolarità tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan l-argument tar-rikorrenti huwa ineffettiv fil-kuntest tat-tieni motiv, li l-għan tiegħu huwa li jiġi stabbilit il-ksur tal-prinċipju ta’ eżami ex officio tal-fatti previst fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Reisswolf vs EUIPO (secret.service.), T‑163/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:350, punt 21).

30      F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li huwa magħruf li r-Russu jinftiehem fl-Istati Baltiċi, dan huwa intiż, essenzjalment, sabiex jikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li ma kienx hemm lok li jitqiesu ċittadini tal-Istati Baltiċi fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, minħabba l-fatt li r-rikorrenti sempliċement sostniet, mingħajr ma pprovdiet l-ebda prova, li dawn il-pajjiżi kellhom proporzjon għoli ta’ persuni li jitkellmu bir-Russu.

31      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-preżunzjoni ta’ validità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li tikkaratterizza l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tillimita l-obbligu tal-EUIPO, li jinsab fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu jwassluh li japplika r-raġunijiet assoluti għal rifjut. Peress li huwa preżunt li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata hija valida, hija l-persuna li tippreżenta t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark li għandha tinvoka quddiem l-EUIPO l-elementi konkreti li jikkontestaw il-validità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2013, Fürstlich Castell’sches Domänenamt vs UASI – Castel Frères (CASTEL), T‑320/10, EU:T:2013:424, punti 27 u 28, u tat-28 ta’ Settembru 2016, European Food vs EUIPO – Société des produits Nestlé (FITNESS), T‑476/15, EU:T:2016:568, punti 47 u 48).

32      Għall-finijiet li jikkontesta l-validità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jista’ madankollu jinvoka fatti magħrufa. Skont il-ġurisprudenza, il-fatti magħrufa huma ddefiniti bħala fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd jew li jistgħu jkunu magħrufa permezz ta’ sorsi li huma ġeneralment aċċessibbli (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T‑185/02, EU:T:2004:189, punt 29, u tat-8 ta’ Settembru 2010, Wilfer vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ parti ta’ fuq ta’ kitarra), T‑458/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:358, punt 72).

33      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-korpi tal-EUIPO jiddeċiedu li jieħdu inkunsiderazzjoni fatti magħrufa, fid-deċiżjonijiet tagħhom huma ma humiex marbuta li jistabbilixxu l-eżattezza ta’ dawn il-fatti (ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Peri vs EUIPO (Multiprop), T‑538/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:117, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Novartis vs EUIPO – Meda (Zimara), T‑238/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:636, punt 123).

34      Bl-istess mod, ma jistax jiġi allegat fil-konfront tal-partijiet fi proċediment quddiem l-istanzi tal-EUIPO li dawn ma pproduċewx il-provi intiżi li jikkonfermaw l-eżattezza ta’ fatti magħrufa. Huwa biss wara li jkun indika li l-fatti magħrufa allegati mill-partijiet fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala tali li l-Bord tal-Appell jista’, jekk ikun il-każ, jiċħadhom għar-raġuni li l-partijiet ma pproduċewx provi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżattezza tagħhom.

35      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell wettaq ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 inkwantu dan ma setax jeskludi liċ-ċittadini tal-Istati Baltiċi mid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti minħabba s-sempliċi raġuni li kien hemm assenza ta’ provi konkreti fir-rigward tal-fatt li r-Russu jinftiehem f’dawn il-pajjiżi, mingħajr ma ddeċieda minn qabel fuq il-kwistjoni ta’ jekk, kif kienet allegat ir-rikorrenti, kienx fatt magħruf li r-Russu kien jinftiehem b’mod frekwenti minn dik il-popolazzjoni.

36      Għaldaqstant, sa fejn il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-argument tar-rikorrenti li tgħid li parti sinjifikanti tal-popolazzjoni tal-Istati Baltiċi titkellem ir-Russu u naqas milli jivverifika n-natura magħrufa ta’ dan il-fatt, għandu jiġi konkluż li t-tieni motiv huwa fondat.

37      Madankollu, din il-konstatazzjoni waħedha ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li l-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell, relatat mal-ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, waħdu ma setax ikollu influwenza determinanti fir-rigward tar-riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Philip Morris Products vs UASI (Forma ta’ pakkett ta’ sigaretti), T‑140/06, mhux ippubblikata, EU:T:2007:272, punt 72).

38      Fil-fatt, huwa biss taħt il-kundizzjoni li l-ewwel motiv ikun fondat, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna s-sinjifikat deskrittiv li t-trade mark ikkontestata jista’ jkollha għall-parti mill-pubbliku rilevanti residenti, jekk ikun il-każ, b’mod partikolari fl-Istati Baltiċi, li titkellem ir-Russu, li l-iżball ikkonstatat fil-punt 36 hawn fuq ikollu influwenza fuq ir-riżultat tal-eżami u għalhekk ikun jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009

39      Permezz tal-ewwel motiv, li huwa maqsum f’erba’ partijiet, l-ewwel nett ir-rikorrenti ssostni li d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti mogħtija mill-Bord tal-Appell hija żbaljata peress li la ħa inkunsiderazzjoni l-pubbliku speċjalizzat tal-Unjoni li jagħmel kummerċ mar-Russja u lanqas il-pubbliku tal-Unjoni li jitkellem ir-Russu.

40      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma evalwax b’mod korrett, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001), il-parti tal-Unjoni li għaliha r-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament setgħet tapplika.

41      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell f’dak li jirrigwarda t-tifsira tal-kelma “Пломбир” bir-Russu. Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-perċezzjoni li jkollu l-pubbliku rilevanti tat-trażlitterazzjoni ta’ din il-kelma f’karattri Latini (plombir).

42      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. Huma jsostnu, essenzjalment, li r-rikorrenti ma wrietx li l-kelma “plombir” jew “Пломбир” tinftiehem bħala li tindika l-ġelat bir-Russu. Huma jqisu, fi kwalunkwe każ, li din it-tifsira deskrittiva ma hijiex ser tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti. Skont l-EUIPO, ma hemmx għarfien ġenerali dwar kemm ir-Russu jinftiehem fl-Unjoni. Fir-rigward tal-intervenjenti, hija ssostni li, inkwantu r-Russu huwa lingwa barranija għaċ-ċittadini tal-Unjoni, kienet ir-rikorrenti li kellha turi li l-kelma “plombir” kienet parti mill-vokabularju bażiku f’din il-lingwa.

43      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li l-invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddikjarata meta t-trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun ġiet irreġistrata kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-istess regolament. Skont l-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament, it-“trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”, ma jistgħux jiġu rreġistrati.

44      L-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu għan ta’ interess ġenerali, liema għan jirrikjedi li s-sinjali jew indikazzjonijiet li, fil-kummerċ, jistgħu jservu sabiex jindikaw karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għandhom ikunu jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant tipprojbixxi li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet jiġu rriżervati għal impriża waħda minħabba li dawn ikunu ġew irreġistrati bħala trade mark u li impriża timmonopolizza l-użu ta’ terminu deskrittiv, b’detriment għall-impriżi oħra, inklużi l-kompetituri tagħha, li l-portata tal-vokabularju disponibbli għalihom sabiex jiddeskrivu l-prodotti tagħhom għaldaqstant tkun ridotta (ara s-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2015, Ewald Dörken vs UASI – Schürmann (VENT ROLL), T‑223/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:879, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv

45      L-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu eżaminati flimkien inkwantu dawn huma intiżi sabiex jistabbilixxu n-natura żbaljata tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-pubbliku rilevanti u l-parti tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom kellu jiġi evalwat il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata.

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ titwettaq biss, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni ta’ pubbliku mmirat, li huwa magħmul mill-konsumatur ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi (sentenzi tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, EU:T:2002:41, punt 38, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Radio Regenbogen Hörfunk in Baden vs UASI (RadioCom), T‑254/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:165, punt 33; ara, ukoll, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2011, Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Álava et vs UASI (TXAKOLI), T‑341/09, EU:T:2011:220, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata kienu intiżi għal kull konsumatur finali tal-Unjoni, u r-rikorrenti, barra minn hekk, ma oġġezzjonatx din l-evalwazzjoni.

48      Ir-rikorrenti madankollu ssostni li l-Bord tal-Appell żbalja meta ma evalwax ir-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 fir-rigward, minn naħa, tal-pubbliku speċjalizzat fil-kummerċ mar-Russja u, min-naħa l-oħra, tal-parti bir-Russu tal-konsumaturi li jappartjenu għall-pubbliku ġenerali tal-Unjoni li titkellem u residenti, b’mod partikolari, fil-Ġermanja u fl-Istati Baltiċi.

49      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell tal-kunċett ta’ “parti tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li trade mark għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea “minkejja li r-raġunijiet [assoluti] li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Unjoni”. Hija ssostni li l-Bord tal-Appell kien imissu eżamina l-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata mill-perspettiva tal-konsumaturi li jitkellmu bir-Russu li jappartjenu għall-pubbliku ġenerali tal-Unjoni u residenti, b’mod partikolari, fil-Ġermanja u fl-Istati Baltiċi bħala “parti tal-Unjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li minoranza transkonfinali, kuntrarjament għal Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri, ma tistax tikkostitwixxi “parti tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

51      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI (C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punt 83), il-parti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 tista’ tkun magħmula minn Stat Membru wieħed.

52      Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn din il-ġurisprudenza, li tirriżulta mill-fatti speċifiċi ta’ din il-kawża, li l-qorti tal-Unjoni għaldaqstant ried jinterpreta l-frażi “parti tal-[Unjoni]” tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 fis-sens li din ma setgħetx tikkorrispondi għal territorju iżgħar minn dak ta’ Stat Membru. Mill-għażla tal-kliem użati mil-leġiżlatur fl-imsemmi artikolu jirriżulta li ried jagħmel impossibbli r-reġistrazzjoni ta’ sinjal għal raġunijiet għal rifjut li jeżistu f’parti ta’ Stat Membru jew Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2012, Sogepi Consulting y Publicidad vs UASI (ESPETEC), T‑72/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:424, punti 35 u 36).

53      Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 lanqas ma jista’ jinftiehem bħala li, fil-każ ta’ sinjal verbali, jirreferi b’mod obbligatorju għal waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2012, ESPETEC, T‑72/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:424, punt 36; ara, ukoll, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2017, Lackmann Fleisch- und Feinkostfabrik vs EUIPO (медведь), T‑432/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:527, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, kif issostni r-rikorrenti, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-pubbliku rilevanti li fil-konfront tiegħu għandha tiġi evalwata r-raġuni assoluta għal rifjut huwa magħmul mill-konsumaturi li jitkellmu bir-Russu li jappartjenu għall-pubbliku ġenerali tal-Unjoni, peress li r-rikorrenti tallega li t-trade mark ikkontestata għandha karattru deskrittiv bir-Russu.

55      [Kif rettifikat permezz tad-digriet tat-30 ta’ April 2019] Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-konsumaturi tal-Unjoni li jitkellmu bir-Russu residenti, b’mod partikolari, fil-Ġermanja u fl-Istati Baltiċi, l-ewwel nett għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell ikkonkluda fil-punti 23 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrenti quddiem dan tal-aħħar jistabbilixxu b’mod konklużiv li parti sinjifikanti tal-popolazzjoni Ġermaniża titkellem ir-Russu. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tal-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) tas-27 ta’ Jannar 2016, prodotta mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell, jirriżulta li l-popolazzjoni, li titkellem ir-Russu, tat-territorju Ġermaniż hija ta’ madwar tliet miljun persuna.

56      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk parti sinjifikanti taċ-ċittadini tal-Unjoni li jitkellmu r-Russu jirrisjedux fl-Istati Baltiċi, għandu jiġi enfasizzat li, waqt is-seduta għat-trattazzjoni, l-EUIPO rrikonoxxa li huwa magħruf sew li ġeneralment ir-Russu jinftiehem fl-Istati Baltiċi.

57      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali reċentement ikkonfermat li kien magħruf li parti sinjifikanti taċ-ċittadini tal-Istati Baltiċi jafu r-Russu jew jitkellmuh bħala lingwa materna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2017, медведь, T‑432/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:527, punt 29). Ir-rikorrenti enfasizzat, ġustament, li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO kien wasal għall-istess konklużjoni fid-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2016 li kienet is-suġġett ta’ dik is-sentenza kif ukoll f’deċiżjoni oħra tal-20 ta’ Ġunju 2013 fil-Każ R 814/2012–1, liema deċiżjoni hija wkoll iċċitata fir-rikors.

58      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet u li dan għandu jseħħ f’kull każ speċifiku (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 77). Il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 207/2009, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali tal-EUIPO (ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2012, Mizuno vs UASI – Golfino (G), T‑101/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:223, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 65, u tat-2 ta’ Mejju 2012, Universal Display vs UASI (UniversalPHOLED), T‑435/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:210, punt 37).

59      Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza li teħtieġ li l-EUIPO jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà adottati u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari dwar il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 74), hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjonijiet preċedenti msemmija mir-rikorrenti kienu jikkostitwixxu manifestament ħjiel reċenti li l-fehim tar-Russu fl-Unjoni, u, b’mod partikolari, fl-Istati Baltiċi, seta’ jiġi kklassifikat bħala “fatt magħruf”, u dan l-istess fatt ittieħed inkunsiderazzjoni mill-istanzi tal-EUIPO fil-kuntest tal-imsemmija deċiżjonijiet.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi evalwata l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ pubbliku speċjalizzat fil-kummerċ mar-Russja, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti kif ukoll ksur tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għaliex il-pubbliku rilevanti li fil-konfront tiegħu kellha tiġi evalwata r-raġuni assoluta għar-rifjut kien pubbliku li jitkellem ir-Russu, li jinkludi l-pubbliku ġenerali tal-Unjoni li jifhem ir-Russu jew li jitkellem ir-Russu, u li huwa residenti, b’mod partikolari, fil-Ġermanja u fl-Istati Baltiċi.

61      Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv għandhom jintlaqgħu.

–       Fuq it-tielet u r-raba’ parti tal-ewwel motiv

62      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li hija ma tatx prova li l-kelma “Пломбир” kellha tifsira deskrittiva bir-Russu għall-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata. Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, hija tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-“isforz intellettwali” li l-pubbliku rilevanti jkollu jagħmel, jiġifieri sforz ta’ traduzzjoni flimkien ma’ sforz ta’ trażlitterazzjoni, ma jippermettix li jiġi stabbilit li jipperċepixxi xi sinjifikat deskrittiv tal-kelma “plombir”.

63      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

64      Fir-rigward, l-ewwel nett, tat-tifsira tal-kelma “Пломбир” jew “plombir” bir-Russu, għandu jitfakkar li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO kkunsidrat, mingħajr ma dan ġie kkontestata mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, li d-denominazzjoni “Пломбир” kienet tintuża, fi żmien l-ex Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (ex USSR), sabiex jiġi indikat tip ta’ ġelat.

65      Il-Bord tal-Appell ma semma l-ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-kelma “plombir” ma kinitx għadha tintuża fir-Russja. B’hekk, għalkemm fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord tal-Appell indika li l-espressjonijiet “silġ li jittiekel” jew “ġelat” huma tradotti permezz tal-espressjoni “(sliwotschnoje) moroschenoje” (сливочное мороженое) fid-dizzjunarji Ġermaniż-Russu, tali kunsiderazzjonijiet waħedhom ma jippermettux li jiġi eskluż li l-kelma “Пломбир” jew “plombir” tintuża wkoll, bir-Russu, sabiex jiġu identifikati dawn il-prodotti jew varjetà ta’ dawn il-prodotti.

66      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-fajl tal-EUIPO jirriżulta li r-rikorrenti pproduċiet quddiem il-Bord tal-Appell estratti tal-istandards tekniċi GOST tal-2003, fejn il-prodotti indikati bil-kelma “plombir” u l-prodotti indikati bil-kelma “moroschenoje” jinsabu taħt l-istess numru ta’ klassifikazzjoni (52175–2003). Dawn l-istandards uffiċjali, stabbiliti mill-Kumitat tal-Istat tal-Federazzjoni Russa għall-istandardizzazzjoni, il-metroloġija u ċ-ċertifikazzjoni wara t-tmiem tal-ex USSR, jikkostitwixxu prova konkreta sabiex jiġi stabbilit li l-kelma “plombir” jew “Пломбир” hija kelma komuni fir-Russu għal silġ li jittiekel.

67      Ir-rikorrenti pproduċiet ukoll quddiem il-Bord tal-Appell id-deċiżjoni tad-Deutsches Patent- und Markenamt (l-Uffiċċju tal-Privattivi u tat-Trade Marks Ġermaniż) tat-12 ta’ Marzu 2013, li tikkonferma li l-kelma “plombir” jew “Пломбир”, bir-Russu, kienet tindika, inkluż fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, il-ġelat.

68      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell provi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-kelma “plombir” jew “Пломбир” bir-Russu tiddeskrivi l-prodotti inkwistjoni.

69      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-estratti mid-dizzjunarju li r-rikorrenti pproduċiet għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali (Annessi K16 u K17 tat-talba sabiex tinżamm seduta) jikkonfermaw li din il-kelma hija użata komunement bir-Russu sabiex jiġi indikat il-ġelat.

70      L-argument tal-intervenjenti li jgħid li għandu jittieħed kont tal-użu tal-kelma “plombir” jew “Пломбир” sabiex jiġu indikati prodotti oħra ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li espressjoni jista’ jkollha tifsiriet differenti ma jeskludix l-eżistenza ta’ karattru deskrittiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti, tal-inqas f’waħda mit-tifsiriet tagħha, li t-trade mark tkun tista’ tintuża għal finijiet deskrittivi tal-prodotti inkwistjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      It-tieni nett, fir-rigward tal-perċezzjoni tat-trade mark ikkontestata mill-konsumaturi tal-Unjoni li jitkellmu r-Russu, residenti, b’mod partikolari, fl-Istati Baltiċi u fil-Ġermanja, għandu jiġi mfakkar li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jkollu rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti jew is-servizzi li jindika, u tali rabta tkun ta’ natura li tippermetti lill-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi jew waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T‑19/04, EU:T:2005:247, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell ikkunsidra fid-deċiżjoni kkontestata, ikun aktar evidenti għall-pubbliku tal-Unjoni li jitkellem ir-Russu li jassoċja mal-kelma “plombir”, iktar milli mal-kelma “Пломбир”, tifsira li tiddeskrivi l-ġelat bir-Russu, peress li dan il-pubbliku kollu jaf l-alfabett Latin, iżda mhux neċessarjament l-alfabett Ċirilliku.

73      Kif issostni r-rikorrenti, il-pubbliku tal-Unjoni li jitkellem ir-Russu x’aktarx ukoll juża mezzi ta’ komunikazzjoni li ma jipproċessawx il-karattri Ċirilliċi u huwa għalhekk imdorri għat-trażlitterazzjoni ta’ kliem Russi f’karattri Latini.

74      Barra minn hekk għandu jitfakkar li t-trażliterazzjoni, f’karattri Latini, ta’ kelma li tirriżulta minn alfabett ieħor ma tikkostitwixxix neċessarjament ostakolu għall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti tat-tifsira deskrittiva ta’ din il-kelma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Deutsche Steinzeug Cremer & Breuer vs UASI (CHROMA), T‑281/09, EU:T:2010:537, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, sa fejn il-kelma “plombir” hija t-trażlitterazzjoni fidila tal-kelma “Пломбир” f’ittri tal-alfabett Latin magħruf mill-konsumatur tal-Unjoni li jitkellem ir-Russu kkonċernat, it-tifsira deskrittiva tiegħu tista’ tingħaraf immedjatament u tinftiehem direttament minn dan il-konsumatur.

76      Għaldaqstant, it-tielet u r-raba’ parti tal-ewwel motiv ukoll għandhom jintlaqgħu u, konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ kollu kemm hu.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, u mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

78      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

79      Skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO għandhom jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru.

80      Peress illi l-EUIPO tilef, huwa għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar. Dawn jinkludu wkoll l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrenti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

81      Peress li l-intervenjenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat-22 ta’ Settembru 2016 (Każ R 1812/2015-4) hija annullata.

2)      L-EUIPO għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn Monolith Frost GmbH, inklużi l-ispejjeż indispensabbli sostnuti minn Monolith Frost għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

3)      Dovgan GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Pelikánová

Valančius

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.