SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Frar 2021 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Żamma tal-isem tar-rikorrent fuq il-lista – Obbligu tal-Kunsill li jivverifika li d-deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz ittieħdet b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża T‑258/20,

Oleksandr Viktorovych Klymenko, residenti f’Moska (ir-Russja), irrappreżentat minn M. Phelippeau, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro u P. Mahnič, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/373 tal‑5 ta’ Marzu 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2020, L 71, p. 10), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/370 tal‑5 ta’ Marzu 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2020, L 71, p. 1), sa fejn isem ir-rikorrent inżamm fil-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, O. Spineanu-Matei u R. Mastroianni (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża tidħol fil-kuntest ta’ kawżi marbuta mal-miżuri restrittivi adottati kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, wara r-repressjoni tal-manifestazzjonijiet tal-Pjazza tal-Indipendenza f’Kiev (l-Ukraina) fi Frar 2014.

2        Ir-rikorrent, Oleksandr Viktorovych Klymenko, okkupa l-funzjonijiet ta’ Ministru għad-Dħul u għat-Taxxi tal-Ukraina.

3        Fil‑5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26, rettifiki fil-ĠU 2014, L 70, p. 35 u fil-ĠU 2014, L 350, p. 15). Fl-istess data, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1, rettifika fil-ĠU L 350, p. 15).

4        Il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2014/119 jippreċiżaw dan li ġej:

“(1)      Fl-20 ta’ Frar 2014, il-Kunsill ikkundanna f’termini l-aktar qawwija kull użu tal-vjolenza fl-Ukraina. Huwa appella għal tmiem immedjat tal-vjolenza fl-Ukraina, u għar-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Huwa appella lill-Gvern tal-Ukraina sabiex jeżerċita trażżin massimu u lill-kapijiet tal-oppożizzjoni sabiex jiddisassoċjaw ruħhom minn dawk li jirrikorru għal azzjoni radikali, inkluża l-vjolenza.

(2)      Fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill qabel biex jiffoka miżuri restrittivi fuq l-iffriżar u rkupru ta’ assi ta’ persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-istat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.”

5        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprevedi li ġej:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”

6        Il-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar ta’ fondi huma ddefiniti fl-Artikolu 1(3) sa (6) tad-Deċiżjoni 2014/119.

7        Konformement mad-Deċiżjoni 2014/119, ir-Regolament Nru 208/2014 jimponi l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u jiddefinixxi l-modalitajiet tagħhom f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tal-imsemmija deċiżjoni.

8        L-ismijiet tal-persuni koperti mid-Deċiżjoni 2014/119 u mir-Regolament Nru 208/2014 jidhru fil-lista li tinsab fl-Anness tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Anness I tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem il-“lista”), flimkien, b’mod partikolari, mad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-inklużjoni tagħhom. Inizjalment, isem ir-rikorrent ma kienx jidher fil-lista.

9        Id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014 ġew emendati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK tal‑14 ta’ April 2014 li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK (ĠU 2014, L 111, p. 91), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014 tal‑14 ta’ April 2014 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 (ĠU 2014, L 111, p. 33) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ April 2014”).

10      Permezz tal-atti ta’ April 2014, isem ir-rikorrent ġie miżjud fil-lista inkwistjoni, bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “ex-Ministru tad-Dħul u l-Ħlasijiet” u bid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet segwenti:

“Persuna soġġetta għal investigazzjoni fl-Ukraina dwar involviment f’reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.”

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑494/14, intiża, b’mod partikolari, għall-annullament tal-atti ta’ April 2014, sa fejn jikkonċernawh.

12      Fid-29 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/143 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 24, p. 16), u r-Regolament (UE) 2015/138, li jemenda r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 24, p. 1).

13      Id-Deċiżjoni 2015/143 speċifikat, b’effett mill‑31 ta’ Jannar 2015, il-kriterji għall-inklużjoni tal-persuni koperti mill-iffriżar ta’ fondi. B’mod partikolari, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 ġie ssostitwit bit-test li ġej:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

a)      għall-misapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni; jew

b)      għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali abbuż.”

14      Ir-Regolament 2015/138 emenda r-Regolament Nru 208/2014 konformement mad-Deċiżjoni 2015/143.

15      Fil‑5 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 62, p. 25), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/357, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2015”). Id-Deċiżjoni 2015/364, minn naħa, issostitwixxiet l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119, billi estendiet l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrent, sas‑6 ta’ Marzu 2016, u, min-naħa l-oħra, emendat l-Anness ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357 emenda, b’konsegwenza ta’ dan, l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014.

16      Permezz tal-atti ta’ Marzu 2015, isem ir-rikorrent inżamm fil-lista, bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “eks Ministru għad-Dħul u l-Ħlasijiet” u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ġdida segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi u għall-abbuż tal-uffiċċju bħala persuna b’kariga pubblika sabiex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih innifsu jew għal terza parti u li b’hekk ikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi Ukreni.”

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru T‑245/15, intiża, b’mod partikolari, għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2015, sa fejn kienu jikkonċernawh.

18      Fl‑4 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/318, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2016, L 60, p. 76), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/311, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2016, L 60, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2016”).

19      Permezz tal-atti ta’ Marzu 2016, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi ġiet estiża, b’mod partikolari fir-rigward tar-rikorrent, sas‑6 ta’ Marzu 2017, u dan mingħajr ma ġiet emendata d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Marzu 2015.

20      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2016, ir-rikorrent adatta r-rikors fil-Kawża T‑245/15, konformement mal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jitlob ukoll l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2016, sa fejn kienu jikkonċernawh.

21      Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Ġunju 2016, Klymenko vs Il‑Kunsill (T‑494/14, EU:T:2016:360), meħud fuq il-bażi tal-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors imsemmi fil-punt 11 iktar ’il fuq, filwaqt li ddikjaratu manifestament fondat u filwaqt li annullat, għalhekk, l-atti ta’ April 2014, sa fejn kienu jikkonċernaw lir-rikorrent.

22      Fit-3 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/381, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2017, L 58, p. 34), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/374, li timplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2017, L 58, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2017”).

23      Permezz tal-atti ta’ Marzu 2017, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi kienet ġiet estiża sas-6 ta’ Marzu 2018, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni tal-indikazzjoni tar-rikorrent kienet inbidlet meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Marzu 2015.

24      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent reġa’ adatta r-rikors fil-Kawża T‑245/15, sabiex jitlob ukoll l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2017, sa fejn kienu jikkonċernawh.

25      Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2017, Klymenko vs Il‑Kunsill (T‑245/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:792), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet kollha tar-rikorrent imsemmija fil-punti 17, 20 u 24 iktar ’il fuq.

26      Fil-5 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrat bin-numru tal-Kawża C‑11/18 P, mis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2017, Klymenko vs Il‑Kunsill (T‑245/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:792).

27      Fil-5 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/333, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2018, L 63, p. 48), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/326, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2018, L 63, p. 5) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2018”).

28      Permezz tal-atti ta’ Marzu 2018, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi kienet ġiet estiża sas-6 ta’ Marzu 2019, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni tal-indikazzjoni tar-rikorrent kienet inbidlet meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Marzu 2015.

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ April 2018, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru T‑274/18, intiż għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2018, sa fejn jikkonċernawh.

30      Fil‑4 ta’ Marzu 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/354 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2019, L 64, p. 7), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/352, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2019, L 64, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2019”).

31      Permezz tal-atti ta’ Marzu 2019, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi ġiet estiża sas‑6 ta’ Marzu 2020 u isem ir-rikorrent inżamm fil-lista, bl-istess motivazzjoni bħal dik imfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq, flimkien ma’ preċiżazzjoni dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva matul il-proċeduri kriminali li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill.

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru T‑295/19, intiż għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2019, sa fejn jikkonċernawh.

33      Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il‑Kunsill (T‑274/18, EU:T:2019:509), il-Qorti Ġenerali annullat l-atti ta’ Marzu 2018 sa fejn kienu jirrigwardaw lir-rikorrent.

34      Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2019, Klymenko vs Il‑Kunsill (C‑11/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:786), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat, minn naħa, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2017, Klymenko vs Il‑Kunsill (T‑245/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:792) (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, l-atti ta’ Marzu 2015, ta’ Marzu 2016 u ta’ Marzu 2017 sa fejn jikkonċernaw ir-rikorrent.

35      Bejn Diċembru 2019 u Frar 2020, il-Kunsill u r-rikorrent skambjaw diversi ittri dwar il-proroga possibbli tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward ta’ dan tal-aħħar. B’mod partikolari, il-Kunsill bagħat diversi ittri tal-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina (iktar ’il quddiem il-“BPG”) lir-rikorrent dwar il-proċeduri kriminali li dan tal-aħħar kien suġġett għalihom u li fuqhom huwa kien ibbaża ruħu sabiex jikkunsidra l-imsemmija estensjoni.

36      Fil‑5 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/373, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2020, L 71, p. 10) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/370, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2020, L 71, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”).

37      Permezz tal-atti kkontestati, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ġiet estiża sas‑6 ta’ Marzu 2021 u isem ir-rikorrent inżamm fil-lista, bl-istess motivazzjoni bħal dik imfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq, flimkien ma’ preċiżazzjoni fformulata kif ġej:

“Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin. L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Klymenko ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan huwa muri b’mod partikolari fid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tal-1 ta’ Marzu 2017 u tal-5 ta’ Ottubru 2018 li jagħtu permess biex issir investigazzjoni speċjali in absentia, fid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tat-8 ta’ Frar 2017 u tad-19 ta’ Awwissu 2019 li jagħtu miżura preventiva fil-forma ta’ detenzjoni taħt kustodja u mill-proċess, li għadu għaddej, ta’ familjarizzazzjoni mal-materjali tal-proċedimenti kriminali min-naħa tad-difiża.”

38      Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Marzu 2020, il‑Kunsill informa lir-rikorrent biż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Huwa wieġeb għall-osservazzjonijiet tar-rikorrent magħmula fil-korrispondenza tat‑23 ta’ Jannar 2020 u bagħatlu l-atti kkontestati. Barra minn hekk, huwa indikalu t-terminu sabiex jippreżenta osservazzjonijiet qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar l-eventwali żamma ta’ ismu fil-lista.

 Fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors ineżami

39      Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill (T‑295/19, EU:T:2020:287), il-Qorti Ġenerali annullat l-atti ta’ Marzu 2019 sa fejn kienu jirrigwardaw lir-rikorrent.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

41      Fis‑17 ta’ Lulju 2020, il‑Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu.

42      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrent ġie mistieden, skont l-Artikolu 83(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jipproduċi replika dwar l-argumenti tal‑Kunsill dwar it-tieni motiv, ibbażat b’mod partikolari fuq żball ta’ evalwazzjoni, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill (T‑295/19, EU:T:2020:287).

43      Ir-replika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Settembru 2020.

44      Il-kontroreplika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2020. F’din l-istess data, il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet.

45      Skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fl-assenza ta’ talba għal seduta mressqa mill-partijiet f’terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura. Fil-kawża ineżami, peress li tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi fil-proċess tal-kawża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fl-assenza ta’ tali talba, taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

46      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati, sa fejn jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

47      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati fir-rigward tar-rikorrent, tordna ż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni 2020/373 sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/370.

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

48      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u użu ħażin ta’ poter, it-tielet wieħed, essenzjalment, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ir-raba’ wieħed, fuq nuqqas ta’ bażi legali u, il-ħames wieħed, fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà.

49      Qabelxejn, għandhom jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motiv, meħuda flimkien, sa fejn dawn huma intiżi, b’mod partikolari, li jikkritikaw lill-Kunsill li ma vverifikax ir-rispett, mill-awtoritajiet Ukraini, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, li minnu jirriżulta żball ta’ evalwazzjoni mwettaq waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

50      Fil-kuntest ta’ dawn il-motivi, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li l-Kunsill naqas milli jivverifika jekk il-proċeduri kriminali li jikkonċernawh u li jirrigwardaw, rispettivament, ir-referenza 42017000000000113 (iktar ’il quddiem il-“proċedura 113”) u r-referenza 42014000000000521 (iktar ’il quddiem il-“proċedura 521”), li fuqhom huwa bbaża ruħu meta ddeċieda li jżomm il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, ġewx meħuda b’osservanza tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

51      Skont ir-rikorrent, ir-risposti tal-BPG għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kunsill, dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-istat tal-proċeduri kriminali li jikkonċernawh kif ukoll il-kompetenza tad-diversi awtoritajiet investigattivi kkonċernati, ir-relazzjonijiet bejniethom u t-trasferiment tal-investigazzjonijiet minn waħda għall-oħra, ma kinux sodisfaċenti. Għaldaqstant, huwa jikkritika, essenzjalment, lill-Kunsill li wettaq verifiki insuffiċjenti u li injora l-provi, li huwa pprovdielu, fir-rigward tal-illegalitajiet proċedurali mwettqa mill-awtoritajiet Ukraini u l-assenza ta’ indipendenza tagħhom.

52      L-ewwel nett, huwa jsostni li, fl-20 ta’ Ġunju 2019, ismu ma kienx inkluż fil-lista ta’ persuni mfittxija fuq livell internazzjonali stabbilita mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ persuni mfittxija mill-Interpol”), kif jirriżulta miċ-ċertifikati maħruġa mis-segretarjat tal-kummissjoni ta’ kontroll tal-fajls tagħha.

53      Fit-tieni lok, ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill ma wettaq ebda verifika fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tat-trasferiment tal-investigazzjonijiet preliminari, li kienu diġà ngħalqu, lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni tal-Ukraina, li iktar minn sitt snin wara l-ftuħ tagħhom.

54      Fit-tielet lok, huwa jsostni li d-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tal-qorti distrettwali ta’ Petchersk f’Kiev (iktar ’il quddiem il-“Qorti ta’ Petchersck”) tal-5 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-qorti istruttorja tal-5 ta’ Ottubru 2018”), li tawtorizza l-ftuħ ta’ investigazzjoni speċjali in absentia fir-rigward tiegħu, ma ġietx adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

55      Ir-raba’ nett, ir-rikorrent iqis li t-tul tal-proċeduri mibdija kontrih fl-Ukraina ma huwiex raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u li huwa evidenti li l-uniku għan segwit mill-awtoritajiet Ukraini huwa li jiġġustifika ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, peress li, kważi kull sena, il-BPG jirreferi għal proċedura differenti, innumerata b’mod differenti, iżda li sistematikament tirrigwarda l-istess reati. Barra minn hekk, it-tul eċċessiv tal-investigazzjonijiet preliminari huwa responsabbiltà biss tal-awtoritajiet inkarigati minnhom, li ma ħadu ebda deċiżjoni li jirrinvijaw il-kawża quddiem qorti.

56      Fl-aħħar nett, il-Kunsill kiser l-obbligi tiegħu ta’ verifika tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, minkejja l-fatt li huwa repetutament ilmenta dwar il-ksur tagħhom.

57      Fir-replika, ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li, l-Awla tal-Appell tal-Qorti Għolja kontra l-Korruzzjoni Ukrena permezz tas-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Mejju 2020 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020”) annullat id-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tad‑19 ta’ Awwissu 2019 li tapprova miżura preventiva ta’ detenzjoni fir-rigward tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-qorti istruttorja tad‑19 ta’ Awwissu 2019”), motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti, skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Ukrain (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”), għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħal din, jiġifieri l-isem tal-persuna kkonċernata biex titqiegħed fuq lista ta’ mfittxija internazzjonali.

58      Il-Kunsill isostni li mill-korrispondenza mar-rikorrent jirriżulta li huwa ħa inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tiegħu, li huwa vverifika l-fondatezza tagħhom, billi għamel ukoll mistoqsijiet preċiżi u billi kiseb kjarifiki mingħand l-awtoritajiet Ukraini, u li, fid-dawl tal-informazzjoni rċevuta minn dawn tal-aħħar, huwa qies li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent ma kinux ġew miksura u li kien hemm raġunijiet suffiċjenti għaż-żamma tal-isem tar-rikorrent fil-lista.

59      Mill-bqija, minn naħa, ir-rikorrent eżerċita d-dritt tiegħu li jiġi rrappreżentat minn avukat fl-Ukraina fil-proċeduri li jikkonċernawh, billi għamel użu effettiv mid-drittijiet tiegħu, b’tali mod li r-rikorsi tiegħu xi drabi wasslu. Mill-bqija, mill-korrispondenza li r-rikorrent bagħat lill-Kunsill ma jirriżultax li huwa invoka rimedji ta’ oppożizzjoni jew ta’ kontestazzjoni li kienu miftuħa lilu mill-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali fir-rigward ta’ ċerti sitwazzjonijiet proċedurali, bħas-sospensjoni tal-investigazzjonijiet jew il-fatt li dawn ma ntemmewx fit-terminu previst.

60      Barra minn hekk, il-Kunsill ifakkar li saru diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji fir-rigward tar-rikorrent. Dawn huma deċiżjonijiet tal-qorti istruttorja tal‑1 ta’ Marzu 2017 u tal‑5 ta’ Ottubru 2018, li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni speċjali in absentia, fil-kuntest, rispettivament, tal-proċedura 113 u tal-proċedura 521, kif ukoll tad-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tad‑19 ta’ Awwissu 2019, li tapprova miżura preventiva ta’ detenzjoni fil-kuntest tal-proċedura 113. Fid-dawl ta’ din tal-aħħar, il-qorti istruttorja kkonstatat li s-suspett kien ġie nnotifikat b’mod validu fl-2014 u li isem ir-rikorrent kien ġie inkluż fil-lista internazzjonali tal-persuni mfittxija fl‑10 ta’ Ġunju 2019. F’dan ir-rigward, il-Kunsill iqis li l-attestazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ persuni rikjesti mill-Interpol prodotti mir-rikorrent ma humiex konklużivi, għaliex wara d-data li fiha kien indikat li isem ir-rikorrent ma kienx inkluż fl-imsemmija lista, jiġifieri l‑10 ta’ Ottubru 2018.

61      Definittivament, il-Kunsill iqis li huwa seta’ jivverifika li ċertu numru ta’ deċiżjonijiet meħuda matul it-tmexxija tal-proċeduri kriminali kienu ġew adottati b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

62      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq it-tul allegatament eċċessiv tal-investigazzjonijiet u fuq in-nuqqas ta’ inkriminazzjoni fir-rigward tiegħu, il-Kunsill josserva li huwa talab u kiseb kjarifiki dwar dan is-suġġett min-naħa tal-awtoritajiet Ukraini u li l-investigazzjonijiet li jikkonċernaw il-proċedura 113 u l-proċedura 521 ingħalqu rispettivament fl‑2017 u f’Ottubru 2018, u dan juri evoluzzjoni tal-proċedura.

63      Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill isostni li din ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-atti kkontestati, dan peress li ngħatat wara l-adozzjoni tagħhom. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, minn naħa, din is-sentenza tirrigwarda biss il-proċedura 113 u, min-naħa l-oħra, hija tikkonferma, min-naħa tagħha, li r-rikorrent seta’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu.

64      Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, waqt l-istħarriġ ta’ miżuri restrittivi, il-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-drittijiet tad-difiża, kif stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 59 u ġurisprudenza ċċitata).

65      L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem ta’ persuna jiġi inkluż fil-lista ta’ persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun ibbażata fuq bażi fattwali solida biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma għandux ikun limitat għal evalwazzjoni tan-natura verosimili fuq livell astratt tar-raġunijiet invokati, iżda għandu jkopri l-kwistjoni ta’ jekk dawn ir-raġunijiet, jew, minn tal-inqas, raġuni minnhom meqjusa li hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex isservi ta’ bażi għall-imsemmija atti, humiex issostanzjati (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      L-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi, bħal dawk previsti mid-Deċiżjoni 2014/119 u mir-Regolament Nru 208/2014, kif emendati, meħuda kontra persuna li ġiet identifikata bħala responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lil Stat terz, huma bbażati, essenzjalment, fuq id-deċiżjoni ta’ awtorità tiegħu, kompetenti f’dan ir-rigward, li tibda u tmexxi proċedura ta’ investigazzjoni kriminali li tikkonċerna lil din il-persuna u li tirrigwarda ksur ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Barra minn hekk, għalkemm, skont il-kriterju ta’ inklużjoni, bħal dak imfakkar fil-punt 13 iktar ’il fuq, il-Kunsill jista’ jibbaża miżuri restrittivi fuq id-deċiżjoni ta’ Stat terz, l-obbligu, impost fuq din l-istituzzjoni, li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li huwa għandu jiżgura r-rispett tal-imsemmija drittijiet mill-awtoritajiet tal-Istat terz li adotta l-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Ir-rekwiżit ta’ verifika, mill-Kunsill, tal-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Istati terzi li fuqhom huwa għandu l-intenzjoni li jibbaża ruħu ttieħdu b’rispett tal-imsemmija drittijiet huwa intiż li jiżgura li l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi jseħħu biss fuq bażi fattwali suffiċjentement solida u, b’tali mod, sabiex jiġu protetti l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Għalhekk, il-Kunsill jista’ biss jikkunsidra li l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ tali miżuri hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida biss wara li jkun ivverifika huwa stess jekk id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġewx irrispettati waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Istat terz ikkonċernat li fuqha huwa għandu l-intenzjoni li jibbaża ruħu (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-fatt li l-Istat terz jinsab fost l-Istati li aderixxew mal-KEDB jimplika stħarriġ, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB, li, skont l-Artikolu 6(3) TUE, jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali, tali ċirkustanza madankollu ma tistax trendi superfluwu ir-rekwiżit ta’ verifika mfakkar fil-punt 68 iktar ’il fuq (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill huwa obbligat jindika, fl-espożizzjoni tar-raġunijiet dwar l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, anki jekk fil-qosor, ir-raġunijiet għaliex fil-fehma tiegħu d-deċiżjoni tal-Istat terz li fuq il-bażi tagħha jkollu l-intenzjoni jibbaża ruħu kienet ġiet adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għalhekk, huwa l-Kunsill li għandu, sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, juri, fid-deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi, li huwa vverifika jekk id-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha huwa jibbaża dawn il-miżuri ġietx adottata b’rispett għal dawn id-drittijiet (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fl-aħħar nett, meta jibbaża l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri restrittivi, bħal dawk f’dan il-każ, fuq id-deċiżjoni ta’ Stat terz li jagħti bidu u jitmexxa proċedura kriminali għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi min-naħa tal-persuna kkonċernata, il-Kunsill għandu, minn naħa, jiżgura ruħu li, fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat terz osservaw id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna li hija s-suġġett tal-proċedura kriminali inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, isemmi, fid-deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi, ir-raġunijiet għalfejn jikkunsidra li l-imsemmija deċiżjoni tal-Istat terz ġiet adottata fl-osservanza ta’ dawn id-drittijiet (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 66).

72      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji tal-ġurisprudenza li għandu jiġi stabbilit jekk il-Kunsill osservax dawn l-obbligi.

73      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li l-Kunsill semma, fl-atti kkontestati (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), ir-raġunijiet li għalihom huwa kien ikkunsidra li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukraini li jinbdew u li jitmexxew proċedura kriminali għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi fir-rigward tar-rikorrent kienet ġiet adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu madankollu jiġi vverifikat jekk kienx korrett li l-Kunsill ikkunsidra li l-imsemmija awtoritajiet kienu osservaw, fil-kuntest tal-proċeduri li fuqhom l-atti kkontestati huma bbażati, l-imsemmija drittijiet tar-rikorrent.

74      Fil-fatt, l-eżami tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li jaqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-atti kkontestati u jikkonsisti, f’dan il-każ, fil-verifika dwar jekk l-elementi invokati mill-Kunsill humiex stabbiliti u jekk humiex ta’ natura li juru l-verifika tar-rispett ta’ dawn id-drittijiet mill-awtoritajiet Ukraini, għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-motivazzjoni, li tirrigwarda formalità sostanzjali u tikkostitwixxi biss il-korollarju tal-obbligu tal-Kunsill li jiżgura, minn qabel, ir-rispett tal-imsemmija drittijiet.(ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Issa, ir-rikorrent kien is-suġġett ta’ miżuri restrittivi ġodda adottati mill-atti kkontestati abbażi tal-kriterju ta’ inklużjoni msemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif ġie ppreċiżat fid-Deċiżjoni 2015/143, u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 208/2014, kif ġie ppreċiżat fir-Regolament 2015/138 (ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq). Dan il-kriterju jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi tal-persuni identifikati bħala responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tal-Istat tal-Ukraina, inklużi l-persuni li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni mill-awtoritajiet Ukraini.

76      Għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ibbaża ruħu, sabiex jiddeċiedi dwar iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, fuq iċ-ċirkustanza li dan kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali min-naħa tal-awtoritajiet Ukraini għal reati li jikkostitwixxu miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi u marbuta ma’ abbuż ta’ kwalità, li kienet stabbilita bl-ittri tal-BPG li r-rikorrent kien irċieva kopja tagħhom (ara l-punt 35 iktar ’il fuq).

77      Iż-żamma tal-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrent kienet għalhekk ibbażata, bħal fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2019, Klymenko vs Il‑Kunsill (C‑11/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:786), u għas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill (T‑295/19, EU:T:2020:287), fuq id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukraini li jinbdew u jitmexxew proċeduri ta’ investigazzjonijiet kriminali dwar reat ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lill-Istat Ukrain.

78      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, billi emenda, permezz tal-atti kkontestati, l-Anness tad-Deċiżjoni 2014/119 u l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014, il-Kunsill żied, bħalma kien għamel għall-ewwel darba fl-atti ta’ Marzu 2019, taqsima, iddedikata kompletament għad-drittijiet tad-difiża u għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jinqasam f’żewġ partijiet.

79      Fl-ewwel parti hemm sempliċi tfakkira, ta’ natura ġenerali, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. B’mod partikolari, qabelxejn, huma mfakkra d-diversi drittijiet proċedurali li tgawdi minnhom kull persuna ssuspettata jew akkużata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali skont l-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Sussegwentement, minn naħa, jitfakkar li, skont l-Artikolu 306 ta’ dan l-istess kodiċi, kull ilment kontra deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet tal-investigatur jew tal-prosekutur għandu jiġi eżaminat mill-qorti istruttorja jew mill-qorti lokali, fil-preżenza tal-lanjant, tal-avukat tiegħu jew tar-rappreżentant legali tiegħu. Min-naħa l-oħra, huwa indikat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 309 tal-imsemmi kodiċi jispeċifika d-deċiżjonijiet tal-qorti istruttorja li jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors. Fl-aħħar nett, huwa ppreċiżat li ċertu numru ta’ miżuri investigattivi, bħall-qbid ta’ beni u l-miżuri ta’ detenzjoni, huma possibbli biss bla ħsara għal deċiżjoni tal-qorti istruttorja jew ta’ qorti.

80      It-tieni parti tat-taqsima tikkonċerna l-applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għal kull persuna inkluża fil-lista. Fir-rigward b’mod partikolari tar-rikorrent, huwa ppreċiżat li, skont l-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-Kunsill, id-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew irrispettati matul il-proċeduri kriminali li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom, kif jixhed, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-qorti istruttorja tal‑1 ta’ Marzu 2017 u tal‑5 ta’ Ottubru 2018, minn naħa, u d-deċiżjonijiet tal-qorti istruttorja tat‑8 ta’ Frar 2017 u tad‑19 ta’ Awwissu 2019, min-naħa l-oħra, kif ukoll il-fatt li l-proċess ta’ familjarizzazzjoni tad-difiża kien jinsab fil-proċess kriminali (ara l-punt 37 iktar ’il fuq).

81      Fl-ittra tas-6 ta’ Marzu 2020 (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), minn naħa, il-Kunsill sempliċement indika li ċ-ċertifikati maħruġa mill-BPG kienu jistabbilixxu li r-rikorrent kien għadu s-suġġett tal-proċedura 113 u tal-proċedura 521 għal misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi u li dawn kienu ġew attribwiti, rispettivament, fid‑19 ta’ Novembru u fil‑21 ta’ Novembru 2019, lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-Ukraina. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, il-Kunsill ippreċiża li r-rispett ta’ dawn id-drittijiet kien attestat mid-deċiżjonijiet ġudizzjarji msemmija fil-punt 80 iktar ’il fuq. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti tad‑19 ta’ Awwissu 2019, meħuda fil-kuntest tal-proċedura 113, ġie kkunsidrat li opinjonijiet ta’ suspett kienu ġew innotifikati lir-rikorrent, rispettivament, fit‑22 ta’ Diċembru 2014 u fid‑19 ta’ Awwissu 2016, li l-akkuża kienet ipprovat l-eżistenza ta’ suspetti raġonevoli, li, fl‑10 ta’ Ġunju 2019, ismu kien ġie inkluż f’lista internazzjonali ta’ persuni rikjesti, li kien ġie pprovat li dan kien ħeba mill-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni preliminari u li kien hemm raġunijiet suffiċjenti sabiex jemmen li kien ser ikompli jagħmel dan.

82      Għalhekk, minn qari flimkien tal-motivi esposti fl-atti kkontestati u fl-imsemmija ittra tas‑6 ta’ Marzu 2020 jirriżulta li l-Kunsill jikkonferma espliċitament li vverifika r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent fiż-żewġ proċeduri ċċitati fil-punt 81 iktar ’il fuq, minkejja li jillimita ruħu li jipprovdi iktar dettalji biss għal dak li jirrigwarda l-proċedura 113, li fil-kuntest tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tad‑19 ta’ Awwissu 2019.

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-Kunsill baqa’ ma weriex sa fejn id-deċiżjonijiet kollha tal-qorti istruttorja tal-qorti istruttorja tal-Qorti ta’ Petchersk imfakkra fil-punt 80 iktar ’il fuq, li huma atti ta’ natura purament proċedurali, jixhdu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent matul il-proċeduri 113 u 521. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 65 u 67 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, il-Kunsill kien obbligat li jivverifika, qabel ma jiddeċiedi ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jekk id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukraina li tibda u tmexxi proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali dwar ir-reati inerenti għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi u l-abbuż ta’ poter imwettaq mid-detentur ta’ kariga pubblika kinitx ġiet adottata b’osservanza tal-imsemmija drittijiet tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 78).

84      F’din il-perspettiva, l-imsemmija deċiżjonijiet ġudizzjarji ma jistgħux jiġu identifikati, tal-inqas fuq livell formali, bħala deċiżjonijiet li tinbeda u li titmexxa l-proċedura ta’ investigazzjoni li jiġġustifikaw iż-żamma tal-miżuri restrittivi. Dan premess, huwa permissibbli li jiġi ammess li, minn perspettiva sostanzjali, peress li ġew adottati minn qorti, tal-inqas id-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tad‑19 ta’ Awwissu 2019, li hija rilevanti mill-perspettiva temporali, dawn id-deċiżjonijiet ġew realment meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kunsill bħala l-bażi fattwali li tiġġustifika ż-żamma tal-miżuri inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 79).

85      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kunsill setax ġustament jikkunsidra li dawn id-deċiżjonijiet, kif ukoll il-fatt li l-proċess ta’ familjarizzazzjoni tad-difiża tar-rikorrent mal-kontenut tal-fajl kriminali kienx għadu għaddej fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, kienu jixhdu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu.

86      Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tad‑19 ta’ Awwissu 2019, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jallega l-Kunsill, ma jirriżultax b’mod ċar minnha li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew iggarantiti lir-rikorrent f’dan il-każ. Jekk huwa minnu, kif jenfasizza l-Kunsill fl-ittra tiegħu tas‑6 ta’ Marzu 2020 (ara l-punt 81 iktar ’il fuq), li l-qorti istruttorja tal-Qorti ta’ Petchersk setgħet tikkonkludi li, fil-kuntest tal-proċedura 113 li magħha hija marbuta din id-deċiżjoni, ir-rikorrent kien persuna ssuspettata, li huwa kien inkluż f’lista internazzjonali ta’ persuni rikjesti, li l-prosekutur kien ipprova li huwa kien jaħbi ruħu mill-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni preliminari u li kien hemm raġunijiet suffiċjenti sabiex jemmen li huwa kien ser ikompli jagħmel dan, xorta waħda jibqa’ l-fatt li kien ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li l-ilmentatur ikkomunika lilu fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Jannar 2020, kif ukoll, qabel, fl-ittri tiegħu tad‑19 ta’ Diċembru 2018 u l‑4 ta’ Frar 2019.

87      Fil-fatt, ir-rikorrent kien sostna, b’mod partikolari, dokumenti insostenn, li ismu ma kienx inkluż fil-lista ta’ persuni rikjesti mill-Interpol u li, minħabba f’hekk, il-qorti istruttorja ma kinitx f’pożizzjoni li tieħu ċerti deċiżjonijiet li l-Kunsill qies bħala prova tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-Kunsill ivverifika l-informazzjoni li fuqha bbażat ruħha l-qorti istruttorja sabiex tikkunsidra li isem ir-rikorrent kien inkluż f’“lista internazzjonali ta’ persuni mfittxija”. Barra minn hekk, il-Kunsill ma tax ir-raġunijiet għalfejn huwa llimita ruħu għal sempliċi dikjarazzjonijiet tal-BPG u tal-imsemmija qorti istruttorja f’dan ir-rigward, minkejja dokumenti li juru li, fl‑20 ta’ Ġunju 2019, l-isem tar-rikorrent ma kienx jidher fil-lista ta’ persuni rikjesti mill-Interpol.

89      Dan l-aspett ma huwiex mingħajr importanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, fid-dawl tal-Artikolu 193–6 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li jipprovdi li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tad‑19 ta’ Awwissu 2019, il-fatt li jiġu inklużi f’lista internazzjonali ta’ persuni rikjesti hija waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-prosekutur meta jitlob l-approvazzjoni ta’ miżura preventiva ta’ detenzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 87).

90      F’din id-deċiżjoni, il-qorti istruttorja bbażat ruħha fuq ir-riżoluzzjoni tal-prosekutur tal‑10 ta’ Ġunju 2019, sabiex tqis li isem ir-rikorrent kien inkluż f’tali lista, mingħajr madankollu ma indikat li din kienet il-prova prodotta mill-prosekutur. Fir-rigward tal-BPG, għandu jiġi kkonstatat li huwa sempliċement indika, fiż-żewġ tabelli, annessi mal-ittra tal‑1 ta’ Novembru 2019, li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni dwar l-istat tal-proċedura 113 u tal-proċedura 521 u li kellu jispjega, b’mod partikolari, kif id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent kienu ġew irrispettati, li l-“persuna ssuspettata, [kienet iskritta] f’lista ta’ persuni mfittxija”.

91      L-argument imressaq mill-Kunsill, li l-attestazzjonijiet maħruġa mis-segretarjat tal-kummissjoni ta’ kontroll tal-fajls tal-Interpol ma kinux konklużivi, ma jistax jikkontesta dawn il-kunsiderazzjonijiet. Fil-fatt, l-informazzjoni tal-BPG dwar l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent f’“lista ta’ persuni rikjesti” ma kinitx tippermetti, fi kwalunkwe każ, lill-Kunsill jivverifika l-osservanza tal-kundizzjoni dwar tali inklużjoni mill-prosekutur u, minħabba f’hekk, l-osservanza mill-qorti istruttorja, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent (ara l-punt 89 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma setax jikkuntenta ruħu bl-informazzjoni, jew lakonika jew impreċiża, li huwa kellu u kellu, tal-inqas, jitlob kjarifiki mingħand l-awtoritajiet Ukraini.

92      Barra minn hekk, mingħajr ma dan ma għandu effett fuq din il-kawża, sa fejn, kif jirrileva ġustament il-Kunsill, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020 hija sussegwenti għall-adozzjoni tal-atti kkontestati, madankollu hemm lok li jiġi rrilevat li minn din is-sentenza jirriżulta, minn naħa, li s-sempliċi fatt li l-prosekutur pubbliku jieħu deċiżjoni proċedurali taħt il-forma ta’ riżoluzzjoni li jinkludi lil persuna fil-lista internazzjonali tal-persuni mfittxija mill-Interpol ma huwiex biżżejjed, peress li huwa meħtieġ ukoll li l-miżuri kollha meħtieġa, minn tali revoka, li bl-ebda mod ma ġie ppruvat mill-prosekutur, u, min-naħa l-oħra, li interpretazzjoni bħal din tal-Artikolu 193-6 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali kienet diġà ngħatat mill-istess kamra tal-appelli tal-qorti għolja kontra l-korruzzjoni fl-kuntest ta’ bosta deċiżjonijiet tal-qorti meħuda bejn Settembru 2019 u Frar 2020.

93      Sussegwentement, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-qorti istruttorja tal‑1 ta’ Marzu 2017 u tal‑5 ta’ Ottubru 2018, kif ukoll tad-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tat‑8 ta’ Frar 2017, l-ewwel tnejn jikkonċernaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni speċjali in absentia u din l-aħħar waħda tirrigwarda l-approvazzjoni ta’ miżura preventiva ta’ detenzjoni, għandu jiġi rrilevat li dawn ittieħdu ħafna qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati. Minn dan isegwi li dawn ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukraina, li fuqha l-Kunsill beħsiebu jibbaża ruħu sabiex iżomm, għall-perijodu minn Marzu 2020 sa Marzu 2021, il-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tar-rikorrent, ġiet adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi, kemm fir-rigward tad-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tal-1 ta’ Marzu 2017 kif ukoll fir-rigward ta’ dik tal‑5 ta’ Ottubru 2018, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill (T‑295/19, EU:T:2020:287, punti 78 sa 88 u 91), li ma ġietx ikkontestata mill-Kunsill, u ddeċidiet li dawn ma setgħux juru li l-imsemmija drittijiet tar-rikorrent kienu ġew irrispettati fil-kuntest tal-proċeduri inkwistjoni.

94      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat ukoll li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha msemmija iktar ’il fuq jidħlu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li ġġustifikaw l-inklużjoni u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista u huma biss inċidentali fir-rigward tagħhom, sa fejn dawn huma ta’ natura proċedurali. Issa, tali deċiżjonijiet, li l-iktar l-iktar jistgħu jservu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ bażi fattwali suffiċjentement solida, jiġifieri l-fatt li, konformement mal-kriterju ta’ inklużjoni, ir-rikorrent kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, reat ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi li jappartjenu lill-Istat Ukrain, ma humiex ontoloġikament suxxettibbli, waħedhom, li juru li d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukraina li tibda u tmexxi l-imsemmija proċeduri kriminali, li fuqha hija bbażata, essenzjalment, iż-żamma tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent, ittieħdet fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 92).

95      Barra minn hekk, il-Kunsill ma jinvoka ebda dokument fil-proċess tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-atti kkontestati li minnu jirriżulta li huwa eżamina d-deċiżjonijiet ġudizzjarji invokati u li seta’ jikkonkludi minn dan li d-drittijiet proċedurali tar-rikorrent kienu ġew irrispettati fis-sustanza tagħhom.

96      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-proċess ta’ familjarizzazzjoni tad-difiża mal-kontenut tal-fajl kriminali għadu pendenti fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-UPĠ ma jipprovdi ebda informazzjoni dwar in-natura u t-tul ta’ dan il-proċess u, min-naħa l-oħra, li jirriżulta biss mill-informazzjoni pprovduta minnu li tali proċess ilu għaddej mill-21 ta’ April 2017, li hija d-data tal-għeluq tal-investigazzjoni preliminari fil-kuntest tal-proċedura 113, u mit‑3 ta’ Diċembru 2018, li hija d-data tal-għeluq tal-investigazzjoni preliminari fil-kuntest tal-proċedura 521.

97      Issa, kuntrarjament għal dak li jallega, il-Kunsill baqa’ ma weriex sa fejn l-informazzjoni li huwa kellu fir-rigward tal-imsemmi proċess ta’ familjarizzazzjoni tad-difiża fiż-żewġ proċeduri msemmija iktar ’il fuq u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji relatati miegħu ppermettewlu jikkunsidra li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent kienu diġà ġew irrispettati, filwaqt li, kif sostna dan tal-aħħar, l-imsemmija proċeduri, li kienu jikkonċernaw fatti allegatament imwettqa bejn l-2011 u l-2014, kienu għadhom fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari u, barra minn hekk, kienu ġew ittrasferiti, diġà magħluqa, lil awtoritajiet investigattivi oħra f’Novembru 2019, sabiex il-każijiet inkwistjoni kienu għadhom ma ġewx sottomessi lil qorti Ukraina fuq il-mertu.

98      Issa, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi l-parametru li fid-dawl tiegħu l-Kunsill jevalwa r-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust, pubbliku u fi żmien raġonevoli, minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, bħal dawk previsti mill-Artikolu 6, it-tifsira u l-portata tagħhom huma, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk li tagħtihom il-KEDB.

100    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi interpretat l-Artikolu 6 tal-KEDB, minn naħa, il-Qorti EDB irrilevat li l-għan tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli kien, b’mod partikolari, li jipproteġi lill-persuna akkużata mid-dewmien eċċessiv tal-proċedura u li jiġi evitat li hija tibqa’ għal żmien twil fl-inċertezza tad-destin tagħha kif ukoll id-dewmien li jikkomprometti l-effettività u l-kredibbiltà tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara l-Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 2015, Rutkowski et vs Il-Polonja, CE:ECHR:2015:0707JUD007228710, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). Iktar minn hekk, il-Qorti EDB ikkunsidrat li l-ksur ta’ dan il-prinċipju seta’ jiġi kkonstatat b’mod partikolari meta l-fażi istruttorja ta’ proċeduri kriminali tkun ikkaratterizzata minn ċertu numru ta’ fażijiet ta’ inattività imputabbli lill-awtoritajiet kompetenti għal din l-istruttorja. (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 6 ta’ Jannar 2004, Rouille vs Franza, CE:ECHR:2004:0106JUD005026899, punti 29 sa 31; 27 ta’ Settembru 2007, Reiner et vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2007:0927JUD000150502, punti 57 sa 59; u 12 ta’ Jannar 2012, Borisenko vs L-Ukrajna, CE:ECHR:2012:0112JUD002572502, punti 58 sa 62).

101    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta persuna tkun is-suġġett ta’ miżuri restrittivi għal diversi snin, u dan minħabba l-eżistenza, essenzjalment, tal-istess investigazzjoni preliminari mwettqa mill-BPG jew minn awtorità investigattiva oħra,, il-Kunsill huwa obbligat li japprofondixxi l-kwistjoni tal-eventwali ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna mill-awtoritajiet Ukraini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2019, Stavytskyi vs Il‑Kunsill, T‑290/17, EU:T:2019:37, punt 132).

102    Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kunsill kellu minn tal-inqas jindika r-raġunijiet li għalihom, minkejja l-argumenti tar-rikorrent riprodotti fil-punt 97 iktar ’il fuq, huwa seta’ jqis li d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem l-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukraina, li huwa, evidentement, dritt fundamentali, kien ġie rrispettat f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-kawża tiegħu kinitx instemgħet f’terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 100).

103    Għalhekk ma jistax jiġi konkluż, fid-dawl tal-atti tal-proċess, li l-elementi li l-Kunsill kellu għad-dispożizzjoni tiegħu waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati ppermettewlu jivverifika jekk id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukraina kinitx ittieħdet b’osservanza tad-drittijiet tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li l-kawża tiegħu tinstema’ f’terminu raġonevoli.

104    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, fil-każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi bħal dik li tikkonċerna lir-rikorrent, huwa l-kompitu tal-Kunsill jew tal-qorti tal-Unjoni li jivverifikaw il-fondatezza mhux tal-investigazzjonijiet li l-persuna kkonċernata minn dawn il-miżuri kienet is-suġġett tagħhom fl-Ukraina, iżda biss tad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fir-rigward tad-dokument jew dokumenti li fuqhom kienet ibbażata din id-deċiżjoni, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kunsill ma huwiex obbligat li jivverifika jekk id-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha jrid jibbaża l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ttieħdet fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Klymenko vs Il‑Kunsill, T‑295/19, EU:T:2020:287, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ma huwiex stabbilit li l-Kunsill, qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, żgura ruħu mir-rispett mill-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukraina, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li huwa bbaża ruħu fuqhom. Minn dan isegwi li, billi ddeċieda li jżomm isem ir-rikorrent fil-lista, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra mqajma minn dan tal-aħħar.

 Fuq iż-żamma fis-seħħ tal-effetti tad-Deċiżjoni 2020/373

107    Sussidjarjament, il-Kunsill jitlob li, fil-każ ta’ annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/370, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-effetti tad-Deċiżjoni 2020/373 jinżammu fis-seħħ sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/370.

108    Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li l-appell ma għandux effett sospensiv. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 ta’ dak l-istatut jipprevedi, madankollu, li b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament jidħlu fis-seħħ biss wara li jiskadi l-perijodu li matulu jista’ jiġi ppreżentat appell, jew, jekk appell ikun ġie ppreżentat f’dan it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tiegħu.

109    F’dan il-każ, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/370 għandu n-natura ta’ regolament meta jipprovdi li huwa obbligatorju kollu kemm hu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, li jikkorrispondi mal-effetti ta’ regolament kif stabbilit fl-Artikolu 288 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Il-Kunsill vs Bank Saderat Iran, C‑200/13 P, EU:C:2016:284, punt 121).

110    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 60, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa għaldaqstant applikabbli f’dan il-każ (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Il‑Kunsill vs Bank Saderat Iran, C‑200/13 P, EU:C:2016:284, punt 122).

111    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tad-Deċiżjoni 2020/373, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi.

112    F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/370 u dik tad-Deċiżjoni 2020/373 tista’ twassal għal preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jimponu fuq ir-rikorrenti miżuri identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Klyuyev vs Il‑Kunsill, T‑731/15, EU:T:2018:90, punt 263). L-effetti tad-Deċiżjoni 2020/373 għandhom għalhekk jinżammu f’dak li jirrigwarda r-rikorrent, sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/370.

 Fuq l-ispejjeż

113    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/373 tal5 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/370 tal5 ta’ Marzu 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huma annullati sa fejn l-isem ta’ Oleksandr Viktorovych Klymenko nżamm fil-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi.

2)      L-effetti tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2020/373 qed jinżammu fir-rigward ta’ O. Klymenko sakemm jiskadi t-terminu tal-appell imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, jekk appell ikun ippreżentat f’dak il-perijodu, sakemm l-appell jiġi miċħud.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Spielmann

Spineanu-Matei

Mastroianni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Frar 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.