SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Lulju 2019 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran – Iffriżar ta’ fondi – Kumpens għad-dannu allegatament subit wara l-inklużjoni u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi – Dannu materjali – Danni immaterjali”

Fil-Kawża T‑405/15,

Fulmen, stabbilita f’Teheran (l-Iran), irrappreżentata minn A. Bahrami u N. Korogiannakis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn R. Liudvinaviciute-Cordeiro u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Aresu u D. Gauci, sussegwentement minn A. Aresu u R. Tricot, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39, rettifika fil-ĠU 2010, L 197, p. 19), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 25), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2010, L 281, p. 81), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), li permezz tagħhom isem ir-rikorrenti ġie inkluż u miżmum fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President tal-Awla, V. Valančius u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

2        Ir-rikorrenti, Fulmen, hija kumpannija Iranjana, attiva b’mod partikolari fis-settur tat-tagħmir elettroniku.

3        Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ġew adottati l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK tas-27 ta’ Frar 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2007, L 61, p. 49), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad-19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2007, L 103, p. 1).

4        L-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 kien jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi kollha u tar-riżorsi ekonomiċi kollha ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet. Il-lista ta’ dawn il-persuni u entitajiet kienet tinsab fl-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140.

5        Sa fejn kienu kkonċernati l-kompetenzi tal-Komunità Ewropea, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 kien jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-korpi rrikonoxxuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħala parteċipi fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Il-lista ta’ dawn il-persuni, entitajiet u korpi kienet tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

6        Il-Pożizzjoni Komuni 2007/140 tħassret bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 39).

7        L-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi ta’ numru ta’ kategoriji ta’ entitajiet. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, il-“persuni u entitajiet […] li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ [għall-proliferazzjoni nukleari] jew persuni jew entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċti, […] kif elenkati fl-anness II”.

8        Il-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġiet issostitwita b’lista ġdida, inkluża fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2010, L 281, p. 81).

9        Fil-25 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1).

10      Sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, fis-26 ta’ Lulju 2010, isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li tinsab fit-Tabella I tal-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni.

11      Konsegwentement, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li tinsab fit-Tabella I tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 195, p. 25). L-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 kellha bħala konsegwenza l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti.

12      Fid-Deċiżjoni 2010/413, il-Kunsill adotta l-motivi segwenti fir-rigward tar-rikorrenti: “Fulmen kien[et] implikat[a] fl-istallazzjoni ta’ tagħmir elettroniku fuq is-sit ta’ Qom/Fordoo [Iran] fi żmien meta l-eżistenza ta’ dan is-sit kienet għadha mhiex magħrufa”. Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, intużat il-formulazzjoni segwenti: “Fulmen kien[et] involut[a] fl-istallazzjoni ta’ tagħmir elettriku fuq is-sit ta’ Qom/Fordoo fi żmien meta l-eżistenza ta’ dan is-sit kienet għadha mhux magħrufa”.

13      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill informa lir-rikorrenti bl-inklużjoni ta’ isimha fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

14      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill sabiex jerġa’ jeżamina l-inklużjoni tagħha fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. Hija stiednet ukoll lill-Kunsill sabiex jikkomunika l-elementi li abbażi tagħhom wasal sabiex jadotta l-miżuri restrittivi fil-konfront tagħha.

15      L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ma ġietx affettwata mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644.

16      Peress li r-Regolament Nru 423/2007 tħassar bir-Regolament Nru 961/2010, isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill fil-punt 13 tat-Tabella B tal-Anness VIII ta’ dan l-aħħar regolament. Konsegwentement, il-fondi tar-rikorrenti issa ġew iffriżati abbażi tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010.

17      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill wieġeb għall-ittra tar-rikorrenti tal-14 ta’ Settembru 2010, billi indika li, wara eżami mill-ġdid, huwa jiċħad it-talba tagħha intiża sabiex isimha jitneħħa mil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, u minn dik tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, peress li din kienet issostitwixxiet l-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. F’dan ir-rigward, huwa speċifika li, sa fejn il-fajl ma kellux elementi ġodda li jiġġustifikaw bidla fil-pożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti kellha tkompli tiġi suġġetta għall-miżuri restrittivi pprovduti mill-imsemmija testi. Barra minn hekk, il-Kunsill indika li d-deċiżjoni tiegħu li jżomm isem ir-rikorrenti f’dawn il-listi ma kinitx ibbażata fuq elementi oħra għajr dawk imsemmija fil-motivazzjoni tal-imsemmija listi.

18      Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2010/413, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, id-Deċiżjoni 2010/644 u r-Regolament Nru 961/2010, sa fejn dawn jikkonċernaw lil Fereydoun Mahmoudian u lir-rikorrenti.

19      Għal dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti kkontestati fil-kuntest tar-rikorsi li taw lok għas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), fil-punt 106 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, fir-rigward tar-Regolament Nru 961/2010, fakkret li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta’ skadenza tat-terminu tal-appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-istatut jew, jekk jitressaq appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell. F’dan il-każ, hija ddeċidiet li r-riskju ta’ preġudizzju serju u irriversibbli għall-effikaċja tal-miżuri restrittivi li jimponi r-Regolament Nru 961/2010 ma jidhirx li huwa suffiċjentement għoli, fid-dawl tal-effett importanti li dawn il-miżuri għandhom fuq id-drittijiet u l-libertajiet tar-rikorrenti, sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-effetti tal-imsemmi regolament fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar matul perijodu li jmur lil hinn minn dak previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

20      Barra minn hekk, fil-punt 107 tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), il-Qorti Ġenerali żammet l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, sakemm jieħu effett l-annullament tar-Regolament Nru 961/2010.

21      Fl-4 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill appella quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142). Dan l-appell ġie rreġistrat bir-referenza C‑280/12 P. Insostenn tal-imsemmi appell, il-Kunsill argumenta, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li huwa kellu jressaq elementi li jippermettu li jiġi pprovat li r-rikorrenti kienet intervjeniet fis-sit ta’ Qom/Fordoo (l-Iran) u dan minkejja l-fatt li l-elementi li setgħu jitressqu kienu joriġinaw minn sorsi kunfidenzjali, u li l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali jirrigwardaw żewġ aspetti tal-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi, l-ewwel wieħed dwar il-komunikazzjoni lill-Kunsill ta’ provi mill-Istati Membri u t-tieni wieħed dwar il-komunikazzjoni ta’ elementi kunfidenzjali lill-qorti.

22      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell għaliex infondat, billi kkonfermat dak li kienet iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 103 tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), jiġifieri li l-Kunsill ma kienx ipproduċa l-prova li r-rikorrenti kienet intervjeniet fis-sit ta’ Qom/Fordoo.

23      Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1361/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU 2013, L 343, p. 7, rettifika fil-ĠU 2014, L 54, p. 22), il-Kunsill, abbażi tal-konsegwenzi tas-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775), ipproċeda bit-tneħħija ta’ isem ir-rikorrenti mil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet, li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, li jinsabu rispettivament fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, b’effett mid-19 ta’ Diċembru 2013. Sa minn dakinhar, isem ir-rikorrenti ma reġa’ ġie inkluż fuq ebda lista.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Il-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali.

25      Fid-9 ta’ Novembru 2015, il-Kunsill ippreżenta r-risposta.

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

27      Fit-2 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba ta’ intervent tal-Kummissjoni. Il-Kunsill ma ppreżentax osservazzjonijiet fuq din it-talba fit-terminu stabbilit.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Diċembru 2015, adottata skont l-Artikolu 144(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni f’din il-kawża.

29      Fit-22 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. La l-Kunsill u lanqas ir-rikorrenti ma ppreżentaw osservazzjonijiet fuq din in-nota.

30      Fil-25 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.

31      Fit-8 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill ippreżenta l-kontroreplika.

32      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti talbet li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, skont l-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

33      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) adottat l-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kienet tikkonsisti fis-smigħ tal-partijiet dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura fl-istennija tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħlaq il-proċeduri fil-Kawża C‑45/15 P, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill. Il-Kunsill ikkomunika l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward fit-terminu stabbilit.

34      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

35      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2016, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jissospendi l-proċeduri f’din il-kawża.

36      Wara l-għoti tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) adottat it-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kienet tikkonsisti fis-smigħ tal-partijiet dwar il-konsegwenzi li huma jisiltu mill-imsemmija sentenza fuq din il-kawża (iktar ’il quddiem it-“tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura”). Il-partijiet prinċipali u l-Kummissjoni kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward fit-terminu stabbilit.

37      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) adottat it-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kienet tikkonsisti f’li jsiru diversi mistoqsijiet lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem it-“tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura”). Din tal-aħħar wieġbet fit-terminu stabbilit.

38      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li, filwaqt li kienet qiegħda tkompli ssostni l-pożizzjoni tal-Kunsill, hija ma tqisx li huwa neċessarju li tipparteċipa fis-seduta ta’ din il-kawża.

39      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet prinċipali u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2018.

40      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tikkundanna lill-Kunsill iħallasha ammont ta’ EUR 11 009 560 bħala kumpens għad-dannu materjali subit minnha u ammont ta’ EUR 100 000, bħala kumpens għad-dannu immaterjali subit;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

41      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

42      Fil-kontroreplika, abbażi tas-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il-Kunsill (T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86), il-Kunsill jikkontesta li, peress li r-rikorrenti bbażat it-talba tagħha għal kumpens fuq l-illegalità tal-inklużjoni ta’ isimha fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors, peress li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE ma jagħtix ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar talba għal kumpens ibbażata fuq l-illegalità ta’ att li jaqa’ taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK).

43      Bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, li stednitha tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, ir-rikorrenti speċifikat li, permezz ta’ dan ir-rikors, hija riedet titlob kumpens biss għad-dannu kkawżat mir-regolamenti adottati mill-Kunsill, li ġie nnotat fil-proċess verbal tas-seduta. Fid-dawl tal-imsemmija tweġiba, għandu jiġi kkunsidrat li, essenzjalment, ir-rikorrenti bidlet it-tieni kap tat-talbiet tar-rikors, b’tali mod li finalment, hija titlob biss li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kunsill iħallasha ammont ta’ EUR 11 009 560 bħala kumpens għad-dannu materjali li hija ġarrbet minħabba l-inklużjoni illegali ta’ isimha fil-listi annessi mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 u mar-Regolament Nru 961/2010 (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”) u ammont ta’ EUR 100 000 bħala kumpens għad-dannu immaterjali li hija ġarrbet minħabba din l-istess inklużjoni.

44      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ f’kull mument, ex officio, wara li tisma’ l-partijiet, tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, li fosthom hemm, skont il-ġurisprudenza, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1980, Ferriera Valsabbia et vs Il-Kummissjoni, 154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79, EU:C:1980:81, punt 7, u tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T‑174/95, EU:T:1998:127, punt 80).

45      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, minkejja li rikors għad-danni intiż għal kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba l-adozzjoni ta’ att fil-qasam tal-PESK ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali (sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Jannatian vs Il-Kunsill, T‑328/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:86, punti 30 u 31), madankollu, il-Qorti Ġenerali dejjem għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal kumpens għad-dannu allegatament subit minn persuna jew minn entità minħabba miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħha, skont l-Artikolu 215 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punti 232 sa 251, u tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punti 45 sa 149).

46      Ma jistax japplika mod ieħor fir-rigward ta’ talba għal kumpens ta’ dannu allegatament subit minn persuna jew minn entità minħabba miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tagħha, skont l-Artikolu 291(2) TFUE.

47      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma tipprovdi li s-sitt parti tiegħu, dwar id-dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji, ma hijiex applikabbli fil-qasam ta’ miżuri restrittivi. Għalhekk, l-użu tal-Artikolu 291(2) TFUE, li jipprovdi, “[m]eta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti, dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill”, ma huwiex eskluż, sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 35).

48      F’dan il-każ, il-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tar-rikorrenti, bid-Deċiżjoni 2010/413, emendata sussegwentement bid-Deċiżjoni 2010/644, ġew implimentati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, adottat skont l-Artikolu 291(2) TFUE u mir-Regolament Nru 961/2010, adottat skont l-Artikolu 215 TFUE.

49      Minn dan isegwi li, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens tar-rikorrenti, inkwantu din hija intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, emendata sussegwentement bid-Deċiżjoni 2010/644, madankollu, l-imsemmija qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-istess talba, inkwantu hija intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba l-implimentazzjoni ta’ din l-istess deċiżjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 u tar-Regolament Nru 961/2010 (iktar ’il quddiem l-“atti kontenzjużi”).

50      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex teżamina dan ir-rikors kif emendat waqt is-seduta, jiġifieri sa fejn dan huwa intiż għal kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba l-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tagħha fid-Deċiżjoni 2010/413, emendata sussegwentement bid-Deċiżjoni 2010/644, li ġew implimentati permezz tal-atti kontenzjużi (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”).

B.      Fuq il-mertu

51      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illeċitu tal-istituzzjonijiet, huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 47).

52      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li f’dan il-każ it-tliet kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma ssodisfatti.

53      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li dan ir-rikors jiġi miċħud għaliex infondat, għar-raġuni li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova, li l-oneru tagħha jaqa’ fuqha, li l-kundizzjonijiet kollha sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huma, f’dan il-każ, issodisfatti.

54      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, kif ġew elenkati diġà fil-punt 51 iktar ’il fuq, huma kumulattivi (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il-Kunsill, T‑49/07, EU:T:2010:499, punti 92 u 93, u d-digriet tas-17 ta’ Frar 2012, Dagher vs Il-Kunsill, T‑218/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:82, punt 34). Minn dan isegwi li, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 193).

55      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti pproduċietx il-prova, li l-oneru tagħha jaqa’ fuqha, tal-illegalità tal-aġir li hija tikkritika lill-Kunsill, jiġifieri l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi, ir-realtà tad-danni materjali u immaterjali li hija tallega li ġarrbet u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imsemmija adozzjoni u d-danni li hija tinvoka.

1.      Fuq l-illegalità allegata

56      Ir-rikorrenti targumenta li l-kundizzjoni li tirrigwarda l-illegalità tal-aġir ta’ istituzzjoni hija ssodisfatta, għaliex, essenzjalment, l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju, mill-Kunsill, tad-dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, ta’ natura, skont il-ġurisprudenza, li jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

57      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tfakkar li mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), kif ukoll mis-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775), mogħtija fuq appell mill-Kunsill u li tiċħad l-imsemmi appell (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), jirriżulta li l-atti kontenzjużi huma vvizzjati b’illegalità.

58      Fil-fatt, minn naħa, hija tfakkar li fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kunsill ma kellu lanqas l-iċken element kontriha sabiex isostni l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi, u qieset li dan il-fatt jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula fil-kuntest tat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija tindika li, fid-dawl tas-similarità tal-fatti li taw lok għal din il-kawża u dawk fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), il-konstatazzjonijiet kollha dwar il-gravità tal-illegalità tal-aġir tal-Kunsill f’din l-aħħar kawża huma trasponibbli mutatis mutandis għal din il-kawża. Hija żiedet li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi li s-sempliċi annullament tal-atti kontenzjużi ma huwiex ta’ natura li jikkostitwixxi kumpens suffiċjenti għad-dannu immaterjali tagħha.

59      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Kunsill li, minkejja l-karattru flagranti tal-illegalità kkonstatata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), jippreżenta appell minn din is-sentenza, tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter li l-konsegwenza tiegħu kienet l-aggravazzjoni tad-dannu li hija ġarrbet.

60      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konsegwenza tal-miżuri kontenzjużi kienet il-ksur tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ intrapriża tagħha u tad-dritt għall-proprjetà tagħha, li hija għandha skont l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Dan il-ksur ta’ dawn id-drittijiet fundamentali jaggrava l-illegalità mwettqa mill-Kunsill, sal-punt li jikkostitwixxi ksur serju.

61      Fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija magħmula fil-kuntest tat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, ma baqax jikkontesta l-illegalità li tirriżulta mill-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi u jirrikonoxxi li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), dwar l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi huma rilevanti f’din il-kawża, sa fejn l-inklużjoni tar-rikorrenti seħħet f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza. Madankollu, huwa jikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-użu ħażin ta’ poter u dwar ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, u jikkunsidra li s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), ma tipprovdi ebda indikazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward.

62      F’dan il-każ, fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-illegalità tal-atti kontenzjużi.

63      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti Ġenerali, il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku, tkun kemm tkun ċensurabbli din l-illegalità, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni tal-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li tirrigwarda l-illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet hija ssodisfatta (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Dole Fresh Fruit International vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑56/00, EU:T:2003:58, punti 71 sa 75, u tat-23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 31). L-eventwali annullament ta’ att jew ta’ diversi atti tal-Kunsill li taw lok għad-danni invokati mir-rikorrenti, anki meta tali annullament ikun deċiż minn sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija qabel ma jiġi ppreżentat rikors għad-danni, ma jikkostitwixxix, għalhekk, il-prova inkonfutabbli ta’ ksur suffiċjentement serju min-naħa ta’ din l-istituzzjoni, li jippermetti li tiġi kkonstatata, ipso jure, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

64      Il-kundizzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ aġir illegali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni teħtieġ il-ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi huwa intiż, irrispettivament min-natura tal-att illegali inkwistjoni, sabiex jiġi evitat li r-riskju ta’ ħlas tad-danni allegati mill-persuni kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ natura leġiżlattiva jew li timplika għażliet ta’ politika ekonomika kif ukoll fl-isfera tal-kompetenza amministrattiva tagħha, mingħajr madankollu ma tattribwixxi lil individwi r-responsabbiltà tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u li ma humiex skużabbli (ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 51).

66      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 63 sa 65 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet legali li tagħhom ir-rikorrenti qiegħda tinvoka l-ksur f’dan il-każ għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi u jekk il-Kunsill wettaqx ksur suffiċjentement serju tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

67      Insostenn tat-talba għal kumpens għad-danni tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, żewġ kapijiet ta’ illegalità, jiġifieri, l-ewwel nett, l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi ladarba l-Kunsill ma kellu l-ebda prova insostenn tagħhom, illegalità li l-effetti tagħha kienu aggravati b’użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-Kunsill, meta dan ippreżenta appell kontra s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), u, it-tieni nett, ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

68      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kap tal-illegalità bbażat fuq l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi mill-Kunsill meta dan ma kellu ebda prova insostenn tagħhom, għandu jitfakkar li, fil-punti 68 u 69 tas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti kienet tkun f’pożizzjoni li tifhem li fil-mument tal-adozzjoni tal-att ikkontestat fil-kawża inkwistjoni, hija kellha tiġbor l-informazzjoni jew il-provi li jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti fl-imsemmija kawża sabiex tkun tista’ tistabbilixxi, f’każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-imsemmija miżuri bil-produzzjoni tal-imsemmija informazzjoni jew tal-imsemmija provi quddiem il-qorti tal-Unjoni. Hija kkonkludiet li, billi ma aġixxiex b’dan il-mod, il-Kunsill huwa responsabbli għal ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 63 u 64 iktar ’il fuq. Fil-punt 40 tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), mogħtija wara appelli mis-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), u li tiċħad l-imsemmija appelli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet ġustament ikkunsidrat, b’mod partikolari fil-punti 68 u 69 tas-sentenza tagħha, li l-ksur, għal kważi tliet snin, tal-obbligu li l-Kunsill kellu li jipprovdi, f’każ ta’ kontestazzjoni, l-informazzjoni jew il-provi insostenn tal-motivi tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna fiżika jew ġuridika, kien jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

69      F’dan il-każ, kif jirriżulta mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), kif ikkonfermata bis-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775), bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-ksur imwettaq mill-Kunsill mhux biss huwa identiku fir-rigward tal-għan tiegħu, iżda huwa wkoll itwal, b’madwar sitt xhur, minn dak imwettaq mill-Kunsill fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986).

70      Minn dan isegwi li, minn naħa, id-dispożizzjoni legali li tagħha qiegħed jiġi invokat il-ksur, f’dan il-każ, hija dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi, fosthom lir-rikorrenti bħala persuna ġuridika kkonċernata mill-atti kontenzjużi. Min-naħa l-oħra, il-ksur tal-imsemmija dispożizzjoni jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 64 iktar ’il fuq.

71      Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet, wara t-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, dwar il-konsegwenzi li huma jisiltu mis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), fuq din il-kawża, jirriżulta li huma stess jaqblu, preżentement, dwar il-fatt li l-illegalità invokata tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi.

72      Fir-rigward tal-allegazzjoni li essenzjalment, minbarra li huwa serju, dan l-aħħar ksur huwa aggravat minħabba l-fatt li l-Kunsill wettaq użu ħażin ta’ poter billi ppreżenta appell mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

73      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter jekk jidher, fuq bażi ta’ evidenza oġġettiva, rilevanti u konsistenti, li ttieħed bl-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bl-għan prinċipali, li jintlaħqu finijiet differenti minn dawk indikati jew li tiġi evitata proċedura speċifikament indikata fit-Trattat sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, Montel vs Il-Parlament, T‑634/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:848, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ appell mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali huwa stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u jifforma parti integrali mir-rimedji ġudizzjarji tas-sistema ġuridika tal-Unjoni. Skont l-istess artikolu, appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tista’ tippreżenta appell kwalunkwe parti li tkun tilfet, parzjalment jew totalment, fit-talbiet tagħha. Mid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni jirriżulta li, fl-osservanza tal-limiti li dan jipprevedi, kull parti hija libera mhux biss li tippreżenta appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali, iżda, barra minn hekk, li tqajjem kull aggravju li hija tikkunsidra utli sabiex targumenta u tirbaħ il-kawża tagħha. Huwa għalhekk li, f’dan l-aħħar rigward, għall-kuntrarju ta’ dak allegat mir-rikorrenti, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat għaliex ippreżenta appell mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), sabiex, kif jippreċiża fir-risposta tiegħu, ikun hemm “ġurisprudenza stabbilita ferm fir-rigward tal-miżuri restrittivi ġeografiċi”, peress li tali argument jirrigwarda b’mod manifest kwistjoni ta’ liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE.

75      Min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kunsill kien ippreżenta appell mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), sempliċement sabiex jagħmel pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex hija twaqqaf il-programm nukleari tagħha, billi jżomm b’dan il-mod l-effetti prodotti mill-atti kontenzjużi fil-konfront tar-rikorrenti, ma tistax tiġi milqugħa. Fil-fatt, mhux biss din l-allegazzjoni ma hija kkorroborata b’ebda prova jew informazzjoni, iżda, fi kwalunkwe każ, bilfors għandu jiġi kkonstatat li ż-żamma tal-imsemmija effetti hija inerenti għad-deċiżjoni li jiġi ppreżentat appell, u dan skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex, skont dan l-artikolu, “[b]’deroga mill-Artikolu 280 [TFUE] id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data tal-iskadenza tat-terminu tal-appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell”.

76      Barra minn hekk, għandu jitfakkar (ara l-punt 19 iktar ’il fuq) li fir-rigward tal-effetti ratione temporis tal-annullament tar-Regolament Nru 961/2010, fil-punt 106 tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, f’dan il-każ, ir-riskju ta’ ħsara serja u irriversibbli fuq l-effettività tal-miżuri restrittivi imposti mir-Regolament Nru 961/2010 ma jidhirx li huwa elevat biżżejjed sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-effetti tar-regolament imsemmi fir-rigward tar-rikorrenti għal perijodu li jmur lil hinn minn dak stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, fil-punt 107 tal-istess sentenza (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), hija ddeċidiet li żżomm l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament tar-Regolament Nru 961/2010.

77      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ż-żamma tal-effetti prodotti mill-atti kontenzjużi fil-konfront tar-rikorrenti, wara l-annullament ta’ dawn tal-aħħar permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), hija l-konsegwenza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-evalwazzjoni sovrana tal-Qorti Ġenerali, u mhux tal-aġir ikkritikat mir-rikorrenti kontra l-Kunsill, għax ippreżenta appell mill-imsemmija sentenza.

78      Konsegwentement, fl-assenza ta’ kwalunkwe element oġġettiv, ippreżentat mir-rikorrenti, li jista’ juri li l-Kunsill ippreżenta l-appell mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), bil-għan li jippreġudikaha jew jagħmel pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex hija twaqqaf il-programm nukleari tagħha, l-argument ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-Kunsill li aggrava l-ksur tad-dispożizzjoni legali inkwisjtoni f’dan il-każ għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

79      Fir-rigward tat-tieni kap ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tillimita ruħha li tfakkar il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikun hemm preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet mogħtija mill-Karta u li ssostni li l-miżuri kontenzjużi imposti fir-rigward tagħha kellhom l-għan u l-effett ta’ restrizzjonijiet konsegwenti fuq id-dritt tagħha għall-proprjetà u għal-libertà tagħha li teżerċita attività ekonomika, kif mogħtija mill-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

80      Madankollu, għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għall-proprjetà huwa ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta, huwa ma jgawdix, fid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni assoluta, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet għall-użu ta’ dan id-dritt, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni u ma jammontawx, fid-dawl tal-għan imfittex, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta, b’analoġija, għal-libertà ta’ intrapriża, li hija ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta.

81      L-ewwel nett, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi kontra r-rikorrenti, sa fejn dawn jipprovdu għall-iffriżar tal-fondi tagħha, tar-riżorsi finanzjarji tagħha u tar-riżorsi ekonomiċi l-oħra tagħha, kien li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari u li tiġi eżerċitata pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex twaqqaf l-attivitajiet ikkonċernati. Dan l-għan kien jifforma parti mill-kuntest iktar ġenerali tal-isforzi marbuta maż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u kien, għalhekk, leġittimu u xieraq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punti 100 u 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      It-tieni nett, il-miżuri kontenzjużi kellhom ukoll natura neċessarja peress li miżuri alternattivi u inqas vinkolanti, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu ta’ fondi ttrasferiti, ma kinux jippermettu li jintlaħaq b’mod daqstant effettiv l-għan imfittex, jiġifieri li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari u li b’dan il-mod issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex twaqqaf l-attivitajiet ikkonċernati, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li r-restrizzjonijiet imposti jiġu evitati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Għalhekk, ir-rikorrenti ma wrietx li l-atti kontenzjużi kisru d-drittijiet li hija għandha skont l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi deċiż li huwa biss l-ewwel kap ta’ illegalità, ibbażat fuq l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi mill-Kunsill, meta ma kellu l-ebda prova insostenn tagħhom, li jikkostitwixxi illegalità li tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 64 iktar ’il fuq.

2.      Fuq id-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalità tal-aġir ikkritikat u dan id-dannu

85      Ir-rikorrenti tqis li wriet in-natura reali u ċerta tad-danni materjali u immaterjali li hija ġarrbet minħabba l-atti kontenzjużi u r-rabta kawżali bejn l-illegalità tal-aġir ikkritikat u d-dannu allegat. Fid-dawl tal-fatti partikolari tal-każ, hija tikkunsidra li s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), ma tikkontestax il-fondatezza tat-talba tagħha għal kumpens.

86      Fir-replika, hija tallega li l-Kunsill jipprova, bi ksur tal-Artikolu 340 TFUE, jimponi kundizzjonijiet ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li l-individwi jeżerċitaw id-dritt għal kumpens tagħhom.

87      Bi tweġiba għall-argument tal-Kunsill ibbażat fuq assenza ta’ rabta kawżali, fir-rigward tal-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħha, fl-2011, fl-Istati Uniti (iktar ’il quddiem il-“miżuri Amerikani”), ir-rikorrenti tosserva li l-miżuri Amerikani seħħew sena u nofs wara l-atti kontenzjużi u li dawn jirreferu għal dawn tal-aħħar bħala “prova”. Għalhekk, peress li l-imsemmija miżuri jirriżultaw mill-imsemmija atti, dawn ma setgħux jikkawżawlha dannu awtonomu, b’tali mod li d-danni eventwalment ikkawżati jirriżultaw direttament mill-aġir illegali tal-Kunsill u li huwa dan tal-aħħar li għandu jikkumpensahom. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tfakkar li r-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u l-Istati Uniti waqfu fl-1980, u li, mill-1995, l-Istati Uniti pprojbixxiet kull attività u kull tranżazzjoni mal-kumpanniji Iranjani. Għalhekk, fl-assenza ta’ relazzjonijiet ma’ kumpanniji stabbiliti fl-Istati Uniti u ta’ proprjetà hemmhekk, il-miżuri Amerikani ma kkawżawlha ebda dannu.

88      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Huwa jqis li d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), dwar il-kundizzjonijiet ta’ kumpens għad-dannu materjali u immaterjali huma rilevanti u favorevoli għall-argumenti tiegħu f’din il-kawża. Barra minn hekk, fir-rigward tad-danni kemm materjali kif ukoll immaterjali, bħal dawk allegatament subiti fl-Iran mir-rikorrenti, il-Kunsill josserva li, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri kontenzjużi, hija kienet suġġetta wkoll għall-miżuri Amerikani, miżuri li seta’ jkollhom effetti daqstant dannużi, jew saħansitra iktar dannużi, u li għadhom fis-seħħ sal-lum. Fil-kontroreplika, huwa jsostni li l-miżuri Amerikani kellhom impatt reali fuq l-attività ekonomika tar-rikorrenti.

89      Għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti pproduċietx il-prova tad-dannu allegat u tar-rabta kawżali bejn l-illegalità tal-aġir ikkritikat u l-imsemmi dannu.

90      F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni tar-realtà tad-dannu, skont il-ġurisprudenza, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita jekk ir-rikorrent ġarrab effettivament dannu reali u ċert (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1982, De Franceschi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 51/81, EU:C:1982:20, punt 9, u tas-16 ta’ Jannar 1996, Candiotte vs Il-Kunsill, T‑108/94, EU:T:1996:5, punt 54). Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, b’mod iktar partikolari, li jipproduċi provi konklużivi kemm tal-eżistenza kif ukoll tal-portata tad-dannu (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑362/95 P, EU:C:1997:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      B’mod iktar speċifiku, kull talba għal kumpens għal dannu, irrispettivament minn jekk tirrigwardax dannu materjali jew immaterjali, b’mod simboliku jew sabiex jinkiseb kumpens sostanzjali, għandha tippreċiża n-natura tad-dannu allegat fid-dawl tal-aġir ikkritikat, u anki b’mod approssimattiv, tevalwa dan id-dannu kollu (ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Sabbagh vs Il-Kunsill, T‑652/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:112, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegat, l-imsemmi dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir allegat, u dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, filwaqt li ma hemm ebda obbligu li tiġi kkumpensata kull konsegwenza dannuża, anki remota, ta’ sitwazzjoni illegali (ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, EU:T:2006:121, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21). Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegat (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑149/96, EU:T:1998:228, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti wrietx in-natura reali u ċerta tad-danni materjali u immaterjali li hija ġarrbet wara l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imsemmija adozzjoni u dawn id-danni.

a)      Fuq id-dannu materjali allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali

94      Ir-rikorrenti tallega, billi tibbaża ruħha fuq rapport, tal-21 ta’ Lulju 2015, stabbilit minn kumpannija ta’ esperti fil-kontabbiltà inkluża fil-lista ta’ esperti tal-kontabbiltà tar-reġjun ta’ Paris Île-de-France (Franza) u inkluż fl-Anness A.2 tar-rikors (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-esperti fil-kontabbiltà”), li, wara l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, hija ġarrbet żewġ tipi ta’ danni materjali fl-Iran, kif ukoll żewġ tipi ta’ danni materjali fl-Ewropa. Fir-rigward ta’ dawn id-danni kollha, hija titlob li l-Kunsill jiġi kkundannat iħallasha kumpens f’ammont totali ta’ EUR 11 009 560.

95      Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula fil-kuntest tat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fir-rigward tad-diskrepanza bejn l-ammont totali tad-dannu materjali msemmi fid-dispożittiv tar-rikors, jiġifieri EUR 11 009 560, u s-somma tal-ammonti relatati mad-diversi danni materjali allegati kif esposti fil-motivi tar-rikors, ir-rikorrenti tindika li din id-diskrepanza tirriżulta minn żball materjali evidenti li hija wettqet u li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, filwaqt li hija kienet semmiet l-ammont ta’ kull dannu finanzjarju u operazzjonali subit fl-Iran taħt it-titoli E.1.1.2., E.1.1.3. u E.1.1.4. tar-rikors, hija kienet insiet tagħmel dan fir-rigward tad-dannu finanzjarju u operazzjonali subit fl-Iran imsemmi taħt it-titolu E.1.1.1. Barra minn hekk, hija tippreċiża li l-ammont ta’ dan l-aħħar dannu materjali, ibbażat fuq it-“[t]naqqis tal-profitt nett kontabbli”, li hija tevalwa fl-ammont ta’ EUR 2 932 367, huwa miżjud fl-ammont totali tad-dannu materjali, li hija tikkonferma li jammonta għal “EUR 11 009 560[,] kif sostnut kemm [fil-]parti operattiva tar-rikors kif ukoll fl-Anness A.2 paġna 35 tar-rikors”.

96      Għandu jiġi osservat li, sabiex turi l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali, ir-rikorrenti tibbaża ruħha b’mod sostanzjali fuq ir-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà. Dan jirriżulta b’mod manifest minn qari sovrappost tal-punti 60 sa 101 tar-rikors, li jinsabu taħt it-titolu E intitolat “Fuq id-dannu materjali u l-eżistenza ta’ rabta kawżali”, u tal-paġni 8 sa 27 tal-imsemmi rapport. Dawn il-punti tar-rikors jirriproduċu kelma b’kelma paragrafi sħaħ li jinsabu fl-imsemmija paġni tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà. L-iktar l-iktar, kultant ir-rikorrenti ppruvat tiġbor fil-qosor ċerti partijiet tal-imsemmi rapport, billi llimitat ruħha li tneħħi xi siltiet.

97      F’din iċ-ċirkustanza u sa fejn parti kbira mit-talbiet tar-rikorrenti li jirrigwardaw id-dannu materjali li hija tallega hija bbażata fuq l-evalwazzjonijiet li jinstabu fir-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà, qabel ma jiġu eżaminati d-danni materjali allegatament subiti mir-rikorrenti fl-Iran u fl-Ewropa u l-eżistenza ta’ rabta kawżali, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat il-valur probatorju tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà.

1)      Fuq l-eżami tal-valur probatorju tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà

98      Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kunċett ta’ prova, il-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet prinċipju tal-produzzjoni libera jew tal-libertà tal-mezzi ta’ prova, li għandu jinftiehem bħala l-fakultà li jiġu invokati, sabiex jiġi pprovat fatt partikolari, mezzi ta’ prova ta’ kwalunkwe natura, bħal testimonjanzi, provi dokumentali, ammissjonijiet, eċċ. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2000, Met‑Trans u Sagpol, C‑310/98 u C‑406/98, EU:C:2000:154, punt 29; tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, EU:T:2004:220, punt 72; u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑511/06 P, EU:C:2008:604, punti 113 u 114). Fl-istess ħin, il-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet prinċipju ta’ libertà ta’ evalwazzjoni tal-prova, li jipprovdi li d-determinazzjoni tal-kredibbiltà jew, fi kliem ieħor, tal-valur probatorju ta’ prova jitħalla għall-ġudizzju uniku tal-qorti (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, EU:T:2004:220, punt 72, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑511/06 P, EU:C:2008:604, punti 111 u 112).

99      Sabiex jiġi stabbilit il-valur probatorju ta’ dokument, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħall-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, id-destinatarju tiegħu, il-kontenut, u jekk, abbażi ta’ dawn l-elementi, l-informazzjoni li tidher fih hijiex raġonevoli u affidabbli (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 1838, u tas-7 ta’ Novembru 2002, Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, T‑141/99, T‑142/99, T‑150/99 u T‑151/99, EU:T:2002:270, punt 223).

100    F’dan il-kuntest, il-qorti tal-Unjoni diġà qieset li analiżi, ippreżentata minn rikorrent, ma tistax titqies bħala perizja newtrali u indipendenti, sa fejn intalbet u ġiet iffinanzjata mir-rikorrent stess u mfassla abbażi ta’ informazzjoni li ġiet ipprovduta minnu, mingħajr l-issuġġettar tal-eżattezza jew tar-rilevanza ta’ din l-informazzjoni għal kwalunkwe verifika indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, punt 137).

101    Il-qorti tal-Unjoni diġà kellha l-okkażjoni tiddikjara li rapport ta’ perizja jista’ jiġi kkunsidrat li għandu valur probatorju biss abbażi tal-kontenut oġġettiv tiegħu u li sempliċi affermazzjoni mhux sostnuta li tinsab f’tali dokument ma hijiex, fiha nnifisha, konklużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il-Kummissjoni, T‑274/01, EU:T:2004:266, punt 71).

102    Huwa fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 98 sa 101 iktar ’il fuq li għandu jiġi evalwat, f’dan il-każ, il-valur probatorju tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà ġie stabbilit minn kumpannija ta’ esperti fil-kontabbiltà inkluża fil-lista ta’ esperti fil-kontabbiltà tar-reġjun ta’ Paris Île-de-France. Mill-ittra li tinsab fil-paġni 2 u 3 tal-imsemmi rapport, indirizzata mill-imsemmija kumpannija lir-rikorrenti u ddatata 21 ta’ Lulju 2015, jirriżulta li skont il-kundizzjonijiet stabbiliti waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Ġunju 2015, l-għan tal-missjoni fdata mir-rikorrenti lill-kumpannija kien li jiġu evalwati d-danni kkawżati mill-miżuri kontenzjużi, fl-Iran u fl-Ewropa, lir-rikorrenti u lill-azzjonarju ewlieni tagħha, F. Mahmoudian. Fir-rigward tat-twettiq ta’ din il-missjoni, fl-ittra ġie speċifikat b’mod partikolari li “[dan] ir-rapport ġie ppreparat abbażi ta’ dokumenti li l-kumpannija Fulmen ipprovditilna u ta’ informazzjoni li toriġina mill-istituzzjonijiet Iranjani”. Mill-kliem tal-imsemmija ittra jirriżulta li r-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà ġie stabbilit fuq talba tar-rikorrenti sabiex jiġu ddikjarati, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ir-realtà u l-portata tad-dannu materjali allegat u li dan huwa essenzjalment ibbażat fuq dokumenti pprovduti mir-rikorrenti. Għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija dokumenti, li xi drabi sar riferiment għalihom permezz ta’ noti ta’ qiegħ il-paġna, ma humiex annessi mar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà.

104    Minħabba l-kuntest li fih ġie stabbilit ir-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà u skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 98 sa 101 iktar ’il fuq, il-valur probatorju ta’ dan ir-rapport għandu jkun irrelattivizzat. Dan ma jistax jitqies li huwa biżżejjed sabiex jipprova dak li hemm fih, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-realtà u l-portata tad-dannu allegat. L-iktar l-iktar jista’ jiswa bħala bidu ta’ prova, sakemm ikun ikkorroborat minn provi oħra.

105    Fir-rigward tal-fatt imsemmi fil-punt 96 iktar ’il fuq, jiġifieri li, sabiex turi l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali, ir-rikorrenti tibbaża ruħha sostanzjalment, jew anki esklużivament, fuq ir-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà, fid-dawl tal-prinċipju tal-produzzjoni libera jew tal-libertà tal-mezzi ta’ prova mfakkar fil-punt 98 iktar ’il fuq, l-użu ta’ dan it-tip ta’ dokument huwa, fih innifsu, permissibbli.

106    Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 104 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-kuntest li fih huwa ġie stabbilit, u minkejja li huwa kopert b’ “siġill” ta’ espert fil-kontabbiltà, u skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 98 sa 101 iktar ’il fuq, ir-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà ma jistax jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti, peress li ma huwiex sostnut minn provi oħra, sabiex jiġi pprovat dak li hemm fih, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda r-realtà u l-portata tad-dannu allegat.

2)      Fuq id-danni materjali allegatament subiti fl-Iran u l-eżistenza ta’ rabta kawżali

107    Ir-rikorrenti ssostni li, wara l-impożizzjoni tal-miżuri kontenzjużi, hija ġarrbet danni materjali fl-Iran, li hija tikklassifika f’żewġ kategoriji, jiġifieri, minn naħa, danni finanzjarji u operazzjonali, u, min-naħa l-oħra, essenzjalment, danni kummerċjali jew strutturali.

108    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 78, 80 u 81 tar-rikors, ir-rikorrenti tindika espressament, filwaqt li tidentifikahom fiż-żewġ kategoriji ta’ danni materjali msemmija fil-punt 107 iktar ’il fuq, li f’din it-talba għal kumpens hija ma tinkludix kapijiet ta’ danni li jirrigwardaw rispettivament, il-multi kuntrattwali dovuti lill-klijenti tagħha fir-rigward ta’ dewmien fit-twettiq ta’ proġetti ta’ xogħol, it-telf tal-portata internazzjonali tagħha u t-tluq ta’ persuni ewlenin u ta’ diretturi.

i)      Fuq id-danni finanzjarji u operazzjonali

109    Ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri kontenzjużi affettwaw it-twettiq ta’ proġetti pendenti minħabba l-impossibbiltà li hija tixtri ċertu tagħmir li joriġina mill-Ewropa, minħabba l-impossibbiltà, f’ċertu każijiet, li tissostitwixxi dan it-tagħmir, u għalhekk minħabba l-inkapaċità li twettaq il-proġetti kkonċernati, u, fil-każijiet fejn waslet sabiex tissostitwixxi l-imsemmi tagħmir, minħabba dewmien konsegwenti fit-twettiq tal-proġetti u telf ta’ qligħ li jirriżulta minn dan it-tibdil. Minn dan jirriżultaw tliet tipi ta’ danni, jiġifieri, tnaqqis tal-profitt nett kontabbli annwali, l-impossibbiltà li teżegwixxi sa tmiemhom erba’ kuntratti fi stadju ta’ eżekuzzjoni fl-Iran bejn l-2010 u l-2014, u l-impossibbiltà li tikseb kuntratti ġodda fl-Iran matul il-perijodu kontenzjuż.

110    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tat-talba tagħha għal kumpens għad-diversi danni finanzjarji u operazzjonali allegatament subiti fl-Iran.

111    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kap ta’ dannu bbażat fuq tnaqqis tal-profitt nett kontabbli tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-dħul mill-bejgħ, il-profitt nett kontabbli u l-marġni tal-profitt naqsu nettament sa mill-2011. It-tnaqqis tar-ratio  “profitt nett fuq id-dħul mill-bejgħ” (ta’ 2.14 % fil-perijodu 2007/2011 għal -4.35 % fil-perijodu 2011/2014) huwa direttament marbut mal-inklużjoni tagħha fil-listi kontenzjużi. Dan it-tnaqqis jirriżulta mill-ħames elementi li ġejjin: iż-żieda tal-ispiża finanzjarja u bankarja, il-multi kuntrattwali minħabba dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ proġetti dovuti lill-klijenti, iż-żieda tal-prezz tax-xiri ta’ materja prima kkawżat mill-użu ta’ intermedjarji għax-xiri tagħha minn pajjiżi barranin, l-annullament ta’ kuntratti ta’ distribuzzjoni ta’ livell għoli ta’ qligħ, bħall-kuntratt ta’ distribuzzjoni mal-kumpannija Omicron u l-ispejjeż addizzjonali sostnuti minħabba l-miżuri kontenzjużi, bħar-reviżjoni konsekuttiva tal-istudji u tal-installazzjonijiet proposti, it-tiftix ta’ eventwali fornituri ġodda u l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ membri tal-persunal sabiex jamministraw il-miżuri kontenzjużi. Fir-replika, ir-rikorrenti tipprovdi tabella skematika rikapitulattiva li tinkludi l-metodu ta’ kalkolu tad-dannu tagħha bbażat fuq tnaqqis tal-profitt nett kontabbli tagħha.

112    Fir-rigward tal-prova tar-realtà tad-dannu, fir-rigward tad-dannu bbażat fuq tnaqqis tal-profitt nett kontabbli tagħha, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, kif jenfasizza l-Kunsill, fir-rikors, ir-rikorrenti ma għamlet ebda talba f’ċifri għal kumpens ta’ dan id-dannu kkunsidrat globalment.

113    Kif ġie espost fil-punt 95 iktar ’il fuq, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula fil-kuntest tat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti tispjega li l-assenza ta’ din it-talba f’ċifri għal kumpens tad-dannu bbażat fuq tnaqqis tal-profitt nett kontabbli tagħha hija dovuta għal żball materjali evidenti li hija wettqet u li, għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

114    Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja li l-assenza ta’ evalwazzjoni tad-dannu materjali msemmi taħt it-Titolu E.1.1.1. tar-rikors hija realtà oġġettiva, madankollu ma jidhirx li, kif issostni r-rikorrenti, din l-assenza hija żball materjali evidenti.

115    Fil-fatt, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-ħames elementi li allegatament taw lok għad-dannu msemmi taħt it-Titolu E.1.1.1., l-espożizzjoni li tirrigwarda rispettivament it-tieni element, ibbażat fuq “multi ta’ dewmien imħallsa lill-klijenti”, u t-tielet element, ibbażat fuq “żieda ta’ spiża tax-xiri ta’ materja prima”, ma tinkludi ebda evalwazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi kkunsidrat li l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-ammont totali tad-dannu msemmi taħt it-Titolu E.1.1.1. tista’ tiġi spjegata mill-assenza ta’ evalwazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-fatturi, li tagħhom hija l-ammont totali. Għalhekk, l-iżball materjali mwettaq mir-rikorrenti ma jidhirx li huwa evidenti sal-punt li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

116    It-tieni nett, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza ferm stabbilita, għalkemm is-suġġett tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-punti essenzjali tal-argumenti fid-dritt, li għandhom ikunu jinsabu fir-rikors stess. Barra minn hekk, ma huwiex kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, EU:T:2005:455, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    F’dan il-każ, huwa ċertament minnu li fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija magħmula fil-kuntest tat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, kif imsemmija fil-punt 95 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti mkien ma tgħid li l-iżball materjali evidenti li hija tinvoka jista’ jiġi kkonstatat mill-qari tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà.

118    Madankollu, bilfors għandu jiġi rrilevat li l-punti 62 sa 74 tar-rikors, li jinsabu taħt it-Titolu E.1.1.1., jikkopjaw kważi kelma b’kelma s-siltiet tal-paġni 9 sa 13 tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà, li jinsabu taħt it-Titolu “Paragrafu 1: Tnaqqis tal-profitt nett kontabbli” tal-imsemmi rapport. Madankollu, il-qari sovrappost ta’ dawn il-punti tar-rikors ma’ dawn il-paragrafi tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà jippermetti li jiġi kkonstatat li dan l-eżerċizzju ta’ kkupjar imwettaq mir-rikorrenti ma twettaqx b’mod eżawrjenti. Fil-fatt, kemm it-Tabella 6, riprodotta fil-paġni 12 u 13 tal-imsemmi rapport, intitolata “Impatt tat-tnaqqis tar-rata ta’ profitt nett mid-[dħul mill-bejgħ] magħmul [bejn l-2011 u l-2014]”, kif ukoll il-konklużjoni, li tinsab fil-paġna 13 tal-istess rapport, li tinkludi l-evalwazzjoni tad-dannu materjali inkwistjoni, jiġifieri EUR 2 932 367, ma ġewx ikkopjati mir-rikorrenti.

119    Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 116 iktar ’il fuq, ma huwiex kompitu tal-Qorti Ġenerali li tevalwa jekk il-fatt li r-rikorrenti la kkopjat it-tabella u lanqas il-konklużjoni msemmija fil-punt 118 iktar ’il fuq jirriżultax minn għażla intenzjonali min-naħa tagħha, abbażi tad-diskrezzjoni libera tagħha fl-iżvilupp tal-argumenti tagħha u tal-formulazzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jew sempliċement għax insiet, li jikkostitwixxi żball materjali evidenti li l-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni.

120    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tar-realtà tad-dannu allegat, b’tali mod li, mingħajr ma għandha tiġi eżaminata r-rabta kawżali, it-talba għal kumpens tal-kap tad-dannu bbażat fuq “tnaqqis tal-profitt nett kontabbli tagħha” għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

121    It-tieni nett, fir-rigward tal-kap tad-dannu bbażat fuq l-annullament ta’ erba’ kuntratti fi stadju ta’ eżekuzzjoni, jiġifieri l-proġetti Kamyaran & Shaked, Mahyar, 6 Trans Khouzestan u GIS Tehran, li r-rikorrenti tevalwa għal EUR 771 577, huwa biżżejjed li jiġi kkonstat li r-rikorrenti manifestament ma pproduċietx il-prova tar-rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu.

122    Fil-fatt, ir-rikorrenti tiddikjara biss li, minn naħa, peress li l-imsieħba kummerċjali tagħha rrifjutaw li jikkunsinnawlha t-tagħmir li hija kellha tipprovdi, hija kienet kostretta twaqqaf l-eżekuzzjoni ta’ erba’ proġetti fl-Iran bejn l-2010 u l-2014 u, barra minn hekk, li l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi tikkostitwixxi l-element determinanti uniku li rriżulta fit-terminazzjoni tal-kuntratti.

123    Insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni doppja, ir-rikorrenti tirreferi biss għall-Anness A.6 tar-rikors li jinkludi l-“[k]opja tad-dokumenti tal-proġetti Kamyaran, Trans, Mahyar, GIS Tehran”. Fir-replika, hija inkludiet fl-Annessi C.5, C.6 u C.7 tliet dokumenti li jinkludu l-kalkolu tal-marġni għal tlieta minn dawn l-erba’ proġetti u l-iskeda baġitarja li tirrigwardahom.

124    Bilfors għandu jiġi kkonstatat li la l-argumenti esposti fir-rikors, li huma limitati għal ftit linji, u fir-replika, u lanqas id-dokumenti annessi ma’ dawn l-osservazzjonijiet bil-miktub ma jistgħu jiġu kkunsidrati li jipproduċu minn tal-inqas bidu ta’ prova tar-rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu.

125    Fil-fatt, la r-rikors u lanqas ir-replika ma jinkludu kwalunkwe element li jista’ juri li l-miżuri kontenzjużi kienu, kif tiddikjara r-rikorrenti, kawża determinanti għall-interruzzjoni tal-erba’ proġetti msemmija fir-rikors. Bl-istess mod, fir-rigward tal-allegat rifjut tal-imsieħba kummerċjali tagħha li jikkunsinnawlha t-tagħmir li hija kellha bżonn sabiex teżegwixxi l-imsemmija proġetti, ir-rikorrenti ma tipprovdi assolutament ebda prova ta’ tali rifjut.

126    Barra minn hekk, fir-replika, hija tippreċiża li d-dannu allegat ma setax ikun ikkawżat mill-miżuri Amerikani għaliex, minn naħa, hija ma kellha ebda relazzjoni ma’ kumpanniji Amerikani u ebda kummerċ ta’ provvisti mal-Istati Uniti, u, min-naħa l-oħra, fil-qasam tat-tagħmir, l-ikbar fornituri mondjali huma tliet kumpanniji Ewropej, jiġifieri Schneider, ABB u Siemens.

127    Madankollu, tali dikjarazzjonijiet bl-ebda mod ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jipproduċu l-prova li l-aġir allegat jikkostitwixxi l-kawża determinanti ta’ dan id-dannu, jiġifieri l-annullament ta’ erba’ kuntratti fi stadju ta’ eżekuzzjoni fl-Iran.

128    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tar-rabta kawżali, it-talba għal kumpens għad-dannu bbażat fuq l-annullament ta’ erba’ kuntratti għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

129    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kap tad-dannu bbażat fuq telf ta’ kuntratti ġodda fl-Iran, ir-rikorrenti targumenta li, peress li kienet imċaħħda minn sorsi ta’ provvisti u minn membri tal-persunal tagħha, hija sabet ruħha f’impossibbiltà li tikseb kuntratti ġodda f’dan il-pajjiż matul il-perijodu kontenzjuż. Għandu jiġi kkunsidrat li skont ir-rikorrenti l-“perijodu kontenzjuż” huwa dak ta’ bejn l-ewwel inklużjoni ta’ isimha fis-26 ta’ Lulju 2010 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) u t-tneħħija ta’ dan l-isem mil-listi kontenzjużi fid-19 ta’ Diċembru 2013 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) (iktar ’il quddiem il-“perijodu kontenzjuż”). Hija tevalwa l-ammont tad-dannu hekk subit fl-ammont ta’ EUR 2 838 897. Mill-ġdid, fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċix il-prova tar-rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu.

130    Fil-fatt, f’dan ir-rigward, hija tiddikjara biss li fid-dawl tal-istatistiċi dwar l-investimenti fis-settur tal-elettriku fl-Iran u l-iżvilupp tas-sehem tagħha tas-suq fl-imsemmi settur, li minn 10.69 % matul il-perijodu ta’ tmien snin qabel il-miżuri kontenzjużi niżel għal 2.70 % matul il-perijodu kontenzjuż, “huwa evidenti li s-sanzjonijiet kellhom bħala effett tnaqqis importanti ħafna fis-sehem tas-suq tar-rikorrenti”.

131    Madankollu, qabelxejn, mill-informazzjoni inkluża fit-Tabella 9 tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà, jirriżulta li l-investimenti fis-settur tal-elettriku fl-Iran, wara li minn EUR 786 000 000 fl-2007‑2008 telgħu għal EUR 1 070 785 714 fl-2008‑2009, fis-sena finanzjarja 2009‑2010 naqsu b’madwar 16.6 % u mbagħad, fis-sena finanzjarja 2010‑2011 b’madwar 10 %, imbagħad fis-sena finanzjarja 2011‑2012, b’madwar 33.44 % u finalment fis-sena finanzjarja 2012‑2013 b’madwar 52.7 %. Għalhekk din l-informazzjoni tippermetti li jiġi kkonstatat li sa mis-sena finanzjarja 2009‑2010, jiġifieri qabel l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, l-investimenti fis-settur tal-elettriku fl-Iran kienu bdew jonqsu b’mod sinjifikattiv.

132    Min-naħa l-oħra, mit-Tabella 10 tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà jirriżulta li huwa minnu li r-rikorrenti ma kkonkludiet ebda kuntratt ġdid matul is-snin finanzjarji 2012‑2013 u 2013‑2014. Madankollu, mill-istess tabella jirriżulta li matul is-sena finanzjarja 2011‑2012, jiġifieri iktar minn sena wara l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, ir-rikorrenti kienet waslet sabiex tikkonkludi kuntratti li jammontaw għal iktar mid-doppju tal-kuntratti li kienet ikkonkludiet fl-2010‑2011.

133    Għalhekk, l-informazzjoni li tinsab fit-Tabelli 9 u 10 tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà ma tippermettix li tiġi pprovata r-rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu kkawżat.

134    Imbagħad, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, peress li l-miżuri kontenzjużi kienu applikabbli biss fl-Unjoni, dawn ma kinux bħala tali jipprekludu lir-rikorrenti milli tkun kandidata għall-ksib ta’ kuntratti ġodda fl-Iran. Madankollu, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element li juri li hija kienet, minn tal-inqas, għamlet offerti għall-ksib ta’ tali kuntratti u li l-offerta tagħha kienet miċħuda, b’mod partikolari, kif hija tiddikjara, minħabba l-insuffiċjenza tal-kapaċitajiet tekniċi u esperti tagħha. Finalment, hija lanqas biss ma ssostni li kienet tefgħet offerta għal kisba ta’ xi kuntratt fl-Iran, iżda tiddikjara biss li ma kkonkludiet ebda kuntratt bejn l-2012 u l-2014.

135    Finalment, ir-rikorrenti ma tispeċifikax minn liema sorsi ta’ provvista ta’ installazzjonijiet elettroniċi u minn liema membri tal-persunal tagħha, li għandhom l-esperjenza professjonali meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ dan it-tip ta’ kuntratti, hija kienet imċaħħda wara l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi.

136    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma tipproduċix il-prova li l-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi tispjega t-tnaqqis tas-sehem tagħha tas-suq fis-settur tal-elettriku fl-Iran. Fil-fatt, kemm id-diffikultajiet li sabet f’dan is-settur, fir-rigward tat-tnaqqis tal-investimenti, kif ukoll l-assenza ta’ prova li hija kienet għamlet offerti għal kuntratti fl-imsemmi settur jistgħu jispjegaw tali tnaqqis tal-parti tas-suq.

137    Għalhekk, peress li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tar-rabta kawżali, it-talba għal kumpens għad-dannu bbażat fuq telf ta’ kuntratti ġodda fl-Iran għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

138    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-talba għal kumpens għad-danni finanzjarji u operazzjonali għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

ii)    Fuq id-danni kummerċjali jew strutturali

139    Essenzjalment, fir-rigward tad-danni kummerċjali jew strutturali li għalihom titlob kumpens, ir-rikorrenti tallega, l-ewwel nett, li l-inklużjoni fil-listi kontenzjużi wasslet għall-interruzzjoni tar-relazzjonijiet tagħha mal-banek tagħha u mal-imsieħba pprivileġġati tagħha. It-tieni nett, sabiex jiġu evitati “sanzjonijiet konsegwenti”, l-inklużjoni tagħha fil-listi kontenzjużi kienet ħtieġet it-tnaqqis strutturali tal-grupp, permezz tal-bejgħ forzat tal-ishma tagħha, tlieta minnhom maġġoritarji, f’sitt kumpanniji Iranjani oħra.

140    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li t-talba għal kumpens għad-danni kummerċjali jew strutturali allegatament subiti fl-Iran tiġi miċħuda.

141    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-bank Tejarat u sitt imsieħba pprivileġġati, il-kumpannija Omicron, minn naħa, u ħames kumpanniji oħra, min-naħa l-oħra, li kienu l-konsegwenza tal-atti kontenzjużi, ir-rikorrenti ċertament tirrikonoxxi li l-annullament ta’ dawn id-diversi partenarjati kellu impatt fuq l-attività tagħha li diġà kien inkluż fil-kalkolu tat-tnaqqis tal-profitt nett kontabbli tagħha, diġà invokat fil-kategorija ta’ danni finanzjarji u operazzjonali. Madankollu, fir-rigward tad-dannu preżentement allegat, hija tinvoka wkoll danni, subiti wara l-annullament tas-sanzjonijiet, li essenzjalment jirrigwardaw il-possibbiltajiet ta’ stabbiliment mill-ġdid ta’ dawn il-partenarjati pprivileġġati. It-telf ta’ dawn il-partenarjati pprivileġġati, irrispettivament mill-profitti mhux magħmula matul il-perijodu kontenzjuż, ikkawżalha dannu li hija tevalwa għal EUR 1 026 974.

142    Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, l-ewwel, fil-kuntest tat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, u imbagħad, waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li hija tirrinunzja għat-talba tagħha għal kumpens għad-dannu marbut mat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet mal-bank Tejerat, li ġie nnotat fil-proċess verbal tas-seduta. Għalhekk, l-eżami tad-dannu bbażat fuq it-terminazzjoni ta’ relazzjonijiet kummerċjali huwa limitat għas-sitt partenarjati pprivileġġati li ssemmi r-rikorrenti.

143    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet mal-kumpannija Omicron, li r-rikorrenti tindika li kienet ilha d-distributur esklużiv tagħha sa mill-2003 u li wara l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi tat id-drittijiet ta’ distribuzzjoni esklużiva lil kumpannija Iranjana oħra, ir-rikorrenti tevalwa d-dannu subit għal EUR 526 974, ammont li jikkorrispondi għal marġni annwali li hija wettqet fuq tliet snin, b’rata ta’ 22 % applikata fuq medja annwali ta’ bejgħ regolari evalwat għal EUR 798 449.

144    Għal dak li jirrigwarda l-prova tad-dannu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob kumpens ta’ nuqqas ta’ qligħ futur li hija tikkalkola abbażi ta’ tliet snin.

145    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova tal-profitt mhux magħmul wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni. Barra minn hekk, hija tinvoka biss l-applikazzjoni ta’ rata ta’ marġni ta’ profitt nett ta’ 22 % applikata fuq medja annwali ta’ bejgħ regolari li hija tevalwa għal EUR 798 449.

146    Madankollu, minn naħa, la r-rikors u lanqas ir-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà jew l-elementi ta’ informazzjoni li hija pproduċiet ma juru b’liema mod ġiet ikkalkolata ċ-ċifra tal-“bejgħ regolari għal medja annwali ta’ EUR 798 449”, invokata mir-rikorrenti. Minkejja dan, din iċ-ċifra sservi bħala l-bażi tal-kalkolu tagħha tad-dannu allegat. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti lanqas ma ressqet kwalunkwe element li jista’ juri li hija kellha effettivament, kif issostni, rata ta’ marġni ta’ profitt nett ta’ 22 %. Barra minn hekk, hija tiddikjara li tali marġni, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża taħt il-punt 86 tar-rikors, “ġie kkalkolat […] fuq il-bejgħ l-iktar sinjifikattiv u b’kunsiderazzjoni ta’ 30 % tal-ispejjeż”, mingħajr ma huwa possibbli li jiġi identifikat fuq liema dokumenti r-rikorrenti bbażat ruħha sabiex tipproduċi l-prova tar-realtà tad-dannu inkwistjoni.

147    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, fir-rigward tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-kumpannija Omicron, ir-rikorrenti ma pproduċietx il-prova ta’ dannu reali u ċert.

148    Għalhekk, mingħajr ma għandu jiġi vverifikat jekk ġietx prodotta l-prova ta’ rabta kawżali, it-talba għal kumpens għad-dannu marbut mat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-kumpannija Omicron għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

149    It-tieni nett, fir-rigward tal-partenarjati pprivileġġati ma’ ħames kumpanniji oħra, ir-rikorrenti tqis li l-ispiża għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ kull waħda minn dawn ir-relazzjonijiet hija ta’ EUR 100 000.

150    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-prova tad-dannu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pprovdiet ebda element li jipprova l-eżistenza u n-natura tar-relazzjonijiet eżistenti mal-ħames kumpanniji kkonċernati anki qabel l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi. Barra minn hekk, bilfors għandu jiġi kkonstatat, li għal darba oħra, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq spiża futura u ipotetika, li l-evalwazzjoni tagħha hija purament arbitrarja u fissa. Għalhekk, id-dannu allegat, ibbażat fuq it-terminazzjoni ta’ relazzjonijiet kummerċjali mal-ħames kumpanniji msemmija fil-punt 141 iktar ’il fuq, la huwa reali u lanqas ċert.

151    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-interruzzjoni tar-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-kumpannija Omicron u ħames partenarjati pprivileġġati oħra tagħha għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

152    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li hija kellha tittrasferixxi l-ishma tagħha f’diversi kumpanniji Iranjani, sabiex tevita “sanzjonijiet konsegwenti”. Hija tindika li, peress li ma huwiex possibbli għaliha li tikkalkola t-telf finanzjarju li jirriżulta minn dawn it-trasferimenti forzati kif ukoll mit-tnaqqis tal-kapaċità tagħha, hija tillimita ruħha li tistabbilixxi l-ammont tal-ispejjeż neċessarji għall-kostituzzjoni mill-ġdid tal-imsemmija ishma. F’dan ir-rigward, hija tqis l-ispiża tal-awditu preliminari u tal-ispejjeż legali għal EUR 30 000 għall-ishma maġġoritarji u għal EUR 5 000 għall-ishma minoritarji, jiġifieri l-ammont totali ta’ EUR 105 000. Flimkien mar-replika, hija tannetti stima għas-servizzi ta’ kontroll ta’ dawn il-kumpanniji fid-dawl tal-kostituzzjoni mill-ġdid ta’ grupp tal-istess kalibru.

153    Fir-rigward tal-prova tad-dannu, għandu bilfors u mill-ġdid jiġi kkonstatat li d-dannu preżentement allegat huwa purament ipotetiku u futur. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda element li jista’ jiġġustifika ż-żewġ tipi ta’ ammonti mitluba bħala spiża tal-awditu preliminari u l-ispejjeż legali, li għandhom jiġu sostnuti għall-kostituzzjoni mill-ġdid tal-ishma maġġoritarji u tal-ishma minoritarji. Mill-bqija huwa ċar li f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti stess tirrikonoxxi, fil-punt 11 tar-rikors, li tinsab f’inkapaċità li tevalwa, minn naħa, l-ammont tat-telf finanzjarju li jirriżulta mit-trasferimenti forzati inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, tat-tnaqqis tal-kapaċità tagħha. Madankollu, evalwazzjoni tal-ishma tal-kumpanniji li hija tiddikjara li kienet obbligata tittrasferixxi hija essenzjali sabiex jiġi evalwat id-dannu allegatament subit. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti ddeċidiet li tittrasferixxi l-ishma tagħha f’diversi kumpanniji Iranjani sabiex tevita “sanzjonijiet konsegwenti”, fih innifsu dan ma huwiex suffiċjenti bħala prova tal-eżistenza ta’ dannu. Mill-bqija, ir-rikorrenti mkien ma tispjega r-raġuni għaliex ma kienx possibbli għaliha li twettaq evalwazzjoni tad-dannu li hija tinvoka.

154    Fir-rigward tar-rabta kawżali, bilfors għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tressaq ebda prova li t-trasferiment tal-ishma li hija kellha f’diversi kumpanniji Iranjani huwa r-riżultat ta’ kwalunkwe miżura marbuta mal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi. Barra minn hekk, hija ma turix liema kienu l-kompetenzi u t-teknoloġija rispettivi tal-impriżi li fihom hija kellha ishma li setgħu wasslu għal riskju ta’ “sanzjonijiet konsegwenti”. Barra minn hekk, mit-test tat-Tabella 16 riprodotta fil-paġna 22 tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà, paġna li għaliha r-rikorrenti tagħmel riferiment fil-punt 91 tar-rikors, jirriżulta li l-ishma ttrasferiti kienu inizjalment miksuba jew għall-estensjoni tal-offerta tar-rikorrenti għal prodotti u servizzi kumplimentari għall-offerta tagħha, jew sabiex teżerċita influwenza fl-impriżi li setgħu jiġġeneraw opportunitajiet fis-suq. Madankollu, minkejja li din id-deskrizzjoni f’termini ġenerali tal-għażliet ta’ investiment tagħha tirrifletti għażliet relattivament normali ta’ strateġija ekonomika ta’ intrapriża, hija ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti tallega li kellha tittrasferixxi l-ishma tagħha fl-impriżi Iranjani kkonċernati.

155    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fin-nuqqas ta’ prova tad-dannu kif ukoll tar-rabta kawżali, it-talba għal kumpens għad-dannu li jirriżulta mit-trasferiment forzat tal-ishma tar-rikorrenti f’diversi kumpanniji Iranjani, sabiex tevita “sanzjonijiet konsegwenti”, għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

156    Mill-evalwazzjonijiet preċedenti kollha, jirriżulta li t-talba għal kumpens għad-danni materjali allegatament subiti fl-Iran għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

3)      Fuq id-danni materjali allegatament subiti fl-Ewropa u l-eżistenza ta’ rabta kawżali

157    Fir-rigward tad-danni materjali allegatament subiti fl-Ewropa, ir-rikorrenti tiddikjara li, wara l-impożizzjoni tal-miżuri kontenzjużi, hija ġarrbet danni marbuta, l-ewwel nett, mal-kisba diretta tagħha ta’ holding fil-kapital tal-kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż, Codefa Connectique S.A.S. (iktar ’il quddiem “Codefa”), u, imbagħad, mat-telf tal-assi li hija kienet fdat lil kumpannija Awstrijaka msejħa SED, u, finalment, mal-iffriżar ta’ diversi proġetti ta’ riċerka u żvilupp li hija kienet nediet, sa mill-2007, b’kooperazzjoni ma’ diversi kumpanniji Ewropej.

158    Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrenti fir-rigward tad-danni materjali allegatament subiti fl-Ewropa.

159    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-dannu li r-rikorrenti ġarrbet fir-rigward tat-trasferiment tal-ishma tagħha fis-sussidjarja tagħha fi Franza, Codefa, hija evalwatu għal EUR 244 109, fir-rigward tal-ammont tat-tranżazzjoni ta’ trasferiment, li miegħu żżid EUR 30 000 bħala spejjeż tat-tranżazzjoni. Fir-replika, hija tippreċiża li dan it-trasferiment seta’ jippermetti li l-azzjonisti l-oħra jillimitaw id-dannu tagħhom marbut ma’ Codefa. F’dan ir-rigward, hija tannetti mar-replika fattura tal-ispejjeż allegatament relatati mal-awditu preliminari tat-trasferiment.

160    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-prova tad-dannu, ir-rikorrenti ċertament tesponi d-diffikultajiet finanzjarji li ltaqgħet magħhom Codefa allegatament bħala konsegwenza tal-atti kontenzjużi, li ġġustifikaw l-għażla tagħha li tittrasferixxi l-ishma tagħha fl-imsemmija kumpannija. Fir-rigward ta’ dan it-trasferiment, ir-rikorrenti kienet ġarrbet telf kapitali li tiegħu hija titlob il-kumpens. Madankollu, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikorrenti tallega li hija investiet EUR 232 490 għax-xiri tal-ishma f’din il-kumpannija, minn kliem ir-rikors jirriżulta li sa mill-2010, hija kienet għadha ma ħallsitx il-bilanċ ta’ EUR 155 000 lill-bejjiegħ fir-rigward ta’ dan l-akkwist. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fattura tal-ispejjeż ippreżentata mir-rikorrenti u annessa mar-replika sabiex tiġġustifika l-ammont ta’ EUR 30 000 bħala spejjeż tat-tranżazzjoni li għalihom hija titlob kumpens, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti stess waqt is-seduta u li ġie nnotat fil-proċess verbal tas-seduta, dan id-dokument, mhux iddatat, jirrigwarda spejjeż tal-espert kontabbli li tħallsu sabiex tiġi evalwata “l-opportunità ta’ investiment fil-kumpannija Codefa Connectique”, investiment li twettaq permezz tal-akkwist ta’ din tal-aħħar mir-rikorrenti fl-2009, jiġifieri sena qabel l-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi. Għalhekk, l-ispejjeż tat-tranżazzjoni invokati mir-rikorrenti bl-ebda mod ma jirrigwardaw it-trasferiment tal-ishma tagħha f’Codefa f’Novembru 2010, trasferiment li għalih hija titlob kumpens, iżda jirrigwardaw l-akkwist tagħhom fl-2009. Għalhekk, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-anness fuq imsemmi peress li dan daħal fil-proċess biss fl-istadju ta’ replika, dan għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti fir-rigward tad-dannu preżentement inkwistjoni. Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tad-dannu allegat.

161    It-tieni nett u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti lanqas ma pproduċiet il-prova tar-rabta kawżali. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, l-iktar l-iktar, fir-rikors, fil-punti 94 sa 97 tiegħu li fihom huma identifikati diversi fatti li jippermettu li jiġu kkonstatati d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom Codefa b’konsegwenza tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, hija tagħmel riferiment għal qari tal-paġni 24 u 25 tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà u għall-Anness A.19 tar-rikors. Għall-finijiet ta’ din il-konstatazzjoni, hija tagħmel riferiment, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna li jinsabu fil-paġni 24 u 25 tal-imsemmi rapport, għal diversi provi. Madankollu, il-provi msemmija l-aħħar ma humiex annessi mal-imsemmi rapport. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispeċifikax jekk hija pproduċithomx fil-kuntest ta’ din il-kawża. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tar-rabta kawżali bejn id-dannu allegat u l-aġir ikkritikat.

162    Għall-kompletezza, għandu jiġi osservat li, jekk, kif jirriżulta mit-titolu inkluż fl-iskeda ta’ annessi magħquda mar-rikors, l-Anness A.19 jikkonsisti f’“[k]opji ta’ dokumenti li jirrigwardaw il-kumpannija CODEFA”, bilfors għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tagħmel riferiment għal ebda wieħed mill-imsemmija dokumenti, għalkemm huma riprodotti f’total ta’ 114-il paġna fil-fajl tal-annessi tar-rikors.

163    Madankollu, l-ewwel nett, kif imfakkar fil-punt 116 iktar ’il fuq, ma huwiex kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta anness ikun magħqud ma’ fajl li jiġbor diversi dokumenti li jirrigwardaw suġġett jew persuna, dokumenti li huma riprodotti f’numru voluminuż ta’ paġni. F’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ riferiment preċiż, mill-parti li tippreżentahom, għall-elementi u għas-siltiet tal-imsemmija annessi li hija tixtieq tenfasizza sabiex tipprova l-fondatezza tal-argumenti tagħha, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq, il-valur probatorju u strumentali ta’ tali annessi jonqos ħafna.

164    Dan huwa manifestament il-każ, f’dan il-każ, fir-rigward tal-Anness A.19 tar-rikors li jikkonsisti, skont id-deskrizzjoni tar-rikorrenti, f’“[k]opji ta’ dokumenti li jirrigwardaw il-kumpannija CODEFA”, riprodotti fil-paġni 390 sa 503 tal-fajl tal-annessi tar-rikors, jiġifieri total ta’ 114‑il paġna. Fl-assenza ta’ riferiment preċiż, fir-rikors, għall-elementi li jinsabu fost dawn il-114‑il paġna tal-Anness A.19, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tal-fondatezza tal-argument tagħha inkwistjoni f’dan il-każ.

165    It-tieni nett, anki jekk jiġi preżunt li l-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tfittex u tidentifika tali elementi fl-Anness A.19 tar-rikors, tanalizza biss l-ewwel dokument magħqud mal-imsemmi anness, riprodott fil-paġna 390 tal-annessi tar-rikors, dokument li jikkonsisti f’ittra rreġistrata flimkien mal-irċevuta ta’ kunsinna, indirizzata mill-bank Société générale lil Codefa fit-2 ta’ Settembru 2010, ċertament, l-għan tagħha, intitolat “Avviż minn qabel tal-għeluq tal-kont f’60 ġurnata – Terminazzjoni tal-kreditu C.T.C. Kont numru: […]”, u t-termini tagħha donnhom jirrigwardaw it-terminazzjoni tar-relazzjoni bejn l-imsemmi bank u l-imsemmija kumpannija invokata mir-rikorrenti fil-punt 95 tar-rikors. Madankollu, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, mill-kliem tal-imsemmija ittra, imkien ma jirriżulta li l-għeluq tal-kont ta’ Codefa miftuħ mal-bank Société générale kif ukoll l-annullament tal-awtorizzazzjoni ta’ overdraft ta’ EUR 80 000 li minnu kienet tibbenefika Codefa mingħand dan il-bank kienu l-konsegwenza tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi.

166    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tad-dannu u tar-rabta kawżali, b’tali mod li t-talba għal kumpens fir-rigward tad-dannu bbażat fuq l-allegat trasferiment forzat tal-ishma tagħha fis-sussidjarja tagħha, Codefa, għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

167    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba għal kumpens tad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba l-impossibbiltà li tirkupra l-ammont imħallas bil-quddiem ta’ EUR 2 828 370.44 li hija kkonċediet lill-kumpannija Awstrijaka SED għax-xiri ta’ tagħmir u prodotti, li joriġinaw minn diversi pajjiżi Ewropej, indispensabbli għat-tkomplija tal-attivitajiet tar-rikorrenti, hija evalwatu fl-ammont imħallas bil-quddiem hekk konċess, b’żieda ta’ EUR 262 266 b’applikazzjoni ta’ rata ta’ attwalizzazzjoni ta’ 3 % fuq tliet snin, jiġifieri total ta’ EUR 3 090 636.

168    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-prova tad-dannu, mill-ewwel paragrafu tat-Titolu E.2.2.1. tar-rikors, intitolat “Telf ta’ assi fl-Awstrija”, u mill-punt 98 tar-rikors, jirriżulta li r-rikorrenti, li llimitat ruħha li tikkopja kważi integralment is-siltiet rilevanti tal-paġni 25 u 26 tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà, tiddikjara li fid-data tal-inklużjoni tagħha fil-listi kontenzjużi, l-ammont tal-ħlas bil-quddiem li hija kienet ikkonċediet lill-kumpannija SED kien jammonta għal EUR 2 828 370.44.

169    Fil-paġna 25 tar-rapport tal-esperti fil-kontabbiltà, fir-rigward tas-somma msemmija fil-punt 168 iktar ’il fuq, hemm riferiment, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, għal “rikonoxximent ta’ krediti SED u dikjarazzjonijiet ta’ krediti magħmula minn Fulmen”. Madankollu, dawn id-dokumenti ma humiex annessi mal-imsemmi rapport u r-rikorrenti ma tispeċifikax jekk hija ppreżentathomx fil-kuntest ta’ din il-kawża.

170    Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li dawn l-elementi jistgħu jinstabu fl-Anness A.4 tar-rikors, li għalih ir-rikorrenti tagħmel riferiment b’mod globali, f’nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża taħt it-Titolu E.2.2.1. tar-rikors.

171    Madankollu, kif ġie mfakkar fil-punt 116 iktar ’il fuq, ma huwiex kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors. Issa, għal darba oħra, l-Anness A.4 tar-rikors, intitolat “Dokumenti relatati mal-kumpannija SED” fl-iskeda tal-annessi magħquda mar-rikors, jikkonsisti f’diversi dokumenti riprodotti fil-paġni 36 sa 71 tal-fajl tal-annessi tar-rikors. Fl-assenza ta’ riferiment preċiż, fir-rikors, għall-elementi u għas-siltiet tal-imsemmi anness li hija tixtieq tenfasizza sabiex tipprova l-fondatezza tal-argument tagħha, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 116 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tal-fondatezza tal-argument tagħha inkwistjoni f’din il-kawża.

172    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tar-realtà tal-krediti tagħha fil-konfront tal-kumpannija SED, u, għalhekk, ma pproduċietx prova tad-dannu.

173    It-tieni nett u fi kwalunkwe każ, għal dak li jirrigwarda l-prova tar-rabta kawżali, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mill-proċess tal-kawża ma jirriżultax li l-fatt li jagħti lok għad-dannu allegat, jiġifieri l-impossibbiltà li tirkupra l-ħlas bil-quddiem konċess lill-kumpannija SED, jinsab fl-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi. Fil-fatt, kif tindika r-rikorrenti stess fir-rikors, fl-ewwel paragrafu tat-Titolu E.2.2.1. tar-rikors, “[q]abel ir-revoka tas-sanzjonijiet kontra r-rikorrenti, il-kumpannija SED għamlet dikjarazzjoni li ma kinitx f’pożizzjoni li tkopri d-debiti tagħha bl-assi disponibbli u s-somma mħallsa bil-quddiem mir-rikorrenti saret irrekuperabbli wara l-likwidazzjoni ta’ SED”. Għalhekk, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma pproduċiet il-prova tar-rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu allegat.

174    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tad-dannu u tar-rabta kawżali, b’tali mod li t-talba għal kumpens fir-rigward tad-dannu bbażat fuq l-impossibbiltà li tirkupra l-ammont imħallas bil-quddiem konċess lill-kumpannija Awstrijaka SED għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

175    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dannu allegat fir-rigward tal-iffriżar tal-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp tar-rikorrenti, li hija kienet nediet, fl-2007, b’kooperazzjoni ma’ diversi kumpanniji Ewropej u li hija evalwat fir-rikors fl-ammont ta’ EUR 2 179 125, għandu jiġi rrilevat dan li ġej. Fil-kuntest tat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti tispjega kif, minn naħa, fil-punt 117 tar-replika, hija tindika li qiegħda żżomm l-argumenti tagħha magħmula fil-punti 60 sa 101 tar-rikors, meta hija konxja li l-punti 99 u 101 ta’ dan tal-aħħar jirrigwardaw id-dannu bbażat fuq l-iffriżar tal-attivitajiet tagħha ta’ riċerka u żvilupp, filwaqt li fil-punt 116 tar-replika, hija tindika espressament li kienet “għażlet li ma tinkludihx fid-dannu li għalih qiegħda titlob kumpens”. Peress li t-tweġiba tar-rikorrenti għal din il-mistoqsija ma kinitx ċara, il-Qorti Ġenerali reġgħet għamlitilha l-istess mistoqsija waqt is-seduta. Hemmhekk, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li fil-punt 117 tar-replika kien hemm żball ta’ riferiment għall-punti tar-rikors. Huwa għalhekk li hija indikat li l-imsemmi punt għandu jinqara fis-sens li jindika li hija “qiegħda żżomm għalhekk l-argumenti tagħha ppreżentati fil-paragrafi 60 [sa] 98 tar-rikors” u mhux “fil-paragrafi 60 [sa] 101 tar-rikors”, li ġie nnotat fil-proċess verbal tas-seduta. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ddeċidiet li tirrinunzja għat-talba għal kumpens fir-rigward tad-dannu bbażat fuq l-iffriżar tal-attivitajiet tagħha ta’ riċerka u żvilupp.

176    Mill-evalwazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-talba għal kumpens għad-danni materjali allegatament subiti fl-Ewropa għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

177    Fid-dawl tal-konklużjonijiet misluta fil-punti 156 u 176 iktar ’il fuq, it-talba għal kumpens għad-dannu materjali allegatament subit għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

b)      Fuq id-dannu immaterjali allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali

178    Ir-rikorrenti ssostni li l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi, sa fejn dawn kellhom effett fuq id-drittijiet tal-persuna tagħha, u b’mod partikolari fuq ir-reputazzjoni tagħha, ikkawżawlha dannu immaterjali importanti, li hija tevalwa ex æquo et bono fl-ammont ta’ EUR 100 000.

179    Fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija magħmula fil-kuntest tat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fir-rigward tal-konsegwenzi tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), fuq din il-kawża, hija tqis li, f’dan il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi aggravanti bbażati, b’mod partikolari, fuq l-użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-Kunsill, il-kumpens sħiħ tad-dannu immaterjali tagħha jeħtieġ ammont ogħla minn dak sostnut fis-sentenza fuq imsemmija.

180    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob iċ-ċaħda tat-talba għal kumpens għad-dannu immaterjali allegat.

181    F’dan ir-rigward, il-Kunsill jikkunsidra li, qabelxejn, minbarra dawk li diġà ġew koperti mit-talbiet tagħha għal kumpens fir-rigward tad-dannu materjali, ir-rikorrenti ma tinvoka ebda effett dannuż fuq l-attività ekonomika tagħha. L-effetti negattivi tal-miżuri kontenzjużi fuq ir-reputazzjoni tar-rikorrenti, peress li hija ngħatat il-fama ħażina li kienet involuta fi programm ta’ proliferazzjoni nukleari, kienu ġew suffiċjentement kontrobilanċjati bl-annullament tal-miżuri kontenzjużi u bil-pubbliċità mogħtija lil dan l-annullament, kemm permezz tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll, b’mod partikolari, permezz tat-tixrid ta’ rapportaġġ tat-trażmissjoni “sept à huit” fuq l-istazzjon tat-televiżjoni Franċiż TF1. Ladarba r-rikorrenti tirrikonoxxi li l-attività ekonomika tagħha rpiljat wara r-revoka tal-miżuri kontenzjużi, dan juri li r-reputazzjoni tar-rikorrenti ma ġarrbitx dannu li estenda lil hinn mill-annullament tal-atti kontenzjużi, b’tali mod li dan l-annullament jikkostitwixxi kumpens suffiċjenti.

182    Wara dan, fir-rigward tad-dannu immaterjali li jmur lil hinn mill-isfera tal-interessi kummerċjali kurrenti tar-rikorrenti, din tal-aħħar ma tagħmel l-ebda argument u ma tipproduċi l-ebda prova li tista’ tistabbilixxi kemm in-natura reali u ċerta ta’ tali dannu kif ukoll ir-rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u l-atti kontenzjużi.

183    Finalment, fir-rigward tal-portata tad-dannu allegat, ir-rikorrenti ma tispeċifikax fuq liema kriterji jew elementi hija tibbaża ruħha sabiex tikkalkola l-ammont tal-kumpens li hija titlob, u lanqas x’se jiġi kkumpensat b’dan l-ammont. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, b’kuntrast mar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), f’din il-kawża, ir-rikorrenti għadha suġġetta għall-miżuri Amerikani.

184    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri kontenzjużi għandhom konsegwenzi negattivi sinjifikattivi u effett kunsiderevoli fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 70). F’dan ir-rigward, meta entità tkun is-suġġett ta’ miżuri restrittivi, minħabba s-sostenn li hija allegatament tat għall-proliferazzjoni nukleari, hija tiġi assoċjata pubblikament ma’ aġir li jitqies li huwa theddida gravi għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, bil-konsegwenza li r-reputazzjoni tagħha tiġi affettwata u li għaldaqstant issofri dannu morali (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 80).

185    Minn naħa, id-dannu għar-reputazzjoni tal-entità kkonċernata, ikkawżat minn miżuri restrittivi bħall-miżuri kontenzjużi, ma jikkonċernax il-kapaċitajiet ekonomiċi u kummerċjali tagħha, iżda l-volontà tagħha li tkun involuta f’attivitajiet ikkunsidrati kundannabbli mill-komunità internazzjonali. Għalhekk, l-entità kkonċernata tiġi affettwata lil hinn mill-isfera tal-interessi kummerċjali attwali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 82).

186    Min-naħa l-oħra, l-imsemmi dannu huwa iktar u iktar gravi peress li ma jirriżultax mill-espressjoni ta’ opinjoni personali, iżda minn teħid ta’ pożizzjoni uffiċjali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u jġib miegħu konsegwenzi ġuridiċi vinkolanti (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 83).

187    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi kkawżawlha dannu immaterjali, separat mid-dannu materjali dovut għall-effett fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha. Konsegwentement, hemm lok li jiġi rrikonoxxut id-dritt għal kumpens għal dan id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 85).

188    Fir-rigward tar-realtà tad-dannu immaterjali allegatament subit, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari tali dannu, għalkemm il-produzzjoni jew il-proposta ta’ provi ma hijiex neċessarjament meqjusa bħala kundizzjoni għar-rikonoxximent ta’ tali dannu, madankollu hija tal-inqas ir-responsabbiltà tar-rikorrenti li tistabbilixxi li l-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni kkonċernata kien ta’ natura li kkawżalha tali dannu (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il-Kummissjoni, T‑230/95, EU:T:1999:11, punt 39).

189    Barra minn hekk, għalkemm fis-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-annullament ta’ miżuri restrittivi illegali kien ta’ natura li jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali subit, madankollu dan ma jfissirx li din il-forma ta’ kumpens hija neċessarjament suffiċjenti, fil-każijiet kollha, sabiex ikun żgurat kumpens sħiħ għal dan id-dannu, peress li kwalunkwe deċiżjoni f’dan ir-rigward għandha tittieħed abbażi ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 49).

190    F’dan il-każ, huwa minnu li l-annullament tal-atti kontenzjużi permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), li tikkonstata li l-assoċjazzjoni tar-rikorrenti mal-proliferazzjoni nukleari ma hijiex iġġustifikata u, għalhekk, illegali, huwa ta’ natura li jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu immaterjali li hija ġarrbet u li għalih qiegħda titlob kumpens f’din il-kawża. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, dan l-annullament ma jistax jikkostitwixxi kumpens sħiħ tal-imsemmi dannu.

191    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 184 iktar ’il fuq, l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u, f’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tal-involviment tar-rikorrenti fil-proliferazzjoni nukleari, kellha l-konsegwenza li taffettwa r-reputazzjoni tagħha u, għalhekk, l-aġir ta’ entitajiet terzi fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 88).

192    Issa, dawn l-effetti, li damu madwar tliet snin u nofs u li taw lok għad-dannu immaterjali subit mir-rikorrenti, ma jistgħux jiġu kontrobilanċjati kompletament permezz tal-konstatazzjoni, f’dan il-każ, a posteriori, tal-illegalità tal-atti kontenzjużi, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

193    L-ewwel nett, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità għandha t-tendenza li tattira iktar attenzjoni u twassal għal iktar reazzjonijiet, b’mod partikolari barra mill-Unjoni, milli l-annullament sussegwenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 88).

194    It-tieni nett, l-allegazzjoni tal-Kunsill kontra r-rikorrenti hija partikolarment gravi, peress li tassoċjaha mal-proliferazzjoni nukleari, jiġifieri ma’ attività li skont il-Kunsill hija ta’ perikolu għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 89).

195    It-tielet nett, kif jirriżulta mill-punt 22 iktar ’il fuq, din l-allegazzjoni ma ġiet sostnuta minn ebda element ta’ informazzjoni jew prova rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 90).

196    Ir-raba’ nett u fi kwalunkwe każ, għalkemm l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti, li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, setgħet tiġi rtirata mill-Kunsill f’kull mument, jew tal-inqas emendata jew ikkompletata, sabiex tirrimedja għall-eventwali illegalitajiet li setgħu jivvizzjawha, din inżammet għal madwar tliet snin u nofs, minkejja l-protesti tar-rikorrenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-assenza ta’ provi fir-rigward tal-allegazzjoni magħmula fil-konfront tagħha. F’dan ir-rigward, il-proċess ma jinkludix elementi li jissuġġerixxu li l-Kunsill ivverifika, fi kwalunkwe mument jew bi kwalunkwe mod, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew b’risposta għall-protesti tar-rikorrenti, il-fondatezza tal-imsemmija allegazzjoni, sabiex jillimita l-konsegwenzi dannużi li kienu jirriżultaw minnha għar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 91).

197    Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ tali verifika kienet tkun partikolarment iġġustifikata, wara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), fir-rigward tal-gravità tal-illegalità li ġiet ikkonstatata, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita. Fil-fatt, minkejja li din is-sentenza setgħet, f’kull każ parzjalment, tikkostitwixxi kumpens għad-dannu immaterjali subit mir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ hija ma seta’ jkollha ebda effett f’dan is-sens fir-rigward tal-perijodu ta’ wara l-għoti tagħha, perijodu ta’ madwar sena u disa’ xhur li matulhom l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti nżammet kif kienet.

198    Mingħajr ma jiġi kkontestat bl-ebda mod id-dritt tal-istituzzjoni kkonċernata li tippreżenta appell mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tagħlaq l-istanza u lanqas il-posponiment tal-effett ta’ tali deċiżjoni, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi kkunsidrat li, f’Unjoni ta’ dritt, fid-dawl tal-gravità tal-aġir illegali kkonstatat mill-Qorti Ġenerali, l-istituzzjoni kkonċernata għandha l-kompitu li twettaq, anki jekk b’mod parallel għall-preżentazzjoni ta’ appell, verifika tal-evalwazzjonijiet li saru mill-Qorti Ġenerali. Dan ir-rekwiżit ma jimponix fuq l-istituzzjoni kkonċernata l-obbligu li teżegwixxi mill-ewwel is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, iżda, kif jirriżulta mill-punt 91 tas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), l-obbligu li tivverifika jekk, fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali, l-atti kkontestati jistgħux, jew saħansitra għandhomx, jiġu rtirati, issostitwiti jew emendati, sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi dannużi.

199    Fil-fatt, id-dannu immaterjali hekk ikkawżat, permezz taż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti wara l-għoti tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), kif sostnut espliċitament mir-rikorrenti fir-rikors, huwa separat minn dak li seħħ qabel l-għoti ta’ din is-sentenza. Huwa għalhekk li, kif issostni r-rikorrenti, fl-imsemmija sentenza l-Qorti Ġenerali, fid-dawl ta’ ġurisprudenza stabbilita, iddeċidiet formalment li l-inklużjoni ta’ isimha hija ta’ natura illegali minħabba l-assenza ta’ provi insostenn tal-allegazzjoni magħmula kontriha.

200    Għalhekk, f’dan il-każ, huwa b’mod partikolari fid-dawl tal-evalwazzjonijiet magħmula u tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), li l-Kunsill seta’ jeżamina jekk iż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti kif kienet, jiġifieri mingħajr ebda prova insostenn tal-allegazzjoni magħmula kontriha, kinitx iġġustifikata, mingħajr ma jirriskja li jaggrava iktar id-dannu li hija kienet diġà ġarrbet, fid-data tal-għoti tal-imsemmija sentenza.

201    Din id-deċiżjoni ma tistax tinbidel fid-dawl tas-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775). Fil-fatt, peress li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet eżaminat biss u ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Kunsill mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), hija ma setgħetx tiddeċiedi dwar il-kumpens għad-dannu immaterjali kkawżat miż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi wara l-għoti ta’ din l-aħħar sentenza.

202    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u, fi kwalunkwe każ, minn dawk esposti fil-punti 196 sa 200 iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li l-annullament tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), ma kkostitwixxiex kumpens sħiħ għad-dannu immaterjali subit mir-rikorrenti.

203    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, ċerti fatturi addizzjonali setgħux ikkontribwixxew għall-aggravazzjoni tad-dannu immaterjali li hija ġarrbet, u għalhekk, jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kumpens għad-dannu li hija ġarrbet.

204    Qabelxejn, fir-rigward tal-allegata estensjoni u aggravazzjoni tad-dannu immaterjali mġarrab mir-rikorrenti, għar-raġuni li l-Kunsill kien, minn naħa, eżawrixxa r-rimedji ġudizzjarji li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu skont it-Trattat FUE, b’mod partikolari, billi ppreżenta appell mis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142), u, min-naħa l-oħra, qajjem, għall-ewwel darba, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti motivi jew argumenti insostenn tal-imsemmi appell, inkluż billi invoka, mingħajr madankollu ma kkomunikahom, elementi kunfidenzjali li wasslu għall-atti kontenzjużi, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, bl-istess mod u għall-istess raġunijiet li għalihom fil-punti 72 sa 78 iktar ’il fuq ġie deċiż li tali ċirkustanzi ma jistgħux jikkostitwixxu fattur aggravanti tal-illegalità mwettqa mill-Kunsill, dawn lanqas ma jistgħu, bħala prinċipju, jagħtu lok għal kwalunkwe dannu immaterjali li jista’ jwassal għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

205    Imbagħad, fir-rigward tax-xandir tar-rapportaġġ tat-trażmissjoni “sept à huit”, mill-istazzjon televiżiv Franċiż TF1, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, jiġifieri li minħabba l-kontenut tiegħu hija ġarrbet dannu immaterjali aggravat, din it-trażmissjoni, disponibbli online fuq l-internet, tikkontribwixxi għall-istabbiliment mill-ġdid tar-reputazzjoni tagħha. Fil-fatt, b’mod partikolari, dan ix-xandir jiżgura l-pubbliċità tal-annullament tal-atti kontenzjużi mill-qorti tal-Unjoni. Madankollu, fid-dawl tal-allegazzjoni partikolarment gravi sostnuta mill-Kunsill kontra r-rikorrenti, ix-xandir ta’ din it-trażmissjoni ma jistax, kif isostni l-Kunsill, jiġi kkunsidrat li jista’ jikkontrobilanċja l-effetti negattivi tal-miżuri kontenzjużi fuq ir-reputazzjoni tar-rikorrenti.

206    Finalment, fir-rigward tad-dannu immaterjali allegat, li jirriżulta mill-miżuri Amerikani, dannu li l-Unjoni hija responsabbli għalih għar-raġuni li l-imsemmija miżuri ġew adottati abbażi tal-atti kontenzjużi, tali argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri Amerikani, kif ippreżentati fl-anness tar-replika, la jagħmlu xi riferiment għall-atti kontenzjużi u lanqas għal xi azzjoni meħuda mill-Unjoni kontra r-rikorrenti. Għalhekk, kull waħda mill-miżuri restrittivi adottati rispettivament mill-Unjoni u fl-Istati Uniti tipproduċi effetti awtonomi. Għalhekk, jekk jitqies li l-miżuri Amerikani setgħu jikkawżaw dannu lir-rikorrenti, fid-dawl tal-awtonomija ta’ dawn il-miżuri meta mqabbla mal-atti kontenzjużi, l-Unjoni ma tistax tinżamm responsabbli għall-eventwali dannu immaterjali li dawn setgħu kkawżaw lir-rikorrenti. Għaldaqstant, fid-dawl tal-istess awtonomija tal-miżuri Amerikani, il-Kunsill ma huwiex iġġustifikat li jikkunsidra li l-evalwazzjoni tal-ammont tad-dannu immaterjali subit mir-rikorrenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti baqgħet suġġetta għall-miżuri Amerikani wara l-annullament tal-atti kontenzjużi.

207    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li tevalwa d-dannu immaterjali subit mir-rikorrenti ex æquo et bono, tqis li l-għoti ta’ ammont ta’ EUR 50 000 jikkostitwixxi kumpens xieraq.

208    Bħala konklużjoni, dan ir-rikors għal kumpens għandu jiġi milqugħ u, għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti għandha tingħata kumpens ta’ EUR 50 000 bħala danni immaterjali li hija ġarrbet. Min-naħa l-oħra, it-talba tagħha għal kumpens għad-dannu materjali hija miċħuda.

IV.    Fuq l-ispejjeż

209    Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

210    F’dan il-każ, il-Kunsill tilef f’dak li jirrigwarda t-talba għal kumpens għad-dannu immaterjali subit mir-rikorrenti, filwaqt li din tal-aħħar tilfet fit-talba tagħha għal kumpens għad-dannu materjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

211    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat iħallas lil Fulmen kumpens ta’ EUR 50 000 bħala dannu immaterjali subit.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Fulmen, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Lulju 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.