Kawża C-17/10

Toshiba Corporation et

vs

Úřad pro ochranu hospodářské soutěže

(talba għal deċiżjoni preliminari
mressqa mill-Krajský soud v Brně)

“Kompetizzjoni — Akkordju, fit-territorju ta’ Stat Membru, li beda qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea — Akkordju ta’ portata internazzjonali li għandu effetti fit-territorju tal-Unjoni u taż-Żona Ekonomika Ewropea — Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE — Ftuħ ta’ proċeduri kontra u sanzjoni tal-ksur għall-perijodu ta’ qabel id-data tal-adeżjoni u għall-perijodu ta’ wara din id-data — Multi — Delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-Kummissjoni u dawk tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Impożizzjoni ta’ multi mill-Kummissjoni u mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikoli 3(1) u 11(6) — Konsegwenzi tal-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Atti tal-istituzzjonijiet — Applikazzjoni ratione temporis — Retroattività ta’ regola sostantiva — Kundizzjonijiet — Retroattività tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 — Assenza

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 3(1))

2.        Kompetizzjoni — Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura fir-rigward ta’ akkordju — Rinunzja tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-kompetenza tagħha li tissanzjona, skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-effetti antikompetittivi prodotti minn dan l-akkordju fit-territorju tal-Istat Membru matul perijodi preċedenti għall-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 3(1) u 11(6))

3.        Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur u li timponi multi fuq l-impriżi li pparteċipaw f’akkordju — Deċiżjoni sussegwenti tal-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li timponi multi fuq dawn l-impriżi sabiex tissanzjona l-effetti prodotti minn dan l-akkordju fit-territorju ta’ dan l-Istat qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea — Assenza ta’ identiċità bejn l-effetti tal-akkordju ssanzjonati miż-żewġ deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq — Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem — Assenza

1.        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 KE u 82 KE, bħall-Artikolu 81 KE, jinkludi regoli sostantivi maħsuba għall-evalwazzjoni tal-akkordji bejn l-impriżi mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u li għalhekk jikkostitwixxu regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni. Tali regoli sostantivi ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu applikati retroattivament, indipendentement mill-effetti favorevoli jew sfavorevoli li tali applikazzjoni jista’ jkollha għall-persuni kkonċernati. Fil-fatt, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeżiġi li kull sitwazzjoni ta’ fatt, bla ħsara għal dispożizzjoni espressa kuntrarja, tkun normalment evalwata fid-dawl tar-regoli ta’ dritt fis-seħħ dak iż-żmien. Bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati bħala li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mit-termini, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett. Madankollu, la l-kliem, la l-finalità u lanqas l-istruttura tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Att tal-Adeżjoni ma jinkludu indikazzjoni ċara li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati retroattivament.

Jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija wara l-1 ta’ Mejju 2004, dawn ma humiex applikabbli għal akkordju li pproduċa effetti, matul perijodi qabel din id-data, fit-territorju ta’ Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004.

(ara l-punti 49-52, 67 u d-dispożittiv 1)

2.        Il-ftuħ mill-Kummissjoni Ewropea ta’ proċedura skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 KE u 82 KE, fir-rigward ta’ akkordju ma jċaħħadx, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat mill-kompetenza tagħha li tissanzjona, skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-effetti antikompetittivi li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru matul perijodi qabel l-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar fl-Unjoni Ewropea.

(ara l-punt 92 u d-dispożittiv 2)

3.        F’kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi rrispettat f’dawk il-proċeduri li jimponu multa. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija suġġetta għall-kundizzjoni tripla tal-identiċità tal-fatti, ta’ min wettaq il-ksur u tal-interess ġuridiku protett. Għalhekk, dan il-prinċipju jipprekludi li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka darba oħra minħabba aġir antikompetittiv li abbażi tiegħu ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata.

Minn dan jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jostakolax l-impożizzjoni ta’ multi mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat fuq impriżi li jkunu pparteċipaw f’akkordju, bil-għan li jiġu ssanzjonati l-effetti li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju ta’ dan tal-aħħar qabel l-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea, fil-każ fejn il-multi imposti fuq il-membri ta’ dan l-akkordju b’deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata qabel id-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma kinux intiżi li jissanzjonaw l-imsemmija effetti.

(ara l-punti 94, 97, 103 u d-dispożittiv 2)