Rikors ippreżentat fit-30 ta' Mejju 2007 - Bui Van vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-51/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Philippe Bui Van (Hettange Grande, Franza) (rappreżentanti: S. Rodrigues u R. Albelice, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjonijiet ta' l-Awtorità tal-Ħatra tal-5 ta' Marzu 2007 li ċaħdet l-ilment tar-rikorrent;

tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Komuni ta' Riċerka (ĊKR) ta' l-4 ta' Ottubru 2006 safejn irrikklassifikat lir-rikorrent fil-grad AST 3, skala 2, filwaqt li inizjalment kien ikklassifikat fil-grad AST 4, skala 2;

tindika lill-AIPN l-effetti li jġib l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u, b'mod partikolari, il-klassifika fil-grad AST 4, skala 2, ir-retroattività tal-ħatra fil-grad AST 4, skala 2, mid-data tad-dħul fil-kariga, l-effetti f'termini ta' differenza ta' remunerazzjoni u ta' interessi għal dewmien fil-ħlas ta' din id-differenza kif ukoll l-effetti f'termini ta' promozzjoni;

tagħti lir-rikorrent euro bħala kumpens simboliku għad-dannu morali subit;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent, li għadda mill-eżami ġenerali EPSO/B/23/041 sabiex issir lista ta' riżerva ta' reklutaġġ ta' aġenti teknici ta' grad B5/B4, ġie maħtur bħala uffiċjal li qed iservi perijodu ta' prova wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta' Marzu 2004, li emenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll is-sistema applikabbli għal aġenti oħra ta' dawn il-Komunitajiet.2 Deċiżjoni inizjali tat-28 ta' Ġunju 2006 li kklassifikat lir-rikorrent fil-grad AST 4 ġiet ritirata u ssostitwita bid-deċiżjoni kkontestata li kklassifikatu fil-grad AST 3.

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni, l-ewwel nett, il-ksur tal-prinċipju tat-trattament uguali u tan-non diskriminazzjoni, b'mod partikolari in kwantu uħud mill-kollegi tiegħu li wkoll kienu ġew imniżżla fil-grad kienu reġgħu kisbu l-grad AST 4 wara l-konklużjoni tal-proċedura prekontenzjuża.

It-tieni nett, ir-rikorrent jinvoka l-eżistenza ta' żball manifest ta' evalwazzjoni kif ukoll il-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi. Huwa jikkunsidra b'mod partikolari li d-deċiżjoni tat-28 ta' Ġunju 2006 ma ġietx irtirata f'terminu raġonevoli.

____________

1 - ĠU 81 A tal-31 ta' Marzu 2004, p.17

2 - ĠU L 124 tas-27 ta' April 2004, p.1