DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

14 ta’ Novembru 2013

Kawża F‑96/09 DEP

Eva Cuallado Martorell

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Rikorrent li jibbenefika mill-għajnuna legali — Ammont massimu li għandu jitħallas lill-avukat għal proċeduri bil-miktub u orali stabbilit mit-Tribunal — Inapplikabbiltà tal-limitu meta parti oħra tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-kawża”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar ta’ spejjeż li jistgħu jinġabru, abbażi tal-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, imressqa minn E. Cuallado Martorell quddiem it-Tribunal wara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2012, Cuallado Martorell vs Il-Kummissjoni, (F‑96/09 iktar ʼil quddiem is-“sentenza tat-18 ta’ Settembru 2012”).

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru minn E. Cuallado Martorell mingħand il-Kummissjoni Ewropea abbażi tal-Kawża F‑96/09 huwa ta’ EUR 3 620.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Talba għal għajnuna legali bla ħlas — Kundizzjonijiet għall-għoti — Inkapaċità li jitħallsu l-ispejjeż ta’ assistenza u ta’ rappreżentazzjoni — Ammissjoni għall-benefiċċju tal-għajnuna legali — Determinazzjoni tal-ammont tal-onorarji tal-avukat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Evalwazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 95 sa 98)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

1.      Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku marbuta mal-għajnuna legali, jiġifieri l-Artikoli 95 sa 98, ma jirregolawx b’mod eżawrjenti l-każijiet kollha prevedibbli.

A fortiori, dawn id-dispożizzjonijiet ma jirregolawx il-kwistjoni tal-ammont li l-parti kkundannata għall-ispejjeż għandha tirrimborsa, bħala onorarji, lill-avukat tar-rikorrenti li tibbenefika mill-għajnuna legali.

Minn naħa, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 97(3) tar-regoli ċċitati iktar ʼil fuq, jirriżulta li d-digriet li jagħti l-għajnuna legali, li jista’ jew jiddetermina ammont li għandu jitħallas mill-fondi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku lill-avukat inkarigat li jirrappreżenta lill-persuna kkonċernata, jew jistabbilixxi livell massimu li l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat ma jistgħux, fil-prinċipju, jeċċedu, ma għandux l-għan li jiddetermina l-spejjeż li jistgħu jinġabru mill-parti rebbieħa, iżda li jiżgura aċċess effettiv għall-ġustizzja lil kull parti li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, tkun inkapaċi totalment jew parzjalment li tħallas l-ispejjeż marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentazzjoni quddiem it-Tribunal.

Min-naħa l-oħra, mill-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-għajnuna legali mogħtija permezz ta’ digriet tista’ tkopri totalment jew parzjalment l-ispejjeż marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentazzjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. F’dan ir-rigward, huwa magħruf li l-onorarji tal-avukati jistgħu jvarjaw ħafna skont l-Istat Membru fejn dawn ikunu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom u l-grad ta’ speċjalizzazzjoni f’qasam, kif ukoll skont ir-reputazzjoni tagħhom fid-dinja professjonali. Ma huwiex eskluż li, fid-dawl tal-ammont iggarantit mit-Tribunal fid-digriet tiegħu, ir-rikorrenti tobbliga ruħha li tħallas lill-avukat tagħha l-parti mill-onorarji li ma jkunux koperti mill-għajnuna legali f’każ ta’ kundanna għall-ispejjeż.

Barra minn hekk, avukat li jkun aċċetta li jirrappreżenta pro bono lill-persuna kkonċernata fil-mument tal-preżentata tar-rikors, ma jistax jiġi obbligat li jirrinunzja għal parti mil-onorarji tiegħu meta tkun il-parti avversarja li tkun ġiet ikkundannata għall-ispejjeż fi tmiem il-proċedura.

(ara l-punti 19 sa 23)

2.      Il-Qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati tagħhom, imma li tiddetermina l-ammont korrispondenti għall-ħlasijiet li jistgħu jinġabru mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

Fin-nuqqas taʼ dispożizzjonijiet taʼ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti li għandha tevalwa liberament l-informazzjoni tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tal-vertenza, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont taʼ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-membri tal-persunal jew tal-konsulenti li intervjenew u l-interessi ekonomiċi li l-kawża tirrappreżenta għall-partijiet.

(ara l-punti 28 u 29)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Novembru 2011, U vs Il-Parlament, F‑92/09 DEP, punti 38 u 39