Kawża C‑494/15

Tommy Hilfiger Licensing LLC et

vs

Delta Center a.s.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet –Direttiva 2004/48/KE ‑ Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Kunċett ta’ ‘intermedjarju li s-servizzi tiegħu kienu użati sabiex jinkiser dritt tal-proprjetà intelletwali’ – Kerrej ta’ swali fejn jinżamm suq li jissulloka l-punti ta’ bejgħ – Possibbiltà li tingħata ordni fir-rigward ta’ dan il-kerrej – Artikolu 11”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Lulju 2016

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Miżuri, proċeduri u rimedji – Intermedjarju fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva – Kunċett – Kerrej ta’ swali fejn jinżamm suq li jissulloka lil negozjanti punti ta’ bejgħ li jinsabu f’dawn is-swali – Inklużjoni

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 8(3), u 2004/48, Artikolu 11)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Miżuri, proċeduri u rimedji – Kerrej ta’ swali fejn jinżamm suq li jissulloka punti ta’ bejgħ – Possibbiltà li tiġi imposta ordni fuq dan il-kerrej – Kundizzjonijiet identiċi għal dawk li jirrigwardaw l-intermedjarji f’suq online

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48, Artikoli 3 u 11)

1.        It-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ arj[u] li s-servizzi [tiegħu] kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni [jinkiser] tad-dritt tal-proprjetà interllettwali” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kerrej ta’ swali fejn jinżamm suq li jissulloka l-punti ta’ bejgħ differenti li jinsabu f’dawn is-swali lil negozjanti, li wħud minnhom jużaw l-ispazju tagħhom sabiex ibigħu merkanzija ffalsifikata ta’ prodotti tad-ditta.

Fil-fatt, l-imsemmi artikolu, l-istess bħall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, li għalih jirreferi, jobbligaw lill-Istati Membri jiżguraw li l-intermedjarju li s-servizzi tiegħu huma użati minn terz sabiex jinkiser dritt tal-proprjetà intelletwali jista’, independentement mir-responsabbiltà eventwali tiegħu fil-fatti kontenzjużi, ikun kostrett jieħu miżuri intiżi sabiex jitwaqqaf dan il-ksur kif ukoll miżuri intiżi sabiex jipprevjenu ksur ġdid.

Il-fatt li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ punti ta’ bejgħ jikkonċerna suq online jew post fiżiku fejn jinżamm suq, bħal ma huma swali fejn jinżamm suq, huwa rrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, ma jirriżultax mid-Direttiva 2004/48 li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għall-kummerċ elettroniku. Barra minn hekk, l-għan, iddikjarat fil-premessa 10 ta’ din id-direttiva, li tiżgura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġeniju tal-proprjetà intelletwali fis-suq intern, jiddgħajjef sostanzjalment jekk l-operatur li jipprovdi lil terzi aċċess għal post fiżiku fejn jinżamm suq ma setax ikun is-suġġett tal-ordnijiet imsemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva.

(ara l-punti 22, 29, 30 u d-dispożittiv 1)

2.        It-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-ordni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mogħtija lil intermedjarju li jipprovdi servizz ta’ kiri ta’ punti ta’ bejgħ fi swali fejn jinżamm suq, huma identiċi għal dawk, relattivi għall-ordnijiet li jistgħu jingħataw lill-intermedjarji f’suq online, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09

Fil-fatt, din l-interpretazzjoni saret fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, mingħajr kunsiderazzjonijiet speċifiċi marbuta man-natura tal-post fejn jinżamm is-suq inkwistjoni. Barra minn hekk, ma jirriżultax minn dan l-Artikolu 3 li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għas-sitwazzjonijiet li jqumu f’swieq online. Barra minn hekk, mill-kliem stess ta’ dan l-Artikolu 3 jirriżulta li dan japplika għal kull miżura koperta mill-imsemmija direttiva, inklużi dawk previsti fit-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tagħha.

(ara l-punti 36, 37 u d-dispożittiv 2)