SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ April 2012 (*)

“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Ipproċessar ta’ data permezz tal-internet — Ksur ta’ dritt esklużiv — Kotba awdjo aċċessibbli permezz ta’ server FTP permezz tal-internet b’indirizz IP ipprovdut mill-operatur tal-internet — Ordni indirizzata lill-operatur tal-internet sabiex jipprovdi l-isem u l-indirizz tal-utent tal-indirizz IP”

Fil-Kawża C‑461/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta domstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura

Bonnier Audio AB,

Earbooks AB,

Norstedts Förlagsgrupp AB,

Piratförlaget AB,

Storyside AB

vs

Perfect Communication Sweden AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Bonnier Audio AB, Earbooks AB, Norstedts Förlagsgrupp AB, Piratförlaget AB u Storyside AB, minn P. Danowsky u O. Roos, advokater,

–        għal Perfect Communication Sweden AB, minn P. Helle u M. Moström, advokater,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u K. Havlíčková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri u C. Colelli, bħala aġenti, assistiti minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Latvjan, minn M. Borkoveca u K. Krasovska, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 sa 5 u 11 tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Bonnier Audio AB, Earbooks AB, Norstedts Förlagsgrupp AB, Piratförlaget AB u Storyside AB (iktar ’il quddiem, flimkien, “Bonnier Audio et”) minn naħa, u Perfect Communication Sweden AB (iktar ’il quddiem “ePhone”) min-naħa l-oħra, dwar il-kontestazzjoni mressqa minn din tal-aħħar għat-talba ta’ ordni għall-komunikazzjoni ta’ data introdotta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali

3        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 huwa redatt bil-mod kif ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporzjonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:

a)      instab f’possessjoni [ikollu fil-pussess tiegħu] ta’ l-oġġetti li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali; instab f’possessjoni ta’ l-oġġetti li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

b)      instab juża is-servizzi li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

ċ)      instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati biex jagħmlu attivitajiet li jikkontravjenu;

jew

d)      kien indikat mill-persuna li għaliha saret riferenża fil-punti (a), (b) jew (ċ) b ħala li kienet involuta fil-produzzjoni, manifattura jew distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi.

2.      L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, [tinkludi]:

a)      l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta’ qabel ta’ l-oġġetti jew servizzi, kif wkoll intiżi l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

b)      informazzjoni fuq il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, mibjugħa, mgħotija jew ordnati, kif ukoll il-prezz miksub għal dawn l-oġġetti jew servizzi in kwestjoni.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:

a)      jagħtu d-detentur tad-dritt [id-dritt] biex jirċievi aktar informazzjoni sħiħa;

b)      jiggvernaw l-użu tal-passi legali ċivili jew kriminali ta’ l-informazzjoni kkomunikata skond dan l-Artikolu;

ċ)      jiggvernaw ir-risponsabbilità ta’ l-użu ħażin tad-dritt ta’ l-informazzjon; jew

d)      jaffordjaw opportunità li jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni li tisforza il-persuna li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 1 biex tammetti l-parteċipazzjoni tiegħu/tagħha jew ta’ familjari viċini li kien hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali; jew

e)      jiggverna il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ l-informazzjoni jew il-proċessar tad-data personali.”

 Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ data personali

–       Id-Direttiva 95/46/KE

4        Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), tistabbilixxi regoli dwar l-ipproċessar ta’ data personali għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni fiżiċi f’dan ir-rigward, filwaqt li tiżgura ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ din id-data fl-Unjoni Ewropea.

5        L-Artikolu 2(a) u (b) tad-Direttiva 95/46 jipprovdu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett taddata’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)       ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni”.

6        L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżenzjonijiet u restrizzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1:

“Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

a)      sigurtà nazzjonali;

b)      difiża;

c)      sigurtà pubblika;

d)      prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

e)      interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji,

fiskali jew ta’ l-estmi;

f)      monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali filkażi msemmija f’(ċ), (d) u (e);

g)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

–       Id-Direttiva 2002/58/KE

7        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514) :

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349].

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

b)      ‛Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

[...]

d)      ‛komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta' servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill-pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma' l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

[...]”

8        L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.”

9        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.      Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

3.      Għall-iskopijiet ta’ marketing ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-provditur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew marketing, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih jirrelataw id-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar ta' -data dwar it-traffiku f kull ħin.

[…]

5.      L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta' komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.

6.      Il-paragrafi 1, 2, 3 u 5 għandhom jgħoddu bla preġudizzu għall-possibilità ta’ korpij kompetenti li jiġu informati dwar data dwar it-traffiku skond il-leġislazzjoni applikabbli sabiex jiġu riżolti d-disputi, partikolarment disputi dwar interkonnessjoni jew kontijiet.”

10      Skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

–       Id-Direttiva 2006/24

11      Skont il-premessa 12 tad-Direttiva 2006/24:

“L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE ikompli japplika fir-rigward ta’ data, inkluża data relatata ma’ tentattivi ta’ telefonati li ma jirnexxux, li ż-żamma tagħha mhijiex speċifikament meħtieġa taħt din id-Direttiva u li għalhekk hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u taż-żamma għal skopijiet, inklużi skopijiet ġudizzjarji, diversi minn dawk koperti minn din id-Direttiva.”

12      L-Artiklu 1(1) tad-Direttiva 2006/24 jistabbilixxi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward taż-żamma ta’ ċerta data ġenerata jew proċessata minnhom, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu.”

13      L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58/KE, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data speċifikata fl-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva tinżamm skond id-dispożizzjonijiet tagħha sa fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-proċess tal-forniment tas-servizzi ta’ komunikazzjoni konċernati.”

14      L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jispeċifika:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma skond din id-Direttiva tiġi provduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skond il-liġi nazzjonali. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi ottenut l-aċċess għal data miżmuma skond ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea jew tal-liġi pubblika internazzjonali, b’mod partikulari il-[Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950], kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.”

15      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/24 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta’ data li ġejjin jinżammu skond din id-Direttiva:

a)      data meħtieġa sabiex jiġi traċċat u identifikat is-sors ta’ komunikazzjoni:

1)      rigward it-telefonija fuq network fiss u telefonija bil-mobile:

i)      in-numru tat-telefon li minnu tkun qiegħda ssir it-telefonata;

ii)      l-isem u l-indirizz ta’ l-abbonat jew l-utent reġistrat;

2)      rigward l-aċċess għall-Internet, email u telefonija bl-Internet:

i)      il-user ID jew user IDs allokati;

ii)      il-user ID u n-numru tat-telefon allokati lil kwalunkwe komunikazzjoni li tidħol fin-network tat-telefon pubbliku;

(iii)      l-isem u l-indirizz ta’ l-abbonat jew ta’ l-utent reġistrat li lilu kien allokat indirizz ta’ l-Internet Protocol (IP), User ID jew numru tat-telefon meta twettqet il-komunikazzjoni;

b)      data meħtieġa sabiex tiġi identifikata d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni:

[...]

ċ)       data meħtieġa sabiex jiġu identifikati d-data, il-ħin u t-tul ta’ komunikazzjoni:

[...]

d)      data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tip ta’ komunikazzjoni:

[...]

e)      data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tagħmir ta’ komunikazzjoni ta’ l-utenti jew dak li jkun maħsub bħala t-tagħmir tagħhom:

[...]

f)      data meħtieġa sabiex jiġi identifikat il-lok fejn ikun jinsab it-tagħmir ta’ komunikazzjoni mobbli:

[...]

2.      L-ebda data li tiżvela l-kontenut tal-komunikazzjoni ma tista’, taħt din id-Direttiva, tinżamm.”

16      L-Artikolu 6 ta’ din d-direttiva, dwar it-tul taż-żamma, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta’ data speċifikati fl-Artikolu 5 tinżamm għal perjodi ta’ mhux inqas minn sitt xhur u għal mhux iżjed minn sentejn mid-data tal-komunikazzjoni.”

17      L-Artikolu 11 tal-istess direttiva hija fformulata kif ġej:

“Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE:

‘1a. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data speċifikament meħtieġa mid-Direttiva 2006/24/KE […] sabiex tinżamm għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva’.”

 Id-dritt nazzjonali

 Id-dritt tal-awtur

18      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48 kienu trasposti fid-dritt Svediż permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda fil-Liġi 1960:729 dwar il-proprjetà letterarja u artistika [lagen (1960:729) om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk], permezz tal-Liġi 2009:109, li temenda l-Liġi 1960:729 [Lag (2009:109) om ändring i lagen (1960:729)], tas-26 ta’ Frar 2009 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-dritt tal-awtur”). Dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2009.

19      L-Artikolu 53c tal-Liġi dwar id-dritt tal-awtur jipprovdi:

“Jekk l-applikant jista’ jistabilixxi l-eżistenza ta’ provi validi ta’ preġudizzju għad-dritt tal-proprjetà intellettwali fuq biċċa xogħol, kif imsemmi fl-Artikolu 53, il-Qorti tista’ tordna fuq sejħa lill-persuna jew il-persuni msemmija fit-tieni subparagrafu hawn taħt biex jikkomunikaw informazzjoni dwar l-oriġini u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-merkanzija jew tas-servizzi li joħolqu preġudizzju għal jew jiksru d-dritt (ordni għall-komunikazzjoni). Miżura bħal din tista’ tiġi ordnata fuq talba tad-detentur tad-dritt, tal-aventi kawża tiegħu jew ta’ kwalunkwe persuna li kellha d-dritt legali għall-isfruttament tax-xogħol. Din ma tistax tiġi ordnata ħlief meta l-informazzjoni mitluba x’aktarx li tiffaċilita l-investigazzjoni fuq il-ksur tad-dritt jew il-preġudizzju għad-dritt ikkawżat mill-merkanzija jew mis-servizzi msemmija.

L-obbligu ta’ komunikazzjoni jaqa’ fuq kull persuna:

1)      awtur jew kompliċi tal-ksur tad-dritt jew tal-preġudizzju għad-dritt;

2)      li tagħmel użu fuq skala kummerċjali ta’ merkanzija li toħloq preġudizzju jew tikser dritt;

3)      li għamlet użu fuq skala kummerċjali ta’ servizzi li joħolqu ksur ta’ dritt jew jiksru dritt;

4)      li pprovdiet fuq skala kummerċjali servizz ta’ komunikazzjoni elettronika jew affarijiet oħra għat-twettiq tal-preġudizzju għad-dritt jew il-ksur tad-dritt;

      jew

5)      min kien identifikat mill-persuna msemmija fil-punti 2) sa 4) hawn fuq bħala dak li ħa sehem fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni tal-merkanzija jew fil-provvista ta’ servizz li jiksru dritt jew jikkawżaw preġudizzju għal dritt.

L-informazzjoni dwar l-oriġini u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-merkanzija jew tas-servizzi tinkludi b’mod partikolari:

1)      l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, distributuri, fornituri u possessuri preċedenti oħra tal-merkanzija jew tas-servizzi;

2)      l-ismijiet u l-indirizzi tal-bejjiegħa bl-ingrossa u tal-bejjiegħa bl-imnut,

      u

3)      informazzjoni fuq il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, mibjugħa, mogħtija jew ordnati, kif ukoll il-prezz miksub għal dawn l-oġġetti jew servizzi inkwistjoni.

Id-dispożizzjonijiet ta’ qabel huma applikabbli għat-tentattiv jew għat-tħejjija tal-ksur jew tal-preġudizzju msemmi fl-Artikolu 53.”

20      L-Artikolu 53e tal-imsemmija liġi dwar id-dritt tal-awtur jipprovdi:

“L-ordni għall-komunikazzjoni ma tistax tiġi ordnata ħlief meta r-raġunijiet li jimmotivawha huma ta’ interess superjuri mill-inkonvenjenzi jew mill-preġudizzji oħra li tista’ toħloq lir-riċevitur tagħha jew minn kwalunkwe interess li jopponiha.

L-obbligu tal-informazzjoni skont l-Artikolu 53c ma huwiex intiż għall-informazzjoni li l-komunikazzjoni tagħha żżomm lill-persuna msemmija milli tametti l-parteċipazzjoni tagħha jew tal-qraba tagħha, skont l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 36 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja, fit-twettiq ta’ reat.

Il-liġi 1998:204 dwar id-data personali [personuppgiftslagen (1998:204)] timponi restrizzjonijiet fuq l-ipproċessar ta’ din l-informazzjoni.”

 Il-protezzjoni ta’ data personali

21      Id-Direttiva 2002/58 kienet trasposta fid-dritt Svediż b’mod partikolari permezz tal-Liġi 2003:389 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi [lagen (2003:389) om elektronisk kommunikation].

22      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20(1) tal-imsemmija liġi, huwa pprojbit għal kwalunkwe persuna li xxandar jew li tuża b’mod mhux awtorizzat informazzjoni dwar l-abbonati li ġiet ikkomunikata lilha jew li kellha aċċess għaliha fil-kuntest tal-provvista ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

23      Il-qorti tar-rinviju tosserva f’dan ir-rigward li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità, li għandhom b’mod partikolari l-fornituri tas-servizz tal-internet, huwa għalhekk imfassal sabiex jiġi pprojbit biss l-iżvelar jew l-użu mhux awtorizzat ta’ ċerta data. Madankollu, dan l-obbligu ta’ kunfidenzjalità huwa relattiv, sa fejn dispożizzjonijiet oħra jipprevedu l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ din id-data, li għandu għalhekk bħala effett li dan jiġi awtorizzat. Skont il-Högsta domstolen, id-dritt għall-informazzjoni stabbilit permezz tal-Artikolu 53c tal-Liġi dwar id-dritt tal-awtur, li huwa applikabbli wkoll għall-fornituri tas-servizz tal-internet, kien ikkunsidrat li ma kellux bżonn ta’ adattamenti legiżlattivi speċifiċi sabiex dawn id-dispożizzjonijiet fuq il-komunikazzjoni ta’ data personali jipprevalu fuq l-obbligu ta’ kunfidenzjalità. Id-deċiżjoni tal-qorti li tiddikjara ordni ta’ komunikazzjoni ta’ din id-data telimina għalhekk l-obbligu ta’ kunfidenzjalità.

24      Rigward id-Direttiva 2006/24, din ma kinitx trasposta fil-liġi Svediża fit-terminu mogħti għal dan il-għan.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Bonnier Audio et, huma djar ta’ pubblikazzjoni, detenturi b’mod partikolari ta’ drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni, ta’ pubblikazzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ 27 xogħol ippreżentati fil-forma ta’ kotba rrekordjati.

26      Bonnier Audio et jiddikjaraw li kien hemm preġudizzju għad-drittijiet esklużivi tagħhom, minħabba t-tixrid pubbliku ta’ dawn is-27 xogħol, mingħajr il-kunsens tagħhom, permezz tas-server FTP (“file transfer protocol”), li jippermetti l-iskambju ta’ fajls u t-trasferiment ta’ data bejn kompjuters imqabdin mal-internet.

27      Il-fornitur tas-servizz tal-internet li permezz tiegħu l-allegat skambju illeċitu tal-fajls seħħ huwa ePhone.

28      Bonnier Audio et ressqu quddiem is-Solna tingsrätt (il-Qorti tal-ewwel istanza ta’ Solna) talba ta’ ordni għall-finijiet ta’ komunikazzjoni tal-isem u tal-indirizz tal-persuna li użat l-indirizz IP minn fejn huwa maħsub li l-fajls imsemmija kienu ntbagħtu, matul iż-żmien ta’ bejn l-1 ta’ April 2009 fit-03.28 u l-1 ta’ April 2009 fil-05.45.

29      Dan il-fornitur, ePhone, oppona din it-talba billi sostna, b’mod partikolari, li l-ordni mitluba tmur kontra d-Direttiva 2006/24.

30      Fl-ewwel istanza, is-Solna tingsrätt laqgħet it-talba ta’ ordni għall-finijiet ta’ komunikazzjoni tad-data inkwistjoni.

31      L-imsemmi fornitur, ePhone, appella quddiem is-Svea hovrät (il-Qorti tal-appell ta’ Svea), fejn talab li tiġi miċħuda l-imsemmija talba ta’ ordni ta’ komunikazzjoni. Din il-kumpannija talbet ukoll ir-rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi speċifikat jekk id-Direttiva 2006/24 tipprekludix li l-informazzjoni dwar abbonat, li lilu ġie allokat indirizz IP, tiġi kkomunikata lil persuni oħra barra mill-awtoritajiet imsemmija fl-imsemmija direttiva.

32      Is-Svea hovrätt iddeċidiet li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/24 ma tostakola li parti f’kawża ċivili tiġi ordnata tikkomunika data dwar abbonat lil persuni oħra barra awtorità pubblika. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti ċaħdet it-talba ta’ rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

33      Din l-istess qorti osservat ukoll li d-djar ta’ pubblikazzjoni tal-kotba rrekordjati ma kinux stabbilixxew l-eżistenza ta’ provi validi ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali. Għaldaqstant iddeċidiet li tannulla l-ordni ta’ komunikazzjoni mogħtija mis-Solna tingsrätt. Bonnier Audio et għaldaqstant appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-Högsta domstolen.

34      Il-qorti tar-rinviju tqis li, minkejja s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, Ġabra p. 1‑271), kif ukoll id-digriet tad-19 ta’ Frar 2009, LSG‑Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten (C‑557/07, Ġabra p. I‑1227), għad hemm dubju fuq jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 53c tal-Liġi dwar id-dritt tal-awtur, sa fejn la din is-sentenza u lanqas dan id-digriet ma jirreferu għad-Direttiva 2006/24.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva 2006/24/KE [...], b’mod iktar speċifiku l-Artikoli 3 [sa] 5 u 11 tagħha, tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, stabbilita abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48/KE [...] li, għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ abbonat, tippermetti li fornitur ta’ servizz tal-internet jiġi ordnat jikkomunika indirizz IP lill-proprjetarju ta’ drittijiet tal-awtur jew lill-aventi kawża tiegħu, fi proċeduri ċivili, liema indirizz serva għall-ksur tad-drittijiet? Hemm preżunzjoni, minn naħa, li l-applikant għall-ordni pproduċa provi reali tal-ksur ta’ drittijiet tal-awtur u, min-naħa l-oħra, li l-miżura mitluba hija proporzjonata.

2)      Il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat għadu ma ttrasponiex id-Direttiva 2006/24, filwaqt li t-terminu għal din it-traspożizzjoni skada, għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?”

 Fuq id-domandi preliminari

36      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/24 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, istitwita abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, li, għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ abbonat għall-internet jew utent tal-internet, tippermetti li jiġi ordnat lil fornitur ta’ servizz tal-internet li jikkomunika lid-detentur ta’ dritt tal-awtur jew lill-aventi kawża tiegħu l-identità tal-abbonat li lilu jkun ġie allokat indirizz IP li jkun serva għall-ksur tal-imsemmi dritt u jekk il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat għadu ma ttrasponiex id-Direttiva 2006/24, filwaqt li dan it-terminu skada, għandux effett fuq ir-risposta għal din id-domanda.

37      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha fuq il-premessa li d-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali nżammet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, u dan għandu jkun ivverifikat mill-qorti tar-rinviju.

38      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2006/24, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, għandha l-għan li tarmonizza d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tal-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward tal-ipproċessar jew taż-żamma ta’ ċerta data ġġenerata jew ipproċessata minn tali fornituri, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal finijiet ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif iddefiniti minn kull Stat Membru fid-dritt intern tiegħu.

39      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/24, id-data miżmuma, skont din id-direttiva, tista’ tiġi trażmessa biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skont id-dritt intern tal-Istat Membru kkonċernat.

40      B’hekk, id-Direttiva 2006/24 tikkonċerna biss l-ipproċessar u ż-żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi, għal finijiet ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif ukoll it-trażmissjoni tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

41      Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2006/24 hekk speċifikat huwa kkonfermat mill-Artikolu 11 tiegħu li jistabbilixxi li, fil-każ fejn tali data kienet inżammet speċifikatament għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu (1) tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 huwa inapplikabbli għall-imsemmija data.

42      Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-premessa 12 tad-Direttiva 2006/24, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jibqa’ japplika għad-data miżmuma għal finijiet oħra għajr dawk imsemmija espressament fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24, b’mod partikolari għal finijiet ġudizzjarji.

43      B’hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 11 u tal-premessa 12 tad-Direttiva 2006/24 jirriżulta li din id-direttiva tikkostitwixxi leġiżlazzjoni speċjali u limitata sew, li tidderoga u tissostitwixxi d-Direttiva 2002/58 ta’ portata ġenerali u, b’mod partikolari, l-Artikolu 15(1) ta’ din l-aħħar direttiva.

44      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha għan differenti minn dak segwit mid-Direttiva 2006/24. Hija tirrelata, fil-fatt, mat-trażmissjoni ta’ data, fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, għall-finijiet li jiġi kkonstatat preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

45      L-imsemmija leġiżlazzjoni ma taqax għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2006/24.

46      Għaldaqstant, huwa irrilevanti, fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat għadu ma ttrasponiex id-Direttiva 2006/24 minkejja li t-terminu biex isir dan skada.

47      Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti li għamlitilha d-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, barra minn hekk, tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li ma sarx riferiment għalihom mill-qorti nazzjonali fid-domanda tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punt 39) kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et, C-2/07, Ġabra p. I‑1197, punt 24).

48      Issa, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali jwasslu għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

49      Fil-fatt, ir-riferiment li sar mill-qorti tar-rinviju, fl-ewwel domanda tagħha, għall-osservanza tar-rekwiżiti dwar l-eżistenza ta’ provi reali ta’ ksur ta’ dritt tal-awtur u għan-natura proporzjonali tal-miżura ta’ ordni li ttieħdet skont il-liġi ta’ traspożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, għas-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, jagħti x’jifhem li l-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ta’ din il-liġi ta’ traspożizzjoni jistgħux jiżguraw bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali differenti applikabbli, kif rikjest mill-imsemmija sentenza li interpretat u applikat diversi dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2002/58 u 2004/48.

50      B’hekk, ir-risposta għal din id-domanda impliċita tista’ tkun rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

51      Sabiex tingħata din ir-risposta utli, għandu, qabel kollox, jitfakkar li, fil-kawża prinċipali, Bonnier Audio et jixtiequ l-komunikazzjoni, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tiegħu, tal-isem u tal-indirizz ta’ abbonat għall-internet jew ta’ utent tal-internet li jagħmel użu mill-indirizz IP li minnu huwa preżunt li fajls li jkun fihom xogħlijiet protetti ġew illegalment skambjati.

52      Għandu jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni mixtieqa minn Bonnier Audio et tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, flimkien mal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46. Din il-komunikazzjoni taqa’ għaldaqstant taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

53      Għandu wkoll jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, il-komunikazzjoni ta’ tali data hija rikjesta fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, għall-benefiċċju tad-detentur ta’ dritt tal-awtur jew tal-aventi kawża tiegħu, jiġifieri ta’ individwu privat, u mhux għall-benefiċċju ta’ awtorità nazzjonali kompetenti.

54      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li talba għall-komunikazzjoni ta’ data personali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-awtur, taqa’, mill-għan tagħha, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

55      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, ma jipprekludix li l-Istati Membri jistabbilixxu obbligu ta’ trażmissjoni lil persuni privati ta’ data personali sabiex ikunu jistgħu jinbdew proċeduri, quddiem il-qrati ċivili, kontra l-preġudizzji għad-drittijiet tal-awtur, iżda lanqas ma tobbliga lil dawn l-Istati sabiex jipprovdu tali obbligu (ara s-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 55, kif ukoll id-digriet LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, iċċitat iktar ’il fuq, punt 29).

56      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, matul it-traspożizzjoni b’mod partikolari tad-Direttivi 2002/58 u 2004/48, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali differenti protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Sussegwentement, matul l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-awtoritajiet kif ukoll il-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi għal dawn id-direttivi, iżda jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi li tidħol f’kunflitt mal-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju, bħalma huwa l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Promusicae, iċċitata iktar il fuq, punt 68 u d-digriet LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, iċċitat iktar ’il fuq, punt 28).

57      F’dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat iddeċieda li jeżerċita din il-fakultà, kif deskritta fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, li kienet offerta lilu, li tipprevedi obbligu ta’ trażmissjoni ta’ data personali, fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, lil persuni privati.

58      Issa, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirrikjedi, b’mod partikolari, li, sabiex tkun tista’ tiġi ordnata l-ordni għal komunikazzjoni tad-data, ikun hemm provi reali ta’ preġudizzju għad-dritt ta’ proprjetà intellettwali fuq xogħol, li l-informazzjoni mitluba tkun tista’ tiffaċilita l-investigazzjoni fuq il-ksur tad-drittijiet tal-awtur jew fuq il-preġudizzju għal tali dritt u li r-raġunijiet għal din l-ordni jkunu ta’ interess superjuri għall-inkonvenjenti jew għall-preġudizzji li hija tista’ tikkawża lid-destinatarju jew lil kull interess li jopponi għal dan.

59      B’hekk, din il-leġiżlazzjoni tippermetti lill-qorti nazzjonali adita b’talba għal ordni li tikkomunika data personali, imressqa minn persuna li għandha locus standi, li tibbilanċja, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża u billi jittieħdu inkusiderazzjoni b’mod xieraq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-interessi opposti involuti.

60      F’din is-sitwazzjoni, tali leġiżlazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li tista’, fil-prinċipju, tiżgura bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, li minnu jgawdu d-detenturi tad-dritt tal-awtur, u l-protezzjoni tad-data personali li minnha jibbenefika abbonat mal-internet jew utent tal-Internet.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domanda magħmula għandha tingħata r-risposta li:

–        id-Direttiva 2006/24 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, istitwita abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, li, għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ abbonat għall-internet jew ta’ utent tal-internet, tista’ tordna lil fornitur ta’ servizz tal-internet li jikkomunika lid-detentur ta’ dritt tal-awtur jew lill-aventi kawża tiegħu l-identità tal-abbonat li lilu jkun ġie allokat indirizz IP li jkun serva għall-ksur tal-imsemmi dritt, peress li tali leġiżlazzjoni ma taqax għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2006/24.

–        huwa irrilevanti, fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat għadu ma ttrasponiex id-Direttiva 2006/24 minkejja li t-terminu sabiex isir dan skada.

–        id-Direttivi 2002/58 u 2004/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tippermetti lill-qorti nazzjonali adita b’talba għal ordni li tikkomunika data personali, imressqa minn persuna li għandha locus standi, li tibbilanċja, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-interessi opposti involuti.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, istitwita abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li, għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ abbonat għall-internet jew ta’ utent tal-internet, tista’ tordna lil fornitur ta’ servizz tal-internet li jikkomunika lid-detentur ta’ dritt tal-awtur jew lill-aventi kawża tiegħu l-identità tal-abbonat li lilu jkun ġie allokat indirizz IP (protocol internet) li jkun serva għall-ksur tal-imsemmi dritt, peress li tali leġiżlazzjoni ma taqax għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2006/24.

Huwa irrilevanti, fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat għadu ma ttrasponiex id-Direttiva 2006/24 minkejja li t-terminu sabiex isir dan skada.

Id-Direttivi 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) u 2004/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tippermetti, lill-qorti nazzjonali adita b’talba għal ordni li tikkomunika data personali, imressqa minn persuna li għandha locus standi, li tibbilanċja, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-interessi opposti involuti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.