Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

16 ta’ Marzu 2022 (*)

“Enerġija – Regolament (UE) 2017/459 – Kodiċi tan-network adottat mill-Kummissjoni li jinkludi ‘proċess ta’ kapaċità inkrementali’ – Deċiżjoni tal-ACER li tapprova t-twettiq ta’ proġett ta’ kapaċità inkrementali – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Inkompetenza tal-Kummissjoni – Artikolu 6(11), Artikolu 7(3), u Artikolu 8(6) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009”

Fil-Kawżi magħquda T‑684/19 u T‑704/19,

Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal (MEKH), stabbilita fi Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn G. Stanka, J. Burai-Kovács, G. Szikla u Á. Kulcsár, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑684/19,

FGSZ Földgázszállító Zrt., stabbilita fi Siófok (l-Ungerija), irrappreżentata minn M. Horányi, N. Niejahr u S. Zakka, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑704/19,

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata, fil-Kawża T‑684/19, minn P. Martinet, D. Lelovitis u N. Keyaerts, bħala aġenti, assistiti minn E. Ameye, M. de Sousa Ferro u Cs. Nagy, avukati, u, fil-Kawża T‑704/19, minn P. Martinet, D. Lelovitis u N. Keyaerts, bħala aġenti, assistiti minn E. Ameye u M. de Sousa Ferro, avukati,

konvenuta,

sostnuta minn

Energie-Control Austria für die Regulierung der Elektrizitäts- und Erdgaswirtschaft (E-Control), irrappreżentata minn S. Polster, avukat,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u A. Sipos, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 05/2019 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), tad‑9 ta’ April 2019, u tad-Deċiżjoni Nru A-004-2019 tal-Bord tal-Appell tal-ACER, tas‑6 ta’ Awwissu 2019,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn V. Tomljenović, Presidenta, V. Kreuschitz, F. Schalin, P. Škvařilová-Pelzl u I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑27 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

1        Fl-2015, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑704/19, FGSZ Földgázszállító Zrt. (iktar ’il quddiem “FGSZ”), jiġifieri l-operatriċi tan-network ta’ trasport tal-gass Ungeriża, kif ukoll l-omologa Bulgara, Rumena u Awstrijaka tagħha, kienu niedu proġett ta’ kooperazzjoni reġjonali intiż sabiex tiżdied l-indipendenza enerġetika billi jiġi introdott il-gass tal-Baħar l-Iswed. Imsejjaħ “Rohuat/BRUA”, fejn dan il-proġett kien jipprevedi ż-żieda tal-kapaċità inkrementali f’żewġ punti ta’ interkonnessjoni, wieħed eżistenti bejn ir-Rumanija u l-Ungerija u l-ieħor eżistenti bejn l-Ungerija u l-Awstrija.

2        Fis‑26 ta’ Mejju 2017, il-proġett ġie maqsum f’żewġ proġetti distinti, fosthom dak dwar il-punt ta’ interkonnessjoni li jgħaddi mill-Ungerija lejn l-Awstrija (iktar ’il quddiem il-“proġett HUAT”). F’dan ir-rigward, FGSZ u l-operatriċi tan-network ta’ trasport tal-gass Awstrijak, Gas Connect Austria GmbH (iktar ’il quddiem “GCA”), ippreżentaw applikazzjoni għal evalwazzjoni tat-talba tas-suq għall-proġett HUAT, konformement mal-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 tas‑16 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta’ Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 (ĠU 2017, L 72, p. 1).

3        Fis‑27 ta’ Lulju 2017, FGSZ u GCA ppubblikaw rapport ta’ evalwazzjoni konġunt li fih ikkonkludew li kien jeżisti interess mhux vinkolanti għal kapaċità inkrementali, min-naħa tal-utenti tan-network, li jippermetti t-tnedija ta’ proġett ta’ kapaċità inkrementali fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2017/459. Madankollu, ir-rapport żvela riżultat asimetriku, peress li l-applikazzjonijiet ippreżentati lil GCA min-naħa Awstrijaka kienu kważi darbtejn ogħla minn dawk ippreżentati lil FGSZ min-naħa Ungeriża.

4        Mid‑19 ta’ Ottubru sad‑19 ta’ Novembru 2017, FGSZ u GCA wettqu konsultazzjoni pubblika konġunta dwar l-abbozz ta’ proposta ta’ proġett, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament 2017/459.

5        Fis‑6 ta’ April 2018, FGSZ ippreżentat formalment lir-rikorrenti fil-Kawża T‑684/19, Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal (MEKH), jiġifieri l-awtorità regolatorja tal-enerġija u tas-servizzi pubbliċi Ungeriża, il-proposta tal-proġett HUAT ta’ kapaċità inkrementali, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2017/459, filwaqt li enfasizzat li ma kinitx favur l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett u li għalhekk ma kinitx tipproponi t-tnedija tal-irkant ta’ kapaċità inkrementali, skont l-Artikolu 29 ta’ dan l-istess regolament.

6        Fid‑9 ta’ April 2018, GCA ssottomettiet il-proposta ta’ proġett HUAT lill-awtorità regolatorja tas-setturi tal-elettriku u tal-gass naturali Awstrijaka, Energie-Control Austria für die Regulierung der Elektrizitäts- und Erdgaswirtschaft (E-Control), intervenjenti insostenn tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER).

7        Fis‑27 ta’ April 2018, E-Control adottat deċiżjoni li tapprova l-proposta ta’ proġett HUAT.

8        Fil‑5 ta’ Ottubru 2018, MEKH adottat deċiżjoni li tiċħad il-proposta tal-proġett HUAT.

9        Fl‑10 ta’ Ottubru 2018, l-ACER indikat lil MEKH u lil E-control li hija kienet ikkonstatat li ebda deċiżjoni kkoordinata ma kienet ittieħdet fis-sitt xhur wara r-riċezzjoni tal-proposta ta’ proġett HUAT mill-aħħar awtorità regolatorja nazzjonali u li, għaldaqstant, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2009, L 211, p. 1), hija kienet awtorizzata tiddeċiedi dwar l-imsemmija proposta.

10      Fid‑9 ta’ April 2019, l-ACER adottat id-Deċiżjoni Nru 05/2019 li tapprova l-proposta ta’ proġett HUAT (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”).

11      Fis‑6 u fis‑7 ta’ Ġunju 2019, żewġ appelli ġew ippreżentati kontra d-deċiżjoni inizjali quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER, konformement mal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 713/2009, rispettivament minn MEKH u minn FGSZ.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2019, il-Bord tal-Appell tal-ACER ċaħad l-appelli ppreżentati kontra d-deċiżjoni inizjali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bord tal-Appell”).

II.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

13      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fis‑7 u fil‑15 ta’ Ottubru 2019, MEKH u FGSZ ippreżentaw dawn ir-rikorsi.

14      Fil‑21 u fit‑22 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-ACER fil-Kawżi T‑684/19 u T‑704/19.

15      Fit‑23 ta’ Jannar 2020, E-Control talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-ACER fil-Kawżi T‑684/19 u T‑704/19.

16      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Marzu u tal‑5 ta’ Ġunju 2020, il-Presidenta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali aċċettat l-intervent tal-Kummissjoni.

17      Permezz ta’ digrieti tat‑28 ta’ April u tal‑4 ta’ Ġunju 2020, il-Presidenta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħet l-intervent ta’ E-Control.

18      Fit‑22 ta’ Diċembru 2020, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid sedenti fit-Tieni Awla.

19      Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Lulju 2021, il-Presidenta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad il-Kawżi T‑684/19 u T‑704/19 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza. F’dan l-istess digriet, hija ċaħdet it-talba għal kunfidenzjalità, ifformulata mill-ACER fir-rigward ta’ FGSZ, dwar l-anness tar-risposta fil-Kawża T‑684/19, li tikkorrispondi għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, peress li FGSZ kienet bilfors taf bl-imsemmija deċiżjoni, peress li kienet destinatarja tagħha.

20      Fuq proposta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, din iddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

21      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet.

22      Minħabba l-impediment ta’ parteċipazzjoni ta’ membru tat-Tieni Awla Estiża, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina mħallef ieħor sabiex jikkompleta l-kulleġġ ġudikanti.

23      MEKH titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-“deċiżjoni inizjali approvata mill-Bord tal-Appell tal-ACER”;

–        tikkundanna lill-ACER għall-ispejjeż.

24      FGSZ titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni inizjali u d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(1) u (2) u l-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni inizjali kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell;

–        tikkundanna lill-ACER għall-ispejjeż.

25      L-ACER titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        fil-Kawża T‑68419:

–        tiddikjara inammissibbli l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv u t-tieni parti tat-tieni motiv;

–        konġuntament jew sussidjarjament, tiddikjara infondati l-motivi kollha u, konsegwentement, tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lil MEKH għall-ispejjeż.

–        fil-Kawża T‑704/19,

–        tiddeċiedi li l-motivi kollha huma infondati u, konsegwentement, tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lil FGSZ għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni u E-Control jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

27      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas‑6 ta’ Novembru 2020. Barra minn hekk, FGSZ irtirat ir-rikors tagħha sa fejn dan kien dirett kontra d-deċiżjoni inizjali, u dan tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta.

III. Iddritt

28      L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza minn FGSZ li rtirat, waqt is-seduta, ir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni inizjali, MEKH tikkontesta fir-rikors tagħha kemm id-deċiżjoni inizjali kif ukoll id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dan l-aħħar rikors sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni inizjali.

A.      Fuq lammissibbiltà tarrikors filKawża T684/19 sa fejn huwa dirett kontra ddeċiżjoni inizjali

29      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors stabbiliti mill-Artikolu 263 TFUE jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku u għalhekk hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżaminahom ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Pebagua vs Il‑Kummissjoni, C‑204/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:425, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mfakkra fil-punt 21 iktar ’il fuq, il-partijiet ippreżentaw l-opinjoni tagħhom dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi sa fejn dawn kienu diretti kontra d-deċiżjoni inizjali, fid-dawl, minn naħa, tal-premessa 34, tal-Artikolu 28(1) u tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22), li ssostitwixxa r-Regolament Nru 713/2009, u, min-naħa l-oħra, tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

31      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, fir-rigward ta’ rikorsi ppreżentati minn rikorrenti li ma humiex privileġġati, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jippreċiża li “[a]tti li jistabbilixxu korpi u organi ta’ l-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta’ dawn il-korpi jew organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom”.

32      Fil-kuntest ta’ din it-tilwim, il-kundizzjonijiet u modalitajiet partikolari li jikkonċernaw ir-rikorsi, imsemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jirriżultaw mir-Regolament 2019/942.

33      Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regoli proċedurali huma ġeneralment maħsuba sabiex japplikaw fid-data li fiha jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati bħala li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom ħlief sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-iskop u mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi assenjat lilhom (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Isegwi li, f’dan il-każ, ir-regoli proċedurali applikabbli sabiex tiġi stabbilita l-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T‑684/19 sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni inizjali huma dawk previsti fir-Regolament 2019/942. Fil-fatt għandu jiġi rrilevat li, bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali (id‑9 ta’ April 2019) u dik tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell (is‑6 ta’ Awwissu 2019), ir-Regolament Nru 713/2009 ġie ssostitwit bir-Regolament 2019/942, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Lulju 2019.

35      Fit-tieni lok, mill-premessa 34 u mill-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942 jirriżulta li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li ma jaqblux ma’ deċiżjoni tal-ACER, li tagħha huma destinatarji jew li tikkonċernahom individwalment u direttament, għandhom jadixxu lill-Bord tal-Appell meta din il-possibbiltà tkun miftuħa lilhom. Meta tkun teżisti tali possibbiltà, huma jistgħu jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali biss id-deċiżjoni tal-imsemmi Bord tal-Appell.

36      Fil-fatt, l-ewwel, skont il-premessa 34 tar-Regolament 2019/942:

“Fejn l-ACER ikollha s-setgħa sabiex tieħu deċiżjonijiet, għal finijiet ta’ ekonomija proċedurali, il-partijiet interessati jenħtieġ li jingħataw id-dritt ta’ appell lil Bord tal-Appell, li jenħtieġ li jkun parti mill-ACER, iżda li jkun indipendenti mill-istruttura amministrattiva u regolatorja tagħha. Sabiex jiġu garantiti l-funzjonament u l-indipendenza sħiħa tiegħu, il-Bord tal-Appell jenħtieġ li jkollha linja baġitarja separata fil-baġit tal-ACER. Fl-interess tal-kontinwità, il-ħatra jew it-tiġdid tal-membri tal-Bord tal-Appell jenħtieġ li tippermetti li tkun tista’ ssir sostituzzjoni parzjali tal-membri tal-Bord tal-Appell. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja).”

37      It-tieni, l-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, intitolat “Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, jippreċiża li “[k]awżi dwar l-annullament ta’ deċiżjoni maħruġa mill-ACER skont dan ir-Regolament u azzjonijiet għal nuqqas ta’ azzjoni fil-limiti ta’ żmien applikabbli, jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss wara li tkun intemmet il-proċedura tal-appell imsemmija fl-Artikolu 28 […]”.

38      F’dan ir-rigward, it-tielet, l-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942 intitolat “Deċiżjonijiet soġġetti għal appell”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet regolatorji, tista’ tappella kontra deċiżjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2 li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tikkonċerna direttament lil dik il-persuna”. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, “[i]l-Bord tal-Appell ghandu jiddeċiedi dwar l-appell fi żmien erba' xhur wara li jkun tressaq l-appell”.

39      B’konsegwenza, sa fejn id-deċiżjoni inizjali setgħet tkun is-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell, mill-qari konġunt tal-premessa 34 u tal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942 jirriżulta li hija biss id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li setgħet tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali.

40      Fit-tielet lok, anki jekk jiġi meqjus li r-Regolament Nru 713/2009 kien applikabbli ratione temporis, l-istess konklużjoni tapplika, peress li l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi li “[a]zzjoni tista’ titressaq quddiem il-Qorti [Ġenerali] [...] konformement mal-Artikolu [263 TFUE] sabiex tikkontesta deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord tal-Appell jew, fil-każijiet li ma [kien] hemm l-ebda dritt, quddiem il-Bord tal-Appell, mill-Aġenzija” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Austrian Power Grid u Vorarlberger Übertragungsnetz vs ACER, T‑333/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:760, punti 31 u 32).

41      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, MEKH ma tistax titlob l-annullament tad-deċiżjoni inizjali.

42      Isegwi li r-rikors fil-Kawża T‑684/19 għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni inizjali.

B.      Fuq ilfondatezza tarrikors

43      Insostenn tar-rikors rispettiv tagħhom, MEKH u FGSZ iressqu, essenzjalment, erbatax-il motiv. Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa biżżejjed li jiġi eżaminat l-ewwel motiv ippreżentat fil-Kawża T‑684/19, li permezz tiegħu MEKH teċċepixxi l-illegalità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459.

44      MEKH teċċepixxi l-illegalità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 minħabba li dan il-kapitolu jeċċedi s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU 2009, L 211, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2009, L 229, p. 29 u fil-ĠU 2009, L 309, p. 87), u li, għaldaqstant, għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli għal dan it-tilwim skont l-Artikolu 277 TFUE.

45      L-ACER, sostnuta mill-Kummissjoni, issostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondata.

1.      Fuq lammissibbiltà taleċċezzjoni ta’ illegalità 

46      L-ewwel, l-ACER issostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija inammissibbli peress li, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, huma biss l-aggravji mqajma quddiem il-Bord tal-Appell tagħha li jistgħu jiġu invokati quddiem il-Qorti Ġenerali.

47      Huwa minnu li MEKH ma qajmitx l-illegalità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER.

48      Barra minn hekk, huwa ġust li l-ACER tenfasizza, essenzjalment, li l-obbligu ta’ eżawriment tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tagħha qabel il-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jinsab fl-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, jimplika, bħala prinċipju, li aggravji mhux ippreżentati quddiem l-imsemmi Bord tal-Appell ma jistgħux jitressqu għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikors għal annullament. Fil-fatt, peress li dan tal-aħħar jirrigwarda esklużivament id-deċiżjoni ta’ dan il-Bord tal-Appell, għandu jsir fir-rigward tal-kuntest fattwali u ġuridiku tat-tilwim kif kien tressaq quddiem Bord tal-Appell simili.

49      Madankollu, tali approċċ ma jistax jiġi segwit fir-rigward ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali peress li l-preżentazzjoni ta’ argument ekwivalenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tintlaqa’.

50      Fil-fatt, mis-sistema leġiżlattiva u ġudizzjarja stabbilita mit-Trattat FUE jirriżulta li hija biss il-qorti tal-Unjoni Ewropea li tista’, skont l-Artikolu 277 TFUE, tikkonstata l-illegalità ta’ att ta’ portata ġenerali u tislet il-konsegwenzi tal-inapplikabbiltà li tirriżulta minn dan f’dak li jikkonċerna l-att ta’ portata individwali kkontestat quddiemha, billi l-istituzzjoni, l-aġenzija jew l-organu tal-Unjoni li jipprovdu r-rimedji interni ma jiġux irrikonoxxuti tali kompetenza mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, BĊE vs Cerafogli, T‑787/14 P, EU:T:2016:633, punt 49).

51      Għaldaqstant, sa fejn il-Bord tal-Appell tal-ACER ma kellux dritt jevalwa l-validità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459, iżda kellu, bil-kontra, japplika dan sa fejn il-qorti tal-Unjoni ma kinitx stabbilixxiet l-illegalità eventwali tiegħu, MEKH ma tistax tiġi kkritikata li ma qajmitx l-illegalità tal-imsemmi kapitolu quddiem l-imsemmi Bord tal-Appell.

52      It-tieni, l-ACER tenfasizza, fil-kontroreplika, li t-“terminu stabbilit mill-Artikolu 263 [TFUE] sabiex tiġi kkontestata l-validità tar-[Regolament 2017/459] kien skada fil-mument tar-rikors”.

53      F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 277 TFUE nnifsu jirriżulta li l-possibbiltà li tiġi eċċepita l-illegalità ta’ att ta’ portata ġenerali fl-okkażjoni ta’ kawża li tqajjem dubju dwaru teżisti “[m]inkejja l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fis-sitt subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 TFUE”.

54      Minbarra dan, sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, ACER tinvoka l-ġurisprudenza li l-eċċezzjoni ta’ illegalità prevista mill-Artikolu 277 TFUE ma tistax tiġi invokata minn persuna fiżika jew ġuridika li tkun naqset milli tippreżenta rikors kontra l-att inkriminat fit-termini previsti għal dan il-għan, għandu jiġi enfasizzat li din il-ġurisprudenza tapplika biss meta tali rikors kien mingħajr ebda dubju ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2004, Schintgen vs Il‑Kummissjoni, T‑343/02, EU:T:2004:111, punt 26; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 41 u 42, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et, C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, ma jistax jitqies li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn MEKH kontra r-Regolament 2017/459 kienet tkun evidenti. Għall-kuntrarju, peress li dan huwa att ta’ portata ġenerali li jimplika miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u peress li MEKH ma hijiex simili għal rikorrent privileġġat fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-ammissibbiltà ta’ tali rikors kienet, tal-inqas, dubjuża.

56      It-tielet, l-ACER essenzjalment issostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, sa fejn ir-Regolament 2017/459 ma jikkostitwixxix il-bażi legali tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, peress li din ġiet adottata skont is-setgħat iddelegati lill-ACER permezz tar-Regolament Nru 713/2009.

57      Tali argument ma jistax jiġi aċċettat.

58      Fil-fatt, għalkemm jirriżulta mill-ġurisprudenza li eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE tista’ tiġi ppreżentata biss kontra att ta’ portata ġenerali li huwa applikabbli direttament jew indirettament għall-każ li huwa s-suġġett tar-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta fir-rigward mhux biss tad-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjonijiet individwali kkontestati, iżda wkoll ta’ dawk li għandhom rabta ġuridika diretta ma’ tali deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punti 67 sa 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Issa, permezz tal-ewwel motiv tagħha, MEKH teċċepixxi l-illegalità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 minħabba li dan il-kapitolu jeċċedi s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament Nru 715/2009. Sa fejn ir-Regolament 2017/459 huwa l-oriġini ta’ regoli li l-Bord tal-Appell tal-ACER applika fid-deċiżjoni tiegħu, teżisti neċessarjament rabta ġuridika diretta fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija ammissibbli.

2.      Fuq ilfondatezza taleċċezzjoni ta’ illegalità

61      MEKH teċċepixxi l-illegalità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 minħabba li r-Regolament Nru 715/2009 ma jippermettix lill-Kummissjoni tadotta kodiċi tan-network li jipprevedi proċess ta’ ħolqien ta’ kapaċità inkrementali li twassal sabiex jiġi impost fuq l-operatur li jagħmel l-investimenti neċessarji għall-ħolqien tal-imsemmija kapaċità inkrementali.

62      Essenzjalment, dan il-motiv huwa kompost minn żewġ partijiet. Minn naħa, MEKH issostni li l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 huwa inkompatibbli mal-bażi legali tar-Regolament Nru 715/2009, jiġifieri l-Artikolu 114 TFUE. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-imsemmi kapitolu ma jaqax taħt is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni minn dan l-aħħar regolament sabiex tadotta kodiċijiet tan-network.

63      L-ACER, sostnuta mill-Kummissjoni, tqis li ż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv ma humiex fondati. L-ewwel, hija tallega n-natura ineffettiva tal-eċċezzjoni ta’ illegalità għal tliet raġunijiet.

64      L-ewwel raġuni invokata mill-ACER tikkonċerna n-natura żbaljata tal-premessa li fuqha hija bbażata l-eċċezzjoni ta’ illegalità peress li l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 ma jimponix fuq l-operaturi ta’ network ta’ trasport it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment sabiex tinħoloq kapaċità inkrementali fuq in-network.

65      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

66      Fil-fatt, il-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 jistabbilixxi proċedura li tinkludi, essenzjalment, seba’ stadji, li jwasslu, jekk ikun il-każ, għall-obbligu għall-operaturi ta’ network ta’ trasport li jagħmlu l-investimenti neċessarji għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network.

67      L-ewwel, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament 2017/459, l-operaturi tan-network ta’ trasport ikkonċernati għandhom jevalwaw it-talba tas-suq fir-rigward tal-proġetti ta’ kapaċità inkrementali ta’ kull naħa ta’ punt ta’ interkonnessjoni.

68      It-tieni, jekk tirriżulta mill-istadju preċedenti l-indikazzjoni li talba tas-suq tista’ teżisti għal proġett ta’ kapaċità inkrementali, l-Artikolu 27 tar-Regolament 2017/459 jipprevedi li fażi ta’ tfassil ta’ proġett f’dan is-sens tinbeda mill-operaturi ta’ network ta’ trasport ikkonċernati.

69      It-tielet, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2017/459, l-operaturi ta’ network ta’ trasport ikkonċernati għandhom jippreżentaw il-proġett ta’ kapaċità inkrementali għall-approvazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali tagħhom.

70      Ir-raba’, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament 2017/459, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti għandhom japprovaw jew jaslu għal ftehim dwar il-proġett.

71      Il-ħames, ladarba l-proġett ta’ kapaċità inkrementali huwa approvat mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-Artikolu 29 tar-Regolament 2017/459 jippreċiża li l-imsemmija kapaċità inkrementali tiġi rkantata sabiex jinkisbu impenji vinkolanti tal-utenti tan-network li jiksbu kapaċità għal livelli differenti ta’ offerti.

72      Is-sitt, mill-Artikoli 22 sa 25 tar-Regolament 2017/459 jirriżulta li, jew l-awtorità regolatorja nazzjonali jew l-operatur tan-network ta’ trasport iwettaq test ekonomiku fuq il-bażi tal-impenji vinkolanti magħmula.

73      Fl-aħħar, is-seba’, jekk it-test ekonomiku jagħti riżultat pożittiv miż-żewġ naħat ta’ punt ta’ interkonnessjoni għal mill-inqas livell wieħed ta’ offerta li jinkludi kapaċità inkrementali, l-Artikolu 22(3) tar-Regolament 2017/459 jipprevedi li “l-proġett għandu jinbeda”. Fl-assenza ta’ riżultat pożittiv, “proċess speċifiku ta’ kapaċità inkrementali għandu jintemm”.

74      Minn dan jirriżulta li, għalkemm id-diversi kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 huma ssodisfatti, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ impenji vinkolanti min-naħa tal-utenti tan-network għall-kisba tal-kapaċità inkrementali li fuq il-bażi tagħha l-vijabbiltà ekonomika ta’ żieda fil-kapaċità tintwera permezz tat-test ekonomiku, il-“proġett jinbeda” skont it-termini tal-Artikolu 22(3) tal-imsemmi regolament, li jimplika li l-operatur tan-network ta’ trasport huwa obbligat joħloq il-kapaċità inkrementali billi jagħmel fih l-investimenti neċessarji.

75      Barra minn hekk, din il-konklużjoni ġiet segwita mid-dipartimenti tal-ACER stess. Fil-fatt, mill-formulazzjoni stess tad-deċiżjoni inizjali (Artikolu 2(4) tad-dispożittiv) jirriżulta li l-ACER kienet tipprevedi l-obbligu għal FGSZ u għal GCA li jimplimentaw il-proġett HUAT sal‑1 ta’ Ottubru 2024 jekk ir-riżultat tat-test ekonomiku għall-imsemmi proġett jirriżulta pożittiv. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell tal-ACER stess irrikonoxxa fil-punt 99 tad-deċiżjoni tiegħu li l-Artikolu 22(3) flimkien mal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2017/459 flimkien setgħu jwasslu għal tali obbligu.

76      It-tieni raġuni invokata mill-ACER tirrigwarda n-natura ineffettiva tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, sa fejn id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ma ġietx adottata abbażi tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459, iżda abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 713/2009.

77      Għandu jitfakkar, permezz tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li l-ACER ssostitwixxiet lir-regolaturi nazzjonali sabiex twettaq ir-raba’ stadju tal-proċess dwar il-kapaċità inkrementali, stabbilit fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 u deskritt fil-punt 66 sa 73 iktar ’il fuq.

78      Għaldaqstant, u għal raġunijiet analogi għal dawk spjegati fil-punt 59 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, anki jekk tittieħed abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 713/2009, tapplika r-regoli li jinsabu fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459, li għalhekk jikkundizzjona l-legalità tagħha, b’tali mod li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ma għandhiex in-natura ineffettiva allegata mill-ACER.

79      Fl-aħħar, fil-kuntest tat-tielet raġuni, l-ACER tenfasizza li MEKH tikkontesta biss il-validità tal-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459, minkejja li dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament jirreferu għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network.

80      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-fatt li dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament 2017/459 jirreferu għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali u ma humiex espliċitament previsti minn din l-eċċezzjoni ta’ illegalità huwa irrilevanti peress li hija rilevanti biss il-kwistjoni dwar jekk il-Kapitolu V tal-imsemmi regolament, li ġie applikat fid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, huwiex ivvizzjat b’illegalità, li jimplika li huwa ddikjarat inapplikabbli għal dan it-tilwim skont l-Artikolu 277 TFUE.

81      Peress li dawn il-kontestazzjonijiet preliminari tal-ACER ġew miċħuda, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza taż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv.

a)      Fuq ilfondatezza talewwel parti, ibbażata fuq linkompatibbiltà tarRegolament 2017/459 malbażi legali tarRegolament Nru 715/2009 

82      Essenzjalment, MEKH issostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tipprevedi, fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459, il-possibbiltà li tindirizza deċiżjonijiet individwali lill-operaturi ta’ network ta’ trasport, billi timponilhom li jagħmlu investimenti, mingħajr ma tikser il-bażi legali tar-Regolament Nru 715/2009, jiġifieri l-Artikolu 114 TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, li ma jistgħux jinkludu l-istabbiliment ta’ sistema legali li tinvolvi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali indirizzati lil operaturi privati.

83      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 114(1) TFUE, “[i]l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern”.

84      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 715/2009 jippreċiża li dan ir-regolament għandu, b’mod partikolari, l-għan li “jiffissa regoli nondiskriminatorji għall-kondizzjonijiet ta’ aċċess għas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, b’kont meħud tal-karatteristiċi speċjali tas-swieq nazzjonali u reġjonali bl-għan li jiġi żgurat il-funzjonament adatt tas-suq intern tal-gass”, li “jiffaċilita swieq bl-ingrossa li jiffunzjonaw tajjeb u huma trasparenti b’livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista tal-gass ” u li “jipprovdu mekkaniżmi li jarmonizzaw ir-regoli ta’ aċċess għan-netwerk għal skambju transkonfinali tal-gass”.

85      L-ewwel, għandu jitfakkar li, permezz tal-espressjoni “miżuri għall-approssimazzjoni”, l-awturi tat-Trattat FUE xtaqu jagħtu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari f’oqsma li huma kkaratterizzati minn aspetti tekniċi kumplessi (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 102).

86      It-tieni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, f’ċerti oqsma, l-approssimazzjoni ta’ regoli ġenerali biss tista’ ma tkunx biżżejjed biex tiżgura l-unità tas-suq u, min-naħa l-oħra, xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE ma jippermetti li jiġi konkluż li l-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu limitati, fir-rigward tad-destinatarji tagħhom, għall-Istati Membri biss (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 106 u 107).

87      It-tielet u konsegwentement, għandu jitqies li l-Artikolu 114 TFUE ma jipprekludix li, skont ir-Regolament Nru 715/2009, il-Kummissjoni tfassal leġiżlazzjoni li timplika, jekk ikun il-każ, l-obbligu għal operatur wieħed jew iktar ta’ network ta’ trasport li jagħmlu l-investimenti neċessarji għall-kisba ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network, sa fejn l-imsemmi obbligu ma jidhirx manifestament mhux xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ armonizzazzjoni tiegħu.

88      Ir-raba’, fid-dawl tal-importanza li jista’ jkollha l-eżistenza ta’ kapaċità suffiċjenti fuq in-networks sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass u s-sigurtà tal-provvista, għandu jiġi kkonstatat li l-proċess ta’ żieda tal-kapaċità li jinsab fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 u spjegat fil-punti 66 sa 73 iktar ’il fuq jista’, mingħajr diffikultà, jintrabat mal-għanijiet tar-Regolament Nru 715/2009 kif stabbiliti fl-Artikolu 1 tiegħu.

89      Għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ilfondatezza tattieni parti, ibbażata fuq ilfatt li lKapitolu V tarRegolament 2017/459 jeċċedi ssetgħa mogħtija lillKummissjoni mirRegolament Nru 715/2009

90      MEKH issostni, essenzjalment, li l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 jeċċedi l-limiti tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009 sabiex tadotta kodiċi tan-network.

91      L-ACER, sostnuta mill-Kummissjoni, tqis li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/459 dwar il-kapaċità inkrementali huma konformi mar-Regolament Nru 715/2009. Hija tenfasizza li l-adozzjoni ta’ regoli dwar il-kapaċità inkrementali tikkostitwixxi, mid-definizzjoni tagħha stess, kwistjoni ta’ natura sovranazzjonali, li dawn ir-regoli huma indispensabbli għat-twettiq tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament tal-aħħar u li dawn jaqgħu taħt is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni, li tippermettilha temenda l-elementi mhux essenzjali tal-istess regolament fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ kodiċijiet tan-network li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-allokazzjoni tal-kapaċità, is-sigurtà tal-provvista u l-konnessjoni man-network.

92      Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll l-importanza, għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass naturali u għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq, ta’ regolamentazzjoni tan-networks kbar ta’ pipelines, peress li dawn jikkostitwixxu monopolji naturali, li jistgħu jagħtu lok għal aġir abbużiv, bħar-restrizzjoni ta’ investimenti strateġiċi fl-iżvilupp u fl-estensjoni tan-network. Hija żżid li n-neċessità li tiġi ggarantita interkonnessjoni adegwata bejn is-sistemi tal-enerġija nazzjonali fl-interess tal-istabbiliment tas-suq intern tal-enerġija tirriżulta mill-Artikoli 170, 172 u 194 TFUE.

93      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza, essenzjalment, li, minkejja s-separazzjoni strutturali bejn, minn naħa, il-produzzjoni u l-kummerċ tal-gass u, min-naħa l-oħra, it-trasport tiegħu, jistgħu jeżistu inċentivi ekonomiċi sabiex ma jsirux l-investimenti neċessarji fil-qasam tal-infrastruttura, sabiex tinżamm ir-rata ta’ użu tan-network u sabiex jiġu applikati tariffi ta’ konġestjoni. Din hija r-raġuni għaliex kemm ir-Regolament Nru 715/2009 kif ukoll id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94), jipprevedu, fir-rigward tal-operaturi ta’ network ta’ trasport, obbligi marbuta mal-implimentazzjoni ta’ kapaċità ta’ trasport transkonfinali u, fir-rigward tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-kompitu li jiżguraw l-osservanza tagħhom.

94      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 16(2) u (5) tar-Regolament Nru 715/2009 jirriżulta li l-kunċett ta’ allokazzjoni transkonfinali jimplika, neċessarjament, il-possibbiltà li tiżdied il-kapaċità eżistenti fl-interess tal-istabbiliment ta’ suq intern operattiv tal-enerġija u tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq. Barra minn hekk, hija tfakkar, essenzjalment, li l-obbligu għall-operaturi ta’ network ta’ trasport li jieħdu deċiżjoni ta’ investiment meta ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ allokazzjoni kkoordinata tal-kapaċità transkonfinali stabbilita fl-Artikolu 42(2)(a) tad-Direttiva 2009/73.

95      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tfakkar li r-Regolament 2017/459 għandu bħala bażijiet legali l-Artikolu 6(11) u l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 715/2009 u jistabbilixxi “Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta’ Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass” filwaqt li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 984/2013 tal‑14 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta’ Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass u li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 273, p. 5), fl-oriġini tal-kodiċi tan-network preċedenti. Il-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 jirrigwarda l-“Proċess ta’ kapaċità inkrementali”. Kif dan ġie spjegat fil-punti 67 sa 74 iktar ’il fuq, l-imsemmi proċess jista’ jwassal għall-obbligu għall-operatur ta’ network ta’ trasport tal-gass li joħloq kapaċità inkrementali fuq l-imsemmi network jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

96      Fit-tieni lok, is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tadotta kodiċijiet tan-network tirriżulta mill-Artikolu 6(11), mill-Artikolu 7(3) u mill-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009. Fil-fatt, mill-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni għandha dritt tfassal kodiċijiet tan-network, f’ċerti oqsma elenkati b’mod eżawrjenti, minflok network Ewropew tal-operaturi ta’ network ta’ trasport tal-gass (iktar ’il quddiem l-“ENTSO”), li jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, l-istruttura ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-operaturi kollha ta’ network ta’ trasport tal-gass.

97      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 715/2009, dan jistabbilixxi l-proċedura għall-istabbiliment tal-kodiċijiet tan-network. Għalkemm din il-proċedura tipprevedi t-tfassil tal-kodiċijiet tan-network mill-ENTSO b’rabta mal-ACER u mal-Kummissjoni, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 11 tiegħu jipprevedi li l-“Kummissjoni tista’ tadotta, fuq inizjattiva tagħha meta l-ENTSO tal-Gass ikun naqas milli jħejji kodiċi tan-network […], kodiċi wieħed jew aktar tan-network fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6)”. Għalhekk, il-portata tas-setgħa ddelegata lill-Kummissjoni sabiex tadotta kodiċijiet tan-network hija limitata biss għall-oqsma li fihom l-ENTSO seta’ jfassal l-imsemmija kodiċijiet, jiġifieri dawk previsti fl-Artikolu 8(6) tal-imsemmi regolament.

98      It-tieni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament Nru 715/2009 jippreċiża li l-miżuri adottati fil-kodiċi tan-network huma “mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh” u “ikunu adottati skont il-proċedura regolatorju bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2)”. Din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 5a(1) sa (4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), imsejħa “deċiżjoni komitoloġija”, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE, tas‑17 ta’ Lulju 2006 (ĠU 2006, L 76M, p. 100). Referenza ekwivalenti tinsab fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 715/2009, li jikkonċerna l-emendi magħmula mill-Kummissjoni għall-kodiċijiet tan-network eżistenti.

99      Fit-tielet lok u konsegwentement, din il-parti timplika li jiġi eżaminat, l-ewwel, jekk il-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 jistax jintrabat mal-oqsma previsti mill-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009, li għalihom jirreferi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(11) ta’ dan l-aħħar regolament. Fin-negattiv, it-tieni,għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmi kapitolu huwiex simili għal emenda ta’ element mhux essenzjali tar-Regolament Nru 715/2009, li hija awtorizzata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(11) u tal-Artikolu 7(3) tal-istess regolament.

1)      Fuq ilportata tassetgħa mogħtija lillKummissjoni millewwel subparagrafu talArtikolu 6(11) u millArtikolu 8(6) tarRegolament Nru 715/2009

100    Għar-raġunijiet esposti fil-punt 97 iktar ’il fuq, il-portata tas-setgħa ddelegata mill-Artikolu 6(11) tar-Regolament Nru 715/2009 hija limitata għall-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6) ta’ dan ir-regolament, li għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati.

101    Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

i)      Fuq linterpretazzjoni letterali talArtikolu 8(6) tarRegolament Nru 715/2009

102    Fost l-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009, li għalihom hija prevista l-adozzjoni ta’ kodiċi tan-network, huma previsti, fil-paragrafu (g), l-“allokazzjoni ta’ kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta’ konġestjoni”, li għalihom tirreferi MEKH fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. L-ACER issemmi, barra minn hekk, l-oqsma li jinsabu taħt (a) sa (c), li jirrigwardaw rispettivament ir-“regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-network”, ir-“regoli dwar il-konnessjoni man-network” u r-“regoli ta’ aċċess għal partijiet terzi”.

103    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-uniku qasam li għalih huwa previst l-istabbiliment ta’ kodiċi tan-network, li l-formulazzjoni tiegħu tista’ eventwalment tkopri l-kwistjoni tal-kapaċità inkrementali, huwa dak imsemmi fl-Artikolu 8(6)(g) tar-Regolament Nru 715/2009, dwar l-“allokazzjoni ta’ kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta’ konġestjoni”. Fil-fatt, l-oqsma l-oħra msemmija fl-imsemmi paragrafu u, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw ir-“regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-network”, ir-“regoli dwar il-konnessjoni man-netwerk” u r-“regoli ta’ aċċess għal partijiet terzi”, li għalihom tirreferi l-ACER, ma għandhomx formulazzjoni li tista’ tinkludi l-kwistjoni tal-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq l-imsemmi network.

104    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 715/2009 jagħti definizzjonijiet tat-termini u espressjonijiet użati fl-imsemmi regolament, b’mod partikolari fl-Artikolu 8(6)(g) ta’ dan ir-regolament. Il-kunċett ta’ kapaċità huwa ddefinit b’mod ġenerali fil-punt 3. Sussegwentement, dan huwa maqsum f’komponenti differenti: fil-punt 4, skont il-”kapaċità mhux użata”, fil-punt 16, skont il-“kapaċità kostanti”, fil-punt 18 skont il-“kapaċità teknika” u, fil-punt 19, skont il-“kapaċità kuntrattata”. Il-kunċett ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni huwa ddefinit fil-punt 5. Il-punti 21 u 23 jirrigwardaw wkoll il-kunċett ta’ konġestjoni skont id-definizzjoni rispettivament tal-konġestjoni “kuntrattwali” u tal-konġestjoni “fiżika”.

105    Minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ kapaċità jirrigwarda b’mod inkontestabbli l-kapaċità attwali fuq in-network u li l-amministrazzjoni tal-konġestjoni hija prevista fuq il-bażi tal-kapaċità eżistenti fuq l-imsemmi network. Min-naħa l-oħra, minn ebda waħda minn dawn id-definizzjonijiet ma jirriżulta b’mod espliċitu li l-imsemmi kunċett jista’ jinftiehem bħala li jinkludi wkoll il-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq l-imsemmi network jew li l-“amministrazzjoni tal-konġestjoni” tista’ tiġi interpretata bħala li tipprevedi l-assorbiment mill-ġdid ta’ konġestjoni eventwali permezz tal-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali.

106    Għalhekk, l-ewwel, il-kunċett ta’ kapaċità huwa ddefinit bħala “il-fluss massimu […] li hu intitolat għalih l-utent tan-network taħt id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ trasport”. Sa fejn hija kkonċernata biss il-kapaċità li “hu intitolat għalih[a]” utent ta’ network, tali definizzjoni timplika pjuttost li hija prevista biss il-kapaċità attwali fuq in-network u mhux eventwali kapaċità futura.

107    It-tieni, għandu jiġi rrilevat li għalkemm ir-Regolament Nru 715/2009 jindirizza l-kunċett ta’ kapaċità f’numru kbir tal-varjazzjonijiet possibbli tiegħu, dan ma jsemmix il-“kapaċità futura”. Huwa biss fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2017/459 li din hija ddefinita mill-Kummissjoni, bħala li tirreferi għal “żieda futura possibbli permezz ta’ proċeduri bbażati fuq is-suq f’kapaċità teknika, jew kapaċità ġdida possibbli maħluqa fejn bħalissa ma teżistix u li tista’ tiġi offruta fuq il-bażi ta’ investimenti fl-infrastruttura fiżika jew l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità fit-tul u li sussegwentement tista’ tiġi allokata soġġett għal eżitu pożittiv f’test ekonomiku, fil-każijiet [differenti]”.

108    It-tielet, la d-definizzjoni tal-espressjoni “amministrazzjoni tal-konġestjoni” u lanqas dawk tal-espressjonijiet “konġestjoni kuntrattwali” u “konġestjoni fiżika” ma jipprevedu l-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network bħala soluzzjoni għall-problemi ta’ konġestjoni jew ta’ saturazzjoni tan-network.

ii)    Fuq linterpretazzjoni kuntestwali talArtikolu 8(6) tarRegolament Nru 715/2009

109    Skont l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009, għandu jiġi eżaminat jekk mill-istruttura ġenerali ta’ dan ir-regolament jew, jekk ikun il-każ, minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, jirriżultax li l-portata tal-kompetenza ddelegata lill-ENTSO permezz tal-Artikolu 8(6) tal-imsemmi regolament fl-okkażjoni tal-istabbiliment tal-kodiċijiet tan-network, u, konsegwentement, lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(11) ta’ dan ir-regolament, testendi għar-regoli li jirrigwardaw il-ħolqien tal-kapaċità inkrementali fuq in-network.

110    Dan ma huwiex il-każ peress li tirriżulta minn eżami tar-Regolament Nru 715/2009 kollu kemm hu l-eżistenza ta’ distinzjoni ċara bejn, minn naħa, l-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6) tal-imsemmi regolament, li għalihom l-ENTSO huwa kompetenti sabiex ifassal r-regoli rilevanti fil-kuntest tal-kodiċijiet tan-network u, min-naħa l-oħra, il-qafas tal-investimenti neċessarji għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network, li fir-rigward tagħha l-ENTSO jeżerċita biss rwol ta’ sostenn u ta’ koordinazzjoni.

111    Dan jidher, fl-ewwel lok, min-natura tas-setgħat iddelegati lill-ENTSO fir-rigward tal-iżvilupp tan-network, kif jirriżultaw mill-qari flimkien tal-Artikolu 8(3)(b) u tal-Artikolu 8(10) tar-Regolament Nru 715/2009.

112    Fil-fatt, minn naħa, għalkemm l-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament Nru 715/2009 jipprevedi li l-ENTSO għandu jadotta l-pjan ta’ żvilupp tan-network fl-Unjoni kollha, huwa speċifikat fih li l-imsemmi pjan għandu biss “natura mhux obbligatorja”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(10) tal-istess regolament, dan il-pjan huwa bbażat fuq “pjanijiet nazzjonali ta’ investiment”.

113    Min-naħa l-oħra, għalkemm il-pjan ta’ żvilupp tan-network fl-Unjoni kollha, stabbilit mill-ENTSO skont l-Artikolu 8(10) tar-Regolament Nru 715/2009, “jidentifika” skont il-punt (c) tiegħu “[i]l-lakuni fl-investiment, notevolment fir-rigward ta’ kapaċitajiet transkonfinali”, din id-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda setgħa lill-ENTSO sabiex jimla l-lakuni identifikati. Permezz tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(10) tal-imsemmi regolament, għalih hija miftuħa biss il-possibbiltà li jannetti mal-imsemmi pjan “reviżjoni ta’ l-ostakoli għal żieda fil-kapaċità transkonfinali tan-network minn diversi proċeduri jew prattiki ta’ approvazzjoni”.

114    Minn dan jirriżulta li l-iżvilupp tan-network fl-Unjoni kollha jaqa’ primarjament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u li r-rwol tal-ENTSO huwa relatat biss mal-koordinazzjoni tal-eżerċizzju mill-imsemmija Stati Membri tal-kompetenza tagħhom. Għaldaqstant, ikun kuntrarju għal-loġika interna tar-Regolament Nru 715/2009 li dan jiġi interpretat fis-sens li jagħti, skont l-Artikolu 8(6) tiegħu, kompetenza normattiva lill-ENTSO fir-rigward tat-tfassil tar-regoli li jfasslu l-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network.

115    Fit-tieni lok, kemm mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 715/2009 kif ukoll mill-paragun ta’ dan ir-regolament mad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li l-modalitajiet ta’ żieda tal-kapaċità fuq in-network ma humiex previsti, fl-imsemmi regolament, bħala li jikkostitwixxu qasam li jista’ jkun is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni sussegwenti abbażi tiegħu.

116    L-ewwel, fir-rigward tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 715/2009, dan jikkonċerna l-“allokazzjoni ta’ kapaċità” u l-“amministrazzjoni tal-konġestjoni”, u jkopri, għaldaqstant, l-istess qasam bħall-kodiċi tan-network li l-ENTSO għandu s-setgħa li jfassal skont l-Artikolu 8(1) u (6)(g) tal-imsemmi regolament.

117    Minn naħa, il-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 715/2009 jistabbilixxu obbligi preċiżi fir-rigward tal-operaturi tan-network ta’ trasport fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-amministrazzjoni tal-konġestjoni kuntrattwali u fiżika fuq in-network. Madankollu, dawn l-obbligi jikkonċernaw esklużivament l-allokazzjoni tal-kapaċità attwali u l-amministrazzjoni tal-konġestjoni fuq il-bażi biss tal-kapaċità eżistenti, jiġifieri mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni kapaċità inkrementali li tista’ tirriżulta minn investimenti futuri. Fil-fatt, la l-kapaċità inkrementali u lanqas l-investimenti l-ġodda relatati magħha ma huma previsti f’dawn il-paragrafi. Il-kwistjoni tal-investimenti l-ġodda fuq in-network hija, għall-kuntrarju, indirizzata espliċitament fil-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu.

118    Issa, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 715/2009 huwa ta’ natura ħafna inqas preskrittiva mill-ewwel erba’ paragrafi ta’ dan l-artikolu. Dan jillimita ruħu, fil-fatt, li jenfasizza, minn naħa, li l-“operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom regolarment jivvalutaw id-domanda fis-suq għal investiment ġdid” u, min-naħa l-oħra, li, meta “jippjanaw l-investimenti ġodda, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jivvalutaw id-domanda fis-suq u jqisu l-kriterji tas-sigurtà tal-provvista”. Ebda obbligu fir-rigward tal-operaturi ta’ network ta’ trasport li jwettqu l-investimenti addizzjonali implikati mis-sitwazzjoni fuq in-network jew fuq is-sigurtà tal-provvista ma huwa previst.

119    It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-uniċi dispożizzjonijiet li jistgħu jimplikaw obbligu fir-rigward tal-operaturi ta’ network ta’ trasport li jwettqu investimenti ġodda fuq in-network sabiex tinħoloq kapaċità inkrementali jinsabu fid-Direttiva 2009/73, li ġiet adottata fl-istess ħin mar-Regolament Nru 715/2009, fil-kuntest tat-“tielet pakkett tal-enerġija”.

120    Għalhekk, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/73 jimponi fuq l-operaturi tan-network ta’ trasport li jibnu “l-kapaċità transkonfinali suffiċjenti biex tiġi integrata l-infrastruttura ta’ trasmissjoni Ewropea li takkomoda t-talbiet kollha għall-kapaċità li jkunu ekonomikament raġonevoli u teknikament fattibbli u filwaqt li titqies is-sigurtà tal-provvista tal-gass”. Barra minn hekk, l-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żvilupp fin-netwerk u setgħat sabiex jittieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li “l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jippreżentaw lill-awtorità regolatorja pjan ta’ żvilupp tan-network fuq għaxar snin ibbażat fuq il-provvista u d-domanda eżistenti u previsti ”. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-aħħar artikolu, dan il-pjan għandu jkun ibbażat fuq “suppożizzjonijiet raġjonevoli dwar l-evoluzzjoni tal-produzzjoni, il-provvista, il-konsum u l-iskambji ma’ pajjiżi oħrajn”.

121    Barra minn hekk, mill-Artikolu 41(1)(b) u (g) tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li hija l-awtorità regolatorja li għandha tiżgura l-osservanza mill-operatur tan-network ta’ trasport tal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inkluż għall-kwistjonijiet transkonfinali, u li din il-missjoni ta’ sorveljanza testendi għall-pjanijiet ta’ investiment tal-operaturi ta’ network ta’ trasport.

122    Din il-missjoni ta’ sorveljanza timmanifesta ruħha, b’mod partikolari, fl-Artikolu 22(4) sa (7) tad-Direttiva 2009/73, li jimponi fuq l-awtorità regolatorja nazzjonali, rispettivament, li tikkonsulta l-utenti effettivi jew potenzjali tan-network fuq il-pjan fuq għaxar snin ta’ żvilupp tan-network ippreżentat mill-operatur tan-network ta’ trasport, li teżamina n-natura kompleta ta’ dan il-pjan u n-natura koerenti tiegħu mal-pjan ta’ żvilupp tan-network fl-Unjoni kollha msemmi fl-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament Nru 715/2009, li tissorvelja u li tevalwa l-implimentazzjoni tal-pjan fuq għaxar snin ta’ żvilupp tan-network u, skont il-każ, li tieħu miżuri fl-assenza ta’ twettiq ta’ investiment mill-operator tan-network.

123    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa skont id-Direttiva 2009/73 li operatur ta’ network ta’ trasport huwa suġġett għall-obbligu li jagħmel l-investimenti neċessarji għall-funzjonament tajjeb tan-network u, jekk ikun il-każ, għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali u li huwa l-Istat Membru li għandu jiżgura l-osservanza ta’ dawn l-obbligi, permezz tar-regolatur nazzjonali tiegħu.

124    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/73 ma tipprevedi l-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ qafas regolatorju fil-livell tal-Unjoni, ta’ modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-obbligi tal-operaturi ta’ network ta’ trasport fil-qasam tal-investiment jew tal-modalitajiet ta’ sorveljanza tal-imsemmija obbligi mir-regolaturi nazzjonali.

125    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għalkemm l-Artikolu 42(2)(a) tad-Direttiva 2009/73, li għalih tirreferi l-Kummissjoni, jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni bejn regolaturi nazzjonali, b’mod partikolari, “sabiex ikun possibbli livell xieraq ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni, inkluż permezz ta’ interkonnessjonijiet ġodda”, dan jistabbilixxi biss obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji “fuq livell reġjonali”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax titqies li tipprevedi l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fil-punti ta’ interkonnessjoni.

126    Għalhekk, mill-analiżi tar-Regolament Nru 715/2009 u tad-Direttiva 2009/73 għandu jiġi dedott li l-leġiżlatur, fl-okkażjoni tal-adozzjoni tat-“tielet pakkett tal-enerġija”, xtaq li l-implimentazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar l-iżvilupp tan-network u l-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri biss, mingħajr ma tiġi rrikonoxxuta l-kompetenza f’dan is-sens lill-ENTSO u lill-Kummissjoni.

iii) Fuq linterpretazzjoni teleoloġika talArtikolu 8(6) tarRegolament Nru 715/2009

127    Fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009, l-ACER u l-Kummissjoni jressqu diversi argumenti sabiex jiġġustifikaw il-fondatezza tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tal-investimenti li jippermettu l-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali. Dawn jirreferu, għalhekk, għan-neċessità tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass naturali ta’ regolamentazzjoni tan-networks kbar ta’ pipelines sabiex dawn ikollhom investimenti suffiċjenti u ma jkunux is-suġġett ta’ aġir restrittiv tal-kompetizzjoni min-naħa tal-operaturi ta’ network ta’ trasport, li, jinsabu f’sitwazzjoni ta’ monopolju naturali.

128    F’dan ir-rigward, għalkemm kien ċertament possibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi, fir-Regolament Nru 715/2009, il-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali fuq in-network, għall-finijiet, b’mod partikolari, li jintlaħaq l-għan tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija intiża sabiex “tassigura s-sigurtà tal-provvista ta’ l-energija fl-Unjoni”, previst fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE, għandu madankollu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mill-motivi ta’ dan ir-regolament ma jippermetti li jiġi identifikat skop li jikkonsisti li tingħata setgħa lill-ENTSO u, konsegwentement, lill-Kummissjoni, li jfasslu kodiċi ta’ network li jestendi għall-kwistjoni tal-investimenti neċessarji għall-ħolqien ta’ tali kapaċità inkrementali.

129    Għall-kuntrarju, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 126 iktar ’il fuq, mir-Regolament Nru 715/2009 u mid-Direttiva 2009/73 jirriżulta li, fl-okkażjoni tal-adozzjoni tat-“tielet pakkett tal-enerġija”, l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jiddelega lill-Istati Membri biss l-implimentazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni f’dan il-qasam.

130    Din il-konklużjoni hija msaħħa mit-teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 715/2009. Fil-fatt, jirriżulta mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill Nru 12/2009, tad‑9 ta’ Jannar 2009, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU, 2009/C 075E/03, p. 38), li dan iffavorixxa l-formulazzjoni tal-Artikolu 8(3)(b) u dak tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 715/2009, imsemmija, rispettivament, fil-punt 112 u fil-punt 118 iktar ’il fuq, għal dik prevista mill-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew, u b’hekk warrab ir-riferimenti maħsuba għall-investimenti fuq in-network u għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali

131    Minn naħa, fir-rigward tal-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament Nru 715/2009, MEKH fakkret, ġustament, fit-tweġibiet tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-Kunsill, fir-rigward tar-rwol mogħti lill-ENTSO fil-qasam tal-ippjanar, iddevja mill-proposta tal-Kummissjoni billi pprefera l-espressjoni “pjan ta’ żvilupp tan-netwerk” mill-espressjoni “pjan ta’ investiment” u introduċa enfasi tan-natura “mhux vinkolanti” tal-imsemmi pjan.

132    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 715/2009, il-Kunsill ma segwiex emenda tal-Parlament Ewropew, li dwarha l-Kummissjoni kienet tat il-kunsens tagħha, li kienet twassal għar-rikonoxximent ta’ obbligu fir-rigward tal-operaturi ta’ network ta’ trasport li jipproċedu għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali, wara proċedura li jkollha xebh ċert ma’ dik prevista taħt il-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 u deskritta fil-punti 66 sa 73 iktar ’il fuq.

133    Fil-fatt, din l-emenda kienet intiża li żżid mal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 715/2009 paragrafu li jipprevedi, minn naħa, l-obbligu għall-operaturi ta’ network ta’ trasport “[f]’kaz ta’ kongestjoni fizika fuq medda twila ta’ zmien, [li tiġi rrimedjata] permezz ta’ zieda ta’ kapacitajiet godda skond id-domanda fis-suq” u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li dawn l-operaturi li jwettqu proċeduri open-season “[s]abiex tigi evalwata d-domanda fis-suq”.

134    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li mill-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 715/2009 jirriżulta li ma jagħti ebda setgħa lill-ENTSO li tippermettilu jinkludi f’kodiċi tan-network regoli li jistgħu jimponu fuq operatur ta’ network ta’ trasport tal-gass l-obbligu li joħloq kapaċità inkrementali fuq l-imsemmi network.

135    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex setgħa, abbażi biss tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament Nru 715/2009, li tadotta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċess dwar il-kapaċità inkrementali, li jinsabu fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459.

2)      Fuq ilportata tassetgħa mogħtija lillKummissjoni mittieni subparagrafu talArtikolu 6(11) u millArtikolu 7(3) tarRegolament Nru 715/2009

136    Għar-raġunijiet esposti fil-punt 99 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk tali setgħa tistax, jekk ikun il-każ, tirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(11) u mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 715/2009, li jawtorizzaw lill-Kummissjoni temenda l-elementi mhux essenzjali tal-imsemmi regolament fl-okkażjoni tal-adozzjoni jew tal-emenda ta’ kodiċi tan-network.

137    Skont leġiżlazzjoni stabbilita, l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika huma dawk li l-adozzjoni tagħhom teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet infushom tal-leġiżlatur tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138    L-identifikazzjoni tal-elementi ta’ qasam li għandhom jiġu kklassifikati bħala essenzjali għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju u timponi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 huwa simili għal emenda tar-Regolament Nru 715/2009 li jwassal sabiex tiġi estiża, għall-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali, is-setgħa rrikonoxxuta mill-Artikolu 8(6)(g) tar-Regolament Nru 715/2009 fil-qasam tal-“allokazzjoni ta’ kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta’ konġestjoni” għall-ENTSO u, konsegwentement, għall-Kummissjoni, minkejja li l-imsemmija setgħa tikkonċerna biss il-kapaċità eżistenti fuq in-network.

140    Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 114 sa 126 iktar ’il fuq, mill-istruttura tar-Regolament Nru 715/2009, kif ukoll mill-qari tiegħu flimkien mad-Direttiva 2009/73, adottata b’mod konkomitanti, jirriżulta li l-leġiżlatur għamel għażla politika li tikkonsisti fl-allokazzjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar il-ħolqien ta’ kapaċità inkrementali għall-Istati Membri biss, mingħajr ma ddelega kompetenza f’dan is-sens lill-ENTSO u lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 137 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-modifika magħmula mill-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 tikkonċerna element essenzjali tar-Regolament Nru 715/2009, li ma hijiex koperta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(11) u mill-Artikolu 7(3) ta’ dan l-aħħar regolament.

141    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex setgħa skont ir-Regolament Nru 715/2009 sabiex tadotta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċess dwar il-kapaċità inkrementali, li jinsabu fil-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459.

142    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tintlaqa’ u l-Kapitolu V tar-Regolament 2017/459 għandu jiġi ddikjarat mhux applikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li tapplika l-imsemmi kapitolu, għandha tiġi annullata b’effett erga omnes (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra mqajma fil-kuntest ta’ dan it-tilwim.

143    Konsegwentement, sa fejn dawn huma diretti kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, dawn ir-rikorsi għandhom jintlaqgħu.

IV.    Fuq lispejjeż

144    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li l-ACER essenzjalment tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll l-ispejjeż kollha sostnuti mir-rikorrenti, konformement mat-talbiet tagħhom.

145    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

146    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li E-Control tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors ta’ Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal (MEKH) huwa inammissibbli sa fejn jirreferi għad-Deċiżjoni Nru 05/2019 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), tad9 ta’ April 2019.

2)      Id-Deċiżjoni Nru A-004-2019 tal-Bord tal-Appell tal-ACER, tas6 ta’ Awwissu 2019, hija annullata.

3)      L-ACER għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn MEKH u minn FGSZ Földgázszállító Zrt.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea u Energie-Control Austria für die Regulierung der Elektrizitäts- und Erdgaswirtschaft (E-Control) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Tomljenović

Kreuschitz

Schalin

Škvařilová-Pelzl

 

      Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16 ta’ Marzu 2022.

Firem


Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

II. Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

III. Iddritt

A. Fuq lammissibbiltà tarrikors filKawża T684/19 sa fejn huwa dirett kontra ddeċiżjoni inizjali

B. Fuq ilfondatezza tarrikors

1. Fuq lammissibbiltà taleċċezzjoni ta’ illegalità

2. Fuq ilfondatezza taleċċezzjoni ta’ illegalità

a) Fuq ilfondatezza talewwel parti, ibbażata fuq linkompatibbiltà tarRegolament 2017/459 malbażi legali tarRegolament Nru 715/2009

b) Fuq ilfondatezza tattieni parti, ibbażata fuq ilfatt li lKapitolu V tarRegolament 2017/459 jeċċedi ssetgħa mogħtija lillKummissjoni mirRegolament Nru 715/2009

1) Fuq ilportata tassetgħa mogħtija lillKummissjoni millewwel subparagrafu talArtikolu 6(11) u millArtikolu 8(6) tarRegolament Nru 715/2009

i) Fuq linterpretazzjoni letterali talArtikolu 8(6) tarRegolament Nru 715/2009

ii) Fuq linterpretazzjoni kuntestwali talArtikolu 8(6) tarRegolament Nru 715/2009

iii) Fuq linterpretazzjoni teleoloġika talArtikolu 8(6) tarRegolament Nru 715/2009

2) Fuq ilportata tassetgħa mogħtija lillKummissjoni mittieni subparagrafu talArtikolu 6(11) u millArtikolu 7(3) tarRegolament Nru 715/2009

IV. Fuq lispejjeż


*      Lingwi tal-kawża: l-Ingliż u l-Ungeriż.