Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta' Frar 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour de cassation - Franza) - Refcomp SpA vs Axa Corporate Solutions Assurance SA, Axa France IARD, Emerson Network, Climaveneta SpA

(C-543/10) 

(Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili - Ġurisdizzjoni f'materji ċivili u kummerċjali - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Interpretazzjoni tal-Artikolu 23 - Klawżola ta' ġurisdizzjoni li tinsab f'kuntratt konkluż bejn il-produttur u x-xerrej inizjali ta' beni - Kuntratt li jagħmel parti minn sensiela ta' kuntratti li jagħtu titolu ta' proprjetà - Possibbiltà li din il-klawżola tiġi invokata kontra s-subakkwirent tal-beni)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Refcomp SpA

Konvenuti: Axa Corporate Solutions Assurance SA, Axa France IARD, Emerson Network, Climaveneta SpA

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Cour de cassation - Interpretazzjoni tal-Artikoli 5(1) u 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta' Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) - Ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam kuntrattwali - Kawża bejn is-subakkwirent ta' oġġett u l-manifattur tiegħu - Portata tal-klawżola ta' ġurisdizzjoni fi ħdan sensiela Komunitarja ta' kuntratti

Dispożittiv

L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta' Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta' ġurisdizzjoni miftehma fil-kuntratt konkluż bejn il-produttur ta' prodott u x-xerrej ta' dan ma tistax tiġi opponuta mis-subakkwirent terz li, minħabba suċċessjoni ta' kuntratti li jagħtu titolu ta' proprjetà konklużi bejn partijiet stabbiliti fi Stati Membri differenti, kiseb dan il-prodott u jrid iressaq kawża għad-danni fir-rigward tal-produttur, ħlief jekk ġie stabbilit li dan it-terz ta l-kunsens effettiv tiegħu fir-rigward tal-imsemmija klawżola fil-kundizzjonijiet imsemmija f'dan l-artikolu.

____________

1 - ĠU C 46, 12.02.2011.