SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEJA

(It-Tieni Awla)

18 ta’ Settembru 2012

Kawża F‑96/09

Eva Cuallado Martorell

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżami orali wara r-riżultati miksuba fl-eżamijiet bil-miktub — Talba għal reviżjoni — Dritt speċifiku tal-kandidati li jkollhom aċċess għal ċerta informazzjoni li tikkonċernahom — Għan u portata — Dritt ta’ aċċess għall-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti — Assenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu Cuallado Martorell titlob, essenzjalment, l-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/130/08, organizzata mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), li ma tiġix ammessa għall-eżami orali, u min-naħa l-oħra, tad-deċiżjonijiet li jirrifjutawlha l-komunikazzjoni tal-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti u tan-nota ta’ evalwazzjoni individwali li jikkonċernaw dawn l-eżamijiet.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Avviż ta’ kompetizzjoni — Stabbiliment ta’ dritt ta’ aċċess għal ċerta informazzjoni għall-kandidati eliminati — Nuqqas ta’ rispett ta’ dan id-dritt mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) — Nuqqas amministrattiv ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni

(Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41, 42 u 47)

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Rekwiżiti proċedurali — Natura suffiċjentement espliċita

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

3.      Uffiċjali — Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Aċċess għal eżamijiet imwettqa fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ġenerali għar-reklutaġġ tal-Uffiċjali tal-Unjoni — Issuġġettar għar-Regoli tal-Persunal — Obbligu li jiġu kkomunikati l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti lill-kandidati eliminati — Assenza — Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 6; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

4.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Ċaħda ta’ kandidatura — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25; Anness III, Artikolu 6)

5.      Uffiċjali — Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Oneru — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità — Kundanna tal-parti rebbieħa għall-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 87(1), (2) u 88)

1.      Jekk avviż tal-kompetizzjoni jagħti lill-kandidati eliminati mill-kompetizzjoni id-dritt speċifiku ta’ aċċess għal ċerta informazzjoni li tikkonċernahom direttament u individwalment bil-għan li jkunu jistgħu jirċievu informazzjoni u dokumenti li jistgħu jippermettulhom li jieħdu deċiżjoni informata dwar l-utilità li jikkontestaw jew le d-deċiżjoni tal-eliminazzjoni tagħhom mill-kompetizzjoni ġenerali, l-osservanza stretta mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) tal-imsemmi dritt, kemm għal kontenut kif ukoll għat-terminu tar-risposta, hija l-espressjoni tad-dmirijiet li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, mid-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u mid-dritt għar-rimedju effettiv, skont l-Artikoli 41, 42 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ osservanza mill-EPSO ta’ dan id-dritt speċifiku, barra milli jista’ jwassal li kandidati eliminati jippreżentaw rikorsi jew ilmenti mingħajr ma jkollhom informazzjoni biżżejjed, jista’ jikkostitwixxi nuqqas amministrattiv li jista’ jagħti lok, jekk ikun il-każ, għad-dritt ta’ kumpens favur il-kandidat.

(ara l-punti 46 sa 48)

2.      Ilment ma għandux ikollu xi forma partikolari. Huwa biżżejjed li juri b’mod ċar u preċiż il-volontà tar-rikorrenti li tikkontesta deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni għandha teżamina l-ilmenti bi spirtu miftuħ u huwa biżżejjed, sabiex tikkunsidra li huwa lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li motiv kien tqajjem minn qabel, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, b’mod suffiċjentement ċar sabiex l-Awtorità tal-Ħatra kienet fi stat li tirrikonoxxi l-kritika li l-persuna kkonċernata għamlet kontra d-deċiżjoni kkontestata.

Xorta jibqa’ l-fatt li peress li l-iskop tal-proċedura prekontenzjuża huwa l-ftehim bonarju ta’ tilwima li titwieled fil-mument tal-ilment, l-imsemmija awtorità għandha tkun fi stat li tirrikonoxxi b’mod suffiċjentement preċiż l-argumenti tal-persuna kkonċernata magħmula kontra d-deċiżjoni amministrattiva. Konsegwentement l-ilment għandu, f’kull każ, ikollu espożizzjoni tal-motivi u argumenti invokati kontra d-deċiżjoni amministrattiva li kontra tagħha huwa magħmul.

(ara l-punti 60 u 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 31 ta’ Mejju 1988, Rousseau vs Il-Qorti tal-Awdituri, 167/86, punt 8; 14 ta’ Lulju 1988, Aldinger et Virgili vs Il-Parlament, 23/87 u 24/87, punt 13

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Marzu 1996, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑146/94, punt 44; 13 ta’ Jannar 1998, Volger vs Il-Parlament, T‑176/96, punt 65; 16 ta’ Frar 2005, Reggimenti vs Il-Parlament, T‑354/03, punt 43

3.       Fil-qasam tal-aċċess, tal-kandidati parteċipanti f’kompetizzjoni ġenerali, għall-eżamijiet bil-miktub kif ukoll għan-nota ta’ evalwazzjoni ta’ dawn l-eżamijiet mill-Bord tal-Għażla, l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi dispożizzjoni speċjali li tidderoga mir-regoli ġenerali tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għaliex dawn jirrigwardaw l-aċċess għal tipi ta’ dokumenti speċifiċi. Din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li x-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla huma sigrieti, tipprekludi kemm l-iżvelar tal-attitudnijiet meħuda mill-membri individwali tal-Bordijiet tal-Għażla kif ukoll ir-rivelazzjoni tal-punti kollha li jittrattaw evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva li tikkonċerna l-kandidati. Isegwi li sa fejn id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti previst mir-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex applikabbli, l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ma jobbligax lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) li jibgħat lill-kandidati l-eżamijiet bil-miktub ikkoreġuti tagħhom.

Għalhekk, meta istituzzjoni tal-Unjoni tirrifjuta li tibgħat lill-kandidat l-eżami bil-miktub ikkoreġut tiegħu, dan tal-aħħar ma jistax jibbaża ruħhu b’mod validu fuq il-kunċett ta’ trasparenza sabiex jikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għandu għan proprju, iġġustifikat minn raġunijiet ta’ interess pubbliku, u jsemmi b’mod speċifiku x-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla. Issa, jekk l-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali jkun jagħti lill-kandidati eliminati, id-dritt speċifiku li jaċċedu għall-informazzjoni relatata mal-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni ġenerali, dan ma huwiex assolut u lanqas mingħajr limiti iżda jikkonsisti fid-dritt għall-kisba, għal dawk li ma għaddewx mill-eżamijiet bil-miktub, li jiksbu kopja tal-eżami bil-miktub tagħhom u n-nota ta’ evalwazzjoni individwali tal-eżami bil-miktub tagħhom flimkien mal-marki mogħtija mill-Bord tal-Għażla.

(ara l-punti 81, 84, 85, 95, 96 u 99)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, punt 24;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Marzu 2003, Martínez Páramo et vs Il-Kummissjoni, T‑33/00, punt 44; 5 ta’ April 2005, Hendrickx vs Il-Kunsill, T‑376/03, punt 56; 14 ta’ Lulju 2005, Le Voci vs Il-Kunsill, T‑371/03, punt 124

4.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu l-għan, min-naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata bl-indizji meħtieġa sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex infondata u, min-naħa l-oħra, li jirrendi possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Għażla, dan l-obbligu għandu madankollu jkun irrikonċiljat mar-rispett tas-sigriet li japplika għax-xogħol tal-Bord tal-Għażla skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla għandu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jikkunsidra n-natura tax-xogħol inkwistjoni li jinkludi, b’mod ġenerali, tal-inqas stadji distinti, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-analiżi tal-kandidaturi sabiex jintgħażlu l-kandidati li ser jipparteċipaw fil-kompetizzjoni u, fit-tieni lok, l-analiżi tal-kapaċitajiet tal-kandidati għal-pożizzjoni li trid timtela’, sabiex issir lista ta’ kapaċitajiet. It-tieni stadju tax-xogħol tal-Bord tal-Għażla huwa qabel xejn ta’ natura komparattiva u, għalhekk, huwa kopert bis-sigriet inerenti għal dan ix-xogħol. Il-kriterji ta’ korrezzjoni adottati mill-Bord tal-Għażla qabel l-eżamijiet huma parti integrali tal-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva li jwettaq il-Bord tal-Għażla fuq il-merti tal-kandidati rispettivi. Dawn il-kriterji huma għalhekk koperti bis-sigriet tad-deliberazzjoni, bħal ma huma l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla. L-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva li jagħmel il-Bord tal-Għażla huma riflessi fin-noti li dan tal-aħħar jagħti lill-kandidati. Fid-dawl tas-sigriet li għandu japplika għax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, li jintbagħtu n-noti miksuba fl-eżamijiet differenti tikkostitwixxi motivazzjoni biżżejjed tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla, peress li dan tal-aħħar mhux obbligat li jippreċiża r-risposti tal-kandidati li kienu meqjusa insuffiċjenti jew li jispjega għaliex dawk ir-risposti ġew meqjusa li huma insuffiċjenti.

(ara l-punt 88)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Il-Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 23 sa 31

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Martínez Páramo et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 43 sa 52

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ April 2008, Dragoman vs Il-Kummissjoni, F‑16/07, punt 63

5.      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, salv dispożizzjonijiet oħra tat-tieni titolu tat-tmien kapitolu tal-imsemmija regoli, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 88 tal-imsemmija regoli, parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan ikun ġustifikat minħabba l-atteġġament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza, b’mod partikolari jekk tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li jkunu meqjusa fiergħa jew vessatorji.

Hemm lok li jiġi applikat l-imsemmi Artikolu 88 meta l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ikun kiser l-obbligu msemmi fl-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali li għandu jibgħat lil kandidat li jkun għamel it-talba u sussegwentement ippreżenta lment u wara rikors, informazzjoni addizzjonali dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-kompetizzjoni ġenerali. F’dan ir-rigward, anki jekk l-informazzjoni mitluba ma kinitx indispensabbli għall-finijiet tal-preżentazzjoni tal-ilment, ma jistax ikun eskluż li, kieku r-rikorrent irċevihom fil-ħin, huwa seta’ jipprepara aħjar l-ilment u r-rikors tiegħu, u anki jiddeċiedi li ma jippreżentax ir-rikors.

(ara l-punti 111 u 112)