Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-26 ta’ Mejju 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Bacău – ir-Rumanija) – Județul Neamț (C-260/14), Judeţul Bacău (C-261/14) vs Ministerul Dezvoltării Regionale și Administrației Publice

(Kawżi magħquda C-260/14 u C-261/14) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Regolament (KE) Nru 1083/2006 – Għoti ta’ kuntratt, mill-benefiċjarju tal-fondi li jaġixxi bħala awtorità kontraenti, bil-għan li titwettaq l-azzjoni sussidjata – Kunċett ta’ ‘irregolarità’ – Kriterju dwar ‘il-ksur tad-dritt tal-Unjoni’ – Proċeduri ta’ sejħiet għal offerti li jiksru l-leġiżlazzjoni nazzjonali – Natura tal-korrezzjonijiet finanzjarji adottati mill-Istati Membri – Miżuri jew sanzjonijiet amministrattivi)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Bacău – ir-Rumanija

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Județul Neamț (C-260/14), Judeţul Bacău (C-261/14)

Konvenut: Ministerul Dezvoltării Regionale și Administrației Publice

Dispożittiv

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, u l-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali minn awtorità kontraenti, li tibbenifika minn Fondi Strutturali fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku li għandu valur stmat inqas mill-livell stabbilit fl-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 20014/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi kif emendata bir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Neu 1422/2007, tal-4 ta’ Diċembru 2007, huwa suxxettibbli li jikkostitwixxi, fl-okkażjoni tal-għoti tal-imsemmi kuntratt, “irregolarità”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(2), jew tal-imsemmi punt 7 tal-Artikolu 2, sakemm dan il-ksur għandu jew jista’ jkollu l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi jaddebita nefqa mhux iġġustifikata.

It-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri, meta dawn ġew applikati għal nefqa kkofinanzjata mill-Fondi Strutturali, minħabba nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, huma miżuri amminstrattivi fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95.

Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludux il-fatt li Stat Membru japplika korrezzjonijiet finanzjarji irregolati minn att normattiv intern li daħal fis-seħħ wara li twettaq allegat ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, sakemm dan jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ regoli ġodda għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet maħluqa taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju li tivverifika, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha rilevanti fil-kawża prinċipali.

____________

1 ĠU C 292, 1.9.2014.