SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Settembru 2019 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra persuni, gruppi u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu – Iffriżar ta’ fondi – Possibbiltà għal awtorità ta’ Stat terz li tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball ta’ evalwazzjoni – Prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Awtentifikazzjoni tal-atti tal-Kunsill”

Fil-Kawża T‑308/18,

Hamas, stabbilita f’Doha (il-Qatar), irrappreżentata minn L. Glock, avukat,

rikorrenti,

vs

IlKunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn B. Driessen u A. Sikora-Kalėda, sussegwentement minn B. Driessen u S. Van Overmeire, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/475 tal-21 ta’ Marzu 2018 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1426 (ĠU 2018, L 79, p. 26), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/468 tal-21 ta’ Marzu 2018 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1420 (ĠU 2018, L 79, p. 7), u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1084 tat-30 ta’ Lulju 2018 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2018/475 (ĠU 2018, L 194, p. 144), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1071 tat-30 ta’ Lulju 2018 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/468 (ĠU 2018, L 194, p. 23),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

1        Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), li tistabbilixxi strateġiji sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu b’kull mod possibbli u, b’mod partikolari, sabiex jiġi miġġieled il-finanzjament tiegħu, Il-paragrafu 1(c) ta’ din ir-riżoluzzjoni kien jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw immedjatament il-fondi u l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi l-oħra tal-persuni li jwettqu, jew li jipprovaw iwettqu, li jiffaċilitaw jew li jipparteċipaw f’atti terroristiċi, tal-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew li huma kkontrollati minnhom, u tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu f’isem, jew fuq l-ordnijiet, ta’ dawn il-persuni u entitajiet.

2        Din ir-riżoluzzjoni ma kinitx tipprevedi lista tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-gruppi li għalihom kellhom japplikaw dawn il-miżuri.

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3        Fis-27 ta’ Diċembru 2001, peress li qies li kienet meħtieġa azzjoni min-naħa tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217). B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kien jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u ta’ assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni, tal-gruppi u tal-entitajiet involuti fl-atti terroristiċi u inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness tal-imsemmija pożizzjoni komuni.

4        Fl-istess jum, sabiex il-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jiġu implimentati fil-livell tal-Unjoni, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), kif ukoll id-Deċiżjoni 2001/927/KE, li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2001, L 344, p. 83).

5        L-isem tal-“Hamass-Izz al-Din al-Qassem (id terroristika tal-Hamas)” kien jinsab fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u f’dik inkluża fid-Deċiżjoni 2001/927. Dawn iż-żewġ atti ġew aġġornati regolarment, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u l-isem tal-“Hamas-Izz al-Din al-Qassem” baqa’ inkluż fl-imsemmija listi.

6        Fit-12 ta’ Settembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/651/PESK, li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/482/PESK (ĠU 2003, L 229, p. 42), u d-Deċiżjoni 2003/646/KE, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/480/KE (ĠU 2003, L 229, p. 22). L-isem tal-organizzazzjoni inkluża fil-listi marbuta ma’ dawn l-atti kien il-“Hamas (inkluż il-Hamas-Izz al-Din al-Qassem”)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        L-isem ta’ din l-organizzazzjoni baqa’ inkluż fil-listi annessi mal-atti ulterjuri.

 L-atti kkontestati

 L-atti ta’ Marzu 2018

8        Fit-30 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill bagħat lill-avukat tar-rikorrenti ittra fejn informaha li kien irċieva informazzjoni rilevanti ġdida għall-finijiet tal-istabbiliment tal-listi tal-persuni, tal-gruppi u tal-entitajiet li huma s-suġġett tal-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament Nru 2580/2001 u li kien għalhekk emenda l-espożizzjoni tal-motivi. Il‑Kunsill stieden lir-rikorrenti tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-espożizzjoni tal-motivi aġġornata sal-15 ta’ Diċembru 2017.

9        Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra.

10      Fil-21 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta, minn naħa, id-Deċiżjoni (PESK) 2018/475, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1426 (ĠU 2018, L 79, p. 26), u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/468, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1420 (ĠU 2018, L 79, p. 7) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2018”). L-isem tal-“‘Hamas’, inkluż ‘Hamas-Izz al-Din al-Qassem’” inżamm fil-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi ta’ Marzu 2018”).

11      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill ikkomunika lill-avukat tar-rikorrenti l-espożizzjoni tal-motivi li ġġustifikaw iż-żamma tal-isem “‘Hamas’, inkluż ‘Hamas-Izz al-Din al-Qassem’” fil-listi kontenzjużi ta’ Marzu 2018, filwaqt li indikalu l-possibbiltà li jintalab eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

12      Barra minn hekk, fit-22 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill ippubblika, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2018, C 107, p. 6).

13      Permezz ta’ dan l-avviż, il-Kunsill, b’mod partikolari, informa lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati, l-ewwel nett, li huwa kien qies li l-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi adottati bis-saħħa tar-Regolament Nru 2580/2001 kienu għadhom validi, b’tali mod li kien iddeċieda li jżomm isimhom fil-listi kontenzjużi ta’ Marzu 2018, it-tieni nett, li setgħu jagħmlulu talba sabiex jiksbu l-espożizzjoni tal-motivi għaliex isimhom kien inżamm fl-imsemmija listi, it-tielet nett, li setgħu wkoll, f’kull mument, jagħmlulu talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom kien ġie inkluż fil-listi inkwistjoni u, ir-raba’ nett, li t-talbiet, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami li jmiss, konformement mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kellhom jintbagħtulu sal-25 ta’ Mejju 2018.

14      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra u għal dan l-avviż.

15      Mill-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti ta’ Marzu 2018 jirriżulta li, sabiex jinkludi “‘Hamas’, inkluż ‘Hamas-Izz al-Din al-Qassem’” fil-listi kontenzjużi ta’ Marzu 2018, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq erba’ deċiżjonijiet nazzjonali.

16      L-ewwel deċiżjoni nazzjonali kienet id-digriet Nru 1261 tas-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru għall-Intern tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Home Secretary”), tad-29 ta’ Marzu 2001, li jemenda l-UK Terrorism Act 2000 (il-Liġi tar-Renju Unit tal-2000 dwar it-Terroriżmu) u li jipprojbixxi lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem, meqjusa li hija organizzazzjoni involuta f’atti terroristiċi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Home Secretary”).

17      It-tieni deċiżjoni nazzjonali kienet deċiżjoni tal-United States Secretary of State (is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti), tat-8 ta’ Ottubru 1997, li tikklassifika, għall-finijiet tal-Immigration and Nationality Act (il-Liġi tal-Istati Uniti dwar l-Immigrazzjoni u n-Nazzjonalità, iktar ’il quddiem l-“INA”), lill-Hamas bħala organizzazzjoni terroristika barranija (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Amerikana tal-1997”).

18      It-tielet deċiżjoni nazzjonali kienet deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti u kienet ittieħdet, fil-31 ta’ Ottubru 2001, b’applikazzjoni tal-Executive Order 13224 (id-Digriet Presidenzjali Nru 13224) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Amerikana tal-2001”).

19      Ir-raba’ deċiżjoni nazzjonali kienet ittieħdet fit-23 ta’ Jannar 1995 b’applikazzjoni tal-Executive Order 12947 (id-Digriet Presidenzjali Nru 12947) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Amerikana tal-1995”).

20      Fil-parti prinċipali tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti ta’ Marzu 2018, il-Kunsill ikkonstata, l-ewwel nett, li dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali kienu jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li dawn id-deċiżjonijiet kienu għadhom fis-seħħ. It-tieni nett, huwa indika li kien eżamina jekk kellux fil-pussess tiegħu elementi li jimmilitaw favur l-irtirar ta’ isem ir-rikorrenti mil-listi kontenzjużi ta’ Marzu 2018 u li ma kien sab ebda element bħal dan. Fl-aħħar nett, huwa indika li fil-fehma tiegħu r-raġunijiet li kienu ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi kienu għadhom validi u kkonkluda li dan l-isem għandu jinżamm fil-listi kontenzjużi ta’ Marzu 2018.

21      Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti ta’ Marzu 2018 kienet tinkludi Anness A dwar id-“deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tar-Renju Unit” u Anness B dwar id-“deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti”. Kull wieħed minn dawn l-annessi kien jinkludi deskrizzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom kienu ġew adottati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali, preżentazzjoni tad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ terroriżmu li kienu jinsabu f’dawn il-leġiżlazzjonijiet, deskrizzjoni tal-proċeduri għall-eżami mill-ġdid tal-imsemmija deċiżjonijiet, deskrizzjoni tal-fatti li fuqhom kienu bbażaw ruħhom l-imsemmija awtoritajiet u l-konstatazzjoni li dawn il-fatti kienu jikkostitwixxu atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

22      Fil-punt 14 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti ta’ Marzu 2018, il-Kunsill indika diversi fatti kkunsidrati mill-Home Secretary sabiex jipprojbixxi lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem. Dawn il-fatti kienu seħħew fl-1994 u fl-1996.

23      Fil-punt 15 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti ta’ Marzu 2018, il-Kunsill żied li, fir-Renju Unit, il-projbizzjoni kienet is-suġġett, f’Settembru 2016, ta’ eżami mill-ġdid mill-grupp interministerjali responsabbli għall-eżami mill-ġdid tal-projbizzjonijiet u li dan il-grupp kien ikkonkluda, fuq il-bażi ta’ elementi indikati minnu, li wieħed seta’ raġonevolment jaħseb li l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem kienet għadha involuta fit-terroriżmu.

24      Fil-punt 10 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti ta’ Marzu 2018, il-Kunsill indika li l-iktar eżami mill-ġdid reċenti tal-identifikazzjoni tal-Hamas bħala organizzazzjoni terroristika barranija kien ġie konkluż fis-27 ta’ Lulju 2012 u kien wassal lill-Gvern Amerikan sabiex jikkonkludi li ċ-ċirkustanzi li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni Amerikana tal-1997 ma kinux inbidlu b’mod li jiġġustifika r-revoka ta’ din l-identifikazzjoni.

25      Fl-aħħar nett, fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti ta’ Marzu 2018, il-Kunsill elenka diversi fatti li seħħew bejn l-2003 u l-2016 u li fuq il-bażi tagħhom l-awtoritajiet Amerikani kienu kklassifikaw lir-rikorrenti bħala organizzazzjoni terroristika barranija, mingħajr ma speċifika d-deċiżjonijiet li oriġinaw minnhom.

 L-atti ta’ Lulju 2018

26      Fit-30 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill adotta, minn naħa, id-Deċiżjoni (PESK) 2018/1084, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2018/475 (ĠU 2018, L 194, p. 144), u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1071, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/468 (ĠU 2018, L 194, p. 23) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Lulju 2018”). L-isem tal-“‘Hamas’, inkluż ‘Hamas-Izz al-Din al-Qassem’” inżamm fil-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi ta’ Lulju 2018”).

27      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill ikkomunika lill-avukat tar-rikorrenti l-espożizzjoni tal-motivi li ġġustifikaw iż-żamma tal-isem “‘Hamas’, inkluż ‘Hamas-Izz al-Din al-Qassem’” fil-listi kontenzjużi ta’ Lulju 2018, filwaqt li indikalu l-possibbiltà li jintalab eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

28      Barra minn hekk, fil-31 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill ippubblika, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2018, C 269, p. 3).

29      Permezz ta’ dan l-avviż, il-Kunsill, b’mod partikolari, informa lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati, l-ewwel nett, li huwa kien qies li l-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi adottati bis-saħħa tar-Regolament Nru 2580/2001 kienu għadhom validi, b’tali mod li kien iddeċieda li jżomm isimhom fil-listi kontenzjużi ta’ Lulju 2018, it-tieni nett, li setgħu jagħmlulu talba sabiex jiksbu l-espożizzjoni tal-motivi għaliex isimhom kien inżamm fl-imsemmija listi, it-tielet nett, li setgħu wkoll, f’kull mument, jagħmlulu talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom kien ġie inkluż fil-listi inkwistjoni u, ir-raba’ nett, li t-talbiet, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami li jmiss, konformement mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kellhom jintbagħtulu sal-1 ta’ Ottubru 2018.

30      Din l-espożizzjoni tal-motivi kienet identika għal dik dwar l-atti ta’ Marzu 2018, ħlief għal xi differenzi formali u għal referenza, fil-punt 16 tal-Anness B, għad-“dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva” u mhux għad-“dritt għal protezzjoni ġudizzjarja”.

31      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra u għal dan l-avviż.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors ineżami.

33      Il‑Kunsill ippreżenta r-risposta fit-13 ta’ Settembru 2018.

34      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti, fuq il-bażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, adattat ir-rikors sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti ta’ Lulju 2018 sa fejn jikkonċernawha.

35      Permezz ta’ ittri tat-13 ta’ Diċembru 2018 kif ukoll tal-1 ta’ Marzu u tal-10 ta’ April 2019, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet numru ta’ mistoqsijiet lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu fit-terminu mogħti.

36      Fl-assenza ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali mressqa lill-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

37      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti ta’ Marzu u ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”), sa fejn jikkonċernawha, inkluża l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

38      Il‑Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

39      Ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi, ibbażati rispettivament:

–        fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931;

–        fuq żbalji dwar il-materjalità tal-fatti;

–        fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-natura terroristika tal-organizzazzjoni Hamas;

–        fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil;

–        fuq teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni minħabba l-mogħdija taż-żmien;

–        fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        fuq ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

40      Fid-19 ta’ Marzu 2019, fi tweġiba għal mistoqsija li għamlitilha l-Qorti Ġenerali, fl-1 ta’ Marzu ta’ qabel, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti qajmet motiv ieħor, it-tmien motiv, ibbażat fuq “nuqqas ta’ awtentifikazzjoni tal-espożizzjoni tal-motivi”.

41      Il-Qorti Ġenerali tqis li s-sitt motiv għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

42      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti, wara li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet koperti mid-deċiżjonijiet tal-Home Secretary u mid-deċiżjonijiet Amerikani tal-1995, tal-1997 u tal-2001 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet Amerikani”), takkuża lill-Kunsill bi ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 sa fejn ikklassifika dawn id-deċiżjonijiet bħala deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjoni invokata mir-rikorrenti tikkonċerna l-inklużjoni tal-isem ta’ persuni jew ta’ entitajiet fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi, filwaqt li r-rikors ineżami jikkonċerna deċiżjonijiet adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jikkonċerna ż-żamma ta’ din l-inklużjoni f’tali listi.

44      Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma ta’ isem ta’ persuna jew ta’ entità f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi tikkostitwixxi, essenzjalment, l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali u tippreżumi, għalhekk, il-kontinwazzjoni tar-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, kif ikun ġie kkonstatat inizjalment mill-Kunsill, fuq il-bażi tad-deċiżjoni nazzjonali li tkun serviet bħala bażi għal din l-inklużjoni inizjali (sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 61, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 39).

45      Il-motiv huwa għahekk effettiv.

46      Sabiex jiġi eżaminat dan il-motiv, għandha tiġi eżaminata, wara li jiġu ddeterminati l-organizzazzjonijiet koperti mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kunsill, il-kritika speċifika għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani qabel tiġi eżaminata l-kritika li hija komuni għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani u għad-deċiżjoni tal-Home Secretary.

 Fuq l-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet koperti mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kunsill

47      Ir-rikorrenti tosserva li, skont l-espożizzjoni tal-motivi kkomunikata mill-Kunsill, l-atti kkontestati huma bbażati fuq deċiżjoni tal-Home Secretary, li tipprojbixxi lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem, li hija l-fergħa armata tal-Hamas, u fuq tliet deċiżjonijiet Amerikani, li jirreferu għall-Hamas mingħajr iżjed preċiżjoni.

48      Ir-rikorrenti tesprimi d-dubju tagħha li l-awtoritajiet Amerikani kellhom l-intenzjoni jelenkaw lill-Hamas fl-intier tagħha u tqis li l-Kunsill, meta qies li dan kien il-każ, interpreta d-deċiżjonijiet tagħhom b’mod estensiv, li ma jirriżultax b’mod ċar mil-listi ppubblikati mill-imsemmija awtoritajiet.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet Amerikani jsemmu espliċitament il-“Hamas”, identifikazzjoni li, fid-deċiżjonijiet Amerikani tal-1997 u tal-2001, hija ssostanzjata b’madwar tnax-il isem ieħor – fosthom “Izz-Al-Din Al-Qassam brigades” – li bihom kien magħruf ukoll dan il-moviment.

50      Għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, dan il-fatt ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li l-awtoritajiet Amerikani kellhom l-intenzjoni li b’hekk jillimitaw l-identifikazzjoni għall-“Hamas-Izz al-Din al-Qassem” biss. L-ewwel nett, fost dawn l-ismijiet supplimentari hemm ismijiet li jirreferu għall-Hamas fl-intier tagħha, bħalma huma “Islamic Resistance Movement”, li hija t-traduzzjoni bl-Ingliż ta’ “Harakat Al-Muqawama Al-Islamia”, li huwa isem ieħor li jissemma wkoll u li l-kelma “Hamas” tikkostitwixxi l-akronimu tiegħu. It-tieni nett, il-fatt li jissemmew dawn id-diversi ismijiet huwa intiż biss li tiġi żgurata l-effettività konkreta tal-miżura meħuda kontra l-Hamas, billi jippermetti li din il-miżura tilħaq lill-Hamas fir-rigward tal-ismijiet u tal-fergħat magħrufa kollha tagħha.

51      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Home Secretary tkopri l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem, filwaqt li d-deċiżjonijiet Amerikani jkopru l-Hamas, inkluż il-Hamas-izz al-Din al-Qassem.

 Fuq il-kritika speċifika għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani

52      Ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill ma setax jibbaża l-atti kkontestati fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani minħabba li l-Istati Uniti jikkostitwixxu Stat terz u minħabba li, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati ma humiex “awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

53      Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni, prinċipalment, li s-sistema stabbilita permezz tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hija bbażata fuq il-fiduċja mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kunsill u l-Istati Membri tal-Unjoni u fuq il-kondiviżjoni ta’ valuri komuni, irrikonoxxuti fit-Trattati, kif ukoll fuq l-osservanza ta’ regoli kondiviżi, fosthom il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet ta’ Stati terzi ma jistgħux jibbenefikaw minn din il-fiduċja.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” użat fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma huwiex limitat għall-awtoritajiet tal-Istati Membri iżda jista’, bħala prinċipju, jinkludi wkoll l-awtoritajiet ta’ Stati terzi (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 22).

55      L-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija ġġustifikata, minn naħa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li ma tillimitax il-kunċett ta’ “awtoritajiet kompetenti” għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, mill-għan ta’ din il-pożizzjoni komuni, li ġiet adottata sabiex timplimenta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li hija intiża li tintensifika l-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq il-livell mondjali permezz tal-kooperazzjoni sistematika u mill-qrib tal-Istati kollha (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 23).

56      Sussidjarjament, fil-każ li jiġi aċċettat li l-awtorità ta’ Stat terz tista’ tikkostitwixxi awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ir-rikorrenti ssostni li l-validità tal-atti adottati mill-Kunsill tiddependi wkoll mill-verifiki li għandu jwettaq sabiex jiżgura ruħu, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni Amerikana hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

57      Issa, f’dan il-każ, skont ir-rikorrenti, fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati, kulma għamel il-Kunsill huwa, essenzjalment, li ddeskriva l-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid u osserva li kien hemm possibbiltajiet ta’ rimedju, mingħajr ma vverifika jekk id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kinux iggarantiti.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ Stat terz, il-Kunsill għandu jivverifika minn qabel jekk din id-deċiżjoni kinitx ġiet adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 31).

59      Fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti tiegħu stess, il-Kunsill għandu jipprovdi indikazzjonijiet li jippermettu li jitqies li huwa wettaq din il-verifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 31).

60      Għal dan il-għan, f’dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi, il-Kunsill għandu jindika r-raġunijiet li wassluh sabiex iqis li d-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha jibbaża ruħu kienet adottata b’osservanza tal-prinċipju ta’ drittijiet tad-difiża u b’rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 33).

61      Skont il-ġurisprudenza, l-indikazzjonijiet li għandu jkun fihom l-espożizzjonijiet tal-motivi fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni jistgħu jkunu, jekk ikun il-każ, fil-qosor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 33).

62      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 58 sa 61 iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u, min-naħa l-oħra, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

63      Fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ir-rikorrenti ssostni li, fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill ma pprovdiex indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li wassluh sabiex iqis, wara verifika, li, fl-Istati Uniti, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju kienet iggarantita fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi li jirrigwardaw l-identifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet bħala organizzazzjonijiet terroristiċi.

64      Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Amerikana ma tirrikjedix li d-deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet f’dan il-qasam jiġu nnotifikati u lanqas ma tirrikjedi li jkunu motivati. Skont ir-rikorrenti, filwaqt li l-Artikolu 219 tal-INA, li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni Amerikana tal-1997, jinkludi obbligu li d-deċiżjoni ta’ identifikazzjoni tiġi ppubblikata fir-Reġistru Federali, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-Digriet Presidenzjali Nru 13224, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni Amerikana tal-2001 u li ma jipprevedi ebda miżura ta’ dan it-tip.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeħtieġ li l-persuni koperti minn deċiżjonijiet li jolqtu b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jesprimu b’mod utli l-fehma tagħhom dwar l-elementi inkriminanti meħuda inkunsiderazzjoni bħala bażi għad-deċiżjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fil-każ ta’ miżuri intiżi li jinkludu l-ismijiet ta’ persuni jew ta’ entitajiet f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi, dan il-prinċipju jimplika li l-motivi għal dawn il-miżuri għandhom jiġu kkomunikati lil dawn il-persuni jew lil dawn l-entitajiet fl-istess ħin tal-adozzjoni tagħhom jew immedjatament wara din l-adozzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61).

67      Fil-punt 16 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill isostni dan li ġej:

“Fir-rigward tal-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid u tad-deskrizzjoni mogħtija tar-rimedji disponibbli, il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti tiżgura l-protezzjoni tad-drittjiet tad-difiża […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

68      Sussegwentement, l-informazzjoni mogħtija mill-Kunsill fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestata tvarja skont id-deċiżjonijiet Amerikani eżaminati.

69      Minn naħa, fir-rigward tad-Digrieti Presidenzjali Nri 12947 u 13224, li huma l-bażi għad-deċiżjonijiet Amerikani tal-1995 u tal-2001, id-deskrizzjoni ġenerali mogħtija mill-Kunsill ma tirreferi għall-ebda obbligu tal-awtoritajiet Amerikani li jikkomunikaw lill-partijiet ikkonċernati motivazzjoni jew saħansitra li jippubblikaw dawn id-deċiżjonijiet.

70      Minn dan isegwi li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma huwiex ivverifikat fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u li, għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 58 sa 61 iktar ’il fuq, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ma jistgħux iservu bħala bażi għall-atti kkontestati.

71      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni Amerikana tal-1997, huwa minnu li l-Kunsill jesponi li, skont l-INA, l-identifikazzjoni bħala organizzazzjonijiet terroristiċi barranin jew id-deċiżjonijiet sussegwenti għal revoka ta’ din l-identifikazzjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni fir-Reġistru Federali. Madankollu, il-Kunsill ma jipprovdi ebda indikazzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk, f’dan il-każ, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni Amerikana tal-1997 kienx fiha xi tip ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, mill-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati lanqas ma jirriżulta li, minbarra d-dispożittiv tad-deċiżjoni, xi tip ta’ motivazzjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti mill-awtoritajiet Amerikani b’xi mod jew ieħor.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-indikazzjoni li deċiżjoni hija ppubblikata f’ġurnal uffiċjali tal-Istat terz hijiex suffiċjenti sabiex jitqies li l-Kunsill, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 58 sa 61 iktar ’il fuq, issodisfa l-obbligu tiegħu li jivverifika jekk ġewx irrispettati d-drittijiet tad-difiża fl-Istati terzi li minnhom joriġinaw id-deċiżjonijiet li jservu ta’ bażi għall-atti kkontestati.

73      Għal dan il-għan, għandu jsir riferiment għall-kawża li tat lok għas-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885). F’dik il-kawża, il-Kunsill kien indika, fl-espożizzjoni tal-motivi ta’ wieħed mill-atti kkonċernati, li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istat terz ikkonċernat kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni fil-ġurnal uffiċjali ta’ dan l-Istat, mingħajr ma pprovda informazzjoni addizzjonali (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 145).

74      Fis-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 36 u 37), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li qieset fl-intier tagħhom l-indikazzjonijiet kollha dwar id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istat terz li kienu jinsabu fl-espożizzjoni tal-motivi tar-regolament tal-Kunsill, iddeċidiet li dawn kienu insuffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li din l-istituzzjoni kienet wettqet il-verifika meħtieġa fir-rigward tar-rispett, f’dan l-Istat terz, tad-drittijiet tad-difiża.

75      L-istess konklużjoni għandha ssir, għall-istess raġunijiet, f’din il-kawża fir-rigward tas-sempliċi indikazzjoni li tinsab fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati u li tgħid li d-deċiżjoni Amerikana tal-1997 kienet is-suġġett, fl-Istati Uniti, ta’ pubblikazzjoni fir-Reġistru Federali.

76      Għal dawn ir-raġunijiet, u mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni tar-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jitqies li, f’dan il-każ, il-motivazzjoni dwar id-deċiżjonijiet Amerikani hija insuffiċjenti, b’tali mod li dawn tal-aħħar ma jistgħux iservu ta’ bażi għall-atti kkontestati.

77      Madankollu, peress li l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jeżiġix li l-atti tal-Kunsill għandhom ikunu bbażati fuq iktar minn deċiżjoni waħda tal-awtoritajiet kompetenti, l-atti kkontestati setgħu, fir-rigward tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi ta’ Marzu u ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”), jirreferu biss għad-deċiżjoni tal-Home Secretary, b’tali mod li l-eżami tar-rikors għandu jitkompla billi jiġi llimitat għal eżami tal-atti kkontestati sa fejn huma bbażati fuq din id-deċiżjoni tal-aħħar.

 Fuq il-kritika komuni għad-deċiżjoni tal-Home Secretary u għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani

78      Ir-rikorrenti ssostni li, għal tliet raġunijiet, id-deċiżjoni tal-Home Secretary u d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani, li fuqhom huma bbażati l-atti kkontestati, ma jikkostitwixxux “deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

79      Dawn ir-raġunijiet ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem sa fejn jikkonċernaw id-deċiżjoni adottata mill-Home Secretary, konformement mal-punt 77 iktar ’il fuq.

–       Fuq il-preferenza li għandha tingħata lill-awtoritajiet ġudizzjarji

80      Ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista’ jibbaża ruħu fuq deċiżjonijiet amministrattivi fil-każ biss li l-awtoritajiet ġudizzjarji ma jkollhom ebda kompetenza fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk sa fejn, fir-Renju Unit, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom kompetenza f’dan il-qasam. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Home Secretary ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fl-atti kkontestati.

81      Il‑Kunsill jikkontesta dan l-argument.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, in-natura amministrattiva u mhux ġudizzjarja ta’ deċiżjoni ma hijiex determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sa fejn il-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni tipprevedi espliċitament li awtorità mhux ġudizzjarja tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punti 144 u 145, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 105).

83      Għalkemm jesprimi preferenza għad-deċiżjonijiet li joriġinaw mill-awtoritajeit ġudizzjarji, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 bl-ebda mod ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet li joriġinaw minn awtoritajiet amministrattivi meta, minn naħa, dawn l-awtoritajiet effettivament ikollhom, taħt id-dritt nazzjonali, il-kompetenza li jadottaw deċiżjonijiet restrittivi kontra gruppi involuti fit-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, dawn l-awtoritajiet, għalkemm ikunu awtoritajiet amministrattivi biss, ikunu jistgħu jitqiesu li huma “ekwivalenti” għall-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 107).

84      Skont il-ġurisprudenza, l-awtoritajiet amministrattivi għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għal awtoritajiet ġudizzjarji meta d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 145).

85      Għaldaqstant, il-fatt li l-qrati tal-Istat ikkonċernat ikollhom kompetenzi fil-qasam tar-ripressjoni tat-terroriżmu ma jipprekludix lill-Kunsill milli jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet mogħtija mill-awtorità amministrattiva nazzjonali responsabbli għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-qasam tat-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 108).

86      F’dan il-każ, mill-informazzjoni mogħtija mill-Kunsill jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Home Secretary jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Proscribed Organisations Appeal Commission (il-Kummissjoni tal-Appelli dwar Organizzazzjonijiet Ipprojbiti, ir-Renju Unit), li tiddeċiedi b’applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw l-istħarriġ ġudizzjarju, u li kull parti tista’ tappella mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Appelli dwar Organizzazzjonijiet Ipprojbiti fuq punt ta’ liġi quddiem qorti tal-appell jekk tikseb l-awtorizzazzjoni minn din il-kummissjoni jew, fl-assenza ta’ dan, mill-qorti tal-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 2).

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li d-deċiżjonijiet tal-Home Secretary jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza esposta fil-punti 83 u 84 iktar ’il fuq, din l-awtorità amministrattiva għandha titqies li hija l-ekwivalenti ta’ awtorità ġudizzjarja u, għalhekk, kif isostni l-Kunsill, li hija awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, inkonformità mal-ġurisprudenza li diġà ngħatat diversi drabi f’dan is-sens (sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 144, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punti 120 sa 123).

88      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-atti kkontestati ma jistgħux jiġu annullati għar-raġuni li, fl-espożizzjoni tal-motivi tagħhom, il-Kunsill irrefera għal deċiżjoni tal-Home Secretary, li jikkostitwixxi awtorità amministrattiva.

–       Fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Home Secretary tikkonsisti fit-tħejjija ta’ lista li telenka organizzazzjonijiet terroristiċi

89      Ir-rikorrenti ssostni li l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-atti kkontestati, fosthom il-Home Secretary, tikkonsisti, fil-prattika, fl-istabbiliment ta’ listi ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi sabiex jiġu suġġetti għal regoli restrittivi. Din l-attività ta’ tħejjija ta’ lista ma tikkostitwixxix kompetenza ripressiva li tista’ titqies li hija simili għal “bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni” jew inkella għal “kundanna”, li, skont il-kliem użat fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, huma s-setgħat li għandu jkollha l-“awtorità kompetenti”.

90      Il‑Kunsill jikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma teħtieġx li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti taqa’ fil-kuntest ta’ proċedura kriminali fis-sens strett tal-kelma, kemm-il darba, fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-imsemmija pożizzjoni komuni fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-proċedura nazzjonali inkwistjoni jkollha bħala għan il-ġlieda kontra t-terrożimu f’sens wiesa’ (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 113).

92      F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-protezzjoni tal-persuni kkonċernati ma tiddaħħalx inkwistjoni jekk id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali ma tkunx taqa’ fil-kuntest ta’ proċedura intiża li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali, iżda tkun taqa’ fil-kuntest ta’ proċedura li jkollha bħala suġġett miżuri ta’ natura preventiva (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 70).

93      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Home Secretary tistabbilixxi miżuri ta’ projbizzjoni fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet meqjusa li huma terroristiċi u għalhekk taqa’, kif teħtieġ il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali intiża, prinċipalment, li jiġu imposti miżuri ta’ natura preventiva jew ripressiva fil-konfront tar-rikorrenti, bħala parti mill-ġlieda kontra t-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 115).

94      Fir-rigward tal-fatt li l-attività tal-awtorità inkwistjoni twassal għall-istabbiliment ta’ lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet involuti fit-terroriżmu, għandu jiġi enfasizzat li, bħala tali, dan il-fatt ma jimplikax li din l-awtorità ma wettqitx evalwazzjoni individwali fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-persuni u minn dawn l-entitajiet qabel inkludiethom f’dawn il-listi, u lanqas ma jimplika li din l-evalwazzjoni hija neċessarjament arbitrarja jew infondata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 118).

95      B’hekk, iktar mill-fatt li l-attività tal-awtorità inkwistjoni twassal għall-istabbiliment ta’ lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet involuti fit-terroriżmu, dak li huwa inkwistjoni hawnhekk huwa l-kwistjoni ta’ jekk din l-attività hijiex eżerċitata b’garanziji suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Kunsill jużaha bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu dwar l-inklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 118).

96      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun meta tallega li setgħa li tiġi stabbilita lista ma tistax tikkaratterizza awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

97      Din il-pożizzjoni ma tiddaħħalx inkwistjoni mill-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti.

98      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, huma biss il-listi stabbiliti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill.

99      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’ sa fejn l-għan tal-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 huwa biss li tagħti lill-Kunsill possibbiltà ta’ identifikazzjoni supplimentari flimkien mal-identifikazzjonijiet li huwa jista’ jwettaq fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

100    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tenfasizza li, sa fejn tirriproduċi l-listi proposti mill-awtoritajiet kompetenti, il-lista tal-Unjoni tista’ titqies li hija lista ta’ listi, u b’hekk testendi għal din il-lista l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri amministrattivi nazzjonali adottati, jekk ikun il-każ, minn awtoritajiet ta’ Stati terzi, mingħajr ma l-persuni inkwistjoni ma jkunu informati u mingħajr ma jkunu f’pożizzjoni li jiddefendu ruħhom b’mod effettiv.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif tindika r-rikorrenti, il-Kunsill, meta jidentifika l-persuni jew l-entitajiet li għandhom jiġu suġġetti għal miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, jibbaża ruħu fuq konstatazzjonijiet magħmula minn awtoritajiet kompetenti.

102    Fil-kuntest tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ġiet stabbilita forma ta’ kooperazzjoni speċifika bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li toħloq, għall-Kunsill, l-obbligu li sa fejn ikun possibbli joqgħod fuq l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 133, u tal-4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑284/08, EU:T:2008:550, punt 53).

103    Bħala prinċipju, ma huwiex il-kompitu tal-Kunsill li jieħu deċiżjoni dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, sa fejn din is-setgħa tappartjeni lill-qrati nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 168).

104    Huwa biss b’mod eċċezzjonali, meta r-rikorrent jikkontesta, fuq il-bażi ta’ elementi konkreti, li l-awtoritajiet tal-Istati Membri rrispettaw id-drittijiet fundamentali, li l-Qorti Ġenerali jkollha tivverifika li dawn id-drittijiet kienu effettivament ġew irrispettati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36).

105    Għall-kuntrarju, meta jkunu involuti l-awtoritajiet ta’ Stati terzi, il-Kunsill huwa meħtieġ, kif ġie osservat fil-punti 58 u 59 iktar ’il fuq, jiżgura ex officio li dawn il-garanziji kienu ġew effettivament implimentati u għandu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu dwar dan il-punt.

106    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-atti kkontestati ma jistgħux jiġu annullati għar-raġuni li l-azzjoni tal-Home Secretary kienet tikkostitiwxxi fl-istabbiliment ta’ listi ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi.

–       Fuq l-assenza ta’ provi jew ta’ indizji serji u kredibbli li jservu ta’ bażi għad-deċiżjoni tal-Home Secretary

107    Ir-rikorrenti tqis li, sa fejn kien qiegħed jibbaża ruħu fuq deċiżjoni amministrattiva u mhux fuq deċiżjoni ġudizzjarja, il-Kunsill kellu jistabbilixxi li din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq “xhieda serja u kredibbli”, kif jeħtieġ l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

108    Peress li ma jikkonċernax il-klassifikazzjoni bħala “deċiżjoni meħuda minn awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li hija s-suġġett ta’ dan il-motiv, dan l-argument ser jiġi eżaminat fil-kuntest tas-sitt motiv iktar ’il quddiem.

–       Fuq il-konfużjoni bejn il-fatti allegatament misluta mid-deċiżjonijiet nazzjonali invokati u dawk allegatament misluta minn sorsi oħra

109    Fir-rigward tal-fatti li jiġġustifikaw iż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi, ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill kien imissu indika, fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, jekk dawn kinux joħorġu minn deċiżjoni nazzjonali jew minn sors pubbliku, peress li r-regoli dwar il-prova huma differenti fiż-żewġ każijiet. Fl-ewwel każ, il-Kunsill ikollu juri li d-deċiżjoni nazzjonali ttieħdet minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, filwaqt li, fit-tieni każ, il-prova tkun tista’ tiġi prodotta b’mod liberu.

110    Issa, skont ir-rikorrenti, fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill ma indikax l-oriġini tal-fatti li seħħew bejn Lulju 2014 u April 2016, li ma setgħux joħorġu mid-deċiżjonijiet li jikklassifikaw lir-rikorrenti bħala organizzazzjoni terroristika barranija sa fejn, kif indikat fil-punt 10 tal-istess anness, l-iktar eżami mill-ġdid reċenti mwettaq f’dan ir-rigward kien sar f’Lulju 2012.

111    Peress li ma tikkonċernax l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-inklużjoni tal-persuni u tal-entitajiet terroristiċi fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi, u peress li hija marbuta mal-motivazzjoni tal-atti kkontestati, din il-kwistjoni ser tiġi indirizzata fil-kuntest tas-sitt motiv, eżaminat iktar ’il quddiem.

 Konklużjoni dwar l-ewwel motiv

112    Mill-punti 58 sa 76 iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi, id-deċiżjonijiet Amerikani ma jistgħux iservu ta’ bażi għall-atti kkontestati, sa fejn il-Kunsill naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tal-verifika tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittjiet tad-difiża fl-Istati Uniti.

113    Barra minn hekk, mill-punti 49 sa 51 iktar ’il fuq jirriżulta li dawn id-deċiżjonijiet Amerikani kienu jikkonċernaw lill-Hamas kollha, filwaqt li d-deċiżjoni tal-Home Secretary kienet tindirizza biss il-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

114    Skont ir-rikorrenti, dan il-fatt jimplika li l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lill-Hamas u jistgħu jibqgħu fis-seħħ biss sa fejn jikkonċernaw lill-Hamas-Izz al-Din al Qassem. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, għandha ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet, sa fejn il-Hamas hija partit politiku li jipparteċipa legalment fl-elezzjonijiet u fil-Gvern tal-Palestina filwaqt li l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem hija moviment ta’ reżistenza għall-okkupazzjoni Iżraeljana.

115    Din il-pożizzjoni hija kkritikata mill-Kunsill, li jsostni li ma tista’ ssir ebda distinzjoni bejn iż-żewġ entitajiet. Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill jiċċita b’mod partikolari, fir-risposta tiegħu, dikjarazzjoni tar-rikorrenti fejn din tippreżenta l-organizzazzjoni tagħha bħala li tinkludi ż-żewġ entitajiet. It-termini ta’ din id-dikjarazzjoni huma s-segwenti (ara l-punt 19 tar-risposta li jirriproduċi l-punti 7 u 8 tar-rikors promotur tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il‑Kunsill (T‑400/10 RENV, taħt appell, EU:T:2018:966)):

“Il-Hamas tinkludi Uffiċċju Politiku u fergħa armata: il-Brigades Ezzedine Al-Qassam [= Hamas IDQ]. L-amministrazzjoni tal-Hamas hija kkaratterizzata mill-fatt li għandha żewġ tmexxijiet: it-tmexxija interna, maqsuma bejn ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, u t-tmexxija esterna li tinsab fis-Sirja […] Għalkemm il-fergħa armata tgawdi minn indipendenza relattiva, hija tibqa’ suġġetta għall-istrateġiji ġenerali mfassla mill-Uffiċċju Politiku. L-Uffiċċju Politiku jieħu d-deċiżjonijiet, u l-Brigades josservawhom minħabba s-solidarjetà qawwija li hija r-riżultat tal-element reliġjuż tal-moviment.”

116    Din id-dikjarazzjoni għandha saħħa probatorja sinjifikattiva peress li, minn naħa, kif jenfasizza l-Kunsill, saret mir-rikorrenti stess u peress li, min-naħa l-oħra, ma ġietx sussegwentement ikkontestata mir-rikorrenti, permezz ta’ elementi tanġibbli u konkreti.

117    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma użatx il-possibbiltà li għandha taħt l-Artikolu 83(2) tar-Regoli tal-Proċedura li tikkompleta l-proċess wara li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont il-paragrafu 1 tal-istess dispożizzjoni, li ma kienx meħtieġ it-tieni skambju ta’ noti.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġu ddeterminati l-effetti tat-tweġiba mogħtija għall-ewwel motiv fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ma jistax jitqies li l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem hija organizzazzjoni distinta mill-Hamas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2015, Bank of Industry and Mine vs Il‑Kunsill, T‑10/13, EU:T:2015:235, punti 182, 183 u 185, u tad-29 ta’ April 2015, National Iranian Gas Company vs Il‑Kunsill, T‑9/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:236, punti 163 u 164).

119    Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, filwaqt li l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi kienu ilhom diversi snin li ttieħdu fil-konfront tagħha, il-Hamas ma pprovatx turi lill-Kunsill li hija bl-ebda mod ma kienet involuta fl-atti li wasslu għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri billi tiddistakka ruħha, b’mod li jelimina kull eżitazzjoni, mill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem, li, fil-fehma tagħha, kienet l-unika organizzazzjoni responsabbli għal dawn l-atti.

120    Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq u bla ħsara għall-eżami tal-argumenti msemmija fil-punti 107, 109 u 110 iktar ’il fuq, il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

121    Is-sitt motiv huwa maqsum fi tliet partijiet.

 Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv

122    Kif diġà ġie osservat fil-punt 107 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill, fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, kien imissu indika x-“xhieda serja u kredibbli” li fuqhom kienu bbażati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti.

123    Il‑Kunsill iqis li dan l-argument ma huwiex fondat.

124    Fid-dawl tal-punt 77 iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi eżaminat biss fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Home Secretary.

125    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-motiv huwa żbaljat fil-fatt. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, fil-punt 14 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill indika diversi fatti li jservu ta’ bażi għad-deċiżjoni tal-Home Secretary.

126    Fi kwalunkwe każ, l-argument huwa infondat.

127    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-listi ta’ ffriżar ta’ fondi għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew fuq elementi tal-fajl li juru li ttieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti fil-konfront tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati, irrispettivament minn jekk din tkunx tikkonċerna l-ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni għal att terroristiku, jew għat-tentattiv ta’, għall-parteċipazzjoni fi jew għall-iffaċilitar ta’ tali att, “ibbażat[i] fuq xhieda serja u kredibbli”, jew jekk tkunx tikkonċerna kundanna għal tali fatti.

128    Mill-istruttura ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rekwiżit li l-Kunsill jivverifika, qabel jinkludi l-isem ta’ persuni jew ta’ entitajiet fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet kompetenti, li dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati “fuq xhieda serja u kredibbli” jikkonċerna biss id-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni, u mhux id-deċiżjonijiet dwar kundanna.

129    Id-distinzjoni magħmula b’dan il-mod bejn iż-żewġ tipi ta’ deċiżjoni tirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri, prinċipju li jkopri l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u li bis-saħħa tiegħu l-Kunsill għandu jibbaża l-inklużjoni ta’ persuni jew ta’ entitajiet terroristiċi fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi fuq deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali mingħajr ma jkollu għalfejn, u saħansitra mingħajr ma jkun jista’, idaħħalhom inkwistjoni.

130    Iddefinit b’dan il-mod, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali japplika għad-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ kundanna, bil-konsegwenza li l-Kunsill ma għandux għalfejn jivverifika, qabel ma jinkludi l-isem ta’ persuni jew ta’ entitajiet fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi, li dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq provi jew fuq indizji serji u kredibbli u li l-Kunsill għandu joqgħod, fuq dan il-punt, fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-awtorità nazzjonali.

131    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet nazzjonali dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet, dawn jinsabu, min-natura tagħhom, fil-punt tat-tluq jew fil-kors tal-iżvolġiment ta’ proċedura li tkun għadha ma ntemmitx. Sabiex tiġi żgurata n-natura effettiva tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, tqies li jkun utli li l-Kunsill, sabiex jadotta miżuri restrittivi, ikun jista’ jibbaża ruħu fuq tali deċiżjonijiet, anki jekk ikunu biss ta’ natura preparatorja, filwaqt li ġie previst, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri, li dan l-użu għandu jkun suġġett għall-verifika, mill-Kunsill, li dawn il-proċeduri jkunu bbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli.

132    F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Home Secretary hija definittiva fis-sens li ma għandhiex tiġi segwita minn investigazzjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tweġiba mogħtija mill-Kunsill għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, l-għan ta’ din id-deċiżjoni huwa li tipprojbixxi lir-rikorrenti fir-Renju Unit, b’konsegwenzi kriminali għall-persuni li jrawmu, mill-qrib jew mill-bogħod, relazzjoni mar-rikorrenti.

133    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni tal-Home Secretary ma tikkostitwixxix deċiżjoni li tiftaħ investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet, iżda għandha tiġi assimilata ma’ deċiżjoni ta’ kundanna, b’tali mod li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill ma kellux għalfejn jindika, fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-provi u l-indizji serji li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità.

134    F’dan id-dawl, il-fatt li l-Home Secretary jikkostitwixxi awtorità amministrattiva huwa irrilevanti sa fejn, kif jirriżulta mill-punti 86 u 87 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju u sa fejn, għaldaqstant, għandu jitqies li huwa l-ekwivalenti ta’ awtorità ġudizzjarja.

135    Peress li ma huwiex meħtieġ li jiġu indikati, lanqas ma huwa meħtieġ, a fortiori, li dawn il-fatti jiġu pprovati mill-Kunsill.

136    Għaldaqstant, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat talli ma indikax, fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, ix-“xhieda serja u kredibbli” li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Home Secretary u lanqas ma jista’ jiġi kkritikat talli ma ressaqx provi tagħhom.

137    Għaldaqstant, l-ewwel parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tas-sitt motiv

138    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta jkun għadda perijodu ta’ żmien kunsiderevoli bejn id-deċiżjoni nazzjonali li serviet ta’ bażi għall-inklużjoni inizjali u l-adozzjoni tal-atti li jżommu din l-inklużjoni, il-Kunsill, sabiex jikkonkludi li għad hemm ir-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, ma jistax sempliċement jikkonstata li l-imsemmija deċiżjoni għadha fis-seħħ, iżda għandu jwettaq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali iktar reċenti, li juru li l-imsemmi riskju għadu jeżisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 54 u 55, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punti 32 u 33).

139    Mill-istess ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-iktar elementi fattwali reċenti li fuqhom hija bbażata ż-żamma tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-listi tal-iffriżar ta’ fondi jistgħu joħorġu minn sorsi li ma jkunux deċiżjonijiet nazzjonali adottati minn awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 72, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 50).

140    F’dan il-każ, id-deċiżjoni inizjali tal-Home Secretary ingħatat fl-2001, filwaqt li l-atti kkontestati ġew adottati f’Marzu u f’Lulju 2018.

141    Peress li hemm perijodu ta’ sbatax-il sena bejn id-deċiżjoni inizjali tal-Home Secretary u l-atti kkontestati, il-Kunsill, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 138 iktar ’il fuq, ma setax sempliċement jikkonstata li d-deċiżjoni tal-Home Secretary kienet għadha fis-seħħ, mingħajr ma jsemmi elementi iktar reċenti li juru li kien għadu jeżisti r-riskju ta’ involviment min-naħa tar-rikorrenti f’attivitajiet terroristiċi.

142    Tali elementi iktar reċenti ngħataw mill-Kunsill fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati.

143    B’hekk, fil-punt 15 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill irrefera għal żewġ fatti inkonnessjoni mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Home Secretary li kienet inżammet f’Settembru 2016.

144    Barra minn hekk, fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati l-Kunsill semma tlettax-il fatt inkonnessjoni mal-klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala organizzazzjoni terroristika barranija mill-awtoritajiet Amerikani. Dawn il-fatti huma deskritti kif ġej:

–        “[I]l-Hamas ħadet responsabbiltà għal attentat suwiċida mwettaq f’Settembru 2003 li matulu nqatlu disa’ suldati tal-armata Iżraeljana u ndarbu tletin persuna fil-madwar tal-isptar Assof Harofeh u tal-bażi militari ta’ Tzrifin (l-Iżrael);

–        f’Jannar 2004, f’Ġerusalem, kamikażi qered karozza tal-linja fil-viċinanzi tar-residenza tal-Prim Ministru, u qatel ħdax-il persuna ċivili filwaqt li darab tletin persuna oħra; il-Hamas u l-Brigada tal-Martri ta’ Al-Aqsa ħadu responsabbiltà konġunta għal dan l-att;

–        f’Jannar 2005, numru ta’ terroristi skattaw tagħmir esplussiv min-naħa Palestinjana tal-punt ta’ mogħdija ta’ Karni, u fetħu passaġġ li ppermetta lil numru ta’ rġiel Palestinjani armati jidħlu fil-parti Iżraeljana; dawn l-irġiel qatlu sitt persuni ċivili Iżraeljani u darbu ħamsa oħra; il-Hamas u l-Brigada tal-Martri ta’ Al-Aqsa ħadu responsabbiltà konġunta għal dan l-att;

–        f’Jannar 2007, il-Hamas ħadet responsabbiltà għall-ħtif ta’ tliet minuri fil-Medda ta’ Gaża;

–        f’Jannar 2008, sniper Palestinjan fil-Medda ta’ Gaża qatel volontarju Ekwadorjan ta’ 21 sena filwaqt li kien qiegħed jaħdem fl-għelieqi tal-Kibbutz Ein Hashlosha (l-Iżrael); il-Ħamas ħadet responsabbiltà għal dan l-att;

–        fi Frar 2008, kamikażi tal-Hamas qatel mara anzjana u darab tmienja u tletin persuna oħra f’ċentru kummerċjali f’Dimona (l-Iżrael); pulizija qatel terrorist ieħor qabel ma kellu l-opportunità jiskatta ċ-ċinturin bl-isplussivi tiegħu; il-Hamas iddeskriviet dan l-attentat bħala ‘erojku’;

–        fl-14 ta’ Ġunju 2010, f’Hebron (ix-Xatt tal-Punent), numru ta’ persuni armati fetħu n-nar fuq karozza tal-pulizija, u qatlu pulizija filwaqt li darbu lil tnejn oħra; azzjoni konġunta mis-Servizz tas-Sigurtà Iżraeljan, mill-pulizija Iżraeljana u mit-Tsahal wasslet għall-arrest ta’ dawn il-persuni fit-22 ta’ Ġunju 2010; matul l-interrogazzjonijiet, l-iskwadra tal-Hamas responsabbli għall-attakk indikat li l-membri tagħha kienu tħarrġu diversi snin qabel u li kienu akkwistaw numru ta’ armi, inklużi armi Kalachnikov u armi oħra użati għal attakki; matul dawn l-interrogatorji, irriżulta li l-iskwadra kienet qiegħda tippjana li twettaq azzjonijiet oħra, b’mod partikolari l-ħtif ta’ suldat u ta’ persuna ċivili fil-Blokk Etzion fit-Tramuntana tal-muntanja Ħebron;

–        f’April 2011, il-Hamas sparat missila Kornet li laqtet karozza tal-linja tal-iskola Iżraeljana, li darbet b’mod gravi student ta’ sittax-il sena u li darbet b’mod ħafif lis-sewwieq tal-karozza tal-linja; il-kariga splussiva użata f’dan l-attakk kienet biżżejjed sabiex tgħaddi mill-korrazza ta’ tank tal-gwerra modern;

–        fl-20 ta’ Awwissu 2011, persuni armati sparaw rokits fuq l-abitanti ta’ Ofakim (l-Iżrael), u darbu żewġ minuri u persuna ċivili oħra; il-Hamas ħadet responsabbiltà għal dan l-att;

–        fis-7 ta’ Lulju 2014, il-Hamas ħadet responsabbiltà għall-isparar ta’ rokits fuq l-ibliet Iżraeljani ta’ Ashdod, ta’ Ofakim, ta’ Ashkelon u ta’ Netivot;

–        f’Awwissu 2014, il-Hamas ħadet responsabbiltà għall-ħtif u għall-assassinju, f’Ġunju 2014, ta’ tliet adoloxxenti Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent;

–        f’Novembru 2014, il-Hamas ħadet responsabbiltà għall-attakk b’karozza li saqet fuq grupp ta’ persuni fit-triq f’Ġerusalem;

–        f’April 2016, il-Hamas ħadet responsabbiltà għal attakk b’bomba fuq karozza tal-linja f’Ġerusalem li ħalla tmintax-il persuna midruba.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

145    Kif diġà ġie indikat fil-punti  109 u 110 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill talli ma indikax jekk il-fatti li seħħew bejn Lulju 2014 u April 2016 kinux joħorġu minn deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali jew minn sors ieħor.

146    Skont ir-rikorrenti, l-identifikazzjoni tas-sors tal-fatt iċċitat hija importanti għaliex tiddetermina l-mod ta’ prova li għandu jintuża mill-Kunsill. Fil- każ li l-fatt iċċitat joħroġ minn deċiżjoni nazzjonali, din l-istituzzjoni jkollha tipprova li din id-deċiżjoni toriġina minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, filwaqt li, fil-każ li dan il-fatt joħroġ minn sors ieħor, il-Kunsill ikun jista’ jipproduċi l-prova b’mod liberu.

147    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 71 tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), u fil-punt 49 tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra ż-żamma ta’ isimha fil-lista kontenzjuża, il-persuna jew l-entità kkonċernata setgħet tikkontesta l-elementi kollha li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu sabiex jistabbilixxi li kien għad hemm ir-riskju ta’ involviment min-naħa tagħha f’attivitajiet terroristiċi, u dan irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk dawn l-elementi kinux misluta minn deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew minn sorsi oħra.

148    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati u l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali tagħhom (sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 71, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 49).

149    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-elementi użati mill-Kunsill sabiex jistabbilixxi li kien għad hemm ir-riskju ta’ involviment f’attivitajiet terroristiċi u li joħorġu minn deċiżjonijiet nazzjonali għandhom jiġu pprovati bl-istess mod bħal dawk li joħorġu minn sorsi oħra.

150    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kunsill ma huwiex meħtieġ jindika, fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, is-sors tal-elementi invokati sabiex tinżamm l-inklużjoni ta’ persuna jew ta’ entità f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi u li, għalhekk, jekk dan l-element joħroġ minn deċiżjoni nazzjonali, il-Kunsill ma huwiex meħtieġ jipprova li din toriġina minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

151    Fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, għandu barra minn hekk jitfakkar li din tikkonċerna l-inklużjoni tal-isem ta’ persuni jew ta’ entitajiet fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi, u mhux iż-żamma ta’ din l-inklużjoni, li, min-naħa tagħha, hija rregolata mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Għaldaqstant, hija ma tistax tiġi invokata sabiex il-Kunsill jiġi obbligat jindika s-sors tal-fatti li fuqhom jibbaża l-inklużjoni mill-ġdid tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi.

152    Għaldaqstant, it-tieni parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti tas-sitt motiv

153    Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni ta’ att għandha tesprimi għażla tal-istituzzjoni stess. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk għaliex il-Kunsill, sabiex jimmotiva l-atti kkontestati, wettaq sempliċement riproduzzjoni diretta ta’ dokumenti ppubblikati fuq l-internet. Dan jgħodd b’mod partikolari għad-deskrizzjonijiet tal-proċeduri nazzjonali.

154    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni huwa, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’difett li jippermettilha tikkontesta l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Il‑Kunsill vs Bank Saderat Iran, C‑200/13 P, EU:C:2016:284, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tindikax ir-raġunijiet għaliex ir-riproduzzjoni mill-Kunsill ta’ dokumenti ppubblikati fuq l-internet, jekk jitqies li din verament twettqet, ipprekludiet li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati tissodisfa dawn l-għanijiet.

156    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li kien hemm ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għas-sempliċi raġuni li l-Kunsill irriproduċa estratti minn dokumenti ppubblikati fuq l-internet.

157    It-tielet parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

158    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq “żbalji dwar il-materjalità tal-fatti”

159    Fil-motiv tagħha bbażat fuq “żbalji dwar il-materjalità tal-fatti”, ir-rikorrenti tikkritika l-fatti msemmija mill-Kunsill fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati għar-raġuni li huma deskritti b’mod impreċiż ħafna, għar-raġuni li ma humiex stabbiliti u għar-raġuni li ilhom wisq li ġraw sabiex jiġġustifikaw iż-żamma tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kontenzjużi.

160    Dan il-motiv għandu jiġi eżaminat biss sa fejn jikkonċerna l-fatti li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill sabiex iżomm l-isem tar-rikorrenti fil-listi kontenzjużi. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tas-sitt motiv, il-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Home Secretary la għandhom jiġu indikati fl-atti kkontestati u lanqas ma għandhom jiġu pprovati mill-Kunsill.

161    Sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi, il-Kunsill, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 138 iktar ’il fuq, ibbaża ruħu fuq diversi fatti li huwa semma fl-annessi mehmuża mal-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati.

162    Dawn il-fatti huma, minn naħa, dawk imsemmija mill-Kunsill inkonnessjoni mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid li seħħet fir-Renju Unit f’Settembru 2016 (punt 15 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati) u, min-naħa l-oħra, dawk imsemmija inkonnessjoni mad-deċiżjonijiet li fihom ir-rikorrenti ġiet ikklassifikata bħala organizzazzjoni terroristika barranija mill-awtoritajiet Amerikani (punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati).

163    Fir-rigward tal-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill indika li, fir-Renju Unit, il-projbizzjoni tar-rikorrenti kienet is-suġġett, f’Settembru 2016, ta’ eżami mill-ġdid mill-grupp interministerjali responsabbli għall-eżami mill-ġdid tal-projbizzjonijiet u li dan kien ikkonkluda li l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem kienet għadha involuta fit-terroriżmu fuq il-bażi ta’ żewġ fatti:

–        fil-kuntest tal-kunflitt bejn Iżrael u Gaża fis-sajf tal-2014, sitt persuni ċivili Iżraeljani u ċittadin Tajlandiż kienu nqatlu minħabba attakki b’rokit u bastiment tal-kruċieri Ġermaniż kien intlaqat minn attakki b’rokits;

–        il-Hamas użat il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali sabiex twissi, fost oħrajn, lill-kumpanniji tal-ajru tar-Renju Unit li kienet qiegħda tippjana li tattakka l-ajruport Ben Gourion f’Tel Aviv (l-Iżrael), attakki li seta’ jkollhom vittmi ċivili, u l-Hamas effettivament ipprovat tattakka l-ajruport f’Lulju 2014.

164    Fir-rigward tal-fatti msemmija fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, dawn ġew riprodotti fil-punt 144 iktar ’il fuq.

165    F’sitwazzjoni fejn elementi fattwali reċenti jkunu ġew ipprovduti sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-qorti tal-Unjoni kienet meħtieġa tivverifika, b’mod partikolari, minn naħa, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni ta’ jekk il-motivi kinux issostanzjati (sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 70, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 48).

166    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u tal-kritika mressqa mir-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatti msemmija fil-punt  15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati humiex immotivati suffiċjentement u jekk il-materjalità tagħhom hijiex stabbilita.

 Fuq il-motivazzjoni tal-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati

167    Ir-rikorrenti ssostni li l-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati huma evokati b’mod impreċiż wisq sa fejn la huma marbuta ma’ data u lanqas ma’ post, sa fejn ma huwiex indikat kif jistgħu jiġu attribwiti lill-Hamas jew lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem u sa fejn il-Kunsill ma jindikax kif il-fatti attribwiti lil tat-tieni jistgħu jiġu imputati wkoll lil tal-ewwel.

168    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni hija meħtieġa tivverifika, b’mod partikolari, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati (sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 70, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 48).

169    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuna kkonċernata tidentifika l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-qafas kollu ta’ dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53, u tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 82).

171    B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat suffiċjentement meta jaqa’ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 54, u tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 82).

172    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti msemmija, minn naħa, fil-punt 15 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati (ara l-punt 163 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, fil-punt 17 tal-Anness B ta’ din l-espożizzjoni (ara l-punt 144 iktar ’il fuq) huma, minn tal-inqas, marbuta ma’ data fir-rigward tas-sena, fir-rigward tax-xahar u anki fir-rigward tal-jum ta’ meta seħħew.

173    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dawn il-fatti seħħew f’kuntest magħruf mir-rikorenti sa fejn seħħew, jew huma meqjusa li seħħew, f’territorju wieħed jew iktar magħruf sew minnha, fejn għandha membri li jistgħu jgħaddulha kull element ta’ informazzjoni utli għall-identifikazzjoni tagħhom.

174    Fl-aħħar nett, għall-parti l-kbira ta’ dawn il-fatti, it-tip ta’ attakk imwettaq kif ukoll l-identità tal-vittimi huma speċifikati, li jkompli jiffaċilita l-identifikazzjoni tal-fatti kkonċernati.

175    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati huma deskritti b’mod suffiċjentement preċiż u konkret sabiex jiġu kkontestati mir-rikorrenti u mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali.

176    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fis-sens li dawn il-fatti ma kellhomx jiġu imputati, fir-rigward tal-Hamas, lill-fergħa politika tal-organizzazzjoni, jew lill-moviment ta’ reżistenza Hamas-Izz al-Din al-Qassem, dan l-argument huwa ineffettiv sa fejn, kif jirriżulta mill-punti 116 sa 118 iktar ’il fuq, dawn iż-żewġ entitajiet għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-istess organizzazzjoni waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

177    Għaldaqstant, għandu jitqies li l-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati huma suffiċjentement motivati.

 Fuq il-materjalità tal-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati

178    Skont ir-rikorrenti, il-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A (ara l-punt 163 iktar ’il fuq) u fil-punt 17 tal-Anness B (ara l-punt 144 iktar ’il fuq) tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati ma jistgħux iservu ta’ bażi għall-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi. Fl-ewwel lok, dawn il-fatti, b’mod partikolari dawk li huma preċedenti għas-sena 2009, ilhom wisq żmien li seħħew sabiex jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti f’dawn il-listi. Fit-tieni lok, dawn il-fatti ma humiex stabbiliti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Hamas ma kinitx ħadet responsabbiltà għall-fatti ta’ Awwissu 2014, ta’ Novembru 2014 u ta’ April 2016 imsemmija fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati u li l-fatt tas-7 ta’ Lulju 2014, imsemmi fl-istess punt, għandu jitqies fid-dawl tal-gwerra li kien hemm f’Gaża fl-2014.

179    Il‑Kunsill jikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

180    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq iż-żmien li għadda minn meta seħħew il-fatti, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 33 tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li perijodu ta’ żmien ta’ disa’ snin kien għadda bejn, minn naħa, l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet nazzjonali li servew ta’ bażi għall-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi u din l-inklużjoni inizjali u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tal-atti li jżommu l-isem tar-rikorrenti f’dik il-kawża fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill kellu jibbaża ruħu fuq elementi iktar reċenti.

181    Għal raġunijiet analogi, għandu jitqies, kif tqis ir-rikorrenti, li, f’dan il-każ, l-ewwel sitt fatti msemmija fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati (ara l-punt 144 iktar ’il fuq), li seħħew bejn l-2003 u l-2008, jiġifieri iktar minn disa’ snin qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, huma antiki wisq sabiex jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi.

182    Fir-rigward tad-data tagħhom, is-seba’ fatti l-oħra msemmija fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati jistgħu jinqasmu f’żewġ gruppi, jiġifieri dawk li seħħew fl-2010 u 2011 u dawk li seħħew bejn l-2014 u l-2016. Ma’ dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu wkoll il-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A, li seħħew fl-2014.

183    Fost dawn il-fatti, il-Qorti Ġenerali tqis li t-tliet fatti li seħħew fl-2010 u fl-2011, imsemmija fis-seba’, fit-tmien u fid-disa’ post fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, huma wkoll antiki wisq sabiex jiġġustifikaw iż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi, li saru fl-2018. Fid-dawl tar-rekwiżit stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja li jiġu stabbiliti elementi “iktar reċenti” li jservu bħala bażi għaż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem persuna jew entità fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi, għandu jitqies li differenza ta’ seba’ jew tmien snin ma hijiex fundamentalment differenti minn differenza ta’ disa’ snin, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li kienet kbira wisq fis-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, EU:C:2017:584).

184    Minn dan jirriżulta li huma biss l-aħħar erba’ fatti msemmija fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati u ż-żewġ fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A, li kollha seħħew fl-2014 jew fl-2016, li huma suffiċjentement reċenti sabiex iservu ta’ bażi għall-atti kkontestati.

185    Għalhekk, huwa biss fir-rigward ta’ dawn is-sitt fatti li għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-insuffiċjenza tal-provi prodotti mill-Kunsill.

186    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta tikkontesta l-provi prodotti minn parti, il-parti l-oħra għandha tissodisfa żewġ rekwiżiti li huma ta’ natura kumulattiva.

187    Fl-ewwel lok, il-kontestazzjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu ta’ natura ġenerali, iżda għandhom ikunu ta’ natura konkreta u ddettaljata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Duravit et vs Il-Kummissjoni, T‑364/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:477, punt 55).

188    Fit-tieni lok, il-kontestazzjonijiet dwar il-materjalità tal-fatti għandhom jinsabu b’mod ċar fl-ewwel att proċedurali dwar l-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ April 2015, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑190/12, EU:T:2015:222, punt 261).

189    L-għan ta’ dawn ir-rekwiżiti huwa li jippermettu lill-konvenut jifhem bi preċiżjoni, sa mill-istadju tar-rikors, il-kritika magħmula fil-konfront tiegħu mir-rikorrent u li b’hekk ikun jista’ jipprepara debitament ir-risposta tiegħu.

190    F’dan il-każ, il-kritika dwar il-fatti ta’ Awwissu u ta’ Novembru 2014, imsemmija fil-ħdax u fit-tnax-il post fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, hija konkreta biżżejjed sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

191    Fil-fatt, fir-rigward tal-fatt ta’ Awwissu 2014, fil-punt 98 tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni, filwaqt li tippreżenta dokument insostenn ta’ dan, dan li ġej:

“[…] il-Hamas qatt ma organizzat u qatt ma ħadet responsabbiltà għal dan il-ħtif. Kien il-Gvern Iżraeljan li attribwilha, mingħajr ebda bażi fil-verità, responsabbiltà għal dan l-att traġiku sabiex jiġġustifika l-intervent militari tiegħu f’Gaża fl-2014. Sussegwentement, diversi atturi li għandhom awtorità partikolari, bħall-ex kap tax-Shin Bet, Yuval Diskin, ikkontradixxew l-analiżi tal-Gvern Iżraeljan fl-istampa filwaqt li sostnew li l-persuni responsabbli kienu aġixxew b’mod iżolat u f’isimhom stess.”

192    Bl-istess mod, fir-rigward tal-fatt ta’ Novembru 2014, fil-punt 99 tar-rikors, ir-rikorrenti tiddikjara, filwaqt li tippreżenta dokument insostenn ta’ dan, dan li ġej:

“[…] il-Hamas qatt ma ħadet responsabbiltà għal dan l-attakk u, skont il-korrispondent tal-ġurnal Le Monde, l-attakki ta’ dan it-tip, u b’mod partikolari dak ta’ Novembru 2014, twettqu minn Palestinjani ‘iżolati’ li jirreżistu fuq inizjattiva tagħhom stess l-‘approċċ purament ta’ sigurtà’.”

193    Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-fatt ta’ April 2016, imsemmi fit-tlettax-il post fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, ir-rikorrenti ssostni biss, fil-punt 99 tar-rikors, li l-“Hamas qatt ma organizzat u qatt ma ħadet responsabbiltà għall-attakki b’bomba fl-2016, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill”.

194    Fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punt 187 iktar ’il fuq, din il-kritika hija wisq ġenerali sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

195    Fir-rigward tal-fatt tas-7 ta’ Lulju 2014, imsemmi fl-għaxar post fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, fil-punt 100 tar-rikors ir-rikorrenti ssostni li l-allegazzjonijiet tal-Kunsill “għandhom jitqiesu fid-dawl ta’ dak li diġà ntqal fir-rigward tal-gwerra ta’ Gaża tal-2014, u a fortiori fir-rigward tal-imputazzjoni tagħhom lill-fergħa politika tal-Hamas”.

196    Sa fejn hija marbuta mal-kwistjoni ta’ jekk fatt li jseħħ fil-kuntest ta’ kunflitt armat jistax jiġi kklassifikat bħala att terroristiku u mhux mal-kwistjoni ta’ jekk il-fatt ikkonċernat seħħx jew le jew jekk jistax jiġi imputat lir-rikorrenti, din il-kritika ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fil-kuntest tat-tielet motiv.

197    Iż-żewġ fatti b’data fl-2014, imsemmija fil-punt 15 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, ma kinux is-suġġett ta’ kontestazzjoni konkreta u ddettaljata.

198    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fost is-sitt fatti li seħħew fl-2014 u 2016, huma biss dawk ta’ Awwissu u ta’ Novembru 2014 li ġew ikkritikati b’mod validu.

199    Madankollu, din il-kritika hija ineffettiva sa fejn l-erba’ fatti l-oħra, jiġifieri l-fatti tal-2014 msemmija fil-punt 15 tal-Anness A tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati kif ukoll il-fatti tas-7 ta’ Lulju 2014 u ta’ April 2016 imsemmija fl-għaxar u fit-tlettax-il post fil-punt 17 tal-Anness B, ma ġewx ikkritikati b’mod validu mir-rikorrenti u sa fejn huma fi kwalunkwe każ suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw iż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi.

200    Bla ħsara għall-eżami tal-argument imsemmi fil-punt 196 iktar ’il fuq, it-tieni motiv għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-natura terroristika tar-rikorrenti

201    Ir-rikorrenti tqis li, meta adotta l-atti kkontestati, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni sa fejn ikklassifika l-fatti meħuda inkunsiderazzjoni minnu fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati bħala atti terrorsitiċi u sa fejn ikklassifikaha bħala organizzazzjoni terroristika.

202    Mill-argumenti tar-rikorrenti jirriżulta li din il-kritika tikkonċerna kemm il-fatti li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti li servew ta’ bażi għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi u kemm il-fatti li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ din l-inklużjoni u li jissemmew fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati.

203    Sabiex tingħata tweġiba għal dan il-motiv, għandha ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ fatt.

 Fir-rigward tal-fatti li servew ta’ bażi għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill sabiex jinkludi isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi

204    Minħabba t-tweġiba mogħtija għall-ewwel motiv, din l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi eżaminata biss sa fejn tikkonċerna l-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Home Secretary.

205    Fir-rigward ta’ dawn il-fatti, għandu jitfakkar li, bi tweġiba għall-ewwel parti tas-sitt motiv, ġie deċiż, fil-punt 133 iktar ’il fuq, li dawn il-fatti ma kellhomx għalfejn jiġu indikati mill-Kunsill fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati.

206    Għaldaqstant, din l-istituzzjoni ma tistax tkun meħtieġa tivverifika l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti magħmula mill-awtorità nazzjonali u tindika, fl-atti kkontestati, ir-riżultat ta’ din il-klassifikazzjoni.

207    Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni tal-Home Secretary toriġina minn Stat Membru li fir-rigward tiegħu l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 stabbilixxew forma ta’ kooperazzjoni speċifika mal-Kunsill li timplika, għal din l-istituzzjoni, l-obbligu li sa fejn ikun possibbli joqgħod fuq l-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti (sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 133, u tal-4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑284/08, EU:T:2008:550, punt 53).

208    Għaldaqstant, il-kritika mir-rikorrenti fir-rigward tal-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Home Secretary hija ineffettiva.

 Fir-rigward tal-fatti invokati mill-Kunsill sabiex iżomm isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi u msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati

209    Fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill ikklassifika, minn naħa, il-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3)(iii)(a), (d), (f), (g) u (i) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(i) u (ii) tal-istess pożizzjoni komuni u, min-naħa l-oħra, il-fatti msemmija fil-punt 17 tal-Anness B bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3)(iii)(a), (b), (c) u (f) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(i) u (ii) tal-istess pożizzjoni komuni.

210    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball meta kklassifika l-fatti kkonċernati bħala atti terroristiċi. L-ewwel nett, il-fatt li l-atti inkwistjoni kollha seħħew fil-kuntest tal-gwerra ta’ okkupazzjoni mill-Iżrael fil-Palestina kien imissu wasslu sabiex ma jagħmilx din il-klassifikazzjoni fir-rigward tagħha. It-tieni nett, jekk jitqies li dawn il-fatti huma stabbiliti, l-atti li magħhom huma marbuta dawn il-fatti twettqu sabiex jinħeles il-poplu Palestinjan, u mhux bl-għanijiet iċċitati mill-Kunsill u msemmija fl-Artikolu 1(3)(i), (ii) u (iii) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

211    Permezz ta’ dawn l-argumenti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kien imissu ħa inkunsiderazzjoni, meta kklassifika l-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-atti kkontestati, il-fatt li l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina jaqa’ taħt id-dritt dwar il-kunflitti armati u kellu l-għan li jeħles lill-poplu Palestinjan.

212    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali ma jeskludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu, bħalma huma l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001, għall-eventwali atti ta’ terroriżmu mwettqa f’dan il-kuntest (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 57; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, A et, C‑158/14, EU:C:2017:202, punti 95 sa 98).

213    Fil-fatt, minn naħa, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tagħmel ebda distinzjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha skont jekk l-att inkwistjoni twettaqx jew le fil-kuntest ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-għanijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, fil-kuntest ta’ din il-pożizzjoni komuni, huma li jiġi miġġieled it-terroriżmu, irrispettivament mill-forom li jista’ jieħu, konformement mal-għanijiet tad-dritt internazzjonali fis-seħħ (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 58).

214    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kien sabiex tiġi implimentata, fil-livell tal-Unjoni, ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (ara l-punt 1 iktar ’il fuq), li “tafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu miġġielda bil-mezzi kollha, konformement mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ffirmata f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945, it-theddidiet għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali li jirrappreżentaw l-atti ta’ terroriżmu” u li “titlob lill-Istati Membri jikkompletaw il-kooperazzjoni internazzjonali billi jieħdu miżuri supplimentari sabiex jevitaw u jeliminaw fit-territorju tagħhom, permezz tal-mezzi liċiti kollha, il-finanzjament u l-preparazzjoni ta’ kull att ta’ terroriżmu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li l-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ara l-premessi 5 sa 7 ta’ din il-pożizzjoni komuni), u mbagħad, konformement ma’ din il-pożizzjoni komuni, mir-Regolament Nru 2580/2001 (ara l-premessi 3, 5 u 6 ta’ dan ir-regolament) (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 59).

215    Din il-pożizzjoni ma hijiex affettwata mill-argumenti segwenti.

216    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti toġġezzjona li, fis-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202, punt 87), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni dwar il-każ fejn il-kunflitt armat jirriżulta mid-dritt għall-awtodeterminazzjoni, li jikkostitwixxi prinċipju tad-dritt konswetudinarju. Skont ir-rikorrenti, il-klassifikazzjoni bħala atti terroristiċi tal-aġir ta’ moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali, bħalma huma l-Hamas jew il-Hamas-Izz al-Din al-Qassem, li jirreżistu l-okkupazzjoni illegali tat-territorju Palestinjan mill-Istat ta’ Iżrael tmur kontra dan il-prinċipju.

217    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif tindika r-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:2016:973, punt 88), qieset li l-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni mfakkar, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa prinċipju tad-dritt internazzjonali applikabbli għat-territorji kollha li ma humiex awtonomi u għall-popli kollha li għadhom ma kisbux l-indipendenza.

218    Mingħajr ma tittieħed pożizzjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu fil-kawża ineżami, għandu jiġi osservat li dan il-prinċipju ma jimplikax li, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt għal awtodeterminazzjoni, poplu jew l-abitanti ta’ territorju jistgħu jużaw mezzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

219    Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għan li jixtiequ jilħqu poplu jew l-abitanti ta’ territorju u, min-naħa l-oħra, l-aġir implimentat minnhom sabiex jilħqu dan l-għan.

220    Issa, kif diġà ġie indikat fil-punti 212 sa 214 iktar ’il fuq, ir-regoli adottati mill-Unjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu japplikaw għall-forom kollha li jista’ jieħu dan tal-aħħar, irrispettivament mill-għan tal-kunflitt, kemm-il darba jkun adottat aġir li jissodisfa l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti espressi fl-imsemmija punti.

221    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinnega l-intenzjoni li tistabbilixxi Stat Iżlamiku, li ġiet attribwita lilha mill-Kunsill fl-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati u li ġġustifikat l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi.

222    Huwa minnu li, fil-bidu tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, il-Kunsill jafferma:

“Harakat al-Muqawamah al-Islamiyyah (Hamas) huwa grupp li għandu l-għan li jtemm l-okkupazzjoni Iżraeljana fil-Palestina u li joħloq Stat Iżlamiku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

223    Madankollu, mill-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati fl-intier tagħha jirriżulta li ma hijiex din l-affermazzjoni li serviet ta’ bażi għall-inklużjoni jew għall-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi.

224    Kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel, tat-tieni u tas-sitt motivi iktar ’il fuq, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi hija bbażata fuq id-deċiżjoni tal-Home Secretary u l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha fuq iż-żamma fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar, kif ukoll fuq il-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, fil-limiti indikati fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv.

225    Fl-atti kkontestati fl-intier tagħhom, il-frażi enfasizzata mir-rikorrenti għandha biss rwol kuntestwali u n-natura żbaljata tagħha, jekk tiġi stabbilita, ma tistax twassal għall-annullament ta’ dawn l-atti.

226    Għal dawn ir-raġunijiet, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil

227    Ir-rikorrenti ssostni li, bl-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, li jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u li jikkostitwixxi prinċipju ta’ jus cogens li jirriżulta mill-ugwaljanza sovrana tal-Istati fid-dritt internazzjonali. Dan il-prinċipju jipprojbixxi li Stat jew gvern jista’ jitqies li huwa entità terroristika.

228    Issa, il-Hamas ma hijiex sempliċi organizzazzjoni mhux governattiva, u wisq inqas hija moviment informali, iżda hija moviment politiku legali li rebaħ l-elezzjonijiet fil-Palestina u li jikkostitwixxi l-fulkru tal-Gvern Palestinjan. Peress li l-Hamas kellha tokkupa funzjonijiet li jmorru lil hinn mill-funzjonijiet ta’ parti politiku ordinarju, l-atti tagħha f’Gaża huma assimilabbli ma’ dawk ta’ awtorità Statali u għalhekk ma jistgħux jiġu kkundannati mill-perspettiva ta’ miżuri kontra t-terroriżmu. Fost il-persuni u l-entitajiet li isimihom jinsab fil-listi kontenzjużi, ir-rikorrenti hija l-unika waħda li tinsab f’tali sitwazzjoni.

229    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, peress li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza sovrana bejn l-Istati, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, magħruf ukoll bħala l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ intervent, huwa prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jinvolvi d-dritt ta’ kull Stat sovran li jmexxi l-affarijiet tiegħu mingħajr indħil estern.

230    Kif osserva l-Kunsill, dan il-prinċipju ta’ dritt internazzjonali huwa stabbilit favur l-Istati sovrani u mhux favur gruppi jew movimenti (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

231    Peress li la tikkostitwixxi Stat u lanqas gvern ta’ Stat, il-Hamas ma tistax tibbenefika mill-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil.

232    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni minħabba l-mogħdija taż-żmien

233    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill li, għal diversi raġunijiet, ma wettaqx l-eżami previst fl-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 b’mod korrett.

234    Fl-ewwel lok, sabiex iżomm l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi, il-Kunsill sempliċement sostna li d-deċiżjonijiet nazzjonali kienu għadhom fis-seħħ u elenka, fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, sensiela ta’ fatti mingħajr ma vverifika jekk iż-żamma tal-identifikazzjoni tagħha bħala organizzazzjoni terroristika barranija mid-deċiżjoni Amerikana ta’ eżami mill-ġdid tas-27 ta’ Lulju 2012 kinitx issostanzjata permezz ta’ provi u ta’ indizji serji u kredibbli u jekk dawn il-fatti kellhomx jiġu kklassifikati bħala terroristiċi fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

235    Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni Amerikana ta’ eżami mill-ġdid tas-27 ta’ Lulju 2012 hija antika wisq sabiex tiġġustifika ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi u dan ma jistax jiġi rrimedjat permezz tad-deċiżjoni tar-Renju Unit ta’ Settembru 2016, li tikkonċerna biss lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

236    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 138 sa 144 u 161 sa 163 iktar ’il fuq, l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi hija bbażata fuq iż-żamma fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Home Secretary u, fil-limiti indikati fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, fuq il-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati.

237    Sa fejn tikkonċerna d-deċiżjoni Amerikana ta’ eżami mill-ġdid tas-27 ta’ Lulju 2012, il-kritika magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv hija ineffettiva peress li ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi ma hijiex ibbażata legalment fuq din id-deċiżjoni.

238    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-fatti mwettqa bejn l-2014 u l-2016 ma setgħux jiġu imputati lill-Hamas jew lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

239    Peress li din il-kritika diġà ġiet eżaminata fil-kuntest tat-tieni motiv, qiegħed isir riferiment għall-punt 176 iktar ’il fuq.

240    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill li ma ħa inkunsiderazzjoni ebda element favur tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza, minn naħa, li l-Karta tal-Hamas, ippubblikata fl-2017, tibbaża l-azzjoni tagħha fuq il-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tirrikonoxxi l-osservanza tal-fruntieri stabbilti mill-pjan tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1967 u, min-naħa l-oħra, li, skont l-osservaturi, mill-2014 lil hawn, l-atti ta’ vjolenza twettqu minn persuni iżolati, filwaqt li l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem tosserva l-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied.

241    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, wara l-ittri tat-30 ta’ Novembru 2017 u tat-22 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti, minkejja l-istedina li saritilha mill-Kunsill, ma kkuntattjatx lil din l-istituzzjoni sabiex tressaq tali elementi favur tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-istituzzjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħadithomx inkunsiderazzjoni fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati.

242    Fi kwalunkwe każ, mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi hija bbażata b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi fuq iż-żamma fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Home Secretary kif ukoll fuq il-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati, fil-limiti indikati fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv.

243    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

244    Is-seba’ motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti tas-seba’ motiv

245    Fl-ewwel parti tas-seba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tqis li, sa fejn jibbaża ruħu fuq deċiżjonijiet nazzjonali meħuda minn awtorità ta’ Stat terz, il-Kunsill huwa meħtieġ jivverifika li d-drittijiet proċedurali ġew irrispettati b’mod konkret matul il-proċedura nazzjonali li wasslet għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri u li l-Qorti Ġenerali għandha tivverifika li dan l-eżami twettaq.

246    Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, id-drittijiet proċedurali tagħha ma ġewx irrispettati mill-awtoritajiet Amerikani. Fil-fatt, hija ma kienet irċeviet ebda informazzjoni dwar id-deċiżjoni li kienet is-suġġett tagħha fl-Istati Uniti, meta din in-notifika kienet perfettament possibbli sa fejn għandha “stabbilimenti magħrufa” f’Damasku (is-Sirja) u f’Gaża. Għaldaqstant, hija kienet prekluża milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u milli teżerċita d-dritt għal rimedju tagħha. Anki jekk il-leġiżlazzjoni Amerikana kienet tipprevedi rikors ġudizzjarju, in-nuqqas ta’ notifika u ta’ motivazzjoni ppreġudika d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Minn tal-inqas, il-Kunsill kellu jipprova li l-Gvern tal-Istati Uniti pprova jinforma lir-rikorrenti u li dan it-tentattiv ma kienx irnexxa.

247    Fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, bi tweġiba għall-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjonijiet Amerikani ma setgħux iservu b’mod validu bħala bażi għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi u fid-dawl tal-fatt li, min-naħa l-oħra, l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha f’dawn il-listi hija bbażata fuq iż-żamma tad-deċiżjoni tal-Home Secretary u fuq il-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati (ara l-punt 138 sa 144 u 161 sa 163 iktar ’il fuq), u mhux fuq id-deċiżjonijiet li minnhom joħorġu dawn il-fatti, l-ewwel parti tas-seba’ motiv ma tistax tiġi invokata b’mod utli.

 Fuq it-tieni parti tas-seba’ motiv

248    Fit-tieni parti tas-seba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża nkiser mill-Kunsill matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-atti kkontestati, u dan għal tliet raġunijiet.

249    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill li ma kkomunikalhiex il-provi u l-indizji serji li fuqhom kienu bbażati d-deċiżjonijiet Amerikani, b’tali mod li kienet tkun tista’ tressaq il-pożizzjoni tagħha dwar dawn tal-aħħar.

250    Sa fejn, fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjonijiet Amerikani ma setgħux iservu b’mod validu bħala bażi għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi u sa fejn, barra minn hekk, l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isimha f’dawn il-listi hija bbażata fuq iż-żamma tad-deċiżjoni tal-Home Secretary u fuq il-fatti msemmija fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti kkontestati (ara l-punti 138 sa 144 u 161 sa 163 iktar ’il fuq), u mhux fuq id-deċiżjonijiet li minnhom joħorġu dawn il-fatti, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

251    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill li ma kkomunikalhiex, qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, l-informazzjoni u l-provi li jikkonċernaw il-fatti li ma kinux joħorġu minn deċiżjonijiet nazzjonali u li ma semagħhiex fir-rigward ta’ din l-informazzjoni u ta’ dawn il-provi. Hija tqis ukoll li l-Kunsill kien imissu speċifika, fl-ittra tat-30 ta’ Novembru 2017, li r-rikorrenti kienet intitolata titlobhomlu.

252    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza, huwa biss fuq talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa meħtieġ jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punt 92; tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 87, u tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑330/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:601, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

253    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ressqitx tali talba.

254    Fir-rigward tal-fatt li l-ittra tat-30 ta’ Novembru 2017 ma semmietx espliċitament il-possibbiltà għar-rikorrenti li titlob lill-Kunsill jikkomunikalha l-informazzjoni u l-provi dwar il-fatti li ma kinux joħorġu minn deċiżjonijiet nazzjonali, għandu jiġi osservat li din l-ittra semmiet l-indirizz fejn ir-rikorrenti setgħet tibgħat osservazzjonijiet dwar l-intenzjoni tal-Kunsill li jżomm l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi ta’ Marzu 2018. Huwa manifest li hija setgħet tuża dan l-indirizz sabiex titlob l-imsemmija informazzjoni u l-imsemmija provi, iżda hija ma għamlitx dan.

255    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-atti ta’ Marzu 2018 ma jistgħux jiġu annullati għar-raġuni li l-Kunsill ma kkomunikax l-informazzjoni u l-provi dwar il-fatti li ma kinux joħorġu minn deċiżjonijiet nazzjonali.

256    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li l-ittri tat-22 ta’ Marzu u tal-31 ta’ Lulju 2018, li fihom l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, kien imisshom ġew indirizzati lilha, u mhux lill-konsulent tagħha, fid-dawl tal-fatt li għandha stabbilimenti magħrufa f’Damasku u f’Doha (il-Qatar).

257    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-obbligu li motivazzjoni konkreta u preċiża tiġi nnotifikata individwalment lill-persuni u lill-entitajiet li fil-konfront tagħha jiġu adottati miżuri restrittivi huwa intiż essenzjalment li jikkompleta l-pubblikazzjoni ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, liema avviż jindika lill-persuni jew lill-entitajiet ikkonċernati li miżuri restrittivi ġew adottati fil-konfront tagħhom u jistedinhom jitolbu l-komunikazzjoni tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ dawn il-miżuri filwaqt li jipprovdi l-indirizz preċiż fejn tista’ tintbagħat din it-talba. In-notifika individwali lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati ma hijiex, għalhekk, l-uniku mekkaniżmu użat sabiex dawn jiġu informati bil-miżuri meħuda fil-konfront tagħhom (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il‑Kunsill, T‑400/10 RENV, taħt appell, EU:T:2018:966, punt 175).

258    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-obbligu li tiġi nnotifikata individwalment l-espożizzjoni tal-motivi tal-miżuri restrittivi ma japplikax fil-każijiet kollha, iżda biss meta din in-notifika tirriżulta li hija possibbli (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il‑Kunsill, T‑400/10 RENV, taħt appell, EU:T:2018:966, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).

259    Issa, f’dan il-każ, jidher li, saħansitra fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-indirizz tar-rikorrenti għadu ma huwiex magħruf, sa fejn l-uniċi indikazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti lill-Qorti Ġenerali huma biss l-isem ta’ belt u ta’ pajjiż (Doha fil-Qatar u Gaża) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il‑Kunsill, T‑400/10 RENV, taħt appell, EU:T:2018:966, punt 177).

260    Għalhekk, il-Kunsill seta’, minbarra li jippubblika l-avviżi tat-22 ta’ Marzu u tal-31 ta’ Lulju 2018, jibgħat lill-avukat tar-rikorrenti l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati.

261    Fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq in-“nuqqas ta’ awtentifikazzjoni tal-espożizzjonijiet tal-motivi”

262    Fit-tweġiba mogħtija minnha, fid-19 ta’ Marzu 2019, għal mistoqsija li għamlitilha, fl-1 ta’ Marzu ta’ qabel, il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti tqajjem it-tmien motiv, ibbażat fuq “nuqqas ta’ awtentifikazzjoni tal-espożizzjonijiet tal-motivi”.

263    Ir-rikorrenti tosserva li l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati, li ġew ikkomunikati mill-Kunsill lill-avukat tagħha permezz ta’ ittri tat-22 ta’ Marzu u tal-31 ta’ Lulju 2018, ma kinux iffirmati mill-President ta’ din l-istituzzjoni u, għaldaqstant, ma kinux ġew awtentifikati, għall-kuntrarju ta’ dak li jirrikjedi l-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, kif adottati bid-Deċiżjoni 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2009, L 325, p. 35, rettifiki fil-ĠU 2010, L 55, p. 83, fil-ĠU 2019, L 175, p. 38, u fil-ĠU 2017, L 44, p. 8).

264    Ir-rikorrenti ssostni li, fl-assenza ta’ tali awtentifikazzjoni, hija ma tistax tkun ċerta li l-espożizzjonijiet tal-motivi li ġew ikkomunikati lilha jikkorrispondu għal dawk adottati mill-Kunsill.

265    Mingħajr ma jinvoka l-inammissibbiltà ta’ dan il-motiv, il-Kunsill jikkonstata, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tmien motiv, li kien biss fi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti qajmet dan il-motiv u li r-rikorrenti la kienet invokatu fir-rikors u lanqas fin-nota ta’ adattament tar-rikors.

266    F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li joħorġu fil-mori tal-kawża.

267    F’dan il-każ, it-tmien motiv tqajjem mir-rikorrenti fl-istadju ta’ tweġiba mogħtija għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, meta seta’ jiġi invokat fl-istadju tar-rikors. Huwa għandu għalhekk jitqies li huwa inammissibbli.

268    Madankollu, il-Qorti Ġenerali f’kull mument tista’, ex officio, wara li jinstemgħu l-partijiet, tiddeċiedi dwar motiv ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

269    Peress li l-assenza ta’ awtentifikazzjoni tikkostitiwxxi ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 76), it-tmien motiv għandu n-natura ta’ motiv ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, u tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et, C‑265/97 P, EU:C:2000:170, punt 114), b’tali mod li għandu jiġi eżaminat.

270    Fuq il-mertu, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE jiddikjara dan li ġej:

“L-atti mhux leġislattivi adottati fl-għamla ta’ regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet, meta dawn ma jindikawx destinatarju, għandhom ikunu ffirmati mill-Presidenti ta’ l-istituzzjoni li tkun adottathom.”

271    Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill jipprevedi:

“It-test tal-atti adottati […] mill-Kunsill, għandhom jiġu ffirmati mill-President-in-Kariga fil-ħin tal-adozzjoni tagħhom u mis-Segretarju-Ġenerali. Is-Segretarju-Ġenerali jista’ jiddelega s-setgħa tiegħu li jiffirma lid-Diretturi-Ġenerali tas-Segretarjat Ġenerali.”

272    Fis-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 75), iċċitata mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea, li l-awtentifikazzjoni prevista fir-Regoli ta’ Proċedura ta’ din l-istituzzjoni kellha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali billi tistabbilixxi, fil-lingwi awtentiċi, it-test adottat mill-kulleġġ.

273    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtentifikazzjoni prevista fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni tippermetti li tiġi vverifikata, f’każ ta’ kontestazzjoni, il-korrispondenza perfetta tat-testi nnotifikati jew ippubblikati mat-test adottat mill-istituzzjoni u, bl-istess mod, mar-rieda tal-awtur ta’ dawn it-testi (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 75).

274    Minn dan isegwi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-awtentifikazzjoni meħtieġa mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni tikkostitwixxi, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, rekwiżit formali essenzjali li l-ksur tiegħu jista’ jagħti lok għal rikors għal annullament (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 76).

275    Dawn ir-regoli, stabbiliti fis-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punti 75 u 76), fir-rigward ta’ atti tal-Kummissjoni, għandhom jiġu trasposti għall-atti tal-Kunsill.

276    Bħal fir-rigward tal-atti tal-Kummissjoni, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li t-terzi għandu jkollhom mezz sabiex jivverifikaw li l-atti tal-Kunsill li jiġu ppubblikati jew innotifikati jikkorrispondu għal dawk li ġew adottati.

277    Dan jgħodd ukoll minkejja li, b’differenza mill-Kummissjoni, il-Kunsill ma jikkostitwixxix kulleġġ. Fil-fatt, fis-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, EU:C:1994:247), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha b’mod partikolari, sabiex tiġġustifika l-obbligu li l-atti jiġu awtentifikati, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, billi tkun possibbli l-verifika, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tal-korrispondenza perfetta tat-testi nnotifikati jew ippubblikati mat-test adottat mill-istituzzjoni. Issa, iċ-ċertezza legali hija prinċipju ġenerali tad-dritt li japplika għall-istituzzjonijiet kollha, b’mod partikolari meta, kif huwa l-każ hawnhekk, huma jadottaw atti intiżi li jipproduċu effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuni ġuridiċi jew privati.

278    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati li ġew ikkomunikati lir-rikorrenti ma humiex iffirmati iżda huma ppreżentati, fihom infushom, bħala dokumenti stampati mingħajr header u mingħajr ebda indikazzjoni, u saħansitra mingħajr data, li jippermettu li jiġu identifikati bħala atti li joriġinaw mill-Kunsill u li jiġi ddeterminat il-mument li fih ġew adottati.

279    Annessi mal-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tmien motiv, il-Kunsill bagħat lill-Qorti Ġenerali l-atti kkontestati, bid-data u bil-firma tal-President tiegħu u b’dik tas-Segretarju Ġenerali tiegħu.

280    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-atti ma fihomx l-espożizzjonijiet tal-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tagħhom.

281    Issa, skont l-Artikolu 296 TFUE, l-atti adottati mill-Kunsill għandhom ikunu motivati, u din id-dispożizzjoni teżiġi, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, li l-istituzzjoni kkonċernata tesponi r-raġunijiet li wassluha sabiex tadotta dawn l-atti, u dan sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tidentifika l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u sabiex il-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

282    Huwa biss fid-dawl tal-motivi tiegħu li d-dispożittiv ta’ att jista’ jinftiehem u li l-portata tiegħu tista’ tiġi evalwata. Peress li d-dispożittiv u l-motivazzjoni jikkostitwixxu ħaġa waħda, indiviżibbli (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 67, u tat-18 ta’ Jannar 2005, Confédération Nationale du Crédit Mutuel/Commission, T‑93/02, EU:T:2005:11, punt 124), ma tista’ ssir ebda distinzjoni bejn il-motivi u d-dispożittiv ta’ att għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jeħtieġu l-awtentifikazzjoni ta’ dan l-att. Meta, bħal f’dan il-każ, l-att u l-espożizzjoni tal-motivi jinsabu f’dokumenti distinti, it-tnejn li huma għandhom ikunu awtentifikati, kif jeżiġu dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma l-preżenza ta’ firma fuq wieħed tista’ tagħti lok għall-preżunzjoni, konfutabbli jew inkonfutabbli, li t-tieni wieħed ġie wkoll awtentifikat.

283    Kif jirrikonoxxi l-Kunsill stess fil-punt 29 tal-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tmien motiv, il-firma ta’ dawn l-atti hija rekwiżit formali essenzjali. Għaldaqstant, sa fejn jidher li dan ir-rekwiżit ma ġiex osservat f’dan il-każ, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati.

284    Din l-analiżi hija kkontestata mill-Kunsill.

285    Fl-ewwel lok, il-Kunsill jargumenta li l-ġurisprudenza tobbligah jissepara, fil-kuntest tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-espożizzjonijiet tal-motivi mill-atti nfushom. Fir-rigward tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill, is-sitwazzjoni attwali, fejn l-atti jiġu ffirmati iżda mhux l-espożizzjonijiet tal-motivi, tirriżulta għalhekk mill-ġurisprudenza, b’tali mod li ma jistax jiġi kkritikat fuq dan il-punt u b’tali mod, għalhekk, li l-atti ma jistgħux jiġu annullati.

286    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti kollha għandhom jiġu motivati u li, kif osservat fil-punt 282 iktar ’il fuq, id-dispożittiv u l-motivi ta’ deċiżjoni jikkostitwixxu ħaġa waħda, indiviżibbli.

287    Huwa minnu li, fid-dawl tal-fatt li l-pubblikazzjoni ddettaljata tal-ilmenti meħuda inkunsiderazzjoni kontra l-persuni u l-entitajiet ikkonċernati tista’ tmur kontra kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tagħhom, huwa rrikonoxxut li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-dispożittiv u ta’ motivazzjoni ġenerali ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi tkun suffiċjenti, bil-kundizzjoni li l-motivazzjoni speċifika u konkreta ta’ din id-deċiżjoni tkun ġiet ifformalizzata u mressqa għall-għarfien tal-persuni kkonċernati permezz ta’ kwalunkwe mezz adegwat ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 147).

288    Madankollu, din it-tolleranza tikkonċerna biss il-pubblikazzjoni ta’ atti u mhux dawn l-atti stess, b’tali mod li ma taffettwax l-obbligu, previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE u fl-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, li dawn l-atti jiġu ffirmati.

289    Fit-tieni lok, il-Kunsill jindika li l-atti kkontestati u l-espożizzjonijiet tal-motivi li fuqhom huma bbażati ġew adottati fl-istess ħin mill-Istati Membri fi tmiem proċedura bil-miktub rigoruża, kif prevista fl-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura.

290    L-ewwel nett, il-grupp ta’ ħidma kompetenti tal-Kunsill, jiġifieri l-grupp “Miżuri restrittivi għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu” (COMET), iddiskuta l-possibbiltà ta’ inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrenti fuq il-bażi tal-espożizzjoni tal-motivi eżistenti u kkunsidra li ebda informazzjoni ġdida ma kienet immilitat favur it-tneħħija ta’ isimha mil-lista. Fuq din il-bażi, il-COMET iffinalizza l-espożizzjonijiet tal-motivi tal-entitajiet u tal-persuni kkonċernati kollha.

291    It-tieni nett, fil-5 ta’ Marzu u fit-3 ta’ Lulju 2018, rispettivament, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika tas-Sigurtà ppreżenta l-proposti tiegħu għall-adozzjoni tal-atti kkontestati. Fit-8 ta’ Marzu u fil-5 ta’ Lulju 2018, dawn il-proposti ġew eżaminati minn grupp ta’ ħidma tal-Kunsill, jiġifieri l-grupp “Konsulenti għar-relazzjonijiet esterni” (RELEX), li ffinalizza t-test tal-abbozzi.

292    It-tielet nett, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ipprepara nota għall-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) u għall-Kunsill, fejn ippreżenta d-dokumenti kollha li kellhom jiġu adottati. Fuq din il-bażi, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill imbagħad fetaħ il-proċeduri bil-miktub inkonformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill. Id-dokumenti li nedew dawn il-proċeduri bil-miktub kienu ddeskrivew b’mod iddettaljat preċiżament id-dokumenti kkonċernati minn dawn il-proċeduri u, fost dawn id-dokumenti, kien hemm kemm l-abbozzi tal-atti kkontestati u kemm l-abbozzi tal-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta magħhom. Id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri kollha taw il-kunsens tagħhom fir-rigward ta’ dawn l-abbozzi.

293    Mill-osservanza ta’ dawn il-proċeduri u mid-dokumenti li taw lok għalihom, jirriżulta b’ċertezza li l-atti kkontestati, inklużi l-espożizzjonijiet tal-motivi, ġew adottati mill-Kunsill u li huma r-riżultat tar-rieda ta’ dan tal-aħħar.

294    Tali argument ma jistax jintlaqa’.

295    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-firma tal-atti tal-Kunsill mill-President tiegħu u mis-Segretarju Ġenerali tiegħu, li hija prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE u fl-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, hija intiża b’mod partikolari li tippermetti lit-terzi jiżguraw ruħhom li l-atti li ġew innotifikati lilhom kienu effettivament adottati minn din l-istituzzjoni.

296    Fi kliem ieħor, l-awtentifikazzjoni tal-atti tal-Kunsill tista’ tiġi analizzata bħala l-materjalizzazzjoni tal-konstatazzjoni magħmula mill-President u mis-Segretarju Ġenerali ta’ din l-istituzzjoni li l-atti kkonċernati kienu effettivament adottati minn din l-istituzzjoni.

297    Din il-formalità ma tistax tiġi ssostitwita bid-deskrizzjoni tal-proċedura li ġiet segwita fi ħdan il-Kunsill sabiex jiġu adottati dawn l-atti. Meta t-Trattat u r-Regoli ta’ Proċedura ta’ istituzzjoni jeżiġu li din tal-aħħar twettaq formalità speċifika intiża li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali favur terzi, jiġifieri l-firma tal-atti adottati minnha, din l-istituzzjoni ma tistax teżenta ruħha minn din il-formalità għar-raġuni li r-regoli proċedurali previsti fir-Regoli ta’ Proċedura tagħha ġew osservati.

298    Fit-tielet lok, il-Kunsill isostni li, fil-kawża preżenti, il-kuntest fattwali huwa differenti minn dak tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, EU:C:1994:247), fejn id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkorrispondi mal-verżjoni adottata mill-Kummissjoni. Tali sitwazzjoni ma tistax timmaterjalizza fil-każ tal-atti tal-Kunsill minħabba l-proċeduri interni li huma applikati fi ħdanu u, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda element li jissuġġerixxi li l-espożizzjonijiet tal-motivi kienu ġew emendati wara l-adozzjoni tagħhom.

299    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali huwa kkostitwit mis-sempliċi nuqqas ta’ awtentifikazzjoni ta’ att, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, barra minn hekk, li l-att huwa affettwat minn difett ieħor jew li l-assenza ta’ awtentifikazzjoni kkawżat dannu għal dak li jinvokaha (sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 42, u tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Solvay, C‑287/95 P u C‑288/95 P, EU:C:2000:189, punt 46).

300    Sa fejn huwa meħtieġ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill, fl-ebda mument, ma sostna, fl-atti proċedurali tiegħu, li għalih kien impossibbli li jawtentifika l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati.

301    Sa fejn tqiegħdu fuq l-atti kkontestati, il-firem tal-President u tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill setgħu jitqiegħdu wkoll fuq l-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta magħhom. Dawn il-firem kellhom jitqiegħdu sa fejn l-atti kkontestati u l-espożizzjoni tal-motivi tagħhom huma s-suġġett ta’ dokumenti distinti u sa fejn, kif jirriżulta mill-punti 281 u 282 iktar ’il fuq, l-espożizzjoni tal-motivi tikkostitwixxi l-komplement indispensabbli tal-atti kkontestati.

302    Kif ġie indikat fil-punt 283 iktar ’il fuq, il-Kunsill stess irrikonoxxa l-importanza tal-firma tal-atti legali adottati minnu meta, fil-punt 29 tat-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ikklassifika l-firma bħala rekwiżit formali essenzjali.

303    Fl-aħħar nett, il-Kunsill jallega li, jekk il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti kkontestati huma affettwati minn difett formali, dan id-difett huwa insuffiċjenti sabiex jiġu annullati l-atti kkontestati.

304    Dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll. Il-firma tal-atti tal-Kunsill mill-President tiegħu u mis-Segretarju Ġenerali tiegħu tikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali li l-ksur tiegħu għandu jwassal, skont il-ġurisprudenza, għall-annullament tal-atti kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑263/13 P, EU:C:2015:415, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

305    Bħala konklużjoni, peress li l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-atti kkontestati ma ġewx iffirmati mill-President tal-Kunsill u mis-Segretarju Ġenerali, filwaqt li kienu jinsabu f’dokumenti distinti, it-tmien motiv għandu jintlaqa’ u l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

306    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk issir talba f’dan is-sens.

307    Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/475 tal-21 ta’ Marzu 2018 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1426, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/468 tal-21 ta’ Marzu 2018 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1420, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1084 tat-30 ta’ Lulju 2018 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2018/475 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1071 tat-30 ta’ Lulju 2018 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/468, huma annullati sa fejn jikkonċernaw lill-“‘Hamas’, inkluż ‘Hamas-Izz al-Din al-Qassem’”.

2)      IlKunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Hamas.

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Settembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.