SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

15 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Dritt istituzzjonali – Statut uniku ta’ Membri tal-Parlament Ewropew – Membri tal-Parlament Ewropew eletti fil-kostitwenzi Taljani – Adozzjoni mill-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, fil-qasam tal-pensjonijiet ‐ Bidla fl-ammont tal-pensjonijiet għall-Membri tal-Parlament nazzjonali Taljani – Bidla korrispondenti, mill-Parlament Ewropew, tal-ammont tal-pensjonijiet ta’ ċerti eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja – Kompetenza tal-awtur tal-att – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet miksuba – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawżi magħquda T‑389/19 sa T‑394/19, T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑409/19 sa T‑414/19, T‑416/19 sa T‑418/19, T‑420/19 sa T‑422/19, T‑425/19 sa T‑427/19, T‑429/19 sa T‑432/19, T‑435/19, T‑436/19, T‑438/19 sa T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19, T‑448/19, T‑450/19 sa T‑454/19, T‑463/19 u T‑465/19,

Maria Teresa Coppo Gavazzi, residenti f’Milano (l-Italja), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn M. Merola, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Seyr u S. Alves, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tan-noti tal-11 ta’ April 2019, kif ukoll, fir-rigward tar-rikorrent fil-Kawża T‑465/19, ta’ dik tal-11 ta’ Ġunju 2019, stabbiliti, fil-każ ta’ kull wieħed mir-rikorrenti, mill-Parlament u li jikkonċernaw l-adattament tal-ammont tal-pensjonijiet li jibbenefikaw minnhom ir-rikorrenti wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2019, tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 tal-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn J. Svenningsen, President, R. Barents, C. Mac Eochaidh (Relatur), T. Pynnä u J. Laitenberger, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti, eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja, jew is-superstiti tagħhom jitolbu lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjonijiet tal-Parlament li jadattaw il-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar jew tas-superstiti tagħhom għall-kalkolu tal-livell tal-pensjonijiet li jirċievu l-Membri tal-Kamra tal-Avjazzjoni tar-Repubblika Taljana, u, jekk ikun il-każ, li jnaqqsu l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar jew tas-superstiti tagħhom.

I.      Il-qafas ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

2        Il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem ir-“Regoli PEAM”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal-14 ta’ Lulju 2009, kienet tipprevedi fl-Anness III tagħha (iktar il quddiem “l-Anness III”) b’mod partikolari:

“Artikolu 1

1. Il-Membri kollha tal-Parlament Ewropew għandhom id-dritt li jgawdu minn pensjoni tal-irtirar.

2. Sakemm tiġi stabbilita skema ta’ pensjoni Komunitarja definittiva għall-Membri kollha tal-Parlament Ewropew, u fil-każijiet fejn l-iskemi nazzjonali ma jagħtux pensjoni jew fil-każijiet fejn il-livell u/jew il-kundizzjonijiet tal-pensjoni mogħtija m’humiex identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-parlament nazzjonali tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett, għandha tingħata, fuq talba tal-Membru interessat, pensjoni proviżorja li titħallas mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, Sezzjoni Parlament.

Artikolu 2

1. Il-livell u l-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni proviżorja huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jieħdu l-Membri tal-Kamra Inferjuri tal-Parlament tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett.

2. Membru li jgawdi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) huwa marbut, b’din is-sistema, li jagħti kontribuzzjoni lill-baġit tal-Unjoni Ewropea li hija kkalkolata b’tali mod li b’kollox iħallas l-istess kontribuzzjoni li jħallas Membru tal-Kamra Inferjuri tal-Istat Membru fejn kien elett skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 3

1. It-talba għad-dħul f’din l-iskema ta’ pensjoni proviżorja għandha ssir sa mhux aktar tard minn tnax-il xahar mill-bidu tal-mandat tal-Membru kkonċernat.

Meta jiskadi dan iż-żmien, is-sħubija fl-iskema ta’ pensjoni tidħol fis-seħħ mill-ewwel jum tax-xahar li fih tidħol it-talba.

2. It-talba għall-ħlas tal-pensjoni għandha ssir fi żmien sitt xhur minn meta jibda d-dritt għal dik il-pensjoni.

Meta jiskadi dan iż-żmien, il-pensjoni għandha titħallas mill-ewwel jum tax-xahar li fih tidħol it-talba.

[…]”

3        L-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew ġie adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom, tat-28 ta’ Settembru 2005 (ĠU 2005, L 262, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Membri”), u daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 2009, l-ewwel jum tas-seba’ leġiżlatura.

4        L-Artikolu 25 tal-Istatut tal-Membri jipprovdi:

“(1). Il-Membri li kienu fil-Parlament qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Istatut u li reġgħu ġew eletti jistgħu jagħżlu s-sistema nazzjonali applikabbli sa dak iż-żmien fir-rigward tas-salarju, ta’ l-allowance tranżitorju u tal-pensjonijiet għall-perjodu sħiħ li fih ikunu Membri tal-Parlament Ewropew.

(2). Dawn il-pagamenti għandhom isiru mill-baġit ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

[…]”

5        L-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Membri jipprevedi:

“1. Kull dritt għal pensjoni li Membru kiseb skond arranġamenti nazzjonali fiż-żmien meta dan l-Istatut jiġi applikat għandu jinżamm fl-intier tiegħu.

[…]”

6        B’deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008, il-Bureau tal-Parlament adotta l-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut tal-Membri (ĠU 2009, C 159, p. 1, iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ implimentazzjoni”).

7        L-Artikolu 49 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni dwar id-drittijiet tal-pensjoni tal-irtirar, jipprevedi:

“1.      Wara t-tmiem tal-kariga tagħhom, il-Membri li wettqu l-mandat tagħhom għal mill-anqas sena sħiħa jkollhom id-dritt tul ħajjithom kollha li jirċievu pensjoni tal-età li titħallas mill-ewwel jum tax-xahar li jiġi immedjatament wara x-xahar li fih jagħlqu l-età ta’ 63 sena

Eks-Membri jew ir-rappreżentanti legali tagħhom għandhom, ħlief fil-każi ta’ force majeure iressqu l-applikazzjoni tagħhom biex titħallas il-pensjoni tal-età fi żmien sitt xhur minn meta jibda jgħodd id-dritt. Wara dik l-iskadenza, id-data meta tibda sseħħ it-tgawdija tal-pensjoni tal-età għandha tkun l-ewwel jum tax-xahar meta tasal l-applikazzjoni.

[…]”

8        Skont l-Artikolu 73 tagħhom, il-miżuri ta’ implimentazzjoni daħlu fis-seħħ fl-istess ġurnata li daħal fis-seħħ l-Istatut tal-Membri, jiġifieri, fl-14 ta’ Lulju 2009.

9        L-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni jippreċiża li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fit-Titolu IV tagħhom, u b’mod partikolari fl-Artikolu 75 ta’ dawn l-istess miżuri ta’ implimentazzjoni (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 75”), ir-Regoli PEAM jiskadu fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

10      L-Artikolu 75, dwar b’mod partikolari l-pensjonijiet tal-irtirar, jipprevedi:

“1.      Il-pensjoni tas-superstiti, il-pensjoni tal-invalidità, il-pensjoni tal-invalidità addizzjonali mogħtija għall-ulied dipendenti u l-pensjoni tal-età mħallsa skont l-Annessi I, II, u III tar-Regoli PEAM għandhom ikomplu jitħallsu skont dawk l-annessi lil dawk il-persuni li kienu jirċievu l-benefiċċji taħt eżami qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut.

Fejn eks Membru li jkun qed jirċievi l-pensjoni tal-invalidità imut wara l-14 ta’ Lulju 2009, il-pensjoni tas-superstiti għandha titħallas lill-konjuġi, lis-sieħeb stabbli mhux fiż-żwieġ jew lit-tfal dipendenti tiegħu jew tagħha, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I għar-Regoli PEAM.

2.      Id-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut skont l-Anness III imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ. Il-persuni li kisbu drittijiet skont l-iskema tal-pensjoni għandhom jirċievu pensjoni kkalkulata fuq il-bażi tad-drittijiet miksuba tagħhom skont l-Anness III imsemmi hawn sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u jippreżentaw l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-Anness III msemmi hawn fuq.”

11      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 75 għandu jinqara flimkien mal-premessa 7 ta’ dawn l-istess miżuri ta’ implimentazzjoni, li tgħid:

“Barra minn hekk, għandhom jittieħdu passi rigward iddispożizzjonijiet tranżitorji sabiex ikun żgurat li persuni li jirċievu ċertu benefiċċji skont ir-Regoli PEAM ikunu jistgħu jibqgħu jirċievuhom wara li dawk ir-regoli jitħassru, sabiex b’hekk ikun rispettat il-prinċipju ta’ dak li wieħed għandu jistenna b’mod leġittimu. Għandhom ukoll jittieħdu passi sabiex tkun garantita ż-żamma tad-drittijiet tal-pensjoni fuq il-bażi tar-Regoli PEAM qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut. Barra minn hekk, għandha titqies l-iskema speċifika applikabbli għall-Membri li, waqt perjodu tranżitorju u fir-rigward tal-kundizzjonijiet finanzjarji tat-twettiq tal-mandat, ikunu koperti mis-sistemi nazzjonali fl-Istati Membri tagħhom fejn ikunu ġew eletti, skont l-Artikolu 25 jew l-Artikolu 29 tal-Istatut.”

B.      Id-dritt Taljan

12      Fit-12 ta’ Lulju 2018, l-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) adotta d-Deċiżjoni Nru 14/2018 li kellha bħala suġġett l-iffissar mill-ġdid tal-ammont tal-allokazzjonijiet għall-ħajja u tal-parti ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, kif ukoll benefiċċji tas-superstiti, relatati mas-snin ta’ mandat mogħtija sal-31 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 14/2018”).

13      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 14/2018 jipprevedi:

“1. Mill-1 ta’ Jannar 2019, l-ammonti tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, diretti u ta’ riverżjoni, u tas-sehem ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, diretti u ta’ riverżjoni, li d-drittijiet tagħhom kienu nkisbu abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2011, għandhom jiġu kkalkolati skont il-modalitajiet il-ġodda previsti f’din id-deċiżjoni.

2. Il-kalkolu l-ġdid imsemmi fil-paragrafu preċedenti jsir billi l-ammont tal-kontribuzzjoni individwali jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent ta’ trasformazzjoni relatat mal-età tal-membru fid-data li fiha l-membru jkun kiseb id-dritt għall-benefiċċju ta’ ħajja jew għall-benefiċċju ta’ manteniment pro rata.

3. Il-koeffiċjenti ta’ pproċessar li jinsabu fit-Tabella 1, annessa ma’ din id-deċiżjoni, għandhom jiġu applikati.

4. L-ammont tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, diretti u ta’ riverżjoni, u tas-sehem ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, diretti u ta’ riverżjoni, ikkalkolati mill-ġdid skont din id-deċiżjoni, fl-ebda każ ma jista’ jaqbeż l-ammont tal-allokazzjoni għall-ħajja, diretta jew ta’ riverżjoni, jew tas-sehem ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċju ta’ manteniment pro rata, diretta jew ta’ riverżjoni, previst għal kull Membru mir-Regolament fis-seħħ fid-data tal-bidu tal-mandat parlamentari.

5. L-ammont tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, diretti u ta’ riverżjoni, u tas-sehem ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, diretti u ta’ riverżjoni, ikkalkolati mill-ġdid skont din id-deċiżjoni, fl-ebda każ ma jista’ jkun inqas mill-ammont ikkalkolat billi jiġi mmultiplikat l-ammont tal-kontribuzzjonijiet individwali mħallsa minn membru li jkun eżerċita l-mandat parlamentari biss matul il-XVIIe leġiżlatura biss, evalwat mill-ġdid skont l-Artikolu 2 iktar’ il fuq, bil-koeffiċjent ta’ trasformazzjoni li jikkorrispondi għall-età ta’ 65 sena fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2018.

6. Fil-każ li, wara l-kalkolu l-ġdid imwettaq fis-sens ta’ din id-deċiżjoni, l-ammont il-ġdid tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, diretti u ta’ riverżjoni, u tal-parti ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, diretti u ta’ riverżjoni, jitnaqqas b’iktar minn 50 fil-mija, meta mqabbel mal-ammont tal-allokazzjoni għall-ħajja, diretta jew ta’ riverżjoni, jew tal-parti ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċju ta’ manteniment pro rata, diretta jew ta’ riverżjoni, previst għal kull Membru mill-Ordnijiet Permanenti fis-seħħ fid-data tal-bidu tal-mandat parlamentari, l-ammont minimu determinat bis-saħħa tal-paragrafu 5 jiżdied bin-nofs.

7. L-uffiċċju tal-Presidenza, fuq proposta tal-Kulleġġ tad-Deputati Kwesturi, jista’ jżid sa massimu ta’ 50 % l-ammont tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, diretti u ta’ riverżjoni, u għas-sehem ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, diretti u ta’ riverżjoni, ikkalkolati mill-ġdid skont din id-deċiżjoni, favur il-persuni li jagħmlu talba għal dan il-għan u li għalihom ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a) huma ma jirċevux dħul annwali ieħor ta’ ammont ogħla mill-ammont annwali tal-għajnuna soċjali, bl-esklużjoni ta’ dak eventwalment miksub, taħt kwalunkwe titolu, mill-proprjetà immobbli intiża għall-abitazzjoni prinċipali;

b) huma milquta minn mard serju li jeżiġi li l-amministrazzjoni ta’ terapiji vitali, sostnuti minn dokumenti xierqa prodotti minn stabbilimenti tal-kura pubblika, jew inkella jsofru minn patoloġiji li jagħtu lok għal sitwazzjonijiet ta’ invalidità sa 100 % rrikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti.

8. Id-dokumentazzjoni li ssostni li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 huma sodisfatti għandha tiġi prodotta mill-applikant fil-mument tal-applikazzjoni u, sussegwentement, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Ir-rikorrenti, Maria Teresa Coppo Gavazzi u l-persuni fiżiċi l-oħra li isimhom jidher fl-anness, huma jew eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja, jew, fir-rigward ta’ Vanda Novati, Maria Di Meo, Leda Frittelli, Mirella Musoni, Jitka Frantova u Ida Panusa, fil-Kawżi T‑397/19, T‑409/19, T‑414/19, T‑426/19, T‑427/19 u T‑453/19, tal-konjuġi superstiti ta’ eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti f’dan l-istess Stat Membru. Kull wieħed minnhom jibbenefika rispettivament minn pensjoni tal-età jew minn pensjoni tas-superstiti.

15      Skont ir-regoli tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, l-ammont tal-pensjoni ta’ ċertu numru ta’ eks Membri Taljani (jew dik tal-konjuġi superstiti tagħhom) tnaqqas mill-1 ta’ Jannar 2019.

16      Wara l-preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni Nru 14/2018 minn deputati nazzjonali Taljani kkonċernati mill-imsemmi tnaqqis, il-legalità ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali hija attwalment eżaminata mill-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill għall-Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja).

17      Biż-żieda ta’ kumment fuq ir-rendikonti tal-pensjoni tax-xahar ta’ Jannar 2019, il-Parlament informa lir-rikorrenti bil-fatt li l-ammont tal-pensjonijiet tagħhom seta’ jiġi rivedut skont id-Deċiżjoni Nru 14/2018 u li dan il-kalkolu l-ġdid jista’ eventwalment jagħti lok għal irkupru tas-somom imħallsa indebitament.

18      Fil-fatt, skont il-Parlament, dan kien obbligat li japplika d-Deċiżjoni Nru 14/2018 u, għaldaqstant, li jikkalkola mill-ġdid l-ammont tal-pensjonijiet tar-rikorrenti, fid-dawl tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III, li jipprevedi li “[l]-livell u l-modalitajiet tal-pensjoni [tal-irtirar] provviżorja huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jirċievu l-membri tal-Awla baxxa tal-Parlament tal-Istat Membru li għalih ġie elett il-membru tal-Parlament ikkonċernat” (iktar ’il quddiem ir-“regola ta’ pensjoni identika”).

19      Permezz ta’ nota mingħajr data tal-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Finanzi tal-Parlament, annessa mar-rendikonti tal-pensjoni tar-rikorrenti tax-xahar ta’ Frar 2019, il-Parlament avża lil dawn tal-aħħar li, permezz tal-Avviż Nru SJ-0836/18 tiegħu tal-11 ta’ Jannar 2019, is-servizz legali tiegħu kien ikkonferma l-applikabbiltà awtomatika tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 għas-sitwazzjoni tagħhom (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tas-servizz legali”). Din in-nota żiedet li, meta rċieva l-informazzjoni neċessarja mingħand il-Camera dei deputati (il-Kamra tad-Deputati, l-Italja), il-Parlament kien ser jinnotifika lir-rikorrenti bl-iffissar mill-ġdid tal-ammont tal-pensjonijiet tagħhom u kien ser jipproċedi għall-irkupru tad-differenza eventwali fit-tnax-il xahar ta’ wara. Fl-aħħar nett, din in-nota informat lir-rikorrenti li l-iffissar definittiv tal-ammont tal-pensjonijiet tagħhom kellu jiġi adottat permezz ta’ att formali li kontrih huwa possibbli li jitressaq ilment abbażi tal-Artikolu 72 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni jew rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

20      Permezz ta’ noti tal-11 ta’ April 2019 (iktar ’il quddiem, fir-rigward ta’ Luigi Andrea Florio, fil-Kawża T‑465/19, l-“abbozz ta’ deċiżjoni”), il-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament informa lir-rikorrenti li, kif kien ħabbar fin-nota tiegħu ta’ Frar 2019, l-ammont tal-pensjoni tagħhom kien ser jiġi adattat, skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III, għat-tnaqqis tal-pensjonijiet analogi mħallsa fl-Italja lill-eks Membri nazzjonali mill-Kamra tad-Deputati skont id-Deċiżjoni Nru 14/2018. L-imsemmija noti ppreċiżaw ukoll li l-ammont tal-pensjonijiet tar-rikorrenti kien ser jiġi aġġustat mix-xahar ta’ April 2019 (u b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2019) b’applikazzjoni tal-proġetti ta’ ffissar tal-ammonti ġodda tal-pensjonijiet trażmessi fl-anness ta’ dawn l-ittri. Fl-aħħar nett, dawn l-istess noti taw lir-rikorrenti terminu ta’ 30 jum, li jiddekorri minn meta jirċevuhom, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fin-nuqqas ta’ tali osservazzjonijiet, l-effetti ta’ dawn in-noti jitqiesu li huma definittivi u jimplikaw, b’mod partikolari, l-irkupru tal-ammonti rċevuti indebitament għax-xhur ta’ Jannar sa Marzu 2019.

21      Bl-eċċezzjoni ta’ L. A. Florio, fil-Kawża T‑465/19, ebda rikorrent ma għamel tali osservazzjonijiet, b’tali mod li l-effetti tan-noti, imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq, saru definittivi fir-rigward tagħhom.

22      Permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Mejju 2019, L. A. Florio bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu lid-dipartiment kompetenti tal-Parlament.

23      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali”), il-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament indika li l-osservazzjonijiet mibgħuta minn L. A. Florio ma kinux jinkludu elementi ta’ natura li jiġġustifikaw reviżjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament, kif espressa fl-abbozz ta’ deċiżjoni. Konsegwentement, l-ammont tal-pensjonijiet u l-pjan ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament li rriżulta minnhom, kif ikkalkolati mill-ġdid u kkomunikati fl-anness tal-imsemmi abbozz ta’ deċiżjoni, kienu saru definittivi fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni finali.

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ġunju (Kawżi T‑389/19 sa T‑393/19), fit-28 ta’ Ġunju (Kawżi T‑394/19, T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑409/19 sa T‑417/19), fl-1 ta’ Lulju (Kawżi T‑435/19, T‑436/19, T‑438/19 sa T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19), fit-2 ta’ Lulju (Kawżi T‑421/19, T‑422/19, T‑425/19, sa T‑427/19 sa T‑429/19 sa T‑432/19), fit-3 ta’ Lulju T‑418/19, T‑420/19, T‑448/19 sa T‑450/19), fl-4 ta’ Lulju (Kawżi T‑453/19 u T‑454/19) u fil-5 ta’ Lulju 2019 (Kawża T‑463/19), ir-rikorrenti ppreżentaw ir-rikorsi tagħhom.

25      Fl-10 ta’ Lulju (T‑389/19 sa T‑393/19, T‑394/19, T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑409/19 sa T‑414/19, T‑416/19 u T‑417/19) u fit-18 ta’ Lulju 2019 (Kawżi T‑418/19, T‑420/19 sa T‑422/19, T‑425/19 sa T‑427/19, T‑429/19 sa T‑432/19, T‑435/19, T‑436/19, T‑438/18 sa T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19, T‑448/19, T‑450/19 sa T‑454/19, T‑463/19 u T‑465/19), il-Parlament, skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talab li l-kawżi jingħaqdu.

26      Fid-19 ta’ Lulju (Kawżi T‑389/19 sa T‑393/19, T‑394/19, T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑409/19 u T‑410/19) u fit-22 ta’ Lulju 2019 (Kawżi T‑411/19 sa T‑414/19 u T‑416/19 sa T‑418/19, T‑420/19 sa T‑422/19, T‑425/19 sa T‑427/19, T‑429/19, T‑432/19, T‑435/19 sa T‑436/19, T‑438/18 sa T‑442/19, T‑444/19, T‑446/19 sa T‑448/19, T‑450/19 u T‑454/19), il-Parlament talab, skont l-Artikolu 69(c) tar-Regoli tal-Proċedura, talab is-sospensjoni tal-proċeduri sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill tal-Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati) li tiddeċiedi dwar il-validità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018.

27      Fil-11 ta’ Settembru (Kawżi T‑391/19 u T‑392/19), fit-12 ta’ Settembru (Kawża T‑389/19), fit-13 ta’ Settembru (Kawża T‑393/19), fis-16 ta’ Settembru (Kawżi T‑394/19, T‑403/19, T‑410/19, T‑412/19 u T‑416/19), fis-17 ta’ Settembru (Kawżi T‑397/19, T‑398/19, T‑409/19 u T‑414/19), fit-18 ta’ Settembru (Kawżi T‑390/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑411/19, T‑413/19, T‑417/19, T‑418/19, T‑420/19 sa T‑422/19, T‑425/19, T‑429/19 sa T‑431/19, T‑436/19 u T‑438/19), fit-19 ta’ Settembru (Kawżi T‑426/19, T‑427/19, T‑435/19, T‑439/19, T‑442/19, T‑445/19 u T‑446/19), fl-20 ta’ Settembru (Kawżi T‑432/19, T‑440/19, T‑448/19, T‑450/19, T-451/19, T-454/19 u T‑463/19), fit-23 ta’ Settembru (Kawżi T‑441/19, T‑444/19, T‑452/19 u T‑465/19) u fl-24 ta’ Settembru 2019 (Kawża T‑453/19), fuq il-Parlament ippreżenta d-difiża.

28      Fis-27 ta’ Settembru (Kawżi T‑389/19 u T‑390/19), fit-30 ta’ Settembru (Kawżi T‑391/19 sa T‑394/19, T‑397/19 u T‑398/19), fl-1 ta’ Ottubru (Kawżi T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19 u T‑409/19 sa T‑411/19), fit-2 ta’ Ottubru (Kawżi T‑412/19 sa T‑414/19, T‑416/19 sa T‑418/19, T‑420/19 sa T‑422/19 u T‑430/19 sa T‑432/19), fit-3 ta’ Ottubru (Kawżi T‑425/19, T‑435/19, T‑436/19, T‑438/19 sa T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19, T‑448/19 u T‑450/19 sa T‑454/19) u fl-4 ta’ Ottubru 2019 (Kawżi T‑426/19, T‑427/19, T‑429/19, T‑463/19 u T‑465/19), il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet dwar il-possibbiltà, minn naħa, li tidentifika numru mnaqqas ta’ każijiet pilota fost l-84 każ simili quddiemha dak iż-żmien u, min-naħa l-oħra, li tissospendi każijiet oħra sakemm id-deċiżjoni li ttemm il-proċeduri fil-każijiet identifikati bħala każijiet pilota ssir finali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Parlament jipproduċi, fl-intier tagħhom, ir-Regoli PEAM.

29      Fil-15 ta’ Ottubru (Kawża T‑452/19), fit-18 ta’ Ottubru (Kawżi T‑389/19, T‑390/19, T‑410/19 sa T‑414/19, T‑416/19, T‑418/19, T‑420/19 u T‑421/19), fit-22 ta’ Ottubru (Kawżi T‑391/19 sa T‑394/19, T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑409/19, T‑417/19, T‑422/19 u T‑430/19 sa T‑432/19), fl-24 ta’ Ottubru (Kawżi T‑425/19 sa T‑427/19, T‑429/19, T‑435/19, T‑436/19, T‑438/19 sa T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19, T‑448/19, T‑450/19, T‑451/19, T‑453/19 u T‑454/19) u fit-28 ta’ Ottubru 2019 (Kawżi T‑463/19 u T‑465/19), il-Parlament irrisponda għall-verżjoni integrali tar-Regoli PEAM.

30      Fil-21 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti wieġbu l-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali.

31      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-4 ta’ Novembru (Kawżi T‑389/19 sa T‑394/19, T‑397/19 u T‑398/19), tal-5 ta’ Novembru (Kawżi T‑403/19 u T‑404/19), tas-6 ta’ Novembru (Kawżi T‑406/19, T‑407/19, T‑409/19, T‑414/19 u T‑416/19), tas-7 ta’ Novembru (Kawżi T‑410/19 sa T‑412/19, T‑417/19, T‑418/19 u T‑420/19), tat-8 ta’ Novembru (Kawżi T‑413/19, T‑421/19, T‑422/19 u T‑425/19), tal-11 ta’ Novembru (Kawżi T‑426/19, T‑427/19, T‑429/19 sa T‑431/19 u T‑452/19), tat-12 ta’ Novembru (Kawżi T‑432/19, T‑435/19 u T‑436/19), tat-13 ta’ Novembru (Kawżi T‑438/19 sa T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19 u T‑448/19), tal-14 ta’ Novembru (Kawżi T‑450/19, T‑451/19, T‑453/19 u T‑454/19), u tal-15 ta’ Novembru 2019 (Kawżi T‑463/19 u T‑465/19), u wara l-modifika tal-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, il-kawżi ġew assenjati mill-ġdid lit-tmien awla.

32      Permezz ta’ ittri tal-5 u t-28 ta’ Novembru 2019, il-Parlament informa lill-Qorti Ġenerali bil-mewt ta’ Luigi Caligaris, rikorrent fil-Kawża T‑435/19. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, fit-2 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti Ġenerali talbet lill-avukat għar-rikorrent x’segwitu kien beħsiebu jagħti lill-proċeduri. Fl-20 ta’ Diċembru 2019, l-avukat għal L. Caligaris informa lill-Qorti Ġenerali li l-armla tiegħu, Paola Chiaramello, kellha l-intenzjoni li tkompli l-proċeduri. Fit-30 ta’ Settembru 2020, l-avukat għal P. Chiaramello għarraf lill-Qorti Ġenerali bil-mewt tal-klijenta tiegħu. Fis-7 ta’ Ottubru 2020, l-avukat ta’ P. Chiaramello informa lill-Qorti Ġenerali li Enrico Caligaris u Valentina Caligaris, eredi ta’ P. Chiaramello, kellhom l-intenzjoni li jkomplu l-proċeduri.

33      Fit-28 ta’ Novembru 2019, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx meħtieġ it-tieni skambju ta’ noti.

34      Fit-3 ta’ Diċembru (Kawża T‑389/19), fl-4 ta’ Diċembru (Kawżi T‑390/19 sa T‑394/19), fil-5 ta’ Diċembru (Kawżi T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑409/19 sa T‑412/19, T‑418/19, T‑420/19 sa T‑422/19, T‑425/19 sa T‑427/19, T‑429/19 sa T‑432/19, T‑435/19, T‑436/19 u T‑438/19 sa T‑441/19), fis-6 ta’ Diċembru (Kawżi T‑413/19, T‑414/19, T‑416/19 u T‑417/19), fid-9 ta’ Diċembru (Kawżi T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19, T‑448/19, T‑450/19, T‑451/19, T‑454/19, T‑463/19 u T‑465/19) u fl-10 ta’ Diċembru 2019 (Kawżi T‑452/19 u T‑453/19), il-Qorti Ġenerali talbet li r-rikorrenti jieħdu pożizzjoni dwar is-sospensjoni ppreżentata fuq il-Parlament.

35      Fit-3 ta’ Diċembru (Kawża T‑389/19), fl-4 ta’ Diċembru (Kawżi T‑390/19 sa T‑394/19), fil-5 ta’ Diċembru (Kawżi T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑409/19 sa T‑412/19, T‑418/19, T‑420/19 sa T‑422/19, T‑425/19 sa T‑427/19, T‑429/19 sa T‑432/19, T‑435/19, T‑436/19 u T‑438/19 sa T‑441/19), fis-6 ta’ Diċembru (Kawżi T‑413/19, T-414/19, T-416/19 u T‑417/19), fid-9 ta’ Diċembru (Kawżi T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19, T‑448/19, T‑450/19, T‑451/19, T‑454/19, T‑463/19 u T‑465/19) u fl-10 ta’ Diċembru 2019 (Kawżi T‑T‑452/19 u T‑453/19), il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet biex jieħdu pożizzjoni dwar il-possibbiltà li jingħaqdu mal-Kawżi T‑389/19 sa T‑394/19, T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑409/19 sa T‑418/19, T‑420/19 sa T‑422/19, T‑425/19 sa T‑427/19, T‑429/19 sa T‑432/19, T‑435/19, T‑436/19, T‑438/19 sa T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19, T‑448/19, T‑450/19 sa T‑454/19, T‑463/19 u T‑465/19.

36      Fis-16 ta’ Diċembru (Kawżi T‑389/19 sa T‑394/19, T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19 u T‑409/19 sa T‑414/19, T‑416/19 u T‑417/19), fis-17 ta’ Diċembru (Kawżi T‑418/19, T‑420/19 sa T‑422/19, T‑425/19 sa T‑427/19, T‑429/19 sa T‑432/19, T‑435/19, T‑436/19, T‑438/19 sa T‑442/19, T‑444/19 u T‑445/19) u fid-19 ta’ Diċembru 2019 (Kawżi T‑446/19, T‑448/19, T‑450/19 sa T‑454/19, T‑463/19 u T‑465/19), il-Parlament ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-proposta għat-tgħaqqid.

37      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑389/19 talbet lill-Qorti Ġenerali tirrevedi d-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Novembru 2019 u tippermettilha tippreżenta replika.

38      Fit-8 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk inkwistjoni fil-Kawżi T‑409/19 u T‑446/19, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba għal sospensjoni mressqa mill-Parlament.

39      Fid-9 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-proposta ta’ tgħaqqid.

40      Fis-16 ta’ Jannar (Kawżi T‑389/19 sa T‑393/19, T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑410/19 sa T‑414/19, T‑418/19 u T‑420/19) u fis-17 ta’ Jannar (Kawżi T‑394/19, T‑409/19, T‑416/19, T‑417/19, T‑421/19, T‑422/19, T‑425/19 sa T‑427/19, T‑429/19 sa T‑432/19, T‑435/19, T‑436/19, T‑438/19 sa T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19, T‑448/19, T‑450/19 sa T‑454/19, T‑463/19 u T‑465/19), il-President tat-Tmien Awla ddeċieda li ma jissospendix il-proċedura.

41      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 2020, dawn il-kawżi kif ukoll il-Kawża T‑415/19, Laroni vs Il-Parlament, ngħaqdu għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

42      Fit-23 ta’ Jannar 2020, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Parlament jipproduċi d-dokumenti preparatorji kollha għall-adozzjoni tal-Artikolu 75 tal-Anness III. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-Parlament dwar il-prassi amministrattiva tiegħu fil-qasam tas-salarji u tal-pensjonijiet. Il-Parlament irrisponda għad-domanda u bagħat id-dokumenti preparatorji mitluba fil-11 ta’ Frar 2020.

43      Fl-4 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, talbu li tinżamm seduta.

44      Fl-20 ta’ April 2020, il-President tat-Tmien Awla ddeċieda li jagħti prijorità lil dawn il-kawżi, skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

45      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2020, il-Parlament informa lill-Qorti Ġenerali bil-mewt ta’ Giulietto Chiesa, rikorrent fil-Kawża T‑445/19. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali talbet, fit‑8 ta’ Mejju 2020, lill-avukat tar-rikorrent x’azzjoni kellu l-intenzjoni li jirriżerva għall-proċedura. Fit-8 ta’ Ġunju 2020, l-avukat ta’ G. Chiesa informa lill-Qorti Ġenerali li l-armla tiegħu, E. Fiammetta Cucurnia, kellha l-intenzjoni li tkompli l-proċedura.

46      Fit-30 ta’ April 2020, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jieħdu pożizzjoni dwar il-possibbiltà li dawn ir-rikorsi kif ukoll il-Kawża T‑415/19, Laroni vs Il-Parlament, jingħaqdu mal-Kawżi magħquda T‑345/19, Santini vs Il-Parlament, T-346/19, Ceravolo vs Il‑Parlament, T‑364/19, Moretti vs Il-Parlament, T‑365/19, Capraro vs Il-Parlament, T‑366/19, Sboarina vs Il-Parlament, T‑372/19, Cellai vs Il-Parlament, T‑373/19, Gatti vs Il-Parlament, T‑374/19, Wuhrer vs Il‑Parlament, T‑375/19, Pisoni vs Il-Parlament u T‑385/19, Mazzone vs Il-Parlament, kif ukoll għall-Kawżi T‑519/19, Forte vs Il-Parlament u T‑695/19, Falqui vs Il-Parlament, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

47      Fuq proposta tat-Tmien Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti ikbar.

48      Fid-19 ta’ Mejju 2020, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet dwar aspetti differenti ta’ dawn il-kawżi.

49      Fit-2 u fit-3 ta’ Ġunju 2020 rispettivament, il-Parlament u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-proposta ta’ tgħaqqid għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, kif imsemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq.

50      Fil-5 ta’ Ġunju 2020, il-President tat-Tmien Awla ddeċieda li jgħaqqad dawn il-kawżi kif ukoll il-Kawża T‑415/19, Laroni vs Il-Parlament, mal-Kawżi magħquda T‑345/19, Santini vs Il-Parlament, T‑346/19, Ceravolo vs Il-Parlament, T‑364/19, Moretti vs Il-Parlament, T‑365/19, Capraro vs Il-Parlament, T‑366/19, Sboarina vs Il-Parlament, T‑372/19, Cellai vs Il-Parlament, T‑373/19, Gatti vs Il-Parlament, T‑374/19, Wuhrer vs Il-Parlament, T‑375/19, Pisoni vs Il-Parlament u T‑385/19, Mazzone vs Il-Parlament, kif ukoll għall-Kawżi T‑519/19, Forte vs Il-Parlament, T‑695/19, Falqui vs Il-Parlament, għall-finijiet tal-parti orali tal-proċedura.

51      Fis-17 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti u l-Parlament wieġbu għall-mistoqsijiet li l-Qorti Ġenerali kienet għamlitilhom fid-19 ta’ Mejju 2020.

52      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex iż-żmien għat-trattazzjoni tagħhom jiġi mtawwal. Fit-3 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment din it-talba.

53      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 2020, il-Parlament informa lill-Qorti Ġenerali bil-mewt ta’ Jitka Frantova, rikorrenti fil-Kawża T‑427/19. Permezz ta’ ittri tat-13 ta’ Lulju 2020 u tal-5 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill ta’ Jitka Frantova informa wkoll lill-Qorti Ġenerali bil-mewt tal-klijenta tiegħu, u indika li kien ser jibgħat lill-Qorti Ġenerali l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-wirt u s-segwitu tal-proċedura. Fis-16 ta’ Settembru 2020, l-avukat ta’ J. Frantova informa lill-Qorti Ġenerali li Daniela Concardia, l-eredi tar-rikorrenti, kellha l-intenzjoni li tkompli l-proċeduri.

54      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2020.

55      B’deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2020, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tat-Tmien Awla ddeċieda li jissepara l-Kawża T‑415/19, Laroni vs Il-Parlament, mill-kawżi l-oħra, skont l-Artikolu 68(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

56      Ir-rikorrenti jitolbu, bl-esklużjoni ta’ L. A. Florio, fil-Kawża T‑465/19, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara ineżistenti jew tannulla n-noti tal-11 ta’ April 2019 imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq;

–        tordna lill-Parlament iħallas lura s-somom kollha miżmuma indebitament, flimkien mal-interessi bir-rata legali mid-data taż-żamma sad-data tal-ħlas, u jikkundanna lill-Parlament sabiex jeżegwixxi s-sentenza li għandha tingħata u jieħu l-inizjattivi, l-atti jew il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi ggarantita r-rikostituzzjoni immedjata u sħiħa tal-ammont inizjali tal-benefiċċju tal-pensjoni;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

57      L. A. Florio, fil-Kawża T‑465/19, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara ineżistenti jew tannulla l-abbozz ta’ deċiżjoni kif ukoll kull att preċedenti, relatat jew konsekuttiv;

–        tordna lill-Parlament iħallas lura s-somom kollha miżmuma indebitament, flimkien mal-interessi bir-rata legali mid-data taż-żamma sad-data tal-ħlas, u jikkundanna lill-Parlament sabiex jeżegwixxi s-sentenza li għandha tingħata u jieħu l-inizjattivi, l-atti jew il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi ggarantita r-rikostituzzjoni immedjata u sħiħa tal-ammont inizjali tal-benefiċċju tal-pensjoni;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

58      Il-Parlament jitlob lil-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV.    Id-dritt

A.      Fuq is-suġġett tar-rikorsi u fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali

59      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, fir-rikors tagħhom, espressament indikaw li ma kellhomx l-intenzjoni li jikkontestaw il-legalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi.

60      Madankollu, waqt is-seduta, l-avukat tar-rikorrenti afferma li jirreferi għas-sottomissjonijiet orali ta’ Maurizio Paniz, avukat tar-rikorrenti fil-kawżi magħquda Santini et vs Il-Parlament, T‑345/19, T‑346/19, T‑364/19 sa T‑366/19, T‑372/19 sa T‑375/19 u T‑385/19.

61      Issa, sa fejn P. Paniz ikkontesta l-validità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 waqt it-trattazzjoni tiegħu u ssottometta, matul il-fażi orali tal-proċedura, provi insostenn ta’ din it-teżi, għandhom jitfakkru l-limiti imposti fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE.

62      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ att adottat minn awtorità nazzjonali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-28 ta’ Frar 2017, NF vs Il-Kunsill Ewropew, T‑192/16, EU:T:2017:128, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni tal-legalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali.

64      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali jirrileva li l-provi prodotti minn M. Paniz matul il-fażi orali tal-proċedura u li għalihom irrefera waqt is-seduta ma għandhomx effett fuq l-eżitu ta’ dawn ir-rikorsi. Minn naħa, M. Paniz bagħtet kopja tad-Deċiżjoni Nru 2/2020 tat-22 ta’ April 2020 li permezz tagħha l-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill għall-Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati) annulla parzjalment l-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. Madankollu, dan l-annullament ma għandu ebda konsegwenza f’dan il-każ, peress li l-Parlament ma rċeviex talba sabiex jiġi applikat u, konsegwentement, ma applikax għar-rikorrenti regoli identiċi għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. Min-naħa l-oħra, M. Paniz ippreżentat ukoll kopja tad-dispożittiv tas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020 tal-Commissione contenziosa del Senato (il-Kummissjoni Kontenzjuża tas-Senat, l-Italja). Madankollu, din is-sentenza għandha bħala suġġett id-Deċiżjoni Nru 6/2018 tal-Ufficio di Presidenza del Senato (l-Uffiċċju tal-Presidenza tas-Senat, l-Italja), u mhux id-Deċiżjoni Nru 14/2018. Issa, huwa paċifiku li, skont dak li huwa stabbilit fl-Artikolu 2(1) tal-Anness III, il-Parlament applika biss regoli identiċi għal dawk tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Parlament ikkonferma waqt is-seduta li huwa ser japplika, fil-futur, kull emenda tad-dritt Taljan, u b’mod partikolari tad-Deċiżjoni Nru 14/2008, li tista’ tirriżulta mill-proċeduri pendenti quddiem il-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill għall-Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati), skont ir-regola ta’ pensjoni identika.

65      Għalkemm, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma tistax għalhekk tistħarreġ il-validità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, hija, min-naħa l-oħra, kompetenti sabiex teżamina l-legalità tal-atti tal-Parlament. Għalhekk, fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi għal annullament, il-Qorti Ġenerali tista’ tivverifika jekk l-Artikolu 75 u l-Artikolu 2(1) tal-Anness III, li jistabbilixxi r-regola ta’ pensjoni identika, jiksrux ir-regoli ta’ livell superjuri tad-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali tista’ teżamina jekk l-applikazzjoni mill-Parlament, skont ir-regola ta’ pensjoni identika, tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali hija wkoll kompetenti sabiex tiżgura ruħha li n-noti tal-11 ta’ April 2019, imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq, u, fir-rigward ta’ L. A. Florio, fil-Kawża T‑465/19, id-deċiżjoni finali tosserva d-dritt tal-Unjoni.

B.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T453/19, Panusa vs Il-Parlament

66      Matul is-seduta, il-Parlament eċċepixxa l-inammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T‑453/19, Panusa vs Il-Parlament, minħabba li d-deċiżjoni kkontestata dwar ir-rikorrenti ma kinitx affettwat l-interessi tagħha. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ma wasslet għal ebda tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni rċevuta mir-rikorrenti.

67      I. Panusa wieġbet, ukoll waqt is-seduta, li minkejja kollox hija kellha interess ġuridiku.

68      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżumi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors jista’ għalhekk, bl-eżitu tiegħu, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il-Kunsill, C‑237/17 P, EU:C:2019:259, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-interess ġuridiku għandu jkun effettiv u attwali u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors. Madankollu, dan għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42).

69      F’dan il-każ, il-Parlament sostna, mingħajr ma ġie kontradett, li d-deċiżjoni kkontestata ma kienet wasslet għal ebda tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni rċevuta mir-rikorrenti.

70      Konsegwentement, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċernaha ma jistax, minnu nnifsu, jagħti benefiċċju lil I. Panusa. Għaldaqstant, ir-rikors fil-Kawża T‑453/19, Panusa vs Il-Parlament, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

C.      Fuq il-mertu

71      Insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti jressqu erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tan-noti tal-11 ta’ April 2019, imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq, u tad-deċiżjoni finali (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali valida u fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. It-tielet motiv, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi relatat mal-klassifikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 u fuq applikazzjoni żbaljata tar-“riżerva tal-liġi” prevista mill-Artikolu 75(2). Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza kif ukoll fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà.

72      Qabel ma tevalwa l-fondatezza ta’ dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikkonstata l-ineżistenza tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

73      Fuq dan il-punt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u, għaldaqstant, jipproduċu effetti legali, anki jekk ikunu vvizzjati b’irregolaritajiet, sakemm ma jiġux annullati jew irtirati (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 48, u tad-9 ta’ Diċembru 2014, Lucchini vs Il-Kummissjoni, T‑91/10, EU:T:2014:1033, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Madankollu, bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, l-atti vvizzjati b’irregolarità li l-gravità tagħha tkun tant evidenti li ma tkunx tista’ tiġi ttollerata mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma kellhom ebda effett legali, anki provviżorju, jiġifieri għandhom jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament ineżistenti. Din l-eċċezzjoni hija intiża sabiex iżżomm bilanċ bejn żewġ rekwiżiti fundamentali, iżda xi drabi kunfliġġenti, li ordinament ġuridiku għandu jissodisfa, jiġifieri l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi u l-osservanza tal-legalità (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 49, u tad-9 ta’ Diċembru 2014, Lucchini vs Il-Kummissjoni, T‑91/10, EU:T:2014:1033, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Il-gravità tal-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni timplika li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, konstatazzjoni bħal din għandha ssir f’każijiet għal kollox estremi (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 50, u tad-9 ta’ Diċembru 2014, Lucchini vs Il-Kummissjoni, T‑91/10, EU:T:2014:1033, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar ukoll li l-irregolaritajiet li jistgħu jwasslu lill-qorti tal-Unjoni tikkunsidra att bħala ġuridikament ineżistenti huma differenti mill-illegalitajiet li l-konstatazzjoni tagħhom twassal, bħala prinċipju, għall-annullament ta’ atti suġġetti għall-istħarriġ ta’ legalità pprovduta mit-trattat mhux min-natura tagħhom iżda mill-gravità tagħhom u min-natura flagranti tagħhom. Fil-fatt, għandhom jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament ineżistenti l-atti vvizzjati b’irregolaritajiet li l-gravità tagħhom hija evidenti sal-punt li taffettwa l-kundizzjonijiet essenzjali tagħhom (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, dm-drogerie markt vs UASI – Distribuciones Mylar (dm), T‑36/09, EU:T:2011:449, punt 86).

77      Issa, l-irregolaritajiet invokati mir-rikorrenti ma jidhrux li huma ta’ gravità tant evidenti li d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jitqiesu bħala ġuridikament ineżistenti, u dan għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjonijiet ikkontestati u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

78      Dan l-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda l-inkompetenza tal-awtur tad-deċiżjonijiet ikkontestati. It-tieni parti hija relatata ma’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

a)      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar l-inkompetenza tal-awtur tad-deċiżjonijiet ikkontestati

79      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel ilment, li d-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom jiġu adottati mill-Bureau tal-Parlament u mhux mill-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u d-Drittijiet Soċjali tal-Membri” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament. Skont ir-rikorrenti, din is-soluzzjoni hija neċessarja, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 11a(6) u tal-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, kif kienu applikabbli fil-mument tal-fatti, jiġifieri matul it-tmien leġiżlatura (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”). Skont ir-rikorrenti, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jagħtu kompetenza ġenerali lill-Bureau tal-Parlament f’dak li jirrigwarda d-drittijiet finanzjarji tal-Membri. Huwa għal din ir-raġuni li l-Bureau tal-Parlament adotta r-Regoli PEAM. Konferma oħra ta’ din il-kompetenza ġenerali tal-Bureau tal-Parlament tinsab fl-ewwel premessa tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, li tippreċiża li “[i]l-Bureau biss huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tal-aspetti finanzjarji tal-Istatut [tal-Membri tal-Parlament Ewropew]”. Issa, skont ir-rikorrenti, il-Bureau tal-Parlament qatt ma ppronunzja ruħu fuq tnaqqis tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, id-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrenti ġew ikkalkolati mill-ġdid minn korp, jiġifieri l-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament, totalment mingħajr kompetenza, b’tali mod li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma illegali.

80      Fit-tieni lment, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma wkoll illegali fis-sens li, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 28 tar-Regoli ta’ Proċedura, huma ma kinux is-suġġett ta’ evalwazzjoni jew ta’ analiżi mill-Kulleġġ tal-Kwesturi. Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament ma setax sempliċement japplika d-Deċiżjoni Nru 14/2018 u li kellu neċessarjament iwettaq tranżazzjonijiet supplimentari sabiex jikkalkola l-ammont il-ġdid tad-drittijiet għall-pensjoni. Issa, dan l-adattament fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 fil-livell tal-Unjoni kellu, skont ir-rikorrenti, ikun is-suġġett ta’ evalwazzjonijiet interni, abbażi ta’ konsultazzjoni mal-korpi kompetenti fil-qasam tad-drittijiet tal-Membri, u ma kellux jiġi ddelegat lil unità tal-Parlament.

81      Il-Parlament jitlob li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda bħala infondata.

82      Fir-rigward tal-ewwel ilment, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Bureau tal-Parlament għandu jirregola l-kwistjonijiet finanzjarji, organizzattivi u amministrattivi li jirrigwardaw il-Membri fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament jew ta’ grupp politiku. Madankollu, il-Parlament jikkunsidra li din id-dispożizzjoni tillimita l-azzjoni tal-Bureau għall-adozzjoni ta’ regoli ġenerali u astratti, u mhux għal dik ta’ deċiżjonijiet individwali. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjonijiet ikkontestati, anki jekk jikkostitwixxu atti ta’ portata individwali, kellhom jiġu adottati abbażi tal-imsemmi Artikolu 25(3).

83      Fuq dan il-punt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura jagħti kompetenza ġenerali lill-Bureau tal-Parlament, b’mod partikolari, fil-qasam ta’ kwistjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw il-membri. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi għalhekk il-bażi li fuqha huwa jista’ jibbaża ruħu sabiex jadotta, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament jew ta’ grupp politiku, il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-imsemmija kwistjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il-Parlament, T‑439/09, EU:T:2011:600, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Barra minn hekk, diġà ġie deċiż ukoll li l-miżuri ta’ implimentazzjoni, li ġew adottati mill-Bureau tal-Parlament, għandhom b’mod partikolari bħala għan, kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħhom, li jissostitwixxu r-Regoli PEAM dwar l-ispejjeż u l-indennizzi tal-Membri tal-Parlament. F’dan is-sens, il-miżuri ta’ implimentazzjoni jirregolaw il-kwistjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw il-membri fis-sens tal-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, Montel vs Il-Parlament, T‑634/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:848, punti 50 u 51).

85      Għalhekk, għalkemm il-Bureau tal-Parlament għandu l-kompetenza li jadotta regoli ġenerali u astratti skont l-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, u, għal raġunijiet simili, skont l-Artikolu 11a(6) tar-Regoli ta’ Proċedura, dan ma jimplikax madankollu li huwa kompetenti wkoll sabiex jadotta deċiżjonijiet individwali fil-qasam ta’ kwistjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw il-Membri tal-Parlament.

86      Għall-kuntrarju, l-amministrazzjoni tal-Parlament tista’, mingħajr ksur tal-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, tingħata tali kompetenza, peress li huwa l-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li stabbilixxa l-limiti u l-modalitajiet tal-eżerċizzju tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-6 ta’ Settembru 2018, Bilde vs Il-Parlament, C‑67/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:692, punti 36 u 37).

87      Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dan it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Bureau tal-Parlament u l-amministrazzjoni ta’ din l-istituzzjoni, diġà ġie deċiż, b’mod partikolari, li deċiżjoni individwali li tiffissa d-drittijiet għall-pensjoni tal-membri ma hijiex biss deċiżjoni eżerċitata fil-kuntest ta’ kompetenza limitata, fis-sens li din l-amministrazzjoni ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali fid-determinazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni, iżda li hija wkoll ta’ natura esklużivament dikjaratorja fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il-Parlament, T‑439/09, EU:T:2011:600, punt 38).

88      Konsegwentement, xejn ma jipprekludi lill-Parlament milli jagħti lill-amministrazzjoni tiegħu l-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet individwali, b’mod partikolari, fil-qasam tad-drittijiet għall-pensjoni u f’dak tal-iffissar tal-ammont tal-pensjonijiet. Madankollu, jibqa’ li jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament kellux tali kompetenza.

89      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 283/2014 u d-Deċiżjoni 541/2014/UE, u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1) jipprevedi li kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha tiddelega, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tagħha, id-dmirijiet tal-uffiċjal awtorizzanti lil persunal f’livell adegwat. Fir-regoli amministrattivi interni tagħha għandha tindika l-persunal li lilu tiddelega dawk id-dmirijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat delegati u jekk il-persuni delegati b’dawk is-setgħat jistgħux jissottodelegawhom.

90      Issa, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Parlament indika, bi provi insostenn, li l-kap tal-unità “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-DĠ tal-Finanzi ta’ din l-istituzzjoni kien inħatar bħala regolatur subdelegat għal-linja baġitarja 1030 dwar il-pensjonijiet tal-irtirar imsemmija fl-Anness III tar-Regoli PEAM permezz tad-Deċiżjoni FINS/2019–01 tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament tat-23 ta’ Novembru 2018. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 73(3) tar-Regolament 2018/1046, id-Deċiżjoni FINS/2019–01 tindika espressament li din is-subdelega ta’ kompetenza tawtorizza lill-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament jipproċedi, b’mod partikolari, għall-istabbiliment tal-impenji legali u tal-impenji baġitarji, għal-likwidazzjoni tal-infiq u għall-awtorizzazzjoni tal-ħlasijiet, iżda wkoll għall-istabbiliment tat-tbassir tal-krediti, għall-konstatazzjoni tad-drittijiet li għandhom jiġu rkuprati, u l-ħruġ tal-ordnijiet ta’ rkupru.

91      Barra minn hekk, huwa paċifiku li r-regoli stabbiliti mill-miżuri ta’ implimentazzjoni u mir-Regoli PEAM, hekk kif ġew adottati mill-Bureau tal-Parlament, ma ġewx emendati mill-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-DĠ tal-Finanzi ta’ din l-istituzzjoni, iżda ġew implimentati minnu biss. Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-osservanza, f’dan il-każ, tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ regolamenti minn dan tal-aħħar għandha tiġi evalwata, iktar ’il quddiem, fil-kuntest tal-eżami tal-motivi l-oħra.

92      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament kien għalhekk kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati.

93      F’dak li jirrigwarda t-tieni lment, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kwesturi kellhom jiġu kkonsultati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

94      Ċertament, kif ifakkru ġustament ir-rikorrenti, l-Artikolu 28 tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li l-“Kwesturi għandhom ikunu responsabbli għal affarijiet amministrattivi u finanzjarji li jolqtu direttament lill-Membri, skont il-linji gwida stabbiliti mill-Bureau kif ukoll għal kompiti oħra fdati lilhom”. Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 25(8) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jippreċiża li l-“Bureau għandu jadotta l-linji gwida għall-Kwesturi u jista’ jitlobhom iwettqu ċerti kompiti”.

95      Issa, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Bureau tal-Parlament adotta linji gwida jew iddefinixxa kompiti speċifiċi, fis-sens tal-Artikolu 25(8) u tal-Artikolu 28 tar-Regoli ta’ Proċedura, li kienu jimponu li l-kwesturi jkunu ġew ikkonsultati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati jew, b’mod iktar ġenerali, li kellhom ikunu l-awturi tad-deċiżjonijiet ikkontestati ta’ natura madankollu individwali. B’hekk, il-Parlament ma jistax jiġi kkritikat li ma kkonsultax mal-kwesturi, meta ebda test ma kien jeżiġi dan f’tali ċirkustanzi.

96      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Parlament li applika d-Deċiżjoni Nru 14/2018, filwaqt li adattaha sabiex jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali ta’ kull rikorrent, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont il-ġdid tal-pensjonijiet. Issa, tali adattament tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 kellu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjonijiet interni, permezz tal-konsultazzjoni mal-korpi kompetenti fil-qasam tad-drittijiet tal-Membri u ma kellux jiġi ddelegat lil unità tal-Parlament.

97      Anki jekk jitqies li l-Parlament adatta d-Deċiżjoni Nru 14/2018, li ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-motivi l-oħra iktar ’il quddiem, huwa biżżejjed, fi kwalunkwe każ, li jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punti 90 sa 95 iktar ’il fuq, il-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-DĠ Finanzi tal-Parlament kien kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati u li ma kien previst ebda obbligu ta’ konsultazzjoni minn qabel mal-Kulleġġ tal-Kwesturi.

98      Għalhekk, l‑ewwel parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

99      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma nieqsa minn motivazzjoni sa fejn il-Parlament sempliċement jafferma li d-Deċiżjoni Nru 14/2018 tapplika b’mod awtomatiku fuq il-livell tal-Unjoni mingħajr ma jesponi b’mod ċar ir-raġunament li wassal għal din il-konklużjoni u billi jibbaża ruħu, b’mod żbaljat, fuq l-Artikolu 75. Barra minn hekk, il-Parlament naqas ukoll mill-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma kinitx ippreċeduta minn analiżi interna fil-fond u lanqas minn evalwazzjoni mill-Bureau tal-Parlament jew mill-kwesturi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li dawn l-istess deċiżjonijiet jidhru li huma bbażati fuq l-opinjoni tas-servizz legali. Madankollu, din l-opinjoni la ġiet iċċitata fid-deċiżjonijiet ikkontestati u lanqas ingħaqdet magħhom. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Parlament, minn naħa, li ma analizzax sa fejn l-applikazzjoni retroattiva ta’ skema ta’ pensjoni inqas favorevoli tista’ tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li llimita ruħu li jafferma li ma kellux kompetenza sabiex jeżamina l-validità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. F’dan is-sens, il-Parlament kiser kemm l-Artikolu 296 TFUE kif ukoll l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

100    Il-Parlament jitlob li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda bħala infondata.

101    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu, kif ukoll f’dak tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali, l-obbligu li jiġu motivati dawk id-deċiżjonijiet għandu l-għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-parti kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk id-deċiżjoni tistax tkun ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità (ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il-Kummissjoni, T‑180/15, EU:T:2017:795, punt 287 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati, bl-eċċezzjoni ta’ dik li tikkonċerna lil L. A. Florio li l-legalità tagħhom ser tiġi eżaminata fil-punti 108 u 109 iktar ’il quddiem, humiex validament motivati fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 101 iktar ’il fuq.

103    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fl-ewwel paragrafu, id-deċiżjonijiet ikkontestati jfakkru li l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati adottat id-Deċiżjoni Nru 14/2018, li tipprevedi li jitnaqqas, mill-1 ta’ Jannar 2019, l-ammont tal-pensjonijiet għas-snin ta’ mandat imwettqa sal-31 ta’ Diċembru 2011.

104    Fit-tieni paragrafu, id-deċiżjonijiet ikkontestati jirreferu għall-Artikolu 75, iżda wkoll għall-Artikolu 2(1) tal-Anness III, li jipprovdi li l-livell u l-modalitajiet tal-pensjoni provviżorja għandhom ikunu identiċi għal dawk tal-pensjoni li jirċievu l-membri tal-awla baxxa tal-Istat Membru li fih huma ġew eletti. Id-deċiżjonijiet ikkontestati jsemmu għalhekk b’mod espliċitu l-bażi legali tagħhom.

105    Fit-tielet paragrafu, id-deċiżjonijiet ikkontestati jippreċiżaw li, fid-dawl tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 u tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 104 iktar ’il fuq, l-ammont tal-pensjonijiet tar-rikorrenti għandu jkun adattat korelattivament sabiex jikkorrispondi għall-ammont tal-pensjonijiet imħallsa lill-membri tiegħu mill-Kamra tad-Deputati. F’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet ikkontestati jirreferu għan-nota tal-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament, kif annessa mar-rendikonti tal-pensjoni tar-rikorrenti tax-xahar ta’ Frar 2019, li fiha dan ħabbar li kien ser jinnotifika lir-rikorrenti bl-iffissar il-ġdid tal-ammont tal-pensjoni tagħhom u kien ser jirkupra l-eventwali differenza fit-tnax-il xahar li jmiss.

106    Fir-raba’ u l-ħames paragrafu tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti huma informati li l-ammont tal-pensjoni tagħhom ser jiġi kkalkolat, mix-xahar ta’ April 2019, konformement mal-proġetti ta’ ffissar tal-ammonti l-ġodda tal-pensjonijiet annessi ma’ dawn id-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, l-ammonti indebitament irċevuti għax-xhur ta’ Jannar, sa Marzu 2019 huma indikati, u huwa ppreċiżat kif il-Parlament għandu l-intenzjoni li jirkuprahom.

107    Fl-aħħar nett, fis-sitt sat-tmien paragrafi, id-deċiżjonijiet ikkontestati jinformaw lir-rikorrenti bil-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ 30 jum. Huwa speċifikat ukoll li, fin-nuqqas ta’ tali osservazzjonijiet fl-imsemmi terminu, id-deċiżjonijiet ikkontestati jsiru definittivi u li, f’tali każ, huma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Fl-aħħar nett, huma jsemmu l-possibbiltà li jressqu lment bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament abbażi tal-Artikolu 72(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

108    F’dak li jirrigwarda speċifikament lil L. A. Florio, fil-Kawża T‑465/19, il-Qorti Ġenerali tirrileva li d-deċiżjoni finali sempliċement tindika, l-ewwel nett, li l-Parlament ma huwiex kompetenti sabiex jikkontesta l-validità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, fit-tieni lok, li l-parir tas-servizz legali jikkostitwixxi dokument aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit internet ta’ din l-istituzzjoni, u, fit-tielet lok, li l-osservazzjonijiet mibgħuta minn L. A. Florio, fl-14 ta’ Mejju 2019, ma fihomx elementi ta’ natura li jiġġustifikaw reviżjoni tal-pożizzjoni espressa fl-abbozz ta’ deċiżjoni. Għalhekk huwa ppreċiżat li, konsegwentement, l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu u l-iskema ta’ rimbors li tirriżulta minnha, kif ikkalkolati mill-ġdid u kkomunikati fl-anness tal-imsemmi abbozz ta’ deċiżjoni, saru definittivi fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni finali. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni finali ssemmi l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra tagħha abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, hija tfakkar il-possibbiltà li tressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew, skont l-Artikolu 228 TFUE, jekk L. A. Florio jqis li kien is-suġġett ta’ att ta’ amministrazzjoni ħażina, u, hija tindika li lment bil-miktub jista’ jitressaq quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament abbażi tal-Artikolu 72(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

109    Għalkemm huwa minnu li din id-deċiżjoni finali ma tantx hija sostnuta, l-eżami tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jistax ikun limitat għal dan id-dokument biss. Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 101 iktar ’il fuq, dan l-eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest fattwali u ġuridiku li fih ġiet adottata d-deċiżjoni finali. Dan l-approċċ huwa iktar u iktar rilevanti peress li, minn naħa, id-deċiżjoni finali tirreferi espliċitament għall-abbozz ta’ deċiżjoni u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jirreferi mingħajr distinzjoni għal dan l-abbozz ta’ deċiżjoni u għad-deċiżjoni finali fir-rikors tiegħu. Għalhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, fir-rigward ta’ L. A. Florio, fil-Kawża T‑465/19, l-elementi deskritti fil-punti 103 sa 107 iktar ’il fuq.

110    Ċertament, kif isostnu r-rikorrenti, ir-raġunijiet li wasslu lill-Parlament sabiex jikkunsidra li r-regoli tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 japplikaw ukoll għalihom huma verament esposti biss fl-opinjoni tas-servizz legali. Għalhekk, fil-punti 9 sa 14 u 16 ta’ din l-opinjoni, il-Parlament jispjega, essenzjalment, li l-Anness III ma joħloqx skema ta’ pensjoni awtonoma, fis-sens li din l-istituzzjoni hija obbligata, permezz tar-regola ta’ pensjoni identika, li tapplika r-regoli tad-Deċiżjoni Nru 14/2018.

111    Bl-istess mod, huwa b’mod ġust li r-rikorrenti jaffermaw li l-opinjoni tas-servizz legali la hija msemmija u lanqas annessa mad-deċiżjonijiet ikkontestati jew, fir-rigward ta’ L. A. Florio, fil-Kawża T‑465/19, fl-abbozz ta’ deċiżjoni.

112    Madankollu, dawn iż-żewġ konstatazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti ma jurux li l-Parlament kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta.

113    L-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeżiġix li jkunu speċifikati l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, iktar u iktar meta d-deċiżjonijiet ikkontestati jseħħu, bħal f’dan il-każ, f’kuntest magħruf mid-destinatarju tagħhom.

114    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti stess jirrikonoxxu li l-eżistenza tal-opinjoni tas-servizz legali kienet imsemmija fin-nota tal-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-DĠ tal-Finanzi tal-Parlament annessa mad-dikjarazzjonijiet tal-pensjoni tax-xahar ta’ Frar 2019. Issa, minn naħa, ir-rikorrenti kienu kollha destinatarji tal-imsemmija nota u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet ikkontestati jew, fir-rigward ta’ L. A. Florio, fil-Kawża T‑465/19, l-abbozz ta’ deċiżjoni jirreferu espliċitament għaliha.

115    Ir-rikorrenti setgħu jitolbu l-aċċess għall-opinjoni tas-servizz legali. Barra minn hekk, id-deċiżjoni finali kienet tinkludi rabta diretta lejn il-paġna tal-internet tal-Parlament fejn dan il-parir kien aċċessibbli għall-pubbliku. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kollha annettew l-imsemmi avviż mar-rikors tagħhom bħala anness.

116    Minn dawn l-elementi jista’ jiġi dedott li r-rikorrenti kellhom aċċess liberu u għarfien perfett tal-kontenut tal-parir tas-servizz legali qabel il-preżentata tar-rikors tagħhom. B’dan il-mod, huma kellhom il-possibbiltà li jinvestigaw il-kontenut tiegħu sabiex jifhmu aħjar id-deċiżjonijiet ikkontestati.

117    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Parlament espona, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunijiet li wassluh sabiex japplika r-regoli tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 u sabiex jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti setgħu jsostnu d-drittijiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, kif juri b’mod partikolari l-kontenut tal-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi tagħhom esposti fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma motivati suffiċjentement skont il-liġi.

118    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Din il-motivazzjoni tista’ tkun suffiċjenti biex tesprimi l-motivi żbaljati (ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Korwin-Mikke vs Il-Parlament, T‑352/17, EU:T:2018:319, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att għalhekk huma irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew fuq motivazzjoni insuffiċjenti (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, ZQ vs Il-Kummissjoni, T‑647/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:884, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Għaldaqstant, huwa irrilevanti l-argument tar-rikorrenti li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinitx ippreċeduta minn analiżi interna fil-fond, u lanqas minn evalwazzjoni mill-Bureau tal-Parlament jew mill-kwesturi, peress li dan ma jirrigwardax il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ġie deċiż bħala infondat fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv.

120    Bl-istess mod, ma jistgħux jintlaqgħu l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li, il-Parlament l-ewwel nett, kien iġġustifika l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 fir-rigward tagħhom billi bbaża ruħu, b’mod żbaljat, fuq l-Artikolu 75, fit-tieni lok, wara l-parir tas-servizz legali, iddikjara li ma kellux kompetenza sabiex jistħarreġ il-legalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, u, fit-tielet lok, kellu jivverifika, meta ma għamilx dan, jekk l-applikazzjoni allegatament awtomatika u retroattiva tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 fir-rigward tar-rikorrenti kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Fil-fatt, tali argumenti ma humiex marbuta mal-obbligu ta’ motivazzjoni. Madankollu, il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti ser tiġi eżaminata, iktar ’il quddiem, fil-kuntest tal-motivi l-oħra.

121    Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali valida u fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni

122    Insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jaffermaw, essenzjalment, li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma nieqsa minn bażi legali valida. Fil-fatt, l-Anness III ma għadux applikabbli bħala tali. Barra minn hekk, l-Artikolu 75 ma jawtorizzax lill-Parlament jemenda b’mod sfavorevoli t-trattament tal-eks Membri tiegħu. Għall-kuntrarju, din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża sabiex tħares id-drittijiet miksuba minn dawn eks Membri. Għaldaqstant, skonthom, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma żbaljati meta jibbażaw ruħhom fuq l-Anness III u fuq l-imsemmi Artikolu 75.

123    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament wettaq żball gravi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 75. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprekludi lill-Parlament milli jnaqqas l-ammont tal-pensjonijiet l-eks Membri tiegħu. Barra minn hekk, ir-riferiment għad-dritt nazzjonali, previst fl-Anness III, kien applikabbli biss fil-mument meta l-eks Membru kien għażel li jaderixxi mal-iskema ta’ pensjoni stabbilita minn dan l-anness u mhux iktar tard, sabiex jemenda r-regoli ta’ kalkolu ta’ dawn il-pensjonijiet. Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’analoġija, l-Artikolu 29 tal-Istatut tal-Membri, li jillimita r-regolamenti tal-Istati Membri, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istatut fil-qasam tal-pensjonijiet tal-irtirar, għal perijodu li ma jistax jaqbeż żewġ leġiżlaturi tal-Parlament.

124    Fl-aħħar nett, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikaw li jqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III, jekk dan kellu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Parlament jikkontesta sitwazzjonijiet definittivament magħluqa. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, tali fakultà tikser l-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Membri.

125    Il-Parlament jitlob li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat.

126    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, skont l-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, ir-Regoli PEAM skadew fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, jiġifieri fl-14 ta’ Lulju 2009. Madankollu, b’deroga minn din ir-regola, l-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, kif moqri flimkien mal-Artikolu 75 tagħhom, iżomm fis-seħħ, b’mod tranżitorju, b’mod partikolari r-regola ta’ pensjoni identika prevista fl-Anness III. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness ma ġewx imħassra u għadhom applikabbli, f’dan il-każ fil-każ tar-rikorrenti.

127    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq applikazzjoni, b’analoġija, tal-Artikolu 29 tal-Istatut tal-Membri. Huwa minnu li l-Artikolu 29 tal-Istatut tal-Membri jipprovdi li r-regolamenti adottati mill-Istati Membri, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi statut, b’mod partikolari fil-qasam tal-pensjoni tal-irtirar, huma applikabbli matul perijodu tranżitorju li ma jistax jaqbeż it-tul ta’ żewġ leġiżlaturi tal-Parlament. Madankollu, minn dan l-artikolu, li għandu bħala għan il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, ma jistax jiġi dedott li l-Parlament huwa wkoll obbligat jillimita kull deroga mill-Istatut tal-Membri fil-qasam tal-pensjonijiet tal-irtirar għal perijodu massimu li jkopri żewġ leġiżlaturi. U anki jekk jiġi preżunt li l-limitazzjoni ratione temporis prevista fl-Artikolu 29 tal-Istatut tal-Membri tista’ tiġi applikata fl-Artikoli 74 u 75, dan ma jistax, fi kwalunkwe każ, la jinvalida dawn iż-żewġ artikoli u lanqas, għaldaqstant, iwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, ma ddekorriex perijodu ekwivalenti għal żewġ leġiżlaturi, jiġifieri għaxar snin, bejn id-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ applikazzjoni u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni daħlu fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 2009, filwaqt li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati fis-11 ta’ April 2019 u, fir-rigward ta’ L. A. Florio, fil-Kawża T‑465/19, fil-11 ta’ Ġunju 2019. Għaldaqstant, anki jekk il-limitazzjoni ratione temporis prevista fl-Artikolu 29 tal-Istatut tal-Membri setgħet tiġi applikata, b’analoġija, fl-Artikoli 74 u 75, din l-applikazzjoni tkun, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett f’dan il-każ.

128    Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li jiġi kkjarifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 75 qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

a)      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ applikazzjoni

129    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Artikolu 75 jinkludi żewġ paragrafi. Għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1) u l-paragrafu (2) tal-Artikolu 75 jirrigwardaw, it-tnejn li huma, id-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar tal-eks Membri, il-kampijiet ta’ applikazzjoni tagħhom ikopru, rispettivament, is-sitwazzjoni tal-eks Membri li bdew jirċievu l-pensjoni tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, jiġifieri l-14 ta’ Lulju 2009, u dik tal-eks Membri li bdew jirċievu din il-pensjoni wara din id-data.

130    Minn naħa, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1) tal-Artikolu 75(1) japplika għal eks Membri li bdew jibbenefikaw mill-pensjoni tal-irtirar tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri. Skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, dawn eks Membri jkomplu, wara din id-data, jaqgħu taħt l-iskema ta’ pensjoni stabbilita mill-Anness III. Konsegwentement, il-kalkolu u l-ħlas tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom huma bbażati fuq ir-regoli ta’ dan l-anness.

131    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 75(2) jiggarantixxi, fl-ewwel sentenza tiegħu, li d-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri skont l-Anness III għandhom jibqgħu fis-seħħ. Madankollu, għalkemm dawn id-drittijiet għall-pensjoni tal-età jibqgħu miksuba wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, it-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2) tippreċiża li l-benefiċċju effettiv din il-pensjoni huwa darbtejn suġġett. L-ewwel nett, eks Membri għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti għal dan il-għan mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. fit-tieni lok, eks Membri għandhom jippreżentaw it-talba tagħhom għal-likwidazzjoni tal-pensjoni fi żmien sitt xhur mit-tnissil tad-dritt tagħhom, skont l-Artikolu 3(2) tal-Anness III. Konsegwentement, il-kalkolu u l-ħlas tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom huma bbażati, hawnhekk ukoll, fuq ir-regoli tal-Anness III, iżda l-ftuħ tal-benefiċċju effettiv ta’ dawn il-pensjonijiet tal-irtirar huwa suġġett għall-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti mit-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2).

132    Interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 75 għalhekk teskludi l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1) għal eks Membri li bdew jirċievu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri. Fil-fatt, il-kliem stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1) jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biss għal eks Membri li, “qabel” id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, kienu diġà jirċievu pensjoni tal-irtirar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2017, Costa vs Il-Parlament, T‑15/15 u T‑197/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:332, punt 42).

133    Din l-istess interpretazzjoni sistematika twassal, b’mod koerenti, għall-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 75(2) għall-eks Membri li bdew jirċievu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri. Fil-fatt, dawn l-eks Membri ma jistgħux jaqgħu taħt l-Artikolu 75(2), ħlief jekk jiġi kkunsidrat li ż-żewġ paragrafi ta’ dan l-artikolu jinkludu regoli simili u superfluwi. Barra minn hekk, ma tantx ikun loġiku li dawn l-eks Membri jintalbu mill-ġdid, abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2), li jkunu ressqu t-talba tagħhom għal-likwidazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar f’terminu ta’ sitt xhur mill-ħolqien tad-dritt tagħhom, filwaqt li din il-formalità kellha neċessarjament tiġi ssodisfatta qabel l-14 ta’ Lulju 2009, peress li diġà kienu jirċievu, qabel din id-data, tali pensjoni.

134    Konsegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti billi ssir distinzjoni, fost dawn tal-aħħar, bejn dawk li bdew jirċievu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom qabel l-14 ta’ Lulju 2009 u dawk li bbenefikaw minnha wara din id-data. Barra minn hekk, sa fejn il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li d-dritt għall-pensjoni tas-superstiti inkwistjoni jikkostitwixxi dritt dipendenti u derivat mid-dritt għall-pensjoni tal-irtirar tal-eks Membru li miet, hemm lok li jsir riferiment, sabiex jiġi ddeterminat liema paragrafu tal-Artikolu 75 huwa applikabbli, għad-data li minnha dan l-eks Membru kien beda jirċievi l-pensjoni tal-irtirar tiegħu abbażi tal-Anness III.

b)      Fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti li taqa’ taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni

135    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1) huwa applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti li bdew jirċievu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom qabel l-14 ta’ Lulju 2009, bl-esklużjoni għalhekk tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑390/19, T‑393/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑411/19, T‑413/19, T‑425/19, T‑430/19, T‑436/19, T‑441/19, T-442/19, T‑444/19, T‑417/19, T‑445/19, T‑452/19 u T‑465/19. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1) huwa applikabbli wkoll għar-rikorrenti kollha li jibbenefikaw minn pensjoni tas-superstiti, jiġifieri r-rikorrenti fil-Kawżi T‑397/19, T‑409/19, T‑414/19, T‑426/19 u T‑427/19. Fil-fatt, il-konjuġi tagħhom li mietu kienu kollha bdew jirċievu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom qabel l-14 ta’ Lulju 2009.

136    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1) jipprevedi li “Il-pensjoni[jiet] tal-età mħallsa skont l-Anness III tar-Regoli PEAM għandhom ikomplu jitħallsu skont [dak] l-anness lil dawk il-persuni li kienu jirċievu l-benefiċċji taħt eżami qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut”.

137    Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tal-Anness III jistabbilixxi, min-naħa tiegħu, ir-regola ta’ pensjoni identika, fil-qalba ta’ dawn il-kawżi, kif ġej: “Il-livell u l-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni proviżorja huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jieħdu l-Membri tal-Kamra Inferjuri tal-Parlament tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett.”

138    Il-formulazzjoni imperattiva ta’ din id-dispożizzjoni — “[i]l-livell u l-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni proviżorja huma identiċi” — ma tħalli ebda marġni lill-Parlament għal metodu ta’ kalkolu awtonomu. Bla ħsara għall-osservanza tar-regoli ta’ livell superjuri tad-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ġenerali tad-dritt u l-Karta, il-Parlament huwa obbligat jiddetermina l-livell u l-modalitajiet tal-pensjoni tal-età ta’ eks Membru tal-Parlament Ewropew li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness III abbażi ta’ dawk iddefiniti fid-dritt nazzjonali applikabbli, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi tar-regoli ddefiniti fid-Deċiżjoni Nru 14/2018. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-partijiet jaqblu fuq din l-interpretazzjoni.

139    Bl-istess mod, l-użu tal-preżent indikattiv — “huma identiċi” — jimplika li dan l-obbligu li jiġu applikati l-istess regoli dwar il-livell u l-modalitajiet bħal dawk stabbiliti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat ma huwiex limitat sabiex jirregola s-sitwazzjoni fil-passat l-eks Membri, jiġifieri qabel l-adozzjoni tal-Istatut tal-Membri, iżda jkompli jkollu l-effetti tiegħu sakemm jitħallsu l-pensjonijiet tal-irtirar.

140    Din l-interpretazzjoni doppja hija msaħħa mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1), li jindika espressament li l-pensjonijiet tal-irtirar “għandhom ikomplu jitħallsu” skont l-Anness III. Ir-rikors, hawnhekk ukoll, għal formulazzjoni imperattiva u fil-preżent tal-indikattiv jikkonferma, minn naħa, il-permanenza tar-regoli li jinsabu fl-Artikolu 2(1) tal-Anness III, anki wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ marġni ta’ manuvra tal-Parlament fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom.

141    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1) u l-Artikolu 2(1) tal-Anness III, moqrija flimkien, jeżiġu, b’mod espliċitu, li l-Parlament japplika, f’kull ħin, l-istess regoli dwar il-livell u l-modalitajiet tal-pensjonijiet bħal dawk stabbiliti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat. Il-Parlament jista’, kif diġà ġie indikat fil-punt 138 iktar ’il fuq, jevita dan l-obbligu biss fil-każ fejn, fid-dawl tal-prinċipju tal-ġerarkija tar-regoli, l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli twassal għal ksur ta’ regola ta’ livell superjuri tad-dritt tal-Unjoni.

142    Barra dan anki jekk l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli timplika, bħal f’dan il-każ, tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet, dan madankollu ma jistax jitqies li jippreġudika d-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba mill-benefiċjarji tagħhom.

143    Fil-fatt, il-qari flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1) u tal-Anness III jindika li d-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba, li jirriżultaw mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-eks Membri, jikkostitwixxu biss il-bażi tal-kalkolu tal-imsemmija pensjonijiet tal-età Min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1) u tal-Anness III ma tiggarantixxi l-immutabbiltà tal-ammont ta’ dawn il-pensjonijiet. Id-drittijiet għall-pensjoni miksuba msemmija fl-imsemmi Artikolu 75 ma għandhomx jiġu konfużi ma’ allegat dritt li jitħallas ammont fiss ta’ pensjoni.

144    Din l-interpretazzjoni tar-regola ta’ pensjoni identika ma hijiex invalidata mill-premessa 7 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li jirreferu għalihom ir-rikorrenti. Fil-fatt, din il-premessa tillimita ruħha li tippreċiża li d-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri huma ggarantiti wara din id-data. Min-naħa l-oħra, din il-premessa ma tindikax li l-ammont tal-imsemmija pensjonijiet ma jistax jiġi rivedut, jew ’il fuq jew ’l isfel. Għalhekk, din il-premessa sempliċement tikkonferma s-sustanza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-Anness III.

145    Din l-interpretazzjoni lanqas ma hija invalidata mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 75(2). Ċertament, din id-dispożizzjoni tipprevedi li “(i)d-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut skont l-Anness III imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ”. Madankollu, bħall-premessa 7 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, l-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 75(2) ma tindikax li l-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar ma jistax jiġi emendat, kemm jekk huwa favur jew kontra l-benefiċjarji tagħhom. Barra minn hekk u kif jirriżulta mill-punti 132 u 133 iktar ’il fuq, interpretazzjoni sistematika ta’ dan l-Artikolu 75 timplika, fi kwalunkwe każ, l-inapplikabbiltà tat-tieni paragrafu tiegħu għall-eks Membri, bħar-rikorrenti msemmija fil-punt 135 iktar ’il fuq, li bdew jirċievu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom qabel l-14 ta’ Lulju 2009.

146    Din l-interpretazzjoni lanqas ma twassal, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fl-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħhom imsemmija fil-punt 124 iktar ’il fuq, għal ksur tal-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Membri. Fil-fatt, kif irrileva ġustament il-Parlament, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Membri japplika biss, skont l-ittra tiegħu stess, għad-drittijiet għal pensjoni li l-Membri jkunu kisbu “skond arranġamenti nazzjonali”. Issa, f’dan il-każ, il-pensjonijiet tal-irtirar tar-rikorrenti ma nkisbux abbażi ta’ skema nazzjonali, iżda abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Anness III. Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess jirrikonoxxu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-pensjonijiet tagħhom ma humiex ir-responsabbiltà tar-Repubblika Taljana, iżda fuq dik tal-Parlament. L-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Membri huwa għalhekk inapplikabbli għall-pensjonijiet tar-rikorrenti, peress li dawn jaqgħu taħt skema ta’ pensjoni tal-Unjoni u mhux taħt skema ta’ pensjoni nazzjonali. L-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħhom għandha tiġi miċħuda.

147    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li n-nuqqas ta’ immutabbiltà tal-ammont tal-pensjonijiet imħallsa skont l-Artikolu 2(1) ta’ l-Anness III huwa kkonfermat mill-prattika. Fil-fatt, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Parlament indika, bi provi insostenn, li, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, l-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ għaxar eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja, kien diġà tnaqqas sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-Deċiżjoni Nru 210/2017 tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati. Għall-kuntrarju, il-Parlament ippreċiża, ukoll insostenn, li l-livell tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ ċerti eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja, kien żdied, bejn l-2002 u l-2005, b’applikazzjoni taż-żieda tal-ammont tal-allowance parlamentari deċiża mill-uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati.

c)      Fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti li taqa’ taħt l-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni

148    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 129 sa 134 iktar ’il fuq, l-Artikolu 75(2) huwa applikabbli biss għar-rikorrenti fil-Kawżi T‑390/19, T‑393/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑411/19, T‑413/19, T‑417/19, T‑425/19, T‑430/19, T‑436/19, T‑441/19, T‑442/19, T‑444/19, T‑445/19, T‑452/19 u T‑465/19.

149    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 75(2) TFUE jipprovdi dan li ġej:

“Id-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut skont l-Anness III imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ. Il-persuni li kisbu drittijiet skont l-iskema tal-pensjoni għandhom jirċievu pensjoni kkalkulata fuq il-bażi tad-drittijiet miksuba tagħhom skont l-Anness III imsemmi hawn sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u jippreżentaw l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-Anness III msemmi hawn fuq.”

150    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75(2) ma tistax tiġi interpretata bħala li tiggarantixxi l-immutabbiltà tal-ammont tal-pensjoni l-eks Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati. Fil-fatt, dritt miksub li jimplika ammont definittiv u li ma jistax jitħallas lura tal-pensjoni tal-irtirar ma huwiex stabbilit fl-imsemmi Artikolu 75(2).

151    Fir-realtà, permezz tar-riferiment li “[i]d-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut skont l-Anness III imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ”, il-Parlament sempliċement ikkonferma li d-drittijiet kollha għall-pensjoni tal-irtirar miksuba, abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa sal-14 ta’ Lulju 2009, kienu ppreżervati wara din id-data. Issa, mill-punti 142 sa 144 kif ukoll 146 u 147 iktar ’il fuq jirriżulta li l-imsemmija drittijiet kweżiti jservu biss bħala bażi ta’ kalkolu tal-ammont tal-pensjoni. Min-naħa l-oħra, l-espressjoni “drittijiet fis-seħħ” ma tistax tinftiehem bħala li timplika riżultat definittiv u immutabbli fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont ta’ dawn il-pensjonijiet.

152    Barra minn hekk, dan ir-riferiment jippermetti wkoll li ssir distinzjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 49 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni u tal-Artikolu 75(2) fir-rigward l-eks Membri li, fl-14 ta’ Lulju 2009, kienu għadhom ma bdewx jirċievu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom.

153    Fil-fatt, kif jispjegaw b’mod korrett ir-rikorrenti u l-Parlament, id-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba mid-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri jaqgħu esklużivament taħt l-Artikolu 49 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. Id-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba sa dik id-data għandhom ikunu rregolati esklussivament mill-Artikolu 75(2) u l-Anness III. Għaldaqstant, ma huwiex iktar possibbli li jinkisbu drittijiet għal pensjoni, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-14 ta’ Lulju 2009. Minn dan jirriżultaw żewġ skemi ta’ pensjoni suċċessivi li jimplikaw żewġ tipi ta’ drittijiet għal pensjoni: id-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar, miksuba sal-14 ta’ Lulju 2009, abbażi tal-Artikolu 75 tal-Anness III, u d-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba, mill-14 ta’ Lulju 2009, abbażi tal-Artikolu 49 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. Dwar dan l-aspett, huwa paċifiku bejn il-partijiet li eks Membri, ikkonċernati minn din l-akkumulazzjoni ta’ skemi, jirċievu żewġ pensjonijiet distinti u li l-pensjoni tal-irtirar biss, irregolata mill-Artikolu 75(2) u l-Anness III kienet is-suġġett ta’ tnaqqis tal-ammont tagħha.

154    Billi jippreċiża li d-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba sal-jum tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal jibqgħu hekk wara din id-data, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75(2) tindika għalhekk impliċitament, iżda b’mod koerenti mal-Artikolu 49 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, li din il-garanzija ma tistax tikkonċerna drittijiet ġodda għall-pensjoni tal-irtirar, miksuba wara din id-data, peress li, preċiżament, tali kisba saret legalment impossibbli. Min-naħa l-oħra, għar-raġunijiet kollha esposti iktar ’il fuq, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75(2) ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tafferma n-natura immutabbli tal-ammont tal-pensjonijiet ta’ rtirar.

155    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2) tindika, fl-ewwel parti tagħha, li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar huwa kkalkolat skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness III. It-tieni parti ta’ din is-sentenza teżiġi, barra minn hekk, li jiġu ssodisfatti żewġ rekwiżiti, jiġifieri li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-għoti tal-pensjoni u li jkun ippreżenta t-talba għal likwidazzjoni ta’ din il-pensjoni.

156    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li t-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2) tiddistingwi b’mod ċar id-“drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba” mill-“pensjonijiet”. Minn naħa, huwa evidenti li l-aġġettiv “miksuba” ma huwiex assoċjat mal-kelma “pensjonijiet”, li donnu jikkonferma li ma huwiex impossibbli li jiġi rivedut l-ammont tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija pensjonijiet huma, ċertament, iddeterminati abbażi tal-imsemmija “drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba”, iżda huma ddeterminati “skont” ir-regoli ta’ kalkolu stabbiliti fl-Anness III. Fuq dan il-punt, it-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2) tirreferi għall-Anness III, u għalhekk impliċitament għall-Artikolu 2(1) ta’ dan l-anness. Għaldaqstant, isir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 138 sa 141 iktar ’il fuq, li skonthom il-Parlament għandu l-obbligu, bla ħsara għall-osservanza tar-regoli ta’ livell superjuri tad-dritt tal-Unjoni, li japplika r-regoli dwar il-livell u l-modalitajiet tal-pensjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat.

157    Fir-rigward taż-żewġ rekwiżiti addizzjonali msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ma għandhomx l-għan, kif isostnu r-rikorrenti, li jikkundizzjonaw il-benefiċċju ta’ allegata protezzjoni tad-“drittijiet miksuba” tagħhom, fis-sens li l-ammont tal-pensjonijiet ma jistax jiġi rivedut, iżda li huma jikkundizzjonaw il-benefiċċju effettiv ta’ dawn il-pensjonijiet. Fil-fatt, huwa biss jekk eks Membru jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-rigward mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u jekk, barra minn hekk, huwa jkun ressaq it-talba għal likwidazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-Anness III li huwa jkun jista’ jitlob il-benefiċċju tal-pensjoni tiegħu. Dawn ir-rekwiżiti għalhekk ma għandhom ebda rabta ma’ xi garanzija ta’ immutabbiltà tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar.

158    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali jikkonstata li l-obbligu, stabbilit fl-Anness III, li jiġu applikati r-regoli dwar il-livell u l-modalitajiet tal-pensjonijiet tal-irtirar stabbiliti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat għandu biss il-Parlament. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li jiġu osservati ż-żewġ rekwiżiti, deskritti fil-punt 157 iktar ’il fuq, huwa impost biss fuq il-benefiċjarji tal-imsemmija pensjonijiet.

d)      Konklużjoni

159    F’dan il-każ, il-Parlament la emenda l-Artikolu 75 lanqas l-Artikolu 2(1) tal-Anness III. Dawn id-dispożizzjonijiet baqgħu l-istess. Bl-istess mod, il-Parlament ma kkontestax id-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba mir-rikorrenti qabel l-14 ta’ Lulju 2009.

160    B’mod konkret, skont l-Artikolu 75 l-Artikolu 2(1) tal-Anness III, il-Parlament illimita ruħu li jadatta l-livell u l-modalitajiet tal-pensjonijiet tal-irtirar jew tas-superstiti tar-rikorrenti sabiex jieħu inkunsiderazzjoni r-regoli l-ġodda ta’ kalkolu stabbiliti mid-Deċiżjoni Nru 14/2018. B’hekk, huma biss ir-regoli tal-kalkolu tal-ammont ta’ dawn il-pensjonijiet tal-irtirar jew tas-superstiti li ġew emendati, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostnewx li l-Parlament kien applika ħażin ir-regoli tad-Deċiżjoni Nru 14/2018.

161    Mill-bqija, u bħala paragun, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-possibbiltà ta’ reviżjoni tal-ammont tal-pensjonijiet diġà ġiet ammessa mill-ġurisprudenza fil-kuntest tal-kontenzjuż tas-servizz pubbliku tal-Unjoni. Skont din, għandha ssir distinzjoni netta bejn l-iffissar tad-dritt għal pensjoni u l-ħlas tal-benefiċċji li jirriżultaw minnu. B’hekk, skont il-ġurisprudenza, id-drittijiet miksuba f’termini ta’ ffissar ta’ pensjoni ma jinkisrux meta l-bidliet li jseħħu fl-ammonti effettivament imħallsa jirriżultaw minn żviluppi leġiżlattivi jew regolamentari li ma jippreġudikawx id-dritt għall-pensjoni nnifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑135/05, EU:T:2006:366, punti 79 u 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Parlament issodisfa l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 75 u tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III billi applika ir-regoli tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 u, konsegwentement, billi adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din l-applikazzjoni mill-Parlament tar-regoli tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 tiksirx, jew le, regoli oħra ta’ livell superjuri tad-dritt tal-Unjoni għajr l-imsemmi Artikolu 75 jew l-Anness III, din ser tiġi eżaminata fil-kuntest tar-raba’ motiv.

163    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-Parlament seta’ validament jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 75 fuq ir-regoli tal-Anness III, mingħajr ma jikser id-dispożizzjonijiet, sabiex jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati.

164    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi relatat mal-klassifikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 u fuq applikazzjoni żbaljata tar-“riżerva tal-liġi” prevista mill-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni

165    Insostenn ta’ dan it-tielet motiv, ir-rikorrenti jaffermaw li l-Artikolu 75(2) jirreferi biss għad-dritt nazzjonali adottat fil-forma ta’ “liġi”. Dan il-qasam irriżervat għal-leġiżlatur għandu l-intenzjoni jipproteġi l-funzjoni leġiżlattiva, anki qabel ma jipproteġi lill-Membri fuq bażi individwali. Issa, id-Deċiżjoni Nru 14/2018 hija biss sempliċi deċiżjoni interna tal-Kamra tad-Deputati, mingħajr saħħa ta’ liġi. F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni Nru 14/2018 hija applikabbli biss għall-persuni li fil-konfront tagħhom il-Kamra tad-Deputati teżerċita l-kompetenzi regolatorji tagħha, jiġifieri l-persunal tagħha kif ukoll il-membri ta’ din l-awla fil-pożizzjoni sat-tmiem tal-mandat tagħhom.

166    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li r-riferiment tal-Artikolu 75(2) għall-“leġiżlazzjoni nazzjonali” jirreferi biss għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat għall-ksib, minn eks Membru Ewropew, ta’ dritt għall-pensjoni tal-irtirar. Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, dan ir-riferiment ma jistax jippermetti lill-Parlament jemenda l-metodi ta’ kalkolu ta’ dawn il-pensjonijiet tal-irtirar.

167    Fl-aħħar nett, id-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-Artikolu 17 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jiggarantixxu li ħadd ma jista’ jiġi pprivat mill-proprjetà tiegħu ħlief fil-kundizzjonijiet previsti mil-“liġi”.

168    Il-Parlament jitlob li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala mhux fondat.

169    Preliminarjament, sa fejn ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Parlament li kiser id-dritt għall-proprjetà tagħhom, peress li t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tagħhom ma kienx previst minn “liġi”, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa konfuż mal-argument żviluppat fil-kuntest tar-raba’ motiv. Għaldaqstant, qiegħed isir riferiment għaliha.

170    Sussegwentement, dan it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv fir-rigward tar-rikorrenti msemmija fil-punt 135 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif ġie espost fil-kuntest tat-tieni motiv, u b’mod partikolari fl-imsemmi punt 135 iktar ’il fuq, dawn ir-rikorrenti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 75(2), iżda taħt dak tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75(1), peress li bdew jirċievu l-pensjoni tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri. Għaldaqstant, ksur eventwali mill-Parlament tal-Artikolu 75(2) ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati li jikkonċernaw l-imsemmija rikorrenti.

171    L-eżami ta’ dan it-tielet motiv huwa għalhekk limitat biss għar-rikorrenti msemmija fil-punt 148 iktar ’il fuq, jiġifieri għal dawk fil-Kawżi T‑390/19, T‑393/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑411/19, T‑413/19, T‑417/19, T‑425/19, T‑436/19, T‑441/19, T‑430/19, T‑442/19, T‑444/19, T‑445/19, T‑452/19 u T‑465/19.

172    It-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2) TFUE tipprevedi kif ġej:

“Il-persuni li kisbu drittijiet skont l-iskema tal-pensjoni għandhom jirċievu pensjoni kkalkulata fuq il-bażi tad-drittijiet miksuba tagħhom skont l-Anness III imsemmi hawn sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u jippreżentaw l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-Anness III msemmi hawn fuq.”

173    Kif ġie rrilevat fil-punti 155 sa 157 iktar ’il fuq, it-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2) tiddistingwi, minn naħa, il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar, li huma rregolati esklużivament mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III, u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jibbenefika mill-ħlas effettiv tal-imsemmija pensjonijiet, li jimplika b’mod partikolari li jiġu ssodisfatti l-“kundizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat”. Barra minn hekk, mill-punt 158 iktar ’il fuq jirriżulta li l-obbligu li jiġu osservati l-imsemmija rekwiżiti għandu bħala debituri l-benefiċjarji tal-pensjonijiet tal-irtirar, u mhux il-Parlament. Minn naħa, anki jekk jitqies li l-kliem “leġiżlazzjoni nazzjonali”, użati fit-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2), jirrigwardaw biss atti leġiżlattivi nazzjonali, huwa, fi kwalunkwe każ, irrilevanti, f’dan il-każ, li d-Deċiżjoni Nru 14/2018 ma għandhiex il-forma ta’ “liġi” fid-dawl tad-dritt Taljan. Fil-fatt, id-Deċiżjoni Nru 14/2018 ma għandhiex l-għan, skont l-ammissjoni tar-rikorrenti stess, li temenda r-rekwiżiti li jikkundizzjonaw il-benefiċċju effettiv tal-pensjonijiet tal-irtirar, bħal, pereżempju, li tkun laħqet l-età legali li minnha eks Membru jkun awtorizzat jirċievi l-pensjoni tal-irtirar tiegħu, jew inkella ma jeżerċitax ċerti funzjonijiet meqjusa inkompatibbli mil-leġiżlatur Taljan. Kif jindikaw ir-rikorrenti stess u kif jikkonferma t-titolu tiegħu – “L-iffissar mill-ġdid tal-ammont tal-allokazzjonijiet għall-ħajja u tal-parti ta’ allowance għall-vitalizju tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, kif ukoll tal-benefiċċji tas-superstiti […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] –, id-Deċiżjoni Nru 14/2018 sempliċement adattat il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar.

174    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(1) tal-Anness III, li jirregola preċiżament il-kalkolu tal-ammont tal-imsemmija pensjonijiet billi jirreferi għad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, ma jippreċiżax li dan id-dritt nazzjonali għandu jieħu l-forma ta’ “liġi”.

175    B’mod iktar ġenerali wkoll, l-ebda dispożizzjoni tal-Anness III ma tagħmel riferiment għal-“leġiżlazzjoni” tal-Istat Membru kkonċernat.

176    Għaldaqstant, dan il-motiv huwa bbażat fuq qari manifestament żbaljat tal-Artikolu 75(2) peress li din id-dispożizzjoni, bħall-Artikolu 75(1) ma teżiġix li l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-pensjonijiet ikunu stabbiliti, fid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, minn “liġi”. Għalhekk huwa irrilevanti li d-Deċiżjoni Nru 14/2018 ma ġietx adottata fil-forma ta’ liġi.

177    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

178    Dan ir-raba’ motiv jinkludi tliet partijiet. L-ewwel waħda tirrigwarda l-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll fuq dak tad-dritt għall-proprjetà. It-tieni parti tirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tielet parti għandha bħala għan il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

179    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, kif isostni essenzjalment il-Parlament, dan huwa obbligat, skont l-Artikolu 75 u tal-Anness III, li jikkalkola u, jekk ikun il-każ, li jaġġorna l-ammont tal-pensjonijiet mogħtija lill-eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja li jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet, billi jnaqqas il-konsegwenzi tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 sakemm din id-deċiżjoni nazzjonali tkun fis-seħħ, li huwa attwalment il-każ fin-nuqqas ta’ tħassir jew ta’ rtirar mill-Kamra tad-Deputati jew li kien is-suġġett ta’ annullament mill-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill ta’ Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati).

180    Fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 75 u tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III, il-Parlament, bħala istituzzjoni tal-Unjoni, huwa madankollu obbligat, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, li josserva d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar. Dan japplika, minn naħa, minkejja l-fatt li, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, il-Kamra tad-Deputati ma implimentatx id-dritt tal-Unjoni u għalhekk ma kinitx obbligata tosserva d-dispożizzjonijiet inklużi fil-Karta u, min-naħa l-oħra, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntest kuntrattwali (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 86), anki jekk id-dritt Taljan ma jiżgurax l-istess garanziji bħal dawk mogħtija mill-Karta u l-prinċipji.

181    Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-pensjonijiet tar-rikorrenti, il-Parlament seta’ jevita l-modalitajiet ġodda ta’ kalkolu tal-pensjonijiet tal-eks Membri tal-Kamra tad-Deputati, kif previsti mid-Deċiżjoni Nru 14/2018, biss jekk l-applikazzjoni tar-regoli tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 kienet twassal għal ksur tal-Karta jew tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 88, tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (in-Nuqqasijiet tas-Sistema Ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 59, 73 u 78, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (il-Kundizzjonijiet ta’ Detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 59).

182    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa direttament il-legalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, u lanqas, b’mod partikolari, il-konformità tagħha mal-Karta, hija għandha teżamina biss f’dan il-każ, fid-dawl tal-argumenti tal-appellanti, jekk l-applikazzjoni mill-Parlament tal-modalitajiet ta’ kalkolu ġodda previsti f’din id-deċiżjoni nazzjonali twassalx għall-ksur minn din l-istituzzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kif allegat ukoll mill-imsemmija rikorrenti.

a)      Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, dwar il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll fuq dak tad-dritt għall-proprjetà

183    Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati jippreġudikaw l-immutabbiltà tad-drittijiet miksuba tagħhom u l-aspettattivi leġittimi li l-kuntest ġuridiku fis-seħħ matul il-mandat tagħhom ħoloq. B’mod iktar preċiż, il-Parlament kiser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta kkunsidra li d-Deċiżjoni Nru 14/2018 kienet tapplika awtomatikament għall-iskemi ta’ pensjonijiet tar-rikorrenti. Skont dawn tal-aħħar, mill-ġurisprudenza jirriżulta, għall-kuntrarju, b’mod partikolari mis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il-Parlament (T‑439/09, EU:T:2011:600), li l-miżuri li jbiddlu f’sens sfavorevoli s-sistema tad-drittijiet għal pensjoni ma jistgħux jaffettwaw id-drittijiet miksuba. Barra minn hekk, il-Parlament emenda dawn id-drittijiet miksuba b’mod retroattiv u b’mod totalment imprevedibbli. Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti kisbu d-drittijiet tagħhom għal pensjoni taħt ir-Regoli PEAM, huma issa huma terzi u b’hekk ma jaqgħux taħt il-kompetenza leġiżlattiva tal-Parlament u tal-Kamra tad-Deputati. Barra minn hekk, peress li l-iskema ta’ pensjoni, kif organizzata mill-Anness III, kienet timplika l-għażla volontarja tal-Membri li jaderixxu magħha, il-ksur tad-drittijiet ta’ pensjoni mid-deċiżjonijiet ikkontestati jrendi iktar gravi l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

184    Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti qajmu wkoll eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 75 tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III, fl-ipoteżi fejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kellhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-Parlament, bi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jadotta miżuri li għandhom effett retroattiv fuq id-drittijiet għal pensjoni miksuba definittivament.

185    Ir-rikorrenti jsostnu, barra minn hekk, li d-deċiżjonijiet ikkontestati, bit-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet li huma jimplikaw, jippreġudikaw id-dritt għall-proprjetà tagħhom mingħajr ma dan ikun iġġustifikat minn ebda interess ġenerali f’dan il-każ jew lanqas biss jissemma mill-Parlament. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma janalizzawx il-piż finanzjarju impost fuq ir-rikorrenti u ma jqegħdux f’bilanċ l-interessi inkwistjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-Artikolu 17 tal-Karta billi jipprevedu, mingħajr ma jkunu ġġustifikati minn għan leġittimu, emenda retroattiva tal-iskemi tal-pensjoni tar-rikorrenti.

186    Il-Parlament jitlob li l-ewwel parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda bħala infondata.

1)      Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

187    Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u għandu l-għan li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il-Parlament, T‑439/09, EU:T:2011:600, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

188    Għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti billi jiġi ddeterminat jekk, kif issostnu huma, l-Artikolu 75 u l-Artikolu 2(1) tal-Anness III jawtorizzaw lill-Parlament jadotta miżuri li għandhom effett retroattiv fuq id-drittijiet għall-pensjoni miksuba b’mod definittiv, anki jekk tali interpretazzjoni tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

189    Din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda, peress li hija titlaq mill-premessa żbaljata li l-Parlament huwa awtorizzat ibiddel id-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba. Issa, la l-Artikolu 75 u lanqas l-Artikolu 2(1) tal-Anness III ma jagħtuh tali setgħa. Għall-kuntrarju, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu r-rispett ta’ dawn id-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba.

190    Madankollu, dan ma jimplikax li l-ammont tal-imsemmija pensjonijiet ġie definittivament deċiż qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri u li ma jistax jinbidel.

191    Fil-fatt, u kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, fil-punti 126 sa 161 iktar ’il fuq, għandha ssir distinzjoni bejn id-“drittijiet għall-pensjoni miksuba” u l-“pensjonijiet” tal-“ammont tal-pensjonijiet”. Jekk id-“drittijiet għall-pensjoni” jinkisbu b’mod definittiv u ma jistgħux jiġu emendati, u jekk il-pensjonijiet jibqgħu jitħallsu, xejn ma jipprekludi li l-ammont tal-pensjonijiet jiġi aġġustat sabiex jiżdied jew jitnaqqas. Għall-kuntrarju, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 75 tar-regola ta’ pensjoni identika, il-Parlament huwa obbligat jikkalkola l-ammont tal-imsemmija pensjonijiet tal-irtirar billi japplika l-istess regoli dwar il-livell u l-modalitajiet tal-pensjonijiet bħal dawk stabbiliti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat.

192    Għalhekk, ir-rikorrenti ma wrewx li l-Artikolu 75 l-Artikolu 2(1) tal-Anness III jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija infondata.

193    Sussegwentement għandu jiġi vverifikat jekk l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kisritx il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

194    Mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li l-Artikolu 75 jipprovdi, b’mod ċar u preċiż, li l-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar huwa kkalkolat skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III, li jistabbilixxi r-regola ta’ pensjoni identika u jipprovdi li l-“livell u r-regoli dettaljati [tal-pensjonijiet tal-irtirar] huma identiċi” għal dawk li jirċievu, f’dan il-każ, il-Membri tal-Kamra tad-Deputati.

195    Dawn ir-regoli, li ma ġewx emendati wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, jipprevedu għalhekk espliċitament l-ipoteżi ta’ reviżjoni,’il fuq jew ’l isfel, tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi rilevanti tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, ġie konkluż li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 75 u tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III.

196    L-applikazzjoni retroattiva ta’ att mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali tippresupponi li indikazzjoni suffiċjentement ċara jew fit-termini tiegħu, jew fl-għanijiet tiegħu, tippermetti li jiġi konkluż li dan l-att jipprovdi mod ieħor milli għall-futur waħdu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Panasonic Italia et, C‑472/12, EU:C:2014:2082, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Huwa minnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati fil-11 ta’ April 2019 u, fir-rigward ta’ L. A. Florio, fil-Kawża T‑465/19, fil-11 ta’ Ġunju 2019, u li dawn kellhom l-effetti tagħhom qabel dawn id-dati, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2019. Madankollu, dawn l-elementi ma humiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jistabbilixxu li l-Parlament kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi applika l-ammonti l-ġodda tal-pensjonijiet minn din id-data.

198    Il-fatt li l-ammonti tal-pensjonijiet tar-rikorrenti kienu ġew emendati mill-1 ta’ Jannar 2019 huwa spjegat mill-obbligu, impost fuq il-Parlament skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III, li japplika l-istess modalitajiet għall-pensjonijiet bħal dawk stabbiliti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat. Issa, id-determinazzjoni tal-punt ta’ tluq tal-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda tal-kalkolu tal-imsemmija pensjonijiet mingħajr dubju tagħmel parti minn dawn il-“modalitajiet”.

199    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 jirriżulta espliċitament li “[m]ill-1 ta’ Jannar 2019, l-ammonti tal-[pensjonijiet] […] għandhom jiġu kkalkulati skont ir-regoli l-ġodda stabbiliti f’din id-Deċiżjoni”.

200    Konsegwentement, skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III, ir-rikorrenti ma kellhomx iktar id-dritt li jitolbu, mill-1 ta’ Jannar 2019, il-benefiċċju tal-pensjoni tagħhom, kif din kienet ikkalkolata qabel din id-data. Għall-kuntrarju, mill-1 ta’ Jannar 2019, kienu biss pensjonijiet, li l-ammont tagħhom kien ġie adattat b’osservanza tar-regoli stabbiliti mid-Deċiżjoni Nru 14/2018, li kienu dovuti u pagabbli.

201    Ċertament, kien ikun preferibbli li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiġu adottati qabel l-1 ta’ Jannar 2019 u mhux wara din id-data. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex importanti f’dan il-każ. L-obbligu li jiġu applikati, b’effett minn din id-data, ir-regoli l-ġodda għall-kalkolu tal-pensjonijiet tar-rikorrenti ma jirriżultax mid-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III. F’dan is-sens, id-deċiżjonijiet ikkontestati sempliċement jisiltu l-konsegwenzi li jirriżultaw direttament mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III, u jimplikaw, għaldaqstant, li s-somom imħallsa indebitament bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u d-data tal-adozzjoni tagħhom, rispettivament fil-11 ta’ April 2019 u fil-11 ta’ Ġunju 2019, għandhom jiġu rrimborsati.

202    Minn dawn l-elementi jirriżulta li r-rikorrenti ma wrewx li l-prinċipju ta’ ċertezza legali kien ġie miksur f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-regoli tal-Anness III kienu jimplikaw li l-ammonti l-ġodda tal-pensjonijiet tar-rikorrenti jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019. Issa, ir-regoli tal-Anness III seħħew ħafna qabel l-1 ta’ Jannar 2019 u ma ġewx wara din id-data. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostnewx, u l-ebda element tal-proċess ma juri dan, li l-Parlament applika dawn l-ammonti l-ġodda qabel l-1 ta’ Jannar 2019, jiġifieri qabel id-data kkunsidrata għal dan il-għan mid-Deċiżjoni Nru 14/2018. Fl-aħħar nett, kif huwa indikat fil-punt 17 iktar ’il fuq, f’Jannar 2019, il-Parlament kien informa lir-rikorrenti dwar il-possibbiltà ta’ applikazzjoni tar-regoli tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 fir-rigward tagħhom. Bl-istess mod, kif indikat fil-punt 19 iktar ’il fuq, fi Frar 2019, il-Parlament kien ikkonferma lir-rikorrenti l-applikabbiltà awtomatika ta’ din l-istess deċiżjoni għas-sitwazzjoni tagħhom. B’dan il-mod, ir-rikorrenti kienu ġew informati bl-emenda tar-regoli applikabbli għall-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tagħhom qabel ma ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati.

203    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il-Parlament (T‑439/09, EU:T:2011:600) li jirreferu għaliha r-rikorrenti. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ta’ din il-kawża kienet għadha ma kisbitx id-dritt tagħha għal pensjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija rikorrenti ma lmentatx minn xi tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tagħha, iżda għaċ-ċaħda tat-talba tagħha li tkun tista’ tibbenefika minn parti mill-pensjoni addizzjonali tagħha fil-forma ta’ kapital. Għalhekk, iċ-ċirkustanzi tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il-Parlament (T‑439/09, EU:T:2011:600), ma humiex relatati mas-sitwazzjoni tar-rikorrenti f’dawn ir-rikorsi. Barra minn hekk, sa fejn dawn tal-aħħar jiddeduċu minn din is-sentenza li ma jistgħux jiġu ppreġudikati d-drittijiet għall-pensjoni miksuba, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie msemmi b’mod partikolari fil-punt 191 iktar ’il fuq, id-drittijiet tagħhom għal pensjoni miksuba ġew irrispettati mill-Parlament u li l-ammont tal-pensjoni tagħhom biss ġie emendat.

204    L-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu għalhekk jiġi miċħud.

2)      Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

205    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi fondati. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata, konkordanti u li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi assigurazzjonijiet li jistgħu jnisslu tali aspettattivi. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni. Fl-aħħar nett, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206    Qabel kollox, għandha tiġi miċħuda, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 189 sa 191 iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-rikorrenti li permezz tagħha huma jsostnu li jekk l-Artikolu 75 u l-Artikolu 2(1) tal-Anness III kellhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-Parlament jadotta miżuri li għandhom effett retroattiv fuq id-drittijiet għal pensjoni miksuba b’mod definittiv, allura tali interpretazzjoni tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

207    Fil-fatt, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-Parlament huwa awtorizzat jemenda d-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba, filwaqt li dan ma huwiex il-każ. Hija biss il-modifika tal-ammont tal-imsemmija pensjonijiet li hija permessa abbażi tal-Artikolu 75 u tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III.

208    Barra minn hekk, ir-rikorrenti la urew u lanqas sostnew li l-Parlament kien tahom assigurazzjonijiet oħra minbarra dawk li jinsabu fl-Artikolu 75 u fl-Artikolu 2(1) tal-Anness III. Issa, huwa ċar li dawn iż-żewġ artikoli ma jipprevedux l-immutabbiltà tal-ammont tal-pensjonijiet tar-rikorrenti.

209    Fil-fatt, l-eżami tat-tieni motiv, b’mod partikolari fil-punti 138 sa 141 iktar ’il fuq, wera li l-unika assigurazzjoni preċiża u inkundizzjonata mogħtija lir-rikorrenti mill-Parlament tikkonsisti fil-garanzija tagħhom tal-benefiċċju ta’ pensjoni li l-livell u l-modalitajiet tagħha huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jirċievu l-membri tal-kamra inferjuri tal-Istat Membru li fih huma ġew eletti, f’dan il-każ il-Membri tal-Kamra tad-Deputati.

210    Billi applika fedelment ir-regoli tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Parlament għalhekk ma eskludiex l-assigurazzjoni li huwa kien ipprovda lir-rikorrenti meta dawn aderixxew mal-iskema ta’ pensjoni organizzata mill-Anness III.

211    It-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu għalhekk jiġi miċħud.

3)      Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

212    Skont il-ġurisprudenza, id-dritt għall-proprjetà, kif iggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, jikkostitwixxi dritt fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li l-osservanza tiegħu hija kundizzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni li tistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment tistabbilixxi regola tad-dritt li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213    Madankollu, għandu jitfakkar li d-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta ma huwiex assolut u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni. Konsegwentement, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punti 51 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

214    Fl-aħħar nett, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà, hemm lok, fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB, li jistabbilixxi dan id-dritt (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

215    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet ikkontestati japplikaw, skont ir-regola ta’ pensjoni identika, il-metodu l-ġdid ta’ kalkolu kif stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 14/2008 għall-pensjonijiet tal-irtirar jew tas-superstiti tar-rikorrenti. L-eżami tal-legalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 fid-dawl tad-dritt Taljan huwa rriżervat għall-awtoritajiet Taljani kompetenti, filwaqt li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha teżamina jekk, bl-applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-deċiżjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Parlament kisirx id-dispożizzjonijiet tal-Karta (ara l-punti 62 sa 65 kif ukoll il-punt 182 iktar ’il fuq). Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ dan l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, kif iggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jressqu ebda element konkret li skontu dan id-dritt jiggarantixxi livell ta’ protezzjoni differenti, jew superjuri għall-garanziji żgurati mid-dritt Taljan. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-legalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 qiegħda attwalment tiġi eżaminata quddiem il-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill għall-Ġudikatura tal-Kamra tad-Deputati) u li l-Parlament indika waqt is-seduta li, fil-futur, huwa ser japplika, skont ir-regola ta’ pensjoni identika, kull emenda tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, adottata mill-awtoritajiet Taljani kompetenti, għall-pensjonijiet tar-rikorrenti.

216    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Parlament ma ċaħħadx lir-rikorrenti minn parti mid-drittijiet tagħhom għall-pensjoni, iżda sempliċement applika t-tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-pensjonijiet previst mid-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-qasam. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Parlament ipprovda tabella li tippreċiża, għal kull rikorrent, il-portata ta’ dan it-tnaqqis. Skont id-data trażmessa mill-Parlament, il-perċentwali ta’ tnaqqis ivarjaw, skont is-sitwazzjoni personali ta’ kull rikorrent, bejn 9 % u 65 %. Erbgħa rikorrenti ġew suġġetti għal tnaqqis ta’ 50 % jew iktar u l-ammonti l-ġodda tal-pensjoni tagħhom inkwistjoni kienu bejn EUR 1 569.14 u EUR 1 985.42. Għandu jiġi kkonstatat li l-pensjonijiet ta’ dawn l-erba’ rikorrenti huma marbuta ma’ mandati tal-eks Membru kkonċernat ta’ tul rispettiv ta’ ħames jew għaxar snin, u li l-metodu ta’ kalkolu l-ġdid isir abbażi tal-kontribuzzjonijiet individwali, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 14/2008. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jiżviluppawx argumenti dettaljati u individwali bbażati fuq id-daqs tat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni fil-każ speċifiku tagħhom. Huma sempliċement iqajmu argumenti ta’ natura iktar ġenerali li jgħidu li d-dritt għall-proprjetà jeskludi t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet f’dan il-każ minħabba l-allegata retroattività tagħhom u l-allegat nuqqas ta’ interess pubbliku superjuri. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ma tistax tkun ibbażata fuq allegazzjonijiet ibbażati fuq il-konsegwenzi ta’ dak l-att f’każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

217    F’dan ir-rigward, għandu jiżdied dan li ġej.

218    Diġà ġie deċiż li, meta leġiżlazzjoni tipprevedi l-ħlas awtomatiku ta’ benefiċċju soċjali, bħal pensjoni tal-irtirar jew tas-superstiti, din toħloq interess patrimonjali li jaqa’, għall-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-pensjonijiet tal-appellanti għalhekk jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 17 tal-Karta.

219    Barra minn hekk, anki jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jagħtux ċaħda pura u sempliċi tal-pensjonijiet tar-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li huma jnaqqsu l-ammont tagħhom. F’dan is-sens, id-deċiżjonijiet ikkontestati jillimitaw id-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, l-1 ta’ Settembru 2015, Da Silva Carvalho Rico vs Il-Portugall, CE:ECHR:2015:0901DEC001334114, punti 31 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-bqija, il-Parlament ammetta l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni matul is-seduta.

220    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din ir-restrizzjoni tirrispettax il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, jekk hija prevista mil-liġi, jekk tissodisfax għan ta’ interess ġenerali u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan.

221    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Parlament ma wettaqx din il-verifika ma għandu ebda effett fuq il-kawżi inkwistjoni. Fil-fatt, tali verifika ma tikkostitwixxix formalità proċedurali obbligatorja li għaliha l-Parlament kien obbligat qabel ma adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. Huwa importanti biss li l-effetti konkreti ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

222    L-ewwel nett, id-dritt għall-proprjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti dritt għal pensjoni ta’ ammont speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    Fit-tieni lok, ir-restrizzjoni għad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti inkwistjoni f’dan il-każ hija prevista mil-liġi.

224    Minn naħa, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq l-Artikolu 75 fuq l-Artikolu 2(1) tal-Anness III. F’dan ir-rigward, fil-punt 195 iktar ’il fuq ġie rrilevat li r-Regoli tal-Anness III ma kinux ġew emendati mid-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tal-Anness III jeżiġi li l-ammont tal-pensjonijiet għandu jiġi aġġustat, billi jitnaqqas jew jiżdied, sabiex jitqiesu l-iżviluppi leġiżlattivi jew regolamentari rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati, filwaqt li adattaw l-ammont tal-pensjonijiet tar-rikorrenti, ma emendawx il-kontenut tad-dritt għall-pensjoni kif iddefinit mid-dritt tal-Unjoni.

225    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-regoli l-ġodda għall-kalkolu ta’ dawn il-pensjonijiet huma stabbiliti, b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti, mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-fatt, enfasizzat mir-rikorrenti, li d-deċiżjoni ma għandhiex il-forma ta’ “liġi” fid-dritt Taljan ma għandu l-ebda effett. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “liġi” għandu jinftiehem fis-sens “sostantiv” u mhux “formali”. Konsegwentement, hija tinkludi t-totalità kkostitwita mid-dritt bil-miktub, inklużi t-testi ta’ livell infra leġiżlattivi, kif ukoll il-ġurisprudenza li tinterpretaha (ara Qorti EDB, tat-18 ta’ Jannar 2018, Fédération nationale des associations et syndicats de sports (FNASS) et vs Franza, CE:ECHR:2018:0118JUD 004815111, punt 160 u l-ġurisprudenza ċċitata).

226    Fit-tielet lok, il-Parlament jafferma li l-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti tinsab fid-Deċiżjoni Nru 14/2018, peress li huwa l-uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati li għażel li jadatta l-metodu ta’ kalkolu tal-pensjonijiet imħallsa lill-Membri ta’ din il-kamra. B’mod iktar preċiż, id-Deċiżjoni Nru 14/2018 hija ġġustifikata mill-għan li jiġi adattat l-ammont tal-pensjonijiet imħallsa lill-Membri kollha għas-sistema ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni. Barra minn hekk, skont il-Parlament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-Istati għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ politika ta’ ekonomija ta’ fondi pubbliċi jew ta’ liġijiet li jintroduċu miżuri ta’ awsterità imposti minn kriżi ekonomika serja.

227    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fid-dawl tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III, l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati hija neċessarjament dipendenti fuq l-għażliet magħmula mill-awtoritajiet Taljani kompetenti. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex ma tistax tinjora l-għanijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018.

228    Fuq dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li l-għan invokat mill-Parlament huwa msemmi b’mod espliċitu fil-preambolu tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. Fil-fatt, huwa ppreċiżat li din id-deċiżjoni hija intiża sabiex “isir kalkolu ġdid skont il-metodu kontributorju tal-ammont tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, tal-parti ta’ allokazzjoni għall-ħajja pro rata u tal-benefiċċji tas-superstiti li d-drittijiet tagħhom inkisbu abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2011” u li “l-kalkolu l-ġdid tal-benefiċċju fis-seħħ [ma jistax] jagħti lok għal ammont ogħla minn dak attwalment imħallas”.

229    Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess jirrikonoxxu, fir-rikorsi, li “fuq livell nazzjonali, l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 taqa’ fil-kuntest ta’ intervent iktar ġenerali u hija intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-Istat [Taljan]”. Din l-affermazzjoni hija kkonfermata minn waħda mit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. Fihom huma jiddikjaraw li “r-ratio legis tat-tnaqqis magħmul mid-Deċiżjoni Nru 14/2018 huwa li jiġġenera ekonomija ta’ l-ispejjeż favur il-fondi ta’ l-Istat [Taljan]”.

230    Minn dawn l-elementi jirriżulta li d-Deċiżjoni Nru 14/2018 għandha l-għan li tirrazzjonalizza l-ispejjeż pubbliċi f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja. Issa, il-qorti tal-Unjoni diġà rrikonoxxiet li tali għan jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika ksur tad-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2018, FV vs Il-Kunsill, T‑750/16, EU:T:2018:972, punt 108).

231    Dan l-għan leġittimu għandu wkoll jintuża għad-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li l-adozzjoni ta’ dawn tal-aħħar ma tippreżenta ebda raġuni li tkun awtonoma, iżda, għall-kuntrarju, kif huwa ppreċiżat fil-punt 227 iktar ’il fuq, tiddependi mill-għażliet magħmula mill-awtoritajiet Taljani kompetenti. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati jsegwu fl-istess ħin l-għan leġittimu, espliċitament iddikjarat mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III, li jagħtu lir-rikorrenti pensjonijiet li l-livell u l-modalitajiet tagħhom huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jirċievu l-Membri tal-Kamra tad-Deputati.

232    Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-neċessità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, u konsegwentement dawk tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku partikolari li ilu għaddej għal diversi snin, l-Istati Membri kellhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jadottaw deċiżjonijiet fil-qasam ekonomiku u meta huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddefinixxu l-miżuri li jistgħu jilħqu l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 57). Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà kkunsidrat li d-deċiżjoni li tilleġiżla fil-qasam tal-benefiċċji soċjali timplika normalment eżami ta’ kwistjonijiet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali. Minn dan jirriżulta li marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ jitħalla f’idejn l-Istati, b’mod partikolari għall-adozzjoni ta’ politika ta’ ekonomija ta’ fondi pubbliċi jew ta’ liġijiet li jintroduċu miżuri ta’ awsterità imposti minn kriżi ekonomika serja (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 10 ta’ Lulju 2018, Achille Claudio Aielli et vs L-Italja u Giovanni Arboit et vs L-Italja, CE:ECHR:2018:0710DEC002716618, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

233    Issa, ir-rikorrenti ma wrewx li r-regoli stabbiliti mid-Deċiżjoni Nru 14/2018 ma kinux neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti, kif deskritti fil-punti 230 u 231 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti lanqas ma invokaw l-eżistenza ta’ miżuri oħra inqas vinkolanti li ppermettew li jintlaħqu l-imsemmija għanijiet.

234    Barra minn hekk, mill-punti 13 u 16 tal-opinjoni tas-servizz legali jirriżulta li d-Deċiżjoni Nru 14/2018 tinkludi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-proporzjonalità tagħha, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(6) u (7) ta’ din id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Parlament ipprovda tabella li fiha jidher li huwa applika r-regoli tal-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 favur tnax-il rikorrenti. Skont l-imsemmija regoli, l-ammont il-ġdid tal-pensjoni tagħhom, kif kien ġie kkalkolat mill-ġdid, żdied bin-nofs. Bl-istess mod, matul is-seduta, il-Parlament sostna, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, li ebda wieħed minnhom ma kien talab min-naħa tiegħu l-applikazzjoni tar-regoli tal-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. Issa, dawn ir-regoli jippermettu li jiżdied l-ammont tal-pensjoni ta’ persuni li ma jirċevux dħul annwali ieħor b’ammont ogħla mill-ammont annwali tal-għajnuna soċjali, li huma milquta minn marda gravi li tirrikjedi lill-amministrazzjoni ta’ terapiji vitali jew li jsofru minn patoloġiji li jagħtu lok għal sitwazzjonijiet ta’ invalidità għal 100 %.

235    Fir-rigward tal-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet ikkontestati għar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ċertament ma teskludix li dawn jistgħu jilħqu ċertu livell ta’ gravità. Madankollu, fih innifsu, dan il-livell ta’ gravità ma jippermettix li jiġi konkluż li d-deċiżjonijiet ikkontestati joħolqu inkonvenjenzi sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija, b’mod partikolari fid-dawl tal-portata tat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet inkwistjoni, l-ammonti assoluti tal-pensjonijiet ġodda evalwati fir-rigward tat-tul tal-mandat tal-eks Membru Ewropew ikkonċernat kif ukoll il-fatt li l-metodu ta’ kalkolu l-ġdid jieħu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni individwali tiegħu. Barra minn hekk, l-ebda waħda mill-konsegwenzi elenkati mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom ma hija sostnuta jew ipprovata. Fin-nuqqas ta’ elementi konkreti, għalhekk ma jistax jiġi kkonstatat li r-rikorrenti għandhom, kull wieħed minnhom, oneru individwali eċċessiv fid-dawl tal-għanijiet imfittxija. Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ma tistax tkun ibbażata fuq allegazzjonijiet ibbażati fuq il-konsegwenzi ta’ dak l-att f’każ partikolari (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ta’ 8 ta’ Settembru 2020, Kummissjoni u Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata)

236    It-tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà, għandu għalhekk jiġi miċħud, u, għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ motiv fl-intier tagħha.

b)      Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

237    Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu ksur sproporzjonat tad-dritt għall-proprjetà tagħhom, kif iggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta. Kull wieħed mir-rikorrenti jsostni inġustament piż individwali eżorbitanti, u dan, mingħajr raġuni li tiġġustifika dan.

238    Il-Parlament jitlob li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda bħala infondata.

239    F’dan ir-rigward, sa fejn ir-rikorrenti sempliċement jirrepetu li d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu preġudizzju sproporzjonat u mhux iġġustifikat għad-dritt tagħhom għall-proprjetà, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punti 222 sa 235 iktar ’il fuq.

c)      Fuq it-tielet parti tar-raba’ motiv, dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

240    Fil-kuntest tat-tielet parti, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza. Huma jittrattaw b’mod identiku lill-eks Membri li jaqgħu taħt l-Anness III u l-Membri Taljani msemmija direttament mid-Deċiżjoni Nru 14/2018. Issa, jeżistu differenzi kbar bejn l-iskemi ta’ pensjoni ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ Membri. Minn naħa, is-sistema prevista fl-Anness III tar-Regoli PEAM hija skema ta’ pensjoni bbażata fuq adeżjoni volontarja, filwaqt li l-adeżjoni tal-Membri Taljani inkwistjoni fl-iskema nazzjonali ta’ pensjoni hija awtomatika. Min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni Nru 14/2018 hija intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mir-Repubblika Taljana, filwaqt li l-pensjonijiet tar-rikorrenti jibbenefikaw mill-finanzjamenti neċessarji fil-baġit tal-Parlament.

241    Id-deċiżjonijiet ikkontestati jittrattaw ukoll b’mod differenti lill-eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja meta mqabbla mal-eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fi Franza jew fil-Lussemburgu, li jaqgħu kollha taħt l-istess Anness III.

242    Fl-aħħar nett, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti qajmu wkoll eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 75 tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, jekk ir-Regoli PEAM kellhom jiġu kkunsidrati bħala li jippermettu lill-Parlament li jikkontesta d-drittijiet għal pensjoni miksuba b’mod definittiv, dan iwassal għal trattament artifiċjali ta’ sitwazzjonijiet differenti.

243    Il-Parlament jitlob li t-tielet parti tar-raba’motiv tiġi miċħuda bħala infondata.

244    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

245    Għandu jiġi kkonstatat li, essenzjalment, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Parlament talli assimilahom mal-Membri tal-Kamra tad-Deputati, filwaqt li s-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom huma differenti. Barra minn hekk, kien ukoll bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza li l-Parlament ittratta lir-rikorrenti b’mod differenti minn eks Membri tal-Parlament Ewropew oħra li, madankollu, jaqgħu taħt l-istess sistema legali, jiġifieri l-Anness III.

246    Dawn l-ilmenti mressqa, fir-rikorsi, kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jirriżultawx minnhom, iżda mir-regoli stabbiliti mill-Artikolu 75 mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III. Huwa għalhekk biss fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ artikoli, li, barra minn hekk, huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-rikorrenti, li l-argumenti tagħhom għandhom jiġu evalwati.

247    Ir-rikorrenti jsostnu, fl-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħhom, li, jekk ir-Regoli PEAM kellhom jiġu kkunsidrati bħala li jippermettu lill-Parlament jikkontesta d-drittijiet tagħhom għal pensjoni miksuba b’mod definittiv, allura l-Artikolu 75 u l-Artikolu 2(1) tal-Anness III jiksru l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

248    F’dan ir-rigward, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 189 sa 191 iktar ’il fuq. Fil-fatt, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-Parlament huwa awtorizzat jemenda d-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba, filwaqt li dan ma huwiex il-każ. Hija biss il-modifika tal-ammont tal-imsemmija pensjonijiet li hija permessa abbażi tal-Artikolu 75 tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III.

249    Barra minn hekk, l-ebda wieħed mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti ma jista’ jistabbilixxi l-illegalità tal-Artikolu 75 jew tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III.

250    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Parlament ma ttrattahomx bl-istess mod bħall-eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fi Franza jew fil-Lussemburgu, li għażlu wkoll li jaderixxu għall-iskema ta’ pensjoni tal-Anness III. B’hekk, ir-rikorrenti kienu suġġetti għal trattament differenzjat, filwaqt li huma kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħal dawn l-eks Membri l-oħra, peress li kollha assumew l-istess funzjonijiet matul l-istess perijodu.

251    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

252    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-iskema ta’ pensjoni tal-Anness III kienet maħsuba sabiex tiggarantixxi trattament ugwali, b’mod partikolari, bejn eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja, u l-Membri tal-Kamra tad-Deputati. Dan l-għan huwa espliċitament affermat fl-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 2(1) tal-istess Anness III. L-identiċità ta’ trattament tikkostitwixxi għalhekk il-karatteristika ċentrali tas-sistema organizzata mill-Anness III. Barra minn hekk, kif inhu imsemmi fil-punt 209 iktar ’il fuq, din l-identiċità kienet l-unika assigurazzjoni preċiża u inkundizzjonata li l-Parlament kien ta lir-rikorrenti meta aderixxew mal-iskema tal-pensjoni tal-Anness III.

253    L-għan u l-għan tal-Anness III għalhekk jikkonsistu, f’dan il-każ, fil-garanzija ta’ trattament ugwali bejn eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja, u l-Membri tal-Kamra tad-Deputati.

254    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni bħall-eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti fi Franza jew fil-Lussemburgu, li wkoll għażlu li jissieħbu ma’ din l-iskema ta’ pensjoni. Fil-fatt, il-pensjonijiet l-eks Membri tal-Parlament Ewropew eletti f’dawn iż-żewġ Stati Membri, ma humiex intiżi li jiġu rregolati mir-regoli stabbiliti mid-dritt Taljan, iżda minn regoli nazzjonali oħra li huma speċifikament applikabbli għalihom.

255    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament ittrattahom bl-istess mod bħall-eks Membri tal-Kamra tad-Deputati, filwaqt li s-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom ivarjaw fuq tliet punti. L-ewwel nett, l-adeżjoni għall-iskema ta’ pensjoni organizzata mill-Anness III hija volontarja, filwaqt li l-adeżjoni għall-iskema ta’ pensjoni Taljana hija awtomatika fir-rigward tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati. Sussegwentement, id-Deċiżjoni Nru 14/2018 għandha l-għan li tnaqqas l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mir-Repubblika Taljana, filwaqt li tali għan huwa inapplikabbli għar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, minn dan tirriżulta problema ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li eks Membru tal-Parlament Ewropew elett fl-Italja, li ma kienx ukoll Membru tal-Kamra tad-Deputati, ma jistax isostni, quddiem il-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill għall-Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati), l-illegalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 u l-estensjoni tagħha għall-eks Membri tal-Parlament Ewropew.

256    Fid-dawl tal-għan u tal-għan tal-Anness III, kif deskritti fil-punti 252 u 253 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti ma għandhomx effett fuq il-validità tal-Artikolu 75 tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

257    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 244 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jeħtieġx identiċità perfetta tas-sitwazzjonijiet sabiex ikun jista’ jiġi applikat l-istess trattament. Hija meħtieġa biss in-natura paragunabbli ta’ dawn is-sitwazzjonijiet. Issa, l-ebda wieħed mit-tliet argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar hija fundamentalment differenti minn dik l-eks Membri tal-Kamra tad-Deputati.

258    Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li t-teżi tar-rikorrenti twassal, essenzjalment, sabiex tiġi rrifjutata kull identiċità fit-trattament bejniethom u l-Membri ta’ din il-kamra. Issa, li jiġi segwit dan l-argument iċaħħad lill-Anness III minn kull effett utli billi tiġi kkontestata l-essenza stess ta’ din l-iskema ta’ pensjoni. Dan iwassal paradossalment sabiex il-pensjonijiet tar-rikorrenti ma jkunux jistgħu jiġu kkalkolati u mħallsa iktar, peress li, preċiżament, il-livell u l-modalitajiet tal-għoti tal-imsemmija pensjonijiet jiddependu mir-regoli previsti mid-dritt Taljan.

259    Fl-aħħar nett, fir-rigward speċifikament tal-impossibbiltà għal uħud mir-rikorrenti li jikkontestaw il-legalità tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 quddiem il-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill għall-Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati), il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan l-ostakolu proċedurali ma jirriżultax mid-dritt tal-Unjoni, iżda huwa inerenti għad-dritt Taljan. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tevalwa direttament il-konformità tad-dritt Taljan fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

260    Konsegwentement, it-tielet parti tar-raba’ motiv, kif ukoll dan tal-aħħar kollu kemm hu, u, għaldaqstant, ir-rikorsi fl-intier tagħhom, għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet fil-Kawża T‑465/19 u lanqas fuq dawk tat-tieni kapijiet tat-talbiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52).

 Fuq l-ispejjeż

261    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors fil-Kawża T453/19, Panusa vs Il-Parlament, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

2)      Ir-rikorsi l-oħra huma miċħuda.

3)      Maria Teresa Coppo Gavazzi u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Svenningsen

Barents

Mac Eochaidh

Pynnä

 

Laitenberger

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Ottubru 2020.

Firem



*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1 Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.