SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Novembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/41/UE – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali – Artikolu 14 – Rimedji ġudizzjarji – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Assenza ta’ rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru emittenti – Deċiżjoni li tordna tfittxija, qbid u smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza”

Fil-Kawża C‑852/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Novembru 2019, fil-proċeduri kriminali kontra

Ivan Gavanozov

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.-C. Bonichot u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Machovičová, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier, A. Daniel u N. Vincent, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Giordano, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u C. Leeb, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn I. Zaloguin u R. Troosters, sussegwentement minn I. Zaloguin u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(4) u tal-Artikolu 14(1) sa (4) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16), kif ukoll tal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Ivan Gavanozov, akkużat bit-tmexxija ta’ organizzazzjoni kriminali u bit-twettiq ta’ ksur fiskali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2014/41

3        Il-premessi 2, 6, 18, 19 u 22 tad-Direttiva 2014/41 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Taħt l-Artikolu 82(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji, li, mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999 ’l hawn, ġie komunement imsejjaħ bħala bażi importanti tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fi ħdan l-Unjoni.

[…]

(6)      Fil-programm ta’ Stokkolma adottat mill-Kunsill Ewropew tal‑10 sal‑11 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li l-istabbiliment ta’ sistema komprensiva għall-ksib ta’ provi f’każijiet b’dimensjoni transkonfinali, abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, għandu jitkompla. Il-Kunsill Ewropew indika li l-istrumenti eżistenti f’dan il-qasam kienu jikkostitwixxu reġim frammentarju u li kien meħtieġ approċċ ġdid, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li madankollu jżomm kont ukoll tal-flessibbiltà tas-sistema tradizzjonali ta’ assistenza legali reċiproka. Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew appella għal sistema komprensiva li tissostitwixxi l-istrumenti kollha eżistenti f’dan il-qasam, inkluża d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/978/ĠAI, li tkopri kemm jista’ jkun it-tipi kollha ta’ provi, li tinkludi skadenzi għall-infurzar u tillimita kemm jista’ jkun ir-raġunijiet għaċ-ċaħda.

[…]

(18)      Bħal fi strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku, din id-Direttiva ma għandhiex l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u għall-prinċipji fundamentali legali kif imnaqqxa fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fil-Karta [tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea]. Sabiex dan ikun ċar, ġiet inserita dispożizzjoni speċifika fit-test.

(19)      Il-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni huwa bbażat fuq fiduċja reċiproka u presunzjoni ta’ konformità, minn Stati Membri oħra, mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali. Madankollu, dik il-presunzjoni hija konfutabbli. Konsegwentement, jekk ikun hemm raġunijiet sostantivi biex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun tirriżulta fi ksur ta’ dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata u li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ser jinjora l-obbligi tiegħu dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta, l-eżekuzzjoni tal-OIE għandha tiġi rifjutata.

[…]

(22)      Ir-rimedji legali disponibbli kontra OIE għandhom ikunu tal-inqas ugwali għal dawk disponibbli fil-każ domestiku kontra l-miżura investigattiva kkonċernata. F’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikabbiltà ta’ dawk ir-rimedji legali, anke billi jgħarrfu lill kwalunkwe parti interessata fiż-żmien tajjeb bil-possibbiltajiet u l-modi biex tfittixhom. Fil-każijiet fejn oġġezzjonijiet kontra OIE jiġu ppreżentati minn parti interessata fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tar-raġunijiet sostantivi għall-ħruġ tal-OIE, ikun jaqbel li l-informazzjoni dwar tali kontestazzjoni tintbagħat lill-awtorità emittenti u li l-parti interessata tiġi infurmata b’dan.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità ma’ din id-Direttiva.

[…]

4.      Din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali ul-prinċipji legali kif sanċiti fl-Artikolu 6 tat-TUE, inklużi d-drittijiet ta’ difiża ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandux jiġi affettwat.”

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“OIE jista’ jinħareġ:

a)      fir-rigward ta’ proċedimenti kriminali istitwiti minn, jew li jistgħu jiġu istitwi quddiem, awtorità ġudizzjarja fir-rigward ta’ reat kriminali taħt il-liġi tal-Istat emittenti;

[…]”

6        L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata; u

b)      il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili.”

7        Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/41:

“L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mibgħut f’konformità ma’ din id-Direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva konċernata ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti f’din id-Direttiva.”

8        L-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(4), ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE jistgħu jiġu rifjutati fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fejn:

[…]

f)      ikun hemm raġunijiet sostantivi għalxiex jitwemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni taħt l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta;

[…]”

9        L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedji legali ekwivalenti għal dawk disponibbli f’każ domestiku simili jkunu applikabbli għall-miżuri investigattivi indikati fl-OIE.

2.      Ir-raġunijiet sostantivi għall-ħruġ tal-OIE jistgħu jiġu kkontestati biss f’rikors fl-Istat emittenti, mingħajr preġudizzju għall-garanziji tad-drittijiet fundamentali fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

3.      Fejn dan ma jimminax il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni, taħt l-Artikolu 19(1), l-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jiżguraw li tkun ipprovduta informazzjoni dwar il-possibbiltajiet disponibbli taħt il-liġi nazzjonali għal tfittxija tar-rimedji legali meta dawn isiru applikabbli u fiż-żmien tajjeb biex jippermetti l-eżerċizzju effettiv tagħhom.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskadenzi għat-tfittxija ta’ rimedju legali jkunu l-istess bħal dawk previsti f’kawżi domestiċi simili u li jiġu applikati b’mod li jiggarantixxi l-possibbiltà tal-eżerċizzju effettiv ta’ dawn ir-rimedji legali għal-partijiet konċernati.

[…]”

10      L-Artikolu 24 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.      Fejn persuna tkun fit-territorju ta’ Stat ta’ eżekuzzjoni u jkun meħtieġ li din tinstema’ bħala xhieda jew esperta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti, l-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biex ix-xhieda jew l-esperta tinstema’ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra f’konformità mal-paragrafi 5 sa 7.

[…]

7.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li, fejn il-persuna tkun qed tinstema’ fit-territorju tagħha f’konformità ma’ dan l-Artikolu u tirrifjuta li tixhed meta tkun taħt obbligu li tixhed jew ma tixhidx il-verità, il-liġi nazzjonali tagħha tapplika bl-istess mod bħallikieku s-smigħ sar fi proċedura nazzjonali.”

 Id-dritt Bulgaru

11      L-Artikolu 107(2) tan-nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, DV Nru 86, tat‑28 ta’ Ottubru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”), jipprovdi:

“Il-qorti għandha tieħu miżuri struttorji fuq talba tal-partijiet, u fuq inizjattiva tagħha stess, meta dan ikun meħtieġ sabiex tinstab il-verità oġġettiva.”

12      Skond l-Artikolu 117 tan-NPK:

“Permezz ta’ xhieda, huwa possibbli li jiġu stabbiliti l-fatti kollha osservati mix-xhud u li jikkontribwixxu sabiex tinstab il-verità oġġettiva.”

13      L-Artikolu 161(3) tan-NPK huwa fformulat kif ġej:

“Fil-proċedura ġudizzjarja, tfittxija u qbid għandhom jitwettqu abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti li teżamina l-każ.”

14      L-Artikolu 341(3) tan-NPK jipprovdi kif ġej:

“Id-digrieti u l-ordnijiet l-oħra kollha ma humiex suġġetti għal stħarriġ tal-qorti tal-appell minbarra l-kundanna.”

15      L-Artikolu 6(1) taż-zakon za evropeyskata zapoved za razsledvane (il-Liġi dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew, DV Nru 16, tal‑20 ta’ Frar 2018), jipprevedi:

“L-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 5(1) għandha toħroġ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea wara evalwazzjoni individwali, bil-kundizzjoni li:

1.      Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tkun neċessarja u adegwata fid-dawl tal-iskop tal-proċeduri kriminali, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-akkużat jew tal-konvenut.

2.      Il-miżuri investigattivi u proċedurali oħrajn li għalihom tinħareġ l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, ikunu jistgħu jitwettqu f’każ simili taħt l-istess kundizzjonijiet skont id-dritt Bulgaru.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      I. Gavanozov huwa suġġett, fil-Bulgarija, għal proċeduri kriminali għal parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali kkostitwita bil-għan li jitwettaq ksur fiskali.

17      B’mod partikolari, huwa ssuspettat li importa fil-Bulgarija, permezz ta’ kumpanniji fittizji, zokkor li ġej minn Stati Membri oħra, b’mod partikolari mingħand kumpannija stabbilita fir-Repubblika Ċeka u rrappreżentata minn Y, kif ukoll li sussegwentement biegħ dan iz-zokkor fis-suq Bulgaru mingħajr la ħallas u lanqas illikwida t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), billi ppreżenta dokumenti ineżatti li skonthom l-imsemmi zokkor ġie esportat lejn ir-Rumanija.

18      F’dan il-kuntest, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet, fil‑11 ta’ Mejju 2017, li toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża sabiex l-awtoritajiet Ċeki jagħmlu tfittxija u qbid, kemm fil-bini tal-imsemmija kumpannija stabbilita fir-Repubblika Ċeka kif ukoll fir-residenza ta’ Y, u jipproċedu bis-smigħ ta’ dan tal-aħħar bħala xhud permezz ta’ vidjokonferenza.

19      Wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u billi semmiet id-diffikultajiet sabiex timla’ t-Taqsima J tal-formola li tinsab fl-Anness A tad-Direttiva 2014/41, intitolata “Rimedji Legali”, din il-qorti staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

20      Fid-dawl, b’mod partikolari, tar-risposta mogħtija mill-istess qorti għal talba għal informazzjoni indirizzata lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar iddeċidiet, fil-punt 38 tas-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Gavanozov (C‑324/17, EU:C:2019:892), li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mat-Taqsima J tal-formola msemmija fl-Anness A ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ma għandhiex, meta toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, tipprovdi f’din it-taqsima deskrizzjoni tar-rimedji ġudizzjarji li huma previsti, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru tagħha, kontra l-ħruġ ta’ tali ordni.

21      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) tirrileva li d-dritt Bulgaru ma jipprevedi l-ebda rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjonijiet li jordnaw it-twettiq ta’ tfittxija u ta’ qbid jew l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhieda, u lanqas kontra l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

22      F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi jekk id-dritt Bulgaru jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni u, f’tali każ, jekk hija tistax toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala suġġett tali miżuri investigattivi.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1)      ]Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix rimedji legali kontra l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali intiż sabiex titwettaq tfittxija fi proprjetà immobbli residenzjali u fi proprjetà immobbli kummerċjali, sabiex jitwettaq sekwestru ta’ oġġetti partikolari kif ukoll sabiex jinżamm smigħ ta’ xhieda, hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1) sa (4), tal-Artikolu 1(4) kif ukoll mal-premessi 18 u 22 tad-Direttiva [2014/41], kif ukoll mad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 47 u 7 tal-[Karta], moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 13 u 8 tal- [Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)]?

[2)      ]Huwa possibbli li jinħareġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali f’dawn iċ-ċirkustanzi?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 14(1) sa (4) tad-Direttiva 2014/41, moqrija fid-dawl tal-premessi 18 u 22 ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-Artikoli 7 u 47 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikoli 8 u 13 tal-KEDB, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru emittenti ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li ma tipprevedi l-ebda rimedju ġudizzjarju kontra l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala suġġett it-twettiq ta’ tfittxija u qbid, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhieda permezz ta’ vidjokonferenza.

25      Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedji ġudizzjarji ekwivalenti għal dawk disponibbli fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili jkunu applikabbli għall-miżuri investigattivi indikati fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

26      Għalkemm din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessa 22 ta’ din id-direttiva, tipprevedi obbligu ġenerali għall-Istati Membri li jiżguraw li rimedji ġudizzjarji tal-inqas ekwivalenti għal dawk disponibbli fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili jkunu applikabbli għall-miżuri investigattivi indikati fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 60), hija ma teżiġix li l-Istati Membri jipprevedu rimedji ġudizzjarji addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li jeżistu fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili.

27      Tali rekwiżit lanqas ma jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14(2) tal-imsemmija direttiva, li jippreċiża biss li r-raġunijiet sostantivi li wasslu għall-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jistgħu jiġu kkontestati biss permezz ta’ azzjoni mressqa fl-Istat Membru emittenti.

28      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Provi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Issa, peress li l-proċedura għal ħruġ jew għal eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija rregolata mid-Direttiva 2014/41, din tikkostitwixxi tali implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, li twassal għall-applikabbiltà tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fl-ewwel paragrafu tiegħu, dan l-aħħar artikolu jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu.

31      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala suġġett it-twettiq ta’ tfittxija u qbid, għandu jiġi rrilevat li tali miżuri jikkostitwixxu interferenza fid-dritt ta’ kull persuna għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet tagħha, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta. Barra minn hekk, il-qbid jista’ jikser l-Artikolu 17(1) tal-Karta, li jirrikonoxxi d-dritt ta’ kull persuna li tgawdi mill-proprjetà tal-beni li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt.

32      Kull persuna li tixtieq tinvoka l-protezzjoni mogħtija lilha minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura dwar ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala suġġett it-twettiq ta’ tfittxija u ta’ qbid għandha għalhekk tingħata l-benefiċċju ta’ dritt għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

33      Dan id-dritt jimplika neċessarjament li l-persuni kkonċernati minn tali miżuri investigattivi jkollhom rimedji ġudizzjarji xierqa li jippermettulhom, minn naħa, li jikkontestaw ir-regolarità u n-neċessità tagħhom kif ukoll, min-naħa l-oħra, jitolbu rimedju xieraq jekk dawn il-miżuri jkunu ġew ordnati jew eżegwiti illegalment. Huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom ir-rimedji ġudizzjarji neċessarji għal dawn il-finijiet.

34      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tikkorrispondi, barra minn hekk, għal dik tal-Artikolu 13 tal-KEDB li adottat il-Qorti EDB fil-ġurisprudenza tagħha. Jirriżulta, fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li, skont din l-aħħar dispożizzjoni, li tikkorrispondi, essenzjalment għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-persuni kkonċernati minn tfittxija u qbid għandu jkollhom aċċess għal proċedura li tippermettilhom jikkontestaw ir-regolarità u n-neċessità tat-tfittxija u qbid imwettqa u li jiksbu rimedju xieraq fil-każ li dawn il-miżuri jkunu ġew ordnati jew eżegwiti illegalment (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, tat‑22 ta’ Mejju 2008, Iliya Stefanov vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2008:0522JUD006575501, punt 59; il-Qorti EDB, tal‑31 ta’ Marzu 2016, Stoyanov et vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2016:0331JUD005538810, punti 152 sa 154, kif ukoll il-Qorti EDB, tad‑19 ta’ Jannar 2017, Posevini vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2017:0119JUD006363814, punti 84 sa 86).

35      Barra minn hekk, id-dritt, għall-persuna kkonċernata, li tikkontesta r-regolarità u n-neċessità ta’ dawn il-miżuri jimplika li din il-persuna għandu jkollha rimedju kontra l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li tordna l-eżekuzzjoni tal-imsemmija miżuri.

36      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41 jiddefinixxi l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea bħala ordni ġudizzjarja maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru sabiex tiġi eżegwita miżura investigattiva waħda jew iktar fi Stat Membru ieħor bil-għan li jinkisbu provi, b’mod konformi ma’ din id-direttiva.

37      Skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmija Direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu ordni ta’ investigazzjoni Ewropea abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva.

38      Mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta, barra minn hekk, li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, trażmessa konformement ma’ din id-direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tagħha bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva kkonċernata kienet ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti f’din id-direttiva.

39      Minn dawn l-elementi jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura relatata ma’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, il-miżuri investigattivi huma ordnati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti u huma eżegwiti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li huma, bħala prinċipju, obbligati jirrikonoxxu ordni ta’ investigazzjoni Ewropea trażmessa konformement mad-Direttiva 2014/41 mingħajr ma tkun meħtieġa ebda formalità oħra.

40      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2014/41, ir-raġunijiet sostantivi li jikkostitwixxu l-bażi għall-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jistgħu jiġu kkontestati biss permezz ta’ azzjoni mressqa fl-Istat Membru emittenti.

41      Għaldaqstant, sabiex il-persuni kkonċernati mill-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru u li għandha bħala suġġett it-twettiq ta’ tfittxija u ta’ qbid ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod utli d-dritt tagħhom iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, huwa l-imsemmi Stat Membru li għandu jiżgura li dawn il-persuni jkollhom rimedju quddiem qorti tal-istess Stat Membru li jippermettilhom jikkontestaw in-neċessità u r-regolarità ta’ din id-deċiżjoni, tal-inqas, fid-dawl tar-raġunijiet sostantivi li wasslu għall-ħruġ ta’ tali ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

42      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala suġġett l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2014/41 jipprevedi li, meta persuna li tkun tinsab fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tinstema’ bħala xhud jew espert mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità emittenti tista’ toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea sabiex tisma’ x-xhud jew l-espert permezz ta’ vidjokonferenza jew permezz ta’ mezz ieħor ta’ trażmissjoni awdjoviżiva konformement mal-paragrafi 5 sa 7 tal-Artikolu 24.

43      L-Artikolu 24(7) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li, fejn persuna tkun qegħda tinstema’ fit-territorju tagħha konformement ma’ dan l-artikolu u tirrifjuta li tixhed meta tkun taħt obbligu li tixhed jew ma tixhidx il-verità, id-dritt nazzjonali tagħha japplika bl-istess mod bħallikieku s-smigħ ta’ din il-persuna kien seħħ fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali.

44      Minn dan isegwi li r-rifjut li wieħed jixhed fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala suġġett l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jista’ jkollu konsegwenzi sinjifikattivi għall-persuna kkonċernata abbażi tar-regoli previsti għal dan il-għan fid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. B’mod partikolari, din il-persuna tista’ tiġi mġiegħla tidher għas-smigħ u tiġi obbligata twieġeb għad-domandi magħmula f’dan il-kuntest, taħt piena ta’ sanzjonijiet.

45      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni kontra interventi tal-awtorità pubblika fl-isfera privata ta’ persuna fiżika jew ġuridika, li jkunu arbitrarji jew sproporzjonati, tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din il-protezzjoni tista’ tiġi invokata minn kwalunkwe persuna, bħala dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, bil-għan li tikkontesta, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, att li jikkawżalha preġudizzju, bħalma huwa ordni ta’ għoti ta’ informazzjoni jew sanzjoni imposta għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-ordni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni legali kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala suġġett l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza tista’ tikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata u li din għandha għalhekk ikollha rimedju ġudizzjarju kontra tali deċiżjoni, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta.

48      Issa, il-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2014/41, sabiex jeżaminaw ir-raġunijiet sostantivi ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li tordna l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza.

49      Minn dan isegwi li huwa l-Istat Membru emittenti li għandu jiżgura li kull persuna li tkun suġġetta għal obbligu li tippreżenta ruħha għal smigħ bil-għan li tinstema’ bħala xhud jew li twieġeb għad-domandi li jkunu sarulha matul tali smigħ fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jkollha rimedju quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru li jippermettilha tikkontesta, tal-inqas, ir-raġunijiet sostantivi li wasslu għall-ħruġ ta’ tali ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal-Artikolu 24(7) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru emittenti ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li ma tipprevedi l-ebda rimedju ġudizzjarju kontra l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala suġġett it-twettiq ta’ tfittxija u ta’ qbid kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza.

 Fuq it-tieni domanda

51      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 14(1) sa (4) tad-Direttiva 2014/41, moqrija fid-dawl tal-premessi 18 u 22 ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-Artikoli 7 u 47 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikoli 8 u 13 tal-KEDB, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-ħruġ, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala suġġett it-twettiq ta’ tfittxija u ta’ qbid kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza, meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ma jipprevedi l-ebda rimedju ġudizzjarju kontra l-ħruġ ta’ tali ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

52      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41 jissuġġetta l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea għall-osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, dan il-ħruġ għandu jkun neċessarju u proporzjonat għall-finijiet tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew tal-persuna akkużata. Min-naħa l-oħra, il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea għandhom ikunu jistgħu jiġu ordnati taħt l-istess kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili.

53      Ċertament, din id-dispożizzjoni ma ssemmix it-teħid inkunsiderazzjoni, waqt il-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, tad-drittijiet ta’ persuni kkonċernati mill-miżuri investigattivi indikati f’din l-ordni minbarra l-persuna suspettata jew akkużata.

54      F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jitfakkar, b’mod partikolari, mill-premessi 2, 6 u 19 tal-imsemmija direttiva, li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija strument li jaqa’ taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali msemmija fl-Artikolu 82(1) TFUE, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Dan il-prinċipju, li jikkostitwixxi l-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, huwa hu stess ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka kif ukoll fuq il-preżunzjoni konfutabbli li l-Istati Membri l-oħra josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 40).

55      Fil-kuntest ta’ proċedura relatata ma’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, il-garanzija ta’ dawn id-drittijiet taqa’ għalhekk, prinċipalment, taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti, li huwa preżunt li josserva d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, li jirrispetta d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 50).

56      Madankollu, l-impossibbiltà li jiġu kkontestati, fl-Istat Membru emittenti, in-neċessità u r-regolarità ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala għan it-twettiq ta’ tfittxija u ta’ qbid kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza, tal-inqas, fir-rigward tal-motivi sostantivi li wasslu għall-ħruġ tagħha, tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, ta’ natura li jeskludi li r-rikonoxximent reċiproku jista’ jiġi implimentat u jibbenefika lil dan l-Istat Membru.

57      Barra minn hekk, għandu jitfakkar, li huma l-Istati Membri, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, li għandhom jiżguraw, fit-territorji rispettivi tagħhom, l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jieħdu, għal dan l-għan, kwalunkwe miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Għalhekk, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rwol essenzjali tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2014/41, huwa l-Istat Membru emittenti li għandu joħloq il-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ utilment tagħti l-assistenza tagħha b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

59      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2014/41 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea. L-Artikolu 11(1)(f) tagħha jippermetti lill-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni jidderogaw minn dan il-prinċipju, b’mod eċċezzjonali, wara evalwazzjoni każ b’każ, meta jkun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali ggarantiti, b’mod partikolari, mill-Karta. Madankollu, fl-assenza ta’ kwalunkwe rimedju ġudizzjarju fl-Istat emittenti, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ssir sistematika. Tali konsegwenza tmur kontra, kemm l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2014/41 kif ukoll il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.

60      Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punti 81 sa 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li fir-rigward tagħha jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni tagħha twassal għal ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta u li l-eżekuzzjoni tagħha għandha għalhekk tiġi rrifjutata mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni konformement mal-Artikolu 11(1)(f) ta’ din id-direttiva, ma huwiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali.

61      Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel domanda, l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala għan it-twettiq ta’ tfittxija u ta’ qbid kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza, li r-regolarità tagħha ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem qorti tal-Istat Membru emittenti, hija ta’ natura li tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ħruġ, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala suġġett it-twettiq ta’ tfittxija u ta’ qbid kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza, meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ma tipprevedi l-ebda rimedju ġudizzjarju kontra l-ħruġ ta’ tali ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 24(7) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru emittenti ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li ma tipprevedi l-ebda rimedju ġudizzjarju kontra l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala suġġett it-twettiq ta’ tfittxija u ta’ qbid kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza.

2)      l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ħruġ, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li għandha bħala suġġett it-twettiq ta’ tfittxija u ta’ qbid kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza, meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ma tipprevedi l-ebda rimedju ġudizzjarju kontra l-ħruġ ta’ tali ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.