Kawża C‑362/14

Maximillian Schrems

vs

Data Protection Commissioner

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 47 – Direttiva 95/46/KE – Artikoli 25 u 28 – Trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Deċiżjoni 2000/520/KE – Trasferiment ta’ data personali lejn l-Istati Uniti – Livell inadegwat ta’ protezzjoni – Validità – Ilment ta’ persuna fiżika li d-data tagħha ġiet ittrasferita mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti – Setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2015

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Interpretazzjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni – Rekwiżit ta’ indipendenza

(Artikolu 16(2) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 8(3); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, premessa 62 u Artikolu 28(1))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni – Setgħat – Superviżjoni tat-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 8(3); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 28)

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata livell adegwat ta’ protezzjoni f’pajjiż terz – Deċiżjoni ta’ natura vinkolanti għall-Istati Membri destinatarji kollha – Eżami tal-validità ta’ tali deċiżjoni – Rwoli rispettivi tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza u tal-qrati nazzjonali

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 8(3) u 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikoli 25(6) u 28(3) u (4))

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata livell adegwat ta’ protezzjoni f’pajjiż terz – Awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza li quddiemha titressaq talba dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data li tirrigwarda lill-persuna li tressaq it-talba li ġiet ittrasferita – Persuna li tressaq it-talba li tikkontesta l-livell adegwat ta’ protezzjoni f’dan il-pajjiż terz – Obbligu li l-imsemmija awtorità teżamina t-talba – Portata tal-eżami

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikoli 25(6) u 28)

6.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata livell adegwat ta’ protezzjoni f’pajjiż terz – Kunċett ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 25(2) u (6))

7.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata livell adegwat ta’ protezzjoni f’pajjiż terz – Deċiżjoni 2000/520 li tikkonstata livell adegwat ta’ protezzjoni fl-Istati Uniti – Invalidità

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikoli 25(6) u 28; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520, Artikoli 1 sa 4)

8.        Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni tad-data personali – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tinvolvi ndħil f’dawn id-drittijiet fundamentali – Kundizzjonijiet – Garanziji suffiċjenti kontra r-riskji ta’ abbuż – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 38)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 40, 41)

3.        L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom serje wiesgħa ta’ setgħat, elenkati b’mod mhux eżawrjenti fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, li jikkostitwixxu mezzi meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħhom, kif enfasizzat fil-premessa 63 ta’ din id-direttiva. Għalhekk, l-imsemmija awtoritajiet għandhom, b’mod partikolari, setgħat ta’ investigazzjoni, bħas-setgħa li jiġbru l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-missjoni ta’ superviżjoni tagħhom, setgħat effettivi li jintervjenu, bħas-setgħa li jipprojbixxu temporanjament jew definittivament ipproċessar ta’ data, kif ukoll locus standi in judicio.

Fir-rigward tas-setgħa ta’ superviżjoni tat-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi, huwa minnu li mill-Artikolu 28(1) u (6) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni jirrigwardaw l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fit-territorju tal-Istat Membru fejn jinsabu dawn l-awtoritajiet b’tali mod li huma ma għandhomx setgħat, abbażi ta’ dan l-Artikolu 28, fir-rigward ta’ pproċessar ta’ tali data mwettaq fit-territorju ta’ pajjiż terz. Madankollu, l-operazzjoni li tikkonsisti fit-trasferiment tad-data personali minn Stat Membru lejn pajjiż terz tikkostitwixxi, bħala tali, ipproċessar ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru. Konsegwentement, peress li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni huma, skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, inkarigati mis-superviżjoni tal-osservanza tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, kull waħda minnhom hija kompetenti li tivverifika jekk trasferiment ta’ data personali mill-Istat Membru fejn hija stabbilita lejn pajjiż terz josservax ir-rekwiżiti imposti minn din id-direttiva.

(ara l-punti 43-45, 47)

4.        Il-Kummissjoni tista’ tadotta, abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, deċiżjoni li tikkonstata li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni. Id-destinatarji ta’ tali deċiżjoni huma, skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, din hija ta’ natura vinkolanti fuq l-Istati Membri destinatarji kollha, u għalhekk timponi ruħha fuq il-korpi kollha tagħhom, sa fejn l-effett tagħha huwa li tawtorizza trasferimenti ta’ data personali mill-Istati Membri lejn il-pajjiż terz ikkonċernat minnha.

Għalhekk, sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma ġietx iddikjarata invalida mill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija biss għandha l-ġurisdizzjoni li tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-korpi tagħhom, li fosthom hemm l-awtoritajiet ta’ superviżjoni indipendenti tagħhom, ma jistgħux, ċertament, jadottaw miżuri li jmorru kontra din id-deċiżjoni, bħal atti intiżi li jikkonstataw b’effett vinkolanti li l-pajjiż terz ikkonċernat mill-imsemmija deċiżjoni ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni. Fil-fatt, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu, għalhekk, effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jew ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

Għalkemm il-qrati nazzjonali għandhom, ċertament, id-dritt li jeżaminaw il-validità ta’ att tal-Unjoni, madankollu huma ma għandhomx il-ġurisdizzjoni li jikkonstataw, huma nnifishom, l-invalidità ta’ tali att. A fortiori, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba, fis-sens tal-Artikolu 28(4) ta’ din id-direttiva, dwar il-kompatibbiltà ta’ tali deċiżjoni tal-Kummissjoni mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni ma għandhomx id-dritt li jikkonstataw huma stess l-invalidità ta’ tali deċiżjoni.

Fil-każ fejn l-imsemmija awtorità jkollha tiddeċiedi li l-elementi invokati insostenn ta’ tali talba huma infondati u, abbażi ta’ dan, tiċħadha, il-persuna li tkun ressqet l-imsemmija talba għandu jkollha, hekk kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, aċċess għar-rimedji ġudizzjarji li jippermettulha tikkontesta tali deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju quddiem il-qrati nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta dawn il-qrati jqisu li eċċezzjoni jew diversi eċċezzjonijiet ta’ invalidità eċċepiti mill-partijiet jew, jekk ikun il-każ, mqajma ex officio huma fondati, huma għandhom jissospendu l-proċeduri quddiemhom u għandhom iressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biex tiġi evalwata l-validità tal-att.

Fil-każ kuntrarju, fejn l-imsemmija awtorità tqis li l-ilmenti tal-persuna li quddiemha ressqet talba dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħha huma fondati, din l-istess awtorità għandu jkollha, skont it-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46, moqri b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, locus standi in judicio. F’dan ir-rigward, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jipprevedi rimedji sabiex l-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni kkonċernata tkun tista’ tinvoka l-ilmenti li hija tqis fondati quddiem il-qrati nazzjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jressqu, fil-każ li jkollhom l-istess dubji bħal dawk ta’ din l-awtorità dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, talba għal deċiżjoni preliminari għall-finijiet tal-eżami tal-validità tal-imsemmija deċiżjoni.

(ara l-punti 51, 52, 61, 62, 64, 65)

5.        L-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni, ma tipprekludix lil awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, milli teżamina t-talba ta’ persuna dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tirrigwardaha li tkun ġiet ittrasferita minn Stat Membru lejn dan il-pajjiż terz, meta din il-persuna ssostni li d-dritt u l-prattiki fis-seħħ f’dak l-Istat ma jiżgurawx livell adegwat ta’ protezzjoni.

Li kieku kien mod ieħor, il-persuni li d-data personali tagħhom ġiet jew tista’ tiġi ttrasferita lejn il-pajjiż terz ikkonċernat jiġu mċaħħda mid-dritt, iggarantit fl-Artikolu 8(1) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jressqu quddiem l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni talba għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

Barra minn hekk, talba, fis-sens tal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46, li permezz tagħha tali persuna ssostni li d-dritt u l-prattiki ta’ dan il-pajjiż ma jiżgurawx, minkejja dak li kkonstatat il-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva, livell adegwat ta’ protezzjoni, għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda, essenzjalment, il-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta persuna, li d-data personali tagħha ġiet jew tista’ tiġi ttrasferita lejn pajjiż terz li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, tressaq tali talba quddiem awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni, din l-awtorità għandha teżamina l-imsemmija talba bid-diliġenza kollha meħtieġa.

(ara l-punti 58, 59, 63, 66 u d-dispożittiv 1)

6.        L-espressjoni “livell adekwat ta’ protezzjoni”, prevista fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandha tinftiehem bħala li teżiġi li dan il-pajjiż terz effettivament jiżgura, permezz tal-liġi domestika tiegħu jew tal-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali li jkun sostanzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni abbażi ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-kuntest tal-eżami tal-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kontenut tar-regoli applikabbli f’dan il-pajjiż li jirriżultaw mil-liġi domestika tiegħu jew mill-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom kif ukoll il-prattiki intiżi li jiżguraw l-osservanza ta’ dawn ir-regoli, sa fejn din l-istituzzjoni għandha, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relatati ma’ trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz. Bl-istess mod, fid-dawl tal-fatt li l-livell ta’ protezzjoni żgurat minn pajjiż terz jista’ jiżviluppa, il-Kummissjoni għandha, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, tivverifika perjodikament jekk il-konstatazzjoni dwar il-livell adegwat ta’ protezzjoni żgurat mill-pajjiż terz inkwistjoni għadhiex iġġustifikata fil-fatt u fid-dritt. F’kull każ, tali verifika tkun meħtieġa meta jkun hemm indizji li jitfgħu dubji f’dan ir-rigward.

Fid-dawl, minn naħa, tar-rwol importanti li għandha l-protezzjoni tad-data personali fir-rigward tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u, min-naħa l-oħra, tan-numru kunsiderevoli ta’ persuni li d-drittijiet fundamentali tagħhom jistgħu jinkisru fil-każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz li ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura adegwata ta’ dan il-livell tirriżulta mnaqqsa b’tali mod li jkun meħtieġ li jsir stħarriġ strett tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 73, 75, 76, 78)

7.        L-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, bħad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520, dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv u li tirrigwarda mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA, teżiġi li din l-istituzzjoni tipprovdi konstatazzjoni debitament motivata li tgħid li l-pajjiż terz ikkonċernat effettivament jiżgura, permezz tal-liġi domestika tiegħu jew tal-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jkun sostanzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Issa, sa fejn il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni 2000/520 tagħha, ma indikatx dan, l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jikser ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u għal din ir-raġuni huwa invalidu. Fil-fatt, il-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv japplikaw biss għall‑organizzazzjonijiet Amerikani awtoċertifikati li jirċievu data personali mill-Unjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi Amerikani jkunu suġġetti għall-osservanza tal-imsemmija prinċipji. Iktar minn hekk, id-Deċiżjoni 2000/520 tippermetti ndħil, ibbażat fuq rekwiżiti relatati mas-sigurtà nazzjonali u mal-interess pubbliku jew fuq il-liġi domestika tal-Istati Uniti, fid-drittijiet fundamentali tal-persuni li d-data personali tagħhom ġiet jew tista’ tiġi ttrasferita mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti, mingħajr ma tinkludi konstatazzjoni dwar l-eżistenza, fl-Istati Uniti, ta’ regoli ta’ natura statali intiżi li jillimitaw l-eventwali ndħil f’dawn id-drittijiet u mingħajr ma ssemmi l-eżistenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra ndħil ta’ din in-natura.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza mogħtija lilha fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi adottat l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2000/520, u għal din ir-raġuni, l-imsemmi artikolu huwa invalidu. Fil-fatt, dan l-artikolu għandu jiġi interpretat bħala li jċaħħad lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni mis-setgħat mogħtija lilhom mill-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, fil-każ fejn persuna ssemmi, fil-kuntest ta’ talba abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, elementi li jistgħu jqiegħdu fid-dubju l-kompatibbiltà mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni, ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 25(6) ta’ din id-direttiva, li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni. Issa, is-setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-Kummissjoni fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46 ma tagħtix lil din l-istituzzjoni l-kompetenza li tirrestrinġi l-imsemmija setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni.

Peress li l-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni 2000/520 huma ħaġa waħda kemm mal-Artikoli 2 u 4 kif ukoll mal-annessi tal-istess direttiva, l-invalidità tagħhom taffettwa l-validità ta’ din id-deċiżjoni kollha kemm hi.

(ara l-punti 82, 87-89, 96-98, 102-105 u d-dispożittiv 2)

8.        Leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tkun tinvolvi ndħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni ta’ miżura u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti, b’tali mod li l-persuni li huma s-suġġett tad-data personali inkwistjoni jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li d-data personali tagħhom tiġi protetta effikaċjement kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data. Il-ħtieġa li wieħed ikollu tali garanziji tkun wisq iżjed importanti meta d-data personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatiku u meta jeżisti riskju kbir ta’ aċċess illegali għal din id-data. Barra minn hekk u fuq kollox, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fuq livell tal-Unjoni jeżiġi li d-derogi għall‑protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

Għaldaqstant, ma tkunx limitata għal dak li huwa strettament neċessarju leġiżlazzjoni li b’mod ġenerali tawtorizza ż-żamma tad-data kollha personali tal-persuni kollha li d-data tagħhom ġiet ittrasferita mill-Unjoni mingħajr ma ssir ebda distinzjoni, limitazzjoni jew eċċezzjoni skont l-għan imfittex u mingħajr ma jiġi previst kriterju oġġettivi li jippermetti li jiġu stabbiliti l-limiti tal-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data u tal-użu ulterjuri tagħha għal għanijiet speċifiċi, strettament limitati u li jistgħu jiġġustifikaw l-indħil li jirriżulta kemm mill-aċċess kif ukoll mill-użu ta’ din id-data.

B’mod partikolari, leġiżlazzjoni li tippermetti li l-awtoritajiet pubbliċi jaċċedu, b’mod ġeneralizzat, għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandha titqies bħala li tikkawża preġudizzju għall-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, kif iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Bl-istess mod, leġiżlazzjoni li ma tipprevedi ebda possibbiltà li individwu jeżerċita rimedji legali sabiex ikollu aċċess għal data personali li tikkonċernah, jew li jikseb rettifika jew tħassir ta’ tali data, ma tosservax il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jeżiġi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura jkollha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, l-eżistenza nnifisha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż li jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza tal-istat tad-dritt.

(ara l-punti 91-95)