KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-16 ta’ Ottubru 2014 (1)

Kawżi magħquda C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13

Unicaja Banco SA

vs

José Hidalgo Rueda (C‑482/13),

María del Carmen Vega Martín (C‑482/13),

Gestión Patrimonial Hive SL (C‑482/13),

Francisco Antonio López Reina (C‑482/13),

Rosa María Hidalgo Vega (C‑482/13),


Caixabank SA

vs

Manuel María Rueda Ledesma (C‑484/13),

Rosario Mesa Mesa (C‑484/13),

José Labella Crespo (C‑485/13),

Rosario Márquez Rodríguez (C‑485/13),

Rafael Gallardo Salvat (C‑485/13),

Manuela Márquez Rodríguez (C‑485/13),

Alberto Galán Luna (C‑487/13),

Domingo Galán Luna (C‑487/13)

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción de Marchena (Spanja)]

“Direttiva 93/13/KEE — Kuntratt ta’ kreditu mal-konsumatur — Klawżoli inġusti — Effett mhux vinkolanti — Mezzi adegwati u effettivi għall-prevenzjoni tal-użu kontinwat ta’ klawżoli inġusti — Proċeduri għall-eżekuzzjoni ta’ ipoteki”





1.        Fil-mument meta ġiet adottata, il-parti l-kbira tal-Istati Membri x’aktarx ma basrux l-impatt li d-Direttiva 93/13/KEE (2) kien ser ikollha fuq l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom xi għoxrin sena wara.

2.        Stat Membru bħal dan huwa r-Renju ta’ Spanja. Wara s-sentenza Aziz (3), il-leġiżlatur Spanjol adotta reċentement leġiżlazzjoni ġdida (4) intiża biex issewwi, fost l-oħrajn, problemi identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li teżamina dik il-leġiżlazzjoni (5). Il-kawżi li l-qorti tar-rinviju ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwarhom jitfgħu dawl fuq aspett tal-Liġi Nru 1/2013 li huwa differenti mill-kwistjoni fis-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García. Din id-darba, il-kwistjoni ma hijiex jekk id-dritt Spanjol jagħmilhiex impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-konsumaturi li jappellaw minn deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-eżekuzzjoni ta’ dejn, imma pjuttost jekk ir-regoli proċedurali Spanjoli li jirregolaw l-eżekuzzjoni ta’ ipoteka jissodisfawx ir-rekwiżit tad-Direttiva 93/13 li skontu l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux marbutin bi klawżoli inġusti.

3.        B’mod iktar speċifiku, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción de Marchena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja ta’ Marchena) (Spanja) għamlet domandi — flimkien ma’ numru ta’ qrati Spanjoli oħrajn (6) — lill-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment dwar waħda mid-Dispożizzjonijiet Tranżitorji tal-Liġi Nru 1/2013. Dik id-dispożizzjoni timponi limitu fuq l-interessi moratorji li jistgħu jiġu rkuprati permezz tal-eżekuzzjoni ta’ ipoteka: ir-rata ta’ interessi moratorji ma tistax tkun ogħla minn tliet darbiet ir-rata ta’ interessi statutorja. Jekk jinqabeż dan il-limitu, il-qrati għandhom jagħtu lill-kredituri l-possibbiltà li jaġġustaw ir-rata ta’ interessi moratorji biex jiġi osservat il-limitu statutorju. Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità oħra biex tikkjarifika l-limiti tal-influwenza tad-dritt tal-konsumatur tal-Unjoni fuq regoli nazzjonali ta’ dan it-tip.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva 93/13

4.        Il-21 premessa tad-Direttiva 93/13 taqra kif ġej:

“[...] l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur u li jekk, madankollu, dawn il-klawżoli jintużaw, m’għandhomx jorbtu lill-konsumatur, u l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawk il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi li jibqa’ jeżisti mingħajr id-disposizzjonijiet inġusti”.

5.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jaqra kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

6.        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”.

7.        Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, l-“Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur”.

B –    Id-dritt Spanjol

8.        Skont l-Artikolu 1911 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol, debitur għandu jkun responsabbli għat-twettiq tal-obbligi finanzjarji tiegħu billi juża l-beni kollha tiegħu preżenti u futuri.

9.        L-Artikolu 105 tal-Liġi ipotekarja (Ley Hipotecaria), ikkodifikata b’Digriet tat-8 ta’ Frar 1946 (7) kif emendat bil-Liġi Nru 1/2013, jipprovdi li ipoteka tista’ tiġi kkostitwita bħala garanzija għat-tipi kollha ta’ obbligi u ma għandhiex tibdel ir-responsabbiltà personali llimitata tad-debitur skont l-Artikolu 1911 tal-Kodiċi Ċivili.

10.      L-Artikolu 552(1) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil), kif emendat bl-Artikolu 7(1) tal-Liġi Nru 1/2013, jipprovdi li, jekk qorti tiddeċiedi li kwalunkwe klawżola li tidher f’ċerti titoli eżekuttivi tista’ tiġi kkunsidrata li hija inġusta, għandha tisma’ lill-partijiet fi żmien ħmistax-il jum. Wara li tisma’ lill-partijiet, għandha, fil-ħamest ijiem ta’ wara, tagħti ordni xierqa skont l-Artikolu 561(1)(3) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili.

11.      Il-Liġi Nru 1/2013 żiedet ukoll subparagrafu 3 ġdid mal-Artikolu 561(1) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili, li jaqra kif ġej:

“Meta klawżola waħda jew iżjed jitqiesu li huma inġusti, l-ordni li għandha tingħata għandha tiddetermina l-konsegwenzi ta’ tali natura inġusta, billi jew tiddeċiedi li ma hemmx lok għall-eżekuzzjoni jew tordna l-eżekuzzjoni mingħajr l-applikazzjoni tal-klawżoli kkunsidrati inġusti”.

12.      Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 1/2013 emenda l-Artikolu 114 tal-Liġi ipotekarja biż-żieda tat-tielet paragrafu li jaqra kif ġej:

“Interessi moratorji fuq self jew krediti għax-xiri ta’ abitazzjoni prinċipali, iggarantiti b’ipoteki imposti fuq l-abitazzjoni inkwistjoni, ma jistgħux ikunu iktar minn tliet darbiet ogħla mir-rata ta’ interessi statutorja u jistgħu jiddekorru biss fuq il-kapital li jkun għadu dovut. Dawn l-interessi moratorji fl-ebda ċirkustanza ma jistgħu jiġu kkapitalizzati, ħlief fil-każ imsemmi fl-Artikolu 579(2)(a) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili”.

13.      Fl-aħħar nett, it-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 taqra kif ġej:

“Il-limitazzjoni tal-interessi moratorji fuq ipoteki fuq abitazzjonijiet prinċipali li jistabbilixxi l-Artikolu 3(2) għandha tapplika għal ipoteki kkostitwiti wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

Bl-istess mod, din il-limitazzjoni għandha tapplika għall-interessi moratorji previsti fis-self li jinkludi garanzija ipotekarja fuq abitazzjoni prinċipali kkostitwita qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, meta dawn l-interessi jimmaturaw wara din id-data, u għall-interessi li, minkejja li jkunu mmaturaw sa din id-data, ma jkunux tħallsu.

Fi proċeduri għall-eżekuzzjoni jew għall-bejgħ extraġudizzjarju li jkunu bdew imma ma jkunux ġew konklużi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, u fi proċeduri li fihom l-ammont li għalih tkun intalbet ordni ta’ eżekuzzjoni jew ordni għall-bejgħ extraġudizzjarju jkun diġà ġie ffissat, ir-Reġistratur tal-qorti jew in-nutar għandu jagħti lill-parti li titlob l-eżekuzzjoni perijodu ta’ għaxart ijiem sabiex taġġusta dan l-ammont skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti”.

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

14.      Il-kawżi prinċipali jikkonċernaw erba’ serje differenti ta’ proċeduri għal eżekuzzjoni mibdija minn Unicaja Banco (Kawża C‑482/13) u Caixabank (Kawżi C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13) (iktar ’il quddiem il-“banek”) għall-eżekuzzjoni ta’ numru ta’ ipoteki, li kollha ġew ikkostitwiti bejn il-5 ta’ Jannar 2007 u l-20 ta’ Awwissu 2010 għal ammonti ta’ EUR 249 000 jew inqas.

15.      Fil-Kawża C‑482/13, is-self ipotekarju kien suġġett għal rata ta’ interessi moratorji ta’ 18 %, li setgħet tiżdied jekk iż-żieda ta’ erba’ punti perċentwali mar-rata ta’ interessi aġġustata tirriżulta f’rata ta’ interessi ogħla, suġġetta għal rata nominali massima ta’ 25 % fis-sena. Fil-Kawżi C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, is-self ipotekarju kien suġġett għal rata ta’ interessi moratorji ta’ 22.5 %.

16.      Barra minn hekk, dawn il-kuntratti kollha kellhom fihom klawżola li tippermetti lil min jislef iġib ’il quddiem id-data ta’ maturità inizjalment miftiehma u jeħtieġ li jsir il-ħlas tad-dejn kapitali li jkun għadu dovut, flimkien mal-interessi, l-interessi moratorji, il-kummissjoni u l-ispejjeż miftiehma.

17.      Bejn il-21 ta’ Marzu u t-30 ta’ Ottubru 2012, il-banek bdew proċeduri għal eżekuzzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ssospendiet dawn il-proċeduri billi saret taf li l-klawżoli kuntrattwali dwar ir-rata ta’ interessi moratorji u l-ħlas lura aċċellerat setgħu kienu inġusti. Fuq din il-bażi, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción de Marchena ddeċidiet fit-12 ta’ Awwissu 2013 li żżomm is-sospensjoni tal-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“(A)      Skont id-[Direttiva 93/13], u b’mod partikolari skont l-Artikolu 6(1) tagħha, u sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti bi qbil mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, meta qorti nazzjonali tiddeċiedi li hemm klawżola abbużiva dwar interessi moratorji f’self ipotekarju, għandha l-imsemmija qorti tiddikjara n-nullità tal-klawżola u n-natura mhux vinkolanti tagħha jew inkella għandha, bil-kontra ta’ dan, temenda l-klawżola dwar l-interessi billi tinkariga lill-kreditur li qed jitlob l-implementazzjoni [l-eżekuzzjoni] jew lis-sellief jaġġustaw l-interessi?

(B)      It-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-[Liġi Nru 1/2013] tikkostitwixxi [biss] limitazzjoni ċara tal-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur, sa fejn din timponi impliċitament fuq il-qrati l-obbligu li jemendaw klawżola dwar interessi moratorji li tista’ tiġi kklassifikata bħala abbużiva, billi jaġġustaw l-interessi previsti u billi jżommu fis-seħħ dispożizzjoni ta’ natura abbużiva, minflok ma jiddikjaraw in-nullità tal-klawżola u n-natura mhux vinkolanti tagħha fil-konfront tal-konsumatur?

(C)      It-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-[Liġi Nru 1/2013] tmur kontra d-[Direttiva 93/13], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha, sa fejn din tipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività fil‑qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u tevita l-applikazzjoni tas-sanzjoni li tikkonsisti fid-dikjarazzjoni tan-nullità u tan-natura mhux vinkolanti tal-klawżoli dwar interessi moratorji li jistgħu jiġu kklassifikati bħala abbużivi, previsti f’self ipotekarju konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tal-[Liġi Nru 1/2013]”

18.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ottubru 2013, il-kawżi kollha ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

19.      Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub Unicaja Banco, Caixabank, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, u kollha ressqu argument orali fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2014.

III – Analiżi

A –    Rimarki preliminari

20.      Kif jidher mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, it-tliet domandi magħmulin huma aspetti differenti ta’ domanda waħda iktar wiesgħa. Madankollu, il-partijiet interessati jipperċepixxu dawn it-tliet aspetti b’mod differenti (8).

21.      Mill-bidu nirrileva li, bid-Domanda B, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta — sal-punt li tevalwa l-validità tiegħu — id-dritt nazzjonali. Dan jeċċedi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE u, għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi din id-domanda. Madankollu, il-kritika tal-Liġi Nru 1/2013 li l-qorti tar-rinviju tidher li qed tagħmel hija espressa bl-istess mod fid-Domanda C li hija fformulata f’termini ta’ kompatibbiltà tat-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja ta’ din il-liġi mad-Direttiva 93/13 u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Għalhekk jirriżulta li fi kwalunkwe każ, huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tittratta d-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward.

22.      Barra minn hekk, id-Domandi A u C jidhru li huma relatati sa fejn it-tnejn jistaqsu dwar il-konsegwenzi legali ta’ klawżola kuntrattwali li tqieset inġusta. Bid-Domanda A, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi x’kompetenzi u obbligi għandha qorti nazzjonali skont id-Direttiva 93/13 fir-rigward ta’ klawżola dwar interessi moratorji li titqies inġusta. Min-naħa l-oħra, bid-Domanda C, il-qorti tar-rinviju qiegħda minflok tistaqsi, essenzjalment, jekk dispożizzjoni bħat-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 hijiex kompatibbli mad-direttiva sa fejn possibbilment tillimita dawn il-kompetenzi u obbligi.

23.      Għalhekk ser nadotta approċċ li jinqasam f’żewġ partijiet. Filwaqt li r-risposta għad-Domanda A hija evidenti sew, ir-risposta li għandha tingħata għad-Domanda C għandha, min-naħa l-oħra, tkun iktar sfumata mhux l-inqas fid-dawl tal-osservazzjonijiet li għamel il-Gvern Spanjol.

B –    Il-kompetenzi u l-obbligi tal-qorti nazzjonali skont id-Direttiva 93/13 fir-rigward ta’ klawżola ta’ interessi moratorji li titqies li hija inġusta

24.      Bid-Domanda A, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 93/13, u speċifikament, l-Artikolu 6(1) tagħha, tobbligahiex teskludi kundizzjoni kuntrattwali li tistabbilixxi r-rata ta’ interessi moratorji li titqies inġusta, jew jekk għandhiex minflok timmodera dik ir-rata ta’ interessi — jew tittollera moderazzjoni bħal dik.

25.      Kif wieħed jista’ jara mir-raġunament fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-kwistjoni koperta mid-Domanda A diġà ġiet riżolta fis-sentenzi Banco Español de Crédito (9) u Asbeek Brusse u de Man Garabito (10). Tista’ tkun ta’ gwida wkoll is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai (11), li ngħatat wara li d-deċiżjonijiet tar-rinviju waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja.

26.      Skont dawn is-sentenzi, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jobbliga lill-qrati nazzjonali jeskludu l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta bil-għan li din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, iżda ma jawtorizzahomx jirrevedu l-kontenut ta’ din il-klawżola. Il-kuntratt mal-konsumatur għandu jibqa’ jeżisti, bħala prinċipju, mingħajr l-ebda modifika oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, tali tkomplija tal-kuntratt tkun possibbli (12).

27.      Fir-rigward speċifiku tal-klawżoli penali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali, fil-każ fejn tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola penali f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li tnaqqas l-ammont tal-penalità imposta fuq il-konsumatur minflok ma telimina għalkollox l-applikazzjoni tal-klawżola inkwistjoni fil-konfront ta’ dan il-konsumatur (13).

28.      Fil-kawża Banco Español de Crédito, (EU:C: 2012:349) il-klawżola inġusta inkwistjoni kienet tirregola l-ħlas tard ta’ pagamenti parzjali fir-rigward ta’ self għax-xiri ta’ vettura. Il-kawża Asbeek Brusse u de Man Garabito kienet tirrigwarda klawżola penali mdaħħla f’kuntratt ta’ kiri għall-finijiet residenzjali li kien jinkludi interessi moratorji.

29.      Min-naħa l-oħra, il-kawża Kásler u Káslerné Rábai (EU:C:2014:282) kienet tirrigwarda sitwazzjoni unika ta’ ħlas lura. F’dik il-kawża, il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk kienx possibbli għal qorti nazzjonali li tissostitwixxi dispożizzjonijiet dikjaratorji tad-dritt nazzjonali għal klawżola inġusta f’kuntratt ta’ kreditu mal-konsumatur f’ċirkustanzi fejn, jekk il-kuntratt ma jkunx jista’ jkompli jeżisti mingħajr il-klawżola inkwistjoni, l-invalidazzjoni tal-kuntratt tista’ tkun ta’ detriment għall-konsumatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-konsegwenza tal-invalidazzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu mal-kunsumatur, kollu kemm hu, hija ġeneralment li l-ammont tas-self li jkun għadu ma tħallasx isir dovut u dan għandu t-tendenza li jippenalizza lill-konsumatur iktar milli lil min jislef. F’din is-sitwazzjoni speċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali li tissana l-invalidità ta’ dik il-klawżola billi tissostitwiha b’dispożizzjoni supplimentari tad-dritt nazzjonali (14).

30.      Madankollu, is-sentenza Kásler u Káslerné Rábai (EU:C:2014:282) ma hijiex rilevanti għall-każijiet li qed jiġu kkunsidrati hawnhekk. Ma huwiex ċar kif l-invalidazzjoni ta’ klawżola ta’ interessi moratorji inġusta, bħall-klawżola inkwistjoni, tista’ tkun ta’ detriment għal konsumatur li qed jissellef, pjuttost milli jiġi eliminat għalkollox id-dritt għal dawn l-interessi ta’ kreditur li jkun irrikorra għall-klawżola inġusta. Barra minn hekk, minkejja x’argumentaw il-banek waqt is-seduta, huwa irrilevanti l-fatt li setgħat ta’ moderazzjoni jistgħu jingħataw minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali iktar milli jikkostitwixxu espressjoni ta’ diskrezzjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, kif speċifikat fl-Artikolu 8 tagħha, id-Direttiva 93/13 taħseb għal armonizzazzjoni minima, li jfisser li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli li jipprovdu għal protezzjoni ikbar għall-konsumatur minn dik li tipprovdi diġà d-Direttiva. Għaldaqstant, ir-risposta għad-Domanda A ma għandhiex tkun differenti mir-risposta li ngħatat fis-sentenzi Banco Español de Crédito u Asbeek Brusse u de Man Garabito (EU:C:2013:341), li tajt sommarju tagħhom fil-punt 26 iktar ’il fuq.

C –    Il-kompatibbiltà tat-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 mad-Direttiva 93/13, minħabba l-obbligu tal-qorti nazzjonali skont din id-direttiva li teskludi klawżoli kuntrattwali inġusti

31.      Id-Domanda C tirrigwarda l-kompatibbiltà mad-Direttiva 93/13 — u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 6(1) tagħha — tat-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013, li tapplika għal proċeduri għall-eżekuzzjoni jew għall-bejgħ extraġudizzjarju li jkunu bdew imma ma jkunux ġew konklużi qabel il-15 ta’ Mejju 2013, kif ukoll għal proċeduri li fihom l-ammont li għalih tkun intalbet ordni ta’ eżekuzzjoni jew ordni għall-bejgħ extraġudizzjarju tkun diġà ġiet iffissata. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk, fi proċeduri għall-eżekuzzjoni ta’ ipoteka, kreditur li jitlob interessi moratorji fuq il-bażi ta’ klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi tali interessi b’rata ogħla mil-limitu statutorju (tliet darbiet ir-rata ta’ interessi statutorja) jistax jaġġusta r-rata ta’ interessi moratorji sabiex ma taqbiżx dan il-limitu.

32.      Mill-bidu nett, u għalkemm din il-kwistjoni ma tqajmitx mill-qorti tar-rinviju, jidher li jkun utli li tiġi indirizzata fil-qosor il-kwistjoni jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/12 jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondi għad-domanda dwar il-kompatibbiltà, ma’ din id-direttiva, tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni (15). Fil-fatt, il-banek isostnu li t-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 hija dispożizzjoni obbligatorja li tapplika irrispettivament mir-rieda tal-partijiet u ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

33.      Diġà ttrattajt argument simili fil-kawża Sánchez Morcillo u Abril García (16). B’differenza minn dik il-kawża, f’dawn il-kawżi l-qorti tar-rinviju ddubitat espliċitament dwar kemm huma ġusti l-klawżoli dwar l-interessi moratorji fil‑kuntratti ipotekarji inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf sa fejn jestendu l-kompetenzi u l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 93/13, jekk klawżola bħal din titqies inġusta. Għalhekk din hija sitwazzjoni għalkollox differenti minn dik li qamet fil-kawża Barclays Bank (17) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni f’dak il-każ, li kienu jirregolaw il-proċedura għal eżekuzzjoni Spanjola, kienu liġijiet jew regolamenti li ma kinux inklużi fil-kuntratt ikkontestat u li ma kinux jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

34.      Biex ngħaġġel, se nibda billi nfakkar li, għalkemm fi proċeduri skont l-Artikolu 267 TFUE l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni jew tinterpreta leġiżlazzjoni nazzjonali, madankollu tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali b’interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fuq dawn il-punti kollha li jistgħu jippermettu lil dik il-qorti tiddetermina l-kwistjoni tal-kompatibbiltà għall-finijiet tal-kawża li jkollha quddiemha (18). Mingħajr dubju, biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tipprovdi din l-għajnuna għandu jkollha ftit għarfien tar-regoli nazzjonali applikabbli, minkejja li dan l-għarfien ovvjament jibqa’ suġġett għalkollox għall-verifika mill-qorti nazzjonali. Filwaqt li tinżamm din il-kawtela, għandi dan xi ngħid.

35.      Fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Banco Español de Crédito (EC:C:2012:239) u Asbeek Brusse and de Man Garabito (EU:C:2013:239), wieħed jifhem li t-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 setgħet ikkawżat ftit kontroversja, billi setgħet titqies li tobbliga lill-qorti nazzjonali tittollera tnaqqis fir-rata ta’ interessi moratorji, minflok ma tiddikjara l-klawżola kuntrattwali relattiva nulla, għad-detriment tal-konsumaturi. Madankollu, ma tantx naqbel ma’ konklużjoni bħal din, li tidher li hija bbażata fuq malintiz bażiku. Din il-perċezzjoni hija bbażata fuq l-idea pjuttost attraenti li t-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 b’xi mod (i) tiddetermina ċ-ċirkustanzi fejn rata ta’ interessi moratorji kuntrattwali hija ġusta u (ii) tinterferixxi mad-dmir ta’ qorti nazzjonali li teskludi klawżola li titqies inġusta. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ġew invokati qudiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux isostnu din l-ipoteżi. Meta ġie mistoqsi fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol kkonferma li din is-suppożizzjoni kienet żbaljata. Il-partijiet l-oħrajn li kienu preżenti fis-seduta ma wrewx li ma qablux (tal-inqas fit-teorija).

36.      Il-possibbiltà għal kreditur, skont it-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013, li, matul il-proċeduri għal eżekuzzjoni, jaġġusta r-rata ta’ interessi moratorji sabiex tkun inqas mil-limitu statutorju għall-interessi moratorji li jistgħu jiġu rkuprati permezz tal-eżekuzzjoni ta’ ipoteka — bla ħsara għal ċerti rekwiżiti — tidher, fil-fatt, li hija separata għalkollox mill-kwistjoni jekk hijiex ġusta jew le l-klawżola kuntrattwali li hija l-bażi tal-proċedura għal eżekuzzjoni. Il-kliem stess ta’ dik id-dispożizzjoni jissuġġerixxi li tapplika għal klawżoli kuntrattwali kemm ġusti kif ukoll inġusti.

37.      Bl-istess mod, jidher ukoll li t-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 tapplika għal klawżoli kuntrattwali li n-natura ġusta tagħhom ma tistax tkun suġġetta għal stħarriġ fid-dawl tad-Direttiva 93/13. Pereżempju, il-Liġi Nru 1/2013 tidher li tapplika għal klawżoli li ġew innegozjati individwalment u li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva kif iddeterminat mill-Artikolu 3(1) tagħha. It-tieni nett, jekk wieħed jassumi li l-ħlas ta’ interessi moratorji — bħala tip wieħed ta’ interessi — jista’ jiġi kkaratterizzat bħala wieħed mill-obbligi essenzjali ta’ self ipotekarju billi jifforma parti mill-quid pro quo għal-linja ta’ kreditu mogħtija (19), in-natura ġusta ta’ klawżola li tirregola interessi moratorji f’kuntratt ta’ kreditu mal-konsumatur tkun eżenti minn stħarriġ fid-dawl tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva (sakemm tkun abbozzata bi kliem ċar u intelliġibbli). Fiż-żewġ sitwazzjonijiet deskritti hawn fuq, wieħed ma jistax jibbaża ruħu teoretikament fuq id-Direttiva sabiex jikkontesta l-klawżola ta’ interessi moratorji. Irrispettivament minn dan, l-ammont ta’ interessi moratorji li għalih l-ipoteka sservi ta’ garanzija, u li għalhekk tista’ tiġi rkuprata fil-kuntest ta’ proċeduri għal eżekuzzjoni, għad jista’ jiġi aġġustat skont it-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013, fil-każ fejn ir-rata applikata għal tali interessi moratorji taqbeż il-limitu statutorju.

38.      Dan in-nuqqas ta’ immedjatezza bejn it-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 u d-Direttiva 93/13 isir iktar apparenti peress li l-Liġi ipotekarja u, b’mod partikolari, it-tielet sentenza tal-Artikolu 114 tagħha — li għaliha tirreferi t-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 — tapplika biss għal ċerti rati ta’ interessi fil-kuntest ta’ proċeduri għall-eżekuzzjoni ta’ ipoteka, kemm jekk min jislef huwa kummerċjant u d-debitur huwa konsumatur kemm jekk dawn ma jkunux. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/13, id-Direttiva tapplika b’mod orizzontali għat-tipi kollha ta’ kuntratti, sakemm ikunu ġew konklużi bejn konsumatur u kummerċjant.

39.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol jiddikjara b’mod iktar speċifiku f’dan ir-rigward li l-għan tat-tielet sentenza tal-Artikolu 114 tal-Liġi ipotekarja u, bl-istess mod, tat-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013, huwa li jiġi limitat l-ammont massimu ggarantit bil-proprjetà ipotekata sabiex tiġi limitata l-estensjoni tal-obbligi kuntrattwali li jistgħu jagħtu lok għal proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ ipoteka fil-konfront ta’ terzi. Il-limitu li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq l-interessi moratorji li jistgħu jiġu rkuprati, li ma jistgħux ikunu ogħla minn tliet darbiet ir-rata ta’ interessi statutorja u jistgħu jiddekorru biss fuq il-kapital li jkun għadu dovut, japplika għal self ipotekarju fuq ir-residenza prinċipali tad-debitur. Waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol ikkonferma li dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw biss l-ammont ta’ interessi moratorji fir-rigward tal-proprjetà ipotekata, bl-esklużjoni tal-bqija tal-assi tad-debitur, li fir-rigward tagħhom il-kreditur jista’ xorta jitlob ir-rimbors sħiħ tal-ammont li jkun għadu dovut skont l-Artikolu 1911 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ dak il-gvern, jidhirli li t-tielet sentenza tal-Artikolu 114 tal-Liġi ipotekarja u, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet tranżitorji, it-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 fil-fatt ma jirregolawx ir-rata ta’ interessi moratorji bħala tali, li tibqa’ sempliċiment kwistjoni kuntrattwali, imma jiffissaw biss limitu għall-ammont ta’ interessi moratorji li jista’ jiġi rkuprat permezz tal-eżekuzzjoni ta’ ipoteka. Għaldaqstant, min jislef jista’ xorta jitlob ir-rimbors sħiħ ta’ kwalunkwe ammont li jkun għadu dovut mill-assi l-oħrajn tad-debitur. Jekk din hija interpretazzjoni korretta tad-dritt Spanjol — ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika — ma narax kif dawn id-dispożizzjonijiet għandhom xi rabta mad-drittijiet li l-konsumaturi jgawdu bis-saħħa tad-Direttiva 93/13, u wisq inqas kif jistgħu jirrestrinġuhom.

40.      Naturalment jista’ jiġi argumentat li r-rata massima ta’ interessi moratorji għal self ipotekarju, stabbilita fit-tielet sentenza tal-Artikolu 114 tal-Liġi ipotekarja — u, bl-istess mod, fit-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 — b’xi mod “tniġġeż” l-evalwazzjoni jekk rata ta’ interessi partikolari hijiex ġusta jew le skont id-Direttiva 93/13, sa fejn tista’ tiġi interpretata li tawtorizza approċċ fejn ir-rati ta’ interessi moratorji kollha inqas minn jew ugwali għal tliet darbiet ir-rata ta’ interessi statutorja jistgħu jitqiesu ġusti u, bil-maqlub, dawk kollha ’l fuq minn dan il-limitu ma jkunux ġusti (20). Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li t-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 “impliċitament” tobbliga lill-qrati Spanjoli jemendaw klawżola dwar l-interessi moratorji li titqies inġusta. Madankollu, ma tispjegax għaliex dan l-obbligu huwa impliċitu. Se nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin dwar dan il-punt.

41.      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-merkanzija jew tas-servizzi li għalihom ikun ġie konkluż il-kuntratt u jsir riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha li fihom ikun ġie konkluż il-kuntratt. Minn dan isegwi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-konsegwenzi tal-klawżola skont il-liġi applikabbli għall-kuntratt, u dan ifisser li jeħtieġ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali (21).

42.      F’dan ir-rigward, għalkemm it-tielet sentenza tal-Artikolu 114 tal-Liġi ipotekarja u, fir-rigward tal-perijodu tranżitorju, it-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 tillimita, fil-kuntest ta’ proċeduri għal eżekuzzjoni, l-ammont ta’ interessi moratorji li jista’ jiġi rkuprat permezz tal-eżekuzzjoni ta’ ipoteka għal tliet darbiet ir-rata ta’ interessi statutorja, dan la jfisser li kwalunkwe rata kuntrattwali ogħla tkun awtomatikament inġusta skont id-direttiva, u lanqas li kwalunkwe rata iktar baxxa hija awtomatikament ġusta. Ma hemmx regola tad-deheb dwar meta klawżola li tistabbilixxi rata ta’ interessi moratorji tikkwalifika awtomatikament bħala inġusta. Ir-rati ta’ interessi massimi stabbiliti f’qasam partikolari tad-dritt nazzjonali huma biss wieħed mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Jidher ċar li huwa sempliċement impossibbli li tiġi adottata pożizzjoni informata dwar in-natura ġusta ta’ klawżola ta’ interessi moratorji billi sempliċement titqabbel ma’ multiplu tar-rata ta’ interessi statutorja. Dan jidher ċar ukoll mill-punt (e) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 (22), li jispeċifika li “jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens” (korsiv miżjud minni), billi minnha nnifisha, evalwazzjoni każ b’każ biss tista’ tiddetermina jekk il-kumpens huwiex proporzjonat f’sitwazzjoni partikolari. F’dan ir-rigward, jidhirli li l-evalwazzjoni tan-natura ġusta ta’ rata ta’ interessi moratorji f’kuntratt ta’ kreditu (jekk, għal darb’oħra, wieħed jassumi li dawn l-interessi ma jiffurmawx parti mill-essentialia negotii jew ikunu eżenti mod ieħor mill-istħarriġ) ikollha bħala punt ta’ tluq is-somma mislufa u l-perijodu tas-self, li jistgħu jvarjaw minn kuntratt għal ieħor. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, din l-evalwazzjoni ma hijiex kwistjoni li għandha tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja imma pjuttost il-qrati nazzjonali, li qegħdin f’pożizzjoni aħjar biex jgħarblu ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti ta’ kull każ partikolari u jkunu jafu perfettament is-sistema ġeneralment applikabbli skont id-dritt nazzjonali (23).

43.      Fi kwalunkwe każ, jekk għall-grazzja tal-argument, kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur jistipula rata ta’ interessi moratorji li tkun inqas minn tliet darbiet ir-rata ta’ interessi moratorji statutorji imma li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi, tidher li hija inġusta skont id-Direttiva 93/13, ma hemm ebda dubju li l-Artikolu 6 tad-Direttiva jipprekludi s-sostituzzjoni ta’ din ir-rata ta’ interessi moratorji kuntrattwali inġusta b’rata iktar baxxa u għalhekk aktarx inqas abbużiva, stabbilita mid-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li qorti Spanjola hija prekluża milli teskludi klawżola inġusta kollha kemm hi skont l-Artikolu 561(1)(3) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili. Restrizzjoni f’dan is-sens tidher li teħtieġ, tal-inqas, li tingħata prijorità lit-tielet sentenza tal-Artikolu 114 tal-Liġi ipotekarja — u, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet tranżitorji, lit-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013 — fuq l-Artikolu 561(1)(3) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili. Madankollu, ma hemm xejn fid-deċiżjonijiet tar‑rinviju li jissuġġerixxi li d-dritt Spanjol għandu jiġi interpretat b’dan il-mod. Għall-kuntrarju, il-Gvern Spanjol jiddikjara li huwa biss meta jiġi deċiż li klawżola kuntrattwali ma hijiex inġusta li, bħala miżura supplimentari għall-protezzjoni tar-residenza prinċipali, japplika l-limitu stabbilit mit-tielet sentenza tal-Artikolu 114 tal-Liġi ipotekarja — u, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet tranżitorji, mit-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013. Naturalment dan huwa suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li hija biss tibqa’ kompetenti biex tinterpreta d-dritt nazzjonali. (24)

44.      Wara li għedt dan, meta tinterpreta d-dritt nazzjonali skont id-Direttiva 93/13, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-korp sħiħ ta’ dan id-dritt u tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali b’mod li jintlaħaq ir-riżultat li l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jfittex li jilħaq biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-konsumaturi jiġu protetti b’mod effettiv (25). Fil-fatt, jidhirli li l-mod kif il-Gvern Spanjol jinterpreta d-dritt Spanjol — billi jagħti prijorità lin-nuqqas ta’ applikazzjoni, bis-saħħa tad-direttiva, ta’ klawżola ta’ interessi moratorji inġusta fuq sempliċi aġġustament tar-rata ta’ interessi moratorji — huwa l-unika interpretazzjoni li tiżgura l-kompatibbiltà tal-Liġi Nru 1/2013 mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. Barra minn hekk, il-fehma espressa minn dan il-Gvern tissuġġerixxi wkoll li din l-interpretazzjoni hija tabilħaqq possibbli skont id-dritt Spanjol.

45.      Fil-qosor, jiena tal-fehma li d-Direttiva 93/13 ma tirrigwardax dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li skonthom għandhom jiġu aġġustati r-rati ta’ interessi moratorji għall-finijiet ta’ proċeduri għall-eżekuzzjoni ta’ ipoteka, fejn tali dispożizzjonijiet japplikaw irrispettivament min-natura ġusta tar-rata ta’ interessi inkwistjoni. Jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (bħat-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013) tillimita, fil-kuntest ta’ proċeduri għal eżekuzzjoni, l-ammont ta’ interessi moratorji li jista’ jiġi rkuprat permezz tal-eżekuzzjoni ta’ ipoteka, dan ikun ta’ benefiċċju għad-debituri ipotekarji kollha (u mhux neċessarjament għall-konsumaturi). Fir-rigward tal-konsumaturi, sa fejn tali dispożizzjoni tissupplimenta d-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva 93/13 — pereżempju, fir-rigward ta’ klawżoli li ma humiex inġusti jew li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva — din tiżguralhom protezzjoni aħjar, kif jinkoraġġixxi li jsir l-Artikolu 8 tad-Direttiva (26).

46.      Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, l-approċċ li jiena ħadt jista’ ma jkunx deċiżiv għall-eżitu tal-kawżi prinċipali. Mill-kontenut tad-deċiżjonijiet tar-rinviju, jidher li l-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li r-rati ta’ interessi moratorji marbuta mas-self ipotekarju inkwistjoni huma effettivament inġusti. Jekk, abbażi ta’ evalwazzjoni globali, hija tiddeċiedi li dan huwa l-każ, mir-risposta tiegħi għad-Domanda A iktar ’il fuq isegwi li l-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li l-konsumaturi ma jkunux marbutin b’dawn il-klawżoli, mingħajr ma timmodera r-rata nnifisha jew tissostitwiha b’rata stabbilita mill-leġiżlazzjoni Spanjola.

47.      Fl-aħħar nett, ħadt inkunsiderazzjoni l-fatt li, fi kliem id-Domanda C, qiegħed isir riferiment għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dawn il-prinċipji ma jidhirx li huma affettwati b’xi mod, u għalhekk ma hemmx bżonn ta’ iktar rimarki min-naħa tiegħi.

IV – Konklużjoni

48.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmulin mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción de Marchena (Spanja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur jobbliga lill-qrati nazzjonali jeskludu l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta bil-għan li din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, iżda ma jawtorizzahomx jirrevedu l-kontenut ta’ din il-klawżola. Il-kuntratt konkluż mal-konsumatur għandu jibqa’ jeżisti, bħala prinċipju, mingħajr l-ebda modifika oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont id-dritt nazzjonali, tali tkomplija tal-kuntratt tkun possibbli.

(2)      Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħat-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013, tal-14 ta’ Mejju 2013, li tistabbilixxi miżuri għat-tisħiħ tal-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kera soċjali (Ley 1/2013 de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social), li bis-saħħa tagħha kreditur li jfittex li jeżegwixxi, fuq il-bażi ta’ kuntratt ipotekarju li fih klawżola li tistabbilixxi interessi moratorji b’rata ogħla minn tliet darbiet ir-rata ta’ interessi statutorja, jista’ jaġġusta l-ammont ta’ interessi moratorji li jista’ jiġi rkuprat permezz tal-eżekuzzjoni ta’ ipoteka sabiex ma jaqbiżx dan il-limitu, hija kompatibbli mad-Direttiva 93/13 u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 6(1) tagħha, sa fejn l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-qrati nazzjonali skont din id-direttiva li jeskludu l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali inġusta fil-kuntratti mal-konsumatur bil-għan li din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, iżda mingħajr ma jiġi rrivedut il-kontenut tagħha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-korp sħiħ tad-dritt nazzjonali u tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


3 – C‑415/11, EU:C:2013:164.


4 – Liġi Nru 1/2013, tal-14 ta’ Mejju 2013, li tistabbilixxi miżuri għat-tisħiħ tal-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kera soċjali (Ley 1/2013 de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social), iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 1/2013”, BOE Nru 116, tal-15 ta’ Mejju 2013, p. 36373.


5 – Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099.


6 – Apparti din is-serje ta’ kawżi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, qed isir riferiment ukoll għal dawn il-kawżi pendenti: C‑548/13 Caixabank; C‑602/13 Banco Bilbao Vizcaya Argentaria; C‑75/14 Banco de Caja España de Inversiones, Salamanca y Soria; u C‑90/14 Banco Grupo Cajatres.


7 – BOE Nru 58 tas-7 ta’ Frar 1946, p. 1518.


8 – Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-Domanda A tirrigwarda l-poteri tal-qorti nazzjonali fir-rigward tal-klawżoli inġusti f’kuntratti ta’ self ipotekarju, filwaqt li d-Domandi B u C jirrigwardawhom indirettament b’mod li huwa marbut mat-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li d-Domandi B u C jiġu indirizzati flimkien. Il-Gvern Spanjol, min-naħa l-oħra, huwa tal-opinjoni li d-Domandi A u B it-tnejn jirrigwardaw il-kompatibbiltà mad-Direttiva 93/13 tal-emenda għall-Artikolu 114 tal-Liġi ipotekarja, filwaqt li d-Domanda C tirrigwarda ksur possibbli tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività mit-Tieni Dispożizzjoni Tranżitorja tal-Liġi Nru 1/2013. Għalhekk dak il-Gvern jipproponi li tingħata risposta konġunta għad-Domandi A u B. Il-banek it-tnejn li huma jsibu xebh fit-tliet domandi. Madankollu, filwaqt li Unicaja Banco jipprovdi risposta individwali għal kull waħda, Caixabank jissuġġerixxi li tingħata risposta waħda.


9 – C‑618/10, EU:C:2012:349.


10 – C‑488/11, EU:C:2013:341.


11 – C‑26/13, EU:C:2014:282.


12 – Ara s-sentenza Asbeek Brusse u de Man Garabito, EU:C:2013:341, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.


13 – Sentenza Asbeek Brusse u de Man Garabito, EU:C:2013:341, punt 59.


14 – EU:C:2014:282, punti 80 sa 85, u punt 3 fil-parti operattiva.


15 – L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi: “[i]l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji […] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”.


16 – Ara, C‑169/14, EU:C:2014:2110, punti 22 sa 28.


17 – C‑280/13, EU:C:2014:279, punti 40 u 42. F’dan is-sens ukoll, ara d-digriet tat-8 ta’ Novembru 2012 fil-Kawża SKP, C‑433/11, EU:C:2012:702, punti 32 sa 34, u s-sentenza Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punti 76 sa 80.


18 – Ara, inter alia, is-sentenza KGH Belgium, C‑351/11, EU:C:2012:699, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata.


19 – Ara fuq din il-kwistjoni l-Konklużjonijiet tiegħi f’Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:85, punti 58 sa 61.


20 – Fis-seduta, il-Gvern Spanjol irrefera għal dan bħala wieħed mill-effetti “kollaterali” jew “sekondarji” ta’ dawn id-dispożizzjonijiet; il-banek (forsi b’mod kemxejn sorprendenti) alludew ukoll għal dan l-effett.


21 – Digriet tat-3 ta’ April 2014, Sebestyén, C‑342/13, EU:C:2014:1857, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


22 – L-Anness tad-Direttiva 93/13 fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jitqiesu inġusti, ara wkoll, il-punt 31 u l-ġurispridenza ċċitata.


23 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Freiburger Kommunalbauten, C‑237/02, EU:C:2004:209, punti 22 u 25, u Kušionová, EU:C:2014:2189, punt 73.


24      Waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol iddikjara li, fil-mori tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem tal-Artikolu 83 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/2007, tas-16 ta’ Novembru 2007, li japprova l-verżjoni kkonsolidata tal-Liġi ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u liġijiet supplimentari oħra (Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias; BOE Nru 287 tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181) – li seta’ kien il-kawża tal-kwistjoni tal-kompetenza tal-qorti, skont id-dritt Spanjol, sabiex timmodera klawżola meqjusa inġusta – issa ġie emendat bil-Liġi Nru 3/2014 tas-27 ta’ Marzu 2014 (BOE Nru 76 tat-28 ta’ Marzu 2014). Din id-dispożizzjoni issa taqra kif ġej: “Klawżoli kuntrattwali inġusti għandhom ikunu awtomatikament nulli u għandhom jitqiesu li ma kinux jiffurmaw parti mill-kuntratt. Għal dan il-għan, wara li tkun semgħet lill-partijiet, il-qorti għandha tiddikjara li l-klawżoli inġusti tal-kuntratt ma għandhomx effett, filwaqt li l-partijiet jibqgħu madankollu marbuta bil-klawżoli tal-kuntratt jekk dan tal-aħħar ikun jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”


25 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 31. Ara wkoll is-sentenza Jőrös, C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 52, u s-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat-28 ta’ Awwissu 2014 fil-Kawża E‑25/13 Engilbertsson, punt 163.


26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punti 34 u 35.