Kawża C543/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Belġju

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Lulju 2019

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Miżuri intiżi sabiex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja – Direttiva 2014/61/UE – Assenza ta’ traspożizzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum – Kalkolu tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità”

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Eżami tal-fondatezza mill-Qorti tal-Ġustizzja – Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni – Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata

(Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punti 23, 24)

2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn direttiva – Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Portata

(Artikolu 260(3) TFUE)

(ara l-punti 48 sa 59)

3.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva – Sanzjonijiet pekunjarji – Pagamenti ta’ penalità – Nuqqas li jipperdura sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja – Kundanna għall-ħlas – Kundizzjoni – Persistenza tan-nuqqas sal-għoti tas-sentenza

(Artikolu 260(3) TFUE)

(ara l-punti 60, 61, 78 sa 82, 91 sa 93)

4.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva – Sanzjonijiet pekunjarji – Pagamenti ta’ penalità – Determinazzjoni tal-forma u tal-ammont – Setgħa diskrezzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kriterji

(Artikolu 260(3) TFUE)

(ara l-punt 83, 84)

5.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva – Sanzjonijiet pekunjarji – Pagamenti ta’ penalità – Determinazzjoni tal-ammont – Kriterji

(Artikolu 260(3) TFUE)

(ara l-punti 85 sa 89)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat u applikat għall-ewwel darba l-Artikolu 260(3) TFUE, li jippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjoni finanzjarja għall-inosservanza tal-“obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu” direttiva tal-Unjoni

Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17), mogħtija fit-8 ta’ Lulju 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), għall-ewwel darba, interpretat u applikat l-Artikolu 260(3) TFUE (1). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni kontra l-Belġju u kkundannat lil dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 5 000, pagabbli mill-għoti tas-sentenza, għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2014/61/UE (2) dwar in-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja u, a fortiori, għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni korrispondenti.

L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva 2014/61 fid-dritt nazzjonali tagħhom sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2016 u jinformaw lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati f’dan ir-rigward.

Fil-15 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li fih qieset li l-Belġju ma kienx ittraspona b’mod sħiħ id-direttiva u lanqas ma kkomunika l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni korrispondenti fit-terminu li kien stabbilit għalih. Barra minn hekk, hija talbet il-kundanna tal-Belġju għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum sa mill-għoti tas-sentenza għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din l-istess direttiva. L-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, inizjalment ta’ EUR 54 639, tnaqqas għal EUR 6 071, fid-dawl tal-progress imwettaq mill-Belġju sa mill-preżentata tar-rikors fit-traspożizzjoni tad-direttiva. Fil-fatt, il-Kummissjoni speċifikat li kien għad hemm lakuni biss fil-livell tar-reġjun ta’ Bruxelles‑Capitale.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fl-iskadenza tat-terminu li kien impost fuqu fl-opinjoni motivata, kif estiż mill-Kummissjoni fuq talba tal-Belġju, dan tal-aħħar la kien adotta l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 u lanqas ikkomunika lil din l-istituzzjoni tali miżuri u li, għaldaqstant, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont din id-direttiva.

Meta, fit-tieni lok, eżaminat il-portata tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-kliem u l-finalità ta’ din id-dispożizzjoni, introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona mhux biss biex tħajjar b’mod iktar qawwi lill-Istati Membri sabiex jittrasponu d-direttivi fit-termini stabbiliti, iżda wkoll biex tiġi ffaċilitata u mħaffa l-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji fuq l-Istati Membri li ma jwettqux l-obbligu tagħhom ta’ komunikazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva.

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li għandha għan doppju. Hija intiża, minn naħa, li jiġu ggarantiti l-prerogattivi miżmuma mill-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni u li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-pożizzjoni proċedurali li jibbenefikaw minnha l-Istati Membri abbażi tal-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 258 TFUE (3) u tal-Artikolu 260(2) TFUE (4). Min-naħa l-oħra, hija intiża li tpoġġi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tkun tista’ teżerċita l-funzjoni ġudizzjarja tagħha li tikkonsisti f’li tevalwa, fil-kuntest ta’ proċedura waħda, jekk l-Istat Membru kkonċernat issodisfax l-obbligi tiegħu fil-qasam tal-komunikazzjoni u, fejn xieraq, li tevalwa l-gravità tan-nuqqas hekk ikkonstatat u li timponi sanzjoni pekunjarja li tidhrilha li hija l-iktar xierqa għaċ-ċirkustanzi tal-każ.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-“obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu”, fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE, huwa marbut mal-obbligu tal-Istati Membri li jittrażmettu informazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ ċertezza legali u jiżguraw it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva fit-territorju kollu kkonċernat, l-Istati Membri huma obbligati jindikaw, għal kull dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha. Ladarba ssir din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, bil-ħsieb li titlob l-impożizzjoni fuq l-Istat Membru kkonċernat ta’ sanzjoni pekunjarja prevista f’din id-dispożizzjoni, li ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni huma manifestament assenti jew ma jkoprux it-territorju sħiħ tal-Istat Membru kkonċernat. Għall-kuntrarju, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, li teżamina jekk il-miżuri nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni jiżgurawx traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-każ odjern, peress li l-Belġju naqas parzjalment mill-obbligu tiegħu ta’ komunikazzjoni. Fil-fatt, billi ma kienx għadu adotta, fil-mument tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri neċessarji biex jittrasponi fid-dritt intern tiegħu, inkonnessjoni mar-reġjun ta’ Bruxelles‑Capitale, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/61 (5), u lanqas, a fortiori, ma kkomunika lill-Kummissjoni tali miżuri ta’ traspożizzjoni, il-Belġju ppersista parzjalment fin-nuqqas tiegħu.

Konsegwentement, wara li kkonstatat li l-kundanna tal-Belġju għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità tikkostitwixxi mezz finanzjarju adegwat sabiex tiġi żgurata l-osservanza minn dan l-Istat Membru tal-obbligi imposti fuqu skont id-Direttiva 2014/61 u t-Trattati, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, evalwat il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, sabiex tiddetermina l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità. Fi tmiem din l-analiżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lill-Belġju jħallas lill-Kummissjoni, sa mid-data tal-għoti tas-sentenza u sa meta dan l-Istat Membru jkun temm in-nuqqas ikkonstatat, pagament ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 5 000.


1      L-Artikolu 260(3) TFUE jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat sanzjoni finanzjarja (somma f’daqqa jew pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum) f’każ ta’ inosservanza tal-“obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu” lill-Kummissjoni.


2      Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU 2014, L 155, p. 1).


3      L-Artikolu 258 TFUE jipprovdi għall-proċedura ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni.


4      L-Artikolu 260(2) TFUE jipprovdi għall-proċedura f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni, minn Stat Membru, ta’ sentenza li tikkonstata ksur. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi sanzjoni pekunjarja (somma f’daqqa jew pagamenti ta’ penalità).


5      Jiġifieri, l-Artikolu 2(7) sa (9) u (11) tiegħu, l-Artikolu 4(5) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 8 tiegħu.