KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2017 (1)

Kawża C-267/16

Albert Buhagiar,

Wayne Piri,

Stephanie Piri,

Arthur Taylor,

Henry Bonifacio,

Colin Tomlinson,

Darren Sheriff,

vs

The Hon. Gilbert Licudi QC MP Minister for Justice

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of Gibraltar (qorti suprema ta’ Ġibiltà, ir-Renju Unit)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni ‑ Kunċett ta’ qorti jew tribunal ta’ Stat Membru – Ġibiltà – Artikolu 29 tal-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju Unit – Unjoni tad-Dwana – Direttiva dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi – Direttiva 91/477 – Interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar sportiv – Pass Ewropew tal-armi tan-nar – Moviment liberu tal-merkanzija – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Moviment liberu tal-persuni”






I.      Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, is-Supreme Court of Gibraltar (qorti suprema ta’ Ġibiltà) għamlet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1991, dwar il‑kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi (2), kif emendata bid‑Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑21 ta’ Mejju 2008 (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/477”), tapplikax għat-territorju ta’ Ġibiltà.

2.        B’mod iktar speċifiku, fid-dawl tal-istatus partikolari ta’ Ġibiltà, li huwa eskluż mit-territorju doganali tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minkejja l-fatt li d-Direttiva 91/477 tidher li taqa’ taħt ir-regoli tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kummerċ ta’ merkanzija u għalhekk ma għandhiex tapplika għal Ġibiltà, xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ din id‑Direttiva, li jikkonċernaw il-Pass Ewropew tal-armi tan-nar (iktar ’il quddiem il-“Pass”) li ngħata lill-kaċċaturi u lid-dilettanti tal-isparar sportiv, li jġorru l-armi tagħhom, għall-finijiet ta’ vjaġġi f’diversi Stati Membri, jistgħu madankollu jidhru applikabbli għal Ġibiltà.

3.        Kif ser nispjega f’dawn il-konklużjonijiet, inqis li dan ma huwiex il-każ.

II.    Il-kuntest ġuridiku

4.        Skont l-Artikolu 355 TFUE:

“Barra mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3.      Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhom japplikaw għal territorji Ewropej li r-relazzjonijiet barranin tagħhom huma r-responsabbiltà ta’ Stat Membru.

[…]”

5.        L-Artikolu 28 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar‑Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-aġġustamenti għat-Trattati (4) (iktar ’il quddiem l‑“Att ta’ Adeżjoni tal-1972”) jipprovdi:

“L-atti tal-istituzzjonijiet tal-[Unjoni Ewropea] dwar il-prodotti elenkati fl Anness II li jinsab mat-Trattat tal-KEE u l-prodotti suġġetti, mal-importazzjoni tagħhom fil-Komunità, għal regoli speċifiċi bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komunitarja, kif ukoll l-atti dwar l-armonizzazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat, ma japplikawx għal Ġibiltà, sakemm il-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, ma jipprovdix xorta oħra.”

6.        Skont l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, meħud flimkien mal-paragrafu 4 tat-Taqsima I tal‑Anness I ta’ dan l-Att, Ġibiltà hija eskluża mit-territorju doganali tal-Komunità.

7.        Skont il-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ premessi tad-Direttiva 91/477:

“Billi […] fil-white paper tagħha […] il-Kummissjoni qalet illi l‑abolizzjoni tal-kontrolli fuq is-sigurtà ta’ l-oġġetti ttrasportati u fuq il‑persuni teħtieġ fost affarijiet oħra, l-approssimazzjoni tal-liġijiet dwar l-armi;

billi l-abolizzjoni tal-kontrolli dwar il-pussess ta’ l-armi fil-fruntieri interni tal-Kommunità tirrikjedi li jiġu adottati regoli effettivi li jippermettu li jsiru l-kontrolli fl-Istati Membri dwar l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar u dwar it-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor […];

billi l-kunfidenza reċiproka fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà tal‑persuni li dawn ir-regoli għandhom ikattru bejn l-Istati Membri tkun akbar jekk ir-regoli jkunu bbażati fuq liġijiet parzjalment armonizzati; billi għaldaqstant ikun utli li wieħed jiddetermina l-kategoriji ta’ armi tan-nar li l-akkwist u l-pussess tagħhom minn persuni privati huwa pprojbit, jew suġġett għall-awtorizzazzjoni jew għal dikjarazzjoni;

billi in prinċipju m’għandux ikun permess li wieħed imur minn Stat Membru għall-ieħor meta jkollu fuqu arma; billi deroga minn dan hija biss aċċettabli jekk tiġi adottata proċedura li biha l-Istati Membri jiġu nnotifikati li arma tan-nar ser tinġieb fit-territorju tagħhom;

billi, madanakollu, għandhom jiġu adottati regoli aktar flessibli dwar il-kaċċa u l-isparar fuq bersalji sabiex jiġi evitat t-tfixkil aktar minn dak li hemm bżonn għall-moviment liberu tal-persuni”.

8.        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/477:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘arma tan-nar’ tfisser kwalunkwe arma bil-kanna li tista’ tinġarr, li tispara, li hija mfassla biex tispara jew li tista’ tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili permezz ta’ l-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, sakemm ma tkunx eskluża minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fit-taqsima III ta’ l-Anness I. L-armi tan-nar huma kklassifikati fit-taqsima II ta’ l-Anness I.

[…]”

9.        Skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 91/477:

“Il-Pass […] għandu jinħareġ fuq talba mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru lil persuna li b’mod legali tikseb pussess ta’ arma tan-nar u tużaha. Għandu jkun validu għal perjodu massimu ta’ ħames snin, li jista’ jiġi estiż, u li għandu jkun fih l-informazzjoni stipulata fl-Anness II. M’għandux ikun trasferibbli u għandu jirreġistra l-arma tan-nar jew l-armi tan-nar fil-pussess tad-detentur tal-Pass użati minnu in konnessjoni miegħu. Irid dejjem ikun fil-pussess tal-persuna li tkun qed tuża l-arma tan-nar u kwalunkwe bidla fil-pussess jew fil-karatteristiċi ta’ l-armi tan-nar, kif ukoll is-serq jew it-telf tagħhom, għandhom jiġu indikati fuq il-Pass.”

10.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/477 jipprevedi:

“Fil-liġi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet li huma aktar strinġenti minn dawk ipprovduti f’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet mogħtija lir-residenti ta’ l-Istati Membri fl‑Artikolu 12(2).”

11.      L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 91/477 jipprevedi:

“3.      Kemm-il darba Stat Membru jipprojbixxi jew jagħmel l-akkwist u l-pussess ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategoriji B, Ċ jew D, fit-territorju tiegħu soġġetta għall-awtorizzazzjoni, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra, li għandhom espressament jinkludu dikjarazzjoni f’dan is-sens f’kull pass […] li huma joħorġu għal din l-arma tan-nar, taħt l-Artikolu 12(2).”

12.      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 91/477 jipprevedi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, l-armi tan-nar jistgħu jiġu biss ittrasferiti minn Stat Membru għall-ieħor skond il-proċedura stabbilit fil-paragrafi li ġejjin. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għat‑trasferimenti ta’ armi tan-nar wara li dawn ikunu nbiegħu permezz ta’ ordni bil-posta.”

13.      Skont l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 91/477:

“1.      Kemm-il darba l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11 ma tiġix segwita, il-pussess ta’ l-arma tan-nar matul il-vjaġġ bejn żewġ Stati Membri jew aktar, m’għandux jitħalla sakemm il-persuna interessata ma tkunx ġabet l-awtorizzazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri kollha.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu din l-awtorizzazzjoni għal vjaġġ wieħed jew aktar għal żmien massimu ta’ sena, bil-possibilità ta’ tiġdid. Dawn l‑awtorizzazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fil-pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar, li l-vjaġġatur għandu jippreżenta kull meta hekk rikjest mill‑awtoritatjiet ta’ l-Istati Membri.

2.      Minkejja l-paragrafu 1, il-kaċċaturi, fil-każ tal-kategoriji C u D, u t-tiraturi, fil-każ tal-kategoriji B, C u D, jistgħu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ikunu fil-pussess ta’ arma tan-nar waħda jew aktar waqt vjaġġ minn ġewwa żewġ Stati Membri jew aktar bil-għan li jipprattikaw l-attivitajiet tagħhom, sakemm ikunu fil-pussess ta’ Pass […] li fuqu jkunu mniżżlin tali arma jew armi u sakemm ikunu jistgħu jissostanzjaw ir-raġunijiet tal-vjaġġ tagħhom, b’mod partikulari billi jippreżentaw invit jew prova oħra ta’ l-attivitajiet tagħhom tal-kaċċa jew ta’ l-isparar fuq bersall fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

L-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu l-aċċettazzjoni ta’ [Pass] fuq kondizzjoni ta’ pagament ta’ kwalunkwe miżata jew ħlas.

Madankollu din id-deroga ma tapplikax għal vjaġġi lejn Stat Membru li jipprojbixxi l-akkwist u l-pussess ta’ l-arma tan-nar in kwistjoni jew li taħt l-Artikolu 8(3), jirrekjedi awtorizzazzjoni; f’dan il-każ għandha ssir dikjarazzjoni apposta fuq il-Pass […].

[…]”

14.      L-Anness I tad-Direttiva 91/447 jinkludi d-definizzjoni tal-armi tan-nar, li huma kklassifikati kif ġej: Kategorija A - Armi tan-nar ipprojbiti, Kategorija B - armi tan-nar suġġetti għall-awtorizzazzjoni, Kategorija Ċ - armi tan-nar suġġetti għal dikjarazzjoni, u Kategorija D - Armi tan-nar oħra.

15.      L-Anness II jispeċifika l-annotazzjonijiet li l-Pass għandu jipprevedi. Dan l-anness fil-punt (f) jipprevedi:

“Id-dritt li wieħed jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor b’arma tan-nar jew aktar tal-kategoriji B, Ċ jew D msemmija f’dan il-pass huma soġġetti għall-awtorizzazzjoni/jiet korrispondenti minn qabel mill-Istat Membru taż-żjara. Din jew dawn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jitniżżlu fuq il-pass.

Fil-prinċipju m’hemmx bżonn ta’ l-awtorizzazzjoni minn qabel fuq imsemmija sabiex wieħed jivvjaġġa b’arma tan-nar fil-kategorija Ċ jew D bi ħsieb li jipprattika l-kaċċa jew b’arma tan-nar tal-kategorija B, Ċ jew D sabiex jieħu sehem fi sparar fuq bersalji, sakemm il-vjaġġatur ikollu fil-pussess tiegħu pass għall-arma tan-nar u jista’ jagħti r-raġuni għall-vjaġġ.

Fejn Stat Membru jinforma lill-Istati Membri l-oħra skond l-Artikolu 8(3), li l-pussess ta’ ċerti armi tan-nar tal-kategoriji B, Ċ jew D huwa pprojbit jew soġġett għall-awtorizzazzjoni, għandu jagħmel ukoll waħda mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

‘Vjaġġ lejn … (Stat(i) interessat/i) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) huwa pprojbit.’

‘Vjaġġ lejn … (Stat(i) interessat/i) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) huwa soġġett għall-awtorizzazzjoni’.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kollha membri tal‑assoċjazzjoni tal-isparar sportiv Gibraltar Target Shooting Association. Fid-19 ta’ Mejju 2015, Albert Buhagiar, president tal‑imsemmija assoċjazzjoni, bagħat ittra lill-konvenut, il-Ministru tal‑Ġustizzja ta’ Ġibiltà (iktar ’il quddiem il-“Ministru tal-Ġustizzja”), jitlob li jinħareġ pass għal kull rikorrent fil-kawża prinċipali.

17.      Fit-2 ta’ Ġunju 2015, il-Ministru tal-Ġustizzja wieġeb li, minħabba l-pożizzjoni kemm tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll tal‑Gvern tar-Renju Unit li d-Direttiva 91/477 ma tapplikax għal Ġibiltà, il-Gvern ta’ Ġibiltà kien iddeċieda li ma jittrasponix din id-direttiva. Konsegwentement, il-Ministru tal-Ġustizzja ma setax jagħti l-pass mitlub lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Wara dan ir-rifjut, dawn tal-aħħar resqu quddiem il-qorti tar-rinviju.

18.      Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont l-Artikolu 355(3) TFUE, id‑dritt tal-Unjoni huwa applikabbli b’mod sħiħ għal Ġibiltà, ħlief fir‑rigward tal-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikoli 28 sa 30 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972. L-Artikolu 29 ta’ dan l-Att, flimkien mal-punt 4 tat-Taqsima I tal-Anness I tal-imsemmi Att, jispeċifika li Ġibiltà hija eskluża mit-territorju doganali komuni tal-Unjoni.

19.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet spjegat l‑effetti ta’ din l-esklużjoni fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-30/01, EU:C:2003:489, punt 59), li fiha indikat li l-applikazzjoni tad-Direttivi li għandhom bħala bażi legali l-Artikoli 114 u 115 TFUE, u li għandhom bħala għan prinċipali l-moviment ħieles tal-merkanzija, hija eskluża fuq it-territorju ta’ Ġibiltà.

20.      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw argumenti ġodda.

21.      L-ewwel nett, huma jallegaw li, fid-dawl tal-għan tad-derogi previsti mill-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 kif ukoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni ristretta tal-eċċezzjonijiet, l-atti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment ħieles tal-merkanzija li ma jikkompromettux l-għan tad‑derogi previsti bl-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 għandhom japplikaw għal Ġibiltà. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dan għandu jkun il-każ għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar il-pass u intiżi sabiex minnhom jibbenefikaw il-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar sportiv. Dan il-pass jingħata għall-għanijiet esklużivi ta’ vjaġġi lejn u mill-Istati Membri, għall-parteċipazzjoni f’avvenimenti sportivi mingħajr ma jimplika tranżazzjoni kummerċjali tal-merkanzija inkwistjoni.

22.      It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li d‑dispożizzjonijiet dwar il-pass jaqgħu taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Bħala tali, dawn huma applikabbli għal Ġibiltà u għandhom għalhekk jiġu trasposti f’dan it-territorju. In-nuqqas ta’ tali traspożizzjoni joħloq diskriminazzjoni, skont l-Artikolu 56 TFUE, fir-rigward tal-kaċċaturi u tad-dilettanti tal-isparar sportiv residenti f’Ġibiltà, li għandhom ibatu spejjeż amministrattivi addizzjonali meta jivvjaġġaw fl-Unjoni bl-armi tan-nar tagħhom meta jipparteċipaw f’avvenimenti u f’kompetizzjonijiet tal-kaċċa jew tal-isparar. Fil-fatt, dawn l-armi tan-nar ma humiex merkanzija fil-kuntest kummerċjali, iżda tagħmir sportiv neċessarju għall-attività tagħhom.

23.      Fl-aħħar nett, u sussidjarjament, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-validità tad-Direttiva 91/477. Huma jallegaw li d‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar il-pass jikkonċernaw il‑moviment liberu tal-persuni. Dan kien ikkonfermat mis-seba’ premessa ta’ din id-Direttiva. Konsegwentement, id-Direttiva msemmija hija bbażata fuq bażi legali żbaljata. Fil-fatt, id-Direttiva hija bbażata fuq l-Artikolu 100 A tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea [li sar l-Artikolu 95(1) KE, issa l-Artikolu 114 TFUE], filwaqt li l-Artikolu 100 A(2) tat-Trattat KEE jeskludi l-possibbiltà ta’ adozzjoni ta’ atti dwar il-moviment liberu tal-persuni.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Jekk id-dispożizzjonijiet tal-Pass […] fid-Direttiva[91/477] […] jikkonċernaw biss il-moviment liberu tal-merkanzija, jistgħu, madankollu, japplikaw għal Ġibiltà fuq il-bażi li ma humiex tranżazzjonijiet kummerċjali jew tan-negozju u, għalhekk, jaqgħu barra mill-portata tad-derogi mogħtija lil Ġibiltà taħt l-Att ta’ Adeżjoni tal‑1972?

2.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [91/477] dwar il-[Pass], fir-rigward ta’ kaċċaturi u tiraturi fuq bersalji, għandhom japplikaw għal Ġibiltà minħabba li jikkonċernaw il-moviment liberu tas-servizzi?

3.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [91/477] dwar il-[Pass], fir-rigward ta’ kaċċaturi u tiraturi fuq bersalji, huma invalidi minħabba li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-persuni u, għalhekk, ġew adottati fuq il-bażi legali żbaljata?”

25.      Dwar dawn id-domandi saru osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-Ministru tal-Ġustizzja, tal-Gvern tar-Renju Unit, tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ikkonċernati nstemgħu wkoll fit-trattazzjonijiet tagħhom fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2017.

IV.    Dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

26.      Din hija l-ewwel darba li saret talba għal deċiżjoni preliminari lill‑Qorti tal-Ġustizzja mill-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà. Minkejja l-istatus partikolari ta’ Ġibiltà fil-liġi tal-Unjoni, la l-qorti tar-rinviju u lanqas il‑partijiet ikkonċernati ma esprimew dubju dwar il-kwalità ta’ qorti, skont l‑Artikolu 267 TFUE, tal-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà.

27.      Jiena naqbel ukoll ma’ din l-opinjoni.

28.      Qabel kollox, hu ċar li d-dispożizzjonijiet tat-trattati japplikaw għal Ġibiltà skont l-Artikolu 355(3) TFUE, sa fejn ir-Renju Unit jassumi r-relazzjonijiet esterni ta’ dan it-territorju Ewropew.

29.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1(3) tal‑Att ta’ Adeżjoni tal-1972, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-setgħat u l-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet japplikaw fir-rigward ta’ dan it-trattat. Għalhekk, il-kompetenza tad-deċiżjoni preliminari mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-Artikolu 267 TFUE testendi ruħha għall-Att ta’ Adeżjoni tal-1972. (5)

30.      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kwalità ta’ qorti, skont l-Artikolu 267 TFUE, għal korpi ġudizzjarji ta’ territorji Ewropej oħra rregolati mill-paragrafi differenti tal‑Artikolu 355 TFUE. Huwa għalhekk li, fir-rigward tal-gżejjer Channel u l-gżira ta’ Man, li għalihom l-Artikolu 355(5)(c) TFUE jispjega li d‑dispożizzjonijiet tat-Trattati huma applikabbli fil-konfront tagħhom biss fejn hu meħtieġ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-iskema prevista għal dawn il-gżejjer bl-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, il-Qorti tal‑Ġustizzja aċċettat li l-qrati stabbiliti fuq dawn it-territorji huma awtorizzati jirreferu domandi preliminari bl-għan li tkun żgurata l-implementazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif applikabbli għal dawn it-territorji (6). Dan l-approċċ ġie kkonfermat, b’mod impliċitu, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmul minn qorti tal-gżejjer Åland, li dwarhom huwa magħruf li l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fuq dan it-territorju tar-Repubblika tal-Finlandja, hija rregolata skont l‑Artikolu 355(4) TFUE (7).

31.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf sa fejn id‑Direttiva 91/477 tista’ tiġi applikata fuq it-territorju ta’ Ġibiltà, fid-dawl tal-istatus ta’ din tal-aħħar.

32.      Huwa ċar li din il-kwistjoni tolqot l-implementazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għaldaqstant, inqis li l-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà għandha titqies bħala qorti li għandha s-setgħa li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l‑Artikolu 267 TFUE.

V.      Dwar id-domandi preliminari

33.      L-Artikolu 355(3) TFUE jestendi l-applikabbiltà tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju ta’ Ġibiltà, mingħajr preġudizzju għall‑esklużjonijiet espressament stabbiliti bl-Att ta’ Adeżjoni tal-1972.

34.      Dawn l-esklużjonijiet jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (8) iżda mhux dawk relatati mal-moviment liberu tas-servizzi (9) u lanqas mal-moviment liberu tal-persuni.

35.      Kif jirriżulta mill-motivazzjoni tad-digriet tar-rinviju u mill-kliem tad-domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex dubju li d‑Direttiva 91/477 taqa’, tal-anqas prinċiparjament, taħt il-moviment liberu tal-merkanzija, liema ħaġa, a priori, għandha twassal għall‑inapplikabbiltà tagħha fit-territorju ta’ Ġibiltà, skont l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972.

36.      Naqbel perfettament mall-premessa tar-raġunament tal-qorti tar-rinviju li d-Direttiva 91/477 taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

37.      Din l-interpretazzjoni tirriżulta diġà mill-konstatazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja li saru fis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman (C-543/12, EU:C:2014:2143). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu, tas-sistema u tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 91/477, li dan l-Att introduċa leġiżlazzjoni effettiva li tiżgura l-armonizzazzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet amministrattivi dwar l-akkwist tal-armi tan-nar, iż-żamma tagħhom u l-moviment transkonfinali tagħhom (10). Għalhekk, dan huwa strument dwar il-kontroll u l-moviment tal-armi tan-nar, inkwantu dawn tal-aħħar jaqgħu taħt il-kategorija tal-merkanzija.

38.      Madankollu din il-konstatazzjoni ma tweġibx id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

39.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, sa fejn l‑Artikolu 12(2) ta’ din id-Direttiva, li jittratta l-proċedura dwar id‑detenzjoni tal-armi tan-nar waqt vjaġġi bejn żewġ jew diversi Stati Membri minn kaċċaturi jew dilettanti tal-isparar sportiv fil-pussess tal‑pass, jista’ madankollu jiġi distint min-natura ġenerali tad-Direttiva 91/477 bħala strument marbut mal-moviment liberu tal‑merkanzija u, konsegwentement, jiġi applikat għat-territorju ta’ Ġibiltà. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra tlett ipoteżi distinti.

40.      L-ewwel waħda hi li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 12(2) tad‑Direttiva 91/477 jistax jevita l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 29 tal‑Att ta’ Adeżjoni tal-1972 għar-raġuni li dan l-aħħar artikolu għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u li l-miżuri li jinvolvu tranżazzjonijiet jew skambji kummerċjali biss ma japplikawx għal Ġibiltà. Din l‑ipoteżi hija bbażata fuq il-premessa li l-proċedura rregolata mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 ma tinvolvix skambji kummerċjali jew tranżazzjonijiet bħal dawn.

41.      It-tieni u t-tielet ipoteżi ‐ li jikkorrispondu rispettivament mat‑tieni u mat-tielet domandi preliminari ‐ jaqgħu taħt alternattivi sussidjarji. Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l‑Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 jistax jaqa’ taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, għaldaqstant, jistax jiġi applikat għat-territorju ta’ Ġibiltà. Min-naħa l-oħra, filwaqt li d-domanda tagħha saret fid-dawl tal‑validità tad-Direttiva 91/477, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 jaqax taħt il‑moviment liberu tal-persuni u xi jkunu l-konsegwenzi ta’ dan.

42.      L-ebda waħda minn dawn l-ipoteżi ma tikkonvinċini.

43.      Biex jitwieġbu t-tliet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, inqis li qabel kollox għandha tiġi eżaminata n‑natura tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar il-pass, b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) tagħha. Dan l-eżami jippermetti li jitwieġbu t-tieni u t-tielet domandi preliminari, peress li l-Artikolu 12(2) tad‑Direttiva 91/477 isegwi għan doppju, fejn dak prinċipali huwa marbut mal‑moviment tal-merkanzija. Wara, għandha titwieġeb l-ewwel domanda preliminari li tistaqsi, fir-rigward ta’ interpretazzjoni ristretta tal‑Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, jekk il-moviment liberu tal‑merkanzija għandux portata ristretta fir-relazzjonijiet ma’ Ġibiltà. Diġà indikajt li din l-ipoteżi għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi eskluża. Finalment, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi u tikkunsidra li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 isegwi żewġ għanijiet (moviment liberu tal-merkanzija u moviment liberu tal-persuni) mingħajr ma waħda tieħu preċedenza fuq l-oħra, ser nagħmel ftit rimarki, sussidjarjament, fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu minn tali approċċ fil-kawża prinċipali.

A.      Dwar in-natura tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 u dwar ilmoviment liberu tas-servizzi jew tal-persuni

44.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, essenzjalment, li l‑Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 jagħmel parti minn għan awtonomu meta mqabbel ma’ dak tal-moviment liberu tal-merkanzija. L-ewwel nett, dan l-artikolu għandu għan wieħed, li jiffaċilita l-vjaġġ tal-kaċċaturi u tad-dilettanti tal-isparar sportiv fil-pussess tal-arma tan-nar tagħhom, sabiex jippermettilhom li jipprovdu u li jirċievu s-servizzi fl-Unjoni. It‑tieni nett, u alternattivament, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 għandu bħala għan li jiffaċilita l-moviment tal-kaċċaturi u tad-dilettanti tal-isparar sportiv madwar l-Unjoni bl-armi tan-nar tagħhom. Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirreferu għas‑sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman (C-543/12, EU:C:2014:2143).

45.      Infakkar li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 91/477 jipprevedi proċedura relatata mal-moviment tal-armi tan-nar miżmuma minn persuna waqt vjaġġ f’żewġ jew diversi Stati Membri.

46.      Skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 91/477, il-parti kkonċernata għandha tkun kisbet awtorizzazzjoni minn qabel mill-imsemmija Stati Membri, awtorizzazzjoni li tifforma parti mill-pass iddefinit fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-Direttiva.

47.      Bħala deroga minn dik il-proċedura, l-Artikolu 12(2) tad‑Direttiva 91/477 jagħti lill-kaċċaturi u lid-dilettanti tal-isparar sportiv id-dritt biex jivvjaġġaw fi ħdan l-Unjoni mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel bil-kategoriji tal-armi tan-nar li dan l-artikolu jelenka, bil‑kundizzjoni li huma għandhom il-pass li jiddikjara l-arma jew l-armi tan-nar inkwistjoni u li jkunu f’pożizzjoni li jagħtu raġuni għal vjaġġ tagħhom.

48.      Mistoqsija fuq il-portata tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar il-pass f’dak li jikkonċerna l-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar sportiv, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman (C-543/12, EU:C:2014:2143), li dawn id‑dispożizzjonijiet ċertament għandhom l-għan li jiffaċilitaw il‑moviment transkonfinali tal-kaċċaturi u tad-dilettanti tal-isparar sportiv fil-pussess tal-armi tagħhom, mingħajr ma dan l-għan ma jieħu preċedenza fuq l-għan prinċipali ta’ din id-Direttiva dwar l-akkwist, iż-żamma u l-moviment tal-armi.

49.      Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-punti 53 u 57 tas-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman (C‑543/12, EU:C:2014:2143) jenfasizzaw, rispettivament, li d-Direttiva 91/477 tagħti espliċitament drittijiet lill-kaċċaturi u lid-dilettanti tal-isparar sportiv u li “l-għan tal‑introduzzjoni tal-pass […] jippermetti l-moviment liberu tal‑kaċċaturi u tad-dilettanti tal-isparar flimkien mal-armi fil-pussess tagħhom minn Stat Membru għal ieħor sa fejn huwa strettament neċessarju sabiex jitwettaq dan il-għan”, il-punt 52 jiddikjara li “l‑Artikolu 1(4) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal‑Artikolu 12(2) tagħha, ifittex prinċipalment li jiffaċilita l-moviment tal-armi intiżi għal finijiet tal-prattika tal-kaċċa jew tal-isparar fuq bersall” (11).

50.      Dan l-argument huwa sostnut mis-seba’ premessa tad‑Direttiva 91/477 kif ukoll mill-istruttura ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, minn naħa, is-seba’ premessa tispjega li r-regoli iktar flessibbli adottati fir-rigward tal-kaċċa u tal-kompetizzjoni sportiva ma għandhomx jostakolaw iktar milli neċessarju l-moviment liberu tal-persuni. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 jinsab fil‑Kapitolu 3 ta’ din tal-aħħar, intitolat “Formalitajiet dwar il-moviment ta’ armi fil-Kommunità” (12). Barra minn hekk, il-moviment tal-kaċċaturi u tad-dilettanti tal-isparar sportiv, anki jekk ikollhom il-pass, jista’ jkun limitat, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 91/477, meta Stat Membru jipprojbixxi fuq it-territorju tiegħu l-akkwist u ż-żamma ta’ arma tan-nar li taqa’ taħt il-kategoriji msemmija f’dan l-artikolu. Issa, tali projbizzjoni ma tirrigwardax kriterju personali relatat mal-karatteristiċi individwali tal-persuni kkonċernati, iżda kriterju materjali, jiġifieri l-kategorija ta’ armi inkwistjoni.

51.      L-analiżi li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet fis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman (C-543/12, EU:C:2014:2143) għalhekk tikkontradixxi wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jgħid li t-test taċ-ċentru tal-gravità ta’ att ta’ dritt sekondarju tal‑Unjoni huwa limitat għall-kawżi b’bażijiet legali kompetituri.

52.      Huwa minnu li dan it-test huwa użat regolarment fil-kuntest sabiex tiġi stabbilita l-bażi legali adattata ta’ att ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni. Infakkar li, skont dan it-test, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att. Jekk l-eżami ta’ miżura juri li din issegwi żewġ għanijiet jew li għandha żewġ partijiet u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew partijiet hija identifikata bħala prinċipali filwaqt li l-oħra hija biss anċillari, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew komponent prinċipali jew predominanti. Fir-rigward ta’ miżura li fl-istess ħin issegwi diversi għanijiet jew li jkollha diversi komponenti li huma marbuta flimkien b’mod inseparabbli, mingħajr ma waħda tkun anċillari meta mqabbla mal-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, meta dispożizzjonijiet differenti tat-trattati huma applikabbli, tali miżura għandha tkun ibbażata, bħala eċċezzjoni, fuq il-bażijiet legali differenti korrispondenti (13).

53.      Madankollu, il-ġurisprudenza turi li tali test huwa wkoll, essenzjalment, użat mill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex jikkonċerna, pereżempju, li jiġi stabbilit, fir-rigward ta’ liema libertà/libertajiet ta’ moviment żgurat/i mid-dritt tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali li hija marbuta ma’ diversi minn dawn il-libertajiet, għandha tiġi eżaminata (14), jew sabiex tiġi kklassifikata tranżazzjoni kumplessa partikolari, fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, bħala “kunsinna ta’ oġġetti” jew “provvista ta’ servizzi” (15). Għalhekk, dan huwa test ta’ natura ġenerali. Sakemm dan it-test jirrigwarda att ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni, jippermetti li jiġu identifikati l-għan jew l-għanijiet ta’ dan l-att, b’mod partikolari sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tiegħu, u, jekk ikun il-każ, biex jiġu stabbiliti, il-bażi jew il-bażijiet legali adattat/i.

54.      Qabel ferm is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman (C‑543/12, EU:C:2014:2143), dan it-test ġie applikat fis-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-30/01, EU:C:2003:489) fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni fuq it-territorju ta’ Ġibiltà ta’ ċertu numru ta’ direttivi, li fih il-bażi legali ta’ dawn l-atti ma ġietx ikkontestata, u dan jirrifletti l-konstatazzjoni li tgħid li t-test taċ-ċentru tal-gravità ma huwiex esklużiv għat-tfittxija tal-bażi legali adattata ta’ att ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni.

55.      Barra minn hekk, fis-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑30/01, EU:C:2003:489), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan prinċipali ta’ dawn id-direttivi kien li jitneħħew l-ostakoli għall‑kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri u kien jaqa’ għalhekk taħt l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-moviment liberu tal‑merkanzija fit-territorju ta’ Ġibiltà, skont l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972. Minkejja l-fatt li l-imsemmija direttivi jsegwu wkoll għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, dawn l-għanijiet ġew meqjusa bħala sempliċiment anċillari (li ma kienx biżżejjed biex jippermettu li dawn id-direttivi jiġu applikati għat-territorju ta’ Ġibiltà). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet in-nuqqas ikkritikat fil-konfront tar-Renju Unit mill‑Kummissjoni.

56.      Raġunament analogu jista’ jiġi żviluppat b’mod validu f’din il‑kawża, kif issuġġerew, korrettement, kemm il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll it-tlett istituzzjonijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, u skont l-evalwazzjoni magħmula fil-punti 48 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għan relatat mal-moviment liberu tal-persuni jibqa’ anċillari għall-għan prinċipali jew predominanti ta’ dan l-artikolu relatat mal-moviment tal-armi tan-nar.

57.      Din l-evalwazzjoni diġà tippermetti li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi preliminari.

58.      L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti fil‑kawża prinċipali, f’dak li jikkonċerna l-moviment liberu tas-servizzi, nikkonstata li l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 91/477 ma għandha bħala għan li tirregola jew tillimita l-provvista u t-tgawdija tas-servizzi miċ-ċentri tal-isparar jew mill-oqsma tal-kaċċa, li deher b’mod impliċitu mis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman (C-543/12, EU:C:2014:2143). Għalkemm il-provvista ta’ tali servizzi jista’ ovvjament jiġi ffaċilitat mill-possibbiltà offruta lill‑kaċċaturi u lid-dilettanti tal-isparar sportiv biex jivvjaġġaw bl-armi tan-nar tagħhom, din hija biss konsegwenza inċidentali tal-adozzjoni tal‑Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477.

59.      Barra minn hekk, il-pass huwa dokument tal-ivvjaġġar, iżda bl-ebda mod ma huwa awtorizzazzjoni għall-prattika tal-isparar jew liċenzja tal-kaċċa (16). Iktar u iktar, dan ma jissostitwixxix il-permessi mogħtija miċ-ċentri tal-isparar sportiv jew mis-sidien tal-artijiet tal-kaċċa biex jiġu pprattikati dawn l-attivitajiet. Konsegwentement, l-ebda analoġija ma tista’ tiġi invokata bejn il-ħruġ tal-pass u l-għoti, minn persuna fiżika jew ġuridika, tad-dritt għas-sajd f’medda ta’ ilma li kienet l-oriġini tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld (C-97/98, EU:C:1999:515, punt 36), li għaliha jirreferu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-fehma tiegħi, b’mod żbaljat.

60.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li d-Direttiva 91/477 ma tikkonċernax il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

61.      Fir-rigward tat-tielet domanda preliminari, l-analiżi preċedenti tippermetti li jiġi ddikjarat li, sa fejn l-għan prinċipali tad-Direttiva 91/477, inkluż l-Artikolu 12(2) ta’ din tal-aħħar, jaqa’ fil-kamp tal-moviment liberu tal-merkanzija, dan l-att jista’, skont il‑ġurisprudenza msemmija fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ikun ibbażat b’mod validu fuq l-Artikolu 100A(1) tat-Trattat KEE [li sar l‑Artikolu 114(1) TFUE], peress li d-Direttiva 91/477 hija miżura ta’ armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar l-akkwist, iż-żamma u ċ-ċaqliq transkonfinali tal-armi tan-nar, li għandha bħala għan l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern.

62.      Peress li l-għan prinċipali tad-Direttiva 91/477, inkluż tal-Artikolu 12(2) tagħha, huwa l-moviment tal-armi tan-nar, għalhekk hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-portata tal-moviment ħieles tal-merkanzija hijiex mibdula bil-ħtieġa li l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 jingħata interpretazzjoni ristretta.

B.      Dwar l-interpretazzjoni ristretta tal-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 u l-impatt tagħha fuq il-portata tal-moviment liberu tal-merkanzija fir-relazzjonijiet ma’ Ġibiltà

63.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiddefendu l-idea li l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 għandu jingħata interpretazzjoni ristretta.

64.      Dan l-argument huwa konformi mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dan l-artikolu fis-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-349/03, EU:C:2005:488). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk, skont l‑Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, Ġibiltà hija eskluża mit‑territorju doganali tal-Komunità, din l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod ristrett (17). Huwa għal din ir-raġuni li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li att ta’ dritt sekondarju dwar assistenza reċiproka tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tad-dazji tas‑sisa għandu jiġi applikat fit-territorju ta’ Ġibiltà, anki jekk id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (18), sabiex jiġu armonizzati l-liġijiet materjali fil‑qasam tad-dazji tas-sisa ma humiex applikabbli għal Ġibiltà (19).

65.      Jiena lest li naċċetta li hemm bżonn interpretazzjoni ristretta ta’ eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għat-territorju ta’ Ġibiltà. Madankollu, il-portata tat-territorju doganali tal-Komunità ma hijiex imxekkla minn tali interpretazzjoni ristretta.

66.      Fi kliem ieħor, dan ifisser dejjem, kif iddikjarat il-Qorti tal‑Ġustizzja, li l-eċċezzjoni tal-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, jiġifieri “l-esklużjoni ta’ Ġibiltà mit-territorju doganali tal-Komunità, timplika li la r-regoli tat-Trattat relatati mal-moviment liberu tal‑merkanzija u lanqas dawk ta’ dritt sekondarju li għandhom bħala għan, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, li jiżguraw l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri skont l-Artikoli [114 u 115 TFUE], ma huma applikabbli” (20).

67.      Għalhekk, din il-konstatazzjoni ma tirrappreżentax nuqqas ta’ koerenza fis-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-349/03, EU:C:2005:488, punti 52 u 53), peress li f’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja neħħiet biss l-applikabbiltà fit-territorju ta’ Ġibiltà ta’ att ta’ dritt sekondarju li ma kellux bħala għan l-approssimazzjoni tal-liġijiet materjali tal-Istati Membri fil-qasam tad-dazji.

68.      Għall-kuntrarju, f’din il-kawża, ma hemm l-ebda dubju li l-għan tad-Direttiva 91/477 huwa l-armonizzazzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet amministrattivi dwar l-akkwist tal-armi tan-nar, iż-żamma tagħhom u ċ‑ċaqliq transkonfinali tagħhom, skont l-Artikolu 100A(1) tat-Trattat KEE [li sar, minn dakinhar, l-Artikolu 114(1) TFUE], kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman (C‑543/12, EU:C:2014:2143, punt 47).

69.      Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l‑interpretazzjoni ristretta tal-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 ma timplikax li l-moviment liberu tal-merkanzija għandu jirċievi interpretazzjoni iktar limitata fir-relazzjonijiet ma’ Ġibiltà minn dik li rriżultat fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

70.      B’mod iktar partikolari, jien ma nifhimx kif tali libertà tista’ tiġi applikata għat-tranżazzjonijiet jew għall-iskambji kummerċjali b’tali mod li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 jista’ japplika għal Ġibiltà.

71.      Fil-fatt, anki jekk jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jgħid li l-vjaġġ ta’ kaċċatur jew ta’ dilettant tal-isparar sportiv bl‑arma tan-nar tiegħu ma jimplikax tranżazzjonijiet jew skambji kummerċjali, xorta jibqa’ l-fatt li din is-sitwazzjoni tkompli taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija. Huwa għalhekk li, fis-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Pfotenhilfe-Ungarn (C-301/14, EU:C:2015:793, punti 46 u 47), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-unjoni doganali tkopri n-negozju kollu tal-merkanzija u li d‑dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-merkanzija għandhom japplikaw indipendentement minn jekk il-merkanzija taqbiżx il-fruntieri nazzjonali jew le għall-bejgħ tagħhom jew għall-bejgħ mill-ġdid tagħhom jew għal finijiet ta’ użu jew ta’ konsum personali.

72.      Huwa għalhekk li l-armi tan-nar imsemmija fid-Direttiva 91/477 jaqgħu kollha taħt il-moviment liberu tal-merkanzija, irrispettivament minn jekk it-trasferiment tagħhom fi ħdan l-Unjoni jseħħx, pereżempju, fil-kuntest ta’ bejgħ bil-posta jew ta’ vjaġġ ta’ kaċċatur jew ta’ dilettant tal-isparar sportiv.

73.      Jekk ikun hemm qafas legali differenti fid-dritt tal-Unjoni skont jekk il-merkanzija tkunx parti minn bejgħ jew minn użu għal skopijiet personali jinħolqu diffikultajiet prattiċi li ma jistgħux jingħelbu. Fil-fatt, l-istess oġġett jidħol jew ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija skont l-użu tiegħu, kultant kummerċjali, kultant personali, jiġifieri abbażi ta’ kriterju suġġettiv, li għandu jiġi ddeterminat każ b’każ.

74.      Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, l-interpretazzjoni ristretta tal‑Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 ma timplikax li l-moviment liberu tal-merkanzija huwa limitat għal merkanzija li tagħmel parti minn tranżazzjonijiet u skambji kummerċjali. Konsegwentement, id‑dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 91/477 jaqgħu fil-kamp ta’ din il-libertà u, skont l-Artikolu 29 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1972, ma huwiex applikabbli għat-territorju ta’ Ġibiltà.

C.      Kunsiderazzjonijiet sussidjarji dwar ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda preliminari

75.      Fl-ipoteżi li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi preċedenti u tqis li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 isegwi b’mod inseparabbli għan ta’ moviment ħieles tal-merkanzija u tal‑persuni, mingħajr ma l-ewwel wieħed ma jieħu preċedenza fuq it‑tieni, ovvjament jirriżulta li din id-direttiva hija invalida. Fil-fatt, id‑Direttiva 91/477 hija għalhekk ibbażata fuq bażi legali insuffiċjenti, peress li l-Artikolu 100A(2) tat-Trattat KEE jipprovdi li l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu ma japplikax għad-dispożizzjonijiet dwar il‑moviment liberu tal-persuni.

76.      F’dan il-każ, ma hemmx għalfejn tiġi eżaminata l-eventwali natura separabbli jew distinta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar il‑pass meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet l-oħra tagħha. Fil-fatt, minkejja li l-partijiet fil-kawża prinċipali ddedikaw xi argumenti dwar dan is‑suġġett fl-osservazzjonijiet tagħhom, dan huwa argument ta’ natura prattika u sussidjarja, relatat mal-eżekuzzjoni tas-sentenza li għandha tingħata. Fil-fatt, miż-żewġ alternattivi: jew kif urejt iktar ’il fuq, id-Direttiva 91/477 issegwi għan prinċipali (moviment tal‑merkanzija) jew għan anċillari (moviment tal-persuni), f’liema każ hija bbażata fuq bażi legali korretta u għalhekk ma hijiex applikabbli għal Ġibiltà, jew id-Direttiva 91/477 issegwi żewġ għanijiet ta’ grad ekwivalenti, f’liema każ il-bażi legali hija insuffiċjenti, u għalhekk id‑Direttiva 91/477 hija invalida u hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Ġibiltà li jistabbilixxu l-konsegwenzi tas-sentenza li għandha tingħata, bit-traspożizzjoni biss tad-dispożizzjonijiet ta’ din id‑direttiva li huma neċessarji għall-introduzzjoni tal-pass (21).

77.      Sal-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ traspożizzjoni madankollu tqum mistoqsija addizzjonali ‐ li ma tressqitx mill-qorti tar-rinviju ‐ dwar jekk il-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar sportiv ta’ Ġibiltà, b’mod partikolari r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jistgħux jużaw direttament l‑Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 u jitolbu li jingħatalhom il-pass mitluba mill-Ministru tal-Ġustizzja.

78.      F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil‑każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi biżżejjed, l-individwi kkonċernati għandhom id-dritt li jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat, kemm jekk dan ikun naqas li jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fil-ħin, kif ukoll minħabba traspożizzjoni żbaljata (22).

79.      Kif diġà spjegajt, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 jagħti lill‑kaċċaturi u lid-dilettanti tal-isparar sportiv id-dritt li jivvjaġġaw fi ħdan l-Unjoni mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel bil-kategoriji ta’ armi tan-nar li dan l-artikolu jsemmi, sakemm ikunu fil-pussess tal-pass, iddefinit fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva, li jsemmi l-arma jew l-armi tan-nar inkwistjoni u li jkunu f’pożizzjoni li jagħtu r-raġuni għall-vjaġġ tagħhom.

80.      Fis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman (C-543/12, EU:C:2014:2143, punti 52 sa 54), mill‑Artikolu 1(4) u mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-Istati Membri huma obbligati li jipprovdu lill-kaċċaturi u lid-dilettanti tal-isparar sportiv pass inkwantu, fin-nuqqas tal-għoti ta’ tali pass, dawn il-kategoriji ta’ persuni ma jkunux jistgħu jeżerċitaw id-dritt esklużivament mogħti lilhom minn din id-Direttiva, peress li l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jispeċifika li dan id‑dritt ma jistax jiġi ostakolat mill-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti.

81.      Konsegwentement, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477 jidher mingħajr kundizzjonijiet u preċiż biżżejjed, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet, biex jawtorizza lir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali jużawh direttament fir-rigward tal‑Ministru tal-Ġustizzja (23).

82.      Għalhekk, kif diġà għidt, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma rilevanti biss jekk id-Direttiva 91/477 hija applikabbli għal Ġibiltà, liema ħaġa, fl‑opinjoni tiegħi u għar-raġunijiet li esponejt qabel, ma hijiex il-każ.

VI.    Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li twieġeb kif ġej għad-domandi magħmula mis-Supreme Court of Gibraltar (qorti suprema ta’ Ġibiltà, ir-Renju Unit):

1)      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1991, dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, jikkonċerna primarjament il‑moviment tal-merkanzija, mingħajr ma jħalli lok għal distinzjoni skont jekk l-armi tan-nar jintużawx jew le għal tranżazzjonijiet jew negozji kummerċjali, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva huma inapplikabbli fit-territorju ta’ Ġibiltà.

2)      L-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 91/477 ma tikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

3)      Billi tarmonizza ċerti kundizzjonijiet amministrattivi dwar l‑akkwist tal-armi tan-nar, iż-żamma tagħhom u l-moviment transkonfinali tagħhom, id-Direttiva 91/477 hija bbażata b’mod korrett fuq l-Artikolu 100 A(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l‑Komunità Ekonomika Ewropea [li sar l-Artikolu 95(1) KE, u attwalment l-Artikolu 114 TFUE].


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 3.


3      ĠU 2008, L 179, p. 5.


4      ĠU 1972, L 73, p. 14.


5      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1991, Barr u Montrose Holdings (C‑355/89, EU:C:1991:287, punt 8).


6      Sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1991, Barr u Montrose Holdings (C-355/89, EU:C:1991:287, punti 9 u 10), tas-16 ta’ Lulju 1998, Pereira Roque (C-171/96, EU:C:1998:368) kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2005, Jersey Produce Marketing Organisation (C-293/02, EU:C:2005:664). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil‑Kawża Pereira Roque (C-171/96, EU:C:1997:425, punt 24).


7      Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Lindman (C-42/02, EU:C:2003:613).


8      Ara s-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑30/01, EU:C:2003:489, punt 59).


9      Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, The Gibraltar Betting and Gaming Association (C-591/15, EU:C:2017:449, punti 30 u 39).


10      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman (C-543/12, EU:C:2014:2143, punti 43 u 47).


11      Korsiv miżjud minni.


12      Korsiv miżjud minni.


13      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-130/10, EU:C:2012:472, punti 42 sa 45).


14      Ara, pereżempju, dwar ir-relazzjonijiet bejn il-moviment liberu tal-merkanzija u l‑provvista ta’ servizzi, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C-108/09, EU:C:2010:725, punt 43) u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Josemans (C-137/09, EU:C:2010:774, punt 50). Ara wkoll, bl-istess mod, rigward ir-relazzjonijiet bejn il-libertà ta’ stabbiliment u l-provvista ta’ servizzi, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C-48/15, EU:C:2016:356, punt 36 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


15      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C‑111/05, EU:C:2007:195, punti 27 u 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Zeman (C-543/12, EU:C:2014:2143, punt 51).


17      Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-349/03, EU:C:2005:488, punt 51).


18      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179.


19      Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-349/03, EU:C:2005:488, punti 52 u 53).


20      Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-30/01, EU:C:2003:489, punt 59).


21      Għandu jingħad, għall-finijiet u l-iskopijiet kollha, li filwaqt li l-Ministru tal‑Ġustizzja jqis li huwa impossibbli li jintużaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477, mingħajr ma tiġi kkontestata l-koerenza ta’ dan l-att kollu kemm hu u li, għaldaqstant, traspożizzjoni parzjali ta’ dan l-att ma hijiex possibbli, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li, biex il-pass isir operazzjonali, huwa possibbli li jiġu trasposti b’mod awtonomu l-Artikolu 1(1) u (4), l-Artikoli 2, 4a, 5, u 12 kif ukoll l-Annessi I u II tad-Direttiva 91/477.


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, British Film Institute (C‑592/15, EU:C:2017:117, punt 13 u l-ġurisprudenza msemmija).


23      Qabel kollox, l-informazzjoni obbligatorja li għandha tiġi inkluża fil-pass hija mniżżla fl-Anness II u mudell ta’ pass simili jidher fl-Anness mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 1993 dwar il-Pass Ewropew ta’ Arma tan-Nar (ĠU 1993, L 93, p. 39).