Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-3 ta’ Frar 2021 – Iveco Orecchia SpA vs APAM Esercizio SpA

(Kawża C-68/21)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Iveco Orecchia SpA

Konvenut: APAM Esercizio SpA

Domandi preliminari

Huwa konformi tad-dritt Ewropew – u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) 1 (l-Artikoli 10, 19 u 28 tal-imsemmija direttiva Komunitarja), kif ukoll mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni ġusta u ta’ amministrazzjoni tajba – li, b’riferiment speċifiku għall-provvista permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ komponenti tal-bdil għal karozzi tal-linja maħsuba għas-servizz pubbliku, ikun permess li l-awtorità kontraenti taċċetta komponenti tal-bdil maħsuba għal vettura partikolari, immanufatturati minn manifattur differenti mill-produttur tal-vettura, u għaldaqstant mhux approvati flimkien mal-vettura, taħt wieħed mit-tipi ta’ komponenti previsti mir-regoli tekniċi elenkati fl-Anness IV tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq (Lista ta’ ħtiġijiet għall-finijiet ta’ approvazzjoni KE tal-vetturi) u offruti fis-sejħa għal offerti mingħajr ma jkunu akkumpanjati miċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni u mingħajr biss tissemma’ l-approvazzjoni effettiva u dan taħt il-premessa li l-approvazzjoni ma hijiex neċessarja, billi jirriżulta li hija suffiċjenti semplici dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza mal-oriġinal approvat prodotta mill-offerent?

Huwa konformi tad-dritt Ewropew – u, b’mod partikolari, mal-punt 27 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46 – li, b’rabta mal-provvista permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ komponenti tal-bdil għal karozzi tal-linja maħsuba għas-servizz pubbliku, huwa permess li offerent wieħed jista’ jikkwalifika lilu nniffsu bħala “manifattur” ta’ komponenti tal-bdil partikolari mhux oriġinali maħsuba għal vettura partikolari, b’mod partikolari meta din taqa’ taħt wieħed mit-tipi ta’ komponenti previsti mir-regoli tekniċi elenkati fl-Anness IV (Lista ta’ ħtiġijiet għall-finijiet ta’ approvazzjoni KE tal-vetturi) tad-Direttiva 2007/46, jew dan l-imsemmi offerent għandu għall-kuntrarju jipprova – għal kull wieħed mill-komponenti tal-bdil hekk offruti u sabiex jikkonferma l-ekwivalenza mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sejħa għal offerti – li huwa persuna responsabbli b’rabta mal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-aspetti kollha tal-proċess ta’ approvazzjoni kif ukoll tal-konformità tal-produzzjoni u b’rabta mal-livell kwalitattiv u li jwettaq direttament tal-inqas uħud mill-fażijiet tal-produzzjoni tal-komponenti suġġett għall-approvazzjoni, filwaqt li jiċċara wkoll, f’każ affermattiv, b’liema mezzi għandha tiġi prodotta l-imsemmija prova?

____________

1     ĠU 2007, L 263, p. 1