SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Mejju 2013 (*)

“Artikolu 45 TFUE — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 10 — Benefiċċji tax-xjuħija — Residenza abitwali f’żewġ Stati Membri differenti — Benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti f’wieħed minn dawn l-Istati u ta’ pensjoni tal-irtirar fl-ieħor — Tħassir ta’ wieħed minn dawn il-benefiċċji — Irkupru ta’ benefiċċji allegatament indebiti”

Fil-Kawża C‑589/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Apelacyjny – Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

Janina Wencel

vs

Zakład Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, J.‑J. Kasel (Relatur), M. Safjan, u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        Għaz-Zakład Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku, minn K. M. Kalinowska, U. Kulisiewicz u A. Szybkie, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar kif ukoll minn J. Faldyga u A. Siwek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20(2) TFUE u 21 TFUE, kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat fl-aħħar nett bir-Regolament Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE), tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 117, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J. Wencel u z-Zakład Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku (istituzzjoni tas-sigurtà soċjali, sezzjoni ta’ Białystok, iktar ’il quddiem iz-“ZUS”) dwar id-dritt tagħha għal pensjoni tal-irtirar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddefinixxi r-“residenza” bħala l-post fejn wieħed joqgħod abitwalment.

4        Skont l-Artikolu 6(b) tar-Regolament Nru 1408/71, dan jissostitwixxi, fl-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-persuni u tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-regolament, kull konvenzjoni tas-sigurtà soċjali li torbot mill-inqas żewġ Stati Membri.

5        Skont l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Dispożizzjonijiet internazzjonali mhux affettwati minn dan ir-Regolament”, jibqgħu applikabbli “ċerti dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali konklużi mill-Istati Membri qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kemm-il darba jkunu aktar favorevoli għall-benefiċjarji jew jekk jinħolqu minn ċirkostanzi storiċi speċifiċi u l-effett tagħhom hu limitat fiż-żmien jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma elenkati fl-Anness III”.

6        Fost il-konvenzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jibqgħu applikabbli skont l-Anness III tar-Regolament Nru 1408/71 hemm, inter alia, il-Konvenzjoni konkluża bejn ir-Repubblika Popolari tal-Polonja u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-assigurazzjoni soċjali fil-każ ta’ inċidenti tax-xogħol u l-benefiċċji tal-invalidità, tax-xjuħija u tal-mewt (umowa r. między Polską Rzeczpospolitą Ludową a Republiką Federalną Niemiec o zaopatrzeniu emerytalnym i wypadkowym) tad-9 ta’ Ottubru 1975 (Dz. U. tal-1976, Nru 16, Entrata 101), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1975”), taħt il-kundizzjonijiet u skont il-modalitajiet iddefiniti fl-Artikolu 27(2) sa (4) tal-Konvenzjoni bejn il-Ġermanja u l-Polonja dwar is-sigurtà soċjali (umowa polsko-niemiecka o zabezpieczeniu społecznym) tat-8 ta’ Diċembru 1990 (Dz. U. tal-1991, Nru 108, Entrata 468).

7        L-Artikolu 10 tar-Regolament imsemmi, intitolat “Rinunzja għall-klawsoli dwar residenza — L-effett ta’ assigurazzjoni obbligatorja fuq il-ħlas lura tal-kontribuzzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għajr fejn provdut xorta oħra f’dan ir-Regolament, il-benefiċċji fi flus għall-invalidità, ix-xjuħija jew is-sopravivenza, il-pensjonijiet għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard kawżat mix-xogħol u għotjiet għall-imwiet miksuba skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar għandhom ikunu bla ħsara għal kull tnaqqis, modifika, żamma, treġġigħ lura jew konfiska minħabba l-fatt illi min jirċevihom jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas.

[…]”

8        Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1408/71:

“1.      Dan ir-Regolament la jista’ jagħti u lanqas iżomm id-dritt għal diversi benefiċċji ta’ l-istess tip għall-istess perjodu ta’ assigurazzjoni […].

2.      Barra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjonijiet ta’ Stat Membru li jikkontrollaw ir-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-tneħħija tal-benefiċċji f’każijiet ta’ taħwid ma’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali oħra jew kwalunkwe forma ta’ dħul jistgħu jinvokaw anke fejn tali benefiċċji kienu akkwistati taħt leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew fejn tali dħul kien akkwistat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.”

9        Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, “persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ […] Titolu [II]”.

10      Skont l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71:

“Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

[…]

(f)      persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor […], tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni biss.”

11      Skont l-Artikolu 46a tar-Regolament Nru 1408/71:

“1.      Għall-iskopijiet tal-Kapitolu, l-irkib (overlapping) ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip ikollhom it-tifsira segwenti: l-irkib (overlapping) tal-benefiċċji rigward l-invalidità, ix-xjuħija u s-superstiti kkalkulat jew ipprovdut abażi ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni u/jew residenza mwettqa minn waieħed u l-istess persuna.

2.      Għall-iskopijiet tal-Kapitolu, l-irkib (overlapping) ta’ benefiċċji ta’ tipi differenti tfisser kull irkib (overlapping) ta’ benefiċċji li ma jistgħux ikunu meqjusa ta' l-istess tip fl-ambitu tat-tifsira tal-paragrafu 1.

3.      Ir-regoli segwenti jkunu applikabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni u t-tneħħija stipulati mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fil-każ ta’ irkib (overlapping) ta’ benefiċċju fejn jidħlu l-invalidità, ix-xjuħija jew is-superstiti ma benefiċċju ta’ l-istess tip jew benefiċċju ta’ tip differenti jew ma dħul ieħor:

[…]

d)      Fejn id-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-tneħħija huma applikabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss minħabba l-fatt li l-persuna kkonċernata tirċievi benefiċċji ta’ tip simili jew differenti pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ Stati Membri oħra jew dħul ieħor akkwistat fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, il-benefiċċju pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru jista’ jkun imnaqqas biss fil-limiti ta’ l-ammont tal-benefiċċji pagabbli taħt il-leġislazzjoni jew id-dħul akkwistat fit-territorju ta’ Stati Membri oħra.”

 Il-konvenzjonijiet bejn il-Ġermanja u l-Polonja

12      L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1975 jipprovdi:

“1.       Il-pensjonijiet tal-irtirar għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tal-Istat li fih ikun qed jgħix il-benefiċjarju, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għat-tali istituzzjoni”.

2.       Meta ssir il-likwidazzjoni tal-pensjoni skont ir-regoli applikabbli għall-istituzzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-perijodi tal-assigurazzjoni, il-perijodi tal-impjieg u perijodi oħra simili mwettqa fl-Istat l-ieħor għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn din l-istituzzjoni daqslikieku dawn twettqu fit-territorju tal-ewwel Stat.

3.       Il-pensjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 huma dovuti biss matul il-perijodu li fih il-persuna kkonċernata tkun qiegħda tirresjedi fit-territorju tal-Istat li fih l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni stabbilixxiet il-pensjoni. Matul dan il-perjodu, il-benefiċjarju ta’ pensjoni ma jibbenefika, mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tal-Istat l-ieħor, minn ebda dritt fuq il-bażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni, tal-perijodi tal-impjieg u perijodi oħra simili mwettqa f’dan l-Istat l-ieħor […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Skont l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni bejn il-Ġermanja u l-Polonja dwar is-sigurtà soċjali tat-8 ta’ Diċembru 1990, id-drittijiet u l-prerogattivi miksuba sal-1 ta’ Jannar 1991 f’wieħed mill-Istati, partijiet għall-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1975 ma humiex affettwati, sakemm il-benefiċjarji huma residenti fit-territorju ta’ dan l-Istat.

 Il-leġiżlazzjoni Pollakka

14      Fil-Polonja, il-pensjonijiet tal-irtirar u pensjonijiet oħra huma rregolati permezz tal-liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar u pensjonijiet oħra mogħtija mill-fond tas‑sigurtà soċjali (ustawa o emeryturach i rentach z Funduszu Ubezpieczeń Społecznych) tas‑17 ta’ Diċembru 1998, fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U. tal‑2009, Nru 153, Entrata 1227, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il‑pensjonijiet tal-irtirar”).

15      Skont l-Artikolu 114(1) ta’ din il-liġi, id-dritt għall-benefiċċji jew l-ammont tagħhom għandu jiġi kkalkolat mill-ġdid fuq talba tal-persuna kkonċernata jew ex officio jekk, wara l-implementazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-benefiċċji, jiġu ppreżentati provi ġodda jew inkella jiġu rrilevati ċirkustanzi ġodda li kienu jeżistu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni u li jista’ jkollhom effett fuq id-dritt għall-benefiċċji jew l-ammont tagħhom.

16      Skont l-Artikolu 138(1) u (2) tal-imsemmija liġi, il-persuna li rċeviet indebitament benefiċċji hija marbuta tħallashom lura. Huma kkunsidrati benefiċċji riċevuti indebitament dawk li jkunu saru minkejja ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-estinzjoni jew is-sospensjoni tad-dritt għall-benefiċċji, jew it-terminazzjoni tal-ħlas tal-benefiċċji kollha jew parti minnhom, jekk il-persuna li tagħhom hija benefiċjarja tkun ġiet informata li ma kellhiex dritt għalihom.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      J. Wencel, ċittadina Pollakka, imwielda fil-25 ta’ Frar 1930, hija rreġistrata, mill-1954, fir-reġistru tal-belt ta’ Białystok (il-Polonja). Żewġha, li kellu wkoll nazzjonalità Pollakka, stabbilixxa ruħu, wara ż-żwieġ tagħhom fl-1975, fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), fejn kien irreġistrat bħala resident u fejn kellu relazzjoni ta’ xogħol li kienet tinvolvi l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Mill-1984, huwa rċieva pensjoni tal-invalidità fil-Ġermanja. J. Wencel spiss żaret lil żewġha f’dan l-Istat Membru u dan tal-aħħar għadda l-vaganzi u l-festi fil-Polonja.

18      Skont ċertifikat tad-dikjarazzjoni ta’ residenza maħruġ mill-muniċipalità ta’ Frankfurt am Main, J. Wencel kienet toqgħod fuq bażi permanenti mill-1984 fil-Ġermanja. Hemmhekk hija kisbet permess ta’ residenza iżda qatt ma eżerċitat attività professjonali. Madankollu, mill-1984 sal-1990, hija kienet impjegata bħala nanny ma’ bintha tar-rispett fil-Polonja. Permezz ta’ deċiżjoni taz-ZUS tal-24 ta’ Ottubru 1990, hija kisbet, fuq il-bażi ta’ perijodi mwettqa fil-Polonja, dritt għal pensjoni tal-irtirar Pollakka. Sa mill-mewt ta’ żewġha fl-2008, l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni Ġermaniża tħallasha pensjoni tas-superstiti, mogħtija, inter alia, minħabba r-residenza tagħha fil-Ġermanja. Fil-preżent, hija tgħix fil-Polonja ma’ binha, bintha tar-rispett u n-neputijiet tagħha.

19      Fl-2009, iz-ZUS ġiet informata li J. Wencel kienet irreġistrata bħala residenti kemm fil-Polonja u kif ukoll fil-Ġermanja. Fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni tal-24 ta’ Novembru 2009, li fiha J. Wencel iddikjarat li kienet tirrisjedi fil-Ġermanja, filwaqt li tgħaddi l-vaganzi u l-festi kollha tagħha fil-Polonja, iz-ZUS adottat żewġ deċiżjonijiet ibbażati fuq l-Artikoli 114 u 138 tal-Liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar.

20      Permezz tal-ewwel deċiżjoni tagħha, tas-26 ta’ Novembru 2009, iz-ZUS annullat id-deċiżjoni li tingħata l-pensjoni tal-irtirar tal-24 ta’ Ottubru 1990 u ssospendiet il-ħlas. Skont iz-ZUS, fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1975, l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tal-Istat ta’ residenza tal-applikant hija unikament kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal pensjoni tal-irtirar. Peress li J. Wencel għexet b’mod permanenti fil-Ġermanja sa mill-1975, hija ma setgħetx titlob pensjoni tal-irtirar taħt is-sistema tal-assigurazzjoni Pollakka. Permezz tat-tieni deċiżjoni tagħha, tat-23 ta’ Diċembru 2009, iz-ZUS talbet lil J. Wencel tħallas lura l-ammonti li hija rċeviet indebitament matul it-tliet snin preċedenti.

21      Fl-4 ta’ Jannar 2010, J. Wencel ikkontestat dawn iż-żewġ deċiżjonijiet quddiem is-Sąd Okręgowy – Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku (Qorti reġjonali – Qorti tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali ta’ Białystok) billi invokat ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza. Fil-fatt, il-fatt li għandha żewġ postijiet ta’ residenza abitwali ma għandux, skont J. Wencel, iċaħħadha mid-dritt tagħha għal pensjoni tal-irtirar fil-Polonja. Barra minn hekk, hija ssostni li d-dikjarazzjoni tal-24 ta’ Novembru 2009 saret b’urġenza u taħt pressjoni mill-impjegati taz-ZUS, b’mod li din ma tirriflettix ir-realtà.

22      B’sentenza tal-15 ta’ Settembru 2010, din il-qorti ċaħdet l-azzjoni ta’ J. Wencel minħabba li, għalkemm individwu jista’ jiġi rreġistrat bħala resident f’żewġ Stati Membri differenti, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1975 jeskludi li tali individwu jista’ jkollu żewġ ċentri tal-interessi distinti. It-trasferiment taċ-ċentru tal-interessi ta’ J. Wencel lejn il-Ġermanja kellu l-effett li jrendi lill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni Ġermaniża kompetenti. Barra minn hekk, minkejja t-twissija fid-deċiżjoni dwar l-għoti tal-pensjoni tal-irtirar tagħha, J. Wencel naqset milli tinforma liz-ZUS bid-deċiżjoni tagħha li titlaq mill-Polonja.

23      J. Wencel ressqet appell minn din is-sentenza quddiem is-Sąd Apelacyjny – Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku.

24      Skont din il-qorti, mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li persuna residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ma tistax tiġi mċaħħda mid-drittijiet tagħha għal benefiċċji miksuba taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor. Għalkemm is-sitwazzjoni ta’ persuna li jkollha fl-istess ħin żewġ residenzi abitwali ma hijiex prevista, għandu jiġi aċċettat li tali persuna taqa’ wkoll taħt dan l-Artikolu. Wara li elenkat il-fatti kollha li jsostnu l-konstatazzjoni li J. Wencel kellha fl-istess ħin żewġ postijiet ta’ residenza abitwali u li, mill-1975 sal-2008, hija għaddiet nofs iż-żmien tagħha fil-Polonja u n-nofs l-ieħor fil-Ġermanja, il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li s-sitwazzjoni ta’ J. Wencel hija atipika u li n-nuqqas ta’ dikjarazzjoni min-naħa tagħha dwar trasferiment taċ-ċentru tal-interessi tagħha huwa spjegat mill-fatt li hija kienet tqis li hija kellha fil-fatt żewġ postijiet ta’ residenza ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 1408/71.

25      Għalhekk, il-qorti tal-appell għandha dubji dwar jekk J. Wencel tistax tiġi mċaħħda mid-drittijiet tagħha għal benefiċċji sempliċement minħabba li hija għandha żewġ postijiet ta’ residenza abitwali. Skont din il-qorti, id-deċiżjonijiet taz-ZUS jidhru li jmorru kontra l-prinċipju tal-moviment liberu fl-Unjoni Ewropea.

26      Fil-fatt, sa fejn, wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni fl-2004, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1975 għandhom japplikaw biss, skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, jekk dawn ma jkunux inqas favorevoli mid-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, J. Wencel ma għandha tbati, skont l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, l-ebda tnaqqis mid-drittijiet tagħha għal benefiċċju minħabba li hija kellha, matul iktar minn 30 sena, żewġ postijiet ta’ residenza ekwivalenti.

27      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għoti tal-pensjoni tal-irtirar jistax jiġi rtirat b’mod retroattiv meta l-persuna kkonċernata ma tkunx ġiet informata bl-obbligu li tirrapporta l-okkorrenza ta’ kwalunkwe ċirkustanza li tista’ tinfluwenza d-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-assigurazzjoni kompetenti sabiex teżamina applikazzjonijiet għall-pensjonijiet tal-irtirar.

28      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Apelacyjny – Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-prinċipju ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, stipulat fl-Artikoli 21 u 20(2) TFUE, iwassal għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 […] fis-sens li l-benefiċċji tax-xjuħija inkwistjoni, miksuba skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, ma jista’ jkollhom ebda modifika, sospensjoni, tneħħija jew konfiska lanqas minħabba l-fatt li l-benefiċjarju rresjeda fl-istess ħin (kellu żewġ postijiet ta’ residenza abitwali tal-istess importanza) fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri, li wieħed minnhom huwa Stat differenti minn dak fejn l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas [tal-pensjoni tal-irtirar] tinsab?

2)      L-Artikoli 21 u 20(2) TFUE u l-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li r-regoli nazzjonali previsti fl-Artikolu 114(1) tal-[Liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar], flimkien mal-Artikolu 4 tal-konvenzjoni […] [tad-]9 ta’ Ottubru 1975 […], jiġu applikati b’mod li l-organizzazzjoni tal-irtirar Pollakka għandha teżamina mill-ġdid il-każ u ċċaħħad mid-dritt tagħha għal pensjoni ta’ rtirar persuna li, matul diversi snin, kellha fl-istess ħin żewġ postijiet ta’ residenza abitwali (żewġ ċentri tal-interessi) f’żewġ Stati li llum il-ġurnata huma membri tal-Unjoni Ewropea u li, qabel l-2009, ma ppreżentat ebda dikjarazzjoni u lanqas talba li tindika li hija kellha l-intenzjoni li tittrasferixxi ċ-ċentru tal-interessi tagħha f’xi wieħed minn dawn il-pajjiżi?

Fil-każ ta’ risposta negattiva:

3)      L-Artikoli 20(2) u 21 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li r-regola nazzjonali prevista fl-Artikolu 138(1) u (2) tal-[Liġi dwar il-pensjonijiet tal-irtirar] tiġi applikata b’mod li l-organizzazzjoni tal-irtirar Pollakka għandha teżiġi r-rimbors ta’ pensjonijiet imħallsa matul l-aħħar tliet snin lil persuna li, mill-1975 sal-2009, kellha fl-istess ħin żewġ postijiet ta’ residenza abitwali (żewġ ċentri tal-interessi) f’żewġ pajjiżi li huma, fil-preżent, membri tal-Unjoni Europea, jekk, fl-eżami tat-talba għal pensjoni ta’ rtirar, u wara l-għoti tagħha, l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni Pollakka ma avżatx lil din il-persuna bin-neċessità li hija tinformaha biż-żamma ta’ żewġ postijiet ta’ residenza abitwali f’żewġ pajjiżi u n-neċessità li tippreżenta talba jew dikjarazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-istituzzjoni tal-assigurazzjoni ta’ wieħed minn dawn il-pajjiżi bħala istituzzjoni kompetenti sabiex teżamina t-talbiet li jirrigwardaw il-pensjonijiet ta’ rtirar?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

29      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, huwa meħtieġ li preliminarjament jiġi ddeterminat jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn għandhom id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 ikunu applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jitfakkar li dan ir-regolament daħal fis-seħħ għar-Repubblika tal-Polonja mal-adeżjoni ta’ din tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fl-1 ta’ Mejju 2004.

31      Fil-każ ineżami, minkejja li J. Wencel kienet kisbet id-dritt tagħha għal pensjoni tal-irtirar Pollakka fuq il-bażi ta’ deċiżjoni taz-ZUS tal-24 ta’ Ottubru 1990, xorta waħda jibqa’ l-fatt li huwa fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Novembru u tat-23 ta’ Diċembru 2009 li dan id-dritt ġie annullat u li J. Wencel ġiet mitluba l-ħlas lura ta’ ammonti allegatament riċevuti indebitament matul it-tliet snin preċedenti.

32      Konsegwentement, huma dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-aħħar, li ngħataw wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni li jikkostitwixxu s-suġġett tal-tilwima fil-kawża prinċipali.

33      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li r-Regolament Nru 1408/71, bħala leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti applikabbli fil-Polonja mill-1 ta’ Mejju 2004, japplika biss, fil-prinċipju, għall-futur, jibqa’ xorta waħda l-fatt li dan jista’ japplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-liġi preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2002, Duchon, C‑290/00, Ġabra p. I‑3567, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      B’dan il-mod, il-legalità tad-deċiżjonijiet tas-26 ta’ Novembru u tat-23 ta’ Diċembru 2009 għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-Regolament Nru 1408/71, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali ma humiex applikabbli.

35      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-applikabbiltà ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Anness III ta’ dan ir-regolament għandhom jibqgħu fis-seħħ, minkejja l-Artikolu 6 tal-istess regolament, li jipprovdi li dan jissostitwixxi, fl-ambitu tal-kampijiet ta’ applikazzjoni personali u materjali tiegħu, lill-konvenzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali li jorbtu żewġ Stati Membri jew iktar (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Habelt et, C‑396/05, C‑419/05 u C‑450/05, Ġabra p. I‑11895, punt 87).

36      Peress li l-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1975 tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 1408/71, hija tibqa’, bħala prinċipju, applikabbli anki wara d-dħul fis-seħħ fil-Polonja tar-Regolament Nru 1408/71, jekk waħda miż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra stipulati fl-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 tkun sodisfatta, jiġifieri kemm-il darba l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1975 tkun iktar favorevoli għall-benefiċjarji jew jekk din il-konvenzjoni tkun ir-riżultat ta’ ċirkustanzi storiċi u jkollha effett limitat fiż-żmien.

37      Għalhekk, ir-Regolament Nru 1408/71 huwa applikabbli biss sa fejn il-konvenzjonijiet bilaterali konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu ma jipprekludux l-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1969, Torrekens 28/68, Ġabra p. 125, punti 19 sa 21). Madankollu, dispożizzjoni tal-Unjoni, bħall-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament li jagħti prijorità lill-applikazzjoni ta’ konvenzjoni bilaterali ma jistax ikollha portata li tmur kontra l-prinċipji li jikkostitwixxu l-bażi tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tifforma parti (ara, bħala analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, Ġabra p. I‑4107, punt 51).

38      Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni jista’ japplika mhux biss għas-sitwazzjonijiet kollha li, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1408/71, ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1975, iżda wkoll meta d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma humiex konformi mal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat dan ir-regolament.

39      Tali prinċipji, li jsostnu r-regoli ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali, jikkorrispondu għal dawk inerenti għall-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, li l-prinċipju fundamentali tiegħu huwa dak li jipprovdi li l-azzjoni tal-Unjoni tinvolvi, b’mod partikolari, it-tneħħija, bejn l-Istati Membri, tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, van den Booren, C-127/11, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, sa fejn J. Wencel għamlet użu mid-dritt għal moviment liberu tagħha, is-sitwazzjoni tagħha taqa’ taħt il-prinċipji li fuqhom ir-Regolament Nru 1408/71 huwa bbażat. Issa, minħabba l-fatt li l-konvenzjoni internazzjonali inkwistjoni ma ġietx adottata sabiex timplementa dawn il-prinċipji, din tista’, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tippreġudika tali prinċipji.

41      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat jekk is-sitwazzjoni ta’ J. Wencel għandhiex tiġi evalwata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1408/71.

 Fuq id-domandi preliminari

42      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tista’ tneħħi b’mod retroattiv id-dritt għal pensjoni tal-irtirar li minnu jibbenefika assigurat li jkollu fl-istess ħin, matul diversi snin, żewġ postijiet ta’ residenza abitwali f’żewġ Stati Membri differenti, u teżiġi r-rimbors tal-pensjonijiet allegatament imħallsa b’mod indebitu minħabba li l-assigurat jirċievi pensjoni tas-superstiti fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu huwa kellu wkoll residenza.

43      Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk persuna tistax validament, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, u b’mod partikolari tal-Artikolu 10 tiegħu, ikollha fl-istess ħin żewġ postijiet ta’ residenza abitwali fit-territorji ta’ żewġ Stati Membri differenti.

44      Fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 10, għandu jiġi speċifikat li dan jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet marbuta mar-rinunzja għall-klawżoli tar-residenza fis-sens li dan jiggarantixxi t-tgawdija tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali mħallsa mill-Istat kompetenti meta l-assigurat ikollu r-residenza tiegħu jew jittrasferixxi r-residenza tiegħu fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun tinsab l-istituzzjoni debitriċi.

45      Sa fejn il-kliem tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jippermettix, madankollu, risposta għad-domanda dwar jekk l-eżistenza ta’ żewġ residenzi abitwali f’żewġ Stati Membri differenti hijiex aċċettata taħt dan ir-regolament, għandu jitfakkar li dan tal-aħħar jimplementa sistema ta’ koordinazzjoni tal-iskemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali u jistabbilixxi, fit-Titolu II tiegħu, regoli għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, ma humiex intiżi biss sabiex jiġi evitat li l-persuni kkonċernati, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom, jibqgħu mingħajr protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1964, Nonnenmacher, 92/63, Ġabra p. 557, 572 u 573), iżda wkoll sabiex il-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, b’mod li jkun evitat it-taħwid fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minħabba f’hekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Luijten, 60/85, Ġabra p. 2365, punt 12).

47      Dan il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli huwa espost, b’mod partikolari, fl-Artikolu 13(1) (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Luijten, punt 13) u (2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, kif ukoll fl-Artikolu 14a(2) tal-istess regolament (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski, C‑493/04, Ġabra p. I-2369, punt 21).

48      Sa fejn is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1408/71 iżżomm għalhekk ir-residenza bħala fattur ta’ konnessjoni għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, ma jistax jiġi aċċettat, mingħajr ma jitneħħa kull effett utli tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, li, għall-finijiet tar-Regolament Nru 1408/71, persuna jkollha, fl-istess ħin, diversi domiċilji fi Stati Membri differenti.

49      Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “residenza” fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti. Fil-fatt, meta s-sitwazzjoni ġuridika ta’ persuna tista’ tintrabat mal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kunċett ta’ Stat Membru li fih persuna tirrisjedi jipprevedi l-Istat li fih hija tirrisjedi abitwalment u li fih ikun jinsab ukoll iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Swaddling, C‑90/97, Ġabra p. I‑1075, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      L-iżvilupp mill-ġurisprudenza ta’ lista ta’ elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fid-determinazzjoni tal-post ta’ residenza abitwali ta’ persuna, lista li attwalment tinsab ikkodifikata fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1), jirrifletti l-ħtieġa impellanti tad-determinazzjoni ta’ post ta’ residenza uniku.

51      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, persuna ma jistax ikollha, fl-istess ħin, żewġ postijiet ta’ residenza abitwali fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri differenti.

52      Fit-tieni lok, sabiex tiġi ddeterminata l-istituzzjoni kompetenti sabiex tillikwida d-drittijiet tal-pensjoni ta’ persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ J. Wencel, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-proċess, f’liema Stat Membru tinsab, fis-sens tal-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija, ir-residenza abitwali tal-persuna kkonċernata.

53      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat, qabelxejn, li r-rikorrenti eżerċitat attività professjonali biss fit-territorju Pollakk u li din l-attività kienet marbuta mar-relazzjonijiet familjari li hija kellha hemm.

54      Imbagħad, hija ngħatat, sa mis-sena 1990, pensjoni tal-irtirar minħabba kontribuzzjonijiet li hija ħallset għal dan il-għan fil-Polonja.

55      Fl-aħħar lok, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk id-dikjarazzjoni magħmula matul is-sena 2009 mill-parti kkonċernata, fuq talba taz-ZUS, li pprovdiet li r-residenza tagħha kienet fil-Ġermanja, tmurx kontra r-realtà, speċjalment minħabba l-fatt li, għall-inqas sa mill-mewt ta’ żewġha fis-sena 2008, jidher li ċ-ċentru tal-interessi tagħha ġie ttrasferit lejn il-Polonja.

56      Jekk wieħed jassumi li l-istituzzjoni kompetenti tinsab f’dan l-Istat Membru minħabba r-residenza tal-parti kkonċernata, għandu, fit-tielet lok, jiġi ddeterminat jekk din l-istituzzjoni tistax validament tneħħilha b’mod retroattiv id-dritt tagħha għal pensjoni tal-irtirar u teżiġi minnha r-rimbors tal-pensjonijiet allegatament imħallsa b’mod indebitu minħabba li hija tirċievi pensjoni tas-superstiti fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu hija kellha wkoll residenza.

57      Fir-rigward tal-akkumulazzjoni tal-benefiċċji, għandu jitfakkar li, minn naħa, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1408/71, dan tal-aħħar ma jistax, fil-prinċipju, jagħti jew iżomm id-dritt għal diversi benefiċċji tal-istess tip marbuta mal-istess perijodu ta’ assigurazzjoni.

58      Issa, sa fejn jirriżulta, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-pensjoni tal-irtirar Pollakka riċevuta minn J. Wencel fil-Polonja ġiet ikkalkolata fuq il-bażi tal-karriera professjonali li hija stess wettqet f’dan l-Istat Membru u li l-pensjoni tas-superstiti Ġermaniża tħallset lilha minħabba l-attività mwettqa mid-decuius konjuġi tagħha fil-Ġermanja, dawn iż-żewġ benefiċċji ma jistgħux jitqiesu bħala benefiċċji tal-istess natura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1987, Stefanutti, 197/85, Ġabra p. 3855, punt 13; tat-12 ta’ Frar 1998, Cordelle, C‑366/96, Ġabra p. I‑583, punti 20 u 21, kif ukoll tas-7 ta’ Marzu 2013, van den Booren, C‑127/11, punti 32 u 33).

59      Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71 li d-dispożizzjonijiet ta’ tnaqqis previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru huma, sakemm ma huwiex ipprovdut mod ieħor f’dan ir-regolament, infurzabbli kontra persuni li jirċievu benefiċċju mħallas minn dan l-Istat Membru meta dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali, u dan anki jekk dawn il-benefiċċji jinkisbu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, Insalaca, C‑107/00, Ġabra p. I‑2403, punt 22).

60      Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tnaqqas l-ammont tal-pensjoni li l-assigurat jista’ jitlob minħabba l-fatt li huwa jgawdi minn benefiċċju tax-xjuħija fi Stat Membru ieħor, sakemm, madankollu, jiġu osservati l-limiti imposti mir-Regolament Nru 1408/71.

61      Dawn il-limiti jinkludu, b’mod partikolari, l-Artikolu 46a(3)(d) tar-Regolament Nru 1408/71, li fuq il-bażi tiegħu l-benefiċċju dovut taħt il-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru jista’ jitnaqqas biss fil-limitu tal-ammont tal-benefiċċji dovuti taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru l-ieħor.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-pensjoni tax-xjuħija Pollakka tal-parti kkonċernata ma tistax titneħħa b’mod retroattiv minħabba l-eżistenza ta’ benefiċċju tas-superstiti Ġermaniż. Madankollu, din tista’ tkun suġġetta għal tnaqqis fil-limitu tal-ammont tal-benefiċċji Ġermaniżi skont kwalunkwe regola Pollakka li jista’ jkun hemm kontra l-akkumulazzjoni ta’ benefiċċji. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali regola fil-każ ineżami.

63      Fil-każ tal-eżistenza ta’ tali regola kontra l-akkumulazzjoni ta’ benefiċċji fl-ordinament ġuridiku Pollakk, li r-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE jipprekluduhiex.

64      Fil-fatt, kif diġà tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 hekk mogħtija għandha tinftiehem mingħajr ħsara għas-soluzzjoni li tirriżulta mill-applikabbiltà eventwali ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju. Il-konstatazzjoni li miżura nazzjonali tista’ tkun konformi ma’ dispożizzjoni ta’ att ta’ dritt derivat, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 1408/71, ma għandhiex neċessarjament l-effett li tneħħi din il-miżura mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski, C‑208/07, Ġabra p. I‑6095, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll van den Booren, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

65      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi preliminari fid-dawl tad-dritt primarju tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 20(2) TFUE u 21 TFUE.

66      Issa, jidher ċar li s-sitwazzjoni ta’ J. Wencel hija koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE.

67      Sa fejn il-kawża prinċipali taqa’ taħt din id-dispożizzjoni, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20(2) TFUE u 21 TFUE. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, li jistabbilixxu b’mod ġenerali d-dritt, għal kull ċittadin tal-Unjoni, li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, hija espressa b’mod speċifiku fl-Artikolu 45 TFUE fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères, C-379/11, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-Artikolu 45 TFUE jimplementa l-prinċipju fundamentali li jipprovdi li l-azzjoni tal-Unjoni tinvolvi, b’mod partikolari, it-tneħħija, bejn l-Istati Membri, tal-ostakli għall-moviment liberu tal-persuni (sentenza van den Booren, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara s-sentenza van den Booren, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Miżuri nazzjonali ta’ dan it-tip jistgħu jkunu ammessi biss bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess ġenerali, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li dan l-għan jintlaħaq u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex jintlaħaq (sentenza van den Booren, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-kompatibbiltà mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni billi tivverifika jekk ir-regola li tordna t-tħassir tad-dritt għal pensjoni tal-irtirar kif ukoll ir-rimbors ta’ ammonti allegatament indebiti, li hija applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, twassalx fil-fatt, fil-konfront tal-parti kkonċernata, għal sitwazzjoni ta’ żvantaġġ meta mqabbla ma’ dik li fiha tkun tinsab persuna li s-sitwazzjoni tagħha ma jkollha ebda element transkonfinali, u, fil-każ li l-eżistenza ta’ tali żvantaġġ tiġi kkonstata f’dan il-każ, jekk ir-regola nazzjonali inkwistjoni hijiex iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u jekk din hijiex proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali (sentenza van den Booren, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

72      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stipulat fl-Artikolu 4 TFUE, jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimplementaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan tal-Artikolu 45 TFUE (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq van Munster, punt 32, u Leyman, punt 49).

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, għad-domandi mressqa għandha tingħata r-risposta li ġejja:

–        l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, persuna ma jistax ikollha, fl-istess ħin, żewġ postijiet ta’ residenza abitwali fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri differenti;

–        fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, u b’mod partikolari tal-Artikoli 12(2) u 46a tiegħu, istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ma tistax validament, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tneħħi b’mod retroattiv id-dritt għal pensjoni tal-irtirar tal-benefiċjarju u teżiġi r-rimbors ta’ pensjonijiet allegatament imħallsa b’mod indebitu minħabba li dan jieħu pensjoni tas-superstiti fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu huwa kellu wkoll residenza. Madankollu, l-ammont ta’ din il-pensjoni tal-irtirar riċevut fl-ewwel Stat Membru jista’ jitnaqqas fil-limitu tal-ammont tal-benefiċċji riċevuti fl-Istat Membru l-ieħor fuq il-bażi ta’ kwalunkwe regola nazzjonali kontra l-akkumulazzjoni ta’ benefiċċji;

–        l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deċiżjoni li tordna t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar riċevut fl-ewwel Stat Membru fil-limitu tal-ammont tal-benefiċċji riċevuti fl-Istat Membru l-ieħor fuq il-bażi ta’ kwalunkwe regola kontra l-akkumulazzjoni ta’ benefiċċji, sakemm din ma twassalx, fir-rigward tal-benefiċjarju ta’ dawn il-benefiċċji, għal sitwazzjoni ta’ żvantaġġ meta mqabbla ma’ dik li fiha tkun tinsab persuna li s-sitwazzjoni tagħha ma jkollha l-ebda element transkonfinali u, fejn l-eżistenza ta’ tali żvantaġġ tiġi kkonstatata, din tkun iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonali għall-għan leġittimu segwit mid-dritt nazzjonali, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal‑14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat fl-aħħar nett bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, persuna ma jistax ikollha, fl-istess ħin, żewġ postijiet ta’ residenza abitwali fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri differenti.

Fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament Nru 1408/71, u b’mod partikolari tal-Artikoli 12(2) u 46a tiegħu, istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ma tistax validament, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tneħħi b’mod retroattiv id-dritt għal pensjoni tal-irtirar tal-benefiċjarju u teżiġi r-rimbors ta’ pensjonijiet allegatament imħallsa b’mod indebitu minħabba li dan jieħu pensjoni tas-superstiti fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu huwa kellu wkoll residenza. Madankollu, l-ammont ta’ din il-pensjoni tal-irtirar riċevut fl-ewwel Stat Membru jista’ jitnaqqas fil-limitu tal-ammont tal-benefiċċji riċevuti fl-Istat Membru l-ieħor fuq il-bażi ta’ kwalunkwe regola nazzjonali kontra l-akkumulazzjoni ta’ benefiċċji.

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deċiżjoni li tordna t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar riċevut fl-ewwel Stat Membru fil-limitu tal-ammont tal-benefiċċji riċevuti fl-Istat Membru l-ieħor fuq il-bażi ta’ kwalunkwe regola kontra l-akkumulazzjoni ta’ benefiċċji, sakemm din ma twassalx, fir-rigward tal-benefiċjarju ta’ dawn il-benefiċċji, għal sitwazzjoni ta’ żvantaġġ meta mqabbla ma’ dik li fiha tkun tinsab persuna li s-sitwazzjoni tagħha ma jkollha l-ebda element transkonfinali u, fejn l-eżistenza ta’ tali żvantaġġ tiġi kkonstatata, din tkun iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonali għall-għan leġittimu segwit mid-dritt nazzjonali, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.