SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005 (*)

"Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 93/104/KE – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi limitu massimu aktar favorevoli għall-ħaddiem, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħin massimu ta’ xogħol kull ġimgħa – Determinazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol f’ċerti stabbilimenti soċjali – Xogħol ta’ l-għassa li jinvolvi l-preżenza tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol – Perijodi mingħajr attività għall-ħaddiem fil-kuntest ta’ tali xogħol – Sistema nazzjonali ta’ kalkolu tas-sigħat preżenti differenzjati skond l-intensità ta’ l-attività"

Fil-kawża C-14/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2004, fil-proċedura

Abdelkader Dellas,

Confédération générale du travail,

Fédération nationale des syndicats des services de santé et des services sociaux CFDT,

Fédération nationale de l’action sociale Force ouvrière

vs

Premier ministre,

Ministre des Affaires sociales, du Travail etde la Solidarité

fil-preżenza ta’ l-:

Union des fédérations et syndicats nationaux d’employeurs sans but lucratif du secteur sanitaire, social et médico-social,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Schintgen (Relatur), R. Silva de Lapuerta, P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għas-Sinjur Dellas, minn A. Monod, avocat,

–       għall-Fédération nationale des syndicats des services de santé et des services sociaux CFDT, minn H. Masse-Dessen u G. Thouvenin, avocats,

–       għall-Union des fédérations et syndicats nationaux d’employeurs sans but lucratif du secteur sanitaire, social et médico-social, minn J. Barthelemy, avocat,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues kif ukoll minn C. Bergeot-Nunes u A. de Maulmont, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Belġjan, minn A. Goldman, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, bħala aġent,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u J. van Bakel kif ukoll minn D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Rozet u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Lulju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża dwar abbuż ta’ poter imressqa mis-Sinjur Dellas kif ukoll mill-Confédération générale du travail, il-Fédération nationale des syndicats des services de santé et des services sociaux CFDT u l-Fédération nationale de l’action sociale Force ouvrière u hija intiża sabiex jiġi annullat id-Digriet Nru 2001-1384, tal-31 ta’ Diċembru 2001, li japplika l-Artikolu L. 212-4 tal-Code du Travail (Kodiċi tax-Xogħol) u li jistabbilixxi l-ħin ta’ xogħol li huwa ekwivalenti għal-ħin ta’ xogħol stabbilit fil-liġi, fir-rigward ta’ l-istabbilimenti soċjali u mediko-soċjali mmexxija minn individwi mingħajr skop ta’ qliegħ (JORF tat-3 ta’ Jannar 2002, p. 149).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Id-Direttiva 93/104 ġiet adotatta fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 118a tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti bl-Artikoli 136 KE sa 143 KE).

4       Skond l-Artikolu 1 tagħha, intitolat "Skop u qasam ta’ applikazzjoni", id-Direttiva 93/104 tiffissa rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-saħħa fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u tapplika għall-oqsma kollha ta’ attività, privati jew pubbliċi, bl-eċċezzjoni tat-trasport bl-arja, bil-ferrovija, fit-triq, bil-baħar, bix-xmajjar u bil-lagi, sajd fil-baħar, attività oħra fuq il-baħar u l-attivitajiet ta’ tobba waqt li qed jitħarrġu

5       Taħt it-titolu "Definizzjonijiet", l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/104 jipprovdi li:

"Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.      ‘ħin tax-xogħol’ tfisser kull perijodu li l-ħaddiem ikun qed jaħdem, għad-disposizzjoni ta’ min iħaddem, qed iwettaq l-attivitajiet tiegħu u d-dmirijiet li jtih, skond il-liġijiet u/jew il-prattiċi nazzjonali;

2.      ‘perijodu ta’ serħan’ tfisser kull ħin li matulu ma jsirx xogħol;

3.      ‘ħin ta’ bil-lejl’ għandu jfisser kull perijodu ta’ mhux inqas minn seba’ sigħat, kif definit mill-liġi nazzjonali, u li għandu jinkludi f’kull każ il-perijodu bejn nofs il-lejl u il-5 ta’ filgħodu;

4.      ‘ħaddiema ta’ bil-lejl’ għandhom ifissru:

(a)      min-naħa waħda, kull ħaddiem, li, tul il-ħin ta’ bil-lejl, jaħdem għallinqas [tliet] sigħat tal-ġurnata tax-xogħol tiegħu bħala ħidma normali; u

(b)      min-naħa l-oħra, kull ħaddiem li hemm ċans li jaħdem tul il-lejl biex jaħdem ċertu proporzjon tal-ħin tax-xogħol annwali, kif definit fuq l-għażla [ta’ l]-Istat Membru konċernat:

(i)      bil-leġi[ż]lazzjoni nazzjonali, wara konsultazzjoni maż-żewġ oqsma ta’ l-industrija;

         jew

(ii)      bi ftehim kollettiv jew ftehim konkluż bejn żewġ oqsma ta’ l-industrija f’livell nazzjonali jew reġjonali;

5.      ‘xogħol ta’ shift’ għandu jfisser kwalun[kwe] metodu ta’ organizzazzjoni tax-xogħol fix-shift fejn ħaddiema jieħdu xogħol xulxin fl-istess stazzjon ta’ xogħol skond ċertu ritmu, inkluż ritmu ta’ rotazzjoni, u li jista’ jkun kontinwu jew mhux kontinwu, filwaqt li tinkludi [l]-ħtieġa li l-ħaddiema jaħdmu f’ħinijiet differenti fuq perijodu mogħti ta’ ġranet jew ġimgħat;

6.      ‘ħaddiema tax-shift’ għandhom ifissru kull ħaddiem li l-iskeda tax-xogħol tkun parti tax-xogħol shift."

6       Is-Sezzjoni II ta’ l-imsemmija direttiva tistabbilixxi l-miżuri li l-Istati Membri huma marbuta li jieħdu sabiex il-ħaddiema kollha jibbenefikaw, b’mod partikolari, minn perijodi minimi u pawżi ta’ serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa u hija tirregola wkoll in-numru massimu ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa.

7       Fir-rigward tas-serħan ta’ kuljum, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/104 huwa fformulat bil-mod segwenti:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem jkun intitolat [għal] perijodu minimu ta’ serħan fil-ġurnata [kuljum] ta’ 11-il siegħa konsekuttiva kull 24 siegħa."

8       Taħt it-titolu " Pawżi", l-Artikolu 4 ta’ l-imsemmija direttiva jipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, meta il-ġurnata tax-xogħol hija itwal minn sitt sigħat, kull ħaddiem huwa intitolat għal pawża ta’ serħan, li d-dettalji tagħha [...], [inklużi] dewmien u termini għal liema hija m[o]għtija, għandhom ikunu stipulati fi ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ oqsma ta’ l-industrija jew inkella, [mil]-liġijiet nazzjonali."

9       Il-perijodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa huwa kkunsidrat fl-Artikolu 5 ta’ l-istess direttiva, li jgħid hekk:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ne[ċ]essarji biex [jassiguraw], għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, kull ħaddiem [ikun] intitolat [għal] perijodu minimu ta’ serħan mhux interrott ta’ 24 siegħa minn barra l-11-il siegħa ta’ serħan kuljum li għalihom jirreferi [l-]Artikolu 3.

Il-perijodu minimu ta’ serħan imsemmi fl-ewwel sotto-paragrafu għandu in prinċipju jinkludi il-Ħadd.

Jekk kundizzjonijiet oġġettivi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni tax-xogħol jiġġustifikawh, perijodu minimu ta’ serħan ta’ 24 siegħa jista’ jkun applikat."

10     Għal dak li jirrigwarda n-numru massimu ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/104 jgħid li:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ne[ċ]essarji biex jiżguraw li, b’konformità mal-ħtieġa li tiġi protetta s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

1.      il-perijodu ta’ ħin ta’ xogħol huwa limitat permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija;

2.      il-medja ta’ ħin maħdum għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, inkluża [s-]sahra, ma taqbiżx [it]-48 siegħa."

11     L-Artikoli 8 sa 13 ta’ l-istess direttiva, li jikkostitwixxu s-Sezzjoni III tagħha, jistabbilixxu l-miżuri li l-Istati Membri huma marbuta li jieħdu fir-rigward tax-xogħol ta’ bil-lejl, tax-xogħol ta’ shift u tar-ritmu ta’ xogħol.

12     Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ħin ta’ xogħol ta’ bil-lejl, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/104 jipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ne[ċ]essarji sabiex jiżguraw illi:

1.      is-sigħat normali tax-xogħol għall-ħaddiema ta’ bil-lejl ma jaqbi[żx] il-medja ta’ tmien sigħat f’kull perijodu ta’ 24 siegħa;

2.      ħaddiema ta’ bil-lejl li xogħolhom jinvolvi periklu speċjali jew strapazz kbir fiżiku jew mentali ma jaħdmux aktar minn tmien sigħat f’ebda perijodu ta’ 24 siegħa li fih jaħdmu xogħol ta’ bil-lejl.

Għall-għanijiet imsemmija aktar qabel, ix-xogħol li jinvolvi periklu speċjali jew strapazz kbir fiżiku jew mentali għandu jkun definit [mil]-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew prattika jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ partijiet ta’ l-industrija, tenut kont ta’ l-effetti speċifiċi u l-periklu tax-xogħol ta’ bil-lejl."

13     L-Artikolu 15 tad-Direttiva 93/104 jipprovdi li:

"Din id-Direttiva [m’]għand[h]i[e]x ta[f]fettwa id-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrativi aktar favorevoli għal protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim konkluż bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema."

14     Skond l-Artikolu 16 ta’ l-imsemmija direttiva:

"L-Istati Membri jistgħu jistipulaw:

1.      għall-applikazzjoni ta’ [l-]Artikolu 5 (perijodu ta’ serħan fil-ġimgħa), perijodu ta’ referenza ta’ mhux aktar minn 14-il ġurnata;

2.      għall-applikazzjoni ta’ [l-]Artikolu 6 (ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa), perijodu ta’ referenza ta’ mhux aktar minn erba’ xhur.

Il-perijodi ta’ leave annwali mħallas, mogħti bi qbil ma’ [l-]Artikolu 7, u l-perijodi tal-leave tal-mard [m’]għandhomx ikunu inklużi jew għandhom ikunu newtrali fil-kalkulazzjoni tal-medja;

3.      għal applikazzjoni ta’ [l-]Artikolu 8 (dewmien ta’ xogħol ta’ bil-lejl), perijodu ta’ referenza definit wara konsultazzjoni maż-żewġ naħat [ta’ l]-indusrija jew bi ftehim kollettiv jew ftehim konkluż bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

Jekk il-perijodu minimu ta’ 24 siegħa ta’ serħan meħtieġ mill-Artikolu 5 jaqa’ taħt dak il-perijodu ta’ referenza, m’għandux jingħadd fil-kalkulazzjoni tal-medja."

15     L-istess direttiva tistabbilixxi serje ta’ derogi minn ħafna mir-regoli bażiċi tagħha, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ ċerti attivitajiet u dan suġġett għall-fatt li ċerti kundizzjonijiet ikunu sodisfatti. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17 tagħha jgħid:

"1.      Tenut kont xieraq tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mi[ll]-Artikoli 3, 4, 5, 6, 8 [u] 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività kkonċernata, [i]d-dewmien ta[l]-ħin tax-xogħol [ma] jkunx mkejjel u/jew pre-determinat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom, u b’mod partikolari fil-każ ta’:

(a)      eżekuttivi maniġerjali jew persuni oħra bis-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet awtonomi;

(b)      ħaddiema tal-familja

jew

(c)      ħaddiema li jiffunzjonaw f’ċerimonji reliġjużi fil-knejjes u komunitajiet reliġjużi.

2.      Jistgħu jkunu adottati derogi permezz ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-indusrija sakemm il-ħaddiema konċernati jingħataw perijodi xierqa ta’ serħan b’kumpens jew li, f’każijiet ta’ eċċezzjoni fejn mhuwi[e]x possibbli, għal raġunijiet oġġettivi, jagħtu perijodi ekwivalenti ta’ serħan b’kumpens, u li l-ħaddiema konċernati huma mogħtija protezzjoni xierqa:

2.1.      minn Artikolu 3, 4, 5, 8 u 16:

[…]

(c)      f’każ ta’ attivitajiet li jinvolvu il-bżonn tal-kontinwità tas-servizz jew tal-produzzjoni, partikolarment:

(i)      servizzi relatati ma’ l-ilqugħ, it-trattament u/jew [il-kura] provduti mill-isptarijiet u stabbilimenti simili, [is]tituzzjonijiet residenzjali u ħabsijiet;

[…]

3.      Jistgħu jsiru derogi mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew, b’konformità mar-regoli stipulati minnhom, permezzi ta’ ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija fl-livell aktar baxx.

[…]

Id-derogi provduti fl-ewwel u t-tieni sotto-paragrafu għandhom ikunu permessi bil-kundizzjoni li perijodi ta’ serħan b’kumpens ekwivalenti jingħataw lil ħaddiema konċernati jew, f’każi ta’ eċċezzjoni fejn mhux possibbli għal raġunijiet oġġettivi li jiggarantixxu dawn il-perijodi, il-ħaddiema konċernati jingħataw protezzjoni xierqa.

[…]

4.      L-għażla tad-deroga mill-punt 2 ta’ Artikolu 16, provdut f’paragrafu 2, punti 2.1. u 2.2. u f’paragrafu 3 ta’ l-istess Artikolu, ma tistax tirriżulta fi twaqqif ta’ perijodu ta’ referenza li jaqbeż is-sitt xhur.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom l-għażla, sakemm hija konformi mal-prinċipji ġenerali rigward il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, li jħallu, għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi jew għar-raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-organizzazzjoni tax-xogħol, sabiex bi ftehim kollettiv jew bi ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija jagħmlu perijodi ta’ referenza li ma’ jaqbżux it-12-il xahar.

[…]"

16     L-Artikolu 18 tad-Direttiva 93/104 jgħid hekk:

"1.      (a)   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa biex [jikkonformaw ruħhom ma’] din id-Direttiva sat-23 ta’ Novembru 1996, jew għandhom jiżguraw li [sa] din id-data iż-żewġ naħat ta’ l-industrija jwaqqfu il-miżuri meħtieġa bi ftehim, filwaqt li l-Istati Membri jkollhom l-obbligu li jieħdu kull pass ne[ċ]essarju li jgħinhom biex jiggarantixxu f’kull ħin li d-dispożizzjonijiet preskritti b’din id-Direttiva huma mħarsa.

(b)      (i)   Madankollu, Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, sakemm jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li:

–       [...] ebda persuna li tħaddem ma teħtieġ[...] ħaddiem li jaħdem aktar minn 48 siegħa fuq perijodu ta’ sebat ijiem, maħdum bħala medja għal perijodu ta’ referenza imsemmi f’punt 2 ta’ l-Artikolu 16, jekk ma jkunx qabel kiseb il-kunsens tal-ħaddiem li jagħmel dan ix-xogħol,

–       l-ebda ħaddiem ma hu suġġett għal kull detriment minn min iħaddmu għar-raġuni li ma jridx jagħti l-kunsens tiegħu biex jagħmel dan ix-xogħol,

–       min iħaddem iżomm reġistru kurrenti tal-ħaddiema kollha li jagħmlu dan ix-xogħol,

–       ir-reġistru jkun disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jillimitaw il-possibilità li jinqabżu s-sigħat massimi tax-xogħol fil-ġimgħa,

–       min iħaddem jipprovdi lil awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom b’informazzjoni dwar każijiet fejn ingħata l-kunsens mill-ħaddiema biex jagħmlu xogħol li jaqbeż [it]-48 siegħa fuq perijodu ta’ sebat ijiem, maħduma bħala medja għal perijodu msemmi f’punt 2 ta’ [l-]Artikolu 16.

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

17     Fi Franza, it-terminu legali tal-ħin tax-xogħol ta’ l-impjegati huwa rregolat mill-Code du Travail, il-verżjoni rilevanti tiegħu fir-rigward tal-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mil-Liġi Nru 2000-37, tad-19 ta’ Jannar 2000, dwar it-tnaqqis innegozjat tal-ħin tax-xogħol (JORF ta’ l-20 ta’ Jannar 2000, p. 975). L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu L. 212-1, ta’ l-imsemmi kodiċi jipprovdi li:

"Fl-istabbilimenti jew il-professjonijiet imsemmija fl-Artikolu L. 200-1, kif ukoll fl-istabbilimenti artiġjanali u ta’ kooperattivi u d-dipendenzi tagħhom, il-ħin ta’ xogħol effettiv tal-ħaddiema stabbilit fil-liġi huwa ta’ ħamsa u tletin siegħa fil-ġimgħa."

18     It-tieni paragrafu ta’ l-istess artikolu jgħid:

"F’dawn l-istess stabbilimenti u professjonijet, il-ħin ta’ xogħol effettiv għal kull ħaddiem kuljum, ma jistax jaqbeż għaxar sigħat, bl-eċċezzjoni tad-derogi skond il-kundizzjonijiet iffissati permezz tad-digriet."

19     L-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu L. 212-2 tal-Code du Travail jipprovdu li:

"Huma d-digrieti tal-Kunsill tal-Ministri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu L. 212-1 għall-oqsma kollha ta’ attività jew tal-professjonijiet jew għal qasam jew għal professjoni partikolari. Id-digrieti jiffissaw, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni u t-tqassim tal-ħin tax-xogħol, il-perijodi ta’ serħan, il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ xogħol stand by, id-derogi permanenti jew temporanji applikabbli f’ċerti każijiet u, għal ċerti impjiegi, il-kundizzjonijiet ta’ rkupru tas-sigħat ta’ xogħol mitlufa u l-miżuri ta’ kontroll ta’ dawn id-diversi dispożizzjonijiet.

Dawn id-digrieti għandhom jiġu promulgati u riveduti wara konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet ta’ dawk li jħaddmu u ta’ l-impjegati kkonċernati u, jekk ikun il-każ, fid-dawl tar-riżultati tan-negozjati li jkunu seħħew bejn dawn it-tnejn."

20     Skond l-ewwel u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu L. 212-4 ta’ l-istess kodiċi:

"Il-ħin ta’ xogħol effettiv huwa il-ħin li matulu l-impjegat huwa għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddem u għandu jikkonforma ma’ l-istruzzjonijiet tiegħu mingħajr ma jkun jista’, liberament, jieħu ħsieb l-affarijiet personali tiegħu.

Il-ħin neċessarju sabiex l-impjegat jiekol kif ukoll il-ħin għall-pawżi huma kkunsidrati bħala ħin ta’ xogħol effettiv meta l-kriterji definiti fl-ewwel paragrafu huma sodisfatti. Anki jekk mhumiex rikonoxxuti bħala ħin ta’ xogħol, huma jistgħu jkunu suġġetti għal rimunerazzjoni permezz ta’ ftehim kollettiv jew kuntratt."

21     Il-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu L. 212-4 tal-Code du Travail huwa fformulat bil-mod segwenti:

"Jista’ jiġi stabbilit ħin ekwivalenti għall-ħin stabbilit fil-liġi għall-professjonijiet u għall-impjiegi għal żmien determinat, li jinkludu perijodi ta’ ħin mingħajr attività, u dan permezz ta’ digriet, adottat wara l-konklużjoni ta’ ftehim kollettiv jew ftehim fir-rigward ta’ qasam partikolari, jew permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État. Dawn il-perijodi ta’ ħin huma rinumerati skond il-prassi jew skond ftehim jew ftehim kollettiv."

22     Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu L. 212-4a ta’ l-imsemmi kodiċi:

"Ħin ta’ xogħol stand by ifisser perijodu ta’ ħin li matulu l-impjegat, mingħajr ma jkun għad-dispożizzjoni permanenti u immedjata ta’ min iħaddem, għandu l-obbligu li jibqa’ d-dar tiegħu jew fil-viċinanzi sabiex ikun jista’ jintervjeni biex jagħmel xogħol għall-intrapriża, u t-tul ta’ ħin ta’ dan l-intervent ikun kkunsidrat bħala ħin ta’ xogħol effettiv. […]"

23     It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu L. 212-7 ta’ l-istess kodiċi jgħid:

"Il-ħin ta’ xogħol fil-ġimgħa ikkalkolat fuq perijodu kwalunkwe ta’ tnax-il ġimgħa konsekuttiva ma jistax ikun aktar minn erbgħa u erbgħin siegħa. […] Matul ġimgħa waħda, it-tul ta’ ħin tax-xogħol ma jistax ikun aktar minn tmienja u erbgħin siegħa."

24     L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu L. 220-1 tal-Code du Travail jipprovdi li:

"Kull impjegat għandu jibbenefika minn serħan ta’ minimu ħdax il-siegħa konsekuttiva kuljum."

25     L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu L. 221-4 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li:

"Is-serħan ta’ kull ġimgħa jrid ikollu tul minimu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa konsekuttiva li magħhom jiġu miżjuda s-sigħat konsekuttivi ta’ serħan ta’ kuljum previst fl-Artikolu L. 220-1."

26     L-Artikoli 1 sa 3 tad-Digriet Nru 2001-1384 huma fformulati bil-mod segwenti:

"L-Artkolu 1

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet huma applikabbli:

(a)      Għall-istabbilimenti mmexxija minn persuni privati mingħajr skop ta’ qligħ u li jipprovdu akkomodazzjoni/alloġġ, imsemmija fil-paragrafi 1, 2, 4, 5 u 8 ta’ l-Artikolu L. 312-1 tal-Code de l’action sociale et des familles (Kodiċi ta’ l-azzjoni soċjali u tal-familji);

(b)      Għall-impjiegi full time ta’ ħaddiema involuti fl-edukazzjoni, infermiera jew infermiera awżiljarji jew ħaddiema sostituti bl-istess livell ta’ kwalifiki, li d-detenturi tagħhom jkunu xogħol ta’ l-għassa bil-lejl, fil-kamra ta’ l-għassa fi ħdan l-istabbiliment.

Artikolu 2

Għall-kalkolu tal-ħin tax-xogħol, stabbilit fil-liġi, fl-istabbilimenti u għall-impjiegi previsti fl-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet, kull perijodu ta’ ħin fuq xogħol ta’ għassa bil-lejl fil-kamra ta’ l-għassa huwa kkalkolat bħala tliet sigħat ta’ xogħol effettiv għall-ewwel disa’ sigħat u bħala nofs siegħa għal kull siegħa aktar minn disa’ sigħat.

Artikolu 3

Il-perijodu ta’ ħin ta’ preżenza fil-kamra ta’ l-għassa jestendi minn x’ħin ir-residenti jorqdu sa x’ħin iqumu kif stabbilit fl-iskeda tax-xogħol mingħajr ma dan il-perijodu jkun itwal minn tnax-il siegħa."

27     Skond il-Conseil d’État, il-bażi legali tad-Digriet Nru 2001-1384 huwa l-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu L. 212-4 tal-Code du Travail, li permezz tiegħu il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi regoli speċjali dwar il-ġurisdizzjoni u il-proċedura għall-kreazzjoni ta’ sistemi ta’ ekwivalenza mal-ħin tax-xogħol stabbilit fil-liġi u b’hekk jiġu evitati r-regoli ġenerali previsti fl-Artikolu L. 212-2 ta’ l-istess kodiċi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28     Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li s-Sinjur Dellas, faċilitatur fl-istabbilimenti residenzjali li jilqgħu lil żgħażagħ jew adulti b’diżabilità, ġie mkeċċi mill-prinċipal tiegħu minħabba diverġenzi bejniethom, l-aktar dwar il-kunċett ta’ xogħol effettiv u dwar ir-rimunerazzjoni dovuta għas-sigħat ta’ xogħol ta’ bil-lejl, imwettqa fil-kamra ta’ l-għassa mill-edukaturi ta’ l-istabbilimenti u tas-servizzi mediko-soċjali għall-persuni li jbatu minn problemi psikoloġiċi u dawk li għandhom diżabilità.

29     Fil-bidu tas-sena 2002, is-Sinjur Dellas, kif ukoll it-trade unions Confédération générale du travail, Fédération nationale des syndicats des services de santé et des services sociaux CFDT u Fédération nationale de l’action sociale Force ouvrière, ressqu rikors quddiem il-Conseil d’État għall-annulament tad-Digriet Nru 2001-1384 abbażi ta’ abbuż ta’ poter.

30     Il-Conseil d’État iddeċieda li jgħaqqad dawn ir-rikorsi u jawtorizza t-talba ta’ intervent ta’ l-Union des fédérations et syndicats nationaux d’employeurs sans but lucratif du secteur sanitaire, social et médico-social sabiex issostni s-sottomissjonijiet tal-Premier Ministre u tal-Ministre des Affaires sociales, du Travail et de la Solidarité, il-konvenuti fil-kawża prinċipali.

31     In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu motivi differenti sabiex jikkontestaw il-legalità tad-Digriet Nru 2001-1384. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li s-sistema ta’ ekwivalenza mal-ħin ta’ xogħol stabbilit fil-liġi, introdotta permezz ta’ dan id-digriet, hija inkompatibbli ma’ l-għanijiet tad-Direttiva 93/104, u mar-regoli tagħha fir-rigward tad-definizzjoni tal-ħin ta’ xogħol kif ukoll tad-determinazzjoni tal-ħin ta’ pawża, tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa u tal-ħin massimu ta’ xogħol ta’ bil-lejl kuljum.

32     Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sistema ta’ ekwivalenza, li bejn is-sigħat tal-preżenza u s-sigħat tax-xogħol effettivament ikkalkolati tistabbilixxi proporzjon ta’ 3 għal 1 għall-ewwel disa’ sigħat, u mbagħad proporzjon ta’ 2 għal 1 għas-sigħat ta’ wara u li hija applikabbli għall-impjegati previsti fl-imsemmi digriet għas-servizzi ta’ għassa ta’ bil-lejl biss li matulu l-persunal mhuwiex kontinwament imsejjaħ għax-xogħol, għandha l-għan li ddaħħal fis-seħħ metodu partikolari ta’ kalkolu tax-xogħol effettiv, skond l-Artikolu L. 212-4 tal-Code du Travail, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tar-regoli dwar ir-rimunerazzjoni u s-sigħat supplementari, sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-karattru intermittenti ta’ l-attività li, matul il-ħinijiet kkonċernati, jinkludi l-perijodi mingħajr attività.

33     Skond il-Conseil d’État, din is-sistema ta’ ekwivalenza mal-ħin tax-xogħol stabbilit fil-liġi mhijiex, fil-prinċipju, inkompatibbli mad-Direttiva 93/104, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, safejn, kuntrarjament għall-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C-303/98, Ġabra p. I-7963), u tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C-151/02, Ġabra p. I-8389), ma jkollhiex l-effett li ħin ta’ serħan jiġi kkunsidrat bħala perijodu mingħajr attività inkluż fix-xogħol ta’ għassa, li matulu l-ħaddiema għandhom ikunu preżenti fuq il-post tax-xogħol tagħhom, jew li tostakola s-sigħat, li jiġu kkalkolati b’mod speċifiku fil-kuntest ta’ din is-sistema ta’ ekwivalenza, milli jiġu meqjusa, fit-totalità tagħhom, bħala ħin ta’ xogħol effettiv sabiex tiġi evalwata l-osservanza, mill-ħaddiema, ta’ l-obbligi tagħhom f’dak li jirrigwarda l-perijodi ta’ serħan u l-perijodu ta’ pawża.

34     Madankollu, is-sistema ta’ ekwivalenza stabbilita mil-leġiżlazzjoni Franċiża tipprovdi li l-perijodi ta’ ħin ta’ għassa ta’ bil-lejl fil-kamra ta’ l-għassa huma suġġetti għal metodu partikolari ta’ kalkolu tax-xogħol effettiv sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-intensità tax-xogħol ipprovdut f’dawn il-perijodi tonqos, kollox f’kuntest ġuridiku aktar restrittiv minn dak previst mid-dritt Komunitarju, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, peress li dan huwa ta’ 44 siegħa bħala medja fuq tnax-il ġimgħa konsekuttiva skond il-Code du Travail, kontra 48 siegħa fuq erba’ xhur konsekuttivi b’applikazzjoni tad-Direttiva 93/104.

35     Peress li f’dawn iċ-ċirkustanzi s-soluzzjoni tal-kawżi teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Conseil d’État iddeċida li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

"1)      Fid-dawl ta’ l-għan tad-Direttiva 93/104 […] li skond […] il-[paragrafu 1] ta’ l-Artikolu 1 tagħha huwa li tiffissa r-rekwiżiti minimi tas-sigurtà u tas-saħħa fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, id-definizzjoni tal-ħin tax-xogħol li hija tagħti għandha tkun ikkunsidrata bħala li tapplika biss għal-limiti Komunitarji li hija tistabbilixxi jew bħala li għandha applikazzjoni ġenerali u li tkopri wkoll il-limiti stabbiliti mis-sistemi legali nazzjonali li, filwaqt li jassiguraw it-traspożizzjoni ta’ l-imsemmija direttiva, jistgħu, bħal fil-każ ta’ Franża u bħala mezz ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, jiġu stabbiliti fuq livell għola ta’ protezzjoni minn dik tad-direttiva?

2)      B’liema mod, sistema ta’ ekwivalenza strettament proporzjonali, li tikkonsisti f’li tittieħed in kunsiderazzjoni t-totalità tas-sigħat ta’ preżenza, u li jiġi applikat għalihom mekkaniżmu ta’ bilanċ li jirrifletti anqas intensità fix-xogħol ipprovdut matul il-perijodi mingħajr attività, tista’ din tkun meqjusa bħala kompatibbli ma’ l-għanijiet tad-Direttiva 93/104 […]?"

 Fuq id-domandi preliminari

36     Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 93/104 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fir-rigward tal-ħin ta’ xogħol ta’ l-għassa li l-ħaddiema fis-servizz ta’ ċerti stabbilimenti soċjali u mediko-soċjali jwettqu skond is-sistema tal-preżenza fiżika fuq il- post stess tax-xogħol, tistabbilixxi, għall-iskopijiet li jiġi kkalkolat il-ħin ta’ xogħol effettiv, sistema ta’ ekwivalenza bħal dik fil-kawża prinċipali, fil-każ li d-dritt nazzjonali jiffissa, b’mod partikolari għall-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, limitu aktar favorevoli għall-ħaddiema minn dak stipolat mill-imsemmija direttiva.

37     Kemm fid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll fil-parti l-kbira ta’ l-osservazzjonijiet li ġew sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, ġie invokat l-impatt li sistema ta’ ekwivalenza bħal din jista’ jkollha, mhux biss fuq l-iskeda tax-xogħol ta’ l-impjegati kkonċernati, iżda wkoll fuq il-livell tar-rimunerazzjoni irċevuta minnhom.

38     Madankollu, fir-rigward ta’ dan l-aspett ta’ l-aħħar, hemm lok li jiġi ppreċiżat mill-bidu li, kif jirriżulta kemm mill-għan kif ukoll mill-kliem stess tad-dispożizzjonijiet tagħha, id-Direttiva 93/104 ma tapplikax għar-rimunerazzjoni tal-ħaddiema.

39     Minn barra dan, din l-interpretazzjoni tirriżulta mingħajr ambigwità mill-Artikolu 137(6) KE, li jipprovdi li r-rekwiżiti minimi li l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea jista’ jadotta permezz ta’ direttivi u li huma intiżi, b’mod partikolari, bħal fil-kawża prinċipali, sabiex jassiguraw il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema, ma jistgħux japplikaw għar-rimunerazzjoni.

40     Min-naħa l-oħra, għal dak li huwa l-effett ta’ sistema ta’ ekwivalenza bħalma hi dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali dwar il-ħin tax-xogħol u tas-serħan tal-ħaddiema kkonċernati, huwa importanti li jiġi mfakkar li mill-Artikolu 118a tat-Trattat, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Direttiva 93/104, mill-ewwel, mir-raba’, mis-seba’ u mit-tmien premessa tagħha, mill-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Strażburgu fid-9 ta’ Diċembru 1989, li l-paragrafu 8 u l-ewwel sub-paragrafu tal-paragrafu 19 tagħha huma msemmija fir-raba’ premessa ta’ l-imsemmija direttiva, kif ukoll mill-istess kliem ta’ l-Artikolu 1(1) tagħha, jirriżulta li l-għan tad-direttiva huwa li tiffissa r-rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, b’mod partikolari, dwar it-tul tal-ħin ta’ xogħol (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C-173/99, ġabra p. I‑4881, punt 37; Jaeger, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 47, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 91).

41     Skond dawn l-istess dispożizzjonijiet, din l-armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem, billi tassigura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ serħan – b’mod partikolari ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ pawża xierqa u billi tipprovdi limitu massimu ta’ 48 siegħa bħala ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa, limitu massimu li fir-rigward tiegħu huwa espressament speċifikat li jinkludi s-sigħat supplementari (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Simap, punt 49; BECTU, punt 38; Jaeger, punt 46; Pfeiffer et, punt 92, u tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wippel, C‑313/02, Ġabra p. I‑9483, punt 47).

42     Fir-rigward, b’mod aktar partikolari, tal-kunċett ta’ "ħin tax-xogħol" fis-sens tad-Direttiva 93/104, ġie diġà deċiż li din id-direttiva tiddefinixxi l-imsemmi kunċett bħala kull perijodu li matulu l-ħaddiem ikun ix-xogħol, għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddem u fl-eżerċizzju ta’ l-attività jew tal-funzjonijiet tiegħu, konformement mal-liġijiet u/jew mal-prassi nazzjonali, u li l-istess kunċett għandu jkun mifhum b’kuntrast mal-perijodu ta’ serħan, peress li dawn iż-żewġ kunċetti jeskludu wieħed lill-ieħor (sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Simap, punt 47, u Jaeger, punt 48).

43     F’dan il-kuntest jeħtieġ li jiġi kkostatat li, minn naħa, id-Direttiva 93/104 ma tipprovdix għall-kategorija intermedjarja bejn il-perijodi ta’ xogħol u dawk ta’ serħan u li, min-naħa l-oħra, l-intensità tax-xogħol imwettaq mill-impjegat jew l-effiċjenza tiegħu, ma tidhirx fost l-elementi karatteristiċi tal-kunċett tal-"ħin tax-xogħol" fis-sens ta’ din id-direttiva.

44     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kunċetti ta’ "ħin tax-xogħol" u ta’ "perijodu ta’ serħan" skond id-Direttiva 93/104 m’għandhomx jiġu interpretati skond ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjonijiet differenti ta’ l-Istati Membri, iżda li huma jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt Komunitarju li jeħtieġ li jiġu definiti skond karatteristiċi oġġettivi, b’referenza għas-sistema u l-għan ta’ l-imsemmija direttiva, intiża li tistabbilixxi rekwiżiti minimi biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema. Fil-fatt, hija biss tali interpretazzjoni awtonoma li hija ta’ natura li tassigura l-effett sħiħ ta’ din id-direttiva kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ l-imsemmija kunċetti fl-Istati Membri kollha (ara s-sentenza Jaeger, iċċitata aktar ’il fuq, punt 58).

45     Il-Qorti kkonkludiet li l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu l-portata ta’ dan l-istess kunċett kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 93/104 unilateralment, billi jimponu xi kundizzjoni jew restrizzjoni fuq id-dritt, mogħti lill-ħaddiema minn din id-direttiva, li l-perijodi ta’ xogħol u, b’mod korrelattiv, dawk ta’ serħan, jiġu debitament meħuda in kunsiderazzjoni. Kull interpretazzjoni oħra tista’ tfixkel l-effett prattiku ta’ din ta’ l-aħħar u tinjora l-għan finali tagħha li huwa li tiggarantixxi protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema permezz ta’ rekwiżiti minimi (ara s-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Jaeger, punti 59, 70 u 82, kif ukoll Pfeiffer et, punt 99).

46     Iżda, min-naħa, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li x-xogħol ta’ l-għassa li l-ħaddiem iwettaq skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-istabbiliment ta’ min iħaddem għandu jkun kkunsidrat kollu kemm hu bħala ħin tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 93/104, indipendentement mix-xogħol realment imwettaq mill-persuna kkonċernata waqt li tkun xogħol ta’ l-għassa (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Simap, punt 52; Jaeger, punti 71, 75 u 103; Pfeiffer et, punt 93, u d-digriet tat-3 ta’ Lulju 2001, CIG, C-241/99, Ġabra p. I‑5139, punt 34).

47     Il-fatt li x-xogħol ta’ l-għassa jinkludi ċerti perijodi mingħajr attività huwa għalhekk irrilevanti f’dan il-kuntest.

48     Fil-fatt, skond l-imsemmija ġurisprudenza, anki jekk perijodi mingħajr attività professjonali huma inerenti fix-xogħol ta’ l-għassa li l-ħaddiem iwettaq skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-istabbiliment ta’ min iħaddem, peress li, bid-differenza mill-ħin tax-xogħol normali, il-ħtieġa ta’ interventi urġenti waqt it-twettiq ta’ l-imsemmi xogħol ma tistax tiġi ppjanata bil-quddiem u l-attività li effettivament titwettaq tvarja skond iċ-ċirkustanzi, il-fattur deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li l-elementi karatteristiċi tal-kunċett tal-"ħin tax-xogħol", fis-sens tad-Direttiva 93/104, huma preżenti f’tali xogħol ta’ l-għassa li ħaddiem iwettaq fuq il-post stess tax-xogħol tiegħu hu l-fatt li huwa mġiegħel ikun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-prinċipal tiegħu u li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar sabiex f’każ ta’ bżonn ikun jista’ jipprovdi is-servizzi xierqa immedjatament. Konsegwentement, hemm lok li dawn l-obbligi jiġu kkunsidrati bħala rilevanti għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dan il-ħaddiem (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Simap, punt 48, kif ukoll Jaeger, punti 49 u 63).

49     Min-naħa l-oħra, il-Qorti diġà ddeċidiet ripetutament li, fir-rigward, kemm tal-kliem tad-Direttiva 93/104 kif ukoll ta’ l-għan u l-iskema tagħha, ir-rekwiżiti differenti li hija tipprovdi dwar is-suġġett tal-ħin massimu tax-xogħol u tal-ħin minimu ta’ serħan jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali Komunitarju ta’ importanza partikulari li minnhom għandu jibbenefika kull ħaddiem bħala rekwiżit minimu neċessarju sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq BECTU, punti 43 u 47; Pfeiffer et, punt 100, u Wippel, punt 47).

50     Fir-rigward tal-każ in eżami fil-kawża prinċipali, għandu jingħad li mill-punti 40 sa 49 ta’ din is-sentenza jirriżuta li l-osservanza tal-limiti jew tal-limiti massimi kollha previsti mid-Direttiva 93/104 bil-għan li jiġu protetti, b’mod effettiv, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, għandha tkun iggarantita mill-Istati Membri u li, għal dan il-għan, ix-xogħol ta’ l-għassa mwettaq minn ħaddiem bħalma hu s-Sinjur Dellas fuq il-post tax-xogħol tiegħu għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom meta jiġi determinat il-ħin massimu ta’ xogħol kuljum u kull ġimgħa awtorizzat mid-dritt Komunitarju − li jinkludi s-sigħat supplementari − indipendentement mill-fatt li, waqt il-ħin ta’ għassa tagħha, il-persuna kkonċernata ma teżerċitax attività professjonali kontinwa (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pfeiffer et, punti 93 u 95).

51     Ċertament, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 93/104 jippermetti espressament l-applikazzjoni jew l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

52     Meta Stat Membru jirrikorri għal tali fakoltà, kif għamlet ir-Repubblika Franċiża, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi għal ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ 44 siegħa fuq tnax-il ġimgħa konsekuttiva, filwaqt li f’dan ir-rigward l-imsemmija direttiva timponi limitu ta’ 48 siegħa fuq erba’ xhur konsekuttivi, l-osservanza tar-regoli stabbiliti f’din id-direttiva għandhom ikunu vverifikati billi jiġu mqabbla mal-limiti ffissati minnha, bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li joffru aktar protezzjoni lill-ħaddiema.

53     Madankollu, indipendentement mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk, huwa importanti li l-effett prattiku tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema permezz tad-Direttiva 93/104 jkun iggarantit kollu kemm hu, li jimplika neċessarjament l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jiggarantixxu l-osservanza ta’ kull rekwiżit minimu impost minn din id-direttiva.

54     Iżda f’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, kif rikonoxxut mill-Gvern Franċiż stess dakinhar tas-seduta b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-metodu ta’ kalkolu l-ħin tax-xogħol ta’ l-għassa fil-kuntest tas-sistema ta’ ekwivalenza in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura li timponi fuq il-ħaddiem kkonċernat ħin tax-xogħol totali li jista’ jilħaq u anki jaqbeż 60 siegħa fil-ġimgħa.

55     Konsegwentment, tali sistema nazzjonali taqbeż b’mod ċar il-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa li huwa ffissat għal 48 siegħa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6(2) ta’ l-imsemmija direttiva.

56     Din l-evalwazzjoni mhix ikkontestata la bl-allegazzjoni tal-Gvern Franċiż li s-sistema ta’ ekwivalenza fis-seħħ f’dan l-Istat Membru, li ċertament tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ bilanċ li jieħu in kunsiderazzjoni l-eżistenza tal-perijodi mingħajr attività waqt ix-xogħol ta’ l-għassa, iżda li ma jikkalkolax it-totalità tas-sigħat tal-preżenza tal-ħaddiema sabiex jiġu stabbiliti d-drittijiet tagħhom għal serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa, u lanqas permezz tal-kostatazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija s-suġġett tar-rikorsi pendenti quddiemha tiddistingwi ruħha minn dawk in kwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Simap u Jaeger, peress li hi ma tassimilax mal-ħin ta’ serħan il-perijodi li fihom il-ħaddiema, preżenti fuq il-post tax-xogħol tagħhom bil-għan li jwettqu xogħol ta’ l-għassa, mhumiex imsejħa għax-xogħol.

57     Fil-fatt, huwa kostanti li, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, is-sigħat ta’ preżenza tal-ħaddiem fl-istabbiliment tal-prinċipal tiegħu waqt ix-xogħol ta’ l-għassa, li jinkludu perijodi mingħajr attività, huma biss meħuda in kunsiderazzjoni parzjalment, konformement ma’ ko-effiċjent fiss, għall-kalkolu tas-sigħat supplementari u, għalhekk, sabiex jiġi stabbilit il-ħin massimu ta’ xogħol, filwaqt li d-dritt Komunitarju jeżiġi li dawn is-sigħat ta’ preżenza jkunu kkalkolati kollha bħala sigħat ta’ xogħol.

58     Minn barra dan, skond tali leġiżlazzjoni nazzjonali, huma biss is-sigħat ta’ preżenza, ikkunsidrati li jikkorrispondu għal xogħol effettiv, li huma kkalkolati bħala ħin tax-xogħol. Iżda, kif diġà ntqal fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, l-klassifikazzjoni bħala ħin tax-xogħol, fis-sens tad-Direttiva 93/104, ta’ perijodu ta’ preżenza tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol tiegħu ma jiddependix fuq l-intensità ta’ l-attività tal-ħaddiem, iżda tirriżulta biss mill-obbligu ta’ dan ta’ l-aħħar li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni ta’ minn iħaddmu.

59     Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi fatt li s-sigħat ta’ preżenza ta’ l-impjegati fuq il-post tax-xogħol tagħhom huma meħuda in kunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom għall-implimentazzjoni ta’ ċerti drittijiet li dawn il-ħaddiema jibbenefikaw minnhom permezz tad-Direttiva 93/104, f’dan il-każ id-drittijiet għal serħan kull jum u kull ġimgħa, mhix tali li tassigura fis-sħiħ l-osservanza ta’ l-obbligi li din id-direttiva timponi fuq l-Istati Membri, peress li dawn mhumiex marbuta li jiggarantixxu dawn id-drittijiet kollha u, b’mod partikolari, dak li jiffissa l-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa għal 48 siegħa.

60     Jeħtieġ li jingħad ukoll li d-dispożizzjonijiet nazzjonali bħalma huma dawk stabbiliti mid-Digriet Nru 2001-1384 ma jistgħux jaqgħu taħt il-possibbiltajiet ta’ deroga previsti mill-imsemmija direttiva.

61     Minn naħa, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/104, li jiddefinixxi l-kunċetti prinċipali użati minnha, b’mod partikolari, dawk tal-ħin tax-xogħol u tal-perijodu ta’ serħan, mhuwiex fost id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ deroga.

62     Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża mhuwiex allegat li leġiżlazzjoni bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) u (2), u fl-Artikolu 18(1)(b)(i) tad-Direttiva 93/104.

63     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok it-tweġiba għad-domandi magħmula tkun li d-Direttiva 93/104 għandha tiġi interpretata fis-sens li:

–       tipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fir-rigward tax-xogħol ta’ l-għassa li l-ħaddiema ta’ ċerti stabbilimenti soċjali u mediko-soċjali jwettqu skond is-sistema tal-preżenza fiżika fuq il-post stess tax-xogħol, tistabbilixxi, għall-ħtiġijiet tal-kalkolu tal-ħin tax-xogħol effettiv, sistema ta’ ekwivalenza bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, meta l-osservanza tar-rekwiżiti minimi kollha imposti minn din id-direttiva sabiex is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jiġu protetti b’mod effettiv, mhijiex garantita;

–       fil-każ li id-dritt nazzjonali jiffissa, b’mod partikolari għall-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, limitu massimu aktar favorevoli għall-ħaddiema, il-limiti jew il-limiti massimi rilevanti sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tar-regoli ta’ protezzjoni previsti mill-imsemmija direttiva huma esklużivament dawk imsemmija f’din ta’ l-aħħar.

 Fuq l-ispejjeż

64     Peress li il-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għall-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li – tipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fir-rigward tax-xogħol ta’ l-għassa li l-ħaddiema ta’ ċerti stabbilimenti soċjali u mediko-soċjali jwettqu skond is-sistema tal-preżenza fiżika fuq il-post stess tax-xogħol, tistabbilixxi, għall-ħtiġijiet tal-kalkolu tal-ħin tax-xogħol effettiv, sistema ta’ ekwivalenza bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, meta l-osservanza tar-rekwiżiti minimi kollha imposti minn din id-direttiva sabiex is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jiġu protetti b’mod effettiv, mhijiex garantita.

Fil-każ li d-dritt nazzjonali jiffissa, b’mod partikolari għall-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, limitu massimu aktar favorevoli għall-ħaddiema, il-limiti jew il-limiti massimi rilevanti sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tar-regoli ta’ protezzjoni previsti mill-imsemmija direttiva huma esklużivament dawk imsemmija f’din ta’ l-aħħar.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.