SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Dritt tal-Unjoni – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti – Sistema Ewropea komuni ta’ ażil – Regolament (KE) Nru 343/2003 – Kunċett ta’ ‘pajjiż bla perikolu’ – Trasferiment ta’ persuna li tfittex ażil lejn l-Istat Membru responsabbli – Obbligu – Preżunzjoni konfutabbli li dan l-Istat Membru ser jirrispetta d-drittijiet fundamentali”

Fil-Kawżi magħquda C-411/10 u C-493/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) u mill-High Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-12 ta’ Lulju u tal-11 ta’ Ottubru 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġusizzja fit-18 ta’ Awwissu u fil-15 ta’ Ottubru 2010 rispettivament, fil-proċeduri

N. S. (C‑411/10)

vs

Secretary of State for the Home Department

u

M. E. (C‑493/10),

A. S. M.,

M. T.,

K. P.,

E. H.

vs

Refugee Applications Commissioner,

Minister for Justice, Equality and Law Reform,

fil-preżenza ta’:

Amnesty International Ltd and the AIRE Centre (Advice on Individual Rights in Europe) (UK) (C‑411/10),

United Nations High Commissioner for Refugees (UNHCR) (UK) (C‑411/10),

Equality and Human Rights Commission (EHRC) (C‑411/10),

Amnesty International Ltd and the AIRE Centre (Advice on Individual Rights in Europe) (IRL) (C‑493/10),

United Nations High Commissioner for Refugees (UNHCR) (IRL) (C‑493/10),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA(Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, J. Malenovský u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), M. Ilešič, T. von Danwitz, A. Arabadjiev, C. Toader u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: L. Hewlett, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal N. S., minn D. Rose, M. Henderson u A. Pickup, barristers, kif ukoll minn S. York, Legal Officer,

–        għal M. E. et, minn C. Power, BL, F. McDonagh, SC, u G. Searson, solicitor,

–        għal Amnesty International Ltd and the AIRE Centre (Advice on Individual Rights in Europe) (UK) (C‑411/10), minn S. Cox u S. Taghavi, barristers, kif ukoll minn J. Tomkin, BL,

–        għal Amnesty International Ltd and the AIRE Centre (Advice on Individual Rights in Europe) (IRL) (C‑493/10), minn B. Shipsey, SC, J. Tomkin, BL, u C. Ó Briain, solicitor,

–        għall-Equality and Human Rights Commission (EHRC), minn G. Robertson, QC, kif ukoll minn J. Cooper u minn C. Collier, solicitors,

–        għall-United Nations High Commissioner for Refugees (UNHCR) (UK), minn R. Husain, QC, R. Davies, solicitor, kif ukoll minn S. Knights u M. Demetriou, barristers,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assitit minn S. Moorhead, SC, u D. Conlan Smyth, BL,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Murrell, bħala aġent, assistita minn D. Beard, barrister,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u T. Materne, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn A. Samoni-Rantou, M. Michelogiannaki, T. Papadopoulou, F. Dedousi u M. Germani, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues kif ukoll minn E. Belliard u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Arciszewski, B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Sloven, minn N. Aleš Verdir u V. Klemenc, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande kif ukoll minn M. Wilderspin u H. Kraemer, bħala aġenti,

–        għall-Konfederazzjoni Svizzera, minn O. Kjelsen, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), fit-tieni lok, tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-drittijiet rikonoxxuti fl-Artikoli 1, 4, 18, 19(2) u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u, fit-tielet lok, tal-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta għall-Polonja u għar-Renju Unit [(ĠU 2010, C‑83, p. 313), iktar ’il quddiem il-“Protokoll “Nru 30)”].

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, persuni li qegħdin ifittxu ażil u li skont ir-Regolament Nru 343/2003 għandhom jintbagħtu lejn il-Greċja u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-awtoritajiet Irlandiżi rispettivament.

 Il-qafas ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Recueil des traités des Nations unies, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Din il-konvenzjoni kienet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal-1967”), li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967.

4        L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-Protokoll tal-1967, bħalma huma wkoll ir-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein. L-Unjoni ma hijiex parti kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Genève u lanqas fil-Protokoll tal-1967, iżda l-Artikolu 78 TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta jipprovdu li d-dritt għal ażil għandu jiġi ggarantit, b’mod patikolari, b’osservanza ta’ din il-konvenzjoni u ta’ dan il-protokoll.

5        L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, intitolat “Projbizzjoni ta’ tkeċċija u ta’ ritorn (‘refoulement’)”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ebda Stat Kontraenti ma jista’ jkeċċi jew jirritorna (‘refouler’) refuġjat, bi kwalunkwe mod, lejn il-fruntieri ta’ territorji fejn ikun hemm theddida għal ħajtu jew għal-libertajiet tiegħu minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Is-sistema Ewropea komuni ta’ ażil

6        Sabiex jilħqu l-għan, stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta’ Strasbourg tat-8 u tad-9 ta’ Diċembru 1989, li jarmonizzaw il-politiki ta’ ażil tagħhom, l-Istati Membri ffirmaw f’Dublin, fil-15 ta’ Ġunju 1990, il-Konvenzjoni dwar id-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1997, C 254, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Dublin”). Din il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1997 għat-tnax-il firmatarju inizjali, fl-1 ta’ Ottubru 1997 għar-Repubblika tal-Awstrija u għar-Renju tal-Isvezja, u fl-1 ta’ Jannar 1998 għar-Repubblika tal-Finlandja.

7        Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999 kienu jipprevedu, b’mod partikolari, l-implementazzjoni ta’ sistema Ewropea komuni ta’ ażil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u li permezz tagħha jkun żgurat li ħadd ma jitbagħat lura fejn ikun hemm ir-riskju li jkun espost għal persekuzzjoni, jiġifieri li jiġi mħares il-prinċipju ta’ “non-refoulement”.

8        It-Trattat ta’ Amsterdam tat-2 ta’ Ottubru 1997 introduċa l-Artikolu 63 fit-Trattat KE, li kien jagħti kompetenza lill-Komunità Ewropea sabiex tadotta l-miżuri rrakkomandati mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere. Dan it-trattat introduċa wkoll fit-Trattat KE il-Protokoll (Nru 24) dwar l-asil għal ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 305), li jipprovdi li dawn l-Istati għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu reċiprokament pajjiżi ta’ oriġini ta’ sigurtà għall-finijiet legali u prattiċi kollha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ materji ta’ ażil.

9        Bl-adozzjoni tal-Artikolu 63 KE kien possibbli, b’mod partikolari, li, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, il-Konvenzjoni ta’ Dublin tiġi ssostitwita bir-Regolament Nru 343/2003, li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 2003. Kien ukoll fuq din il-bażi legali li ġew adottati d-direttivi applikabbli għall-kwistjonijiet fil-kawżi prinċipali, bil-għan li tiġi implementata s-sistema Ewropea komuni ta’ ażil prevista mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere.

10      Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, id-dispożizzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-ażil huma l-Artikolu 78 TFUE, li jipprevedi l-implementazzjoni ta’ sistema Ewropea komuni ta’ ażil, u l-Artikolu 80 TFUE, li jfakkar il-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri.

11      Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti għall-kawżi prinċipali tinkludi:

–        ir-Regolament Nru 343/2003;

–        id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101);

–        id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat[us] ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr [S]tat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96);

–        id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, 29.06.2006, p. 168).

12      Barra minn hekk, għandha tissemma d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, tal-20 ta’ Lulju 2001, dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162). Kif jirriżulta mill-premessa 20 ta’ din id-direttiva, wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ solidarjetà maħsub li jikkontribwixxi sabiex jinkiseb bilanċ bejn l-isforzi magħmula mill-Istati Membri sabiex jospitaw, fil-każ ta’ influss bil-massa, il-persuni spostati u sabiex iġorru l-konsegwenzi ta’ din l-akkoljenza.

13      Ir-reġistrazzjoni tal-informazzjoni meħuda mill-marki tas-swaba’ ta’ ċittadini barranin li jaqsmu illegalment fruntiera esterna tal-Unjoni tippermetti d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għal ażil. Din ir-reġistrazzjoni hija prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000, tal-11 ta’ Diċembru 2000, dwar l-istabbiliment ta’ Eurodac għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 26).

14      Ir-Regolament Nru 343/2003 u d-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 jagħmlu riferiment, fil-premessa 1 tagħhom, għall-fatt li politika komuni fil-qasam ta’ ażil, li tinkludi sistema Ewropea komuni ta’ ażil, hija element li jagħmel parti mill-għan tal-Unjoni li jikkonċerna l-implementazzjoni progressiva ta’ żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja miftuħa għal dawk li, minħabba ċ-ċirkustanzi li jsibu ruħhom fihom, ifittxu protezzjoni fil-Komunità b’mod leġittimu. Barra minn hekk, dawn l-atti jagħmlu riferiment ukoll, fil-premessa 2 tagħhom, għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere.

15      Kull wieħed minn dawn it-testijiet jindika li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u li josserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta. B’mod partikolari, il-premessa 15 tar-Regolament Nru 343/2003 tippreċiża li dan ir-regolament huwa intiż li jiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal ażil iggarantit mill-Artikolu 18 tal-Karta, il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/9 tippreċiża li, b’mod partikolari, din id-direttiva hija intiża li tiggarantixxi l-osservanza sħiħa tad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 u 18 tal-Karta, u l-premessa 10 tad-Direttiva 2004/83 tippreċiża li, b’mod partikolari, din id-direttiva hija intiża li tiggarantixxi l-osservanza sħiħa tad-dinjità tal-bniedem u r-rispett tad-dritt għal ażil tal-persuni li jfittxu ażil u tal-membri tal-familja tagħhom li jakkumpanjawhom.

16      Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz.

17      L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.

2.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. F’dan il-każ, dak l-Istat Membru għandu jsir l-Istat Membru responsabbli fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu jew jieħu lura l-applikant.”

18      Sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 343/2003, il-Kapitolu III ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi lista ta’ kriterji oġġettivi f’ordni ġerarkika li jikkonċernaw il-minuri li ma jkunux akkumpanjati, l-unità tal-familji, il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew ta’ viża, id-dħul jew ir-residenza illegali fi Stat Membru, id-dħul legali fi Stat Membru u l-applikazzjonijiet magħmula fiż-żona ta’ tranżitu internazzjonali ta’ ajruport.

19      L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, meta fuq il-bażi tal-ġerarkija tal-kriterji ma jkun jista’ jintgħażel ebda Stat Membru, l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil għandu jkun awtomatikament l-ewwel Stat Membru li lilu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

20      Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 343/2003, l-Istat Membru li jkun irċieva applikazzjoni għal ażil u li jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni jista’ jitlob lil dan l-Istat l-ieħor sabiex jieħu din ir-responsabbiltà malajr kemm jista’ jkun.

21      L-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li n-nuqqas ta’ tweġiba mill-Istat Membru li ssirlu talba f’dan is-sens fi tmiem terminu ta’ xahrejn, jew fi tmiem terminu ta’ xahar meta t-talba tkun saret b’urġenza, għandu jitqies bħala li t-talba ġiet aċċettata u jimplika l-obbligu, għal dan l-Istat Membru, li jieħu responsabbiltà għall-persuna kkonċernata, inklużi l-provvedimenti dwar arranġamenti xierqa għall-wasla tagħha.

22      L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 343/2003 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jaċċetta li hu għandu jieħu l-inkarigu ta’ l-applikant, l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni li l-applikazzjoni m’għandhiex tkun eżaminata, u bl-obbligu li jittrasferixxi l-applikant lill-Istat Membru responsabbli.

2.      Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Hija għandu jkun fiha d-dettalji tal-limitu ta’ żmien biex ikun eżegwit it-trasferiment u, jekk meħtieġ, għandu jkun fiha informazzjoni dwar il-post u d-data li fihom l-applikant għandu jidher, jekk ser jivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħu stess. Din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal appell u reviżjoni. Appell jew reviżjoni dwar din id-deċiżjoni m’għandux jissospendi l-implimentazzjoi tat-trasferiment sakemm il-qrati u l-korpi kompetenti ma jiddeċidux li jsir hekk fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti dan.

[…]

4.      Fejn it-trasferiment ma jsirx fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur, ir-responsabbilta tkun ta’ l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna [li] tfittex l-ażil jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna [li] tfittex l-ażil tkun ħarbet.

[…]”

23      Ir-Renju Unit ipparteċipa fl-applikazzjoni ta’ kull wieħed mir-regolamenti u tal-erba’ direttivi msemmija fil-punti 11 sa 13 ta’ din is-sentenza. Mill-banda l-oħra, l-Irlanda pparteċipat fl-applikazzjoni tar-regolamenti u tad-Direttivi 2004/83, 2005/85 u 2001/55, iżda mhux fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/9.

24      Ir-Renju tad-Danimarka huwa marbut mill-Ftehim li huwa kkonkluda mal-Komunità Ewropea u li jestendi għad-Danimarka d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003 u tar-Regolament Nru 2725/2000, approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/188/KE, tal-21 ta’ Frar 2006 (ĠU L335M, 13.12.2008, p. 72). Ir-Renju tad-Danimarka ma huwiex marbut mid-direttivi msemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza.

25      Il-Komunità kkonkludiet ukoll Ftehim mar-Repubblika tal-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment tal-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażilju ppreżentata fi Stat Membru jew fl-Islanda jew fin-Norveġja, approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/258/KE, tal-15 ta’ Marzu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 76).

26      Il-Komunità bl-istess mod ikkonkludiet Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit liema jkun l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażil magħmula fi Stat Membru jew fl-Isvizzera, approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/147/KE, tat-28 ta’ Jannar 2008 (ĠU L 53, p. 3), kif ukoll il-Protokoll mal-Konfederazzjoni Svizzera u mal-Prinċipat tal-Liechtensiten għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għal ażil magħmula fi Stat Membru jew fl-Isvizzera, approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/487/KE, tal-24 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2009, L 161, p. 6).

27      Id-Direttiva 2003/9 tistabbilixxi l-istandards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil fl-Istati Membri. Dawn l-istandards jikkonċernaw b’mod partikolari l-obbligi dwar l-informazzjoni li għandha tingħata lil dawk li jkunu qegħdin ifittxu ażil kif ukoll dwar id-dokumenti li għandhom jingħatawlhom, id-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri fir-rigward tar-residenza u tal-moviment fit-territorju tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil, il-familji, l-eżamijiet mediċi, it-tagħlim u l-edukazzjoni tal-minuri, l-impjieg ta’ dawk li jkunu qegħdin ifittxu ażil kif ukoll l-aċċess tagħhom għat-taħriġ professjonali, ir-regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza u dwar il-kura tas-saħħa tagħhom, il-modalitajiet tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza u l-kura tas-saħħa li għandhom jingħataw lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil.

28      Din id-direttiva tipprevedi wkoll l-obbligu li jiġi kkontrollat il-livell tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza kif ukoll il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors fir-rigward tas-suġġetti u tad-deċiżjonijiet koperti minn din l-istess direttiva. Barra minn hekk, din id-direttiva tinkludi regoli dwar it-taħriġ tal-awtoritajiet u dwar ir-riżorsi meħtieġa sabiex jiġu implementati d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-direttiva msemmija.

29      Id-Direttiva 2004/83 tistabbilixxi l-istandards minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat sabiex jikkwalifikaw għall-istatus ta’ refuġjat jew li għandhom jissodisfaw il-persuni li, għal raġunijiet oħra, ikunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, u dwar il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija. Il-Kapitolu II jinkludi diversi dispożizzjonijiet li jindikaw kif għandhom jiġu evalwati l-applikazzjonijiet. Il-Kapitolu III tagħha jippreċiża l-kundizzjonijiet li għandhom ikun sodisfatti sabiex persuna tiġi kkunsidrata bħala refuġjat. Il-Kapitolu IV tagħha jikkonċerna l-istatus ta’ refuġjat. Il-Kapitoli V u VI tagħha jindirizzaw il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu sodisfatti sabiex persuna tikkwalifika għall-protezzjoni sussidjarja u għall-istatus mogħti minn din il-protezzjoni. Il-Kapitolu VII tagħha jinkludi diversi regoli li jippreċiżaw il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali. Skont l-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva, dan il-kapitolu huwa bla ħsara għad-drittijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Genève.

30      Id-Direttiva 2005/85 tippreċiża d-drittijiet tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil u l-proċeduri għall-eżami tal-applikazzjonijiet.

31      L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2005/85, intitolat “Il-kunċett ta’ pajjiżi terzi Ewropej bla periklu”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru jista’ jipprovdi li ma jsirx eżami jew li ma jsirx eżami sħiħ ta’ l-applikazzjoni għall-ażil u tas-sigurtà ta’ l-applikant fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu kif deskritt fil-Kapitolu II f’każijiet fejn l-awtorità kompetenti tkun stabbilixxiet, abbażi tal-fatti, li l-applikant għall-ażil ikun qiegħed ifittex li jidħol jew daħal illegalment fit-territorju tiegħu minn pajjiż terz bla periklu skond il-paragrafu 2.”

32      Il-kundizzjonijiet previsti f’dan il-paragrafu 2 jikkonċernaw, b’mod partikolari:

–        ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Genève u l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tagħha;

–        l-eżistenza ta’ proċedura ta’ ażil prevista mil-liġi;

–        ir-rattifika tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tagħha, b’mod partikolari n-normi dwar rimedji effettivi.

33      L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 jindika r-rimedji effettivi li għandu jkun possibbli li jiġu eżerċitati quddiem il-qrati tal-Istati Membri. L-Artikolu 39(1)(a)(iii) ta’ din id-direttiva jsemmi d-deċiżjonijiet li ma jsirx eżami skont l-Artikolu 36 tal-istess direttiva.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C-411/10

34      N. S., l-appellant fil-kawża prinċipali, huwa ċittadin Afgan li wasal fir-Renju Unit wara li qasam, b’mod partikolari, il-Greċja. Huwa kien suġġett, f’dan l-Istat tal-aħħar, għal miżura ta’ detenzjoni fl-24 ta’ Settembru 2008, iżda ma ppreżentax applikazzjoni għal ażil.

35      Skont N. S., l-awtoritajiet Griegi poġġewh taħt detenzjoni għal erbat ijiem, u, fil-mument meta nħeles, innotifikaw b’ordni sabiex jitlaq mit-territorju Grieg f’terminu ta’ 30 jum. Huwa jallega li, meta kien qiegħed jipprova jitlaq mill-Greċja, twaqqaf mill-pulizija u ġie rritornat lejn it-Turkija, fejn kien suġġett, għal xahrejn, għal detenzjoni f’kundizzjonijiet mill-agħar. Huwa jallega wkoll li ħarab mill-post fejn kien qiegħed jinżamm fit-Turkija u vjaġġa minn dan l-Istat sar-Renju Unit, fejn wasal fit-12 ta’ Jannar 2009 u fejn ippreżenta, fl-istess jum, applikazzjoni għal ażil.

36      Fl-1 ta’ April 2009, is-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) indirizza lir-Repubblika Ellenika, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 343/2003, talba sabiex tieħu responsabbiltà għall-appellant fil-kawża prinċipali għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni għal ażil tiegħu. Ir-Repubblika Ellenika ma rrispondietx għal din it-talba fit-terminu previst fl-Artikolu 18(7) tar-regolament imsemmi u għalhekk tqieset, fit-18 ta’ Ġunju 2009, skont din id-dispożizzjoni, bħallikieku kienet aċċettat ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni tal-appellant fil-kawża prinċipali.

37      Fit-30 ta’ Lulju 2009, is-Secretary of State innotifika lill-appellant fil-kawża prinċipali li kienu ngħataw istruzzjonijiet bil-għan li jintbagħat lura lejn il-Greċja fis-6 ta’ Awwissu 2009.

38      Fil-31 ta’ Lulju 2009, is-Secretary of State innotifika lill-appellant fil-kawża prinċipali b’deċiżjoni ta’ attestazzjoni fejn kien indikat li, skont il-paragrafu 4 tal-punt 5 tal-Parti 2 tal-Anness 3 tal-Att tal-2004 dwar l-Ażil u l-Immigrazzjoni (Trattament tal-persuni li jagħmlu applikazzjoni, eċċ) [Asylum and Immigration (Treatment of Claimants, etc) Act 2004, iktar ’il quddiem l-“Att tal-2004 dwar l-ażil”], l-ilment tiegħu fis-sens li t-trasferiment tiegħu lejn il-Greċja kien ser jikser id-drittijiet mogħtija lilu mill-KEDB kien manifestament infondat sa fejn ir-Repubblika Ellenika tinsab fil-“lista tal-pajjiżi bla perikolu” tal-Parti 2 tal-Anness 3 tal-Att tal-2004 dwar l-ażil.

39      Il-konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni ta’ attestazzjoni kienet li, skont il-paragrafu 4 tal-punt 5 tal-Parti 2 tal-Anness 4 tal-Att tal-2004 dwar l-ażil, l-appellant fil-kawża prinċipali ma setax iressaq fir-Renju Unit appell fil-qasam tal-immigrazzjoni (“immigration appeal”), appell li għandu effett ta’ sospensjoni, kontra d-deċiżjoni li tordna t-trasferiment tiegħu lejn il-Greċja, appell dan li huwa kien ikun jista’ jressaq li kieku ma ngħatatx tali deċiżjoni ta’ attestazzjoni.

40      Fil-31 ta’ Lulju 2009, l-appellant fil-kawża prinċipali talab li s-Secretary of State jassumi, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil tiegħu minħabba li d-drittijiet fundamentali mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni, mill-KEDB u/jew mill-Konvenzjoni ta’ Genève setgħu jiġu miksura fl-eventwalità li jintbagħat lura lejn il-Greċja. Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Awwissu 2009, is-Secretary of State kkonferma d-deċiżjoni tiegħu li jittrasferixxi l-appellant fil-kawża prinċipali lejn il-Greċja u d-deċiżjoni tiegħu li tattesta li l-ilment tal-appellant fil-kawża prinċipali bbażat fuq il-KEDB kien manifestament infondat.

41      Fis-6 ta’ Awwissu 2009, l-appellant fil-kawża prinċipali ressaq talba sabiex jiġi awtorizzat iressaq rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) kontra d-deċiżjonijiet tas-Secretary of State. Għaldaqstant, dan tal-aħħar annulla l-istruzzjonijiet fir-rigward tat-trasferiment tiegħu. Fl-14 ta’ Ottubru 2009, l-appellant fil-kawża prinċipali tħalla jressaq dan ir-rikors għal stħarriġ ġudizzjarju.

42      Dan ir-rikors ġie eżaminat mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), bejn l-24 u s-26 ta’ Frar 2010. Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2010, l-Imħallef Cranston ċaħad dan ir-rikors iżda awtorizza lill-appellant fil-kawża prinċipali sabiex jippreżenta appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).

43      L-appellant fil-kawża prinċipali ppreżenta appell quddiem din il-qorti tal-aħħar fil-21 ta’ April 2010.

44      Mid-deċiżjoni tar-rinviju, li fiha l-qorti msemmija tagħmel riferiment għad-deċiżjoni tal-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), jirriżulta li:

–        il-proċeduri tal-ażil fil-Greċja huma, skont din id-deċiżjoni, ikkaratterizzati minn difetti gravi: il-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil jiltaqgħu ma’ diversi diffikultajiet sabiex jimlew il-formalitajiet neċessarji, ma jibbenefikawx minn informazzjoni u minn assistenza suffiċjenti u l-applikazzjonijiet tagħhom ma jiġux eżaminati b’attenzjoni;

–        ir-rata tal-għoti ta’ ażil fil-Greċja hija, skont din id-deċiżjoni, baxxa ħafna;

–        ir-rimedji ġudizzjarji fil-Greċja huma, skont din id-deċiżjoni, insuffiċjenti u l-aċċess għalihom huwa diffiċli ħafna;

–        il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil fil-Greċja huma, skont din id-deċiżjoni, inadegwati: il-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil jew jinżammu f’kundizzjonijiet inadegwati jew jgħixu fit-triq f’kundizzjonijiet ta’ miżerja, mingħajr kenn u mingħajr ikel.

45      Il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) ikkunsidrat li r-riskji ta’ ritorn (“refoulement”) mill-Greċja lejn l-Afganistan u lejn it-Turkija ma humiex stabbiliti fir-rigward tal-persuni ttrasferiti taħt ir-Regolament Nru 343/2003, evalwazzjoni din iżda li qiegħda tiġi kkontestata mill-appellant fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju.

46      Quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), is-Secretary of State irrikonoxxa li “id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta jistgħu jiġu invokati kontra r-Renju Unit u [...] l-Administrative Court żbaljat meta ddeċidiet il-kuntrarju”. Skont is-Secretary of State, il-Karta sempliċement ittenni d-drittijiet li diġà jagħmlu parti integrali mid-dritt tal-Unjoni u ma toħloqx drittijiet ġodda. Madankollu, is-Secretary of State sostna li l-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) żbaljat meta ddeċidiet li huwa kien obbligat jieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni meta jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003. Skont is-Secretary of State, din is-setgħa diskrezzjonali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

47      Sussidjarjament, is-Secretary of State sostna li l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma jobbligahx jieħu inkunsiderazzjoni provi li jindikaw li, jekk l-appellant fil-kawża prinċipali jintbagħat lejn il-Greċja, ikun hemm riskju kunsiderevoli li d-drittijiet fundamentali mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni ser jiġu miksura. Fil-fatt, l-istruttura tar-Regolament Nru 343/2003 tippermettilu jistrieħ fuq il-preżunzjoni inkonfutabbli li l-Greċja (jew kull Stat Membru) ser tosserva l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni.

48      Fl-aħħar nett, l-appellant fil-kawża prinċipali sostna, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-protezzjoni mogħtija mill-Karta hija superjuri għal u tmur lil hinn, b’mod partikolari, mill-protezzjoni ggarantita mill-Artikolu 3 tal-KEDB, u dan jista’ jwassal għal eżitu differenti fil-kawża ineżami.

49      Fis-seduta tat-12 ta’ Lulju 2010, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-appell, kien meħtieġ li tieħu pożizzjoni dwar ċerti punti ta’ liġi relatati mad-dritt tal-Unjoni.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.      Deċiżjoni meħuda minn Stat Membru taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament [Nru 343/2003] jekk għandhiex tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil li mhijiex ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament, taqa’ fl-ambitu tad-dritt tal-UE għall-finijiet tal-Artikolu 6 [TUE] u/jew tal-Artikolu 51 tal-[Karta]?

Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija ‘iva’:

2.      L-obbligu ta’ Stat Membru li josserva d-drittijiet fundamentali tal-UE (inkluż id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 1, 4, 18, 19(2) u 47 tal-Karta) jispiċċa meta dak l-Istat Membru jibgħat lil min ifittex l-ażil lejn l-Istat Membru li l-Artikolu 3(1) [tar-Regolament Nru 343/2003] jindika bħala l-Istat responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III [ta’ dan ir-regolament], tkun xi tkun is-sitwazzjoni fl-Istat Responsabbli?

3.      B’mod partikolari, l-obbligu ta’ osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-UE jipprekludi t-tħaddim ta’ preżunzjoni konklussiva li l-Istat Responsabbli josserva (i) id-drittijiet fundamentali taħt l-UE tal-applikant; u/jew (ii) l-istandards minimi imposti mid-Direttivi 2003/9 [...]; 2004/83 [...] u/jew 2005/85 [...]?

4.      Alternattivament, Stat Membru huwa obbligat mid-dritt tal-UE, u jekk huwa hekk, f’liema ċirkustanzi, jeżerċita s-setgħa skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament [Nru 343/2003] sabiex jeżamina u jirrendi ruħu responsabbli għal applikazzjoni, meta trasferiment lejn l-Istat Responsabbli jkun jesponi lill-applikant [għal ażil] għal riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, b’mod partikolari d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 1, 4, 18, 19(2), u/jew 47 tal-Karta, u/jew għal riskju li l-istandards minimi stabbiliti fid-Direttivi [2003/9, 2004/83 u 2005/85] ma jiġux applikati fil-konfront tiegħu?

5.      L-ambitu tal-protezzjoni mogħtija lil persuna li fil-konfront tagħha japplika r-Regolament [Nru 343/2003] permezz tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, u b’mod partikolari, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 1, 18 u 47 tal-Karta huwa iktar wiesa’ mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 3 [tal-KEDB]?

6.      Huwa kompatibbli mad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta li dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali tirrikjedi lil qorti, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk persuna tistax tiġi legalment spostjata lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament [Nru 343/2003], tittratta lil dak l-Istat Membru bħala Stat li minnu il-persuna mhijiex sejra tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor bi ksur tad-drittijiet tiegħu skont il-[KEDB] jew tad-drittijiet tiegħu skont il-Konvenzjoni [ta’ Genève] u l-Protokoll tal-1967 [...]?

7.      Peress li d-domandi preċedenti jirrigwardaw l-obbligi tar-Renju Unit, ir-risposti [mogħtjia għat-tieni sas-sitt domandi] huma b’xi mod ikkwalifikati sabiex jittieħed kont tal-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta fir-rigward tal-Polonja u tar-Renju Unit?”

 Il-Kawża C‑493/10

51      Din il-kawża tikkonċerna ħames rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ma għandhom ebda relazzjoni bejniethom u li joriġinaw mill-Afganistan, mill-Iran u mill-Alġerija. Kull wieħed minnhom għadda mit-territorju Grieg u ġie arrestat fil-Greċja minħabba dħul illegali. Huma sussegwentement waslu l-Irlanda fejn ippreżentaw applikazzjoni għal ażil. Tlieta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw din l-applikazzjoni mingħajr ma żvelaw il-preżenza preċedenti tagħhom fit-territorju Grieg filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu ammettew il-preżenza preċedenti tagħhom fil-Greċja. Is-sistema Eurodac ikkonfermat li l-ħames rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu preċedentement daħlu fit-territorju Grieg iżda li ebda wieħed minnhom ma kien ippreżenta applikazzjoni għal ażil hemmhekk.

52      Kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jopponi r-ritorn tiegħu lejn il-Greċja. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma huwiex qiegħed jiġi sostnut li t-trasferiment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali lejn il-Greċja skont ir-Regolament Nru 343/2003 jikser l-Artikolu 3 tal-KEDB minħabba r-riskju ta’ ritorn (“refoulement”), ta’ ritorn sussegwenti, ta’ trattament ħażin jew ta’ applikazzjonijiet għal ażil li jiġu injorati. Lanqas ma qiegħed jiġi allegat li dan it-trasferiment jikser artikolu ieħor tal-KEDB. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil fil-Greċja huma inadegwati b’tali mod li l-Irlanda hija obbligata tuża l-possibbiltà mogħtija lilha mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 u taċċetta r-responsabbiltà sabiex teżamina u tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għal ażil tagħhom.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Istat Membru li jittrasferixxi skont ir-Regolament (KE) [...] Nru 343/2003 huwa obbligat jevalwa l-konformità tal-Istat Membru li jirċievi mal-Artikolu 18 tal-Karta [...], mad-Direttivi [...] 2003/9/KE, 2004/83/KE u 2005/85/KE u mar-Regolament (KE) [...] Nru 343/2003?

2)      F’każ ta’ risposta affermattiva, u jekk jinsab li l-Istat Membru li jirċievi ma jikkonformax ma’ waħda jew ma’ iktar minn waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istat Membru li jittrassferixxi huwa obbligat jaċċetta r-responsabbiltà biex jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament [...] (KE) Nru 343/2003?”

54      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2011, il-Kawżi C-411/10 u C-493/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C-411/10

55      Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C-411/10, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-deċiżjoni adottata minn Stat Membru fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 dwar jekk jeżaminax jew le applikazzjoni għal ażil li fir-rigward tagħha ma jkunx responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 6 TUE u/jew tal-Artikolu 51 tal-Karta.

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

56      N. S., l-Equality and Human Rights Commission (EHRC), Amnesty International Ltd u l-AIRE Centre (Advice on Individual Rights in Europe) (UK), il-United Nations High Commissioner for Refugees (UNHCR), il-Gvern Franċiż, dak Olandiż, dak Awstrijak u dak Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jikkunsidraw li deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

57      F’dan ir-rigward N. S. jenfasizza li l-eżerċizzju tal-possibbiltà prevista minn din id-dispożizzjoni ma tkunx neċessarjament iktar favorevoli għall-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil u dan jispjega għaliex, fir-rapport tagħha tas-6 ta’ Ġunju 2007 dwar l-evalwazzjoni tas-sistema ta’ Dublin [COM (2007) 299 finali], il-Kummissjoni pproponiet li l-użu tal-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ikun suġġett għall-kunsens tal-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil.

58      Skont Amnesty International Ltd u l-AIRE Centre (Advice on Individual Rights in Europe) (UK) u l-Gvern Franċiż, b’mod partikolari, il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 hija ġustifikata mill-fatt li dan ir-regolament huwa intiż li jipproteġi d-drittijiet fundamentali u li jista’ jkun meħtieġ li tiġi eżerċitata l-possibbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni.

59      Il-Gvern Finlandiż jenfasizza li r-Regolament Nru 343/2003 jagħmel parti minn grupp ta’ regoli li flimkien jifformaw sistema.

60      Skont il-Kummissjoni, meta regolament jagħti setgħa diskrezzjonali lil Stat Membru, dan għandu jeżerċita din is-setgħa b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf, 5/88, Ġabra p. 2609; tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun, C‑578/08, Ġabra p. I‑1839, u tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., C‑400/10 PPU, Ġabra p. 1‑8965). Hija ssostni li deċiżjoni adottata minn Stat Membru fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 timplika numru ta’ konsegwenzi għal dan l-Istat, li jkun marbut mill-obbligi proċedurali tal-Unjoni u mid-Direttivi.

61      L-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Gvern Belġjan u l-Gvern Taljan jikkunsidraw, mill-banda l-oħra, li tali deċiżjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. L-argumenti invokati huma bbażati fuq in-natura ċara tat-test, li jipprovdi li hawnhekk hija involuta possibbiltà, fuq ir-riferiment għal klawżola “ta’ sovranità” jew għal “klawżola diskrezzjonali” fid-dokumenti tal-Kummissjoni, fuq ir-raġuni għall-eżistenza ta’ tali klawżola, jiġifieri l-motivi umanitarji, u, fl-aħħar nett, fuq il-loġika tas-sistema implementata permezz tar-Regolament Nru 343/2003.

62      Ir-Renju Unit jenfasizza li klawżola ta’ sovranità ma tikkostitwixxix deroga fis-sens tas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 43). Huwa jindika wkoll li l-fatt li l-eżerċizzju ta’ din il-klawżola ma jikkostitwixxix implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jfissirx li l-Istati Membri ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali sa fejn huma marbuta mill-Konvenzjoni ta’ Genève u mill-KEDB. Il-Gvern Belġjan jenfasizza, madankollu, li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tal-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil timplika l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 u, għalhekk, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 TUE u tal-Karta.

63      Għall-Gvern Ċek, id-deċiżjoni ta’ Stat Membru taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni meta dan l-Istat jeżerċita l-klawżola ta’ sovranità iżda ma taqax taħt dan id-dritt meta ma jeżerċitax din il-possibbiltà.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

64      L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

65      Minn eżami tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2002 jirriżulta li dan jirrikonoxxi lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali li tagħmel parti integrali mis-sistema Ewropea komuni ta’ ażil prevista mit-Trattat FUE u elaborata mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

66      Kif enfasizzat il-Kummissjoni, din is-setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata mill-Istati Membri b’osservanza tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-regolament imsemmi.

67      Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jindika li d-deroga għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament timplika konsegwenzi preċiżi previsti minn dan ir-regolament. B’hekk, l-Istat Membru li jieħu d-deċiżjoni li jeżamina huwa stess applikazzjoni għal ażil isir l-Istat Membru responsabbli fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003 u għandu, jekk ikun il-każ, jinforma lill-Istat jew lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati mill-applikazzjoni għal ażil.

68      Dawn l-elementi jsostnu l-interpretazzjoni fis-sens li s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 tagħmel parti mill-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għal ażil previsti mir-regolament imsemmi u, għalhekk, hija biss element wieħed mis-sistema Ewropea komuni ta’ ażil. Għaldaqstant, Stat Membru li jeżerċita din is-setgħa diskrezzjonali għandu jitqies bħala li qiegħed jimplementa d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

69      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fil-Kawża C-411/10 hija li d-deċiżjoni adottata minn Stat Membru fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2002 dwar jekk jeżaminax jew le applikazzjoni għal ażil li fir-rigward tagħha ma jkunx responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament timplementa d-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 6 TUE u/jew tal-Artikolu 51 tal-Karta.

 Fuq it-tieni sar-raba’ u s-sitt domandi fil-Kawża C-411/10 u ż-żewġ domandi fil-Kawża C-493/10

70      Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C-411/10 u tal-ewwel domanda fil-Kawża C-493/10, il-qrati tar-rinviju qegħdin essenzjalment jistaqsu jekk l-Istat Membru li għandu jittrasferixxi lill-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil lejn l-Istat Membru li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jidentifika bħala dak responsabbli huwiex obbligat jivverifika r-rispett, minn dan l-Istat Membru tal-aħħar, tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 kif ukoll tar-Regolament Nru 343/2003.

71      Permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C‑411/10, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-obbligu, għall-Istat Membru li għandu jittrasferixxi l-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil, li jirrispetta d-drittijiet fundamentali jipprekludix l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni inkonfutabbli fis-sens li l-Istat responsabbli ser jirrispetta d-drittijiet fundamentali li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil u/jew l-istandards minimi li jirriżultaw mid-direttivi msemmija iktar ’il fuq.

72      Permezz tar-raba’ domanda fil-Kawża C-411/10 u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑493/10, il-qrati tar-rinviju qegħdin essenzjalment jistaqsu jekk, meta jkun ikkonstatat li l-Istat Membru responsabbli ma jirrispettax id-drittijiet fundamentali, l-Istat Membru li għandu jittrasferixxi l-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil huwiex meħtieġ jaċċetta r-responsabbiltà li jeżmina l-applikazzjoni għal ażil skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

73      Fl-aħħar nett, permezz tas-sitt domanda fil-Kawża C-411/10, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tobbliga lill-qrati jqisu, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna tistax legalment tintbagħat lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Nru 343/2003, lil dan l-Istat Membru bħala “Stat bla perikolu” hijiex kompatibbli mad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta.

74      Dawn id-domandi għandhom jiġu ttrattati flimkien.

75      Is-sistema Ewropea komuni ta’ ażil hija bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève u fuq il-garanzija li ħadd ma għandu jintbagħat f’post fejn ikun espost għar-riskju li jerga’ jkun is-suġġett ta’ persekuzzjoni. L-osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-Protokoll tal-1967 hija prevista fl-Artikolu 18 tal-Karta u fl-Artikolu 78 TFUE (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, Ġabra p. I‑1493, punt 53, kif ukoll tas-17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol, C‑31/09, Ġabra p. I‑5539 , punt 38).

76      Kif ġie osservat fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, id-diversi regolamenti u direttivi rilevanti għall-kawżi prinċipali jipprovdu li huma josservaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji li huma rikonoxxuti mill-Karta.

77      Għandu jiġi osservat ukoll li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, l-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jistriħux fuq interpretazzjoni ta’ test li jagħmel parti mid-dritt derivat li tidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, Ġabra p. I‑12971, punt 87, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, Ġabra p. I‑5305, punt‑28).

78      Mill-eżami tat-testi li jikkostitwixxu s-sistema Ewropea komuni ta’ ażil jirriżulta li din is-sistema kienet żviluppata f’kuntest li jippermetti li jitqies li l-Istati kollha li ser jipparteċipaw fiha, kemm jekk Stati Membri u kemm jekk Stati terzi, ser jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet li l-bażi tagħhom tinsab fil-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-Protokoll tal-1967, kif ukoll fil-KEDB, u li l-Istati Membri jistgħu juru fiduċja reċiproka f’dan ir-rigward.

79      Huwa preċiżament minħabba dan il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Nru 343/2003 u l-Ftehim imsemmija fil-punti 24 sa 26 ta’ din is-sentenza bil-għan li jiġi rrazzjonalizzat l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ażil u li jiġi evitat xogħol żejjed għas-sistema minħabba l-obbligu tal-awtoritajiet Statali li jipproċessaw applikazzjonijiet multipli ppreżentati mill-istess persuna li tkun qiegħda tfittex ażil, u bil-għan li tiżdied iċ-ċertezza legali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal ażil u b’hekk li jiġi evitat forum shopping, u dan kollu fid-dawl tal-għan prinċipali li jitħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet fl-interess kemm tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil u kif ukoll fl-interess tal-Istati parteċipanti.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi preżunt li l-ipproċessar irriżervat lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, mal-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll mal-KEDB.

81      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li din is-sistema tiltaqa’, fil-prattika, ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-funzjonament fi Stat Membru partikolari, b’tali mod li jkun hemm riskju serju li l-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil ikunu ttrattati, fil-każ li jiġu ttrasferiti lejn dan l-Istat Membru, b’mod li jkun inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom.

82      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi konkluż li kull ksur ta’ dritt fundamentali mill-Istat Membru responsabbli jaffettwa l-obbligi tal-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003.

83      Fil-fatt, dan jista’ jingħad fir-rigward tar-raġuni għall-eżistenza tal-Unjoni u tat-twettiq taż-żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja u, b’mod iktar partikolari, tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, ibbażata fuq il-fiduċja reċiproka u preżunzjoni ta’ osservanza, mill-Istati Membri l-oħra, tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, tad-drittijiet fundamentali.

84      Barra minn hekk, ma jkunx kompatibbli mal-għanijiet u mas-sistema tar-Regolament Nru 343/2003 jekk l-iċken ksur tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 jew 2005/85 ikun biżżejjed sabiex jipprekludi kull trasferiment ta’ persuna li tkun qiegħda tfittex ażil lejn l-Istat Membru li normalment ikun kompetenti. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 343/2003 huwa intiż, filwaqt li jippreżumi li d-drittijiet fundamentali tal-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil ser ikunu rrispettati fl-Istat Membru li normalment ikun kompetenti sabiex jipproċessa l-applikazzjoni tagħha, li jistabbilixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 124 u 125 tal-konklużjonijiet fil-Kawża C‑411/10, metodu ċar u operazzjonali li jippermetti li jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru kompetenti sabiex jipproċessa applikazzjoni għal ażil. Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi li Stat Membru wieħed, identifikat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, għandu jkun kompetenti sabiex jipproċessa applikazzjoni għal ażil ippreżentata f’pajjiż tal-Unjoni.

85      Issa, jekk kull ksur tad-dispożizzjonijiet iżolati tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 jew 2005/85 mill-Istat Membru kompetenti jkollu l-konsegwenza li l-Istat Membru fejn tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal ażil ikun prekluż milli jittrasferixxi l-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil lejn dan l-ewwel Stat, din il-konsegwenza jkollha l-effett li mal-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru kompetenti stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 iżżid kriterju addizzjonali ta’ esklużjoni li permezz tiegħu ksur minuri tar-regoli tad-direttivi msemmija iktar ’il fuq imwettaq fi Stat Membru partikolari jkun jista’ jkollu l-effett li jeżonerah mill-obbligi previsti fir-regolament imsemmi. Tali konsegwenza ċċaħħad l-obbligi msemmija mill-essenza tagħhom u tikkomprometti t-twettiq tal-għan li jiġi identifikat malajr l-Istat Membru kompetenti sabiex jipproċessa applikazzjoni għal ażil ippreżentata fl-Unjoni.

86      Mill-banda l-oħra, fl-eventwalità li jkun hemm lok għal tħassib serju dwar l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil fl-Istat Membru responsabbli, nuqqasijiet li jimplikaw trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil u li jkunu ttrasferiti lejn it-territorju ta’ dan l-Istat Membru, dan it-trasferiment ikun inkompatibbli mad-dispożizzjoni msemmija.

87      Fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Greċja, bejn il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa paċifiku li dan l-Istat Membru, fl-2010, kien il-punt ta’ dħul fl-Unjoni ta’ kważi 90 % tal-migranti illegali, b’tali mod li l-piż imwieżen minn dan l-Istat Membru minħabba dan l-influss huwa sproporzjonat ma’ dak imwieżen mill-Istati Membri l-oħra u b’tali mod li l-awtoritajiet Griegi ma għandhomx il-kapaċità materjali sabiex jaffrontaw dan il-piż. Ir-Repubblika Ellenika indikat li l-Istati Membri ma kinux aċċettaw il-proposta tal-Kummissjoni li tiġi sospiża l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 u li dan ir-regolament jiġi emendat billi tingħata inqas importanza lill-kriterju tal-ewwel dħul.

88      F’sitwazzjoni analoga għal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jiġifieri t-trasferiment, f’Ġunju 2009, ta’ persuna li kienet qiegħda tfittex ażil lejn il-Greċja, l-Istat Membru responsabbli fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, b’mod partikolari, li r-Renju tal-Belġju kien kiser l-Artikolu 3 tal-KEDB, minn naħa, meta espona lir-rikorrent għar-riskji li kienu jirriżultaw min-nuqqasijiet fil-proċedura tal-ażil fil-Greċja, sa fejn l-awtoritajiet Belġjani kienu jafu jew kien imisshom kienu jafu li ma kien hemm ebda garanzija li l-applikazzjoni għal ażil tiġi eżaminata serjament mill-awtoritajiet Griegi u, min-naħa l-oħra, meta espona lir-rikorrent, b’għarfien sħiħ tas-sitwazzjoni, għal kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u ta’ għajxien li kienu jikkostitwixxu trattamenti degradanti (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza M. S. S. vs Il-Belġju u Il-Greċja tal-21 ta’ Jannar 2011, li għadha ma ġietx ippubblikata fir-Recueil des arrêts et décisions, § 358, 360 u 367).

89      Il-livell ta’ preġudizzju għad-drittijiet fundamentali deskritt f’dik is-sentenza juri li fil-Greċja kien hemm, fiż-żmien meta ġie ttrasferit ir-rikorrent M. S. S., nuqqas sistematiku fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-persuna li jkunu qegħdin ifittxu ażil.

90      Sabiex waslet għall-konklużjoni li r-riskji li kien qiegħed jaffaċċja r-rikorrent kienu stabbiliti b’mod suffiċjenti, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ħadet inkunsiderazzjoni r-rapporti regolari u konkordanti maħruġa minn organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali li kienu jirrivelaw id-diffikultajiet prattiċi marbuta mal-applikazzjoni tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil fil-Greċja, il-korrispondenza mibgħuta mill-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati lill-Ministru Belġjan kompetenti, kif ukoll ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tas-sistema ta’ Dublin u l-proposti għall-formulazzjoni mill-ġdid tar-Regolament Nru 343/2003 bil-għan li jiġu msaħħa l-effikaċità ta’ din is-sistema u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali (sentenza M. S. S. vs Il-Belġju u Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, § 347-350).

91      B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gvern Belġjan, dak Taljan u dak Pollakk, li jsostnu li l-Istati Membri ma għandhomx strumenti adegwati sabiex jevalwaw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istat Membru responsabbli u, għalhekk, ir-riskji reali li jkollha taffaċċja l-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil fil-każ li tkun ittrasferita lejn dan l-Istat Membru, l-informazzjoni bħal dik iċċitata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija ta’ natura li tippermetti lill-Istati Membri jevalwaw il-funzjonament tas-sistema ta’ ażil fl-Istat Membru responsabbli, u b’hekk ikun possibbli li jiġu evalwati tali riskji.

92      Għandha tiġi rrilevata r-rilevanza tar-rapporti u tal-proposti għall-emenda tar-Regolament Nru 343/2003 maħruġa mill-Kummissjoni u li tagħhom l-Istat Membru li jkollu jwettaq it-trasferiment ma jistax jinjora l-eżistenza fid-dawl tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-ħidma tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li huwa wieħed mid-destinatarji ta’ dawn id-dokumenti.

93      Barra minn hekk, l-Artikolu 80 TFUE jipprovdi li l-politika ta’ ażil u l-implementazzjoni tagħha għandhom ikunu rregolati mill-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri, inkluż mill-aspett finanzjarju. Id-Direttiva 2001/55 tikkostitwixxi eżempju ta’ din is-solidarjetà għalkemm, kif ġie indikat matul is-seduta, il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà li jinsabu f’din id-direttiva huma rriżervati għas-sitwazzjonijiet kompletament eċċezzjonali koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-influss bil-massa ta’ persuni spostati.

94      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, sabiex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu josservaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil, l-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali, huma meħtieġa li ma jittrasferixxux persuna li tkun qiegħda tfittex ażil lejn l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003 meta ma jistgħux ma jkunux jafu li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil ser tkun affaċċjata b’riskju reali li tkun suġġetta għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

95      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-Istat Membru li ma jkunx jista’ jwettaq it-trasferiment tal-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil lejn l-Istat Membru identifikat bħala “responsabbli” skont ir-Regolament Nru 343/2003 huwiex obbligat jeżamina huwa stess l-applikazzjoni, għandu jitfakkar li l-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi numru ta’ kriterji u li, skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, dawn il-kriterji japplikaw fl-ordni li fihom huma ppreżentati fil-kapitolu msemmi.

96      Bla ħsara għall-possibbiltà li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, l-impossibbiltà li l-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil tiġi ttrasferita lejn il-Greċja, meta dan l-Istat ikun identifikat bħala l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, tobbliga lill-Istat Membru li kellu jwettaq dan it-trasferiment sabiex ikompli bl-eżami tal-kriterji ta’ dan il-kapitolu sabiex jivverifika jekk wieħed mill-kriterji sussegwenti jippermettix li jiġi identifikat Stat Membru ieħor bħala dak responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil.

97      Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 343/2003, meta l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil ma jkunx jista’ jiġi identifikat fuq il-bażi tal-kriterji elenkati minn dan ir-regolament, l-ewwel Stat Membru li quddiemu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni huwa responsabbli għal dan l-eżami.

98      Madankollu, huwa meħtieġ li l-Istat Membru fejn tkun tinsab il-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil jiżgura li ma jaggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna permezz ta’ proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li tieħu tul ta’ żmien mhux raġonevoli. Jekk ikun meħtieġ, dan l-Istat Membru għandu jeżamina huwa stess l-applikazzjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

99      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 131 tal-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża C‑411/10, li applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 fuq il-bażi ta’ preżunzjoni inkonfutabbli li d-drittijiet fundamentali tal-persuna li tkun qiegħda titlob ażil ser ikunu rrispettati fl-Istat Membru normalment responsabbli sabiex jipproċessa l-applikazzjoni tagħha hija inkompatibbli mal-obbligu tal-Istati Membri li jinterpretaw u japplikaw ir-Regolament Nru 343/2003 b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali.

100    Barra minn hekk, kif enfasizza N. S., li kieku r-Regolament Nru 343/2003 kien jimponi preżunzjoni inkonfutabbli dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, dan ir-regolament stess ikun jista’ jitqies bħala li jdaħħal inkwistjoni l-garanziji marbuta mal-protezzjoni u mar-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha.

101    Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ dispożizzjoni li tipprovdi li ċerti Stati jikkostitwixxu “Stati bla perikolu” fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali jekk din id-dispożizzjoni tiġi interpretata bħala li tikkostitwixxi preżunzjoni inkonfutabbli, li tipprojbixxi kull prova kuntrarja.

102    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2005/85, dwar il-kunċett ta’ pajjiż terz Ewropew bla perikolu, jipprovdi, fil-paragrafu 2(a) u (ċ) tiegħu, li pajjiż terz jista’ jitqies bħala “pajjiż terz bla periklu” biss meta mhux biss ikun irratifika l-Konvenzjoni ta’ Genève u l-KEDB iżda jkun josserva wkoll id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-konvenzjonijiet.

103    Tali formulazzjoni tindika li s-sempliċi ratifika tal-Konvenzjonijiet minn Stat ma tistax timplika l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni inkonfutabbli fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn il-konvenzjonijiet minn dan l-Istat. L-istess prinċipju japplika kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Istati terzi.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżunzjoni, ikkonstata fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, li fuqha hija bbażata l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam, fis-sens li l-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil ser jiġu ttrattati b’mod konformi mad-drittijiet tal-bniedem, għandha titqies li hija preżunzjoni konfutabbli.

105    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni inkonfutabbli fis-sens li l-Istat Membru li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jidentifika bħala responsabbli jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni.

106    L-Artikolu 4 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali, huma meħtieġa li ma jittrasferixxux persuna li tkun qiegħda tfittex ażil lejn l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003 meta ma jistgħux ma jkunux jafu li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil ser tkun affaċċjata b’riskju reali li tkun suġġetta għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

107    Bla ħsara għall-possibbiltà li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, l-impossibbiltà li l-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni, meta dan l-Istat ikun identifikat bħala l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, tobbliga lill-Istat Membru li kellu jwettaq dan it-trasferiment sabiex ikompli bl-eżami tal-kriterji ta’ dan il-kapitolu sabiex jivverifika jekk wieħed mill-kriterji sussegwenti jippermettix li jiġi identifikat Stat Membru ieħor bħala dak responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil.

108    Madankollu, huwa meħtieġ li l-Istat Membru fejn tkun tinsab il-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil jiżgura li ma jaggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna permezz ta’ proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li tieħu tul ta’ żmien mhux raġonevoli. Jekk ikun meħtieġ, dan l-Istat Membru għandu jeżamina huwa stess l-applikazzjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

 Fuq il-ħames domanda fil-Kawża C-411/10

109    Permezz tal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑411/10, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-portata tal-protezzjoni mogħtija lil persuna li għaliha japplika r-Regolament Nru 343/2003 mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1, dwar id-dinjità tal-bniedem, mill-Artikolu 18, dwar id-dritt għal ażil, u mill-Artikolu 47, dwar id-dritt għal rimedju effettiv, tal-Karta, hijiex iktar estiża minn dik tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 3 tal-KEDB.

110    Skont il-Kummissjoni, ir-risposta għal din id-domanda għandha tippermetti l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta li l-ksur tagħhom mill-Istat Membru responsabbli jkun jimplika responsabbiltà sekondarja għall-Istat Membru li għandu jiddeċiedi dwar it-trasferiment.

111    Fil-fatt, għalkemm il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) ma mmotivatx b’mod espliċitu, fid-deċiżjoni tar-rinviju, b’liema mod teħtieġ risposta għal din id-domanda sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha, minn qari ta’ din id-deċiżjoni wieħed jista’ jieħu x’jifhem madankollu li din id-domanda saret fid-dawl tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2008, K. R. S. vs Ir-Renju Unit, li għadha ma ġietx ippubblikata fir-Receuil des arrêts et décisions, li fiha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-ilment dwar ksur tal-Artikoli 3 u 13 tal-KEDB ikun inammissibbli fil-każ fejn ir-rikorrent ikun ittrasferit mir-Renju Unit lejn il-Greċja. Quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), ċerti partijiet sostnew li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li tirriżulta mill-Karta kienet iktar wiesgħa minn dik li tirriżulta mill-KEDB, u li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-Karta kellu jwassal sabiex tintlaqa’ t-talba tagħhom li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jiġix ittrasferit lejn il-Greċja.

112    Minn meta ngħatat id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrevediet il-pożizzjoni tagħha fid-dawl ta’ provi ġodda u ddeċidiet, fis-sentenza M. S. S. vs Il-Belġju u Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, mhux biss li r-Repubblika Ellenika kisret l-Artikolu 3 tal-KEDB minħabba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u ta’ għajxien tar-rikorrent fil-Greċja kif ukoll l-Artikolu 13 tal-KEDB moqri flimkien mal-imsemmi Artikolu 3 minħabba n-nuqqasijiet fil-proċedura tal-ażil miftuħa fil-każ tar-rikorrent, iżda wkoll li r-Renju tal-Belġju kiser l-Artikolu 3 tal-KEDB minħabba li espona lir-rikorrent għal riskji marbuta man-nuqqasijiet fil-proċedura tal-ażil fil-Greċja u għal kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u ta’ għajxien fil-Greċja li jmorru kontra dan l-artikolu.

113    Kif jirriżulta mill-punt 106 ta’ din is-sentenza, Stat Membru jikser l-Artikolu 4 tal-Karta jekk jittrasferixxi persuna li tkun qiegħda tfittex ażil lejn l-Istat Membru responsabbli fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003 fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 94 ta’ din is-sentenza.

114    Ma jidhirx li l-Artikoli 1, 18 u 47 tal-Karta jistgħu jwasslu għal risposta differenti minn dik mogħtija għat-tieni sar-raba’ u s-sitt domandi fil-Kawża C‑411/10 kif ukoll għaż-żewġ domandi fil-Kawża C‑493/10.

115    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑411/10 hija li l-Artikoli 1, 18 u 47 tal-Karta ma jimplikawx risposta differenti minn dik mogħtija għat-tieni sar-raba’ u s-sitt domandi fil-Kawża C‑411/10 kif ukoll għaż-żewġ domandi fil-Kawża C‑493/10.

 Fuq is-seba’ domanda fil-Kawża C‑411/10

116    Permezz tas-seba’ domanda fil-Kawża C‑411/10, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, sa fejn id-domandi preċedenti tqajmu fir-rigward tal-obbligi tar-Renju Unit, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-Protokoll (Nru 30) għandux xi impatt fuq ir-risposti mogħtija għat-tieni sas-sitt domandi.

117    Kif fakkret l-EHRC, din id-domanda tirriżulta mill-pożizzjoni tas-Secretary of State quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), li sostna li d-dispożizzjonijiet tal-Karta ma humiex applikabbli għar-Renju Unit.

118    Għalkemm is-Secretary of State ma baqax isostni din il-pożizzjoni quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), għandu jitfakkar li l-Protokoll (Nru 30) jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li l-Karta ma testendix il-fakultà tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew ta’ kwalunkwe qorti tar-Repubblika tal-Polonja jew tar-Renju Unit, li jikkunsidraw li l-liġijiet, ir-regolament jew id-dispożizzjonijiet, il-prattiki jew l-azzjonijiet amministrattivi tar-Repubblika tal-Polonja jew tar-Renju Unit huma inkompatibbli mad-drittijiet, mal-libertajiet u mal-prinċipji fundamentali li hija tafferma mill-ġdid.

119    Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, kif osservat l-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punti 169 u 170 tal-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża C‑411/10, il-Protokoll Nru 30 ma jdaħħalx inkwistjoni l-applikabbiltà tal-Karta għar-Renju Unit jew għall-Polonja, kif jirriżulta anki mill-premessi tal-protokoll imsemmi. B’hekk, skont it-tielet premessa tal-Protokoll (Nru 30), l-Artikolu 6 TUE jipprovdi li l-Karta għandha tiġi applikata u interpretata mill-qrati tar-Repubblika tal-Polonja u tar-Renju Unit f’konformità stretta mal-ispjegazzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu. Barra minn hekk, skont is-sitt premessa tal-protokoll imsemmi, il-Karta tikkonferma d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fl-Unjoni u tagħmilhom iktar viżibbli, mingħajr madankollu ma toħloq drittijiet jew prinċipji ġodda.

120    F’dawn iċ-ċirkunstanzi, l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll (Nru 30) jespliċita l-Artikolu 51 tal-Karta, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, u la huwa intiż li jeżenta lir-Repubblika tal-Polonja u lir-Renju Unit mill-obbligu li josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Karta u lanqas li jipprekludi lil qorti ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri milli tiżgura l-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

121    Peress li d-drittijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jagħmlux parti mit-Titolu IV tal-Karta, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-interpetazzjoni tal-Artikolu 1(2) tal-Protokoll (Nru 30).

122    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għas-seba’ domanda fil-Kawża C‑411/10 hija li, sa fejn id-domandi preċedenti tqajmu fir-rigward tal-obbligi tar-Renju Unit, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-Protokoll (Nru 30) ma għandux impatt fuq ir-risposti mogħtija għat-tieni sas-sitt domandi magħmula fil-Kawża C‑411/10.

 Fuq l-ispejjeż

123    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni adottata minn Stat Membru fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2) tar Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għal ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, dwar jekk jeżaminax jew le applikazzjoni għal ażil li fir-rigward tagħha ma jkunx responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament timplementa d-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 6 TUE u/jew tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2)      Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni inkonfutabbli fis-sens li l-Istat Membru li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jidentifika bħala responsabbli jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali, huma meħtieġa li ma jittrasferixxux persuna li tkun qiegħda tfittex ażil lejn l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003 meta ma jistgħux ma jkunux jafu li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil ser tkun affaċċjata b’riskju reali li tkun suġġetta għal trattamenti inumani u degradanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Bla ħsara għall-possibbiltà li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, l-impossibbiltà li l-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni, meta dan l-Istat ikun identifikat bħala l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, tobbliga lill-Istat Membru li kellu jwettaq dan it-trasferiment sabiex ikompli bl-eżami tal-kriterji ta’ dan il-kapitolu sabiex jivverifika jekk wieħed mill-kriterji sussegwenti jippermettix li jiġi identifikat Stat Membru ieħor bħala dak responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil.

Madankollu, huwa meħtieġ li l-Istat Membru fejn tkun tinsab il-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil jiżgura li ma jaggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna permezz ta’ proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li tieħu tul ta’ żmien mhux raġonevoli. Jekk ikun meħtieġ, dan l-Istat Membru għandu jeżamina huwa stess l-applikazzjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

3)      L-Artikoli 1, 18 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jimplikawx risposta differenti.

4)      Sa fejn id-domandi preċedenti tqajmu fir-rigward tal-obbligi tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tal-Polonja u għar-Renju Unit ma għandux impatt fuq ir-risposti mogħtija għat-tieni sas-sitt domandi magħmula fil-Kawża C-411/10.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.