Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Braşov (ir-Rumanija) fit-30 ta’ April 2024 – Proċeduri kriminali kontra P.P.R

(Kawża C-318/24, Breian 1 )

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Braşov

Parti fil-proċeduri prinċipali

P.P.R.

Domandi preliminari

L-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri 1 , kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2008, L 81, p. 24), jista’ jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni definittiva li permezz tagħha awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta għandha awtorità ta’ res judicata fir-rigward ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni oħra minn Stat Membru ieħor jew għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix [repetizzjoni] tat-talba għal konsenja bbażata fuq l-istess mandat ta’ arrest Ewropew, meta l-elementi li ostakolaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti tneħħew jew meta d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni, sakemm l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid ma twassalx għal ksur tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u sakemm ir-repetizzjoni tat-talba għal konsenja jkollha natura proporzjonali, konformement mal-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 mis-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C-158/21, EU:C:2023:57) (punt 141 u r-risposta għas-sitt domanda)?

L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat Ewropew maħruġ għall-fini tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta, fil-kuntest tal-verifika tal-obbligu tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq, f’termini tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita mil-liġi, previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ġew identifikati irregolaritajiet fir-rigward tat-teħid tal-ġurament tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti tal-qorti [li tat is-sentenza ta’ kundanna], mingħajr ma tqiegħed f’diskussjoni l-indħil ta’ setgħat pubbliċi oħra fil-proċess tal-ħatra tal-imħallfin?

L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jista’ jiġi interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni fejn persuna suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew ssostni li l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti ser twassal għan-nuqqas ta’ rispett tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq, l-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Fajls tal-Interpol li tirrigwarda direttament is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, ma tistax tiġġustifika, fiha nnifisha, ir-rifjut tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni? Iżda deċiżjoni bħal din tista’, minflok, tiġi kkunsidrata minn din l-awtorità ġudizzjarja, fost elementi oħra, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġenerali fil-funzjonament tas-sistema ġurisdizzjonali ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ grupp oġġettivament identifikabbli ta’ persuni li għalih din il-persuna tkun tappartjeni?

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, tista’ tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix ir-repetizzjoni tat-talba għal konsenja tal-persuna rikjesta, ibbażata fuq l-istess mandat ta’ arrest Ewropew [li l-eżekuzzjoni tiegħu ġiet irrifjutata] inizjalment minn qorti ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru, quddiem qorti ta’ eżekuzzjoni oħra fi Stat Membru ieħor, meta l-awtorità ġudizzjarja emittenti nnifisha ssib li d-deċiżjoni preċedenti li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-prassi ġudizzjarja diġà eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jew biss bħala riżultat tar-rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dik il-kawża?

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, previst mill-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ukoll il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali, previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, ikkunsidrati flimkien mal-ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-persuni involuti fil-proċedura, kollha b’riferiment għall-Artikoli 15 u 19 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti (il-qorti emittenti [li tkun irrappreżentata minn] rappreżentant dirett jew, fuq stedina tagħha, minn korpi ġudizzjarji oħra bħalma huma membru tal-ġudikatura ta’ kollegament, il-membru nazzjonali tal-Eurojust jew il-prosekutur tal-Istat Membru emittenti) sabiex jipparteċipaw direttament, billi jifformulaw talbiet, offerti ta’ provi u billi jieħdu sehem f’dibattiti ġudizzjarji, fi ħdan il-proċeduri ġudizzjarji għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, imwettqa mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll sabiex jeżerċitaw d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni dwar ir-rifjut ta’ konsenja, sal-punt u taħt il-kundizzjonijiet li fihom tali dritt ta’ appell huwa previst fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ibbażat fuq u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza?

L-Artikolu 17(1) TUE dwar is-setgħat tal-Kummissjoni, ikkunsidrat b’riferiment għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jista’ jiġi interpretat fis-sens li s-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni bit-teħid ta’ inizjattivi xierqa għal dan il-għan u s-setgħat rigward l-iżgurar tas-superviżjoni tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu eżerċitati fil-kwistjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, anki fuq talba tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, jekk hija tqis li, billi tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, taffettwa serjament il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali, bil-għan li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri li hija tqis meħtieġa konformement ma’ dawn is-setgħat u f’indipendenza sħiħa?

L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dwar il-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti, għandu jiġi interpretat fis-sens li, abbażi tal-analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, minn naħa, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ibbażat fuq informazzjoni li ma ġietx miġjuba għall-attenzjoni tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u li dwarha din tal-aħħar ma kellhiex l-opportunità li tipprovdi informazzjoni addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas, u min-naħa l-oħra, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tapplika standard ogħla minn dak previst mill-Karta u mingħajr ma tispeċifika b’mod preċiż in-normi li jirreferu għalihom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ detenzjoni bħall-istabbiliment ta’ “pjan ta’ eżekuzzjoni tal-piena preċiż”, “kriterji preċiżi sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ eżekuzzjoni partikolari” u garanziji kontra d-diskriminazzjoni minħabba “pożizzjoni partikolarment unika u sensittiva”?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.