Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Latvja) fit-12 ta’ Marzu 2021 – SIA “BALTIJAS STARPTAUTISKĀ AKADĒMIJA” vs Latvijas Zinātnes padome

(Kawża C-164/21)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā rajona tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SIA “BALTIJAS STARPTAUTISKĀ AKADĒMIJA”

Konvenut: Latvijas Zinātnes padome

Domandi preliminari

Organu (tad-dritt privat) li jeżerċita diversi attivitajiet prinċipali, fosthom ir-riċerka, iżda li d-dħul tiegħu jiġi fil-parti l-kbira tiegħu mill-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim bi ħlas, jista’ jiġi kklassifikat bħala entità fis-sens tal-Artikolu 2(83) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat 1 ?

Huwa ġġustifikat li jiġi applikat ir-rekwiżit dwar il-proporzjon ta’ finanzjament (dħul u infiq) tal-attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-entità kkonċernata tissodisfax ir-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 2(83) tar-Regolament Nru 651/2014, skont liema l-għan ewlieni tal-entità huwa li teżerċita, b’indipendenza sħiħa, attivitajiet ta’ riċerka fundamentali, ta’ riċerka industrijali jew ta’ żvilupp sperimentali, jew li xxerred b’mod wiesa’ r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet permezz ta’ tagħlim, ta’ pubblikazzjonijiet jew ta’ trasferiment ta’ għarfien? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema jkun il-proporzjon xieraq ta’ finanzjament tal-attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi sabiex jiġi ddeterminat l-għan prinċipali tal-attivitajiet tal-imsemmija entità?

Huwa ġġustifikat, skont l-Artikolu 2(83) tar-Regolament Nru 651/2014, li jiġi applikat ir-rekwiżit skont liema d-dħul mill-attività prinċipali għandu jiġi investit mill-ġdid fl-attività prinċipali tal-entità kkonċernata, u għandhom jiġu evalwati aspetti oħrajn sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat b’mod korrett l-għan prinċipali tal-attivitajiet tal-offerent? L-użu tad-dħul iġġenerat (investit mill-ġdid fl-attività prinċipali jew, per eżempju, fil-każ ta’ fundatur privat, imħallas fil-forma ta’ dividendi lill-azzjonisti) ibiddel tali evalwazzjoni anki jekk il-biċċa l-kbira tad-dħul kien ġej minn spejjeż skolastiċi?

L-istatus legali tal-membri tal-offerent jikkostitwixxi element essenzjali sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmi offerent jissodisfax id-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(83) tar-Regolament Nru 651/2014, jiġifieri jekk din hijiex kumpannija kkostitwita skont id-dritt kummerċjali sabiex teżerċita attività ekonomika (bi ħlas) għal finijiet ta’ lukru (Artikolu 1 tal-Kodiċi Kummerċjali) jew il-membri jew l-azzjonisti tagħha humiex persuni fiżiċi jew ġuridiċi bi skop ta’ lukru (inkluża l-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim bi ħlas) jew maħluqa għal għan mhux ta’ lukru (pereżempju, bħala assoċjazzjoni jew fondazzjoni)?

Il-proporzjon ta’ studenti nazzjonali u ta’ dawk tal-Istati Membri tal-Unjoni meta mqabbel ma’ dak ta’ studenti barranin (li ġejjin minn pajjiżi terzi, li ma jagħmlux parti mill-Unjoni Ewropea) u l-fatt li l-għan tal-attività prinċipali eżerċitata mill-offerent jikkonsisti f’li jiġi pprovdut lill-istudenti tagħlim superjuri u kwalifika kompetittivi fis-suq internazzjonali tax-xogħol li jissodisfaw ir-rekwiżiti internazzjonali attwali (Artikolu 5 tal-istatut tal-offerent) jikkostitwixxu element essenzjali sabiex tiġi evalwata n-natura ekonomika tal-attivitajiet tal-offerent?

____________

1 ĠU 2014, L 187, p. 1.