SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

13 ta’ Lulju 2022 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Membru tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali ta’ EUCAP Somalia – Missjoni li taqa’ taħt il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni – Dritt għal smigħ – Ugwaljanza fit-trattament – Nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Perijodu ta’ tranżizzjoni previst mill-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni – Rikors għal annullament – Rikors għad-danni – Atti indissoċjabbli mill-kuntratt – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑194/20,

JF, irrappreżentat minn A. Kunst, avukata,

rikorrent,

vs

EUCAP, irrappreżentata minn E. Raoult, avukata,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn R. da Silva Passos (Relatur), President, V. Valančius, I. Reine, L. Truchot u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, JF, prinċipalment jitlob, minn naħa, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tan-nota ta’ EUCAP Somalia tat‑18 ta’ Jannar 2020 (iktar ’il quddiem in-“nota tat‑18 ta’ Jannar 2020”) u tal-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2020 (iktar ’il quddiem l-“ittra tad‑29 ta’ Jannar 2020”) li permezz tagħhom din tal-aħħar iddeċidiet li ma ġġeddidx il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti kontenzjużi”) u, min-naħa l-oħra, fuq il-bażi tal-Artikolu 268 TFUE, il-kumpens għad-danni li allegatament huwa ġarrab minħabba dawn l-atti, u, sussidjarjament, fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE, li l-atti kontenzjużi jiġu ddikjarati illegali kif ukoll il-kumpens għad-danni li allegatament huwa ġarrab minħabba dawn l-atti.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        EUCAP Somalia, li qabel kienet EUCAP NESTOR, hija missjoni tal-Unjoni li taqa’ taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) maħluqa permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK tas‑16 ta’ Lulju 2012 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (ĠU 2012, L 187, p. 40, u r-rettifika fil-ĠU 2017, L 29, p. 69), adottata b’applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, relatat mal-PESK. Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2012/389, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1942 tal‑10 ta’ Diċembru 2018 li testendi u temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (ĠU 2018, L 314, p. 56), EUCAP Somalia għandha bħala għan li tassisti lis-Somalja fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħha ta’ sigurtà marittima sabiex din tkun tista’ tinforza b’mod iktar effettiv il-liġi marittima.

3        Skont l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2012/389, kif emendata bid-Deċiżjoni 2018/1942, “Persunal internazzjonali u lokali jista’ […] jiġi rreklutat mill-EUCAP Somalia fuq bażi kuntrattwali jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux provduti minn persunal sekondat mill-Istati Membri”. Barra minn hekk din id-dispożizzjoni tipprevedi li “[e]ċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikazzjoni kwalifikata mill-Istati Membri, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali, skont il-każ”. Fl-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni 2012/389, kif emendata bid-Deċiżjoni 2018/1942, huwa ppreċiżat li “[i]l-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn il-EUCAP Somalia u l-membru tal-persunal ikkonċernat”.

4        Skont l-Artikolu 12a tad-Deċiżjoni 2012/389, kif emendata bid-Deċiżjoni 2018/1942, “EUCAP Somalia għandha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, timpjega persunal, jkollha kontijiet bankarji, takkwista u tiddisponi mill-assi, tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni”.

5        Bejn il-[kunfidenzjali] u l‑31 ta’ Jannar 2020, perijodu li matulu ffirma diversi kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, mingħajr perijodu ta’ interruzzjoni, ir-rikorrent kien membru tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali ta’ EUCAP Somalia, fejn kien jokkupa l-funzjonijiet ta’ [kunfidenzjali].

6        L-Artikolu 17 tal-aħħar kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrent (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”), intitolat “Tul ta’ żmien”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, dan li ġej:

“L-impjegat jibda l-impjieg tiegħu fl‑1 [ta’ Novembru] 2019 u dan il-kuntratt jintemm fil‑31 [ta’ Jannar] 2020.”

7        Il-kuntratt inkwistjoni kien jinkludi, fl-Artikolu 22(1), klawżola ta’ arbitraġġ redatta fit-termini li ġejjin:

“It-tilwim li jirriżulta minn jew relatat ma’ dan il-kuntratt għandhom ikunu suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea konformement mal-Artikolu 272 [TFUE].”

8        Wara n-notifika, fid‑29 ta’ Marzu 2017, mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, lill-Kunsill Ewropew, bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea b’applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) TUE, l-Unjoni nnegozjat ma’ dan l-Istat ftehim, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ tali ħruġ, konformement ma’ din l-istess dispożizzjoni.

9        F’dan ir-rigward, minn naħa, l-aħħar erba’ kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrent, li jkopru flimkien il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2019 sal‑31 ta’ Jannar 2020, kienu jistabbilixxu, kull wieħed minnhom, terminu li jikkorrispondi għad-dati limiti stabbiliti suċċessivament għan-negozjar ta’ ftehim dwar il-ħruġ, li saru, fin-nuqqas ta’ konklużjoni ta’ tali ftehim jew ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ negozjar, dati ta’ ħruġ mingħajr ftehim konformement mal-Artikolu 50(3) TUE.

10      Min-naħa l-oħra, l-aħħar żewġ kuntratti ta’ xogħol konklużi mir-rikorrent, jiġifieri l-kuntratt mit‑13 ta’ April sal‑31 ta’ Ottubru 2019 u l-kuntratt inkwistjoni, kienu jinkludu Artikolu 18, intitolat “Xoljiment” u redatt fil-kliem li ġej:

“18.1.      Dan il-kuntratt jista’ jiġi xolt jew mill-persuna li timpjega jew mill-impjegat permezz ta’ preavviż bil-miktub ta’ [xahar], inkluż ir-raġuni għax-xoljiment. Il-persuna li timpjega għandha tinstema’ mill-Assistent Kap ta’ Missjoni qabel ma tittieħed tali deċiżjoni filwaqt li l-Kap ta’ Missjoni għandu jiġi informat fi kwalunkwe mument.

[…]

18.3      Dan il-kuntratt jista’ b’mod partikolari jiġi xolt qabel ma jintemm jekk ir-Renju Unit ma jibqax membru tal-Unjoni Ewropea. L-obbligu tal-persuna li timpjega li tosserva preavviż ta’ xahar huwa mneħħi. Il-persuna li timpjega għandha tagħmel sforz biex tosserva preavviż għal dan ix-xoljiment.”

11      Permezz tan-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, il-Kap ta’ Missjoni ta’ EUCAP Somalia (iktar ’il quddiem il-“Kap ta’ Missjoni”) informa lill-membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali ċittadini tar-Renju Unit ta’ din il-missjoni li, minħabba l-ħruġ probabbli tar-Renju Unit mill-Unjoni fil‑31 ta’ Jannar 2020, il-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, li kienu diġà jipprevedu din l-iskadenza, kellhom jintemmu f’din id-data, peress li kandidati kienu diġà ntgħażlu għall-pożizzjonijiet tagħhom.

12      Fl‑24 ta’ Jannar 2020, ir-rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju Unit iffirmaw il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit”).

13      Fl-istess jum, ir-rikorrent adixxa lis-superjur ġerarkiku tiegħu b’rikors intern mhux dixxiplinari kontra n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, bis-saħħa tal-Artikolu 21 tal-kuntratt inkwistjoni, intitolat “Proċeduri ta’ rikors mhux dixxiplinari” u redatt kif ġej:

“1.      L-impjegat jista’ jippreżenta rikors kontra att li jikkawżalu preġudizzju kontra l-persuna li timpjega fi żmien xahar mid-data tal-att. Ir-rikorsi għandhom jiġu sottomessi lill-persuna li timpjega permezz tas-superjur immedjat tal-membru tal-persunal, ħlief meta dan ikun jikkonċerna lil dan is-superjur, f’liema każ dan jista’ jiġi sottomess direttament lill-persuna li timpjega. L-impjeegat għandu jinstema’ mill-Assistent Kap ta’ Missjoni qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni, fejn il-Kap ta’ Missjoni għandu jiġi informat kontinwament.

2.      Il-proċedura ta’ rikors inizjali ma għandhiex effett sospensiv. Il-persuna li timpjega għandha tinnotifika lill-membru tal-persunal bid-deċiżjoni motivata tagħha fi żmien xahar mid-data li fiha jkun ġie ppreżentat ir-rikors […]”

14      Permezz tal-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2020, innotifikata lir-rikorrent fil‑31 ta’ Jannar 2020, il-Kap ta’ Missjoni ċaħad dan ir-rikors intern u kkonferma lir-rikorrent li l-kuntratt inkwistjoni kien ser jintemm fil‑31 ta’ Jannar 2020 minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

15      Fid‑29 ta’ Jannar ukoll, il-Parlament Ewropew approva l-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit.

16      Fit‑30 ta’ Jannar 2020, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/135, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-[Renju Unit] (ĠU 2020, L 29, p. 1). Bis-saħħa tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit ġie approvat f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

17      Dan il-ftehim jiffissa, fl-Artikolu 126 tiegħu, perijodu ta’ tranżizzjoni li jibda mid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-istess ftehim u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ tranżizzjoni”).

18      Fil‑31 ta’ Jannar 2020, f’nofsillejl, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u, fl‑1 ta’ Frar 2020, il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit daħal fis-seħħ, konformement mal-Artikolu 185 tiegħu.

II.    Ittalbiet talpartijiet

19      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla l-atti kontenzjużi u, sussidjarjament, tiddikjarahom illegali;

–        prinċipalment, tikkundanna lil EUCAP Somalia tikkumpensaha għad-danni materjali u morali mġarrba bis-saħħa tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha u, sussidjarjament, tikkundanna lil EUCAP Somalia tikkumpensaha għall-istess danni bis-saħħa tar-responsabbiltà kuntrattwali tagħha;

–        tikkundanna lil EUCAP Somalia għall-ispejjeż, flimkien mal-interessi kkalkolati bir-rata ta’ 8 %.

20      EUCAP Somalia titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, manifestament infondat fid-dritt;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Iddritt

21      Dan ir-rikors huwa kompost, prinċipalment, minn talba għal annullament ibbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE kif ukoll fuq talba għad-danni bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE, u, sussidjarjament, fuq talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 272 TFUE.

A.      Fuq ittalbiet prinċipali, ibbażati fuq lArtikoli 263 u 268 TFUE

22      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni fis-sens tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, EUCAP Somalia tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors peress li huwa bbażat, prinċipalment, fuq l-Artikoli 263 u 268 TFUE, filwaqt li jindika natura kuntrattwali inkwantu l-atti kontenzjużi ma jistgħux jiġu ddissoċjati mill-kuntratt inkwistjoni.

23      Il-Parlament jikkontesta l-argument ta’ EUCAP Somalia.

24      Qabel kollox, ir-rikorrent isostni li l-qorti tal-Unjoni diġà ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikoli 263 u 268 TFUE fil-kuntest ta’ rikorsi ta’ membri tal-persunal ikkollokati fi ħdan missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK kontra atti ta’ ġestjoni tal-persunal. Għalhekk, ir-rikorsi ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ dawn l-istess missjonijiet għandhom ukoll jaqgħu taħt dawn l-istess dispożizzjonijiet.

25      Sussegwentement, ir-rikorrent isostni li r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu ma’ EUCAP Somalia kienet irregolata minn dokumenti rregolati mid-dritt pubbliku u li huwa ma nnegozjax liberament il-kuntratti ta’ xogħol tiegħu ma’ EUCAP Somalia.

26      Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrent, l-atti kontenzjużi huma deċiżjonijiet amministrattivi dissoċjabbli mill-kuntratt inkwistjoni, sa fejn dawn ittieħdu b’eżekuzzjoni ta’ diversi struzzjonijiet indirizzati mill-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili lill-Kap ta’ Missjoni.

1.      Fuq lammissibbiltà tattalba għal annullament ibbażata fuq lArtikolu 263 TFUE

27      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE huwa disponibbli kontra l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SC vs Eulex Kosovo, C‑730/18 P, EU:C:2020:505, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Barra minn hekk, l-Artikolu 272 TFUE jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika li tippermetti li tiġi adita l-qorti tal-Unjoni, bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ stipulata mill-partijiet għal kuntratti ta’ dritt pubbliku jew ta’ dritt privat, u dan mingħajr limitazzjoni marbuta man-natura tal-azzjoni ppreżentata quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SC vs Eulex Kosovo, C‑730/18 P, EU:C:2020:505, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      B’hekk fil-każ ta’ kuntratt li jorbot lir-rikorrent ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiġi adita b’rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE biss jekk l-att ikkontestat ikun intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti li ma jaqgħux taħt ir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SC vs Eulex Kosovo, C‑730/18 P, EU:C:2020:505, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għaldaqstant, meta, bħal f’dan il-każ, ir-rikorrent u l-konvenut ikunu marbuta b’kuntratt, bħala prinċipju, hija l-qorti tal-kuntratt li hija kompetenti. L-ipoteżi msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq tikkostitwixxi għalhekk eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, b’tali mod li l-kundizzjonijiet li jikkaratterizzawha għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta.

31      F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li dan ir-rikors jirrigwarda n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt inkwistjoni lil hinn mit-terminu tiegħu, irreġistrat fin-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, ikkonfermata permezz tal-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2020.

32      L-ewwel, konformement mal-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni 2012/389, kif emendata bid-Deċiżjoni 2018/1942, il-kundizzjonijiet ta’ impjieg kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali ta’ EUCAP Somalia huma ddefiniti permezz ta’ kuntratt. Għalhekk, ir-relazzjoni ta’ impjieg bejn ir-rikorrent u EUCAP Somalia, li ntemmet fil‑31 ta’ Jannar 2020, kienet ta’ natura kuntrattwali.

33      It-tieni, l-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2020 segwiet il-preżentata, mir-rikorrent, ta’ rikors intern mhux dixxiplinari fuq il-bażi ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali, jiġifieri l-Artikolu 21(1) tal-kuntratt inkwistjoni (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

34      It-tielet, l-atti kontenzjużi għandhom bħala għan in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt inkwistjoni, li seħħ wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

35      F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa paċifiku bejn il-partijiet li t-tul tal-aħħar erba’ kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrent, li jkopru flimkien il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2019 sal‑31 ta’ Jannar 2020, ġie ddeterminat skont dati limiti stabbiliti suċċessivament għan-negozjar ta’ ftehim dwar il-ħruġ li saru, fin-nuqqas ta’ konklużjoni ta’ tali ftehim jew ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ negozjar, dati ta’ ħruġ mingħajr ftehim, konformement mal-Artikolu 50(3) TUE (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Għalhekk, kien ġie miftiehem bejn il-partijiet li l-perijodu ta’ impenn tar-rikorrent fi ħdan EUCAP Somalia ma setax, bħala prinċipju, jitkompla wara d-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

36      Min-naħa l-oħra, kull wieħed mill-aħħar żewġ kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrent kienu jinkludu, fl-Artikolu 18(3), klawżola li skontha dawn il-kuntratti jistgħu jiġu xolti qabel it-terminu tagħhom fil-każ li r-Renju Unit isir Stat terz (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Għalkemm, kif jenfasizza r-rikorrent, din il-klawżola ma ġietx implimentata, l-eżistenza tagħha madankollu turi li l-kwalità ta’ Stat Membru tar-Renju Unit kienet kundizzjoni kuntrattwali għaż-żamma tal-impjieg tar-rikorrent fi ħdan EUCAP Somalia.

37      Ir-raba’, mill-proċess jirriżulta li l-kuntratti ta’ xogħol suċċessivi tar-rikorrent kienu jinkludu, fl-anness, dokument intitolat “Deskrizzjoni tal-pożizzjoni”, li skontu l-pożizzjoni ta’ [kunfidenzjali] okkupata mir-rikorrent ma kinitx miftuħa għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi.

38      Il-ħames, huwa minnu li, kif jenfasizza r-rikorrent, fl-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2020, il-Kap ta’ Missjoni rrefera għal istruzzjoni tal-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili, tat‑30 ta’ Ottubru 2019, li tgħid li dan tal-aħħar kien jindika lill-kapijiet tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK li t-tiġdid tal-kuntratt li setgħu jipproponu lill-membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali tagħhom ċittadini tar-Renju Unit ma setax imur lil hinn mill‑31 ta’ Jannar 2020. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-atti kontenzjużi jaqgħu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet minħabba li l-Kap ta’ Missjoni sempliċement eżegwixxa l-imsemmija investigazzjoni.

39      Fil-fatt, minn naħa, l-istruzzjoni tal-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili tat‑30 ta’ Ottubru 2019 ġiet stabbilita wara l-estensjoni sal‑31 ta’ Jannar 2020 tad-data limitu stabbilita għan-negozjar ta’ ftehim dwar il-ħruġ, konformement mal-Artikolu 50(3) TUE. Huwa f’dan il-kuntest li l-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili indika lill-Kapijiet tal-Missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK li t-tul tal-kuntratti ta’ xogħol proposti lill-persunal tagħhom li huwa ċittadin tar-Renju Unit ma setax jaqbeż il‑31 ta’ Jannar 2020, mingħajr madankollu ma ddeċieda dwar il-possibbiltà ta’ tiġdid eventwali ta’ kuntratti wara din id-data. Min-naħa l-oħra, f’din l-istess struzzjoni, il-Kmandant ta’ Operazzjoni Ċivili ppreċiża li t-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol tal-membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali ċittadini tar-Renju Unit kien suġġett għal evalwazzjoni tal-interess tas-servizz mill-missjoni, u b’hekk tħalla marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kap ta’ Missjoni fir-rigward tal-opportunità ta’ tali tiġdid, jekk ikun il-każ permezz ta’ deċiżjonijiet individwali li jaqgħu fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali marbuta mal-persunal ikkonċernat.

40      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kif ġustament issostni EUCAP Somalia, l-atti kontenzjużi huma ta’ natura kuntrattwali. Għalhekk, tali atti ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti li ma jaqgħux taħt ir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lir-rikorrent u EUCAP Somalia u li jinvolvu l-eżerċizzju, minn din tal-aħħar, ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Madankollu, dawn l-atti ma jistgħux jitqiesu bħala li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE.

41      Għaldaqstant, it-talba mressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-atti kontenzjużi għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

2.      Fuq lammissibbiltà tattalba għaddanni bbażata fuq lArtikolu 268 TFUE

42      Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni għad-danni għandhiex bħala għan ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni jew ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha, il-qrati tal-Unjoni għandhom jivverifikaw jekk din l-azzjoni għandhiex bħala għan talba għad-danni bbażata b’mod oġġettiv u globali fuq drittijiet u obbligi ta’ oriġini kuntrattwali jew ta’ oriġini mhux kuntrattwali. Għal dan il-għan, dawn il-qrati għandhom jivverifikaw, fid-dawl ta’ analiżi tal-elementi differenti tal-proċess, bħal b’mod partikolari d-dispożizzjoni legali allegatament miksura, in-natura tad-dannu invokat, l-aġir ikkritikat kif ukoll ir-relazzjonijiet legali li jeżistu bejn il-partijiet inkwistjoni, jekk jeżistix bejniethom kuntest kuntrattwali veru, marbut mas-suġġett tal-kawża, li tiegħu l-eżami ddettaljat jirriżulta li huwa indispensabbli biex l-imsemmi rikors jiġi deċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg, C‑103/11 P, EU:C:2013:245, punt 66).

43      B’mod partikolari, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jibbażaw lilhom infushom sempliċement fuq ir-regoli allegati mill-partijiet. Għalhekk, is-sempliċi invokazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali li ma jirriżultawx minn kuntratt rilevanti f’dan il-każ, iżda li huma imposti fuq il-partijiet, ma jistax ikollha l-konsegwenza li tibdel in-natura kuntrattwali tal-kawża. Li kieku kien mod ieħor, in-natura tat-tilwima tkun tista’ tinbidel skont regoli invokati mill-partijiet, li jmur kontra regoli ta’ ġurisdizzjoni sostantiva tal-qrati differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg, C‑103/11 P, EU:C:2013:245, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, permezz tat-talba għad-danni tiegħu, ir-rikorrent għandu l-intenzjoni li jikseb kumpens għad-danni morali u materjali li kkawżawlu l-atti kontenzjużi.

45      Issa, hekk kif ġie konkluż fil-punt 40 iktar ’il fuq, dawn l-atti huma ta’ natura kuntrattwali.

46      Barra minn hekk, mill-kliem tar-rikors jirriżulta li d-dannu morali li għalih ir-rikorrent jitlob kumpens jirriżulta b’mod partikolari mill-motivi nnifishom tal-imsemmija atti u li dan jikkonsisti wkoll fi preġudizzju għall-perspettivi professjonali tiegħu li jkompli r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu ma’ EUCAP Somalia, li kienet ta’ natura kuntrattwali (ara l-punt 32 iktar ’il fuq). Fir-rigward tad-dannu materjali li għalih ir-rikorrent jitlob kumpens, dan jikkorrispondi b’mod partikolari għas-salarji, għall-emolumenti u għad-drittijiet li huwa kien jirċievi li kieku l-kuntratt inkwistjoni kien ġie mġedded matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

47      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm kuntest kuntrattwali reali mdwar it-talba għad-danni tar-rikorrent, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, b’tali mod li din it-talba taqa’ taħt ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni. Għaldaqstant, it-talba għad-danni li huwa bbaża, prinċipalment, fuq l-Artikolu 268 TFUE u li għandha bħala suġġett ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għall-aġir ta’ EUCAP Somalia, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

B.      Fuq ittalbiet sussidjarji, ibbażati fuq lArtikolu 272 TFUE

48      Sussidjarjament, ir-rikorrent iressaq talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża, minn naħa, li tikkontesta l-atti kontenzjużi, ikkunsidrati illegali, u, min-naħa l-oħra, biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà kuntrattwali ta’ EUCAP Somalia.

1.      Fuq ilġurisdizzjoni talQorti Ġenerali

49      Skont l-Artikolu 272 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 256 TFUE, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti biex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt li jkun sar, skont id-dritt pubbliku jew dritt privat, mill-Unjoni jew f’isimha.

50      F’dan il-każ, fid-dawl tat-termini tal-klawżola ta’ arbitraġġ imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti biex tieħu konjizzjoni tat-talbiet sussidjarji tar-rikorrent, fatt li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat minn EUCAP Somalia

2.      Fuq iddritt applikabbli

51      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni hija rregolata mil-liġi applikabbli tal-kuntratt ikkonċernat.

52      It-tilwim li jseħħ waqt l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għandu, bħala prinċipju, jiġi deċiż fuq il-bażi tal-klawżoli kuntrattwali (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2015, Synergy Hellas vs Il‑Kummissjoni, T‑106/13, EU:T:2015:860, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-interpretazzjoni tal-kuntratt fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt hija ġġustifikata biss f’każ ta’ dubju dwar il-kontenut tal-kuntratt jew in-notifika ta’ wħud mill-klawżoli tiegħu jew meta l-kuntratt waħdu ma jippermettix li jiġu riżolti l-aspetti kollha tat-tilwima. Għalhekk, hemm lok li ssir l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rikors fid-dawl tas-sempliċi stipulazzjonijiet kuntrattwali u li jsir riferiment għad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt biss jekk dawn l-istipulazzjonijiet ma jippermettux li tiġi deċiża t-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Talanton vs Il‑Kummissjoni, T‑65/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:491, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Madankollu, dan il-prinċipju ma jistax iwassal sabiex l-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ kuntratt tippermetti lill-partijiet jevitaw id-dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt nazzjonali applikabbli, li minnhom ma tistax issir deroga u li b’mod konformi magħhom l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt għandhom jiġu jew ġew eżegwiti.

54      Barra minn hekk, meta l-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni jeżegwixxu kuntratt, dawn jibqgħu suġġetti għall-obbligi imposti fuqhom bis-saħħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 86). Barra minn hekk, jekk il-partijiet jiddeċiedu, fil-kuntratt tagħhom, permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, li jattribwixxu lill-qorti tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tat-tilwim relatat ma’ dan il-kuntratt, din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni, indipendentement mid-dritt applikabbli stipulat fl-imsemmi kuntratt, sabiex tevalwa ksur eventwali tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 81).

55      Fil-każ li d-dritt applikabbli ma jkunx previst fil-kuntratt, il-qorti tal-Unjoni għandha, jekk ikun il-każ, tiddetermina d-dritt applikabbli billi tuża r-regoli previsti mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, u r-rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 7) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Calberson GE vs Il‑Kummissjoni, T‑164/14, EU:T:2016:85, punt 25).

56      F’dan il-każ, il-kuntratt inkwistjoni ma jispeċifikax il-liġi applikabbli għalih, bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, ta’ tassazzjoni u ta’ pensjonijiet, li ma humiex relatati ma’ din il-kawża.

57      Madankollu, insostenn tat-talbiet sussidjarji tiegħu bbażati fuq l-Artikolu 272 TFUE, ir-rikorrent jinvoka esklużivament motivi bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt u tal-Karta. Barra minn hekk, ma jidhirx li, sabiex tiġi riżolta din it-tilwima, huwa neċessarju li jiġu applikati dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt nazzjonali.

58      Bi tweġiba għal mistoqsija li saritilhom waqt is-seduta, il-partijiet ikkonfermaw li, sabiex tiġi eżaminata r-responsabbiltà kuntrattwali eventwali ta’ EUCAP Somalia, jeħtieġ sempliċement li jiġi analizzat il-kuntratt inkwistjoni, li jinkludi b’mod partikolari, bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) tiegħu, il-proċeduri operattivi standard ta’ EUCAP Somalia.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat liema huwa d-dritt nazzjonali applikabbli għal din it-tilwima, li jista’ jiġi solvut fuq il-bażi tal-kuntratt inkwistjoni, tal-proċeduri operattivi standard ta’ EUCAP Somalia li għalihom jirreferi kif ukoll tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

3.      Fuq lammissibbiltà

60      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni fis-sens tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, EUCAP Somalia tikkontesta wkoll l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors sa fejn huwa bbażat, sussidjarjament, fuq l-Artikolu 272 TFUE.

61      L-ewwel, EUCAP Somalia tikkontesta l-argument li r-rikorrent jista’ jippreżenta dan ir-rikors fuq bażi legali sussidjarja. F’dan is-sens, minn naħa, hija ssostni li l-preżentazzjoni tal-istess rikors fuq żewġ bażijiet legali, wieħed prinċipali u l-ieħor sussidjarju, ifisser li l-Qorti Ġenerali tkun qed tintalab tiddetermina l-bażi legali adegwata. Min-naħa l-oħra, hija tenfasizza li l-inċertezza marbuta mal-bażi legali tar-rikors ikkomplika l-mod kif hija kellha torganizza d-difiża tagħha b’reazzjoni għat-talbiet sussidjarji tar-rikorrent, ibbażati fuq l-Artikolu 272 TFUE.

62      It-tieni, EUCAP Somalia ssostni li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors hija eskluża peress li, fost il-ħames motivi invokati mir-rikorrent, l-ebda wieħed ma huwa relatat, bi preċiżjoni suffiċjenti, ma’ ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali li torbtu ma’ EUCAP Somalia.

63      Ir-rikorrent jikkontesta l-argument ta’ EUCAP Somalia.

64      Fl-ewwel lok, huwa minnu li, kif tenfasizza EUCAP Somalia, huwa r-rikorrent li għandu jagħżel il-bażi legali tar-rikors tiegħu u ma hijiex il-qorti tal-Unjoni nnifisha li għandha tagħżel l-iktar bażi legali xierqa (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust, C‑160/03, EU:C:2005:168, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Madankollu, f’dan il-każ, għażla bħal din effettivament saret mir-rikorrent, li r-rikors tiegħu, u b’mod partikolari l-parti tiegħu dwar it-talbiet insostenn ta’ dan ir-rikors, juri b’mod ċar li huwa għażel li jibbaża r-rikors tiegħu, prinċipalment, fuq l-Artikoli 263 u 268 TFUE u, sussidjarjament, fuq l-Artikolu 272 TFUE.

66      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni EUCAP Somalia, il-prinċipju mfakkar fil-punt 64 iktar ’il fuq ma jipprojbixxix fih innifsu l-possibbiltà li r-rikorrent jippreżenta r-rikors tiegħu fuq bażi legali, filwaqt li, sussidjarjament u fil-każ ta’ inammissibbiltà tiegħu, jippreżenta l-istess rikors fuq bażi legali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il‑Kummissjoni, T‑271/04, EU:T:2007:128, punti 66 u 67).

67      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ EUCAP Somalia li t-tressiq ta’ talbiet sussidjarji bbażati fuq l-Artikolu 272 TFUE ma ppermettilhiex torganizza d-difiża tagħha. Fil-fatt, minn naħa, l-atti kontenzjużi, imsemmija f’dan ir-rikors sa fejn huwa bbażat, sussidjarjament, fuq l-Artikolu 272 TFUE, huma identiċi għal dawk li huma msemmija f’dan ir-rikors sa fejn huwa bbażat, prinċipalment, fuq l-Artikoli 263 u 268 TFUE. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent enfasizza li l-motivi tiegħu bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, imressqa insostenn tat-talbiet prinċipali tiegħu bbażati fuq l-Artikoli 263 u 268 TFUE, għandhom jitqiesu bħala motivi bbażati fuq ksur kuntrattwali fil-każ li r-rikors tiegħu jiġi eżaminat fuq il-bażi tal-Artikolu 272 TFUE li huwa għażel sussidjarjament.

68      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li EUCAP Somalia effettivament ikkontestat il-fondatezza tad-diversi motivi mressqa mir-rikorrent insostenn tar-rikors tiegħu.

69      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ta’ EUCAP Somalia riprodott fil-punt 62 iktar ’il fuq u bbażat fuq in-natura tal-motivi mressqa mir-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat li, insostenn tat-talbiet tiegħu bbażati fuq l-Artikolu 272 TFUE, ir-rikorrent jinvoka motivi bbażati b’mod partikolari fuq ksur tad-dritt għal smigħ, iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, rispettivament iggarantiti mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. Barra minn hekk, ir-rikorrent jinvoka motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2016, Šumelj et vs Il‑Kummissjoni, T‑546/13, T‑108/14 u T‑109/14, EU:T:2016:107, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 54 iktar ’il fuq, billi jinvoka, insostenn tat-talbiet tiegħu bbażati fuq l-Artikolu 272 TFUE, il-ksur tal-prinċipji ggarantiti mill-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ir-rikorrent jinvoka tassew regoli li l-amministrazzjoni tal-Unjoni hija obbligata tosserva f’kuntest kuntrattwali. Għaldaqstant, sakemm ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, ir-rikorrent ma jistax jiġi prekluż milli jinvoka l-ksur ta’ dawn il-prinċipji insostenn tat-talbiet tiegħu bbażati fuq l-Artikolu 272 TFUE, għar-raġuni li huwa ma jistax validament jinvoka li nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-klawżoli tal-kuntratt tiegħu jew ksur tad-dritt applikabbli għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punti 85 sa 89).

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE.

4.      Fuq ilmertu

72      Kif tfakkar fil-punt 48 iktar ’il fuq, ir-rikorrent iressaq talbiet sussidjarji intiżi, minn naħa, biex jikkontesta l-atti kontenzjużi, ikkunsidrati illegali u, min-naħa l-oħra, biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni minħabba dawn l-atti.

73      Insostenn ta’ dawn it-talbiet, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit u, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

a)      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur taddritt għal smigħ

74      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li huwa kellu jinstema’ qabel ma ġiet redatta n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020. F’dan is-sens, minn naħa, huwa jenfasizza li din in-nota kienet taffettwah b’mod sfavorevoli sa fejn kellha l-effett li ttemm b’mod immedjat l-impjieg tiegħu, li kien ilu jokkupa għal diversi snin fi ħdan EUCAP Somalia. F’dan ir-rigward, huwa jikkontesta li kien instema’ waqt laqgħa tat‑13 ta’ Jannar 2020 fil-preżenza tal-persunal kollu u waqt ikla ta’ ħidma fl‑24 ta’ Jannar ta’ wara u jsostni li d-dikjarazzjonijiet tal-Kap ta’ Missjoni dwar din il-laqgħa u dwar din l-ikla huma inammissibbli minħabba n-natura tas-sottomissjoni tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-Artikolu 21 tal-kuntratt inkwistjoni kien jimponi li jinstema’ mill-Kap ta’ Missjoni qabel ma dan tal-aħħar adotta n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020.

75      EUCAP Somalia tikkontesta dan l-argument.

76      Sabiex jiġi eżaminat l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, qabel kollox hemm lok li jsir riferiment għall-istipulazzjonijiet kuntrattwali kif ukoll li jiġi vverifikat jekk u sa fejn huma jiggarantixxu lir-rikorrent tali dritt qabel ma ġiet redatta n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta kienx jimponi fuq EUCAP Somalia li tisma’ lir-rikorrent qabel ma ġiet redatta din in-nota.

77      F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrent u EUCAP Somalia kienu marbuta b’relazzjoni ta’ impjieg kuntrattwali u, konformement mal-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni 2012/389, kif emendata bid-Deċiżjoni 2018/1942, il-kundizzjonijiet ta’ impjieg kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tar-rikorrent kienu ddefiniti fil-kuntratt inkwistjoni (ara l-punt 32 iktar ’il fuq).

78      F’dan ir-rigward, qabel kollox, l-Artikolu 17 tal-kuntratt inkwistjoni kien jipprevedi li t-tul tiegħu kellu jestendi mill‑1 ta’ Novembru 2019 sal‑31 ta’ Jannar 2020. Ebda klawżola oħra ta’ dan il-kuntratt ma kienet dwar it-terminu tiegħu u lanqas ma kienet tipprevedi l-possibbiltà li dan jiġi mġedded.

79      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, ċertament, il-proċeduri operattivi standard Nri 4.4 ta’ EUCAP Somalia, li kienu jagħmlu parti mill-kuntratt inkwistjoni, kellhom bħala għan li “jistandardizzaw il-proċeduri dwar […] it-tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tal-membri tal-persunal bil-kuntratt”, sabiex “jiġi żgurat li l-proċedura [għat-]tiġdid tal-kuntratt isseħħ b’mod trasparenti u responsabbli billi jiġu segwiti l-aqwa prattiki”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Kien previst b’mod partikolari li l-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt kienet tinbeda mid-dipartiment tar-riżorsi umani, fejn din tal-aħħar kellha tibda djalogu mal-membri tal-persunal li l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom kien ser jiskadi billi jistedinhom jistitwixxu r-“rapport ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni”.

80      Madankollu, huwa paċifiku bejn il-partijiet li din il-proċedura kellha tiġi applikata biss meta d-deċiżjoni ta’ tiġdid tal-kuntratt kienet tiddependi mill-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tal-membru tal-persunal. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-atti kontenzjużi, li ttieħdu b’konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u li kienu jikkonċernaw kull persunal bil-kuntratt ta’ EUCAP Somalia ċittadin ta’ dan l-Istat. Minn dan jirriżulta li r-rikorrent ma kellux dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

81      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, l-Artikolu 21(1) tal-kuntratt inkwistjoni ma kienx jimponi fuq il-Kap ta’ Missjoni li jisimgħu qabel ma ġiet redatta n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020. Fil-fatt, din il-klawżola kienet tikkonċerna r-rimedji interni mhux dixxiplinari kontra l-atti li jikkawżaw preġudizzju u kienet tipprevedi smigħ mill-Assistent Kap ta’ Missjoni biss wara l-preżentata ta’ tali rikors.

82      Fl-aħħar, lanqas ma jirriżulta mill-Artikolu 18(1) tal-kuntratt inkwistjoni, li t-termini tiegħu huma riprodotti fil-punt 10 iktar ’il fuq, li l-Kap ta’ Missjoni kien marbut li jisma’ lir-rikorrent qabel ma ġiet redatta n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020. Fil-fatt, din il-klawżola kienet timponi fuq EUCAP Somalia li tisma’ lir-rikorrent u li tosserva preavviż ta’ xahar fil-każ li l-kuntratt inkwistjoni jintemm qabel l-iskadenza tiegħu, li ma kienx il-każ hawnhekk.

83      Għaldaqstant, la mill-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni u lanqas mill-proċeduri operattivi standard ta’ EUCAP Somalia, li għalihom jirreferi dan il-kuntratt tar-rinviju, ma jirriżulta li l-Kap ta’ Missjoni kien marbut li jisma’ lir-rikorrent qabel ma ġiet redatta n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020.

84      Fir-rigward tad-dritt għal smigħ kif iggarantit mill-Karta, l-Artikolu 41(2)(a) tagħha, li huwa ta’ applikazzjoni ġenerali, jirrikonoxxi “d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament”. B’hekk, ir-rispett tad-dritt għal smigħ, li għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ kull leġiżlazzjoni applikabbli, jeżiġi li l-persuna kkonċernata titqiegħed minn qabel f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar l-elementi li jistgħu jintużaw kontriha fl-att li għandu jiġi adottat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 51, u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Probelte vs Il‑Kummissjoni, T‑67/18, EU:T:2019:873, punt 86).

85      F’dan il-każ, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li, permezz tal-atti kontenzjużi, EUCAP Somalia ma ċaħditx lir-rikorrent minn dritt, li minnu ma kienx jibbenefika, li l-kuntratt inkwistjoni jiġi mġedded, kif jirriżulta mill-punt 78 iktar ’il fuq. Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-punti 79 u 80 iktar ’il fuq, għalkemm proċedura partikolari interna għal EUCAP Somalia kienet teżisti għat-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol tal-membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali, tali proċedura ma kinitx rilevanti fil-kuntest tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi.

86      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tan-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, qabel liema r-rikorrent isostni li kellu jinstema’, il-Kap ta’ Missjoni informa lill-membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali ċittadini tar-Renju Unit tal-EUCAP Somalia, inkluż lir-rikorrent, dwar il-fatt li kien ser iħalli jiskadu l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, konformement mat-terminu miftiehem f’dawn tal-aħħar u magħruf mir-rikorrent sa mill-iffirmar tal-kuntratt inkwistjoni min-naħa tiegħu. Il-Kap ta’ Missjoni speċifika wkoll li xi kandidati kienu diġà ntgħażlu għall-pożizzjonijiet tagħhom.

87      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-kundizzjonijiet għaż-żamma tar-rikorrent fil-pożizzjoni kienu strettament marbuta mal-modalitajiet tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Fil-fatt, kif jirrikonoxxi huwa stess fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, it-tul tal-aħħar erba’ kuntratti ta’ xogħol tiegħu kien allinjat mal-kalendarju tan-negozjati relatati ma’ tali ħruġ (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, ir-rikorrent seta’ jistenna li l-iżvolġiment u l-eżitu tan-negozjati bejn l-Unjoni u r-Renju Unit – li d-data ta’ skadenza tagħhom kienet stabbilita għall‑31 ta’ Jannar 2020, jiġifieri t-terminu tal-kuntratt inkwistjoni – kellhom effett fuq l-għażla jekk EUCAP Somalia jipproponilux tiġdid ta’ dan il-kuntratt jew le.

88      Barra minn hekk, fil-mument tar-redazzjoni tan-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, jiġifieri inqas minn ġimagħtejn qabel it-terminu tal-kuntratt inkwistjoni, ir-rikorrent ma kienx esprima ruħu dwar it-tiġdid ta’ dan il-kuntratt, hekk kif ammetta bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta. Lanqas ma jirriżulta mill-proċess li, bejn il-bidu tal-kuntratt inkwistjoni, fl‑1 ta’ Novembru 2019, u n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent kien talab lill-Kap ta’ Missjoni sabiex ikollu informazzjoni dwar tiġdid eventwali tal-kuntratt inkwistjoni wara li jilħaq it-terminu tiegħu.

89      Minn dan jirriżulta li, fin-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, il-Kap ta’ Missjoni sempliċement fakkar l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni relatati mad-data ta’ skadenza u li din in-nota ma fiha ebda element ġdid fir-rigward tal-imsemmija stipulazzjonijiet. Għalhekk, l-għażla ta’ EUCAP Somalia li ma tużax il-possibbiltà li hija kellha li ġġedded il-kuntratt inkwistjoni, kif indikat fin-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020 u kkonfermata fl-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2020, ma kinitx, fis-sens tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, miżura meħuda kontra r-rikorrent li kienet taffettwah b’mod sfavorevoli.

90      Konsegwentement, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta ma kienx jimponi fuq EUCAP Somalia li tisma’ lir-rikorrent qabel ma ġiet redatta n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020. EUCAP Somalia setgħet, għalhekk, tħalli jiskadi l-kuntratt inkwistjoni fid-data miftiehma fih.

91      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li ksur tad-dritt għal smigħ jista’ jinvalida att biss meta jiġi stabbilit li l-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti fl-assenza ta’ tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020, Adraces vs Il‑Kummissjoni, T‑714/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:591, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      F’dan il-każ, huwa minnu li, kieku nstema’ qabel ma ġiet redatta n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent seta’ jinvoka argumenti marbuta mal-possibbiltà li l-membri tal-persunal ċittadini tar-Renju Unit jinżammu fil-pożizzjoni matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, konformement mal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit.

93      Madankollu, din is-sempliċi ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

94      Fil-fatt, l-ewwel, kif ġie kkonstatat fil-punti 78 u 85 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ma kellu ebda dritt kweżit għat-tiġdid tal-kuntratt inkwistjoni. It-tieni, qabel ma ġiet redatta n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, ma kienx għadu ċert li l-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit kien se jidħol fis-seħħ, peress li dan ġie konkluż mill-Kunsill biss fit‑30 ta’ Jannar ta’ wara (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Għalhekk, huwa biss lejliet it-terminu tal-kuntratt inkwistjoni li ġiet ikkonkretizzata l-possibbiltà ġuridika li jiġi propost lilu tali tiġdid. It-tielet, mill-proċess jirriżulta li, qabel ir-redazzjoni tan-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, EUCAP Somalia kienet diġà pproċediet għar-reklutaġġ ta’ ċittadin tal-Unjoni biex jissuċċedi lir-rikorrent fil-pożizzjoni tiegħu fil-każ ta’ ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali jqis li, anki jekk wieħed jassumi li r-rikorrent kellu d-dritt għal smigħ qabel ma ġiet redatta n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, il-proċedura ma setgħetx twassal għal riżultat differenti li kieku seta’ jeżerċita dan id-dritt.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. Peress li din il-konklużjoni ma hijiex ibbażata fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Kap ta’ Missjoni dwar laqgħa tat‑13 ta’ Jannar 2020 u dwar ikla ta’ ħidma tal‑24 ta’ Jannar ta’ wara, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn id-dokumenti, ikkontestata mir-rikorrent.

b)      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament u ta’ nondiskriminazzjoni

97      Fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu, fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-atti kontenzjużi jikkostitwixxu diskriminazzjoni sa fejn għandhom bħala għan in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt inkwistjoni minħabba l-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tar-Renju Unit, filwaqt li l-kollegi tiegħu ta’ nazzjonalitajiet oħra nżammu fil-pożizzjoni. Huwa jżid li l-atti kontenzjużi ma jistgħux jiġu utilment sostnuti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, sa fejn, skont dan tal-aħħar, ir-Renju Unit kellu jiġi ttrattat bħala Stat Membru sa tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, b’tali mod li, matul dan il-perijodu, is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal ċittadini tar-Renju Unit u tal-membri tal-persunal ċittadini ta’ Stati Membri oħra kienet paragunabbli.

98      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-atti kontenzjużi jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn għoxrin membru tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali ta’ missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK minbarra EUCAP Somalia, li wkoll huma ċittadini tar-Renju Unit, kellhom il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom estiż matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

99      Fit-tielet lok, ir-rikorrent jikkontesta li EUCAP Somalia tista’ tibbaża ruħha għall-ewwel darba, fl-istadju kontenzjuż, fuq l-ispeċifiċità tal-funzjonijiet tiegħu ta’ [kunfidenzjali] u fuq id-deroga prevista fl-Artikolu 127(7)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, mingħajr ma rreferiet għal tali motivi fl-atti kontenzjużi.

100    EUCAP Somalia tikkontesta l-argument tar-rikorrent, billi tenfasizza b’mod partikolari li huwa kien jinsab f’sitwazzjoni partikolari minħabba n-natura sensittiva tal-funzjonijiet tiegħu ta’ [kunfidenzjali], li kienet tipprekludi t-tiġdid tal-kuntratt tiegħu, konformement mal-Artikolu 127(7)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit. F’dan ir-rigward, EUCAP Somalia sostniet li r-riferiment għal dan l-artikolu jikkostitwixxi biss motivazzjoni addizzjonali diġà inkluża fl-atti kontenzjużi sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt inkwistjoni.

101    Preliminarjament, fir-rigward tal-motivazzjoni addizzjonali mogħtija minn EUCAP Somalia fil-mori tal-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 21(2) tal-kuntratt inkwistjoni, li t-termini tiegħu huma riprodotti fil-punt 13 iktar ’il fuq, kien jimponi fuq EUCAP Somalia l-obbligu li timmotiva r-risposta tagħha għar-rikors intern li r-rikorrent ippreżenta fuq il-bażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu.

102    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu għall-amministrazzjoni tal-Unjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha huwa previst b’mod partikolari fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta u għalhekk din l-amministrazzojni hija marbuta bih, inkluż meta taġixxi f’qafas kuntrattwali, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 54 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, Universität Koblenz‑Landau vs EACEA, T‑606/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:105, punti 27 sa 32).

103    F’dan ir-rigward, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu bħala għan li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità ta’ deċiżjoni u li tipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk din id-deċiżjoni hijiex tabilħaqq fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’tali mod li tkun tista’ tikkontesta l-legalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, li tista’ tiġi trasposta fil-kuntest kuntrattwali tal-każ, l-obbligu ta’ motivazzjoni jipprekludi li istituzzjoni konvenuta tissostitwixxi, fl-istadju kontenzjuż, motivazzjoni kompletament ġdida mal-motivazzjoni inizjali tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punt 15; tal‑21 ta’ Marzu 1996, Farrugia vs Il‑Kummissjoni, T‑230/94, EU:T:1996:40, punt 36, u tat‑22 ta’ April 2015, Tomana et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑190/12, EU:T:2015:222, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina t-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, fid-dawl tal-motivi adottati fl-atti kontenzjużi qabel, jekk ikun il-każ, ma jiġi eżaminat jekk huwiex neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni addizzjonali mressqa minn EUCAP Somalia fil-mori tal-kawża u, għaldaqstant, li tiddetermina jekk tali motivazzjoni tistax tittieħed inkunsiderazzjoni jew jekk għandhiex tiġi miċħuda sa fejn hija kompletament ġdida.

105    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, permezz tan-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, il-membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali ta’ EUCAP Somalia ċittadini tar-Renju Unit ġew kollha, indipendentement mill-funzjonijiet li kienu jokkupaw, informati li l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom ma kinux ser jiġġeddu u li kienu ser jintemmu hekk kif jiskadi t-terminu miftiehem, jiġifieri fil‑31 ta’ Jannar 2020. F’din in-nota, l-ewwel, il-Kap ta’ Missjoni kkunsidra li r-Renju Unit kellu jsir Stat terz mill‑1 ta’ Frar 2020 u li, konformement mad-Deċiżjoni 2012/389, ir-reklutaġġ ta’ ċittadini ta’ Stati terzi bħala membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali kien permess biss b’mod eċċezzjonali, meta ebda kandidat ċittadin ta’ Stat Membru ma seta’ jintgħażel. Sussegwentement, huwa indika li l-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit kien jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni li matulu ftehim qafas ta’ parteċipazzjoni seta’ jiġi konkluż bejn l-Unjoni u dan l-Istat fir-rigward tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tiegħu fil-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK, probabbilment wara perijodu ta’ negozjar. Fl-aħħar, huwa informa lill-membri tal-persunal ikkonċernati li xi kandidati kienu ntgħażlu għall-pożizzjonijiet tagħhom.

106    Fl-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2020, il-Kap ta’ Missjoni, wara li rrepeta l-motivi li jinsabu fin-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020, ippreċiża lir-rikorrent li n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt inkwistjoni kien ibbażat fuq evalwazzjoni operattiva tal-missjoni fl-interess tas-servizz fir-rigward tat-tiġdid ta’ kuntratti ulterjuri, konformement ma’ struzzjoni tal-Kmandant ta’ Operazzjonijiet Ċivili tat‑30 ta’ Ottubru 2019 u wara r-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Fiha l-Kap ta’ Missjoni kkonkluda li n-nota tat‑18 ta’ Jannar 2020 kienet ittieħdet “fid-dawl tar-riskji u tal-inċertezzi li fadal fir-rigward tan-negozjati bejn ir-[Renju Unit] u l-[Unjoni], il-kalendarju tagħhom u l-possibbiltà ta’ Brexit iebes, fid-dawl tad-diffikultajiet marbuta mas-suċċessjoni ta’ kuntratti ta’ tul qasir minħabba l-inċertezzi u l-kalendarju tal-iżviluppi tal-Brexit, fid-dawl [tas-]snin ta’ servizz [tar-rikorrent], u fid-dawl tan-neċessità, għas-servizz, li jiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet”.

107    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jikkostitwixxu żewġ indikazzjonijiet tal-istess prinċipju ġenerali tad-dritt, li jipprojbixxi, minn naħa, li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti u, min-naħa l-oħra, li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 2005, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il‑Kunsill, C‑422/02 P, EU:C:2005:56, punt 33, u tal‑20 ta’ Novembru 2017, Voigt vs Il‑Parlament, T‑618/15, EU:T:2017:821, punt 98).

108    B’mod partikolari, l-Artikolu 21(2) tal-Karta jipprojbixxi kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità. Din id-dispożizzjoni, li tirrigwarda s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fihom ċittadin ta’ Stat Membru jġarrab trattament diskriminatorju meta mqabbel maċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor fuq is-sempliċi bażi tan-nazzjonalità tiegħu, ma hijiex intiża li tapplika fil-każ ta’ differenza eventwali fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ Stati Membri u dawk tal-Istati terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2017, Petrov et vs Il‑Parlament, T‑452/15, EU:T:2017:822, punti 39 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-motivi deskritti fil-punti 105 u 106 iktar ’il fuq, l-atti kontenzjużi, minn naħa, jikkostitwixxux diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, jimplikawx inugwaljanza fit-trattament bejn l-aġenti ċittadini tar-Renju Unit tal-missjonijiet differenti li jaqgħu taħt il-PESK.

1)      Fuq l-allegata diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità

110    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li kien biss fl‑1 ta’ Frar 2020 li r-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni u b’hekk sar Stat terz (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 47).

111    Għalhekk, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, jiġifieri fit‑18 u d‑29 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent kien għadu ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni, b’tali mod li, insostenn tal-kontestazzjoni tiegħu tal-fondatezza ta’ dawn l-atti, huwa jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

112    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 105 u 106 iktar ’il fuq, l-atti kontenzjużi ġew adottati minħabba l-kwalità tar-rikorrent bħala ċittadin tar-Renju Unit.

113    Madankollu, il-fatt li l-Kap ta’ Missjoni adotta dawn l-atti fid-dawl tan-nazzjonalità tar-rikorrent ma jimplikax neċessarjament li dawn jikkostitwixxu diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

114    Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrent iqis li kien suġġett għal trattament differenti meta mqabbel mal-aġenti ċittadini ta’ Stati Membri oħra fi ħdan EUCAP Somalia, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk ir-rikorrent setax jitqies li jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ dawn il-membri l-oħra tal-persunal.

115    Issa, ir-rikorrent kien ċittadin ta’ Stat Membru li beda proċedura ta’ ħruġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 TUE, li huwa ta’ natura li jqiegħdu oġġettivament f’sitwazzjoni differenti minn dik taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra.

116    Fil-fatt, il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit ġie ffirmat mill-Unjoni u dan l-Istat fl‑24 ta’ Jannar 2020 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), qabel ma ġie konkluż mill-Kunsill fit‑30 ta’ Jannar 2020 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Għalhekk, sa data qrib it-terminu tal-kuntratt inkwistjoni, stabbilita għall‑31 ta’ Jannar 2020, ma kienx eskluż li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jseħħ mingħajr ma jiġi konkluż ftehim, li kien jipprekludi, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, il-possibbiltà li r-rikorrent jiġi propost tiġdid tal-kuntratt inkwistjoni, konformement mal-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2012/389 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

117    Għaldaqstant, ir-rikorrent, li kien jagħmel parti mill-persunal bil-kuntratt ċittadin tar-Renju Unit ta’ EUCAP Somalia, ma kienx oġġettivament f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali ċittadini ta’ Stat Membru ieħor fi ħdan din il-missjoni, fejn għalhekk il-Kap ta’ Missjoni seta’ jiddeċiedi li ma jġeddidx il-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrent wara l‑31 ta’ Jannar 2020, mingħajr ma dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

118    Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-membri tal-persunal kollha li huma ċittadini tar-Renju Unit ta’ EUCAP Somalia, li s-sitwazzjoni tagħhom kienet, f’dan ir-rigward, paragunabbli ma’ dik tar-rikorrent, skadew fil‑31 ta’ Jannar 2020.

119    Fid-dawl tal-punti preċedenti, meta adotta l-atti kontenzjużi, il-Kap ta’ Missjoni ma marx kontra l-prinċipju ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

2)      Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-membri tal-persunal ċittadini tar-Renju Unit ta’ missjonijiet oħra li jaqgħu taħt il-PESK

120    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq iż-żamma fil-pożizzjoni, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali li huma ċittadini tar-Renju Unit fi ħdan missjonijiet oħra li jaqgħu taħt il-PESK, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrent kienx jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ dawn il-membri l-oħra tal-persunal għal dak li jikkonċerna tali żamma.

121    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li ebda att ġuridiku tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE ma ġie adottat għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ status wieħed għall-persunal kuntrattwali tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK, bħal dik ta’ EUCAP Somalia.

122    Min-naħa l-oħra, kif essenzjalment enfasizzat ġustament EUCAP Somalia, il-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK huma kull waħda minnhom is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kunsill meħuda bis-saħħa tal-Artikolu 43(2) TUE u li tiddefinixxi, skont din id-dispożizzjoni, “l-objettivi u l-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom kif ukoll il-kondizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tagħhom”.

123    Fil-każ ta’ EUCAP Somalia, l-Artikoli 7 u 12a tad-Deċiżjoni 2012/389, kif emendata bid-Deċiżjoni 2018/1942 jagħtuha l-kapaċità ġuridika li tikkonkludi kuntratti għall-finijiet ta’ impjieg ta’ persunal (ara l-punti 3 u 4 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, mill-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni jirriżulta li l-Kap ta’ Missjoni għandu kompetenza ġenerali fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal.

124    Issa, ir-rikorrent b’ebda mod ma wera kif, fid-dawl tal-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għal kull missjoni tal-Unjoni u tal-awtonomija tagħhom fir-reklutaġġ u fil-ġestjoni tal-persunal bil-kuntratt tagħhom, is-sitwazzjoni interna u l-bżonnijiet ta’ dawn il-missjonijiet fil-qasam tal-persunal kienu paragunabbli ma’ dawk ta’ EUCAP Somalia. L-approċċ fir-rigward taż-żamma fis-servizz tal-membri tal-persunal li huma ċittadini tar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni seta’ għalhekk ivarja minn missjoni li taqa’ taħt il-PESK għal oħra.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent ma jistax jinvoka, insostenn ta’ allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, miżuri adottati fi ħdan missjonijiet oħra tal-Unjoni li EUCAP Somalia, fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali tagħhom li huma ċittadini tar-Renju Unit.

126    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-motivi invokati fl-atti kontenzjużi. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-motivazzjoni supplementari mressqa minn EUCAP Somalia fil-mori tal-kawża, ibbażata fuq in-natura sensittiva tal-funzjonijiet tar-rikorrent u fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 127(7)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, tistax tittieħed inkunsiderazzjoni.

c)      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talFtehim dwar ilĦruġ tarRenju Unit

127    Skont ir-rikorrent, fl-atti kontenzjużi, EUCAP Somalia marret kontra l-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit billi injorat il-possibbiltà, prevista f’dan il-ftehim, li tkompli timpjega ċittadini tar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni. Minn naħa, huwa jsostni li, skont qari flimkien tal-paragrafi 2 u 6 tal-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat kellhom jitqiesu bħala ċittadini ta’ Stati Membri matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-PESK. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jenfasizza li l-Artikolu 129(7) tal-istess ftehim kien jeskludi biss, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, it-tqegħid għad-dispożizzjoni mir-Renju Unit taċ-ċittadini tiegħu sabiex jokkupaw ċerti pożizzjonijiet ta’ tmexxija f’missjonijiet li jaqgħu taħt il-PBSK, iżda ma kienx jeskludi ż-żamma, minn dawn tal-aħħar, tal-membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali tagħhom ċittadini tar-Renju Unit f’pożizzjonijiet oħra, matul l-imsemmi perijodu.

128    EUCAP Somalia tikkontesta l-argument tar-rikorrent.

129    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 216(2) TFUE, il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

130    Issa, f’dan il-każ, il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit ġie konkluż mill-Kunsill biss fit‑30 ta’ Jannar 2020 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Għalhekk, fid-data ta’ adozzjoni tal-atti kontenzjużi, fit‑18 u d‑29 ta’ Jannar 2020, EUCAP Somalia ma kinitx għadha marbuta b’dan il-ftehim, b’tali mod li hija ma tistax tiġi kkritikata li marret kontra dan tal-aħħar.

131    Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ regoli ġodda, issir distinzjoni skont jekk dawn ikunux regoli proċedurali jew regoli sostantivi. Tal-ewwel huma ġeneralment meqjusa li japplikaw għall-kawżi kollha pendenti fil-mument li dawn jidħlu fis-seħħ, b’differenza minn tat-tieni, li normalment jiġu interpretati bħala li japplikaw għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li jkunu nħolqu taħt il-liġi l-antika kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda, iżda mhux għal sitwazzjonijiet li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli, ħlief sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tal-imsemmija regoli li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Beeren-, Wild-, Feinfrucht, C‑825/19, EU:C:2021:869, punt 31u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, Il‑Kummissjoni vs Huhtamaki Dourdan, C‑315/03, mhux ippubblikata, EU:C:2005:284, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    F’dan il-każ, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit invokati mir-rikorrent, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 127 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Ambitu tat-tranżizzjoni”, jipprevedi dan li ġej:

“1.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

[…]

2.      F’każ li l-Unjoni u r-Renju Unit jilħqu ftehim li jirregola r-relazzjonijiet futuri tagħhom fl-oqsma tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni li jsir applikabbli matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE u l-atti adottati fuq il-bażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ma għandhomx jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tal-applikazzjoni ta’ dak il-ftehim.

[…]

6.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kwalunkwe referenza għall-Istati Membri fid-dritt applikabbli tal-Unjoni skont il-paragrafu 1, inkluż kif implimentat u applikat mill-Istati Membri, għandha tinftiehem li tinkludi lir-Renju Unit.”

133    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 129 tal-istess ftehim, intitolat “Arranġamenti speċifiċi relatati mal-azzjoni esterna tal-Unjoni”, jipprevedi dan li ġej fil-paragrafu 7 tiegħu:

“Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit ma għandux jipprovdi kmandanti ta’ operazzjonijiet ċivili, kapijiet ta’ missjonijiet, kmandanti ta’ operazzjonijiet jew kmandanti ta’ forzi għal missjonijiet jew għal operazzjonijiet imwettqa taħt l-Artikoli 42, 43 u 44 TUE, u lanqas ma għandu jipprovdi l-kwartieri ġenerali operazzjonali għal tali missjonijiet jew operazzjonijiet, jew iservi bħala nazzjon qafas għal gruppi tal-battalja tal-Unjoni. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit ma għandux jipprovdi l-kap ta’ kwalunkwe azzjoni operazzjonali taħt l-Artikolu 28 TUE.”

134    Għalhekk, l-Artikolu 127(2) u (6) u l-Artikolu 129(7) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit jirregolaw il-kundizzjonijiet li fihom id-dritt tal-Unjoni japplika għar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni u jikkostitwixxu, għalhekk, regoli sostantivi. Barra minn hekk, la mill-kliem, la mill-għan u lanqas mill-istruttura ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżulta li dawn għandhom japplikaw għal sitwazzjonijiet ġuridiċi li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit. Għall-kuntrarju, l-imsemmija dispożizzjonijiet jirrigwardaw il-perijodu ta’ tranżizzjoni li jibda, skont l-Artikolu 126 ta’ dan il-ftehim, mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

135    Minn dan isegwi li, bis-saħħa tal-prinċipju mfakkar fil-punt 131 iktar ’il fuq, l-Artikolu 127(2) u (6) u l-Artikolu 129(7) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit saru applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim, fl‑1 ta’ Frar 2020 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, konformement mal-istess prinċipju, il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jistax jiġi invokat insostenn ta’ rikors li jirrigwarda att li jippreċedi din id-data.

136    Issa, f’dan il-każ, l-atti kontenzjużi, datati t‑18 ta’ Jannar 2020 u d‑29 ta’ Jannar 2020, u li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt inkwistjoni li, skont l-Artikolu 17 tiegħu, skada fil‑31 ta’ Jannar ta’ wara, jippreċedu d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Frar 2020, tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit. Barra minn hekk, il-ksur ta’ dan il-ftehim mill-atti kontenzjużi ma jistax jiġi kkonstatat.

137    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu fi kwalunkwe każ jiġi miċħud, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk ksur tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit jistax jiġi invokat fil-kuntest ta’ azzjoni bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE.

d)      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

138    Ir-rikorrent isostni li, bin-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu b’konsegwenza tal-atti kontenzjużi, EUCAP Somalia kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Minn naħa, bejn Settembru 2016 u Settembru 2019, huwa rċieva assigurazzjonijiet preċiżi fir-rigward taż-żamma fis-servizz tal-membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali li huma ċittadini tar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni fil-każ ta’ konklużjoni ta’ ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tad-diversi tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, skont dati limitu stabbiliti suċċessivament għan-negozjar ta’ tali ftehim, kif ukoll tal-anzjanità fil-grad tiegħu fi ħdan EUCAP Somalia, ir-rikorrent seta’ leġittimament jistenna li l-imsemmi kuntratt jiġi mġedded matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

139    EUCAP Somalia tikkontesta l-argument tar-rikorrent.

140    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippreżumi li l-persuna kkonċernata tirċievi garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ebda individwu ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ dawn l-assigurazzjonijiet (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    F’dan il-każ, la l-anzjanità fil-grad tar-rikorrent fi ħdan EUCAP Somalia u lanqas iċ-ċirkustanza li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ġie mġedded matul il-perijodi suċċessivi ta’ negozjar ta’ ftehim ta’ ħruġ bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni ma jistgħu jitqiesu bħala assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 140 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrent jafferma li l-ex Kap ta’ Missjoni ta’ EUCAP Somalia pprovda lill-membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali li huma ċittadini tar-Renju Unit ta’ din il-missjoni l-assigurazzjoni li l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom kienu ser jiġġeddu matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, huwa ma jissostanzjax l-affermazzjonijiet tiegħu permezz ta’ provi.

142    L-uniku element konkret li jinvoka r-rikorrent huwa posta elettronika tal-Kap ta’ Diviżjoni tas-SEAE għall-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK. Issa, minn naħa, id-deċiżjoni li jiġi propost lir-rikorrent tiġdid tal-kuntratt inkwistjoni matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni kienet taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kap ta’ Missjoni u mhux taħt dik ta’ Kap ta’ Diviżjoni tas-SEAE. Min-naħa l-oħra, din il-posta elettronika ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li r-rikorrent irċieva assigurazzjonijiet preċiżi li l-kuntratt inkwistjoni kien ser jiġġedded matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni. Għall-kuntrarju, fl-imsemmija posta elettronika, il-Kap ta’ Diviżjoni tas-SEAE, fir-rigward tal-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK, indika b’mod ċar li ż-żamma ta’ membri tal-persunal ċittadini tar-Renju Unit, ikkollokati jew kuntrattwali, fi ħdan tali missjonijiet, kienet suġġetta għal evalwazzjoni tal-interess tas-servizz mill-kapijiet ta’ missjoni. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrent irċieva assigurazzjonijiet preċiżi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 140 iktar ’il fuq, li l-kuntratt inkwistjoni jiġi mġedded matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

143    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

5.      Konklużjoni

144    Peress li l-motivi kollha mressqa mir-rikorrent insostenn tat-talbiet tiegħu fformulati skont l-Artikolu 272 TFUE ġew miċħuda, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 IV.      Fuq lispejjeż

145    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub minn EUCAP Somalia.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      JF huwa kkundannat għall-ispejjeż.

da Silva Passos

Valančius

Reine

Truchot

 

      Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Lulju 2022.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.