SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ Mejju 2020 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea AUREA BIOLABS – Trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea AUREA – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Xebh tal-prodotti – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Rettifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell – Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001”

Fil-Kawżi T‑724/18 u T‑184/19,

Aurea Biolabs Pte Ltd, stabbilita f’Cochin (l-Indja), irrappreżentata minn B. Brandreth, QC, u L. Oommen, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn K. Kompari, H. O’Neill u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Avizel SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn C. De Keersmaeker u W.-J. Cosemans, avukati,

li għandha bħala suġġett, fil-Kawża T‑724/18, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-11 ta’ Settembru 2018 (Każ R 814/2018–2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Avizel u Aurea Biolabs, u, fil-Kawża T‑184/19, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tad-29 ta’ Jannar 2019 (Każ R 814/2018–2 (CORR)), li tirrettifika d-deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2018,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Diċembru 2018 (Kawża T‑724/18) u fis-27 ta’ Marzu 2019 (Kawża T‑184/19),

wara li rat l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Mejju 2019 fil-Kawża T‑184/19,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ġunju 2019,

wara li rat id-digriet li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tingħaqad mal-mertu tal-11 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T‑184/19,

wara li rat ir-risposti tal-EUIPO ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Marzu 2019 (Kawża T‑724/18) u fl-24 ta’ Settembru 2019 (Kawża T‑184/19),

wara li rat ir-risposti tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Marzu 2019 (Kawża T‑724/18) u fit-3 ta’ Ġunju 2019 (Kawża T‑184/19),

wara l-emenda għall-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara li rat id-deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2019 li tgħaqqad il-Kawżi T‑724/18 u T‑184/19 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura,

wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2020, li matulha ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-partijiet dwar il-possibbiltà li jingħaqdu l-Kawżi T‑724/18 u T‑184/19 għall-finijiet tas-sentenza,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-19 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti, Aurea Biolabs Pte Ltd, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 5 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjonijiet segwenti: “Supplimenti tal-ikel; supplimenti tad-dieta u tan-nutrizzjoni; xorb supplimentari tad-dieta; xorb nutrizzjonali ffortifikat għal użu tad-dieta; supplimenti tad-dieta u nutrizzjonali, jiġifieri, ikel funzjonali użat bħala supplimenti tal-ikel jew nutrizzjonali; supplimenti tal-vitamini u tal-minerali”.

4        Fit-30 ta’ Jannar 2017, l-intervenjenti, Avizel SA, ippreżentat oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

5        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea AUREA, irreġistrata fit-12 ta’ Marzu 2015 bin-numru 13493432.

6        It-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 5 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 3: “Sapun; żjut meħudin minn pjanti; kożmetiċi, minbarra fwejjaħ u ilma mfewwaħ għall-użu fuq il-ġilda; lozjonijiet tax-xagħar”;

–        klassi 5: “Kremi, balzmi tas-sbuħija għal użu mediku; krejjem għat-trabi [għal użu mediku]; kremi (immedikati) għall-ġisem; krema tal-idejn għal użu mediku; kremi għall-wiċċ għal użu mediku; kremi għax-xuftejn għal użu mediku; kremi għas-saqajn għal użu mediku; kremi mediċinali għall-ġilda; kremi mediċinali għall-protezzjoni tal-ġilda; kremi ta’ kura għall-ġilda għal użu mediku”.

7        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001).

8        Fis-6 ta’ Marzu 2018, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni għar-raġuni li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni u ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

9        Fit-3 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. B’mod partikolari, huwa kkunsidra li t-territorju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni kien dak tal-Unjoni Ewropea u li l-pubbliku rilevanti kien kompost parzjalment minn professjonisti tal-mediċina u parzjalment mill-pubbliku ġenerali bħala konsumaturi finali, li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu huwa għoli (punti 17 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Bord tal-Appell qies li l-prodotti fil-klassi 5 koperti mit-trade marks kunfliġġenti kienu jixxiebhu, għall-inqas f’livell baxx, u minn dan iddeduċa li ma kienx neċessarju li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ xebh eventwali bejn il-prodotti indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 3 koperti mit-trade mark preċedenti (punti 25 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-paragun tas-sinjali, il-Bord tal-Appell ikkonstata l-eżistenza ta’ xebh viżiv tal-inqas medju, ta’ xebh fonetiku tal-inqas medju, jew għoli, u, għal parti mill-pubbliku rilevanti, mill-inqas livell baxx ta’ xebh kunċettwali (punti 39 sa 78 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-evalwazzjoni globali tagħha tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, hija b’mod partikolari fakkret, minn naħa, li, skont il-ġurisprudenza dwar l-interdipendenza tal-fatturi rilevanti għal din l-evalwazzjoni, jekk il-prodotti kkonċernati kienu identiċi, il-livell ta’ differenza bejn is-sinjali kellu jkun għoli sabiex tiġi evitata probabbiltà ta’ konfużjoni u, min-naħa l-oħra, indika li l-prodotti inkwistjoni f’dan il-każ kienu ġew ikkunsidrati bħala identiċi (punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell ikkonkluda l-evalwazzjoni globali tiegħu billi sostna li kien jaqbel mal-pożizzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tgħid li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ (punt 92 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rettifika”), it-Tieni Bord tal-Appell, abbażi tar-“Regola 53 EUTMIR”, irrettifika d-deċiżjoni kkontestata, billi ħassar il-punt 80 tal-imsemmija deċiżjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        fil-Kawża T‑724/18, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, fil-Kawża T‑184/19, tannulla d-deċiżjoni ta’ rettifika;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż fil-Kawżi T‑724/18 u T‑184/19 u, fil-Kawża T‑724/18, tikkundanna wkoll lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

13      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑724/18 bħala infondat;

–        tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑184/19 bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż fil-Kawżi T‑724/18 u T‑184/19.

14      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi fil-Kawżi T‑724/18 u T‑184/19;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-imsemmija kawżi.

 Fid-dritt

15      Sa fejn id-deċiżjoni ta’ rettifika ħassret punt tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kunsiderazzjonijiet tiegħu huma kkontestati mir-rikors fil-Kawża T‑724/18, għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok il-legalità tad-deċiżjoni ta’ rettifika kkontestata permezz tar-rikors fil-Kawża T‑184/19.

 Fuq ir-rikors fil-Kawża T184/19

16      Fir-rikors fil-Kawża T‑184/19, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rettifika. L-ewwel nett, id-deċiżjoni ta’ rettifika hija bbażata fuq bażi legali żbaljata, ir-“Regola 53 EUTMIR”. It-tieni nett, l-iżball inkwistjoni ma setax ikun is-suġġett ta’ rettifika, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjoni legali applikabbli, jiġifieri l-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001. It-tielet nett, il-Bord tal-Appell kiser id-dritt tiegħu għal smigħ, billi ma taħx il-possibbiltà li jieħu pożizzjoni la fuq id-dispożizzjoni applikabbli u lanqas fuq ir-rettifika prevista.

17      Jista’ effettivament jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni ta’ rettifika hija formalment ibbażata fuq ir-“Regola 53 EUTMIR” (punt 5 tad-deċiżjoni ta’ rettifika). Sa fejn huwa biss ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), li fih Regola 53, għandu jiġi kkunsidrat, kif ammetta l-EUIPO fir-risposta, li d-deċiżjoni ta’ rettifika hija bbażata fuq ir-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95, anki jekk l-isem “EUTMIR” ma jikkorrispondix għal dan ir-regolament tal-aħħar.

18      Kif issostni ġustament ir-rikorrenti, ir-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95 ma għadhiex fis-seħħ mill-1 ta’ Ottubru 2017. Minn din id-data, ir-rettifika tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO hija rregolata mill-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001.

19      Issa, id-dispożizzjoni applikabbli għar-rettifika ta’ deċiżjoni hija dik li tkun fis-seħħ fid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ rettifika hija adottata (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ revoka, is-sentenza tat-21 ta’ Frar 2018, Repower vs EUIPO — repowermap.org (REPOWER), T‑727/16, EU:T:2018:88, punti 19 sa 29; ara wkoll, b’analoġija, fir-rigward tar-rettifika prevista mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, id-digriet tal-21 ta’ Lulju 2015, Tomana et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑190/12 Ġabra, mhux ippubblikat, EU:T:2015:572, punti 3 u 4), jiġifieri f’dan il-każ l-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001 fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rettifika, fid-29 ta’ Jannar 2019. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lil istituzzjoni tal-Unjoni sabiex tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tiegħu u li r-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa li japplikaw fil-mument li fih jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Dan l-iżball, invokat b’mod validu fil-kuntest tal-ewwel motiv tar-rikorrenti u barra minn hekk irrikonoxxut mill-EUIPO fir-risposta, ma jistax madankollu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rettifika fl-ipoteżi fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001 sabiex jiġu rrettifikati d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell ġew osservati f’dan il-każ. Fil-fatt, l-iżball fl-għażla tal-bażi legali jwassal għall-annullament tal-att ikkonċernat biss meta dan jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-kontenut tiegħu (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Reisenthel vs UASI – Dynamic Promotion (Kaxxi li jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u basktijiet), T‑53/10, EU:T:2011:601, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Ir-rikorrenti tikkontesta preċiżament, permezz tat-tieni motiv tagħha, l-osservanza f’dan il-każ tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001 sabiex jiġu rrettifikati d-deċiżjonijiet tal-EUIPO. Hija ssostni b’mod partikolari li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-“iżbalji manifesti”, li f’dan il-każ iġġustifikaw id-deċiżjoni ta’ rettifika (punti 5 u 6 ta’ din id-deċiżjoni), filwaqt li tali żbalji jissemmew biss fl-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, li jirregola r-revoka tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO.

22      Mill-kliem tal-Artikoli 102 u 103 tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta effettivament li huwa biss l-Artikolu 103 li jirreferi għal “żball ovvju”, peress li l-Artikolu 102 issa jsemmi biss l-“[i]żvisti manifesti”.

23      L-Artikolu 102(1) tar-Regolament 2017/1001, intitolat “Korrezzjoni ta’ żbalji u żvisti manifesti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba ta’ parti, l-[EUIPO] għandu jikkoreġi kull żball lingwistiku jew żball ta’ traskrizzjoni u żvisti manifesti fid-deċiżjonijiet tiegħu, jew żbalji tekniċi attribwibbli lilu fir-reġistrazzjoni ta’ trademark tal-UE jew fil-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni.”

24      Fir-rigward tal-Artikolu 103(1) tar-Regolament 2017/1001, li huwa intitolat “Revoka ta’ deċiżjonijiet”, dan jipprovdi kif ġej:

“1.      Fejn l-[EUIPO] jkun daħħal entrata fir-Reġistru jew ikun ħa deċiżjoni li jkun fiha żball ovvju attribwibbli [lilu], dan għandu jiżgura li l-entrata tiġi kkanċellata jew id-deċiżjoni tiġi revokata. […]”

25      Għandu jiġi ppreċiżat li, fil-verżjonijiet tagħhom applikabbli preċedentement, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-rettifika u r-revoka tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO kienu jirreferu rispettivament għall-“[iżbalji manifesti]” (Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95) u għal “żball proċedurali ovvju” (Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009).

26      Mill-ġurisprudenza li interpretat dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jirriżulta li, fid-dawl tal-importanza tan-natura vinkolanti tad-dispożittiv ta’ deċiżjoni definittiva adottata minn awtorità kompetenti u b’osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-regola li tippermetti li jsiru, b’mod eċċezzjonali, emendi ulterjuri għal tali deċiżjoni, permezz ta’ rettifika jew revoka, hija ta’ interpretazzjoni stretta u, għaldaqstant, limitata għal żbalji manifesti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2011, dm-drogerie markt vs UASI – Distribuciones Mylar (dm), T‑36/09, EU:T:2011:449, punti 73, 76 u 78, u, fir-rigward tar-rettifiki biss, tal-14 ta’ Diċembru 2006, Gagliardi vs UASI – Norma Lebensmittelfilialbetrieb (MANŪ MANU MANU), T‑392/04, mhux ippubblikata, EU:T:2006:400, punt 55).

27      Madankollu mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq tirriżulta differenza fit-tip ta’ żball li jista’ jagħti lok għal rettifika jew għal revoka, u dan minħabba d-distinzjoni bejn il-proċedura ta’ rettifika u l-proċedura ta’ revoka.

28      Fil-fatt, il-proċedura ta’ rettifika ma timplikax it-tħassir tad-deċiżjoni rrettifikata, iżda twassal biss għall-korrezzjoni tal-iżbalji li jinsabu fiha permezz ta’ deċiżjoni ta’ rettifika. Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ revoka hija riflessa fit-tneħħija tad-deċiżjoni żbaljata u timplika r-rinviju għall-istadju tal-proċedura li kienet tinsab fiha l-istanza quddiem l-EUIPO qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, mingħajr korrezzjoni tal-iżball misjub fid-deċiżjoni ta’ revoka nnifisha.

29      B’hekk, ir-rettifiki huma limitati għall-iżbalji manifesti ta’ natura formali, li ma jaffettwawx il-portata u s-sustanza tad-deċiżjoni meħuda, iżda biss il-forma tagħha (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, MANŪ MANU MANU, T‑392/04, mhux ippubblikata, EU:T:2006:400, punt 55). Huma kkonċernati żbalji li jippreżentaw tali grad evidenti li ebda test ieħor minbarra dak li jirriżulta mir-rettifika ma jista’ jiġi previst (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, dm, T‑36/09, EU:T:2011:449, punti 73 u 75) u li ma jiġġustifikawx l-annullament jew ir-revoka tad-deċiżjoni li hija vvizzjata bihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011, Ifemy’s vs UASI – Dada & Co Kids (Dada & Co. kids), T‑50/09, EU:T:2011:90, punt 32) u li jinstemgħu il-partijiet.

30      Min-naħa l-oħra, jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ revoka l-iżbalji li ma jippermettux iż-żamma tad-dispożittiv tad-deċiżjoni inkwistjoni, mingħajr analiżi ġdida li ssir ulterjorment mill-istanza li tkun ħadet l-imsemmija deċiżjoni. Huma kkonċernati l-iżbalji li jaffettwaw it-tqassim tal-ispejjeż tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, Okalux vs UASI – Messe Düsseldorf (OKATECH), T‑419/07, EU:T:2009:238, punti 33 u 40), dawk relattivi għad-dritt għal smigħ (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Kaxxi li jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u basktijiet, T‑53/10, EU:T:2011:601, punti 37 sa 39) kif ukoll dawk li jirrigwardaw l-obbligu ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2019, Repower vs EUIPO, C‑281/18 P, EU:C:2019:916, punt 34).

31      Id-differenza bejn il-każijiet ta’ rettifika u l-każijiet ta’ revoka, ippreċiżata mill-ġurisprudenza mogħtija taħt id-dispożizzjonijiet applikabbli preċedentement, esposta fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, ma ġietx ikkontestata mill-emenda tat-termini użati fid-dispożizzjonijiet rilevanti f’dan il-każ.

32      Fil-fatt, hekk kif ikkonferma l-EUIPO waqt is-seduta, id-distinzjoni bejn l-iżbalji li jiġġustifikaw rettifika u l-iżbalji li jiġġustifikaw revoka nżammet u s-sostituzzjoni tal-espressjoni “żbalji manifesti” bi “żvisti manifesti” fl-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001 hija spjegata preċiżament min-neċessità li tinżamm id-distinzjoni mal-iżbalji msemmija fl-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001, li issa huma msejħa “żball ovvju” u mhux iktar “żbalji proċedurali manifesti”. Madankollu, il-kliem użat f’diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001 (b’mod partikolari “oversights” bl-Ingliż, “Versehen” bil-Ġermaniż, “sviste” bit-Taljan jew “equivocaciones” bl-Ispanjol), li jirreferi għal “oublis” bħala b’mod iktar wiesa’ għal “żbalji”, l-EUIPO għandu jitqies li jista’ jkompli jikkoreġi ċerti żbalji abbażi tal-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001, mingħajr ma jirrikorri għall-proċedura ta’ revoka rregolata mill-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001. Fir-rigward tal-iżbalji li jistgħu jiġu rrettifikati abbażi tal-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001, mill-ġurisprudenza li interpretat lil din id-dispożizzjoni l-ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2019, ZPC Flis vs EUIPO – Aldi Einkauf (FLIS Happy Moreno choco), T‑708/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:762, punti 38 sa 41, u tal-24 ta’ Ottubru 2019, ZPC Flis vs EUIPO – Aldi Einkauf (Happy Moreno choco), T‑498/18, EU:T:2019:763, punti 37 sa 40), jirriżulta li r-rettifika hija eskluża għall-iżbalji li jolqtu s-sostanza tad-deċiżjoni adottata, bħal dawk li jirrigwardaw il-lista ta’ prodotti koperti mit-trade mark preċedenti li timplika evalwazzjoni ġdida tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

33      Minn dan isegwi li żball ikkonstatat f’deċiżjoni jista’ jiġi rrettifikat, skont l-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001, meta dan ikun element indispensabbli f’deċiżjoni li, għall-bqija, tkun koerenti u mhux ambigwa, jiġifieri jekk jidher, b’mod ċar, li l-iżball jirriżulta minn żvista jew minn lapsus li għandu jiġi kkoreġut manifestament fis-sens adottat, sal-punt li ebda formulazzjoni oħra ħlief dik li tirriżulta mir-rettifika ma setgħet tiġi kkunsidrata.

34      F’dan il-każ, ir-rettifika kienet tikkonsisti fit-tneħħija ta’ punt tad-deċiżjoni kkontestata, il-punt 80, għar-raġuni, invokata mill-EUIPO, li dan kien ivvizzjat b’ineżattezza evidenti. Dan il-punt jikkonsisti fi tfakkira żbaljata ta’ dak li l-Bord tal-Appell irrileva f’silta preċedenti tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa manifest li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, kif jirriżulta mill-punti 31 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti inkwistjoni kienu biss jixxiebhu, għall-inqas f’livell baxx, b’tali mod li l-konstatazzjoni, fil-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-prodotti kienu identiċi, kienet ir-riżultat ta’ żball evidenti ta’ inattenzjoni.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, fid-dawl ta’ dak li ntqal (ara l-punti 32 u 33 iktar ’il fuq), il-fatt li r-rettifika kienet tikkonsisti f’dan il-każ, mhux fiż-żieda ta’ punt li kien tħalla barra, iżda fit-tneħħija ta’ punt tad-deċiżjoni kkontestata, ma jippermettix fih innifsu li jiġi dedott li l-imsemmija rettifika saret bi ksur tal-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001.

36      Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-kontradizzjoni bejn l-analiżi tax-xebh tal-prodotti inkwistjoni, li ġiet konkluża permezz ta’ konstatazzjoni ta’ xebh, tal-inqas f’livell baxx (punti 6, 31, 36 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata), u t-tfakkira, fl-analiżi globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, tar-riżultat tal-paragun tal-imsemmija prodotti bħala li kienet ibbażata fuq konstatazzjoni ta’ identiċità (punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata), solvuta bit-tneħħija ta’ din it-tfakkira, setgħet tiġi riżolta biss f’dan is-sens.

37      Fil-fatt, mill-aħħar sentenza tal-punt imħassar tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-kliem “[i]l-prodotti kkontestati ġew meqjusa”, jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmi punt kien intiż sabiex ifakkar l-analiżi komparattiva mwettqa preċedentement. Minn dan isegwi li, fir-rigward tat-tfakkira tar-riżultat ta’ analiżi preċedenti sabiex issir evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li timplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ diversi fatturi, fosthom ix-xebh tal-prodotti (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 74; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 17), din it-tfakkira kellha neċessarjament tkun konformi mal-analiżi li kienet saret u b’hekk tirreferi għal xebh tal-inqas dgħajjef minflok identiċità tal-prodotti inkwistjoni. Għaldaqstant, l-iżball imwettaq b’dan il-mod seta’ jiġi kkoreġut biss fis-sens tal-analiżi effettivament imwettqa mill-Bord tal-Appell, li tikkonkludi li kien hemm xebh bejn il-prodotti, u ma setax jiġi korrett kemm f’dan is-sens kif ukoll f’dak ta’ konstatazzjoni ta’ identiċità tal-imsemmija prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, dm, T‑36/09, EU:T:2011:449, punt 75).

38      In-natura evidenti ta’ dan l-iżball hija barra minn hekk sostnuta mill-fatt li l-Bord tal-Appell ma applikax il-ġurisprudenza dwar l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ ta’ identiċità tal-prodotti, imfakkra wkoll fil-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-punti sussegwenti tal-analiżi globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-Bord tal-Appell isemmi, fil-punt 91 tad-deċiżjoni kkontestata, il-komplementarjetà tal-prodotti inkwistjoni, konformement mal-evalwazzjoni tiegħu tax-xebh tal-imsemmija prodotti fil-punti 31 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, fil-punti 32 u 33 tal-imsemmija deċiżjoni.

39      It-tneħħija tal-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata b’hekk kienet ovvja, b’tali mod li tista’ tiġi kklassifikata bħala rettifika ta’ żball imwettaq b’mod validu skont l-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001.

40      Minn dan isegwi, barra minn hekk, li l-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat talli ma semax lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rettifika, kif din issostni fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha. Fil-fatt, b’differenza mill-Artikolu 103 tar-Regolament 2017/1001 dwar il-proċedimenti ta’ revoka, li jipprovdi li l-partijiet għandhom jinstemgħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ revoka, l-Artikolu 102 tal-istess regolament ma jeħtieġx li l-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell jinstemgħu qabel ir-rettifika. Barra minn hekk, f’dan il-każ, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament 2017/1001 li jipprevedu l-każijiet fejn il-partijiet għandhom jinstemgħu, ma tapplikax it-tieni sentenza tal-Artikolu 94(1) tal-imsemmi regolament, li tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li r-rettifika validament magħmula f’dan il-każ ma biddlitx is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 29 u 32 iktar ’il fuq) u għalhekk ma kinitx tiġġustifika li r-rikorrenti tinstema’ minn qabel.

41      Għal din l-istess raġuni ta’ nuqqas ta’ effett fuq is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi miċħuda wkoll l-allegazzjoni ta’ preġudizzju għall-ekwità minħabba l-bidla fil-kontenut materjali tad-deċiżjoni kkontestata, meta kien ġie ppreżentat rikors kontriha.

42      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li xejn ma jippermetti li jitqies li l-kontenut tad-deċiżjoni ta’ rettifika jista’ jiġi affettwat mir-riferiment żbaljat għar-“Regola 53 EUTMIR” pjuttost milli għall-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni minħabba dan l‑iżball ikun nieqes minn kull effett utli, peress li d-deċiżjoni adottata mill-Bord tal-Appell wara l-annullament terġa’ tiġi adottata taħt l-istess kundizzjonijiet u tkun ibbażata fuq l-istess elementi tad-deċiżjoni annullata.

43      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-iżball tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-bażi legali applikabbli msemmija ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rettifika. Ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑184/19 għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO għall-imsemmi rikors.

 Fuq ir-rikors fil-Kawża T724/18

44      Fir-rikors fil-Kawża T‑724/18, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

45      Sa fejn it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rettifika ġew miċħuda (ara l-punt 43 iktar ’il fuq), għandha tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, kif irrettifikata. Għaldaqstant, l-ilment imressaq insostenn ta’ dan il-motiv uniku u dirett kontra l-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata, imħassar bid-deċiżjoni ta’ rettifika, għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu.

46      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament 2017/1001, trade marks preċedenti tfisser it-trade marks tal-Unjoni Ewropea li d-data li fiha ġew ippreżentati tippreċedi dik tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea.

47      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali jew tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi indikati (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi identiċità jew xebh tat-trade marks f’kunflitt u identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li huma jiddenotaw. Dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI — easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, EU:T:2009:14, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol deċiżiv fid-determinazzjoni tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn professjonisti tal-mediċina kif ukoll mill-pazjenti bħala konsumaturi finali u juri livell għoli ta’ attenzjoni (punti 19 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-kunsiderazzjoni għandha tiġi kkonfermata, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura tal-prodotti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, Trubion Pharmaceuticals vs UASI – Merck (TRUBION), T‑412/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:507, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta d-definizzjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell tat-territorju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ (punti 20 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri t-territorju tal-Unjoni, fejn jitfakkar li jkun biżżejjed li teżisti raġuni relattiva għal rifjut f’parti mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, VENADO b’bordura et, T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Ir-rikorrenti tikkontesta, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni mill-Bord tal-Appell tax-xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti.

53      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-paragun tal-prodotti (punti 25 sa 38 tal-imsemmija deċiżjoni), li l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 5 koperti mit-trade marks kunfliġġenti kienu jixxiebhu, tal-inqas f’livell baxx (punti 31, 36 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan ibbaża ruħu, sabiex jagħmel dan, fuq iċ-ċirkustanzi li d-destinazzjonijiet tal-prodotti inkwistjoni kienu jingħaqdu u li l-imsemmija prodotti kienu ta’ spiss jinxtraw fl-ispiżerija kif ukoll fuq il-komplementarjetà possibbli tagħhom. B’mod partikolari, il-prodotti kkonċernati għandhom għan paragunabbli, dak li titjieb il-forma jew l-apparenza tal-ġisem jew, f’kull każ, li jinżamm ġisem b’saħħtu (punti 32 sa 34 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell enfasizza li d-differenzi fil-metodi ta’ amministrazzjoni jew fl-indikazzjonijiet terapewtiċi tal-prodotti ma kinux biżżejjed sabiex jeskludu kull xebh bejn l-imsemmija prodotti (punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, il-finalità tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom. Fatturi oħra jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, bħal, pereżempju, ir-rotot ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, qies li kien hemm tliet fatturi ta’ xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, jiġifieri, l-ewwel nett, l-użu komuni tagħhom, dak li titjieb il-forma jew l-apparenza tal-ġisem jew, fi kwalunkwe każ, li jinżamm ġisem b’saħħtu, it-tieni nett, il-komplementarjetà tagħhom u, it-tielet nett, ix-xiri frekwenti tagħhom fl-ispiżerija.

56      Ir-rikorrenti ma tikkontestax dan l-aħħar fattur ta’ xebh, fir-rigward tar-rotot ta’ distribuzzjoni. Din tikkritika, min-naħa l-oħra, iż-żewġ fatturi ta’ xebh l-oħra kkunsidrati, kemm fir-rigward tal-evalwazzjoni intrinsika tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-kapaċità globali tagħhom, ikkunsidrati flimkien mal-fattur tal-kanali ta’ distribuzzjoni, li jikkaratterizzaw xebh bejn il-prodotti inkwistjoni, fid-dawl b’mod partikolari tad-differenzi ta’ natura, ta’ indikazzjoni terapewtika u tal-metodu ta’ amministrazzjoni bejn l-imsemmija prodotti.

57      Ir-rikorrenti tikkritika għalhekk, l-ewwel nett, lill-Bord tal-Appell talli ta importanza eċċessiva lid-destinazzjoni tal-prodotti inkwistjoni, li barra minn hekk ġiet analizzata b’mod żbaljat f’livell għoli wisq ta’ astrazzjoni.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li r-rikorrenti ma tikkontestax, bħala tali, il-fatt li s-supplimenti tal-ikel, nutrizzjonali, djetetiċi u vitaminiċi, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u l-kremi għal użu mediku, koperti mit-trade mark preċedenti, għandhom l-istess għan li jtejbu l-forma jew l-apparenza tal-ġisem jew, fi kwalunkwe każ, il-konservazzjoni ta’ ġisem b’saħħtu (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li t-trattament tal-problemi tas-saħħa tal-bniedem, inqas limitat mid-destinazzjoni msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, ġie kkunsidrat bħala għan jew skop komuni li jistgħu validament jittieħdu inkunsiderazzjoni abbażi tax-xebh ta’ prodotti li jaqgħu fil-klassi 5 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2006, Armour Pharmaceutical vs UASI – Teva Pharmaceutical Industries (GALZIN), T‑483/04, EU:T:2006:323, punt 70, u tat-2 ta’ Diċembru 2014, Boehringer Ingelheim Pharma vs UASI – Nepentes Pharma (Momarid), T‑75/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1017, punti 58 u 59).

60      Jista’ jingħad ukoll li, anki jekk jiġi preżunt li l-ġurisprudenza dwar l-ispeċifiċità tal-prodotti mediċinali u dwar l-importanza deċiżiva tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-użu partikolari tagħhom espress mill-indikazzjoni terapewtika tagħhom, barra minn hekk imfakkra mill-Bord tal-Appell (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata), hija applikabbli f’dan il-każ, filwaqt li r-rikorrenti ssostni li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma humiex prodotti farmaċewtiċi, hija ma tistax tikkontesta l-konstatazzjoni ta’ xebh għall-inqas dgħajjef bejn il-prodotti inkwistjoni, sa fejn huma ssodisfatti l-fatturi l-oħra.

61      Ċertament, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat b’mod korrett ix-xebh bejn prodotti mediċinali, li jifformaw kategorija wiesgħa ħafna li tinkludi prodotti li jistgħu jkunu differenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan u l-użu speċifiku ta’ prodott terapewtiku, li huwa espress permezz tal-indikazzjoni terapewtika tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2010, Novartis vs UASI – Sanochemia Pharmazeutika (TOLPOSAN), T‑331/09, EU:T:2010:520, punti 35 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Madankollu, id-differenza relattiva għall-indikazzjoni terapewtika jew għall-użu partikolari tal-prodotti ma hijiex biżżejjed sabiex tipprekludi li jiġi kkonstatat ix-xebh tagħhom u tippermetti li tiġi validament fondata l-konstatazzjoni ta’ xebh tal-inqas dgħajjef sakemm il-fatturi ta’ xebh l-oħra jiġu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2006, GALZIN, T‑483/04, EU:T:2006:323, punti 70 u 71; tal-11 ta’ Novembru 2009, Bayer Healthcare vs UASI– Uriach-Aquilea OTC (CITRACAL), T‑277/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:433, punti 44 u 45, u tat-2 ta’ Diċembru 2014, Momarid, T‑75/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1017, punt 66).

63      Dan huwa iktar u iktar il-każ f’din il-kawża peress li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, mingħajr ma wettaq żball, li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti kellhom diversi destinazzjonijiet speċifiċi komuni.

64      Fil-fatt, il-Bord tal-Appell, qabel kollox, irrileva korrettament, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, li kien komuni li supplimenti li fihom il-betakaroten jittieħdu qabel espożizzjoni għax-xemx sabiex tiġi ppreparata l-ġilda, tiġi protetta kontra x-xjuħija kkawżata mir-raġġi ultravjola u tiġa ffavorita smurija sana, bl-istess mod kif jiġu applikati għal dan il-għan kremi solari (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, dan essenzjalment ikkonstata l-eżistenza ta’ użu speċifiku komuni għall-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, dak li tiġi protetta u tissebbaħ il-ġilda waqt l-espożizzjonijiet għax-xemx.

65      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell irrileva, mingħajr ma dan ġie kkontestat b’mod validu mir-rikorrenti, li l-konsumaturi kienu jixtru ċerti kremi koperti mit-trade mark preċedenti u ċerti supplimenti vitaminiċi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sabiex jeliminaw jew inaqqsu ċ-ċellulite (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, b’dan il-mod, dawn il-prodotti kellhom l-istess għan speċifiku.

66      Fil-fatt, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tallega li huwa ineżatt u mhux stabbilit li s-supplimenti vitaminiċi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu jew jiġu eliminati ż-żamma ta’ ilma fil-ġisem u li din tal-aħħar hija waħda mill-kawżi prinċipali taċ-ċellulite. Issa, kif jirriżulta mit-termini stess tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-għan imfittex mix-xiri ta’ supplimenti vitaminiċi ġie kkunsidrat mill-Bord tal-Appell bħala fatt magħruf, li ma huwiex neċessarju li jiġi ppruvat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Antrax It vs EUIPO – Vasco Group (Termosifuni għal radjaturi), T‑828/14 u T‑829/14, EU:T:2017:87, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li hija r-rikorrenti li għandha tirribatti dan billi turi li l-Bord tal-Appell, b’mod żbaljat, ikklassifika dan il-fatt bħala magħruf (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2012, A. Loacker vs UASI – Editrice Quadratum (QUADRATUM), T‑42/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:658, punt 73, u tat-23 ta’ Jannar 2014, Sunrider vs UASI – Nannerl (SUN FRESH), T‑221/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:25, punt 77).

67      Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement tikkontesta mhux l-għan tal-ġlieda kontra ċ-ċellulite mfittex minn ċerti supplimenti vitaminiċi, bħala tali, iżda r-realtà xjentifika tal-effetti tal-imsemmija supplimenti fuq iż-żamma tal-ilma mill-ġisem u fuq iċ-ċellulite, barra minn hekk mingħajr ma ssostni din il-kontestazzjoni. Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li l-artikli li jirriżultaw minn siti tal-internet speċjalizzati fil-qasam tas-saħħa u tal-benesseri, ppreżentati mill-intervenjenti bħala anness mar-risposta, jissuġġerixxu li jiġu kkonsmati ċerti vitamini sabiex titnaqqas iċ-ċellulite u, b’hekk, juru li s-supplimenti vitaminiċi jista’ jkollhom dan l-iskop. Kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta, dawn l-artikli ma jistgħux jiġu ddikjarati inammissibbli, peress li ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ din l-istanza sabiex tiġi ssostanzjata l-eżattezza ta’ fatt magħruf meħud inkunsiderazzjoni mill-EUIPO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, LG Electronics vs UASI, C‑88/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:727, punt 29).

68      Finalment, il-Bord tal-Appell ġustament irrileva li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’mod partikolari s-supplimenti vitaminiċi, kienu intiżi sabiex terġa’ tinstab jew sabiex tinżamm dehra sana u sabiex is-smurija tispikka (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-kremi koperti mit-trade mark preċedenti kienu intiżi sabiex inaqqsu jew jimpedixxu l-irritazzjoni tal-ġilda kif ukoll il-ħmura u l-ponot li jaffettwaw l-apparenza tal-utent (punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata), b’tali mod li l-prodotti inkwistjoni kellhom dan l-għan komuni ta’ kura u ta’ sbuħija tal-ġilda. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, il-konklużjoni dwar l-imsemmi għan ma ġietx dedotta mis-sempliċi konstatazzjoni dwar il-kremi tat-trade mark preċedenti, iżda ġiet dedotta abbażi ta’ konstatazzjonijiet dwar iż-żewġ tipi ta’ prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni wkoll ir-rikorrenti, sa fejn il-Bord tal-Appell, f’dan il-każ, irrileva l-eżistenza ta’ diversi destinazzjonijiet speċifiċi, minbarra l-użu ġenerali mfakkar fil-punt 58 iktar ’il fuq, kull wieħed mid-destinazzjonijiet speċifiċi inkwistjoni ma għandux jikkaratterizza l-prodotti kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sabiex jiġi stabbilit ix-xebh għall-inqas dgħajjef bejn dawn il-prodotti u dawk koperti mit-trade mark preċedenti. Għalhekk huwa irrilevanti li x-“xorb arrikkit mill-aspett nutrittiv għal użu djetetiku” imsemmi mill-applikazzjoni għal trade mark ma huwiex intiż biex inaqqas l-irritazzjonijiet tal-ġilda.

69      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli kkunsidra li l-prodotti kkonċernati kienu komplementari, meta prodotti minnhom la huma indispensabbli u lanqas importanti għall-użu tal-oħrajn, u talli ta importanza eċċessiva għall-evalwazzjoni ta’ din il-komplementarjetà fl-analiżi globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (punti 33 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

70      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li prodotti jkunu komplementari meta jkun hemm rabta stretta bejniethom, fis-sens li wieħed ikun indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’tali mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà ta’ dawn il-prodotti taqa’ fuq l-istess impriża (sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2005, Sergio Rossi vs UASI – Sissi Rossi (SISSI ROSSI), T‑169/03, EU:T:2005:72, punt 60, u tat-22 ta’ Jannar 2009, easyHotel, T‑316/07, EU:T:2009:14, punt 57).

71      Skont id-definizzjoni ġurisprudenzjali tal-fattur ta’ komplementarjetà msemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq, għandu ċertament jitqies li s-supplimenti tal-ikel, nutrizzjonali u vitaminiċi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-kremi koperti mit-trade mark preċedenti ma humiex komplementari, fis-sens li wħud minnhom huma indispensabbli jew importanti għall-użu tal-oħrajn.

72      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, anki mingħajr ma jintlaħaq tali livell ta’ komplementarjetà, il-fatt li prodotti jistgħu jintużaw flimkien jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh tal-imsemmija prodotti, filwaqt li jiġi ppreċiżat li din il-possibbiltà ta’ użu konġunt ma hijiex meqjusa bħala prova tal-komplementarjetà tal-prodotti inkwistjoni, iżda hija ġeneralment ikkunsidrata bħala indikazzjoni tal-fattur ta’ xebh relatat mal-pubbliku rilevanti kkonċernat jew ukoll bħala li ssostni dak li jirrigwarda l-użu intenzjonat tal-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:338, punti 83 sa 85, u tal-15 ta’ Diċembru 2009, TRUBION, T‑412/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:507, punt 32).

73      Barra minn hekk, huwa fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet tiegħu dwar l-użu intenzjonat tal-prodotti inkwistjoni li l-Bord tal-Appell semma l-komplementarjetà bejn ċerti supplimenti vitaminiċi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-kremi solari tat-trade mark preċedenti (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata) u, b’rabta mal-konstatazzjoni tiegħu dwar il-bejgħ tal-prodotti kkonċernati fl-ispiżeriji, li huwa rrefera, b’mod ġenerali, għal komplementarjetà possibbli bejn il-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

74      Minn dan isegwi li huwa wkoll f’dan is-sens ġenerali, jiġifieri bħala li huwa marbut mal-fatturi l-oħra ta’ xebh ikkunsidrati, jew li jirreferu għal dawn il-fatturi l-oħra, u mhux fis-sens strett imfakkar fil-punt 70 iktar ’il fuq, li għandha tinftiehem ir-referenza għall-“komplementarjetà tal-prodotti” fil-punt 91 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din ir-referenza hija biss l-inklużjoni, fil-parti konklużiva tal-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, tal-evalwazzjonijiet preliminari dwar ix-xebh tal-prodotti. Għaldaqstant, anki jekk huwa ta’ dispjaċir li l-Bord tal-Appell ma użax terminoloġija iktar preċiża fuq din il-kwistjoni, huwa ma jistax jiġi kkritikat li ta importanza kbira wisq lill-kriterju tal-komplementarjetà mifhum fis-sens strett u li, minħabba evalwazzjoni żbaljata ta’ dan il-kriterju, ivvizzja bi żball l-evalwazzjoni globali tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell, ġustament, qies bħala fatturi ta’ xebh tal-prodotti inkwistjoni l-użu ġenerali tagħhom kif ukoll diversi użi speċifiċi, l-użu konġunt possibbli tagħhom u l-identiċità tal-mezzi ta’ distribuzzjoni tagħhom, fejn dan l-aħħar fattur huwa konformi mal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Bionecs vs UASI – Fidia farmaceutici (BIONECS), T‑262/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:888, punt 31) u li barra minn hekk ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti (ara l-punt 56 iktar ’il fuq).

76      It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li minn dawn il-fatturi ddeduċa l-eżistenza ta’ xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, billi ta importanza eċċessiva lill-għan imfittex mill-prodotti inkwistjoni u billi ħa inkunsiderazzjoni b’mod insuffiċjenti d-differenza fin-natura u fil-metodu ta’ amministrazzjoni tal-imsemmija prodotti (punti 32 u 35 tad-deċiżjoni kkontestata).

77      Qabel kollox, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Bord tal-Appell iddeduċa minn dawn il-fatturi ta’ xebh kollha, mhux xebh għoli jew medju, iżda xebh tal-prodotti inkwistjoni għall-inqas dgħajjef.

78      Għandu jiġi rrilevat, sussegwentement, li mill-ġurisprudenza mogħtija f’ċirkustanzi simili għal dawk f’dan il-każ, ikkaratterizzati minn użu komuni tal-prodotti, possibbiltà ta’ użu konġunt u kanali ta’ distribuzzjoni identiċi, jirriżulta li tali fatturi ta’ xebh huma biżżejjed sabiex jistabbilixxu xebh bejn il-prodotti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2008, CAPIO, T‑325/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:338, punt 87; tal-15 ta’ Diċembru 2009, TRUBION, T‑412/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:507, punt 32, u tat-28 ta’ Settembru 2016, LLR-G 5/EUIPO – Glycan Finance (SILICIUM ORGANIQUE G5 LLR-G5), T‑539/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:571, punt 32). Barra minn hekk, ġie kkunsidrat bħala li ma jpoġġix indiskussjoni tali xebh il-fatt li l-prodotti inkwistjoni jiġu amministrati b’mod differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2005, Biofarma vs UASI – Bausch & Lomb Pharmaceuticals (ALREX), T‑154/03, EU:T:2005:401, punt 50). B’mod partikolari, fil-każ ta’ prodotti simili għall-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, peress li kienu involuti supplimenti tal-ikel u “ingwenti ta’ kura”, li jistgħu jiġu pparagunati mal-kremi għal użu mediku, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-imsemmija prodotti kienu simili minkejja l-mod ta’ amministrazzjoni differenti tagħhom, peress li l-ingwenti jiġu applikati fuq il-ġrieħi u fuq il-feriti filwaqt li s-supplimenti tal-ikel kienu maħsuba sabiex jiġu inġeriti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2009, CITRACAL, T‑277/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:433, punti 43 sa 45). Kuntrarjament għal dak li allegat ir-rikorrenti waqt is-seduta, il-fatt li din is-sentenza ngħatat qabel is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361) u l-ġurisprudenza sussegwenti ma jpoġġix indiskussjoni r-rilevanza ta’ din is-sentenza għall-evalwazzjoni tal-każ ineżami. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ir-rekwiżit ta’ identifikazzjoni b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tintalab protezzjoni, iżda ma ddeċidietx fuq il-kriterji ta’ evalwazzjoni tax-xebh ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi.

79      Finalment, għandu jingħad ukoll li l-allegata differenza fin-natura tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, peress li dawk koperti mit-trade mark preċedenti huma ppreżentati bħala ta’ natura farmaċewtika, fid-dawl tal-frażi “għal użu mediku”, filwaqt li dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma humiex prodotti farmaċewtiċi, ma tistax tpoġġi indiskussjoni l-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq dwar ix-xebh tal-imsemmija prodotti. Fil-fatt, mis-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2008, CAPIO (T‑325/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:338), tal-15 ta’ Diċembru 2009, TRUBION (T‑412/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:507), u tat-28 ta’ Settembru 2016, SILICIUM ORGANIQUE G5 LLR-G5 (T‑539/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:571), imfakkra fil-punt 78 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-prodotti kkonċernati tqiesu li jixxiebhu minkejja n-natura differenti tagħhom. Barra minn hekk, għalkemm ix-xebh ikkonstatat fis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2009, CITRACAL (T‑277/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:433), ċertament kien għal prodotti tal-istess natura, jiġifieri prodotti farmaċewtiċi, dan ma ġiex ikklassifikat bħala “tal-inqas baxx”, peress li tali klassifikazzjoni tista’ preċiżament, f’din il-kawża, tiġi ġġustifikata mid-differenza fin-natura, farmaċewtika jew le, bejn il-prodotti inkwistjoni.

80      Minn dan isegwi li, minkejja li l-Bord tal-Appell żbalja meta kklassifika l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala prodotti farmaċewtiċi u b’mod mhux rilevanti enfasizza n-natura “dejjem iktar farmaċewtika” tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, tali żbalji ma jistgħux ipoġġu indiskussjoni l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li kkonkludiet li kien hemm xebh tal-inqas dgħajjef bejn dawn il-prodotti. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif enfasizzat l-intervenjenti, huwa komuni li ċerti komponenti, li jaqgħu taħt in-natura tal-prodotti, u b’mod partikolari ċerti ingredjenti attivi li jinsabu fis-supplimenti tal-ikel, nutrizzjonali u vitaminiċi kif ukoll fil-kremi jkunu identiċi.

81      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell seta’ ġustament jikkunsidra li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti kienu jixxiebhu, għall-inqas f’livell baxx.

82      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda wkoll li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni.

83      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, ix-xebh bejn it-trade marks u dak bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti. Għaldaqstant, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċe versa (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 17, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, VENADO b’bordura et, T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 74).

84      Issa, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ġustament fakkar li anki pubbliku li juri livell għoli ta’ attenzjoni kellu biss rarament il-possibbiltà li jwettaq paragun dirett tat-trade marks differenti, iżda kellu jafda fl-immaġni imperfetta li jkun żamm fil-memorja tiegħu (punt 82 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija rrilevat ukoll, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li l-għarfien tal-pazjenti, li jagħmel parti mill-pubbliku rilevanti f’dan il-każ, ma kienx dak tal-professjonisti fis-settur (punt 83 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell sostna b’mod validu, fid-dawl tal-koinċidenza bejn l-element verbali distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-uniku element verbali li jikkomponi t-trade mark preċedenti, “aurea”, l-eżistenza ta’ xebh viżiv għall-inqas medju (punt 63 tad-deċiżjoni kkontestata), ta’ xebh fonetiku tal-inqas medju, jew għoli (punt 68 tad-deċiżjoni kkontestata), u ta’ xebh kunċettwali għall-inqas dgħajjef għall-konsumaturi li għandhom lingwa Latina li jifhmu li “aurea” tirreferi għal “deheb” jew “dehebi” punt 73 tad-deċiżjoni kkontestata), evalwazzjonijiet li wara kollox ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell enfasizza ġustament li l-pubbliku rilevanti kien jinsab fil-preżenza tat-trade marks kunfliġġenti “kemm viżwalment kif ukoll b’mod fonetiku” sabiex minnhom jiġi dedott il-piż iktar importanti li għandu jiġi attribwit għax-xebh viżiv u fonetiku fl-analiżi globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (punti 87 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, huwa rrileva, mingħajr ma ġie kkontestat, li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv intrinsiku normali (punt 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

85      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell seta’ ġustament iqis, fil-punti 91 u 92 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 83 iktar ’il fuq, li l-livell ta’ xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, tal-inqas dgħajjef, kien ikkumpensat minn livell ta’ xebh viżiv, tal-inqas medju, u minn xebh fonetiku, tal-inqas medju, jew għoli, bejn is-sinjali kunfliġġenti, sabiex minn dan jiġi dedott li kien perfettament konċepibbli li l-konsumaturi kienu jassoċjaw l-imsemmija trade marks billi jaħsbu li huma trade marks sussidjarji provenjenti mill-istess impriża u, b’hekk, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2010, Market Watch vs UASI – Ares Trading (Seroslim), T‑201/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:408, punt 49).

86      Għall-finijiet ta’ kompletezza, minn dan isegwi li, anki kieku l-Bord tal-Appell ma rrettifikax b’mod validu d-deċiżjoni kkontestata, l-ilment li jikkritika l-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata, imħassar bid-deċiżjoni ta’ rettifika, seta’ jiġi miċħud.

87      Għandu jitfakkar li, permezz ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli b’mod żbaljat sostna, fil-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi, filwaqt li huwa semma, f’diversi punti preċedenti (punti 6, 31, 36 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata), sempliċi konstatazzjoni ta’ xebh, tal-inqas f’livell baxx, tal-imsemmija prodotti. Tali żball fundamentali jivvizzja l-analiżi kollha tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, peress li l-konstatazzjoni ta’ identiċità tal-prodotti timplika dik ta’ differenza importanti bejn is-sinjali sabiex tiġi evitata l-probabbiltà ta’ konfużjoni.

88      Issa, anki kieku l-Bord tal-Appell kien ikkonkluda b’mod żbaljat li teżisti identiċità tal-prodotti inkwistjoni filwaqt li kien jirriżulta biss xebh żgħir mill-paragun tiegħu tal-imsemmija prodotti, tali konklużjoni żbaljata ma tivvizzjax l-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li mhux biss il-Bord tal-Appell qies ġustament li l-prodotti kkonċernati kienu jixxiebhu, tal-inqas f’livell baxx (ara l-punt 81 iktar ’il fuq), iżda wkoll li tali konstatazzjoni ta’ xebh tal-prodotti ppermettilu validament jikkonkludi li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ (ara l-punt 85 iktar ’il fuq).

89      Dan l-ilment invokat insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 għandu, għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud, l-istess bħalma għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud dan il-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti.

90      Konsegwentement, ir-rikors fil-Kawża T‑724/18 għandu jiġi miċħud ukoll.

 Fuq l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 135(1) tal-istess regoli, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti biss mill-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

92      F’dan il-każ, ċertament, ir-rikorrenti tilfet it-talbiet tagħha u l-EUIPO u l-intervenjenti talbu li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

93      Madankollu, ir-rikorrenti ma kienx ikollha tinvoka l-ilment dirett kontra l-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll ċerti argumenti mressqa insostenn tal-ilmenti l-oħra, u lanqas li tippreżenta r-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rettifika kieku l-Bord tal-Appell kien ifformula b’mod iktar ċar u rigoruż il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikorrenti u l-EUIPO jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

94      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T724/18 u T184/19 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Aurea Biolabs Pte Ltd, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u Avizel SA huma kkundannati għall-ispejjeż tagħhom stess.

Gervasoni

Frendo

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Mejju 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.