SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

1 ta’ Marzu 2023 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/492 – Dazju antidumping definittiv – Kalkolu tal-valur normali – Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dannu – Kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz”

Fil-Kawża T‑301/20,

Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE, stabbilita f’Ain Soukhna (l-Eġittu),

Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE, stabbilita f’Ain Soukhna,

irrappreżentati minn B. Servais u V. Crochet, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Němečková u G. Luengo, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Tech-Fab Europe eV, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn L. Ruessmann u J. Beck, avukati,

intervenjenti,


IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn H. Kanninen, President, M. Jaeger, N. Półtorak, O. Porchia u M. Stancu (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE (iktar ’il quddiem “Hengshi”) u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE (iktar ’il quddiem “Jushi”), jitolbu l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 tal‑1 ta’ April 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU 2020, L 108, p. 1) sa fejn jikkonċernahom (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni ikkontestat”).

 I. Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Hengshi u Jushi huma żewġ kumpanniji kkostitwiti skont il-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu. It-tnejn li huma jappartjenu għall-grupp China National Building Material (CNBM). L-attività tar-rikorrenti tikkonsisti fil-produzzjoni u fl-esportazzjoni, b’mod partikolari, ta’ ċerti materjal tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa jew meħjuta (iktar ’il quddiem il-“MFĦ”) mibjugħa b’mod partikolari fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

3        Matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2018), Jushi pproduċiet kemm MFĦ kif ukoll faxex tal-fibri tal-ħġieġ (iktar ’il quddiem il-“FFĦ”), il-materja prima ewlenija użata għall-produzzjoni tal-MFĦ. Jushi użat il-FFĦ prodotti minnha stess biex tipproduċi l-MFĦ, iżda hija biegħet ukoll il-FFĦ lil klijenti indipendenti, kemm fl-Eġittu kif ukoll barra, kif ukoll lil Hengshi. Din tal-aħħar immanifatturat xi MFĦ minn FFĦ mixtrija mingħand Jushi kif ukoll mingħand kumpannija assoċjata oħra u kumpannija indipendenti, li t-tnejn huma stabbiliti fiċ-Ċina.

4        Jushi biegħet MFĦ direttament lil klijenti indipendenti fl-Eġittu u fl-Unjoni. Hija esportat ukoll MFĦ intiżi għal tliet klijenti konnessi fl-Unjoni, jiġifieri Jushi Spain SA, Jushi France SAS u Jushi ltalia Srl. Barra minn hekk, Jushi biegħet MFĦ fl-Unjoni permezz ta’ kumpannija relatata stabbilita barra mill-Unjoni, Jushi Group (HK) Sinosia Composite Materials Co. Ltd.

5        Hengshi ma bigħetx MFĦ fis-suq Eġizzjan. Hija biegħet MFĦ fl-Unjoni direttament lil klijenti indipendenti, kif ukoll permezz ta’ kumpannija relatata stabbilita barra mill-Unjoni, Huajin Capital Ltd.

6        Wara lment ippreżentat fit‑8 ta’ Jannar 2019 mill-intervenjenti, Tech-Fab Europe eV f’isem produtturi li jirrappreżentaw iktar minn 25 % tal-produzzjoni totali ta’ MFĦ tal-Unjoni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ MFĦ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu. Fil‑21 ta’ Frar 2019, hija ppubblikat avviż ta’ bidu ta’ proċedura f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, C 68, p. 29).

7        Kif jirriżulta mill-premessa 52 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-prodotti li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni antidumping kienu l-materjal magħmula minn faxex (rovings) jew minn ħajt ta’ fibri tal-ħġieġ b’filament kontinwu, minsuġa jew meħjuta, bi jew mingħajr elementi oħra, bl-esklużjoni ta’ prodotti impregnati jew impregnati minn qabel u ta’ tessut b’malja miftuħa li ċ-ċelloli tagħhom għandhom iktar minn 1.8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu iktar minn 35 g/m² li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu, li fid-data tal-fatti kienu jaqgħu taħt il-Kodiċi NM ex 7019 39 00, ex 7019 40 00, ex 7019 59 00 u ex 7019 90 00 (il-Kodiċijiet TARIC 7019390080, 7019400080, 7019590080 u 7019900080).

8        L-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara kopriet il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2018. L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dannu u tar-rabta kawżali kopra l-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2015 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

9        Fit‑8 ta’ April 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju antidumping kif ukoll ir-risposti għall-Anness I tal-kwestjonarju tal-kumpanniji assoċjati magħhom.

10      Fis‑16 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni ta’ kontra s-sussidji separata dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ MFĦ li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Eġittu (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni kontra s-sussidji parallela dwar l-MFĦ”). Fis‑7 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni fetħet ukoll investigazzjoni antisussidji fuq FFĦ (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni kontra s-sussidji parallela fuq il-FFĦ”).

11      Il-Kummissjoni wettqet żjarat ta’ verifika fil-bini tar-rikorrenti kif ukoll fil-bini tal-kumpanniji assoċjati magħhom. Fit‑30 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet addizzjonali wara dawn iż-żjarat.

12      Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni kkomunikat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija kellha l-intenzjoni li tistabbilixxi miżuri antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ MFĦ li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Eġittu (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni finali”). Fid‑9 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din l-informazzjoni. Fis‑16 ta’ Jannar 2020, inżammet seduta dwar l-imsemmija informazzjoni fil-bini tal-Kummissjoni. Fl-istess jum, ir-rikorrenti bagħtu bil-miktub osservazzjonijiet addizzjonali.

13      Fl‑10 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni ppubblikat dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni finali addizzjonali”). Din l-informazzjoni kienet tieħu inkunsiderazzjoni ċerti argumenti kkomunikati mir-rikorrenti dwar l-informazzjoni finali. Dawn tal-aħħar ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-informazzjoni finali addizzjonali fit‑13 ta’ Frar 2020. Fis‑17 ta’ Frar 2020, inżammet seduta dwar l-imsemmija informazzjoni fil-bini tal-Kummissjoni.

14      Fuq talba tar-rikorrenti, l-uffiċjal tas-seduta pproċeda, fil‑25 ta’ Frar 2020, għal seduta ulterjuri.

15      Fl‑1 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. L-imsemmi regolament jistabbilixxi dazju antidumping definittiv ta’ 20 % fuq l-importazzjonijiet ta’ MFĦ mir-rikorrenti fl-Unjoni.

 II. Ittalbiet talpartijiet

16      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ta’ implimentazzjoni kkontestat, sa fejn jikkonċernhom;

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha.

17      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 III. Iddritt

18      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi. Huma bbażati, l-ewwel, fuq il-fatt li l-metodu segwit mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ispiża tal-produzzjoni tal-MFĦ ta’ Hengshi, l-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali oħra (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż BAĠ”) u l-qligħ li għandu jintuża sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali stabbilit tiegħu jikser l-Artikolu 2(5), l-Artikolu 2(3), (6), (11) u (12), kif ukoll l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku u, it-tieni, fuq il-fatt li l-metodu segwit mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-marġni ta’ twaqqiegħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi tar-rikorrenti kienet tikser l-Artikolu 3(1), (2), (3) u (6) kif ukoll l-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 2(5), talArtikolu 2(3), (6), (11) u (12) kif ukoll talArtikolu 9(4) tar-Regolament bażiku

19      Dan il-motiv huwa maqsum f’ħames partijiet.

 Fuq lewwel parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur talewwel subparagrafu talArtikolu 2(5) tarRegolament bażiku

20      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li r-raġunament segwit mill-Kummissjoni sabiex ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ispiża ta’ FFĦ li tidher fid-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ Hengshi jikser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Skont ir-rikorrenti, din id-dispożizzjoni ma tipprovdix, f’dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni msemmija fiha, kriterju li jirrigwarda kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa u ma tippermettix lill-Kummissjoni tevalwa n-natura raġonevoli tal-ispejjeż, b’mod partikolari tal-FFĦ, marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat, jiġifieri l-MFĦ, li huma rreġistrati fid-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ Hengshi.

21      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, l-ewwel, minn dik li l-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ta lill-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) (ĠU 1994, L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping tal-1994”), it-tieni, mill-prinċipju ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-eċċezzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni u, it-tielet, mill-kuntest li fih ġie adottat l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku kif ukoll l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament.

22      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dawn l-argumenti.

23      Għandu jitfakkar li, fil-każ fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta-WTO, jew fil-każ fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehimiet tal-WTO, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Interpipe Niko Tube u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant vs Il‑Kummissjoni, T‑716/19, EU:T:2021:457, punt 95).

24      Permezz tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplimenta l-obbligi partikolari li jinsabu fl-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping tal-1994 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2013, Acron vs Il‑Kunsill, T‑118/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:67, punt 66).

25      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, sa fejn jikkorrispondu għal dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping tal-1994, għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dan il-ftehim, kif interpretati mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Interpipe Niko Tube u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant vs Il‑Kummissjoni, T‑716/19, EU:T:2021:457, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“L-ispejjeż għandhom normalment jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ records miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sakemm records bħal dawn ikunu konformi ma’ prinċipji kontabbilistiċi ġeneralment aċċettati tal-pajjiż konċernat u sakemm ikun muri li r-records jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat.”

27      Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-dokumenti tal-kontabbiltà tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni jikkostitwixxu s-sors ewlieni ta’ informazzjoni għall-istabbiliment tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodott ikkunsidrat u li l-użu tal-informazzjoni li tinsab fl-imsemmija dokumenti jikkostitwixxi l-prinċipju, filwaqt li l-adattament jew is-sostituzzjoni tagħhom b’bażi raġonevoli oħra tirrappreżenta l-eċċezzjoni. Fid-dawl tal-prinċipju li jgħid li deroga jew eċċezzjoni għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, għandu jitqies li s-sistema ta’ eċċezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑607/15, EU:T:2019:831, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fir-rigward tal-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jibbażaw ruħhom, meta jqisu li għandhom jeskludu l-ispejjeż tal-produzzjoni li jinsabu fid-dokumenti tal-kontabbiltà tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni sabiex jiġu ssostitwiti bi prezz stmat raġonevoli ieħor, fuq provi, jew tal-inqas fuq indizzji, li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu sar l-aġġustament (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑607/15, EU:T:2019:831, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li, fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw. Għalhekk, l-istħarriġ tal-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet mill-qorti tal-Unjoni huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju limitat jestendi, b’mod partikolari, għall-għażla bejn metodi differenti ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping u għall-evalwazzjoni tal-valur normali ta’ prodott (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑607/15, EU:T:2019:831, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata din il-parti tal-ewwel motiv.

31      L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jeskludix li l-Kummissjoni tista’ tinjora l-ispejjeż imniżżla fid-dokumenti tal-kontabbiltà tal-parti suġġetta għall-investigazzjoni meta l-prezz tal-materja prima użata għall-produzzjoni tal-prodott ikkunsidrat ma jkunx iffissat f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa.

32      F’dan ir-rigward, kif barra minn hekk jirrilevaw il-partijiet, il-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO qies, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping tal-1994, li jista’ jiġi kkonstatat li dokumenti tal-kontabbiltà miżmuma skont il-prinċipji ta’ kontabbiltà ġeneralment aċċettati ma jiħdux inkunsiderazzjoni b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat meta, pereżempju, it-tranżazzjonijiet dwar ċerti inputs assoċjati mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat ma jsirux f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa (ara, f’dan is-sens, ir-rapport tal-Korp tal-Appell tal-WTO fil-kawża “Unjoni Ewropea – Miżuri antidumping fir-rigward tal-bijodiżil li joriġina mill-Arġentina” (WT/DS 473/AB/R), adottat fis‑26 ta’ Ottubru 2016, punt 6.33).

33      Madankollu, kif tfakkar fil-punt 28 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, meta tqis li għandha teskludi l-ispejjeż tal-produzzjoni li jinsabu fid-dokumenti tal-kontabbiltà tal-parti suġġetta għall-investigazzjoni sabiex tissostitwixxihom bi prezz ieħor meqjus raġonevoli, hija obbligata tibbaża ruħha fuq provi, jew tal-inqas fuq indizzji, li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu sar l-aġġustament.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni osservat, fil-premessa 312 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li l-prezzijiet li bihom Hengshi kienet tixtri lil FFĦ mingħand Jushi kienu sistematikament u sostanzjalment inqas mill-prezzijiet li bihom Jushi kienet tbigħ l-istess prodott lix-xerrejja indipendenti li joperaw fis-suq Eġizzjan. Fid-dawl tad-differenza sinjifikattiv bejn dawn il-prezzijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet korrettament li l-prezzijiet imħallsa minn Hengshi lil Jushi ma setgħux jitqiesu bħala ffissati f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa. Dawn il-prezzijiet kienu ċertament ta’ profitt għal Jushi, iżda ma kinux jirriflettu l-prezzijiet tas-suq fl-Eġittu. Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż iddikjarati minn Hengshi għall-FFĦ kienu nettament inferjuri, jiġifieri ta’ madwar [kunfidenzjali] (1) %, minn dawk applikati minn Jushi għax-xerrejja indipendenti fl-Eġittu, ħaġa li r-rikorrenti ma jikkontestawx.

35      Sabiex jiġi ġġustifikat li tali differenza fil-prezz ma kinitx biżżejjed biex tippermetti lill-Kummissjoni tikkunsidra li l-prezzijiet tal-FFĦ irreġistrati fid-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ Hengshi ma kinux ġew iffissati f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, u li minħabba dan il-fatt kellhom jiġu skartati, ir-rikorrenti sostnew li, peress li Jushi biegħet il-FFĦ lil Hengshi bi profitt ta’ [kunfidenzjali] %, dawn id-dokumenti jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq u suffiċjenti l-ispiża tal-FFĦ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni diġà aċċettat, b’mod partikolari fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2014 tad‑9 ta’ April 2014 li jimponi dazju ta’ antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-ferrosiliċju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Russja, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2014, L 107, p. 13), li t-tranżazzjonijiet bejn partijiet relatati jistgħu jsiru mingħajr ma jsir profitt.

36      Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

37      F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-marġni ta’ profitt li Jushi kienet kisbet fuq il-bejgħ tagħha minn FFĦ lil Hengshi, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li t-twettiq ta’ profitt ma jippermettix awtomatikament li jiġi konkluż li kien hemm tranżazzjoni f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan il-marġni ta’ profitt kien nettament inferjuri għal dak magħmul ma’ xerrejja indipendenti.

38      Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-riferiment għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 360/2014, għandu jitfakkar li l-legalità ta’ regolament li jistabbilixxi dazji antidumping għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli ta’ dritt u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku, u mhux abbażi tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 107).

39      It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-tieni kundizzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma tikkonċernax in-natura raġonevoli tal-ispejjeż, iżda pjuttost l-“affidabbiltà” tad-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni twassal biex tipprekludi definittivament l-użu tal-valur normali maħdum f’każ, b’mod partikolari, fejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni huma affettwati minn sitwazzjoni partikolari tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2013, EuroChem MCC vs Il‑Kunsill, T‑84/07, EU:T:2013:64, punt 59).

40      It-tielet, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-interpretazzjoni tagħhom tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku hija kkonfermata mill-kuntest li fih ġiet adottata din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu, kif huma jirrilevaw, li l-Artikolu 2(5) ma jinkludix dispożizzjoni espressa dwar in-natura raġonevoli tal-ispejjeż sostnuti bejn il-partijiet marbuta, kuntrarjament għal dawk li jinsabu fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) kif ukoll fl-Artikolu 4(1)(a) u (2) tar-Regolament bażiku, dan ma huwiex biżżejjed biex juri li kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeskludi din iċ-ċirkustanza fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li, kif ġie rrilevat fil-punti 31 u 32 iktar ’il fuq, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tinjora l-ispejjeż imniżżla fid-dokumenti tal-kontabbiltà tal-parti li hija s-suġġett tal-investigazzjoni meta l-prezzijiet tal-materja prima użata għall-manifattura tal-prodott ikkonċernat ma jidhrux stabbiliti f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, minħabba relazzjoni bejn il-grupp. Sussegwentement, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tat-tielet u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, li jirreferu espliċitament għas-sitwazzjonijiet li fihom il-prezzijiet huma affettwati minħabba r-relazzjoni bejn il-grupp, iservu bħala bażi għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 2 dwar il-valur normali, inklużi dawk previsti fl-Artikolu 2(5). Fl-aħħar, l-Artikolu 4(1)(a) u (2) tar-Regolament bażiku ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-interpretazzjoni kuntestwali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) ta’ dan l-istess regolament, sa fejn dan ma jikkonċernax id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping, iżda pjuttost id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 10 tar-Regolament bażiku, ir-riferiment għall-partijiet marbuta mal-esportaturi ġie introdott mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex dawn jiġu esklużi mill-kunċett ta’ “industrija tal-Unjoni”.

42      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet għaldaqstant tqis, mingħajr ma twettaq żball ta’ dritt jew żball manifest ta’ evalwazzjoni, li, peress li l-prezz tal-FFĦ li jidher fid-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ Hengshi ma kienx iffissat f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, ma setax jitqies li kien jieħu inkunsiderazzjoni b’mod raġonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat, u li, konsegwentement, kien xieraq li jsir l-aġġustament tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2013, Acron vs Il‑Kunsill, T‑118/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:67, punt 53).

43      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittieni parti talewwel motiv, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

44      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku meta, fil-kuntest tal-analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, hija pparagunat il-prezzijiet tal-bejgħ tal-FFĦ ta’ Jushi ffatturati rispettivament lil Hengshi u lil klijenti nazzjonali indipendenti, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha relatati mal-bejgħ inkwistjoni, bħad-differenza sinjifikattiva fir-rigward tal-volum tal-bejgħ ta’ FFĦ imwettaq minn Jushi lil klijenti nazzjonali indipendenti u lil Hengshi, kif ukoll il-ħlas tad-drittijiet doganali applikabbli għal Jushi abbażi tal-bejgħ ta’ FFĦ lill-klijenti nazzjonali indipendenti tagħha.

45      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Fuq liżball manifest ta’ evalwazzjoni firrigward talvolum talbejgħ

46      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk prezz huwiex ipprattikat fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali tiddependi wkoll fuq kundizzjonijiet oħra ta’ tranżazzjoni, li jistgħu jinfluwenzaw il-prezzijiet ipprattikati, bħall-volum tat-tranżazzjoni, l-obbligi addizzjonali assunti mill-partijiet għaliha jew it-terminu ta’ kunsinna. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, li għandha ssir każ b’każ, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha u ċ-ċirkustanzi partikolari kollha relatati mal-bejgħ inkwistjoni (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina, C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 30).

47      Madankollu, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-fatti kkunsidrati f’din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-ilment tar-rikorrenti dwar id-differenza importanti fir-rigward tal-volum tal-bejgħ ta’ FFĦ magħmul minn Jushi ma’ klijenti nazzjonali indipendenti u ma’ Hengshi huwa bbażat essenzjalment, minn naħa, fuq l-argument li jgħid li huwa loġiku li l-volum tal-bejgħ ikollu influwenza fuq il-prezz applikat fil-konfront tal-klijenti u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li r-rata ta’ skontijiet applikata minn Jushi għal Hengshi fir-rigward tal-bejgħ ta’ FFĦ ġiet influwenzata mill-volum ta’ dan il-bejgħ.

49      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel, l-argument li jgħid li huwa loġiku li l-volum tal-bejgħ ikollu influwenza fuq il-prezz ipprattikat għand il-klijenti, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq aċċettat li l-volum tat-tranżazzjonijiet jista’ jinfluwenza l-prezz ta’ prodott, tali evalwazzjoni għandha ssir każ b’każ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha u ċ-ċirkustanzi partikolari kollha relatati mal-bejgħ inkwistjoni. Għaldaqstant, tali allegazzjoni ma hijiex biżżejjed, fiha nfisha, sabiex tiġġustifika, mingħajr il-prova li Jushi kienet applikat rati ta’ roħs lill-klijenti tagħha skont il-volum tal-bejgħ ta’ FFĦ, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-volum tal-bejgħ tal-FFĦ ta’ Jushi.

50      Fir-rigward, it-tieni, tal-argument tar-rikorrenti fuq ir-rata ta’ skontijiet applikata minn Jushi għal Hengshi għall-bejgħ tal-FFĦ, għandu jiġi rrilevat li ebda element tal-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-allegata rata ta’ tnaqqis applikata minn Jushi għal Hengshi ma hijiex speċifika u ma hijiex applikata esklużivament għall-bejgħ tal-FFĦ bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma pproduċewx prova li tippermetti li jiġi ddeterminat li tali rata ta’ tnaqqis ibbażata fuq il-volum tal-bejgħ hija applikabbli jew hija applikata għax-xerrejja kollha u mhux biss għal Hengshi.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 49 u 50 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti b’hekk baqgħu ma ressqux provi suffiċjenti, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-fatti kkonstatati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, b’mod partikolari fil-premessa 320 tiegħu, li wasslu għar-rifjut li jittieħed inkunsiderazzjoni l-volum tal-bejgħ tal-FFĦ minn Jushi lil Hengshi fil-kuntest tal-analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa.

52      Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda wkoll l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà dwar l-argument tal-Kummissjoni li jinsab fir-risposta li jgħid li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċentwali globali ta’ bejgħ imwettaq mal-klijenti nazzjonali indipendenti għall-prodotti kollha sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet kinux paragunabbli. Fil-fatt, dan l-argument jikkostitwixxi biss element tal-kuntest ippreżentat mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha li fid-dawl tiegħu għandu jinqara l-ilment tar-rikorrenti dwar il-volum tal-bejgħ. Issa, għandu jitfakkar li l-kontenut ta’ risposta huwa intiż, b’mod partikolari, biex jiċċara lill-Qorti Ġenerali dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża li hija suġġetta għall-eżami tagħha, li fil-kuntest tiegħu taqa’ d-deċiżjoni kkontestata u li l-Qorti Ġenerali ma tafx, kuntrarjament għall-partijiet fil-kawża. Barra minn hekk, in-nuqqas, f’deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ rikors għal annullament, ta’ elementi kuntestwali li iktar tard jittresqu quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-preżentazzjoni, minn waħda mill-partijiet, taċ-ċirkustanzi li fihom żvolġiet il-kwistjoni ppreżentata quddiema għalhekk ma jistax, bħala tali, jipprova n-nuqqas ta’ ħarsien tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/04, EU:T:2007:81, punt 79). Minn dan jirriżulta li l-fatt li dan l-argument ma tqajjimx fil-fażi amministrattiva huwa mingħajr konsegwenza f’dan il-każ.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq liżball manifest ta’ evalwazzjoni dwar ilħlas taddazji doganali

54      Għal dak li jirrigwarda l-ħlas tad-dazji doganali fuq l-inputs mill-FFĦ, minn naħa, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li l-Kummissjoni ma kkomunikatilhomx, fl-informazzjoni finali jew fl-informazzjoni finali addizzjonali, l-intenzjoni tagħha li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ħlas tal-imsemmija dazji doganali, minħabba n-nuqqas ta’ provi. Min-naħa l-oħra, huma jinvokaw ksur tal-obbligu ta’ diliġenza, sa fejn il-Kummissjoni kellha fuq inizjattiva tagħha stess tuża l-prova tal-ħlas ta’ dawn id-dazji doganali li hija kellha fil-kuntest tal-investigazzjoni kontra s-sussidji parallela fuq il-FFĦ jew, tal-inqas, titlobhom jipproduċu din il-prova fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping.

55      Fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jitfakkar li l-osservanza ta’ dawn id-drittijiet, li għandha importanza kbira fil-proċeduri ta’ investigazzjonijiet antidumping, tippreżupponi li l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tad-dannu li jirriżulta minnha (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Interpipe Niko Tube u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant vs Il‑Kummissjoni, T‑716/19, EU:T:2021:457, punt 209 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      L-eżistenza ta’ irregolarità f’dak li jirrigwarda r-rispett ta’ dawn id-drittijiet tista’ twassal għall-annullament ta’ regolament li jimponi dazju antidumping biss sa fejn ikun hemm possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti, u b’hekk taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża tal-parti kkonċernata. Madankollu, ma jistax jiġi impost fuq din il-parti li turi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tkun differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex kompletament eskluża, peress li l-imsemmija parti kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar fl-assenza tal-irregolarità proċedurali li dwarha sar ilment (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Interpipe Niko Tube u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant vs Il‑Kummissjoni, T‑716/19, EU:T:2021:457, punt 210 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha, sa fejn huma setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet kemm fuq l-informazzjoni finali kif ukoll fuq l-informazzjoni finali addizzjonali. Huwa fil-fatt f’dan il-kuntest li r-rikorrenti esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ dazji doganali li Jushi kellha tħallas għall-bejgħ tal-FFĦ lil klijenti nazzjonali indipendenti.

58      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jilmentaw li ma nstemgħux speċifikament dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ħlas tad-dazji doganali, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-dritt għal smigħ jestendi għall-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tadotta (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Interpipe Niko Tube u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant vs Il‑Kummissjoni, T‑716/19, EU:T:2021:457, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma semgħetx lir-rikorrenti speċifikament dwar l-intenzjoni tagħha li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ħlas tad-dazji doganali, minkejja li tali ħlas lanqas ma sar fil-mument meta r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-informazzjoni finali u fuq l-informazzjoni finali addizzjonali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess, dan il-ħlas sar fis‑27 ta’ Frar 2020, filwaqt li t-terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet fuq l-informazzjoni finali addizzjonali kien iffissat għat‑13 ta’ Frar 2020.

59      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

60      F’dak li jirrigwarda l-ksur tad-dmir ta’ diliġenza, għandu jitfakkar li, għalkemm hija ċertament il-Kummissjoni, bħala awtorità investigattiva, li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu, xorta jibqa’ l-fatt li, sa fejn ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma tagħti lil din tal-aħħar is-setgħa li ġġiegħel lill-partijiet ikkonċernati jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew jippreżentaw informazzjoni, din l-istituzzjoni tiddependi mill-kooperazzjoni volontarja ta’ dawn il-partijiet biex jipprovdulha l-informazzjoni neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China), C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fil-fatt, l-għan tal-investigazzjoni antidumping jikkonsisti, għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, f’li jfittxu provi oġġettivi, billi jużaw l-għodda mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mir-Regolament bażiku u abbażi ta’ kooperazzjoni volontarja tal-operaturi ekonomiċi, jiġifieri b’mod partikolari r-risposti għall-kwestjonarju antidumping, l-eventwali verifiki fuq il-post u l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati għad-dokumenti ta’ informazzjoni, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping eventwali wara li jkunu ddeterminaw il-valur normali tal-prodott ikkunsidrat konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑607/15, EU:T:2019:831, punt 133).

62      F’dan il-kuntest, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiżgura ruħha li l-istituzzjonijiet ħadu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u li huma evalwaw l-elementi tal-proċess bid-diliġenza kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jitqies li l-valur normali ġie ddeterminat b’mod raġonevoli (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, T‑249/06, EU:T:2009:62, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 60 sa 62 iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni għandha tmexxi l-investigazzjoni b’mod diliġenti u għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha fid-determinazzjoni tal-valur normali, hija tiddependi fuq il-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni sabiex jipprovdulha l-informazzjoni neċessarja.

64      F’dan il-każ, huma r-rikorrenti li kellhom jippreżentaw l-elementi ta’ prova li huma kienu jqisu rilevanti għall-finijiet tal-investigazzjoni, fil-mument meta huma qalu li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prezz tal-bejgħ tal-FFĦ iffatturat minn Jushi lil klijenti nazzjonali indipendenti kien jinkludi ammont li jkopri d-dazji doganali applikabbli fuq l-importazzjonijiet tal-inputs. Issa, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti dwar l-informazzjoni finali u l-informazzjoni finali addizzjonali, dawn qatt ma ppreżentaw, fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping, l-iċken prova li ħallsu tali dazji. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 58 iktar ’il fuq, tali ħlas lanqas ma sar fil-mument meta r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-informazzjoni finali u fuq l-informazzjoni finali addizzjonali. Id-dokument li juri l-ħlas tad-dazji doganali invokati minnhom ġie ppreżentat lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-investigazzjoni kontra s-sussidji parallela fuq il-FFĦ, fit‑18 ta’ Marzu 2020, kif ġie barra minn hekk ikkonfermat mir-rikorrenti waqt is-seduta. B’hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jieħdu vantaġġ min-negliġenza tagħhom stess meta jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni prova li huma kellhom kull interess li jippreżentaw u li huma ma ppreżentawx.

65      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu validament, fir-replika, li l-Kummissjoni setgħet tuża fuq inizjattiva tagħha stess l-imsemmi dokument ippreżentat fil-kuntest tal-investigazzjoni kontra s-sussidju parallela fuq il-FFĦ.

66      Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(6) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55), jipprevedi dan li ġej:

“L-informazzjoni riċevuta taħt dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih tkun ġiet mitluba.”

67      Issa, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax, fuq inizjattiva tagħha stess, tibbaża ruħha, fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping, fuq prova prodotta fil-kuntest ta’ investigazzjoni kontra s-sussidji parallela. Għaldaqstant, f’dan il-każ, huma r-rikorrenti li għandhom jirrinunzjaw għall-garanzija prevista minn dan l-artikolu u jitolbu li tali prova tiġi ammessa wkoll fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping.

68      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ir-riferiment, fil-premessa 268 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, dwar in-numri ta’ kontroll ta’ prodotti (iktar ’il quddiem in-“NKP”) tal-investigazzjoni antisussidji parallela fuq il-MFĦ kif ukoll l-użu ta’ ċerti tweġibiet tar-rikorrenti għall-kwestjonarju antidumping għall-finijiet ta’ din l-aħħar investigazzjoni antisussidji bl-ebda mod ma jipprovaw l-allegazzjoni tagħhom li tgħid li l-Kummissjoni setgħet tinvoka informazzjoni ta’ investigazzjoni antisussidji parallela fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-premessa 276 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni setgħet tuża l-informazzjoni dwar in-NKP tal-investigazzjoni antisussidji parallela dwar il-MFĦ biss għaliex il-produttur-esportatur Ċiniż inkwistjoni kien irrinunzja għall-garanzija prevista mill-Artikolu 19(6) tar-Regolament Bażiku kif ukoll mill-Artikolu 29(6) tar-Regolament 2016/1037 u talbet li l-informazzjoni korretta dwar in-NKP miġbura fil-kuntest tal-investigazzjoni kontra s-sussidji parallela fuq il-MFĦ tintuża bħala l-aħjar informazzjoni disponibbli fl-investigazzjoni antidumping. Min-naħa l-oħra, mill-ittra tal‑24 ta’ Mejju 2019 ippreżentata mir-rikorrenti annessa mar-replika jirriżulta li l-użu ta’ wħud mir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju antidumping għall-finijiet tal-investigazzjoni parallela antisussidji fuq il-MFĦ kien intalab fuq inizjattiva tagħhom stess.

69      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni lment għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

 Fuq ittielet parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur tattieni subparagrafu talArtikolu 2(5) tarRegolament bażiku

70      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv tagħhom, minn naħa, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku sa fejn, sabiex taġġusta l-ispejjeż tal-FFĦ ta’ Hengshi, hija rrikorriet għall-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni u aġġustat dawn l-ispejjeż fuq il-bażi ta’ “kull bażi raġjonevoli oħra”, minflok ma għamlet aġġustament “abbażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra tal-istess pajjiż”, b’mod partikolari abbażi tal-ispejjeż esposti minn Jushi, li hija l-unika produttur ieħor ta’ FFĦ fl-Eġittu, għall-produzzjoni tal-imsemmija FFĦ. Min-naħa l-oħra, huma jikkritikaw lill-Kummissjoni bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn hija ma spjegatx, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, ir-raġuni għalfejn hija rrikorriet għal tali eċċezzjoni.

71      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dawn l-argumenti.

72      Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li għandu jiġi ttrattat fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tosserva, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-motivi tal-għażla ta’ din tal-aħħar li ma tużax l-ispiża ta’ produzzjoni tal-FFĦ ta’ Jushi sabiex taġġusta l-ispiża tal-FFĦ ta’ Hengshi jirriżultaw b’mod ċar u mhux ekwivoku mill-premessa 331 tar-Regolament ta’ implementazzjoni kkontestat. Fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni spjegat li, wara li evalwat jekk id-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ Hengshi kinux raġonevolment jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni ta’ MFĦ, hija kkonstatat li l-prezzijiet ta’ trasferiment għax-xiri ta’ FFĦ ta’ Hengshi mingħand Jushi kienu s-suġġett ta’ tnaqqis qawwi meta mqabbel mal-prezz tas-suq għall-istess tipi ta’ prodotti fl-Eġittu, li jfisser li dawn ma kinux ġew iffissati f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa. Huwa għalhekk li hija aġġustat l-ispiża tal-FFĦ ta’ Hengshi abbażi tal-prezzijiet iffatturati minn Jushi lil klijenti nazzjonali indipendenti fis-suq Eġizzjan.

73      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jikkontestaw l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha dwar il-fatt li Jushi u Hengshi ma setgħux jiġu pparagunati, peress li Jushi hija impriża integrata vertikalment, kuntrarjament għal Hengshi, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq, l-assenza, f’deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ rikors għal annullament, ta’ elementi tal-kuntest li sussegwentement jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-preżentata, minn parti, taċ-ċirkustanzi li fihom tkun tmexxiet it-tilwima li titressaq quddiemha, ma tistax, bħala tali, tipprova nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

74      Issa, f’dan il-każ, il-preċiżazzjoni dwar il-fatt li Jushi hija kumpannija vertikalment integrata, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, tikkostitwixxi biss element tal-kuntest li l-Kummissjoni setgħet tipproduċi fil-kuntest tar-risposta, mingħajr ma tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

75      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ma kienx immotivat biżżejjed u lanqas li l-Kummissjoni esponiet għall-ewwel darba fir-risposta r-raġuni għalfejn hija ddeċidiet li tirrikorri, f’dan il-każ, għall-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

76      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

77      It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, għandu qabel kollox jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “[j]ekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni ma humiex riflessi b’mod raġonevoli fir-records tal-parti interessata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tistax tintuża, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq oħra rappreżentattivi”.

78      Għandu jiġi rrilevat, kif għamlu r-rikorrenti, li, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dawn iż-żewġ metodi għandhom jiġu applikati fl-ordni tal-preżentazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni għandha għalhekk teżamina, qabel kollox, jekk hija tistax taġġusta jew tiddetermina l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew ta’ esportaturi oħra. Huwa biss meta din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tistax tintuża li jkun hemm lok li tintuża l-eċċezzjoni, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, li tipprovdi li l-ispejjeż għandhom jiġu ddeterminati “fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli”. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 1999, Acme vs Il‑Kunsill, T‑48/96, EU:T:1999:251, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Barra minn hekk, l-għażla li jsir użu minn “kwalunkwe bażi oħra raġjonevoli” li tikkostitwixxi sistema ta’ eċċezzjoni għar-regola ġenerali prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Għalhekk, sabiex tinjora l-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra tal-istess pajjiż, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fuq provi, jew tal-inqas fuq indizji, li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li abbażi tiegħu sar l-aġġustament.

80      F’dan il-każ, sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li ma tużax l-ispiża tal-produzzjoni tal-FFĦ ta’ Jushi sabiex taġġusta l-ispiża tal-FFĦ ta’ Hengshi u, konsegwentement, li tirrikorri għal bażi raġonevoli oħra, il-Kummissjoni spjegat li Jushi, filwaqt li kienet l-uniku produttur ieħor ta’ MFĦ fl-Eġittu, kienet, minn naħa, kumpannija marbuta ma’ Hengshi u, min-naħa l-oħra, kumpannija integrata vertikalment, li ma kienx il-każ ta’ Hengshi. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija għalhekk iddeċidiet li tikkalkola l-ispiża tal-FFĦ ta’ Hengshi fuq il-bażi tal-prezz iffatturat minn Jushi lil klijenti nazzjonali indipendenti.

81      Sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jirrikorru għal kull bażi raġonevoli oħra għall-aġġustament tal-ispejjeż inkwistjoni, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jsostnu li, peress li din kienet “ivverifikat u aċċettat” l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-FFĦ ta’ Jushi, li kienet l-unika produttriċi l-oħra ta’ FFĦ fl-Eġittu, hija kienet obbligata li tagħmel dan l-aġġustament fuq il-bażi tal-imsemmija spejjeż.

82      Madankollu, tali allegazzjoni ma tistax tintlaqa’.

83      Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ma “aċċettatx”, kif jirriżulta mill-punt 80 iktar ’il fuq, l-ispiża tal-produzzjoni tal-FFĦ ta’ Jushi. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jirriżultax li l-Kummissjoni hija obbligata, anki fil-preżenza ta’ produtturi jew ta’ esportaturi oħra tal-istess pajjiż, li tipproċedi b’mod inkundizzjonat għall-aġġustament inkwistjoni abbażi tal-ispejjeż tagħhom. Għall-kuntrarju, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, anki fil-preżenza ta’ tali informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titbiegħed minnha meta tqis li din l-informazzjoni ma tistax tintuża. Issa, hija qieset li ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 80 iktar ’il fuq kienu jiġġustifikaw li tali informazzjoni ma setgħetx tintuża f’dan il-każ.

84      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tagħmel aġġustament tal-ispejjeż tal-FFĦ ta’ Hengshi “fuq kwalunkwe bażi oħra raġjonevoli”.

85      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

86      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li jirriżulta essenzjalment mir-risposta li l-produtturi jew l-esportaturi l-oħra għandhom ikunu huma stess “paragunabbli”, li jwassal għal interpretazzjoni wiesgħa tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi rrilevat li l-“paragunabbiltà” tal-produtturi li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fir-realtà tifforma parti mir-raġunament li jgħid li hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-FFĦ ta’ Jushi, peress li din hija, kuntrarjament għal Hengshi, kumpannija integrata vertikalment. Issa, kif jirriżulta mill-punti 80 u 84 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha ġustament fuq dan l-element sabiex teskludi l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ FFĦ ta’ Jushi u tipproċedi għal aġġustament fuq “kull bażi raġonevoli oħra”.

87      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li, peress li l-Kummissjoni ispirat ruħha mill-ispejjeż BAĠ u mill-profitt ta’ Jushi fuq il-bejgħ intern tagħha tal-MFĦ sabiex tibni l-valur normali tal-MFĦ ta’ Hengshi, skont l-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku, hija kellha tagħmel l-istess bl-ispiża tal-produzzjoni tal-FFĦ ta’ Jushi, għandu jiġi kkonstatat, skont il-Kummissjoni, li dan l-argument ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jittrattaw kwistjonijiet differenti. Filwaqt li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jikkonċerna l-kalkolu tal-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat, l-Artikolu 2(6) ta’ dan l-istess regolament għandu bħala għan il-kalkolu tal-ispejjeż BAĠ u tal-profitti li huwa bbażat fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet normali.

88      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku għandu jiġi miċħud, l-istess bħat-tielet parti tal-ewwel motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq irraba’ parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur talArtikolu 2(3), (6), (11) u (12) tar-Regolament bażiku

89      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni darbtejn l-element ta’ profitt u ta’ spejjeż BAĠ dwar il-bejgħ ta’ FFĦ ta’ Jushi fil-valur normali maħdum abbażi tal-MFĦ ta’ Hengshi. Huma jsostnu b’mod partikolari li l-Kummissjoni, inizjalment, żiedet l-ispiża ta’ FFĦ ta’ Hengshi abbażi tal-prezz tal-bejgħ ta’ FFĦ iffatturat minn Jushi lil klijenti nazzjonali indipendenti u, fit-tieni lok, żiedet mal-ispiża ta’ produzzjoni riveduta tal-MFĦ ta’ Hengshi l-ispejjeż BAĠ u l-profitt ta’ Jushi fir-rigward tal-bejgħ tagħha ta’ MFĦ lil dawn il-klijenti. Issa, peress li l-bejgħ ta’ MFĦ ta’ Jushi lill-klijenti nazzjonali indipendenti tagħha jinkludi mhux biss element ta’ profitt u ta’ spejjeż BAĠ relattiv għal dawn il-MFĦ, iżda wkoll element ta’ profitt u ta’ spejjeż BAĠ fir-rigward tal-FFĦ li tagħmel parti mill-manifattura tal-MFĦ, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni darbtejn l-ispejjeż BAĠ u l-element tal-qligħ relattiv għall-bejgħ ta’ FFĦ ta’ Jushi. B’dan il-mod, hija kisret l-Artikolu 2(3), (6), (11) u (12) tar-Regolament bażiku.

90      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dawn l-argumenti.

91      Għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa spekulattiv u ma huwa bbażat fuq ebda element konkret li jista’ juri li l-ispejjeż BAĠ u l-profitt għall-FFĦ kienu s-suġġett ta’ kontabbiltà doppja waqt il-kalkolu tal-valur normali tal-MFĦ ta’ Hengshi.

92      Fil-fatt, filwaqt li jsostnu li, bħala prinċipju, produttur vertikalment integrat, bħal Jushi, jirreġistra spejjeż BAĠ u qligħ fuq il-bejgħ tal-prodott finali ħafna ogħla minn dak irreġistrat minn produttur li ma huwiex vertikalment integrat, minħabba l-fatt li l-produttur vertikalment integrat għandu jsostni wkoll l-ispejjeż BAĠ u l-qligħ li huwa relatat mal-input li jintuża għall-manifattura tal-prodott finali, ir-rikorrenti baqgħu ma pprovawx b’mod konkret sa fejn, f’dan il-każ, l-ispejjeż BAĠ u l-qligħ derivanti mill-bejgħ tal-MFĦ ta’ Jushi kienu jinkludu element ta’ qligħ u ta’ spejjeż BAĠ relattivi għall-FFĦ li jidħlu fil-manifattura tal-MFĦ.

93      Issa, fin-nuqqas ta’ tali prova, il-Kummissjoni ma tistax tiġi validament akkużata li għamlet kalkolu doppju tal-element ta’ profitt u ta’ spejjeż BAĠ relatat mal-bejgħ ta’ FFĦ ta’ Jushi fil-valur normali maħdum mill-MFĦ ta’ Hengshi.

94      Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ilħames parti talewwel motiv, ibbażata fuq ksur talArtikolu 9(4) tarRegolament bażiku

95      Ir-rikorrenti jsostnu li, peress li l-metodu segwit mill-Kummissjoni sabiex tibni l-valur normali tal-MFĦ ta’ Hengshi huwa illegali għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-ewwel sar-raba’ parti tal-ewwel motiv, id-dazju antidumping definittiv ta’ 20 % li ġie impost fuqhom jeċċedi l-marġni ta’ dumping, bi ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

96      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

97      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-analiżi tal-ewwel erba’ partijiet tal-ewwel motiv ma wriet l-ebda żball ta’ liġi u ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni li din wettqet fil-ħolqien tal-valur normali tal-MFĦ ta’ Hengshi. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li d-dazju antidumping stabbilit mill-Kummissjoni jeċċedi l-marġni ta’ dumping, bi ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

98      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, il-ħames parti tal-ewwel motiv, kif ukoll dan il-motiv, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 3(1) sa (3) u (6), kif ukoll tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku

99      Dan il-motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet. Ir-rikorrenti jsostnu li, l-ewwel, meta ddeterminat il-prezz tal-esportazzjoni tar-rikorrenti, b’mod partikolari ta’ Jushi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ traħħis tal-prezzijiet abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, applikat b’analoġija, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament; it-tieni, billi bbażat ruħha fuq dan il-prezz ta’ esportazzjoni mibni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-ħsara, bi ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku; it-tielet, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tad-dannu jivvizzja l-analiżi tar-rabta kawżali li hija wettqet skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku; fl-aħħar, ir-raba’, billi qieset prezz ta’ esportazzjoni mibni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, applikat b’analoġija, għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet indikattivi tar-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-istabbiliment tal-ammont tad-dazju antidumping suffiċjenti sabiex jiġi eliminat id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, bi ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

100    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta mhux biss il-fondatezza ta’ dan il-motiv, iżda ssostni wkoll, b’mod preliminari, li dan huwa ineffettiv.

101    F’dan l-aħħar rigward, hija ssostni li, anki kieku l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-Kummissjoni wettqet żball meta użat b’analoġija l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għall-kalkoli ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet indikattivi tar-rikorrenti, tali żball ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Il-Kummissjoni tippreżenta, f’dan ir-rigward, fil-kontroreplika, kalkoli ġodda li juru li, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-valuri ffatturati mill-kumpanniji assoċjati ta’ Jushi fl-Unjoni mingħajr ma jsiru l-aġġustamenti abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, hemm biss varjazzjoni żgħira ħafna kemm fil-livell tat-traħħis tal-prezzijiet ([kunfidenzjali] minflok ta’ 31.5 %) kif ukoll f’dak tal-prezz indikattiv ([kunfidenzjali] minflok ta’ 63.9 %).

102    Mistoqsija mill-Qorti Ġenerali kemm bil-miktub, permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, kif ukoll oralment, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, dwar il-kalkoli l-ġodda tal-Kummissjoni prodotti fil-kontroreplika, ir-rikorrenti sostnew li, anki jekk dawn il-kalkoli ma għandhomx effett fuq il-livell tad-dazji antidumping imposti mir-regolament ta’ implementazzjoni kkontestat, li huma ffissati fil-livell tal-marġni ta’ dumping, l-imsemmija kalkoli jistgħu jaffettwaw il-livell konġunt tad-dazji antidumping u kumpensatorji, li huwa limitat għal-livell tal-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet indikattivi.

103    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiċħad bħala ineffettiv motiv jew ilment meta tikkonstata li dan ma huwiex adatt, fl-ipoteżi fejn ikun fondat, biex iwassal għall-annullament imfittex (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il‑Kunsill, C‑46/98 P, EU:C:2000:474, punt 38, u tad‑19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il‑Kummissjoni, T‑50/08 P, EU:T:2009:457, punt 59).

104    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ammettew, kif jirriżulta mill-punt 102 iktar ’il fuq, li, anki jekk il-Kummissjoni kienet użat, sabiex tiddetermina l-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi, il-kalkoli pprovduti fil-kontroreplika, li huma bbażati fuq il-prezz tal-esportazzjoni ta’ Jushi mingħajr l-aġġustamenti magħmula abbażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, ma jkun hemm ebda effett fuq il-livell tad-dazji antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

105    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jippreżentaw l-iċken prova, la fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u lanqas waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, sabiex isostnu l-argument tagħhom li jgħid li dawn il-kalkoli l-ġodda jistgħu jaffettwaw il-livell akkumulat tad-dazji antidumping u kumpensatorji.

106    Minn dan isegwi li, anki jekk jitqies li r-rikorrenti għandhom raġun jikkontestaw il-metodu li użat il-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-prezz tal-esportazzjoni ta’ Jushi fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi, l-użu tal-kalkoli l-ġodda msemmija fil-punt 101 iktar ’il fuq ma jwassalx, fi kwalunkwe każ, għal tibdil tad-dazji antidumping kif barra minn hekk jaqblu r-rikorrenti. L-iżball allegat ma jistax għalhekk jiġġustifika l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, sa fejn jikkonċernahom.

107    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi analizzata l-fondatezza tal-erba’ partijiet invokati mir-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv.

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 IV. Fuq lispejjeż

109    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din ta’ l-aħħar.

110    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Tech-Fab Europe eV għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Kanninen

Jaeger

Półtorak

Porchia

 

      Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Marzu 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 Data kunfidenzjali mneħħija.