KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ppreżentati fl-1 ta’ Ġunju 2016 (1)

Kawża C‑166/15

Aleksandrs Ranks

Jurijs Vasiļevičs

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu tiesu kolēģija (qorti reġjonali ta’ Riga, kulleġġ tal-kawżi kriminali, il-Latvja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 91/250/KEE — Protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter — Bejgħ ta’ kopji mhux oriġinali ta’ programmi tal-kompjuter — Kopji inkorporati f’mezz materjali differenti mill-mezz materjali oriġinali — Eżistenza ta’ ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni — Possibbiltà li jiġi invokat l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni — Eżistenza ta’ ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Marzu 2015, li wasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ April 2015, ir-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu tiesu kolēģija (qorti reġjonali ta’ Riga, kulleġġ tal-kawżi kriminali, il-Latvja) għamlet żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, p. 16).

2.        Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali miġjuba kontra Aleksandrs Ranks u Jurijs Vasiļevičs (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“imputati”) b’mod partikolari minħabba l-allegat ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ Microsoft Corporation (iktar ’il quddiem “Microsoft”) wara li sar bejgħ ta’ kopji ta’ programmi tal-kompjuter inkorporati f’mezz materjali differenti mill-mezz materjali oriġinali.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        Permezz tal-Artikolu 10 tagħha, id-Direttiva 2009/24 tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 141) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/250”).

4.        Skont l-Artikolu 11 tagħha, id-Direttiva 2009/24 daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2009. Issa, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-fatti rilevanti għall-kawża prinċipali ġraw bejn it-28 ta’ Diċembru 2001 u t-22 ta’ Diċembru 2004. Konsegwentement, f’din il-kawża jeħtieġ li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/250.

5.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/250, intitolat “Attijiet Ristretti”, jipprovdi:

“Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2, għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

(a)      ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. Inkwantu għat-tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-komputer jinneċessitaw din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

[…]

(ċ)       kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew kopji tiegħu. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja ta’ programm mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu għandu jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni fil-Komunità ta’ dik il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri tal-programm jew kopja tiegħu.”

6.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-atti ristretti”, jipprovdi:

“1.      Fl-assenza ta’ disposizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fl-Artikolu 4(a) u (b) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.

2.      L-għemil ta’ kopja ta’ rinforz minn persuna li jkollha dritt li tħaddem il-programm tal-kompjuter tista’ ma tkunx miżmuma b’kuntratt għal kemm żmien ikun meħtieġ għal dak l-użu.

[…]”

7.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/250, intitolat, “Miżuri speċjali ta’ protezzjoni”, jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4, 5 u 6, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, rimedji xierqa kontra persuna li tikkommetti xi wieħed mill-atti elenkati fis-sottoparagrafi (a), (b) u (ċ) kif ġej:

(a)      kull att li jqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni kopja ta’ programm tal-kompjuter waqt li jaf, jew li jkollu raġuni għalfejn jemmen, li hija kopja illegali;

(b)      il-pussess, għal finijiet kummerċjali, ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter waqt li jkun jaf, jew ikollu raġuni għalfejn jemmen, li tkun kopja illegali;

[…]

2.      Kull kopja illegali ta’ programm ta’ l-kompjuter tista’ tiġi sekwestrata skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru interessat.

[…]”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8.        Bejn it-28 ta’ Diċembru 2001 u t-22 ta’ Diċembru 2004, l-imputati, li aġixxew flimkien skont ftehim li għamlu qabel, biegħu fuq il-pjattaforma ta’ bejgħ onlajn proposta mis-sit tal-internet www.ebay.com iktar minn 3 000 kopja ta’ programmi tal-kompjuter protetti mid-drittijiet tal-awtur.

9.        Microsoft hija d-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter li kienu s-suġġett ta’ dan il-bejgħ, li jinkludu l-programmi bl-ismijiet “Windows 95”, “Windows 98”, “Windows 2000 Professional”, “Windows Millenium”, “Windows XP Home 2002”, “Office 2000 Professional”, “Office XP Small Business” u “Office 2003”.

10.      L-ammont totali li l-imputati daħħlu minn dan il-bejgħ ma setax jiġi ddeterminat b’mod preċiż matul l-investigazzjoni. Madankollu, ġie stabbilit li l-imputati rċevew ammont ta’ EUR 229 724.67 mis-sistema ta’ ħlas “PayPal” proposta fuq is-sit tal-internet www.ebay.com.

11.      Fil-kuntest tal-imsemmi bejgħ, l-imputati b’mod partikolari biegħu:

–        kopja tal-programm “Windows Millenium Edition” li l-kundizzjonijiet tal-liċenzja tiegħu kienu jistipulaw li ma setax jiġi ddistribwit ħlief ma’ kompjuter ġdid (“for distribution only with a new PC”);

–        żewġ kopji tal-programm “Windows 2000 Professional OEM”, flimkien ma’ gwida dwar l-użu u ċertifikat tal-awtentiċità, li kienu kkunsidrati minn espert bħala li kienu riproduzzjonijiet illegali tad-diska kompatta u tal-programm ta’ installazzjoni tal-“Microsoft Windows 2000 Professional”;

–        tletin kopja tal-programm “Windows 98 Second Edition OEM”, flimkien ma’ gwida dwar l-użu u ċertifikat tal-awtentiċità, li kienu kkunsidrati minn espert bħala li kienu riproduzzjonijiet illegali tad-diski kompatti u tal-programmi ta’ installazzjoni tal-“Microsoft Windows 98 Starts Here 4/98” u tal-“Microsoft Windows 98 Second Edition”.

12.      Il-qorti tar-rinviju speċifikat li l-imputati ġew akkużati li wettqu r-reati kriminali segwenti:

–        bejgħ illegali, bħala parti minn grupp organizzat, ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur, li huma riprodotti jew użati permezz ta’ mezz ieħor bi ksur tad-drittijiet tal-awtur (Artikolu 149(3) tal-kodiċi kriminali fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fis-17 ta’ Ottubru 2002);

–        użu illegali deliberat ta’ trade mark li tappartjeni lil ħaddieħor, li jikkawża dannu gravi għad-drittijiet u għall-interessi individwali protetti mil-liġi (Artikolu 206(2) tal-kodiċi kriminali); u

–        l-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali mingħajr reġistrazzjoni, li tikkawża dannu gravi għall-interessi individwali protetti mil-liġi (Artikolu 207(2) tal-kodiċi kriminali).

13.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Jannar 2012, ir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (qorti distrettwali ta’ Vidzeme tal-belt ta’ Riga, il-Latvja) sabet lill-imputati ħatja tar-reati previsti fl-Artikolu 149(3) u fl-Artikolu 206(2) tal-kodiċi kriminali u kkundannathom iħallsu parzjalment il-kumpens għad-dannu u l-ispejjeż kollha tal-proċedura. L-imputati ma nstabux ħatja tar-reat previst fl-Artikolu 207(2) tal-kodiċi kriminali.

14.      Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Marzu 2013, il-qorti tar-rinviju annullat id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza f’dak li jirrigwarda l-kundanna tal-imputati taħt l-Artikolu 149(3) tal-kodiċi kriminali u l-piena imposta. Madankollu, din il-qorti kkundannat lill-imputati taħt l-Artikolu 149(3) tal-kodiċi kriminali fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fis-17 ta’ Ottubru 2002. Il-kumplament tad-deċiżjoni ma ġiex emendat.

15.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2013, il-Latvijas Republikas Augstākās tiesas Senāts (senat tal-qorti suprema tal-Latvja) annullat fl-intier tagħha s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2013 u bagħtet lura l-kawża quddiem qorti tal-appell sabiex terġa’ tiġi eżaminata.

16.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, il-qorti tar-rinviju aċċettat li teżamina mill-ġdid fi stadju ta’ appell il-kawża kriminali dwar il-kundanna tal-imputati taħt l-Artikolu 149(3) (fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2010), l-Artikolu 206(2) u l-Artikolu 207(2) tal-kodiċi kriminali.

17.      Billi hija għandha dubji dwar ir-rilevanza tas-sentenza UsedSoft (2) fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ir-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu tiesu kolēģija (qorti reġjonali ta’ Riga, kulleġġ tal-kawżi kriminali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Persuna li akkwistat programm tal-kompjuter b’liċenzja użat fuq diska li ma hijiex oriġinali, li topera u li l-ebda utent ieħor ma juża, tista’, skont [l-Artikolu] 5(1) u [l-Artikolu] 4(2) tad-Direttiva 2009/24 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tinvoka l-eżawriment tad-dritt li titqassam kopja ta’ dan il-programm tal-kompjuter li l-ewwel xerrej ikun akkwista mingħand id-detentur tad-drittijiet flimkien mad-diska oriġinali, [meta] d-diska [oriġinali] ddeterorjat [u] l-ewwel xerrej ħassar il-kopja tagħha [tiegħu] jew ma għadux jużaha?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, persuna li tista’ tinvoka l-eżawriment tad-dritt li titqassam kopja tal-programm tal-kompjuter għandha d-dritt li terġa’ tbigħ dan il-programm tal-kompjuter fuq diska li ma hijiex l-oriġinali lil terz, fis-sens [tal-Artikolu] 4(2) u [tal-Artikolu] 5(2) tad-Direttiva 2009/24?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ April 2015.

19.      L-imputati, Microsoft, il-Gvern Latvjan, il-Gvern Taljan, il-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

20.      Dehru għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali tas-16 ta’ Marzu 2016 ir-rappreżentanti tal-imputati u ta’ Microsoft, il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni sabiex jinstemgħu l-osservazzjonijiet tagħhom.

V –    Analiżi tad-domandi preliminari

21.      Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur minħabba l-bejgħ, mingħajr il-kunsens tad-detentur, ta’ kopji ta’ programmi tal-kompjuter li saru mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur fuq mezz materjali differenti mill-mezz oriġinali (iktar ’il quddiem il-“kopji materjali mhux oriġinali”). Għalhekk, dawn il-domandi ma jikkonċernawx il-bejgħ, mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu, ta’ kopji magħmula mid-detentur jew bl-awtorizzazzjoni tiegħu fuq il-mezz materjali oriġinali (iktar ’il quddiem il-“kopji materjali oriġinali”).

22.      Fil-kawża prinċipali, l-imputati huma akkużati li biegħu eluf ta’ kopji materjali mhux oriġinali ta’ programmi tal-kompjuter li d-drittijiet tal-awtur tagħhom jappartjenu lil Microsoft. L-imputati ddikjaraw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li kienu xtraw dawn il-kopji mingħand impriżi jew individwi li ma baqgħux jużawhom.

23.      Il-bejgħ ta’ kopji materjali mhux oriġinali jista’ jippreġudika żewġ drittijiet esklużivi attribwiti lid-detentur skont tal-Artikolu 4(a) u (ċ) tad-Direttiva 91/250, jiġifieri d-dritt esklużiv li jagħmel u jawtorizza r-riproduzzjoni permanenti jew provviżorja ta’ programm tal-kompjuter (iktar ’il-quddiem id-“dritt ta’ riproduzzjoni”) kif ukoll id-dritt esklużiv li jagħmel u li jawtorizza kull forma ta’ distribuzzjoni, inkluż il-kiri, lill-pubbliku tal-oriġinal jew tal-kopji ta’ programm tal-kompjuter (iktar ’il quddiem id-“dritt tad-distribuzzjoni”).

24.      Barra minn hekk, għalkemm id-domandi magħmula ma jsemmux espressament l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, dawn id-domandi jagħmlu riferiment ukoll għal dispożizzjonijiet li jipprevedu derogi għad-dritt ta’ riproduzzjoni, jiġifieri l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 91/250.

25.      Għalhekk, inqis li huwa meħtieġ li jiġu fformulati mill-ġdid id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ġej. Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(a) u (ċ) kif ukoll l-Artikolu 5 (1) u (2) tad-Direttiva 91/250 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippreġudikaw id-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ distribuzzjoni mid-detentur meta l-kopja ta’ programm tal-kompjuter issir minn utent, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ detentur, fuq mezz materjali differenti mill-mezz materjali oriġinali u li din il-kopja tinbiegħ, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur, minn dan l-utent jew minn utent ieħor, u dan anki fiċ-ċirkustanzi fejn:

–        il-mezz materjali oriġinali jkollu l-ħsara u

–        il-bejjiegħ tal-imsemmija kopja jrendi inutilizzabbli kull kopja oħra fil-pussess tiegħu.

A –    Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula

26.      Il-Gvern Latvjan esprima dubji dwar l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, sa fejn dawn id-domandi jagħmlu riferiment għall-bejgħ ta’ kopji materjali mhux oriġinali taħt liċenzja fil-waqt li d-digriet tar-rinviju jsemmi rapporti ta’ esperti li jistabbilixxu l-bejgħ ta’ kopji ffalsifikati. Konsegwentement, id-domandi magħmula ma humiex rilevanti għall-analiżi tal-kawża prinċipali.

27.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, billi d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (3).

28.      Għalhekk, iċ-ċaħda ta’ domanda fformulata minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex x’taqsam mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (4).

29.      Fil-kawża prinċipali, u kif innota l-Gvern Latvjan matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-klassifikazzjoni bħala “iffalsifikat” tiddependi fuq ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għad-domandi li sarulha. Pereżempju, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-għemil u l-bejgħ ta’ kopji materjali mhux oriġinali, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ma jippreġudikawx id-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ distribuzzjoni, dawn il-kopji ma jistgħux jitqiesu iktar li huma kopji ffalsifikati mill-qorti nazzjonali.

30.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li d-domandi magħmula għandhom rabta diretta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u huma, għaldaqstant, ammissibbli.

B –    Fuq l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni meta nbiegħu kopji materjali mhux oriġinali ta’ programmi tal-kompjuter

31.      F’dan il-punt xieraq li neżaminaw jekk l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jippreġudika d-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tad-detentur fiċ-ċirkustanzi identifikati fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

32.      Skont l-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, id-dritt ta’ distribuzzjoni jinkiser meta l-oriġinal jew kopja ta’ programm tal-kompjuter jitqassmu lill-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur. Fil-kawża prinċipali, huwa minnu li l-imputati biegħu, fuq il-pjattaforma ta’ bejgħ onlajn proposta mis-sit tal-internet www.ebay.com, diversi eluf ta’ kopji materjali mhux oriġinali ta’ programmi tal-kompjuter mingħajr il-kunsens tad-detentur, jiġifieri Microsoft. Lanqas ma huwa qiegħed jiġi kkontestat li dan il-bejgħ jikkostitwixxi tqassim skont it-tifsira tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

33.      Konsegwentement, il-bejgħ tal-kopji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ Microsoft, ħlief jekk jiġi stabbilit li dan il-bejgħ joriġina minn deroga mid-dritt ta’ distribuzzjoni. F’dan ir-rigward, il-parti l-kbira tal-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk tali bejgħ jaqax taħt ir-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250.

34.      Jistgħu jiġu identifikati tliet approċċi fost l-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni eventwali tar-regola tal-eżawriment fil-konfront ta’ kopji materjali mhux oriġinali.

35.      Skont approċċ strett propost minn Microsoft kif ukoll mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Pollakk, kopja materjali mhux oriġinali ma tista’ qatt tibbenefika mill‑eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni u, għalhekk, ma tistax tinbiegħ minn utent mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur.

36.      Skont approċċ liberali sostnut mill-imputati u mill-Gvern Latvjan, kopja materjali mhux oriġinali tibbenefika mill-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni meta jiġu osservati l-kundizzjonijiet li ġew stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza UsedSoft (5), jiġifieri:

–        id-detentur ikun ta lix-xerrej inizjali, permezz tal-ħlas ta’ prezz intiż li jippermetti li huwa jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa l-proprjetarju tagħha, dritt ta’ użu ta’ kopja għal perijodu indeterminat u

–        ix-xerrej inizjali li jipproċedi bil-bejgħ mill-ġdid tal-kopja materjali mhux oriġinali, irendi inutilizzabbli kull kopja oħra fil-pussess tiegħu fil-mument tal-bejgħ mill-ġdid.

37.      Skont approċċ intermedju propost mill-Kummissjoni, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza UsedSoft (6) tista’ tiġi estiża għall-kopji materjali mhux oriġinali biss f’każ speċifiku, jiġifieri meta l-kopja materjali oriġinali jkollha l-ħsara. Ċertament, l-għemil ta’ kopji materjali mhux oriġinali għall-finijiet oħra minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250, u b’mod partikolari bl-għan li jerġgħu jinbiegħu, ma jistax tibbenefika mill-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni. Madankollu, l-għemil ta’ kopja materjali mhux oriġinali meta l-kopja materjali oriġinali jkollha l-ħsara jaqa’ taħt l-Artikolu 5(1) jew (2) tad-Direttiva 91/250 minħabba li jkun neċessarju sabiex jippermetti lix-xerrej leġittimu li juża l-kopja konformement mal-għan tagħha. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li l-bejgħ mill-ġdid ta’ kopja materjali mhux oriġinali li tkun saret f’tali ċirkustanzi jibbenefika mill-eżawriment, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik is-sentenza, miġbura fil-qosor fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

38.      Jidhirli li l-elementi segwenti jimmilitaw favur l-approċċ strett propost minn Microsoft kif ukoll mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Pollakk.

39.      L-ewwel nett, jidhirli li l-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250, li tistabbilixxi l-unika deroga mid-dritt ta’ distribuzzjoni fil-kuntest ta’ din id-direttiva, ma hijiex rikonċiljabbli mal-approċċi liberali u intermedju għaż-żewġ raġunijiet li ġejjin.

40.      Minn naħa, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tillimita l-benefiċċju tal-eżawriment għall-kopja oriġinali biss. Skont din id-dispożizzjoni, fil-fatt, il-bejgħ ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter, mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu, “għandu jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni fil-Komunità ta’ dik il-kopja” (il-korsiv miżjud minni). Kif tenfasizza Microsoft, l-użu tat-termini “dik il-kopja” jeskludi li tista’ tiġi invokata r-regola tal-eżawriment għal kull kopja oħra minbarra l-kopja oriġinali mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.

41.      Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni għaċ-ċirkustanza li l-bejjiegħ mill-ġdid irendi inutilizzabbli kwalunkwe kopja oħra fil-pussess tiegħu jew saħansitra għaċ-ċirkustanza li l-kopja materjali oriġinali ddeterjorat, għall-kuntrarju ta’ dak li qegħdin jargumentaw l-imputati, il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħti l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni b’mod inkundizzjonat lil kull kopja oriġinali mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.

42.      It-tieni nett, jidhirli li l-approċċ strett jikkorrispondi għall-kunċett ġenerali tar-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni kif previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, kif sostnut minn Microsoft. Dispożizzjoni analoga għat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/2015 żdiedet b’mod partikolari mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29/KE (7).

43.      Din id-dispożizzjoni ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Art & Allposters International (8). Din is-sentenza tikkonċerna ksur tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta’ immaġni ta’ xogħlijiet protetti, li kienu ġew ittrasferiti, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur, minn fuq poster tal-karta għal fuq tila u li mbagħad inbiegħu fuq dan il-mezz il-ġdid. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 kien ikopri biss il-mezz oriġinali mibjugħ bil-kunsens tad-detentur (poster tal-karta) u ma setax jiġi estiż għall-mezz il-ġdid li jinkludi l-immaġni tax-xogħol protett (tila).

44.      Fl-opinjoni tiegħi, iċ-ċirkustanza li l-mezz oriġinali kien iddeterjora ma tikkompromettix is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Art & Allposters International (9). Għalhekk, id-deterjorazzjoni eventwali tal-poster tal-karta ma timplikax li l-utent jista’, mingħajr ma jippreġudika d-dritt ta’ distribuzzjoni, jittrasferixxi l-immaġni fuq tila u jerġa’ jbigħha mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur. Bl-istess mod, id-deterjorazzjoni ta’ ktieb ma tagħtix lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jbigħu fotokopja, bħal ma d-deterjorazzjoni ta’ diska tal-vinil lanqas ma tagħti d-dritt li l-kontenut tagħha jiġi ttrasferit f’diska kompatta u din tal-aħħar terġa’ tinbiegħ mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur.

45.      B’analoġija, l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250 jibbenefika minnu biss il-mezz oriġinali mibjugħ mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu (kopja materjali oriġinali). Għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw l-imputati, il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni, ir-regola tal-eżawriment ma tistax tiġi applikata għall-bejgħ mill-ġdid, mingħajr il-kunsens tad-detentur, ta’ mezzi oħra li jinkludu l-programm tal-kompjuter (kopji materjali mhux oriġinali), u dan anki fil-każ tad-deterjorazzjoni tal-mezz oriġinali.

46.      It-tielet nett, jidhirli li l-approċċi liberali u intermedji jwasslu għal konfużjoni bejn ir-regoli li jirregolaw id-dritt ta’ distribuzzjoni u dawk li jirregolaw id-dritt ta’ riproduzzjoni.

47.      Għalhekk, dan japplika għall-kundizzjoni li tgħid li l-bejjiegħ mill-ġdid għandu “irendi inutilizzabbli” kull kopja fil-pussess tiegħu fil-mument tal-bejgħ mill-ġdid (10). Fil-fatt, dan l-obbligu, invokat fil-punt 70 u 78 tas-sentenza UsedSoft (11), huwa impost fuq il-bejjiegħ mill-ġdid taħt piena ta’ ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni. Għall-kuntrarju, dan l-obbligu ma huwiex rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni.

48.      Bl-istess mod, l-approċċ intermedju sostnut mill-Kummissjoni (12) jgħid li l-utent li jagħmel kopja materjali mhux oriġinali skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) jew (2) tad-Direttiva 91/250, għandu d-dritt, taħt ċertu kundizzjonijiet, li jqassam din il-kopja.

49.      Issa, dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu derogi biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni. Anki jekk il-kopja li tkun saret minn utent tkun kopja legali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) jew (2) tad-Direttiva 91/250, dan ma jimplikax li dan l-utent għandu d-dritt ibigħ din il-kopja mingħajr ma jippreġudika d-dritt ta’ distribuzzjoni. Id-dritt li jagħmel kopja għall-użu tiegħu stess ma jwassalx għad-dritt li jbigħ din il-kopja lil ħaddieħor.

50.      Ir-raba’ nett, inħoss li l-approċċ liberali sostnut mill-imputati u mill-Gvern Latvjan u l-approċċ intermedju propost mill-Kummissjoni jimponu fuq ix-xerrej ta’ kopja materjali mhux oriġinali oneru tal-prova diffiċli, kważi impossibbli, sabiex jiġi ssodisfatt.

51.      Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet espliċitament dwar l-oneru tal-prova tal-eżawriment fil-kuntest tad-Direttiva 91/250. Madankollu, skont il-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-oneru tal-prova, huwa l-konvenut li għandu jistabbilixxi li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-rigward. Fil-qasam tad-dritt tat-trade marks, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, skont dawn il-prinċipji, li hija l-persuna li tagħmel użu mill-eżawriment li għandha tistabbilixxi li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti għal dan l-għan (13). Ma nara ebda raġuni għalfejn għandu jkun hemm deroga minn dan l-approċċ fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, li huwa sostnut ukoll mid-duttrina (14).

52.      Skont dawn il-prinċipji, huwa x-xerrej ta’ kopja materjali mhux oriġinali li għandu jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet issuġġeriti mill-imputati, mill-Gvern Latvjan u mill-Kummissjoni huma ssodisfatti, u jipprovdi b’mod partikolari l-prova li l-kopja oriġinali ddeterjorat u li l-bejjiegħ mill-ġdid renda inutilizzabbli kull kopja oħra fil-pussess tiegħu. Fl-opinjoni tiegħi, tali prova tkun diffiċli, jekk mhux impossibbli, sabiex tinġieb mix-xerrej, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet mill-bogħod bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Inżid li, jekk ix-xerrej ma jistax jipprova li l-kopja mixtrija tibbenefika mill-eżawriment, huwa ser jesponi ruħu għar-riskju li tiġi kkonfiskata l-kopja illegali skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 91/250.

53.      Il-ħames u l-aħħar nett, naħseb li l-approċċ liberali sostnut mill-imputati u mill-Gvern Latvjan u l-approċċ intermedju propost mill-Kummissjoni jikkomplikaw kunsiderevolment il-ġlieda kontra l-kopji ffalsifikati. Fil-fatt, u kif enfasizzat Microsoft, ħafna drabi huwa impossibbli, fil-prattika, li ssir distinzjoni bejn kopja legali ta’ riżerva (għaliex saret konformement mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/250) minn kopja ffalsifikata. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta’ bejgħ ta’ kopji ta’ riżerva, kif qegħdin jissuġġerixxu l-imputati, il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni, iwasslu għal diffikultajiet prattiċi kbar għall-awtoritajiet inkarigati mill-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni.

54.      Fid-dawl ta’ dawn il-motivi kollha, inqis li l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tad-detentur huwa ppreġudikat fiċ-ċirkustanzi identifikati fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

C –    Fuq l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni minħabba l-bejgħ ta’ kopji materjali mhux oriġinali tal-programmi tal-kompjuter

55.      Għalkemm il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni tista’ tikkostitwixxi risposta suffiċjenti għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li huwa importanti, fid-dawl tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/250 msemmija minnha, li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 4(a) kif ukoll l-Artikolu 5 (1) u (2) tad-Direttiva 91/250 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detentur huwa ppreġudikat fiċ-ċirkustanzi identifikati fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

56.      Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-imputati biegħu diversi kopji materjali mhux oriġinali ta’ programmi tal-kompjuter, li saru mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur, jiġifieri Microsoft. L-għemil ta’ dawn il-kopji jippreġudika d-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ Microsoft, ħlief jekk jiġi stabbilit li dawn jaqgħu taħt deroga mid-dritt ta’ riproduzzjoni.

57.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250 jistabbilixxi żewġ derogi potenzjalment rilevanti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u li ġew invokati mill-qorti tar-rinviju. L-att ta’ riproduzzjoni ma huwiex, bħala prinċipju, sottomess għall-awtorizzazzjoni tad-detentur, minn naħa, meta jkun neċessarju sabiex ix-xerrej leġittimu jkun jista’ juża l-programm tal-kompjuter konformement mal-għan tiegħu (Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva) jew, min-naħa l-oħra, meta jikkonsisti fl-għemil ta’ kopja ta’ riżerva neċessarja għall-użu tiegħu (Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva).

58.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fil-mument meta saru, il-kopji materjali mhux oriġinali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinux effettivament jikkostitwixxu kopji neċessarji għall-użu tal-programmi jew ta’ kopji ta’ riżerva fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fl-opinjoni tiegħi, il-konstatazzjonijiet fattwali kkomunikati fid-digriet tar-rinviju ma jinkludu ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward.

59.      Madankollu, anki jekk jitqies li l-kopji materjali mhux oriġinali fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250 fil-mument meta huma dawn saru, inqis li l-bejgħ sussegwenti tagħhom iwassal għat-telf tal-benefiċċju ta’ dawn id-derogi, għar-raġunijiet li ġejjin.

60.      Minn naħa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 jirriżulta li l-kopja materjali mhux oriġinali għandha ssir mix-xerrej leġittimu sabiex ikun jista’ juża l-programm tal-kompjuter konformement mal-għan tiegħu. Issa, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid tal-programm tal-kompjuter, dan ix-xerrej leġittimu jċedi d-drittijiet ta’ użu li huwa għandu fuq dan il-programm u għandu jieqaf jużah. Għalhekk, ma huwiex iktar possibbli għalih li jissodisfa l-kundizzjoni li skontha l-kopja materjali mhux oriġinali għandha tippermettilu li juża l-programm tal-kompjuter konformement mal-għan tiegħu. Kif irrilevat il-Kummissjoni, it-terminu “użu” li jidher f’din id-dispożizzjoni ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-għemil ta’ kopji materjali mhux oriġinali għall-finijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom.

61.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/250 jippreżumi li l-persuna li għandha d-dritt li tuża l-programm tagħmel kopja ta’ riżerva “għal kemm żmien ikun meħtieġ għal dak l-użu”. Bl-istess mod, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid tal-programm tal-kompjuter, id-detentur għandu jieqaf milli jużah u ma jkunx jista’ jissodisfa iktar din il-kundizzjoni.

62.      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, kif qegħdin jargumentaw Microsoft u l-Gvern Taljan, il-bejgħ ta’ kopja materjali mhux oriġinali — li, ipotetikament, ma kienx ġie awtorizzat mid-detentur — ikollu bħala konsegwenza l-ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni, minħabba t-telf tal-benefiċċju tad-derogi previsti fl-Artikoli 5(1) u (2) tad-Direttiva 91/250.

63.      Jidhirli li l-punti 70 u 78 tas-sentenza UsedSoft (15) jikkorroboraw din l-interpretazzjoni, billi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-bejjiegħ mill-ġdid għandu jrendi inutilizzabbli kull kopja fil-pussess tiegħu minbarra l-kopja mibjugħa mill-ġdid, taħt piena li jippreġudika d-dritt ta’ riproduzzjoni. Fil-fatt, il-kopji li għandhom jiġu reżi inutilizzabbli jinkludu b’mod partikolari, fl-opinjoni tiegħi, il-kopji li saru mill-bejjiegħ mill-ġdid skont l-Artikolu 5(1) jew (2) tad-Direttiva 91/250.

64.      L-imputati ddikjaraw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li huma kienu xtraw kull kopja tal-programmi tal-kompjuter inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħand impriżi jew individwi li ma kinux qegħdin jużawhom iktar.

65.      Evidentement, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni fattwali. Jekk jiġi stabbilit li l-imputati effettivament biegħu l-kopji materjali mhux oriġinali li saru minn terzi, il-ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 91/250 ma jkunx jista’, bħala tali, jiġi imputat lilhom.

66.      F’din l-ipoteżi, l-imputati jistgħu madankollu jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 91/250. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-imputati jissodisfawx il-kundizzjonijiet imposti minn dawn id-dispożizzjonijiet, u b’mod partikolari jekk kinux jafu jew kellhomx raġunijiet għalfejn jemmnu li l-kopji inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu illegali.

67.      Inżid li l-kopji illegali ta’ programm tal-kompjuter jistgħu jiġu kkonfiskati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 91/250.

68.      Minn dak kollu li ntqal, inqis li l-Artikolu 4(a) kif ukoll l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 91/250 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detentur huma ppreġudikat fiċ-ċirkustanzi identifikati fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

D –    Fuq il-portata tas-sentenza UsedSoft fil-kuntest ta’ din il-kawża

69.      L-imputati, il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni jressqu argumenti bbażati fuq diversi siltiet tas-sentenza UsedSoft (16) fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar ir-rilevanza ta’ din is-sentenza fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

70.      Wara li eżaminajt l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt ta’ distribuzzjoni u ta’ ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, xorta nqis importanti li nesponi r-raġunijiet li għalihom inqis li din is-sentenza għandha biss rilevanza limitata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

71.      Bħala tfakkira, din il-kawża kienet tikkonċerna l-bejgħ mill-ġdid bħala oġġetti użati, minn UsedSoft, ta’ liċenzji ta’ użu relatati ma’ kopji immaterjali ta’ programm tal-kompjuter imniżżel mis-sit tal-internet tad-detentur, Oracle. Din tal-aħħar kienet opponiet din il-prattika ta’ bejgħ mill-ġdid billi sostniet b’mod partikolari li r-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ma kinitx tapplika għal dawn il-kopji immaterjali (17).

72.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regola tal-eżawriment kellha tapplika kemm għall-kopji materjali kif ukoll għall-kopji immaterjali ta’ programm tal-kompjuter (18). F’dak li jikkonċerna b’mod speċifiku l-kopji immaterjali, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li kopja immaterjali mniżżla mill-internet kienet tibbenefika mill-eżawriment meta d-detentur ikun ta, permezz ta’ ħlas ta’ prezz intiż li jippermettilu jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa l-proprjetarju tiegħu, dritt ta’ użu ta’ din il-kopja, għal żmien indeterminat (19).

73.      Barra minn hekk, u bl-għan li jinżamm l-effett utli tar-regola tal-eżawriment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’deroga mid-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detentur, it-tieni xerrej ta’ tali kopja immaterjali għandu d-dritt jagħmel kopja fuq il-kompjuter tiegħu bil-għan li juża l-programm konformement mal-għan tiegħu, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/250 (20).

74.      Fl-opinjoni tiegħi, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza kienet iddettata mir-rieda li jinżamm l-effett utli tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni filwaqt li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għall-kopji immaterjali ta’ programmi tal-kompjuter. Fil-fatt, soluzzjoni kuntrarja kienet tħeġġeġ lid-detenturi sabiex iqassmu l-programmi tal-kompjuter tagħhom taħt forma immaterjali sabiex jevitaw ir-regola tal-eżawriment.

75.      Issa, iċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali jvarjaw kunsiderevolment minn dawk li taw lok għas-sentenza UsedSoft (21).

76.      Minn naħa, ebda element tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ma jissuġġerixxi li l-imputati biegħu liċenzji ta’ użu relatati ma’ kopji immaterjali, li kienu s-suġġett tas-sentenza UsedSoft (22). Għall-kuntrarju, huwa stabbilit li l-kawża prinċipali tirrigwarda kopji materjali mhux oriġinali ta’ programmi tal-kompjuter.

77.      Min-naħa l-oħra, il-motivi li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja għas-soluzzjoni adottata f’dik is-sentenza ma jistgħux jiġu trasposti għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, fil-kuntest iktar “klassiku” tal-kopji materjali oriġinali mibjugħa bil-kunsens tad-detentur, ma jeżistix riskju partikolari li jaffettwa l-effett utli tar-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni. Nenfasizza f’dan ir-rigward li Microsoft ma tikkontestax li l-kopji materjali oriġinali tal-programmi tal-kompjuter tagħha, mibjugħa minnha stess jew bil-kunsens tagħha, jibbenefikaw mill-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ Oracle fil-kawża UsedSoft (23), Microsoft ma topponix il-ħolqien ta’ suq ta’ bejgħ ta’ kopji oriġinali użati, iżda l-ħolqien ta’ suq ta’ bejgħ ta’ kopji mhux oriġinali li jkunu saru u ġew mibjugħa mingħajr il-kunsens tagħha.

78.      Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi bejn iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u dawk li taw lok għas-sentenza UsedSoft (24), inqis li dik is-sentenza għandha biss rilevanza limitata fil-kuntest ta’ din il-kawża. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar il-bejgħ mill-ġdid ta’ kopji materjali mhux oriġinali sempliċement ma ġietx eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza.

79.      L-interess ta’ din l-ispeċifikazzjoni ma huwiex biss teoretiku. Fil-fatt, jirriżulta li s-sitwazzjoni adottata f’dik is-sentenza, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom il-bejgħ mill-ġdid ta’ kopja immaterjali ma jippreġudikax id-dritt ta’ distribuzzjoni, ma hijiex applikabbli b’analoġija għaċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, għall-kuntrarju ta’ dak li qegħdin jargumentaw l-imputati, il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni (25).

80.      Fil-qosor, is-soluzzjoni adottata fis-sentenza UsedSoft (26) hija intiża għall-kuntest speċifiku tal-bejgħ ta’ liċenzji ta’ użu relatati mal-kopji immaterjali ta’ programmi tal-kompjuter, li ma kinux espliċitament previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta ġiet adottata d-Direttiva 91/250. Barra minn dan il-kuntest speċifiku, għandha ssir applikazzjoni klassika tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet esklużivi ta’ distribuzzjoni u ta’ riproduzzjoni, u b’mod partikolari tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 91/250.

E –    Fuq il-konsegwenzi prattiċi tal-approċċ propost

81.      Il-konsegwenzi prattiċi tal-approċċ li qiegħed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja huma dawn li ġejjin.

82.      Meta l-kopja oriġinali ta’ programm tal-kompjuter, mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu, tiġi inkorporata f’mezz materjali, din il-kopja materjali oriġinali biss tibbenefika mir-regola tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni. Il-bejjiegħ mill-ġdid ta’ tali kopja għandu, barra minn hekk, irendi inutilizzabbli kull kopja oħra fil-pussess tiegħu, taħt piena li jippreġudika d-dritt ta’ riproduzzjoni. Konsegwentement, dan l-approċċ joħloq ostakolu ġuridiku għall-ħolqien ta’ suq ta’ kopji materjali mhux oriġinali użati ta’ programmi tal-kompjuter, iżda ma jxekkilx il-ħolqien ta’ tali suq għall-kopji oriġinali.

83.      Meta kopja oriġinali ma tiġix inkorporata f’mezz materjali, għandha tiġi applikata s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza UsedSoft (27) sabiex jinżamm l-effett utli tar-regola tal-eżawriment. Għalhekk, id-dritt ta’ distribuzzjoni fuq il-kopja immaterjali jiġi eżawrit jekk id-detentur jagħti, permezz ta’ ħlas ta’ prezz intiż li jippermettilu jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa l-proprjetarju tiegħu, dritt ta’ użu tal-imsemmija kopja, għal żmien indeterminat (punt 72). Il-bejjiegħ mill-ġdid għandu, barra minn hekk, irendi inutilizzabbli kull kopja oħra fil-pussess tiegħu, taħt piena li jippreġudika d-dritt ta’ riproduzzjoni (punti 70 u 78). Din is-soluzzjoni tippermetti l-ħolqien ta’ suq ta’ kopji immaterjali użati tal-programmi tal-kompjuter.

VI – Konklużjoni

84.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-Rīgas apgabaltiesas Krimināllietu tiesu kolēģija (qorti reġjonali ta’ Riga, kulleġġ tal-kawżi kriminali):

L-Artikolu 4(a) u (ċ) kif ukoll l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ distribuzzjoni tad-detentur jiġu ppreġudikati meta l-kopja ta’ programm tal-kompjuter issir minn utent, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur, fuq mezz materjali differenti mill-mezz materjali oriġinali u li din il-kopja tinbiegħ, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur, minn dan l-utent jew minn utent ieħor, u dan anki fiċ-ċirkustanzi fejn:

–        il-mezz materjali oriġinali jkollu l-ħsara u

–        il-bejjiegħ tal-imsemmija kopja jrendi inutilizzabbli kull kopja oħra fil-pussess tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


3 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


4 – Ara, b’mod partikolari, s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


6 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


7 – Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230). Skont l-Artikolu 4(2), “[i]d-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit [fl-Unjoni] rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien [fl-Unjoni] ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu” (il-korsiv miżjud minni).


8 – Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015 (C‑419/13, EU:C:2015:27).


9 – Sentenza tat-22 ta’ Jannar 20015 (C‑419/13, EU:C:2015:27).


10 – Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


12 – Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (C‑414/99 sa C‑416/99, EU:C:2001:617, punt 54). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikoli 34 u 36 TFUE ma jmorrux kontra regola nazzjonali li tipprevedi li l-kundizzjonijiet tal-eżawriment għandhom jiġu pprovati mill-persuna li tinvokah, ħlief fiċ-ċirkustanzi fejn tali regola tippermetti lid-detentur tad-trade mark jikkompartimentalizza s-swieq nazzjonali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ April 2003, Van Doren + Q (C‑244/00, EU:C:2003:204, punti 35 sa 42).


14 – Walter, M., u von Lewinski, S., European Copyright Law: A Commentary, Oxford University Press, Oxford, 2010, Nru 5.4.33: “Whoever alleges that the right of distribution with regard to a specific copy is exhausted, in principle, has to bear the burden of proof according to the general rules.” (traduzzjoni libera: “Kull min jallega li d-dritt ta’ distribuzzjoni fir-rigward ta’ kopja speċifika huwa eżawrit għandu, bħala prinċipju, iġarrab l-oneru tal-prova skont ir-regoli ġenerali.”)


15 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


16 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


17 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 53).


18 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 59).


19 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 72).


20 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punti 83 u 88).


21 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


22 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


23 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


24 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


25 – Ara l-punti 36 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).


27 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).