Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Lulju 2021 (*)

“Dumping – Importazzjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fir-Russja u fl-Ukrajna – Reviżjonijiet temporanji – Kalkolu tal-valur normali – Spejjeż ta’ bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra – Bejgħ bejn kumpanniji relatati – Tranżazzjonijiet kummerċjali normali – Entità ekonomika waħda – Artikolu 2(3), (4) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1036 – Prezz tal-esportazzjoni – Aġġustament – Funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet – Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament 2016/1036 – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Metodu differenti minn dak użat waqt investigazzjoni preċedenti – Artikolu 11(9) tar-Regolament Nru 2016/1036 – Aspettattivi leġittimi – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑716/19,

Interpipe Niko Tube LLC, stabbilita f’Nikopol (Ukraina),

Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant OJSC, stabbilita f’Dnipro (Ukraina),

irrappreżentati minn B. Servais, avocat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Němečková u G. Luengo, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1295 tal-1 ta’ Awwissu 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1469 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukrajna wara rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ĠU 2019, L 204, p. 22),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, L. Truchot (Relatur) u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Interpipe Niko Tube LLC u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant OJSC, huma żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Ukrain li jeżerċitaw attività ta’ manifattura u ta’ esportazzjoni ta’ pajpijiet u ta’ tubi mingħajr saldatura.

2        Wara lment ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2005 mill-Kumitat għad-difiża tal-industrija tal-pajpijiet tal-azzar mingħajr saldaturi tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fetħet proċedura antidumping dwar l-importazzjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja, mir-Rumanija, mir-Russja u mill-Ukraina skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), huwa stess sostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-regolament bażiku”)], u, b’mod partikolari skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 384/96 (li sar l-Artikolu 5 tar-regolament bażiku), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 tat-8 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea u r-Regolament (KE) Nru 2026/97 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet ta’ oġġetti sussidjati minn pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 384/96 emendat”).

3        Fis-27 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta’ l-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna, li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta’ l-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukrajna (ĠU L 2006, L 175, p. 4).

4        Permezz tar-Regolament Nru 954/2006, il-Kunsill impona dazju antidumping bir-rata ta’ 25.1 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, prodotti minn CJSC Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube u minn OJSC Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant, żewġ kumpanniji taħt id-dritt Ukrain li saru rispettivament Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT) u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT) (iktar ’il quddiem, imsemmija, flimkien, l-“ex kumpanniji Interpipe”), li huma aventi kawża għalihom ir-rikorrenti. F’dan ir-regolament, il-Kunsill ikkunsidra li dawn il-kumpanniji kienu “relatati” ma’ żewġ kumpanniji li jieħdu ħsieb il-bejgħ: SPIG Interpipe stabbilita fl-Ukraina, u Sepco SA, stabbilita fl-Isvizzera.

5        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2006, l-ex kumpanniji Interpipe talbu l-annullament tar-Regolament Nru 954/2006, sa fejn kien jikkonċernahom.

6        Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill (T‑249/06, iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza Interpipe”, EU:T:2009:62), il-Qorti Ġenerali, billi rrilevat l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 954/2006, sa fejn id-dazju antidumping stabbilit għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ prodotti manifatturati mill-kumpanniji Ukraini inkwistjoni kien jeċċedi dak li kien ikun applikabbli kieku ma kienx sar aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni li sar permezz ta’ Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament Nru 384/96 emendat [li sar l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku], meta l-bejgħ kien sar permezz tal-intervent tal-kumpannija Svizzera Sepco. Mill-Artikolu 178 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta jiġi kkonstatat li produttur jassenja inkarigi li normalment jaqgħu taħt dipartiment ta’ bejgħ intern lil kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu li huwa jikkontrolla ekonomikament u li magħha huwa jifforma entità ekonomika waħda, il-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni jibbażaw ruħhom fuq il-prezzijiet imħallsa mill-ewwel xerrej indipendenti lid-distributur assoċjat, mingħajr ma jagħmlu aġġustament minħabba kummissjoni, huwa ġġustifikat. Skont il-Qorti Ġenerali, Sepco setgħet tiġi kkunsidrata bħala dipartiment ta’ bejgħ intern tal-ex kumpanniji Interpipe, b’mod li ebda aġġustament ma kellu jiġi applikat minnha. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

7        Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli ppreżentati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni kontra l-ewwel sentenza Interpipe.

8        Il-Kunsill ikkonforma ruħu mal-ewwel sentenza Interpipe bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2012 tal-21 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament Nru 954/2006 (ĠU 2012, L 165, p. 1). Skont il-premessi 11 sa 14 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, il-marġni ta’ dumping ġie ikkalkolat mill-ġdid mingħajr ma ġie adattat il-prezz ta’ esportazzjoni, għall-bejgħ imwettaq bl-intervent tal-kumpannija konnessa Sepco, abbażi ta’ Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament Nru 1225/2009 [li sar l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku], li fil-frattemp ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 384/96 emendat. Ir-rata ta’ dazju antidumping applikabbli għar-rikorrenti ġiet stabbilita għal 17.7 %.

9        Il-miżuri antidumping previsti mir-Regolament Nru 954/2006, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2012, inżammu għal perijodu supplementari ta’ ħames snin, b’applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 585/2012 tas-26 ta’ Ġunju 2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukraina, wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment ta’ reviżjoni ta’ skadenza dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja (ĠU 2012, L 174, p. 5). Il-Kunsill ikkunsidra li r-rikorrenti kienu għadhom jaħdmu ma’ żewġ negozjanti relatati, stabbiliti fl-Ukraina u fl-Isvizzera (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), imsejħa issa LLC Interpipe Ukraine (iktar ’il quddiem “IPU”) u Interpipe Europe SA (iktar ’il quddiem “IPE”). Ir-rata tad-dazju antidumping applikabbli għar-rikorrenti baqgħet stabbilita għal 17.7 %.

10      Fi tmiem proċedura ta’ reviżjoni intermedja mitluba mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1225/2009 (li sar l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku) (iktar ’il quddiem ir-“reviżjoni l-ġdida magħluqa fl-2012”), il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 795/2012 tat-28 ta’ Awwissu 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 585/2012 (ĠU 2012, L 238, p. 1), li abbażi tiegħu r-rata ta’ dazju antidumping li kienet applikabbli tnaqqset għal 13.8 %.

11      Fl-4 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali l-avviż ta’ ftuħ ta’ reviżjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid jew tal-azzar mingħajr saldaturi, li joriġinaw fir-Russja u fl-Ukraina (ĠU 2017, C , p. 9). Ir-reviżjoni msemmija f’dan l-avviż (iktar ’il quddiem ir-“reviżjoni finali magħluqa fl-2018”) kienet ibbażata fuq l-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku.

12      Fis-7 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll fil-Ġurnal Uffiċjali l-avviż ta’ ftuħ ta’ reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti tubi u pajpijiet mingħajr saldaturi, li joriġinaw, fost l-oħrajn, fl-Ukraina (ĠU 2018, C 159, p. 18). Ir-reviżjoni msemmija f’dan l-avviż (iktar ’il quddiem ir-“reviżjoni interim magħluqa fl-2019”), li saret wara talba tar-rikorrenti bbażata fuq l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, kienet limitata għad-dumping li huma ġew akkużati bih.

13      Fit-13 ta’ Lulju 2018, fil-kuntest tar-reviżjoni finali konkluża fl-2018, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, konformement mal-Artikolu 20 tar-regolament bażiku, dokument ta’ informazzjoni ġenerali li permezz tiegħu hija informathom li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ispejjeż ta’ bejgħ tagħhom, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż BAĠ”), neċessarji għall-kalkolu tal-valur normali, skont l-Artikolu 2(3) u (4) tar-regolament bażiku, hija kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispejjeż BAĠ relatati mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat li r-rikorrenti kienu jwettqu max-xerrejja indipendenti stabbiliti fl-Ukraina jew direttament, jew permezz ta’ IPU, iżda wkoll l-ispejjeż BAĠ, bl-esklużjoni tal-ispejjeż ta’ trasport, relatati mal-bejgħ tal-imsemmi prodott li saru mir-rikorrenti għand IPU, sabiex din tal-aħħar terġa’ tbiegħhom lil xerrejja indipendenti stabbiliti fl-Ukraina.

14      Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrimarkat li r-rikorrenti issa kienu jesportaw il-prodotti tagħhom fl-Unjoni mhux biss, bħal qabel, minn IPE, iżda wkoll minn kumpannija relatata oħra, Interpipe Central Trade GmbH (iktar ’il quddiem “IPCT”), stabbilita fil-Ġermanja, li kellha titqies bħala importatur. Skont is-sentenza Interpipe, il-Kummissjoni ma ppreveditx li tapplika għall-prezzijiet imħallsa minn xerrejja indipendenti lil IPE aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, filwaqt li hija wriet l-intenzjoni li tintroduċi aġġustament, skont l-Artikolu 2(9) ta’ dan ir-regolament, għall-prodotti mibjugħa fl-Unjoni minn IPCT.

15      Fl-osservazzjonijiet tagħhom tat-30 ta’ Lulju 2018 dwar id-dokument ta’ informazzjoni ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti kkontestaw il-kalkoli tal-Kummissjoni dwar l-ispejjeż BAĠ, billi sostnew li l-metodu previst kien differenti, bi ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, minn dak applikat preċedentement. Dan l-allegat metodu ġdid artifiċjalment żied l-ispejjeż BAĠ u, konsegwentement, ukoll il-marġni ta’ dumping.

16      Fi tmiem ir-reviżjoni magħluqa fl-2018, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1469 tal-1 ta’ Ottubru 2018 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukrajna wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ĠU 2018, L 246, p. 20). Il-miżuri antidumping inkwistjoni għalhekk inżammu.

17      Fil-premessi 82 u 83 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1469, il-Kummissjoni rrilevat li, wara li analizzat l-elementi kollha, hija kienet aċċettat it-talba tar-rikorrenti dwar il-kalkolu tal-ispejjeż BAĠ bejn kumpanniji relatati.

18      Fil-premessi 86 u 87 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1469, il-Kummissjoni ppreċiżat li, meta l-produttur-esportatur kien jesporta l-prodott ikkonċernat mingħand xerrejja indipendenti fl-Unjoni permezz tal-intermedjarju tal-IPE, bħala negozjant, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit abbażi tal-prezzijiet effettivament imħallsa jew li għandhom jitħallsu għall-prodott ikkonċernat mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-regolament bażiku. Min-naħa l-oħra, meta l-produtturi-esportaturi esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpanija relatata li taġixxi bħala importatur, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa’ ġie mibjugħ għall-ewwel darba lix-xerrejja indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku, bl-aġġustamenti permessi minn din id-dispożizzjoni.

19      Ir-rata tad-dazju antidumping applikabbli għar-rikorrenti baqgħet stabbilita għal 13.8 %.

20      Fil-21 ta’ Mejju 2019, fil-kuntest tar-reviżjoni interim magħluqa fl-2019, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni ġenerali (iktar ’il quddiem id-“DIG 2019”), konformement mal-Artikolu 20 tar-regolament bażiku. Permezz ta’ dan id-dokument, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni informathom li, fil-kalkolu tal-ispejjeż BAĠ tagħhom, kienu ġew miżjuda l-ispejjeż li huma kienu sostnew għall-bejgħ tagħhom lil IPU. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni rrilevat li IPE u IPCT kienu jiffunzjonaw fl-opinjoni tagħha bħala żewġ kanali li jippermettu li jiġu esportati l-istess prodotti fl-Unjoni. Billi bbażat ruħha fuq dan l-element, fuq ir-rwol ta’ koordinazzjoni ta’ IPU, minn naħa, ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, IPE u IPCT, fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntratti konklużi bejn IPU u dawn iż-żewġ kumpanniji tal-aħħar kif ukoll fuq l-assenza, fl-istatuti ta’ IPE, ta’ obbligu ta’ esklużività fil-qasam tal-għażla tal-fornituri tal-prodotti li għandhom jinbiegħu, il-Kummissjoni kkonkludiet li IPE ma setgħetx iktar tiġi kkunsidrata bħala dipartiment intern tal-bejgħ għall-esportazzjoni fi ħdan il-grupp li għalih kienu jappartjenu r-rikorrenti (iktar ’il quddiem il-“grupp Interpipe”) u li, fil-kalkolu tal-prezz fl-esportazzjoni, għandu għalhekk jiġi applikat aġġustament, abbażi tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, għall-prezzijiet imħallsa minn IPE minn xerrejja indipendenti fl-Unjoni.

21      Fl-osservazzjonijiet tagħhom tal-4 ta’ Ġunju 2019 dwar id-DIG 2019, ir-rikorrenti kkontestaw b’mod partikolari, fl-ewwel lok, il-kalkoli tal-Kummissjoni dwar l-ispejjeż BAĠ, filwaqt li sostnew li l-metodu previst kien jikkorrispondi għal dak li kien diġà ġie propost, u finalment imwarrab, fil-kuntest tar-reviżjoni finali magħluqa fl-2018. Fit-tieni lok, huma sostnew li l-applikazzjoni ta’ aġġustament, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, għall-prezzijiet imħallsa lil IPE minn xerrejja indipendenti kienet tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ewwel sentenza Interpipe (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). Huma enfasizzaw li ċ-ċirkustanzi fattwali ma kinux inbidlu, minkejja l-ħolqien ta’ IPCT.

22      Fis-27 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni addizzjonali, li skontu hija kienet aċċettat diversi argumenti fformulati fl-osservazzjonijiet tagħhom tal-4 ta’ Ġunju 2019, minbarra dawk imsemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni żiedet li dawn l-aħħar argumenti kienu ġew analizzati, iżda li kienu ser jiġu ttrattati fir-regolament ta’ implementazzjoni li kien ser jiġi ppubblikat mhux iktar tard mis-6 ta’ Awwissu 2019. Ir-rata tad-dazju antidumping prevista mill-Kummissjoni f’dan id-dokument ta’ informazzjoni addizzjonali kienet ta’ 8.1 %.

23      Fl-1 ta’ Awwissu 2019, fi tmiem reviżjoni interim magħluqa fl-2019, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1295, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1469 (ĠU 2019, L 204, p. 22) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), li fih ir-rata tad-dazju antidumping applikabbli għar-rikorrenti ġiet stabbilita għal 8.1 %.

24      Fil-premessi 32, 33 u 39 sa 42 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti riprodotti fil-punt 21 iktar ’il fuq. Hija ppreċiżat li, fid-dawl tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni kummerċjali dwar l-espożizzjoni u l-analiżi ta’ dawn l-argumenti, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tagħhom kienu indikati fid-dettall f’ittra separata, li hija bagħtet lir-rikorrenti fit-2 ta’ Awwissu 2019 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti ippreżentaw dan ir-rikors.

26      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fil-15 ta’ April 2020.

27      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ April 2020, ir-rikorrenti talbu li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, abbażi tal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

28      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, hija għamlet mistoqsijiet lill-partijiet għal tweġiba bil-miktub qabel is-seduta u stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-termini imposti.

29      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2020.

30      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenzi appellati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

32      Insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

33      L-ewwel motiv jirrigwarda l-illegalità tal-inklużjoni, fil-kalkolu tal-valur normali, tal-ispejjeż BAĠ marbuta mal-bejgħ tar-rikorrenti lil IPU. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku kif ukoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2.2.2 tal-ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) (ĠU 1994, L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping tal-WTO”), fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU 1994, L 336, p. 3).

34      It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni, għall-prezz tal-esportazzjoni, ta’ ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż BAĠ u għall-benefiċċju ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet. Il-Kummissjoni ma kellhiex tnaqqas mill-prezz tal-esportazzjoni tar-rikorrenti ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż BAĠ u għall-benefiċċju ta’ IPE, skont l-ewwel sar-raba’ sentenza tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

35      It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, sa fejn il-Kummissjoni ddeterminat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tar-rikorrenti bl-applikazzjoni ta’ metodu differenti minn dak li hija kienet użat qabel.

36      Fi ħdan kull wieħed minn dawn it-tliet motivi, ir-rikorrenti jqajmu l-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku u tal-Artikolu 9.3 tal-Ftehim antidumping tal-WTO, sa fejn, wara l-ksur u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni invokati, id-dazju antidumping stabbilit jaqbeż l-ammont tad-dumping.

37      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-valur normali, tal-ispejjeż BAĠ relatati mal-bejgħ tar-rikorrenti lil IPU

38      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, sa fejn inkludiet fil-kalkolu tal-valur normali l-ispejjeż BAĠ relatati mal-bejgħ tagħhom lil IPU, kisret l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku, il-prassi deċiżjonali tagħha stess kif ukoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2.2.2 tal-Ftehim antidumping tal-WTO, kif interpretat mid-deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li huma fir-realtà ma sostnewx l-ispejjeż BAĠ ikkontestati.

39      Preliminarjament, ir-rikorrenti jfakkru li l-bejgħ tagħhom tal-prodott ikkonċernat fis-suq nazzjonali Ukrain dejjem seħħ fil-forma kemm ta’ bejgħ dirett, magħmul minnhom stess lil xerrejja nazzjonali indipendenti (iktar ’il quddiem il-“bejgħ dirett”), jew ta’ bejgħ indirett, fis-sens li huma kienu jbigħu dan il-prodott lil IPU, li kienet tbigħu mill-ġdid lil xerrejja nazzjonali indipendenti (iktar ’il quddiem il-“bejgħ indirett”).

40      Permezz ta’ dan il-motiv, qabelxejn, ir-rikorrenti jsostnu li, matul ir-reviżjoni interim magħluqa fl-2019, li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni, fil-kalkoli mwettqa sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali, f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż BAĠ, ma bbażatx ruħha biss, bħal fil-passat, fuq l-ispejjeż BAĠ tagħhom relatati mal-bejgħ dirett tal-prodott ikkonċernat u fuq l-ispejjeż BAĠ ta’ IPU għall-bejgħ indirett ta’ dan il-prodott. Hija żiedet, b’mod żbaljat, l-ispejjeż BAĠ sostnuti mir-rikorrenti għall-bejgħ tagħhom tal-prodott ikkonċernat lil IPU (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż BAĠ ikkontestati”), li din tal-aħħar kienet terġa’ tbigħ lil xerrejja indipendenti fis-suq nazzjonali Ukrain. Skont ir-rikorrenti, l-inklużjoni tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati, li ma kinux inklużi fil-kalkoli magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-reviżjoni interim magħluqa fl-2012 u li kienu finalment ġew irtirati mill-kalkoli relatati mar-reviżjoni finali (ara l-punti 11, 13 u 17 iktar ’il fuq), kabbret b’mod artifiċjali l-marġni ta’ dumping.

41      Sussegwentement, ir-rikorrenti jfakkru li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku, il-“valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur” u li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, il-prezzijiet applikati bejn żewġ partijiet li jidhru li huma relatati ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjonijiet kummerċjali normali. F’dan il-każ, il-Kummissjoni, ġustament, applikat dan il-prinċipju, iżda naqset, b’mod żbaljat, milli tasal għall-konklużjoni li l-ispejjeż BAĠ relatati ma’ bejgħ bejn tali partijiet lanqas ma seta’ jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku tipprovdi li l-ispejjeż BAĠ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-informazzjoni li tirrigwarda tranżazzjonijiet kummerċjali normali. L-istess prinċipju jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 2.2.2 tal-Ftehim antidumping tal-WTO.

42      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li ż-żieda tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati żiedet b’mod artifiċjali l-valur normali u, konsegwentement, il-marġni ta’ dumping, kif jirriżulta miż-żewġ elementi li ġejjin.

43      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jfakkru li, skont l-ewwel u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tar-regolament bażiku u tal-prattika tal-Kummissjoni, il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-suq intern tal-pajjiż esportatur lil xerrejja indipendenti għandu jsir fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali sabiex ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-valur normali. It-test meħtieġ sabiex jiġi ddeterminat jekk bejgħ twettaqx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali (iktar ’il quddiem it-“test TKN”) jimplika, skont l-Artikolu 2(4) tar-regolament bażiku, li jsir paragun bejn l-ispiża ta’ produzzjoni unitarja flimkien mal-ispejjeż BAĠ u l-prezz tal-bejgħ reali, skont it-tip ta’ prodott. Ir-rikorrenti jżidu li r-regolament bażiku, b’mod partikolari l-Artikolu 2(4) tiegħu, ma jinkludi ebda regola li teżiġi li jiġu inklużi l-ispejjeż kollha, inklużi dawk li saru għall-bejgħ bejn kumpanniji relatati, fost l-ispejjeż BAĠ użati għall-finijiet tat-test TKN.

44      Għat-tipi ta’ prodotti li minnhom iktar minn 80 % tal-bejgħ fis-suq intern tal-esportatur huwa benefiċjarju, fis-sens li dan sar bi prezzijiet ogħla mill-ispiża unitarja (iktar ’il quddiem il-“bejgħ benefiċjarju”), u li l-prezz tal-bejgħ medju ponderat tiegħu huwa ugwali jew ogħla mill-ispiża medja ponderata, il-valur normali jiġi kkalkolat abbażi tal-bejgħ kollu, irrispettivament minn jekk dawn kinux benefiċjarji jew le.

45      Min-naħa l-oħra, meta l-volum tal-bejgħ li jibbenefika minn tip ta’ prodott fl-imsemmi suq ikun daqs jew inqas minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dan it-tip ta’ prodott, jew meta l-prezz medju ponderat ta’ dan it-tip ta’ prodott ikun inqas mill-ispiża tal-produzzjoni unitarja, il-valur normali jkun ibbażat biss fuq il-bejgħ benefiċjarju.

46      Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ kollu ta’ tip ta’ prodott (ara l-punt 44 iktar ’il fuq) jew il-bejgħ benefiċjarju biss ta’ dan it-tip ta’ prodott (ara l-punt 45 iktar ’il fuq) għandu effett fuq il-kalkolu tal-valur normali ta’ dan, fis-sens li dan tal-aħħar ikun ogħla fit-tieni każ. Il-marġni ta’ dumping jiżdied ukoll.

47      Ir-rikorrenti josservaw li, f’dan il-każ, il-fatt li ġew miżjuda l-ispejjeż BAĠ ikkontestati fil-kalkoli tal-valur normali kellu l-effett li jżid l-ispejjeż ta’ produzzjoni u, konsegwentement, li jnaqqas il-perċentwali tal-bejgħ benefiċjarju. Għalhekk, għal numru ikbar ta’ tipi ta’ prodotti mibjugħa fis-suq nazzjonali Ukrain, il-bejgħ benefiċjarju ma laħaqx il-limitu ta’ 80 %, b’tali mod li kien biss il-bejgħ benefiċjarju li ttieħed inkunsiderazzjoni u l-valur normali kien sar ogħla.

48      It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku jirriżulta li, għal tipi ta’ prodotti li ma jinbiegħux mill-produttur fis-suq nazzjonali tiegħu lil xerrejja indipendenti, iżda li huma esportati fl-Unjoni, il-valur normali għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ispiża tal-produzzjoni, miżjuda b’ammont raġonevoli għall-ispejjeż BAĠ u għall-profitt. Dan l-ammont raġonevoli huwa kkalkolat abbażi tal-bejgħ ta’ tipi oħra tal-prodott ikkonċernat imwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Iż-żieda tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati kellha l-effett li żżid ukoll il-valur normali kkalkolat għat-tipi ta’ prodotti mhux mibjugħa fis-suq nazzjonali.

49      Mill-argumenti kollha preċedenti r-rikorrenti jiddeduċu li, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż BAĠ ikkontestati, il-Kummissjoni kisret l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

50      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti u, fir-rigward ta’ dawk dwar il-ksur tal-prassi deċiżjonali tagħha u tat-tagħlim li jirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO, ukoll l-ammissibbiltà tagħhom, minħabba l-fatt li ġew ippreżentati b’mod mhux konformi mal-punt 115 tad-dispożizzjonijiet prattiċi ta’ eżekuzzjoni tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn dawn ma jikkorrispondux għall-kwalifiki tal-motivi invokati mir-rikorrenti.

51      F’dan l-aħħar rigward, għandu jiġi osservat li n-nuqqas ta’ osservanza tar-rakkomandazzjonijiet editorjali li jinsabu fid-dispożizzjonijiet prattiċi għall-implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura jista’ jwassal għall-inammissibbiltà ta’ rikors kollu jew ta’ parti minnu biss jekk dan tal-aħħar ma jkunx konformi mal-Artikolu 76(d) tal-imsemmi regolament. Issa, kif ser jiġi espost iktar ’il quddiem, ir-rikors jispjega f’hiex jikkonsisti l-ewwel motiv u l-ilmenti mressqa insostenn tiegħu huma biżżejjed ċari u preċiżi (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-25 ta’ Marzu 2015, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, T‑538/11, EU:T:2015:188, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      L-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għalhekk ma humiex fondati.

53      Fuq il-mertu, dan il-motiv għandu jiġi eżaminat wara li jitfakkru d-dispożizzjonijiet prinċipali applikabbli u l-ġurisprudenza li interpretathom.

54      Skont l-Artikolu 1(2) tar-regolament bażiku, “[p]rodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping jekk il-prezz tal-esportazzjoni tiegħu għall-Unjoni ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.” L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(12) tal-imsemmi regolament jippreċiża li “[i]l-marġini ta’ dumping għandu jkun l-ammont li permezz tiegħu il-valur normali jaqbeż il-prezz tal-esportazzjoni.”

55      Minn dan isegwi li d-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott jikkostitwixxi wieħed mill-istadji essenzjali li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping eventwali (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il-Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 20; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 105).

56      Il-metodu prinċipali ta’ determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott huwa stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2017, Viraj Profiles vs Il‑Kunsill, T‑67/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:481, punt 110), li jipprevedi li “[i]l-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.”

57      Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-istruttura tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku jirriżulta li, fid-determinazzjoni tal-valur normali, huwa l-prezz realment imħallas jew li għandu jitħallas fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju, bħala prijorità, sabiex jiġi stabbilit il-valur normali. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku tista’ ssir deroga minn dan il-prinċipju biss meta ebda bejgħ tal-prodott simili ma jseħħ matul “tranżazzjonijiet kummerċjali normali” jew meta dan il-bejgħ ikun insuffiċjenti jew meta tali bejgħ ma jippermettix paragun validu. Dawn id-derogi għall-metodu ta’ ffissar tal-valur normali skont prezzijiet reali għandhom natura eżawrjenti (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il-Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-għan tal-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali normali” kien li jiġi żgurat li l-valur normali ta’ prodott jikkorrispondi kemm jista’ jkun mal-prezz normali tal-prodott simili fis-suq intern tal-esportatur. Jekk bejgħ ikun konkluż skont termini u kundizzjonijiet li ma jikkorrispondux mal-prattika kummerċjali li tikkonċerna l-bejgħ tal-prodott simili f’dan is-suq fil-mument rilevanti għad-determinazzjoni dwar jekk hemmx dumping jew le, dan ma jikkostitwixxix bażi xierqa sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali tal-prodott simili fl-imsemmi suq (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il-Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 28).

59      Ir-regolament bażiku ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali normali”. Madankollu, l-imsemmi regolament jipprovdi b’mod espliċitu, fl-Artikolu 2 tiegħu, żewġ ipoteżi ta’ bejgħ li, taħt ċerti kundizzjonijiet, ma jistgħux jikkostitwixxu tali tranżazzjonijiet. Fl-ewwel lok, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku jippreċiża li l-prezzijiet użati bejn il-partijiet, li jidhru li jkunu relatati jew li jidhru li jkollhom ftehim ta’ kumpens ma’ xulxin ma jistgħux jitqiesu bħala prezzijiet użati fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali u jistgħu biss jintużaw biex jistabbilixxu l-valur normali kemm-il darba ma jkunx stabbilit, b’eċċezzjoni, li dawn il-prezzijiet ma humiex affettwati minn din ir-relazzjoni (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punti 22 u 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fit-tieni lok, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tal-istess regolament, il-bejgħ ta’ prodotti simili fis-suq intern tal-pajjiż esportatur jew il-bejgħ b’destinazzjoni ta’ pajjiż terz bi prezz inqas mill-ispiża ta’ produzzjoni għal kull prodott ma jistgħux jitqiesu li ma seħħewx matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali ħlief jekk jiġi ddeterminat li dawn twettqu matul perijodu estiż fi kwantitajiet sostanzjali u bi prezzijiet li ma jippermettux li jiġu koperti l-ispejjeż kollha f’terminu raġonevoli (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 24). It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(4) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li, “perjodu ta’ żmien estiż” għandu normalment ikun ta’ sena iżda f’ebda każ ma għandu jkun inqas minn sitt xhur, u l-bejgħ taħt l-ispiża għal kull unità għandu jiġi kkunsidrat li jkun magħmul fi kwantitajiet sostanzjali f’tali perjodu ta’ żmien meta jiġi stabbilit li l-prezz tal-bejgħ medju kkalkolat ikun inqas mill-ispiża għal kull unità medja kkalkolata, jew li l-volum ta’ bejgħ taħt l-ispiża għal kull unità ma jkunx inqas minn 20 % tal-bejgħ li jkun qiegħed jiġi użat sabiex jiġi determinat il-valur normali.

60      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali normali” jikkonċerna n-natura tal-bejgħ ikkunsidrat fih innifsu (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat dwar il-valur normali

61      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessi 25 sa 31 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ddeterminat il-valur normali bil-mod li ġej.

62      Skont l-Artikolu 2(2) tar-regolament bażiku, minn naħa, hija eżaminat jekk, għar-rikorrenti, il-volum totali tal-bejgħ intern, jiġifieri fl-Ukraina, tal-prodott simili lil xerrejja indipendenti kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum totali tiegħu tal-bejgħ f’esportazzjoni lejn l-Unjoni, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ dan il-bejgħ kienx jirrappreżenta tal-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ f’esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-prodott taħt reviżjoni. Hija kkonkludiet li dan kien il-każ (premessa 25).

63      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-bejgħ magħmul mir-rikorrenti fis-suq intern tagħhom, għal kull tip ta’ prodott identiku jew paragunabbli mat-tip ta’ prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ bejgħ intern, skont it-tip ta’ prodott, kienx jammonta tal-inqas għal 5 % tal-volum totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tat-tip ta’ prodott identiku jew paragunabbli. Hija stabbilixxiet li, fil-parti l-kbira, il-bejgħ intern skont it-tip ta’ prodott kien rappreżentattiv matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (premessa 26).

64      It-tieni nett, għat-tipi ta’ prodotti li kienu mibjugħa fl-Ukraina fi kwantitajiet rappreżentattivi (iktar ’il quddiem it-“tipi ta’ prodotti mibjugħa fl-Ukraina”), il-Kummissjoni applikat it-test TKN (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). Għal dan il-għan, hija kkalkolat il-proporzjon ta’ bejgħ intern li jibbenefika lil xerrejja indipendenti fis-suq intern, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (premessa 27).

65      Għal dawk it-tipi ta’ prodotti mibjugħa fl-Ukraina fejn iktar minn 80 % tal-bejgħ (bħala volum) ta’ bejgħ fis-suq intern tat-tip ta’ prodott, kienu ogħla mill-ispejjeż u l-prezz medju kkalkolat kien daqs il-prezz ta’ unità tal-produzzjoni jew ogħla minnu, il-valur normali ġie kkalkolat bħala l-medja kkalkolata tal-prezzijiet interni reali tal-bejgħ kollu tat-tip ta’ prodott ikkonċernat, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ kienx bi profitt jew le (premessa 28).

66      Meta l-volum tal-bejgħ bi profitt kien jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip ta’ prodott mibjugħ fl-Ukraina jew fejn il-prezz medju kkalkolat ta’ dak it-tip ta’ prodott kien taħt l-ispiża unitarja tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz intern attwali, li ġie kkalkolat bħala l-prezz medju kkalkolat tal-bejgħ domestiku bi profitt biss ta’ dak it-tip ta’ prodott magħmul matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni (premessa 29).

67      L-analiżi tal-bejgħ domestiku wriet li 35 sa 55 % tal-bejgħ intern kollu tat-tip ta’ prodotti mibjugħa fl-Ukraina kienu bi profitt u li l-prezz tal-bejgħ medju kkalkolat kien ogħla mill-ispiża tal-produzzjoni. Għaldaqstant, il-valur normali ġie kkalkolat bħala l-medja kkalkolata tal-bejgħ bi profitt biss (premessa 30).

68      It-tielet nett, għat-tipi ta’ prodotti li l-bejgħ tagħhom fl-Ukraina kien jikkostitwixxi inqas minn 5 % tal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni jew li ebda wieħed minnhom ma kien ġie kkummerċjalizzat fis-suq intern Ukrain (iktar ’il quddiem it-“tipi ta’ prodotti mhux mibjugħa fl-Ukraina”), il-Kummissjoni kkalkolat il-valur normali skont l-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku, abbażi tal-ispiża tal-manifattura skont it-tip ta’ prodott, miżjuda b’ammont li jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż BAĠ kif ukoll il-profitt (premessa 31).

 Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(3), (4) u (6) tar-regolament bażiku

69      Ir-rikorrenti jsostnu li, waqt il-kalkolu tal-valur normali, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, l-ispejjeż BAĠ ikkontestati, billi żiedet il-valur normali kemm waqt l-applikazzjoni tat-test TKN, għat-tipi ta’ prodotti mibjugħa fl-Ukraina, kif ukoll fil-kostruzzjoni tal-valur normali fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku, għat-tipi ta’ prodotti mhux mibjugħa fl-Ukraina (ara l-punti 43 sa 48 iktar ’il fuq).

70      Sabiex tingħata deċiżjoni dwar dawn l-ilmenti, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt tinkludi l-ispejjeż BAĠ ikkontestati fil-kalkoli tal-valur normali skont l-Artikolu 2(3) u (4) tar-regolament bażiku.

71      Kif ġie mfakkar fil-punti 57 sa 60 iktar ’il fuq, il-prinċipju bażiku li jirregola d-determinazzjoni tal-valur normali huwa li dan għandu jkun ibbażat fuq elementi relatati ma’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

72      Mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku jirriżulta li l-prezzijiet tal-bejgħ konklużi bejn partijiet assoċjati ma jistgħux, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni, jintużaw sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali (ara l-punt 59 iktar ’il fuq).

73      Il-Kummissjoni ssostni li din l-esklużjoni tirrigwarda kwistjoni differenti minn dik dwar jekk, f’dan il-każ, l-ispejjeż BAĠ marbuta ma’ bejgħ bejn partijiet assoċjati, bħar-rikorrenti u IPU, jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, skont l-Artikolu 2(3) u (4) tar-regolament bażiku.

74      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-ispiża ta’ produzzjoni, mifhuma bħala s-somma tal-ispiża tal-manifattura tal-prodott inkwistjoni u tal-ispejjeż BAĠ, hija meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, minn naħa, fil-kuntest tat-test TKN previst fl-Artikolu 2(4) tar-regolament bażiku, sabiex tevalwa jekk il-bejgħ intern huwiex ta’ profitt u jistax għalhekk jiġi kkunsidrat bħala li seħħ fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament bażiku, meta l-bejgħ intern ma jkunx seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2017, Viraj Profiles vs Il-Kunsill, T‑67/14, mhux ippubblikat, EU:T:2017:481, punt 163). Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-ispejjeż relevanti f’każ bħall-ieħor għandhom ikunu l-istess, sabiex jiġi evitat li jiġu trattati b’mod differenti, mingħajr ebda raġuni, il-produtturi-esportaturi skont jekk ibiegħux ċerti tipi ta’ prodott ukoll fil-pajjiż tagħhom jew f’pajjiżi oħra biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1988, Brother Industries vs Il-Kunsill, 250/85, EU:C:1988:464, punt 19).

75      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tuża l-istess spejjeż BAĠ kemm waqt l-applikazzjoni tat-test TKN għat-tipi ta’ prodotti mibjugħa fl-Ukraina kif ukoll waqt il-bini tal-valur normali għat-tipi ta’ prodotti mhux mibjugħa fl-Ukraina. Din il-konstatazzjoni, konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 74 iktar ’il fuq, ġiet barra minn hekk ikkonfermata mill-partijiet matul is-seduta.

76      Fir-regolament bażiku, il-mod ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż BAĠ huwa ppreċiżat mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6), li jipprevedi li “[l]-ammonti għall-bejgħ, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti għandhom jiġu bbażati fuq data attwali relattiva għall-produzzjoni u l-bejgħ, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew produttur taħt investigazzjoni.”

77      F’dawn l-atti, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku hija applikabbli biss għall-bini tal-valur normali mwettaq skont l-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament, filwaqt li ma huwiex rilevanti għat-test TKN, previst fl-Artikolu 2(4) tiegħu.

78      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku ma tagħmilx distinzjoni skont jekk il-valur normali inkwistjoni jiġix evalwat skont l-Artikolu 2(3) jew xi dispożizzjoni oħra tal-istess regolament. Huwa ma jillimitax l-applikazzjoni tas-sistema legali li huwa jiffissa għal sitwazzjonijiet koperti minn ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku ma tipprekludix li l-obbligu, li jipprovdi, li wieħed jibbaża ruħu fuq data miġbura fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali jkun ta’ applikazzjoni ġenerali, kull darba li dan l-artikolu jirreferi għall-ispejjeż BAĠ. Barra minn hekk, peress li huwa paċifiku li, kif ammettiet il-Kummissjoni matul is-seduta (ara l-punt 75 iktar ’il fuq), l-ispejjeż BAĠ użati għall-bini tal-valur normali abbażi tal-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku huma l-istess bħal dawk applikati għall-finijiet tat-test TKN previst fl-Artikolu 2(4) tal-istess regolament, dawn l-ispejjeż għandhom josservaw l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tal-imsemmi regolament u għalhekk ikunu bbażati fuq data li tirrigwarda bejgħ magħmul matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

79      Għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni użatx tali data meta applikat it-test TKN f’dan il-każ.

80      Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li t-tipi ta’ prodotti mibjugħa fl-Ukraina mill-grupp Interpipe kienu fil-forma ta’ bejgħ kemm dirett kif ukoll indirett, permezz ta’ IPU (ara l-punt 39 iktar ’il fuq). Issa, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku ma tirreferix speċifikament għall-ipoteżi ta’ tranżazzjonijiet bħalma huma bejgħ indirett, li jseħħu f’żewġ stadji, fejn l-ewwel waħda hija interna għall-entità ekonomika waħda kkostitwita minn dan il-grupp.

81      Sabiex jiġi ġġustifikat it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-valur normali, tal-ispejjeż BAĠ sostnuti waqt il-bejgħ tar-rikorrenti lil IPU, li ma huwiex ikkontestat li hija kumpannija marbuta magħhom, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-valur normali tal-prodott mibjugħ lill-ewwel xerrej indipendenti huwa kkalkolat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha relatati mal-manifattura u mal-bejgħ tal-prodott, kemm jekk dawn l-ispejjeż jiġu sostnuti mill-manifattur jew mill-parti li hija marbuta fi ħdan il-grupp.

82      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar is-sens tal-kunċett ta’ entità ekonomika waħda fid-dritt tal-Unjoni u l-konsegwenzi tagħha fuq il-kalkolu tal-valur normali fil-preżenza ta’ tranżazzjonijiet bħall-bejgħ indirett inkwistjoni.

 Fuq il-kunċett ta’ entità ekonomika waħda u l-konsegwenzi tagħha

83      Il-kunċett ta’ entità ekonomika waħda ġie żviluppat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku u tad-dispożizzjonijiet analogi li ppreċedewh. Dan il-kunċett huwa bbażat fuq in-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet fi ħdan grupp ta’ kumpanniji (sentenzi tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 55, u tas-17 ta’ Marzu 2015, RFA International vs Il-Kummissjoni, T‑466/12, EU:T:2015:151, punti 108 u 110).

84      Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tqassim tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ fi ħdan grupp ifformat minn kumpanniji legalment distinti ma jista’ bl-ebda mod ineħħi l-fatt li dawn il-kumpanniji jikkostitwixxu entità ekonomika waħda li torganizza b’dan il-mod numru ta’ attivitajiet eżerċitati, f’każijiet oħrajn, minn entità li hija unika wkoll mill-perspettiva legali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1993, Matsushita Electric Industrial vs Il-Kunsill, C‑104/90, EU:C:1993:837, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      F’dak li jikkonċerna l-prezzijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ bejgħ li jinvolvi diversi kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess grupp qabel ma l-grupp inkwistjoni jkun mixtri minn terz, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta produttur jalloka kompiti li normalment jaqgħu taħt dipartiment ta’ bejgħ intern lil kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tagħha li huwa jikkontrolla ekonomikament, l-użu, għad-determinazzjoni tal-valur normali, tal-prezzijiet imħallsa mill-ewwel xerrej indipendenti lill-imsemmija kumpannija ta’ distribuzzjoni huwa ġġustifikat, peress li dawn il-prezzijiet jistgħu jitqiesu li huma l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ tal-prodott magħmul matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, RFA International vs Il-Kummissjoni, T‑466/12, EU:T:2015:151, punt 108; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, Brother Industries vs Il-Kunsill, 250/85, EU:C:1988:464, punt 15, u tal-10 ta’ Marzu 1992, Canon vs Il-Kunsill, C‑171/87, EU:C:1992:106, punti 9 u 11). Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kompetenti sabiex jadottaw dazji antidumping għandhom jibbażaw ruħhom fuq il-prezzijiet imħallsa mill-ewwel xerrej indipendenti lill-kumpanniji ta’ bejgħ relatati (sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992, Matsushita Electric vs Il‑Kunsill, C‑175/87, EU:C:1992:109, punt 16; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, TEC et vs Il-Kunsill, 260/85 u 106/86, EU:C:1988:465, punt 30, u tal-5 ta’ Ottubru 1988, Silver Seiko et vs Il-Kunsill, 273/85 u 107/86, EU:C:1988:466, punt 14).

86      Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, li hija relatata mal-prezzijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-ispejjeż, billi rrilevat li l-ispejjeż kollha sostnuti mill-kumpanniji distributuri kkontrollati mill-produttur, kif ukoll dawk sostnuti mill-produttur, li jikkontribwixxu għall-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni fis-suq intern u li huma manifestament inklużi fil-prezz tal-bejgħ jekk il-bejgħ isir minn dipartiment ta’ bejgħ intern tal-produttur, kellhom jiġu inklużi fil-valur normali (sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992, Matsushita Electric vs Il-Kunsill, C-175/87, punt 15).

87      B’mod iktar ġenerali, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ bejgħ indirett bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, l-ispejjeż kollha li huma neċessarjament inklużi fil-prezz imħallas mill-ewwel xerrej indipendenti għandhom dejjem jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi evitat li tkun teżisti diskriminazzjoni, mill-perspettiva tal-kalkolu tal-valur normali, skont jekk bejgħ isirx minn dipartiment ta’ bejgħ li jagħmel parti mill-organizzazzjoni tal-produttur jew minn kumpannija legalment distinta, minkejja li kkontrollata ekonomikament mill-manifattur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, TEC et vs Il-Kunsill, 260/85 u 106/86, EU:C:1988:465, punt 29, u tal-10 ta’ Marzu 1992, Canon vs Il-Kunsill, C‑171/87, EU:C:1992:106, punt 13).

88      Skont il-prinċipji li għadhom kif tfakkru, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, bejgħ indirett ma jistax jinqasam fiż-żewġ komponenti tiegħu, sabiex jikklassifika t-tieni wieħed, li seħħ bejn l-IPU u xerrej indipendenti, bħala tranżazzjoni kummerċjali normali, filwaqt li l-ewwel waħda, li seħħet bejn waħda mir-rikorrenti jew l-oħra u IPU, ma titteħidx inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-valur normali, minħabba li ma tikkostitwixxix tali tranżazzjoni. Minn dan jirriżulta li huwa l-bejgħ indirett li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-intier tiegħu, mill-Kummissjoni, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

89      Għalhekk, skont kemm it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku kif ukoll il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 85 iktar ’il fuq, l-uniċi prezzijiet rilevanti għall-kalkolu tal-valur normali huma, f’dak li jirrigwarda l-bejgħ indirett, dawk imħallsa mix-xerrejja indipendenti. Barra minn hekk, il-partijiet jaqblu dwar din il-kwistjoni.

90      Fir-rigward tal-ispejjeż BAĠ, skont il-prinċipji li jirriżultaw mill-punti 86 u 87 iktar ’il fuq u mill-konklużjoni li tirriżulta minnha, kif ifformulata fil-punt 88 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma għandhomx raġun meta jikkontestaw l-għażla tal-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq l-ispejjeż kollha, inklużi l-ispejjeż BAĠ ikkontestati, li ġew sostnuti, fi ħdan il-grupp Interpipe, matul iż-żewġ stadji li jikkomponu l-bejgħ indirett.

91      Għandu jingħad ukoll li l-kumulu tal-ispejjeż BAĠ relatati maż-żewġ stadji ta’ bejgħ indirett u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz uniku applikat fit-tieni stadju, għall-finijiet tat-test TKN, huwa konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-regolament bażiku u mal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq u jirrifletti r-realtà ekonomika. Fil-fatt, f’dan il-każ, jista’ jiġi preżunt li l-prezzijiet ipprattikati minn IPU fir-rigward tax-xerrejja indipendenti, għal prodotti li hija xtrat mingħand ir-rikorrenti, jirriżultaw mill-elementi li ġejjin. L-ewwel nett, dawn jinkludu l-prezzijiet li IPU stess ħallset, fl-input, lir-rikorrenti, filwaqt li jiġi ppreċiżat li dawn l-aħħar prezzijiet huma intiżi li jirriflettu l-ispejjeż ta’ manifattura tal-prodotti, l-ispejjeż BAĠ sostnuti mir-rikorrenti fl-okkażjoni tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti lill-IPU kif ukoll, eventwalment, profitt għalihom. It-tieni nett, dawn jinkludu l-ispejjeż BAĠ sostnuti minn IPU waqt il-bejgħ ta’ dawn l-istess prodotti lil xerrejja indipendenti, flimkien, jekk ikun il-każ, ma’ profitt. Sabiex tistabbilixxi jekk bejgħ indirett huwiex benefiċjarju, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk il-prezz mitlub minn IPU jippermettilhiex tirkupra l-prezz li hija ħallset lir-rikorrenti u l-ispejjeż BAĠ tagħha. Peress li, kif għadu kif ġie enfasizzat, il-prezz imħallas minn IPU lir-rikorrenti jinkludi b’mod partikolari l-ispejjeż BAĠ tagħhom, il-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-ispejjeż. Għandu jiġi rrilevat li, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi preżunt, u r-rikorrenti ma jsostnux dan, li l-ispejjeż BAĠ sostnuti minn IPU fil-kuntest tal-bejgħ lil xerrejja indipendenti jinkludu l-ispejjeż BAĠ li r-rikorrenti sostnew matul l-ewwel stadju tal-bejgħ indirett, bejniethom u IPU. Għaldaqstant, kieku l-Kummissjoni ma kinitx inkludiet fil-kalkolu tagħha l-ispejjeż BAĠ ikkontestati, dawn ma kinux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-bejgħ indirett, b’tali mod li l-valur normali kien jiġi stabbilit skont metodu li ma jirriflettix ir-realtà ekonomika.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-Kummissjoni, fil-kuntest tat-test TKN u tal-bini tal-valur normali skont l-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament, tibbaża ruħha fuq spejjeż BAĠ li jinkludu dawk ikkontestati f’dan il-każ.

93      Konsegwentement, hemm lok li jiġu miċħuda l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni, permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati fil-kalkolu tal-valur normali, żiedet b’mod artifiċjali dan tal-aħħar. Għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra invokati insostenn tal-ewwel motiv, dwar id-deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO, in-natura teoretika tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati u l-ksur tal-prattika tal-Kummissjoni.

 Fuq l-ilmenti bbażati fuq id-deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO

94      Ir-rikorrenti jsostnu li l-korp tal-appell tal-WTO, li r-rapporti tiegħu huma adottati mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO, meta interpreta l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2.2.2 tal-Ftehim antidumping tal-WTO, li jikkorrispondi għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku, ippreċiża li kien hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq l-informazzjoni reali dwar il-produzzjoni u l-bejgħ, matul it-tranżazzjonijiet kummerċjali normali, u li l-bejgħ li ma kienx seħħ matul tali tranżazzjonijiet kellu jiġi eskluż mill-kalkolu tal-ammonti ta’ BAĠ u mal-profitt.

95      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-ftehim tal-WTO ma jinsabux, bħala prinċipju, fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Madankollu, fl-ipoteżi fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu speċifiku adottat fil-kuntest tal-WTO, jew fl-ipoteżi fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Ftehim tal-WTO, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO (ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, RFA International vs Il-Kummissjoni, T‑466/12, EU:T:2015:151, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Baby Dan, C‑592/17, EU:C:2018:913, punti 66 u 67).

96      Skont il-premessa 3 tar-regolament bażiku, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni xierqa u trasparenti tar-regoli tal-Ftehim antidumping tal-WTO, it-termini ta’ dan il-ftehim għandhom jiġi trasposti, sa fejn ikun possibbli, fid-dritt tal-Unjoni.

97      Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2.2.2 tal-Ftehim antidumping tal-WTO jikkoinċidu essenzjalment ma’ dawk tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku. L-istess japplika, minn naħa, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2.2 u 2.2.1 ta’ dan l-istess ftehim u, min-naħa l-oħra, għal dawk tal-Artikolu 2(3) u (4) tal-imsemmi regolament.

98      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku, sa fejn jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping tal-WTO, għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dan il-ftehim, kif interpretati mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill, C‑10/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:865, punt 54; tat-18 ta’ Ottubru 2018, Rotho Blaas, C‑207/17, EU:C:2018:840, punti 46 sa 48, u tal-10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni, T‑301/16, EU:T:2019:234, punt 134).

99      Il-Korp tal-Appell tal-WTO, fir-rapport tiegħu dwar it-tilwima “Komunitajiet Ewropej – Dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-lożor tal-qoton li joriġinaw mill-Indja”, adottat mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO fit-12 ta’ Marzu 2001, (WT/DS 141/AB/R, punt 82), interpreta l-Artikolu 2.2.2 tal-Ftehim Antidumping WTO fit-termini li ġejjin:

“[I]l-kwistjoni hija fl-ewwel sentenza tat-test introduttiv tal-Artikolu 2.2.2 ‘tad-data reali dwar il-produzzjoni u l-bejgħ, fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali’. Għalhekk, ir-redatturi tal-[f]tehim antidumping [WTO] indikaw b’mod ċar li l-bejgħ la ma sarx matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali għandu jiġi eskluż meta jiġu kkalkolati l-ammonti li jikkorrispondu għall-ispejjeż BAĠ u għall-profitti billi jiġi użat il-metodu previst fit-test introduttiva tal-Artikolu 2.2.2.”

100    Kunsiderazzjonijiet simili jinsabu fir-rapport tal-Korp tal-Appell tal-WTO dwar it-tilwima “Ċina – Miżuri li jimponu dazji antidumping fuq it-tubi, mingħajr saldatura, ta’ stainless steel prestazzjoni għolja (“HP-SSST”) li joriġinaw mill-Ġappun”, adottat mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO fit-28 ta’ Ottubru 2015 (WT/DS 460/AB/R, punt 5.27), kif ukoll fir-rapport tal-grupp speċjali tal-WTO dwar it-tilwima “L-Istati Uniti – Miżuri antidumping dwar ċerti prodotti tubulari għal bjar taż-żejt li joriġinaw mill-Korea”, adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO fit-18 ta’ Jannar 2018 (WT/DS 488/R, punt 7.45).

101    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati ma jmurx kontra l-prinċipju li jirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO, li jgħid li huwa eskluż mill-kalkolu tal-ispejjeż BAĠ il-bejgħ li ma jaqax taħt tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 88 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li bejgħ indirett, kollu kemm hu, jikkostitwixxi, bħala prinċipju, tranżazzjoni kummerċjali normali. Id-deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO ma jirrigwardawx sitwazzjonijiet bħall-bejgħ indirett, li huma inkwistjoni f’dan il-każ.

102    Peress li l-organu ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO ma ddeċidiex speċifikament fuq sitwazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-bejgħ indirett, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż BAĠ ikkontestati, kisret l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2.2.2 tal-Ftehim antidumping tal-WTO.

 Fuq in-natura teoretika tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati

103    Ir-rikorrenti jsostnu li fir-realtà huma ma sostnewx l-ispejjeż BAĠ ikkontestati. Huma jippreċiżaw li huma ma jikkontestawx il-prinċipju li jgħid li l-bejgħ bejn partijiet relatati jwassal għal ċerti spejjeż, iżda jsostnu li l-ispejjeż BAĠ li huma semmew fir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni ma humiex rappreżentattivi tal-ispejjeż reali sostnuti għal dawn it-tranżazzjonijiet u li dawn l-ispejjeż BAĠ kellhom konsegwentement jiġu esklużi. L-ammonti indikati mir-rikorrenti fil-kolonna tal-kwestjonarju dwar l-ispejjeż relatati max-“xerrejja marbuta” huma teoretiċi u ġew inklużi biss sabiex jiġi osservat il-format tal-kwestjonarju stabbilit mill-Kummissjoni.

104    Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-regolament bażiku, “[l]-ispejjeż għandhom normalment jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ records miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sakemm records bħal dawn ikunu konformi ma’ prinċipji kontabbilistiċi ġeneralment aċċettati tal-pajjiż konċernat u sakemm ikun muri li r-records jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat.”

105    Barra minn hekk, mill-Artikolu 6(2) tar-regolament bażiku jirriżulta li għandu jiġi ppreparat kwestjonarju mis-servizzi tal-Kummissjoni li għandu jintbagħat lill-partijiet ikkonċernati sabiex tinkiseb l-informazzjoni neċessarja għall-investigazzjoni antidumping u li l-imsemmija partijiet huma obbligati jipprovdu lis-servizzi tal-Kummissjoni l-informazzjoni li tippermettilha twettaq l-investigazzjoni antidumping (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China), C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punti 50 u 51).

106    Ir-risposti tal-partijiet għall-kwestjonarju previst fl-Artikolu 6(2) tar-regolament bażiku kif ukoll il-verifika sussegwenti li l-Kummissjoni tista’ twettaq fuq il-post, prevista fl-Artikolu 16 tal-istess regolament, huma essenzjali għall-iżvolġiment tal-proċedura antidumping (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2015, VTZ et vs Il-Kunsill, T‑432/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:248, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Barra minn hekk, mill-Artikolu 18(3) u (6) tar-regolament bażiku jirriżulta li l-informazzjoni li l-partijiet ikkonċernati huma obbligati li jipprovdu lill-Kummissjoni għandha tintuża mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-finijiet tal-istabbiliment tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni antidumping u li dawn l-istess partijiet ma għandhomx jomettu informazzjoni rilevanti. In-natura neċessarja ta’ element ta’ informazzjoni partikolari għandha tiġi evalwata każ b’każ (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China), C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 52).

108    Barra minn hekk, hija l-Kummissjoni, inkwantu awtorità investigattiva, li għandha teżamina l-eżistenza ta’ dumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 1999, Acme vs Il-Kunsill, T‑48/96, EU:T:1999:251, punt 40, u tat-30 ta’ April 2015, VTZ et vs Il-Kunsill, T‑432/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:248, punt 29).

109    Il-verifika tal-provi miġbura hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni twettaq il-missjoni tagħha u tiżgura ruħha mill-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mill-impriża suġġetta għal verifika, li għandha tirrispondi bl-aħjar mod possibbli u b’mod eżawrjenti għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni u ma għandhiex tonqos milli tipprovdi d-data u l-ispjegazzjonijiet utli kollha sabiex din tkun tista’ twettaq is-sovrappożizzjoni meħtieġa sabiex tivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta u tasal għal konklużjonijiet raġonevolment korretti (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni, T-607/15, EU:T:2019:831, punt 78).

110    F’dan il-każ, ir-rikorrenti, billi rrispondew għall-kwestjonarju mibgħut lilhom mill-Kummissjoni, ipprovdew id-data dwar l-ispejjeż BAĠ ikkontestati. Għalkemm huma kkontestaw il-prinċipju li dawn l-ispejjeż kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, billi invokaw bidla fil-metodu tal-Kummissjoni meta mqabbla mar-reviżjonijiet preċedenti mwettqa minnha, huma ma esprimewx dubju dwar l-affidabbiltà tad-data li huma kienu kkomunikaw lil din l-istituzzjoni.

111    Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti jsostnu li, meta mlew il-kwestjonarju tal-Kummissjoni bil-għan tal-evalwazzjoni tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati, huma applikaw għall-ammont totali tal-ispejjeż BAĠ tagħhom koeffiċjent li jikkorrispondi għall-proporzjon tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ tagħhom lil IPU fuq l-ammont tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ kollu tagħhom. Fil-fehma tagħhom, sa fejn, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti tagħhom għall-IPU ma setgħux jintużaw sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali, id-dħul mill-bejgħ iġġenerat minn dan il-bejgħ huwa wkoll irrilevanti għad-determinazzjoni tal-ispejjeż BAĠ. Spejjeż BAĠ ikkalkolati skont tali metodu huma teoretiċi u kellhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-valur normali.

112    Ir-rikorrenti jammettu, madankollu, li l-bejgħ bejn kumpanniji relatati jwassal għal ċerti spejjeż BAĠ. Għandu jiġi rrilevat li dan ir-rikonoxximent min-naħa tagħhom ma huwiex akkumpanjat mill-proposta ta’ metodu differenti minn dak li jirriżulta mill-kwestjonarju użat mill-Kummissjoni sabiex tistma l-ispejjeż BAĠ ikkontestati, li din kellha tieħu inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-punt 90 iktar ’il fuq.

113    Fir-rigward tal-ilment li, bl-applikazzjoni tal-metodu li jirriżulta mill-kwestjonarju tal-Kummissjoni, l-ispejjeż BAĠ ikkontestati ġew stmati skont koeffiċjent ikkalkolat abbażi ta’ dħul mill-bejgħ stabbilit abbażi ta’ prezzijiet ipprattikati bejn kumpanniji relatati, bħar-rikorrenti u IPU, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku, invokat mir-rikorrenti (ara l-punt 111 iktar ’il fuq), ma jinkludix riferiment għall-ispejjeż BAĠ. Huwa minnu li din id-dispożizzjoni teskludi, fit-tielet subparagrafu tagħha, li l-prezzijiet ipprattikati bejn kumpanniji relatati jistgħu jitqiesu bħala prezzijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-valur normali, li, skont l-ewwel subparagrafu tal-istess paragrafu, “normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur”. Madankollu, ir-rikorrenti ma wrewx li l-esklużjoni prevista fir-rigward tal-prezzijiet ipprattikati bejn kumpanniji relatati kienet twassal għal dik tal-ispejjeż BAĠ sostnuti fl-okkażjoni tal-bejgħ bejn tali kumpanniji.

114    Għalhekk, dawn l-ilmenti tar-rikorrenti ma jistgħux jinvalidaw il-prinċipju, li jirriżulta mill-punti 83 sa 91 iktar ’il fuq, li jipprovdi li l-Kummissjoni hija obbligata tikkalkola l-valur normali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha sostnuti waqt il-bejgħ tat-tipi ta’ prodotti mibjugħa fl-Ukraina, inklużi l-ispejjeż kollha relatati mal-bejgħ indirett. Konsegwentement, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-ksur tal-prattika tal-Kummissjoni

115    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż BAĠ ikkontestati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, kisret il-prattika tagħha stess.

116    Għandu jitfakkar, madankollu, li l-legalità ta’ regolament li jistabbilixxi dazju antidumping għandu jiġi evalwat fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku, u mhux abbażi tal-allegata prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) et Crown Gabelstapler vs Il-Kunsill, T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 107; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il-Kunsill, T‑300/03, EU:T:2006:289, punt 45).

117    F’dan il-każ, peress li ġie stabbilit li l-inklużjoni tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati fil-kalkoli tal-valur normali kienet konformi mar-regolament bażiku, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-regolamenti li r-rikorrenti jinvokaw, l-istituzzjonijiet applikawx metodu differenti minn dak segwit f’dan il-każ.

118    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż BAĠ ikkontestati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni ma kisritx l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku, u lanqas ma kisret l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2.2.2 tal-Ftehim antidumping tal-WTO.

119    Għaldaqstant, l-ewwel motiv, kif imsemmi fil-punt 33 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż BAĠ u għall-benefiċċju ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet

120    Ir-rikorrenti jinvokaw żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni allegatament wettqet fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) u tal-ewwel sar-raba’ sentenza tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku.

121    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, fil-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni għall-finijiet tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, applikat b’mod żbaljat aġġustament ’l isfel, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku, għall-prezzijiet ipprattikati minn IPE għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-ewwel xerrejja indipendenti li jinsabu fl-Unjoni (iktar ’il quddiem l-“aġġustament ikkontestat”). L-aġġustament ikkontestat introduċa asimetrija funzjonali bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tar-rikorrenti, li affettwat il-paragunabbiltà tal-prezzijiet, bi ksur tal-ewwel sar-raba’ sentenza tal-Artikolu 2(10) ta’ dan l-istess regolament. Il-Kummissjoni, minflok ma introduċiet dan l-aġġustament, kellha tibbaża ruħha fuq l-imsemmija prezzijiet, kif għamlet matul ir-reviżjonijiet preċedenti, skont it-tagħlim tal-ewwel sentenza Interpipe, ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-elementi enfasizzati mill-Kummissjoni, fid-DIG 2019, fir-regolament ikkontestat u fl-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019, ma jiġġustifikawx l-aġġustament ikkontestat.

122    Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni b’mod żbaljat li, bil-ħolqien ta’ IPCT (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), li hija miżjuda ma’ IPE, issa huma għandhom kanali paralleli li jippermettu li jesportaw l-istess prodotti lejn l-Unjoni. Minn dan il-Kummissjoni tislet il-konklużjoni żbaljata li IPE għandha minn issa ’il quddiem tiġi kklassifikata bħala aġent, u mhux, bħal fil-passat, bħala dipartiment ta’ bejgħ intern għall-entità ekonomika waħda kkostitwita mir-rikorrenti u minn IPU. Il-Kummissjoni ma tipprovdi ebda spjegazzjoni li turi l-awtomatiċità tar-rabta allegata bejn il-preżenza ta’ IPCT, bħala importatur konness stabbilit fl-Unjoni, u l-bidla fil-klassifikazzjoni ta’ IPE. Din tal-aħħar tkompli taħdem bħal qabel, minkejja l-ħolqien tal-IPCT, u tibqa’ l-kanal prinċipali ta’ esportazzjoni tar-rikorrenti għall-bejgħ tagħhom lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat permezz ta’ dawn il-miżuri antidumping. IPCT inħolqot sabiex tiffaċilita, prinċipalment fil-Ġermanja, il-bejgħ ta’ roti ferrovjarji, li ma jaqgħux fid-definizzjoni tal-istess prodott. Barra minn hekk, la r-regolament bażiku u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ kanal ta’ bejgħ “parallel” tista’ tikkomprometti l-istatus ta’ negozjant konness bħala dipartiment ta’ bejgħ intern. Il-kriterju determinanti sabiex jiġi eskluż tali status jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dan in-negozjant iwettaqx id-dħul mill-bejgħ tiegħu prinċipalment permezz tal-bejgħ ta’ prodotti li ġejjin minn impriżi mhux relatati. Issa, ir-rikorrenti jipprovdu lil IPE l-prodott ikkonċernat kollu li din tal-aħħar tbigħ fl-Unjoni. Ir-realtà ta’ din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni, li l-istatuti ta’ IPE ma jinkludux klawżola ta’ esklużività favur ir-rikorrenti, li tipprekludi formalment lil IPE milli tikseb provvisti mingħand produtturi oħra.

123    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jesponu li IPCT ġiet stabbilita fl-2014 u li l-Kummissjoni, matul ir-reviżjoni finali konkluża fl-2018, kienet taf bl-eżistenza ta’ din il-kumpannija, iżda ma kkunsidratx li dan it-tibdil fiċ-ċirkustanzi fattwali kien jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex jiġi rivedut l-istatus ta’ IPE bħala dipartiment ta’ bejgħ intern.

124    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti, filwaqt li ammettew li IPU teżerċita l-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni deskritti mill-Kummissjoni (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), jikkontestaw il-konklużjoni ta’ din tal-aħħar skont liema dawn il-funzjonijiet huma inkompatibbli mal-appartenenza ta’ IPE lill-istess entità ekonomika waħda bħar-rikorrenti u IPU u jimplikaw li IPE għandha tiġi kkunsidrata bħala aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet. Huwa jirreferu f’dan ir-rigward għall-ewwel sentenza Interpipe.

125    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm il-kuntratti konklużi bejn, minn naħa, IPU u, min-naħa l-oħra, IPE jew IPCT (iktar ’il quddiem il-“kuntratti inkwistjoni”), fihom klawżoli dwar l-ilmenti dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-merkanzija mar-rekwiżiti u l-ispeċifikazzjonijiet kuntrattwali u dwar ir-responsabbiltà tal-partijiet fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-kwalità, ta’ danni waqt it-trasport u ta’ aġġustamenti tekniċi għall-bżonnijiet tax-xerrejja finali kif ukoll klawżola ta’ arbitraġġ, dan il-fatt ma jippermettix li jiġi konkluż li l-IPE ma huwiex dipartiment ta’ bejgħ intern. Tali klawżoli, inklużi sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-dritt Ukrain, li jirregola l-imsemmija kuntratti, ma jbiddlux ir-realtà ekonomika tas-sitwazzjoni ta’ IPE, li hija dipartiment ta’ bejgħ intern, u mhux aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet.

126    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

127    Qabel ma jiġu eżaminati dawn l-argumenti, għandhom jitfakkru d-dispożizzjonijiet rilevanti u l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza kif ukoll l-istorja tal-applikazzjoni għall-grupp Interpipe ta’ aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku u tar-regolamenti li ppreċedewh.

128    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku: “Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali.” It-tielet sentenza tal-Artikolu 2(10) tal-istess regolament tipprovdi li, “[f]ejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm adattament, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragonabbiltà tal-prezzijiet.”

129    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku tipprovdi, fost il-“fatturi li għalihom jistgħu jsiru aġġustamenti”, il-“[k]ummissjonijiet”. Din id-dispożizzjoni tindika, b’mod partikolari, li “għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fir-rigward tal-bejgħ ikkunsidrat.” Hija tippreċiża li “[i]t-terminu ‘kummissjonijiet’ għandu jinftiehem li jinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew ta’ prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ tali negozjant ikunu simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni.”

130    Madankollu, aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku jista’ jsir biss meta l-produttur stabbilit fi Stat terz u d-distributur konness tiegħu inkarigat mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni jifformaw entità ekonomika waħda (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 39).

131    Fil-fatt, ġie deċiż li l-kunċett ta’ entità ekonomika waħda, li ġie żviluppat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali kif jirriżulta mill-punti iktar ’il fuq, huwa applikabbli wkoll għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 55 u 56, u tas-17 ta’ Marzu 2015, RFA International vs Il‑Kummissjoni, T‑466/12, EU:T:2015:151, punti 108 u 109).

132    Abbażi tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li r-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda jippermetti li jiġi evitat li spejjeż, li huma manifestament inklużi fil-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott meta dan il-bejgħ isir minn dipartiment ta’ bejgħ integrat fl-organizzazzjoni tal-produttur, ma jibqgħux inklużi iktar meta l-istess attività ta’ bejgħ tiġi eżerċitata minn kumpannija legalment distinta, minkejja li ekonomikament ikkontrollata mill-produttur (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 41).

133    Minn dan jirriżulta li distributur li jifforma entità ekonomika waħda ma’ produttur stabbilit fi Stat terz ma jistax jitqies li jeżerċita funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 42).

134    Fil-kuntest tal-analiżi tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda bejn produttur u n-negozjant relatat tiegħu, huwa determinanti li tiġi kkunsidrata r-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet eżistenti bejn dan il-produttur u dan id-distributur. Fid-dawl tal-ħtieġa ta’ konstatazzjoni li tirrifletti r-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet bejn l-imsemmi produttur u l-imsemmi distributur, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk dan id-distributur jeżerċitax jew le l-inkarigi ta’ dipartiment ta’ bejgħ integrat ma’ dan il-produttur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 42).

135    Fir-rigward tal-oneru tal-prova relatata mal-aġġustamenti speċifiċi elenkati fl-Artikolu 2(10)(a) sa (k) tar-regolament bażiku, skont il-ġurisprudenza, din għandha tiġi sostnuta mill-parti li tixtieq tibbenefika minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Għalhekk, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jqisu li għandu jiġi applikat aġġustament ’l isfel tal-prezz tal-esportazzjoni minħabba li kumpannija ta’ bejgħ relatata ma’ produttur teżerċita inkarigi li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet, huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom mill-inqas jipprovdu indizji konverġenti li juru li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Minn dan isegwi li, fl-ipoteżi fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu pprovdew indizji konverġenti ta’ natura li jiġi stabbilit li distributur relatat ma’ produttur jeżerċita funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet, huwa dan id-distributur jew dan il-produttur li għandu jġib il-prova li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku ma huwiex iġġustifikat (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 85).

 Fuq l-istorja tal-applikazzjoni għall-grupp Interpipe ta’ aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku u tar-regolamenti li ppreċedewh

–       Fuq l-aġġustament applikat għall-grupp Interpipe fir-Regolament Nru 954/2006 u s-segwitu li ngħatat l-illegalità tiegħu kkonstatata fl-ewwel sentenza Interpipe

138    Kif tfakkar fil-punti 4 u 6 iktar ’il fuq, fir-Regolament Nru 954/2006, il-kalkolu tad-dazju antidumping applikabbli għall-kumpanniji preċedenti Interpipe, li ġew issostitwiti mir-rikorrenti, kien jinkludi l-applikazzjoni, għall-prezzijiet applikati mill-kumpannija Svizzera Sepco, li sussegwentement saret IPE, ta’ aġġustament analogu għall-aġġustament ikkontestat. Fl-ewwel sentenza Interpipe, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment l-imsemmi regolament, preċiżament minħabba l-illegalità ta’ dan l-aġġustament.

139    Sabiex tagħti deċiżjoni f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabel kollox, li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq tliet elementi sabiex tikkonkludi li Sepco kienet teżerċita inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjoni. L-ewwel nett, l-ex kumpanniji Interpipe għamlu bejgħ dirett tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. It-tieni nett, SPIG Interpipe, il-kumpannija ta’ bejgħ konnessa fl-Ukraina, li sussegwentement saret IPU, intervjeniet bħala aġent ta’ bejgħ għall-bejgħ tal-ex kumpanniji Interpipe lil Sepco. It-tielet nett, ir-rabtiet ta’ din tal-aħħar mal-imsemmija kumpanniji kienu insuffiċjenti u ma kinux jippermettu li jiġi kkunsidrat li hija kienet taħt il-kontroll tagħhom jew li kien hemm kontroll konġunt bejn Sepco u l-ex kumpanniji Interpipe (l-ewwel sentenza Interpipe, punt 182).

140    Fir-rigward tal-ewwel element, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-bejgħ dirett fl-Unjoni, imwettaq mill-kumpanniji preċedenti Interpipe, kien sar lejn Stati Membri ġodda, f’fażi ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk, il-volum ta’ bejgħ dirett kien jirrappreżenta madwar 8 % tal-volum totali tal-bejgħ tal-imsemmija kumpanniji fl-Unjoni u kien għalhekk marġinali. Konsegwentement, dawn il-kumpanniji kienu assumew biss inkarigi ta’ bejgħ komplementari għal dawk ta’ Sepco u għal perijodu tranżitorju biss (l-ewwel sentenza Interpipe, punt 185).

141    Fir-rigward tat-tieni element, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-Kunsill ma kienx spjega kif il-fatt li SPIG Interpipe tirċievi kummissjoni fuq il-bejgħ tal-ex kumpanniji Interpipe lil Sepco seta’ juri li din tal-aħħar kienet eżerċitat inkarigi simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet jew jostakola r-rikonoxximent tal-istatus tagħha ta’ dipartiment tal-bejgħ intern tal-imsemmija kumpanniji (l-ewwel sentenza Interpipe, punt 186).

142    Fir-rigward tat-tielet element, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-atti tal-proċess ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ rabtiet suffiċjenti bejn Sepco u waħda mill-kumpanniji preċedenti Interpipe (l-ewwel sentenza Interpipe, punt 187).

143    Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kunsill kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament Nru 384/96 kif emendat, sa fejn kien għamel aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni applikat minn Sepco, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li jikkonċernaw prodotti mmanifatturati minn waħda mill-ex kumpanniji Interpipe (l-ewwel sentenza Interpipe, punt 190). Minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża, dan l-aġġustament ġie kkunsidrat bħala illegali wkoll sa fejn kien ġie applikat għat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw prodotti mmanifatturati mill-oħra tal-kumpanniji preċedenti Interpipe (l-ewwel sentenza Interpipe, punti 209 sa 211).

144    Fil-premessi 12 u 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2012, adottat mill-Kunsill, skont l-Artikolu 266 TFUE, b’eżekuzzjoni tal-ewwel sentenza Interpipe, ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, din, minn naħa, fakkret li l-Qorti Ġenerali kienet qieset li, waqt il-paragun tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma kellhomx jipproċedu għal aġġustament għall-kummissjonijiet, fil-każ partikolari tal-grupp Interpipe, u, min-naħa l-oħra, indikat li, konsegwentement, il-marġni ta’ dumping kien ġie kkalkolat mill-ġdid mingħajr ma ġie adattat il-prezz tal-esportazzjoni abbażi tad-differenzi fil-kummissjonijiet.

145    Kif ikkonfermat il-Kummissjoni fis-seduta, il-Kunsill ma indirizzax, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2012, il-kwistjoni dwar jekk elementi oħra minbarra dawk eżaminati mill-Qorti Ġenerali fl-ewwel sentenza Interpipe setgħux jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-aġġustament iddikjarat illegali f’din is-sentenza.

146    Tali eżami lanqas ma jirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 585/2012, li permezz tiegħu l-Kunsill żamm il-miżuri antidumping inkwistjoni (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Fil-fatt, mill-premessi 7, 38 u 57 ta’ din tal-aħħar jirriżulta li, wara d-deċiżjonijiet tal-qorti tal-Unjoni, ebda aġġustament ma kellu jiġi applikat għall-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-grupp Interpipe. L-istess japplika għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 795/2012, adottat wara r-reviżjoni intermedja magħluqa fl-2012, kif jirriżulta mill-premessi 2, 27 u 28 tiegħu.

147    Fir-Regolament 2018/1469, adottat wara r-reviżjoni finali magħluqa fl-2018, il-Kummissjoni, fil-premessi 4 u 5, iddeskriviet il-miżuri antidumping kollha fir-rigward tal-grupp Interpipe. Fil-premessa 86, hija indikat li, meta l-produttur esportatur kien jesporta l-prodott ikkonċernat lil xerrejja indipendenti fl-Unjoni permezz tal-intermedjarju tal-IPE, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit abbażi tal-prezzijiet effettivament imħallsa jew li għandhom jitħallsu għall-prodott ikkonċernat mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-regolament bażiku. Fil-premessa 87, il-Kummissjoni żiedet li, meta l-produttur-esportatur kien jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta’ IPCT, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat kien mibjugħ għall-ewwel darba lil xerrejja indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament.

148    Għaldaqstant, huwa għar-raġunijiet li jirriżultaw mill-ewwel sentenza Interpipe li l-Kummissjoni, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1469, kompliet ma tapplikax għall-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodotti mibjugħa minn IPE l-aġġustament previst fl-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku.

–       Fuq l-applikazzjoni tal-aġġustament ikkontestat

149    Fil-kuntest tar-reviżjoni intermedja magħluqa fl-2019, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, filwaqt li eżaminat b’mod iktar iddettaljat il-kwistjoni tar-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u IPE, ikkonkludiet li kellu jiġi applikat l-aġġustament ikkontestat.

150    Mill-premessi 39 sa 42 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni intermedja magħluqa fl-2019, il-grupp Interpipe esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat permezz ta’ żewġ kanali ta’ bejgħ differenti, jiġifieri IPE, l-istess negozjant relatat, stabbilit fl-Isvizzera, bħal dak li permezz tiegħu huwa kien jesporta l-prodotti tiegħu, fid-data tar-reviżjoni intermedja magħluqa fl-2012, u IPCT. Dan l-aħħar kanal ta’ distribuzzjoni ma kienx jeżisti fl-aħħar reviżjoni interim. Konsegwentement, u abbażi ta’ elementi oħra li, fid-dawl tan-natura kunfidenzjali tagħhom, ma ġewx esposti fl-imsemmi regolament, iżda ġew ikkomunikati lir-rikorrenti fl-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni kkunsidrat li kellu jiġi applikat l-aġġustament ikkontestat.

151    Mill-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019 jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-aġġustament ikkontestat kien iġġustifikat fid-dawl tal-erba’ elementi li ġejjin.

152    L-ewwel nett, il-Kummissjoni rrilevat li IPE u IPCT kienu jbigħu l-istess prodotti u pproponew l-istess servizzi lill-klijenti tagħhom stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, IPE, li ma kinitx involuta fil-bejgħ imwettaq minn IPCT, ma kinitx iktar l-unika kumpannija responsabbli għad-distribuzzjoni fl-Unjoni tal-prodotti mmanifatturati mir-rikorrenti. Hija żiedet li l-IPCT mhux biss kienet inkarigata minn parti sinjifikattiva mill-bejgħ tal-grupp Interpipe fl-Unjoni, iżda kienet tbigħ ukoll il-prodott ikkonċernat f’diversi Stati Membri u anki lil ċerti xerrejja li magħhom kien jaħdem IPE.

153    It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, IPU kienet interface bejn, minn naħa, IPE u IPCT, u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti, fis-sens li kienet tiġbor l-ordnijiet li joriġinaw minn IPE u minn IPCT u kienet tattribwixxihom lil waħda jew lill-oħra mir-rikorrenti, skont il-kapaċitajiet tagħhom u l-programmi ta’ produzzjoni tagħhom.

154    It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kuntratti inkwistjoni (ara l-punt 125 iktar ’il fuq) kienu jistabbilixxu proċeduri ddettaljati relatati mal-ilmenti għal-prodotti mhux konformi għall-ispeċifikazzjonijiet kuntrattwali. Dawn il-kuntratti kienu jirregolaw ukoll ir-responsabbiltajiet esklużivi tal-bejjiegħ u tax-xerrej dwar l-evalwazzjoni tal-kwalità, id-danni tat-trasport u l-aġġustamenti tekniċi għall-bżonnijiet tal-klijenti finali u kienu jipprevedu sezzjoni ddettaljata dwar l-arbitraġġ sabiex tiġi riżolta kull tilwima li tirriżulta mill-istipulazzjonijiet kuntrattwali bejn IPU, bħala bejjiegħ, u IPE jew IPCT, bħala xerrejja. Il-Kummissjoni żiedet li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, IPU kienet taġixxi bħala aġent għar-rikorrenti u li l-kuntratti bejn, minn naħa, IPU u, min-naħa l-oħra, IPE jew CT kienu jsemmu espressament it-trasferiment tar-riskju tal-ewwel lil waħda jew l-oħra minn dawn tal-aħħar.

155    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni enfasizzat li l-istatuti ta’ IPE ma kinux jinkludu klawżola ta’ esklużività favur ir-rikorrenti, b’tali mod li kien possibbli għal din tal-aħħar li tikseb il-provvisti tagħha mingħand produtturi oħra.

 Fuq il-kontestazzjoni, mir-rikorrenti, tal-elementi li fuqhom huwa bbażat l-aġġustament ikkontestat

156    Il-parti l-kbira tal-ilmenti invokati mir-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv għandhom komuni li jikkritikaw lill-Kummissjoni li tbiegħdet, billi applikatilhom l-aġġustament ikkontestat, mill-konklużjonijiet li kienu waslu għalihom l-istituzzjonijiet dwar ir-rwol ta’ Sepco, li saret IPE, minn meta huma kienu eżegwew l-ewwel sentenza Interpipe.

157    Madankollu, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dan il-motiv, hemm lok sempliċement li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-erba’ elementi msemmija fil-punti 152 sa 155 iktar ’il fuq kienu jippermettu li l-aġġustament ikkontestat jiġi applikat. Fil-fatt, l-ilmenti l-oħra tar-rikorrenti jikkoinċidu ma’ dawk li huma jinvokaw insostenn tat-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, minħabba li l-Kummissjoni bidlet il-metodu, mingħajr ma l-kundizzjonijiet previsti għal dan il-għan minn din id-dispożizzjoni ma ġew sodisfatti. Għaldaqstant, dawn l-ilmenti ser jiġu ttrattati waqt l-eżami tal-imsemmija parti.

158    Għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, ebda wieħed mill-erba’ elementi msemmija fil-punti 152 sa 155 iktar ’il fuq ma għandu rabta mat-tliet elementi eżaminati mill-Qorti Ġenerali fl-ewwel sentenza Interpipe u li fir-rigward tagħhom hija kienet ikkonstatat l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara l-punti 139 sa 143 iktar ’il fuq). Konsegwentement, il-fatt li, fl-imsemmija sentenza, dawn it-tliet elementi ma ġewx ikkunsidrati bħala suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw aġġustament analogu għall-aġġustament ikkontestat ma jaffettwax il-legalità ta’ dan tal-aħħar, peress li l-Kummissjoni tinvoka dawn l-erba’ elementi distinti insostenn tad-deċiżjoni tagħha.

159    F’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ klawżola ta’ esklużività (ara l-punt 155 iktar ’il fuq), fl-istatuti ta’ IPE, favur ir-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-parti tal-bejgħ magħmul min-negozjant ta’ prodotti li ġejjin minn produtturi mhux relatati huwa fattur importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan in-negozjant jifformax entità ekonomika waħda mal-produttur assoċjat. Għalhekk, għalkemm in-negozjant iwettaq parti kbira mid-dħul mill-bejgħ tiegħu permezz tal-bejgħ ta’ prodotti li ġejjin minn impriżi mhux relatati, dan il-fatt jista’ jikkostitwixxi indizju li l-funzjonijiet ta’ dan in-negozjant ma humiex dawk ta’ dipartiment intern tal-bejgħ (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, T‑26/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:437, punt 60).

160    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-assenza ta’ klawżola ta’ esklużività favur tagħhom fl-istatuti ta’ IPE. Huma jsostnu, mingħajr ma huma kontradetti dwar dan il-punt mill-Kummissjoni, li, fil-fatt, IPE dejjem biegħet il-prodott ikkonċernat iffabbrikat minnhom.

161    Peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jibbażaw ruħhom fuq ir-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji kkonċernati (ara l-punti 83 u 134 iktar ’il fuq), l-assenza ta’ tali klawżola ta’ esklużività għalhekk ma hijiex element li jista’ utilment isostni l-legalità tal-aġġustament ikkontestat.

162    Fir-rigward tal-kontenut tal-kuntratti inkwistjoni (ara l-punti 125 u 154 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ kuntratti bil-miktub bejn kumpanniji tikkostitwixxi elementi relevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jikkostitwixxux entità ekonomika waħda. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali kuntratti għandha tendenza turi li r-relazzjoni bejn il-kumpanniji kkonċernati hija organizzata abbażi ta’ kundizzjonijiet kummerċjali normali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, T‑26/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:437, punt 53).

163    F’dan il-każ, il-kontenut tal-kuntratti inkwistjoni, kif deskritt mill-Kummissjoni fl-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019 u kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti minn din b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), jikkostitwixxi element ta’ prova insostenn tad-deċiżjoni tagħha li tapplika l-aġġustament ikkontestat. Fil-fatt, il-preżenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ intiża għas-soluzzjoni ta’ kontenzjużi kuntrattwali li jistgħu jopponu liż-żewġ kumpanniji kuntrattwanti u l-assenza ta’ solidarjetà bejn dawn l-istess kumpanniji li tippreżupponi mhux biss l-eżistenza ta’ żewġ persuni ġuridiċi distinti, iżda wkoll żewġ entitajiet ekonomiċi b’interessi diverġenti, ma tidhirx konċiljabbli mal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda u mal-kwalifika ta’ waħda minn dawn il-kumpanniji ta’ dipartiment intern ta’ bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, PT Musim Mas vs Il-Kunsill, T‑26/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:437, punt 53).

164    Fir-rigward tal-identità tal-attivitajiet eżerċitati minn IPE u IPCT lejn klijenti stabbiliti fl-Unjoni (ara l-punt 152 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jressqux prova ta’ natura li tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-rwol ta’ IPCT, li hija rrilevat li kienet tbiegħ il-prodott ikkonċernat fl-Unjoni, f’parti lill-istess xerrejja bħal dawk li jfornixxu ruħhom mingħand IPE. Fil-fatt, ir-rikorrenti kienu llimitaw ruħhom li jiddikjaraw li IPCT kienet inħolqot sabiex tiffaċilita l-bejgħ ta’ roti tal-linji tal-ferrovija, li ma jaqgħux fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, prinċipalment fil-Ġermanja. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-DIG 2019, ir-rikorrenti rrikonoxxew li IPCT “[kienet] tbigħ kwantitajiet limitati tal-prodott ikkonċernat f’ċerti Stati Membri”.

165    Issa, il-Kummissjoni għandha raġun issostni li entità ekonomika waħda għandha bħala prinċipju dipartiment ta’ bejgħ intern uniku, b’tali mod li l-identità, anki parzjali, tal-funzjonijiet ta’ bejgħ fi ħdan l-Unjoni, eżerċitati minn IPE u IPCT, hija prova ta’ natura li teskludi li IPE tikkostitwixxi tali dipartiment.

166    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li r-rwol ta’ interface ta’ IPU (ara l-punt 153 iktar ’il fuq jsostni l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni skont liema r-rwol ta’ IPCT jipprekludi l-kwalifika ta’ IPE bħala dipartiment ta’ bejgħ intern. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni esponiet waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-fatt li IPU tittratta l-ordnijiet li jirriżultaw kemm minn IPE kif ukoll minn IPCT ma jippermettix li tiġi eskluża kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ kumpanniji tal-aħħar għall-bejgħ tal-istess prodotti fis-suq tal-Unjoni. Issa, ir-rikorrenti ma jesponux ir-raġunijiet għalfejn il-grupp Interpipe huwa organizzat b’tali mod li kumpannija li allegatament taġixxi bħala dipartiment intern ta’ bejgħ hija f’kompetizzjoni ma’ kumpannija oħra tal-istess grupp.

167    Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-assenza, fl-istatuti ta’ IPE, ta’ klawżola ta’ esklużività favur ir-rikorrenti, l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni jikkostitwixxu indizji konverġenti ta’ natura li jeskludu li IPE tista’ titqies bħala dipartiment intern ta’ bejgħ (ara l-punt 137 iktar ’il fuq).

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, meta applikat l-aġġustament ikkontestat, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, it-tieni motiv, imsemmi fil-punt 34 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, sa fejn il-Kummissjoni bidlet il-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni

169    Ir-rikorrenti jsostnu li, skont l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, waqt investigazzjonijiet ta’ reviżjoni mwettqa skont l-Artikolu 11(2) u (3) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni hija obbligata, bħala regola ġenerali, li tuża l-istess metodu, b’mod partikolari sabiex tiddetermina l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, bħal dak li hija użat waqt l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri li huma s-suġġett tar-reviżjoni. Dan il-metodu jista’ jinbidel biss jekk iċ-ċirkustanzi jkunu nbidlu. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax tirrikorri għal metodu ġdid għas-sempliċi raġuni li hija tinsab l-iktar xierqa mill-qadima, sakemm din tal-aħħar tkun konformi mar-regolament bażiku. F’dan il-każ, il-metodu ta’ riferiment huwa dak li ġie applikat waqt l-eżami finali magħluq fl-2018. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, meta hija tipprova tibbaża ruħha fuq l-investigazzjoni inizjali tagħha, tikkontradixxi l-argument tagħha stess li l-investigazzjonijiet preċedenti ma jikkostitwixxux punt ta’ riferiment.

170    Ir-rikorrenti jfakkru li l-ispejjeż BAĠ ikkontestati ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni la waqt ir-reviżjoni interim magħluqa fl-2012, u lanqas wara r-rimarki tagħhom (ara l-punti 13, 15 u 17 iktar ’il fuq), waqt ir-reviżjoni finali magħluqa fl-2018 u li minkejja li IPCT kienet ikkostitwita qabel din l-aħħar reviżjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien ġie kkalkolat, fil-kuntest ta’ din, mingħajr ma ġie applikat l-aġġustament ikkontestat għall-prezzijiet ipprattikati minn IPE.

171    Għalhekk, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret, għal żewġ raġunijiet, l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, sa fejn, matul ir-reviżjoni interim magħluqa fl-2019, hija kkalkolat, minn naħa, il-valur normali (l-ewwel parti) u, min-naħa l-oħra, il-prezz tal-esportazzjoni (it-tieni parti), skont metodu differenti minn dak li kienet applikat preċedentement. Huma jippreċiżaw li l-bidliet li l-Kummissjoni għamlet għall-kalkoli tagħha jikkostitwixxu “metodu” fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, u mhux “approċċ”, terminu użat mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, li madankollu ma jikkorrispondi għall-ebda kunċett li jinsab fir-regolament bażiku.

172    Qabel ma jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv, għandhom jitfakkru t-termini tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, kif ukoll il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza.

173    Skont l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni tapplika, sa fejn iċ-ċirkustanzi ma jkunux inbidlu, l-istess metodu bħal dak użat fl-investigazzjoni li tkun wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju, waqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-istess regolament.

174    Fl-ewwel lok, għandu jiġi l-eċċezzjoni li tippermetti lill-istituzzjonijiet japplikaw, matul proċedura ta’ reviżjoni, metodu differenti minn dak użat fil-proċedura inizjali meta ċ-ċirkustanzi jkunu nbidlu għandha neċessarjament tiġi interpretata b’mod strett, peress li deroga jew eċċezzjoni minn regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 143). L-oneru tal-prova huwa fuq l-istituzzjonijiet li għandhom juru li ċ-ċirkustanzi nbidlu sabiex jiġi applikat, matul l-investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid, metodu differenti minn dak implimentat matul l-investigazzjoni inizjali (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il-Kunsill, C‑15/12 P, EU:C:2013:572, punt 18).

175    L-eżiġenza ta’ interpretazzjoni stretta tal-possibbiltà, aċċettata eċċezzjonalment, mill-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, ta’ bdil tal-metodu ma tistax tippermetti lill-istituzzjonijiet li jkomplu japplikaw metodu li ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill, C-15/12 P, EU:C:2013:572, punt 19; tat-18 ta’ Settembru 2014, Valimar, C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 43, u tat-3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 144).

176    Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ġustifikat bdil fil-metodu, ma huwiex biżżejjed li metodu ġdid ikun iktar xieraq mill-qadim, madankollu fl-ipoteżi fejn il-metodu l-qadim ikun konformi mal-Artikolu 2 tar-regolament bażiku (ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, RFA International vs Il-Kummissjoni, T‑466/12, EU:T:2015:151, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Fit-tieni lok, il-bdil taċ-ċirkustanzi msemmi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku jikkonċerna l-parametri applikati, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, abbażi tal-metodu użat, matul investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju, sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta’ dumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2015, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, T‑169/12, EU:T:2015:231, punt 90).

178    Fit-tielet lok, l-użu tal-istess metodu ma jfissirx li huwa neċessarju li jiġu riprodotti l-istess data miġbura matul investigazzjoni preċedenti, u lanqas l-istess konklużjonijiet fattwali jew ċifri miksuba mill-imsemmija informazzjoni (sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Acron vs Il‑Kunsill, T‑118/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:67, punt 115).

179    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv.

 Fuq l-ewwel parti, dwar bidla mill-Kummissjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali

180    Insostenn tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jesponu li, la fir-regolament ikkontestat u lanqas fl-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni ma semmiet l-ebda bidla fiċ-ċirkustanzi, mill-investigazzjoni dwar ir-reviżjoni finali magħluqa fl-2018, li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ metodu differenti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bejgħ tagħhom kienx twettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali u sabiex jiġi stabbilit il-valur normali kkalkolat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti josservaw li, fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li hija kienet bidlet il-metodu, minħabba li, matul ir-reviżjoni intermedja magħluqa fl-2012 u tar-reviżjoni finali magħluqa fl-2018, l-ispejjeż BAĠ ikkontestati kienu ġew esklużi bi żball u ddikjarat li l-metodu li issa ġie applikat kien konformi mal-Artikolu 2(4) u (6) tar-regolament bażiku u li l-iżball imsemmi iktar ’il fuq ma kienx jagħti lok għal aspettattivi leġittimi, li r-rikorrenti setgħu jinvokaw. Issa, skont dawn tal-aħħar, dawn l-ispjegazzjonijiet qosra pprovduti mill-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li hija pprovat l-eżistenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, skont l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, li għandu jiġi interpretat b’mod strett.

181    Il-Kummissjoni lanqas ma rnexxielha tipprova li l-esklużjoni tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati ma kinitx tosserva l-Artikolu 2 tar-regolament bażiku. Fil-fatt, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità tal-metodu l-ġdid mal-imsemmi artikolu ma hijiex ekwivalenti għal spjegazzjoni li l-metodu segwit matul ir-reviżjoni interim magħluqa fl-2012 u tar-reviżjoni finali konkluża fl-2018 ma kienx korrett. Ir-rikorrenti jinsistu fuq il-fatt li l-allegat żball li l-Kummissjoni wettqet mir-reviżjoni interim mitmuma fl-2012, jekk verament kien wieħed, kellu jiġi kkoreġut waqt ir-reviżjoni finali magħluqa fl-2018. Issa, fil-kuntest ta’ dan, il-Kummissjoni eżaminat speċifikament, b’mod dettaljat, l-ispejjeż BAĠ ikkontestati u finalment aċċettat il-pożizzjoni difiża mir-rikorrenti fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż.

182    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

183    Għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni jew li jiġu mwarrba l-ispejjeż BAĠ ikkontestati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali ma huwiex element ta’ natura fattwali, li l-Kummissjoni setgħet taġġorna abbażi ta’ data ġdida pprovduta mir-rikorrenti, iżda tirriżulta mill-interpretazzjoni li din għażlet li tagħti tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Artikolu 2 tar-regolament bażiku, b’mod partikolari tal-paragrafi (3), (4) u (6) tiegħu. Għalhekk, l-inklużjoni ta’ dawn l-ispejjeż matul ir-reviżjoni interim magħluqa fl-2019, wara l-esklużjoni tagħhom matul ir-reviżjoni interim magħluqa fl-2012 u tar-reviżjoni finali magħluqa fl-2018, tikkostitwixxi bidla fil-metodu fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku.

184    Madankollu, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, ir-regolament bażiku, interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, jimponi li jiġi applikat it-test TKN u li jiġi kkalkolat il-valur normali fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament abbażi tal-ispejjeż BAĠ kollha sostnuti fil-bejgħ tar-rikorrenti, diretti u indiretti, fis-suq Ukrain. Kif ammettiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-metodu li hija applikat fir-reviżjoni interim magħluqa fl-2012 u fir-reviżjoni finali magħluqa fl-2018 ma kienx konformi mal-Artikolu 2 tar-regolament bażiku, sa fejn dan kien jeskludi l-ispejjeż BAĠ ikkontestati.

185    Minn dan jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 175 iktar ’il fuq, il-bdil fil-metodu mwettaq mill-Kummissjoni ma jmurx kontra l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku.

186    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jinvokaw ukoll ilment relatat mal-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn, meta talbu lill-Kummissjoni twettaq (ara l-punt 12 iktar ’il fuq) ir-reviżjoni interim magħluqa fl-2019, li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, huma kienu qegħdin jistennew li l-marġni ta’ dumping jiġi kkalkolat skont l-istess metodu użat mill-Kummissjoni sa mir-reviżjoni interim magħluqa fl-2012.

187    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull individwu għandu d-dritt li jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot fih aspettattivi fondati. L-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom, barra minn hekk, ikunu konformi mar-regoli applikabbli (sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, C-369/09 P, EU:C:2011:175, punt 123; ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2010, EWRIA et vs Il-Kummissjoni, T‑369/08, EU:T:2010:549, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

188    F’dan il-każ, anki jekk jitqies li r-rikorrenti rċevew mill-Kummissjoni garanziji suffiċjentement preċiżi dwar l-esklużjoni tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati, dawn l-assigurazzjonijiet kienu jmorru kontra l-Artikolu 2 tar-regolament bażiku, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv.

189    Fi kwalunkwe każ, mill-proċess ma jirriżultax li tali garanziji ngħataw lir-rikorrenti fil-kuntest tar-reviżjoni interim magħluqa fl-2012. Fir-rigward tal-assigurazzjonijiet li rriżultaw mill-iskambji li seħħew bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti, dwar l-ispejjeż BAĠ ikkontestati, matul ir-reviżjoni finali magħluqa fl-2018, għandu jiġi rrilevat li dawn bdew fit-13 ta’ Lulju 2018 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Issa, qabel din id-data, ir-rikorrenti kienu diġà talbu r-reviżjoni interim magħluqa fl-2019, li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, kif jirriżulta mill-pubblikazzjoni, fis-7 ta’ Mejju 2018, tal-avviż dwar dan l-aħħar reviżjoni (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). B’hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi li jirriżultaw minn skambji li seħħew qabel fil-kuntest tar-reviżjoni finali li ntemmet fl-2018.

190    Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa infondat.

191    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar bidla mill-Kummissjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni

192    Permezz tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-ħolqien ta’ IPCT, fl-2014, ma jirrappreżentax bidla fiċ-ċirkustanzi fir-rigward tas-sitwazzjoni li kienet tipprevali waqt ir-reviżjoni finali magħluqa fl-2018, li tista’ tiġġustifika l-introduzzjoni tal-aġġustament ikkontestat. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tkompli tapplika l-metodu segwit fl-imsemmija reviżjoni, fin-nuqqas li tkun tista’ turi li dan ma kienx konformi mal-Artikolu 2 tar-regolament bażiku. Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument, imressaq mill-Kummissjoni fl-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019, li jgħid li, peress li l-għan ta’ reviżjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri huwa differenti minn dak ta’ reviżjoni interim, hija għamlet analiżi ddettaljata tal-istruttura tal-grupp Interpipe waqt l-eżami intermedju magħluq fl-2019, iżda mhux waqt ir-reviżjoni finali magħluqa fl-2018. Huma jopponu wkoll l-argument tal-Kummissjoni li l-kwistjoni rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku hija dwar jekk iċ-ċirkustanzi nbidlux wara r-reviżjoni mill-ġdid intermedju preċedenti. Ir-regoli ta’ proċedura, bl-esklużjoni ta’ dawk li jikkonċernaw it-termini, u l-portata tal-investigazzjonijiet ta’ reviżjoni abbażi tal-iskadenza tal-miżuri u tal-investigazzjonijiet ta’ reviżjoni interim huma simili, jew identiċi, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, kif jirriżulta mill-Artikolu 11(5) tar-regolament bażiku.

193    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

194    Kif jirriżulta mill-punti 143 sa 148 iktar ’il fuq, wara l-għoti tal-ewwel sentenza Interpipe u sal-eżami mill-ġdid intermedju magħluq fl-2019, l-istituzzjonijiet, meta ddeċidew li ma japplikawx iktar fir-rigward tal-grupp Interpipe l-aġġustament li kien ġie ddikjarat illegali mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmija sentenza, ma eżaminawx l-erba’ elementi, riprodotti fil-punti 152 sa 155 iktar ’il fuq, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni, wara l-eżami mill-ġdid interim magħluq fl-2019, għamlet l-aġġustament ikkontestat.

195    Huwa minnu li, matul l-eżami mill-ġdid finali magħluq fl-2018, l-eżistenza ta’ IPCT ġiet invokata mill-Kummissjoni. Madankollu, din ma siltet ebda konsegwenza fir-rigward tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-IPE.

196    Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni applikat l-aġġustament ikkontestat billi bbażat ruħha fuq elementi fattwali li hija ma kinitx eżaminat preċedentement jew li minnhom hija ma kinitx siltet konsegwenzi legali.

197    Għandu jingħad ukoll li l-applikazzjoni ta’ aġġustament abbażi ta’ elementi li ma kinux ġew eżaminati fil-passat ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala bdil tal-metodu fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, iżda bħala l-konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tali aġġustament huma f’dan il-każ sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2011, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il-Kunsill, T‑423/09, EU:T:2011:764, punt 57).

198    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni bidlet il-metodu fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, skont il-ġurisprudenza, bidliet li jaffettwaw l-istruttura ta’ grupp u l-organizzazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tiegħu lejn l-Unjoni jikkostitwixxu bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Tali bidla fiċ-ċirkustanza hija ta’ natura li tiġġustifika l-bidla fil-metodu użat, peress li din il-bidla hija l-konsegwenza ta’ kanal ieħor ta’ bejgħ tal-grupp ikkonċernat u, għalhekk, tal-bidla li saret fl-organizzazzjoni tal-bejgħ tal-imsemmi grupp (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, RFA International vs Il-Kummissjoni, T‑466/12, EU:T:2015:151 punti 100 u 101).

199    Għalhekk, id-dritt li għandha l-Kummissjoni li tapplika l-aġġustament ikkontestat mingħajr ma tikser l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku ma huwiex affettwat miċ-ċirkustanza li l-erba’ elementi li fuqhom hija bbażat ruħha għal dan il-għan ma humiex kollha ġodda, b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni minn qabel dawk ta’ dawn l-elementi li kienu jeżistu qabel. Anki jekk jitqies li huwa bi żball li l-Kummissjoni naqset, waqt ir-reviżjonijiet preċedenti, milli tistudja l-imsemmija elementi jew li tislet minnhom il-konsegwenzi legali, hija ma tistax tkun obbligata tirrepeti l-istess żball waqt l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, bl-uniku għan li ma tiksirx l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni għandha tkompli tapplika metodu li ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament (ara l-punt 175 iktar ’il fuq).

200    Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li r-rwol ta’ IPCT jikkostitwixxi wieħed mill-elementi prinċipali li jiġġustifikaw l-aġġustament ikkontestat. Huwa minnu li din il-kumpannija kienet diġà attiva fir-reviżjoni finali magħluqa fl-2018 u li l-Kummissjoni semmietha fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1469. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ reviżjoni tal-miżuri antidumping li waslu biex jiskadu, imwettqa taħt l-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet għandhom biss jistabbilixxu jekk l-iskadenza ta’ dawn il-miżuri tiffavorixxix il-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping u tad-dannu, b’mod li jinżammu l-imsemmija miżuri. Fil-każ kuntrarju, il-miżuri antidumping għandhom jiġu revokati. Għaldaqstant, reviżjoni tal-miżuri li waslu biex jiskadu ma tistax twassal għal bidla fil-miżuri fis-seħħ. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ reviżjoni interim abbażi tal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, teżamina jekk iċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw id-dumping u d-dannu nbidlux sostanzjalment u hija tista’ mhux biss tirrevoka jew iżżomm il-miżuri antidumping, iżda wkoll temendahom (sentenzi tal-11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals and Alloys, C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 76; tat-18 ta’ Settembru 2014, Valimar, C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 52, u tat-18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il-Kunsill, T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 57).

201    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma eżaminatx iktar fid-dettall, waqt ir-reviżjoni finali magħluqa fl-2018, ir-rwol ta’ IPCT u li ma siltitx l-istess konsegwenzi legali bħal dawk li hija siltet minnhom matul ir-reviżjoni interim magħluqa fl-2019.

202    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, l-ilmenti kollha invokati fil-kuntest tat-tieni (ara l-punti 157 u 168 iktar ’il fuq) u tat-tielet motiv.

203    Iċ-ċaħda tal-ewwel tliet motivi twassal ukoll għaċ-ċaħda tal-ilmenti tar-rikorrenti msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq, peress li l-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku u tal-Artikolu 9.3 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO li huma jinvokaw huma esklużivament ibbażati fuq l-ilmenti li ġew miċħuda fl-eżami tal-imsemmija motivi.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

204    Ir-rikorrenti jsostnu li d-drittijiet tad-difiża tagħhom inkisru minħabba li kien biss permezz tal-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019, mibgħuta fl-istess jum bħal dak tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tar-regolament ikkontestat, li l-Kummissjoni kienet ikkomunikatilhom argumenti ġodda dwar il-fatt li spejjeż BAĠ huma sostnuti anki fil-każ ta’ bejgħ lil xerrej konness bħalma hija IPU u dwar l-ammissjoni tal-eżistenza ta’ żball f’dan ir-rigward waqt ir-reviżjoni interim magħluqa fl-2012 u r-reviżjoni finali magħluqa fl-2018 kif ukoll fuq l-istatuti inkwistjoni u l-IPE. Dawn l-argumenti huma l-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, minn naħa, li tinkludi l-ispejjeż BAĠ ikkontestati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali u, min-naħa l-oħra, li ma tibqax tittratta lil IPE bħala dipartiment ta’ bejgħ intern.

205    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, sabiex dan il-motiv jirnexxi, huma ma humiex obbligati juru li, kieku huma setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-imsemmija argumenti qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-kontenut tiegħu kien ikun differenti. Ikun suffiċjenti li tali ipoteżi ma tkunx totalment eskluża, peress li huma jkunu jistgħu jiżguraw aħjar id-difiża tagħhom fl-assenza tal-irregolarità proċedurali. Mill-ewwel u t-tieni motivi jirriżulta li r-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jippreżentaw osservazzjonijiet supplimentari li jistgħu jikkontestaw il-fondatezza tal-bidliet fil-metodu li l-Kummissjoni introduċiet fir-regolament ikkontestat, permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati u bl-applikazzjoni tal-aġġustament ikkontestat. B’hekk, ma jistax jiġi totalment eskluż li l-Kummissjoni setgħet tasal għal deċiżjoni differenti dwar il-kwistjonijiet imqajma fl-imsemmija motivi li kieku, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti kienu rċevew l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019.

206    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

207    Qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża f’dak li jirrigwarda kemm l-ispejjeż BAĠ kif ukoll l-aġġustament ikkontestati, għandhom jitfakkru l-prinċipji bażiċi dwar l-imsemmija drittijiet.

208    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li d-dritt għal smigħ tiegħu jagħmel parti integrali minnu [ara s-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il-Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata].

209    L-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, li għandha importanza fundamentali fil-proċeduri ta’ investigazzjoni antidumping, ifisser li l-impriżi kkonċernati għandhom jitpoġġew f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu tabilħaqq l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tad-dannu li jirriżulta minnha (sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill, C‑49/88, EU:C:1991:276, punt 17; tas-16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 76 u 77, u tat-12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il-Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 41).

210    L-eżistenza ta’ irregolarità f’dak li jirrigwarda r-rispett ta’ dawn id-drittijiet tista’ twassal għall-annullament ta’ regolament li jimponi dazju antidumping biss sa fejn ikun hemm possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti u b’hekk taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża tal-parti kkonċernata. Madankollu, għandu jitfakkar li ma jistax jiġi impost fuq din il-parti li turi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tkun differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex kompletament eskluża, peress li l-imsemmija parti kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar fl-assenza tal-irregolarità proċedurali li dwarha sar ilment (sentenza tal-10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑301/16, EU:T:2019:234, punti 66 u 67; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 78 u 79).

211    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li d-dritt għal smigħ jestendi għall-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tadotta. Għalhekk, dan id-dritt ma jitlobx li, qabel l-adozzjoni tal-pożizzjoni finali tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-elementi mressqa minn parti, l-amministrazzjoni tkun obbligata toffri lil din tal-aħħar possibbiltà ġdida li tesprimi ruħha dwar l-imsemmija elementi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2020, Tulliallan Burlington vs EUIPO, C‑155/18 P sa C‑158/18 P, EU:C:2020:151, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il-Kummissjoni, T‑18/05, EU:T:2010:202, punt 109, u tad-9 ta’ Marzu 2015, Deutsche Börse vs Il-Kummissjoni, T‑175/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:148, punt 344).

212    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-ispejjeż BAĠ u, min-naħa l-oħra, l-aġġustament ikkontestat.

 Fuq l-ilmenti dwar l-ispejjeż BAĠ ikkontestati

213    Skont ir-rikorrenti, fid-DIG 2019, il-Kummissjoni kienet indikat li hija kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż BAĠ ikkontestati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali. Huma jindikaw li kkritikaw dan l-approċċ tal-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-DIG 2019, billi sostnew li, billi pproċediet b’dan il-mod, hija kienet qiegħda tirriproduċi l-argument li hija kienet diġà ressqet fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid finali konkluż fl-2018, li hija kienet irrinunzjat għalih, waqt l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1469, wara oġġezzjonijiet li huma kienu qajmu.

214    Huwa minnu li, fil-punti 3 sa 6 tal-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni ppreċiżat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti kienu semmew, fir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju li hija kienet bagħtitilhom, l-eżistenza ta’ spejjeż relatati mal-bejgħ bejn kumpanniji relatati fi ħdan il-grupp Interpipe, it-tieni nett, li l-bejgħ bejn dawn il-kumpanniji kien jinvolvi spejjeż BAĠ, it-tielet nett, li l-metodoloġija użata għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar-regolament bażiku kellha tirrifletti l-ispejjeż kollha sostnuti mill-impriża kkonċernata u, ir-raba’ nett, li l-ispejjeż BAĠ ikkontestati kienu ġew esklużi, bi żball, matul ir-reviżjoni finali magħluqa fl-2018 u matul ir-reviżjoni interim magħluqa fl-2012, meta kienet ħadithom inkunsiderazzjoni fl-investigazzjoni inizjali.

215    Madankollu, dawn l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li r-rikorrenti rċevew wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, ma fihomx punti ta’ fatt jew ta’ liġi li huma ma kinux jafu bihom qabel u li fuqhom huma ma setgħux jesprimu ruħhom. Huma jikkostitwixxu l-bażi tal-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni fuq il-kwistjoni tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati, b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 211 iktar ’il fuq, ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jista’ jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward.

216    Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti jsostnu li l-argumenti supplementari li huma kienu setgħu jinvokaw quddiem il-Kummissjoni, kieku kienu rċevew iktar kmieni l-punti li jinsabu fl-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2009, huma dawk li huma qajmu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 205 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti kollha ġew miċħuda matul l-eżami tal-motivi l-oħra invokati f’dan ir-rikors. Għalhekk, ma ntweriex li, kieku r-rikorrenti kienu qajmu dawn l-argumenti matul il-proċedura amministrattivi, din kienet setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Tisza Erőmű vs Il-Kummissjoni, T‑468/08, mhux ippubblikata, EU:T:2014:235, punt 217).

217    Għaldaqstant, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ilmenti dwar l-aġġustament ikkontestat

218    Għandu jitfakkar li, fl-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019, li d-data tagħha tikkoinċidi mal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkompletat il-motivazzjoni ta’ dan tal-aħħar permezz ta’ elementi li, minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom, ma setgħux jidhru f’dan ir-regolament. Fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni wieġbet għall-oġġezzjonijiet li r-rikorrenti kienu qajmu fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-DIG 2019, li hija ma kinitx wieġbet għalihom fid-dokument ta’ informazzjoni addizzjonali tas-27 ta’ Ġunju 2019 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

219    L-erba’ elementi, deskritti fl-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019, li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex tapplika l-aġġustament ikkontestat (ara l-punti 151 sa 155 iktar ’il fuq), kienu ġew esposti għall-attenzjoni tar-rikorrenti fid-DIG 2019, fil-punti 34 sa 42. Fl-osservazzjonijiet dwar id-DIG 2019, ir-rikorrenti elenkaw dawn l-erba’ elementi u ħadu pożizzjoni dwar kull wieħed minnhom.

220    Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li l-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019 fiha ġustifikazzjonijiet addizzjonali li ma jidhrux fid-DIG 2019. B’hekk il-Kummissjoni semmiet, għall-ewwel darba, li l-kuntratti inkwistjoni kienu jistipulaw li r-riskju kien ittrasferit minn IPU għal IPE u li l-istatuti ta’ IPE ma kinux jindikaw li din kienet taġixxi taħt l-istruzzjonijiet tal-IPU, iżda kienu jipprevedu li l-IPE setgħet twettaq kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja, fiduċjarja jew kummerċjali fir-rigward tas-suġġett tagħha.

221    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-allegati ġustifikazzjonijiet addizzjonali huma sempliċi preċiżazzjonijiet dwar l-elementi li jinsabu fid-DIG 2019, li l-Kummissjoni żiedet wara osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti dwar dan tal-aħħar. Dawn il-preċiżazzjonijiet, li jirrigwardaw il-kontenut tal-istatuti ta’ IPE u tal-kuntratti inkwistjoni, evidentement magħrufa mir-rikorrenti, ma fihomx punti ta’ fatt u ta’ liġi ġodda, iżda jikkonċernaw kwistjonijiet li dwarhom ir-rikorrenti kienu esprimew ruħhom fl-imsemmija osservazzjonijiet.

222    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fl-ittra tat-2 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni sempliċement esponiet il-pożizzjoni finali tagħha fuq l-aġġustament ikkontestat, adottat fuq il-bażi ta’ elementi li fuqhom ir-rikorrenti kellhom l-okkażjoni jesponu l-opinjoni tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 211 iktar ’il fuq, ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jista’ jiġi kkonstatat.

223    Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 216 iktar ’il fuq huma applikabbli wkoll għal dawn l-ilmenti tar-rikorrenti.

224    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud u, konsegwentement, li jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

225    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Interpipe Niko Tube LLC u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant OJSC huma kkundannati għall-ispejjeż.

da Silva Passos

Truchot

Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Lulju 2021.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-valur normali, tal-ispejjeż BAĠ relatati mal-bejgħ tar-rikorrenti lil IPU

Fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat dwar il-valur normali

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(3), (4) u (6) tar-regolament bażiku

Fuq il-kunċett ta’ entità ekonomika waħda u l-konsegwenzi tagħha

Fuq l-ilmenti bbażati fuq id-deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO

Fuq in-natura teoretika tal-ispejjeż BAĠ ikkontestati

Fuq il-ksur tal-prattika tal-Kummissjoni

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż BAĠ u għall-benefiċċju ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjonijiet

Fuq l-istorja tal-applikazzjoni għall-grupp Interpipe ta’ aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-regolament bażiku u tar-regolamenti li ppreċedewh

– Fuq l-aġġustament applikat għall-grupp Interpipe fir-Regolament Nru 954/2006 u s-segwitu li ngħatat l-illegalità tiegħu kkonstatata fl-ewwel sentenza Interpipe

– Fuq l-applikazzjoni tal-aġġustament ikkontestat

Fuq il-kontestazzjoni, mir-rikorrenti, tal-elementi li fuqhom huwa bbażat l-aġġustament ikkontestat

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, sa fejn il-Kummissjoni bidlet il-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni

Fuq l-ewwel parti, dwar bidla mill-Kummissjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali

Fuq it-tieni parti, dwar bidla mill-Kummissjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

Fuq l-ilmenti dwar l-ispejjeż BAĠ ikkontestati

Fuq l-ilmenti dwar l-aġġustament ikkontestat

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.