Rikors ippreżentat fit-2 ta' April 2010 - Franza vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-154/10)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues, B. Beaupère-Manokha u J. Gstalter, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni C(2010) 133 finali tal-Kummissjoni, tas-26 ta' Jannar 2010, li tiddikjara bħala għanuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern il-garanzija impliċita illimitata favur La Poste li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż dwar il-konsegwenzi legali tal-istatus tagħha ta' persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, assimilata ma' entità pubblika ta' natura industrijali u kummerċjali (Għajnuna mill-Istat Nru C 56/2007 [ex E 15/2005]).
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi bbażati:
fuq żball ta' liġi, inkwantu l-Kummissjoni ma stabbilixxietx kif mitlub mil-liġi l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma osservatx ir-regoli li jirregolaw il-prova fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kemm fir-rigward tal-oneru tal-prova kif ukoll fuq il-livell tal-prova;
fuq żbalji ta' fatt u ta' liġi, inkwantu l-Kummissjoni kienet ikkonstatat l-eżistenza ta' garanzija impliċita illimitata favur La Poste;
fuq ksur tal-kunċett ta' vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni kienet żbaljatament ikkonkludiet li l-eżistenza ta' garanzija kienet toħloq vantaġġ favur La Poste u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet żbaljatament ikkunsidrat li l-evalwazzjoni pożittiva ta' La Poste kienet dovuta għall-eżistenza tal-allegata garanzija.
____________