SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

21 ta’ April 2015

Kawża F‑87/12 RENV

Geoffroy Alsteens

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kawża mibgħuta lura wara annullament — Membru tal-persunal temporanju — Tiġdid ta’ kuntratt — Regola tas-sitt snin”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA, skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Alsteens talab l-annullament tad-“deċiżjoni tal-Kummissjoni [Ewropea] tat-18 ta’ Novembru 2011, sa fejn tillimita t-tul tal-estensjoni tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju [tiegħu] [...] sal-31 ta’ Marzu 2012”.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. G. Alsteens għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess sostnuti rispettivament fil-Kawżi F‑87/12, T‑373/13 P u F‑87/12 RENV, kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawża F‑87/12. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess sostnuti fil-Kawżi T‑373/13 P u F‑87/12 RENV.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Tul tal-impjieg — Regola tas-sitt snin — Possibbiltà ta’ deroga fl-interess tas-servizz — Obbligu li tiġi eżaminata l-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 2(a) u (b) u 8)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Obbligu li tiġi eżaminata l-possibbiltà li l-membru tal-persunal ikkonċernat jiġi assenjat mill-ġdid — Assenza

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 2, 8 u 47(b)(i))

1.      Fir-rigward ta’ estensjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat ta’ membru tal-persunal temporanju, hija l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li għandha teżamina, quddiem talba espliċita ta’ estensjoni lil hinn mill-perijodu ta’ sitt snin previst minn deċiżjoni interna ta’ portata ġenerali, l-eżistenza ta’ interess tas-servizz li jiġġustifika deroga għar-regola tas-sitt snin.

Madankollu, meta t-talba għal estensjoni hija magħmula għal żmien determinat, li ma jmurx lil hinn mill-perijodu ta’ snin snin, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ma hijiex mistiedna sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-possibbiltà ta’ tali deroga.

Issa, xejn ma jipprekludi lill-membru tal-persunal ikkonċernat li jitlob, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ estensjoni, fl-interess tas-servizz, tal-kuntratt tiegħu lil hinn mill-perijodu ta’ sitt snin.

(ara l-punti 54, 57 u 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: digriet Vakalopoulou vs Il‑Kummissjoni, T‑97/00, EU:T:2001:38, punt 14

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Il‑Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza BR vs Il‑Kummissjoni, F‑13/12, EU:F:2013:39

2.      L-osservanza tad-dmir ta’ premura kif ukoll il-kunċett ta’ interess tas-servizz ma jobbligawx lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, qabel ma tiddeċiedi li ma ġġeddidx kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, li teżamina minn qabel il-possibbiltà ta’ riallokazzjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat f’pożizzjoni oħra.

(ara l-punt 66)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Il‑Kummissjoni vs Macchia, T‑368/12 P, EU:T:2014:266, punt 57

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Macchia vs Il‑Kummissjoni, F‑63/11, EU:F:2012:83, punt 60