SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

16 ta’ Mejju 2012

Kawża F‑42/10

Carina Skareby

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Dmir ta’ assistenza — Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal — Fastidju psikoloġiku mis-superjur dirett”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu C. Skareby titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Lulju 2009, li tiċħad it-talba tagħha għal assistenza permezz ta’ ilment dwar fastidju psikoloġiku u, jekk meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tad-19 ta’ Frar 2010 li tiċħad l-ilment tagħha.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għal tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Interess ġuridiku — Rikors ta’ uffiċjal allegatament vittma ta’ fastidju psikoloġiku ippreżentat kontra r-rifjut ta’ talba għall-assistenza — Żamma tal-interess ġuridiku minkejja l-qedem tal-fatti u l-assenza ta’ riskju ta’ repetizzjoni u ta’ talba għal kumpens

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Investigazzjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

3.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Aġir intiż li jiskredita lill-persuna kkonċernata jew li jiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha — Rekwiżit li l-aġir ikun ta’ natura ripetittiva — Rekwiżit li l-aġir ikun ta’ natura intenzjonali — Portata — Assenza ta’ rekwiżit ta’ mala fede tal-fastidju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

4.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Regolarizzazzjoni matul il-proċedura kontenzjuża — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25)

1.      Fir-rigward ta’ kwistjoni daqstant gravi daqs il-fastidju psikoloġiku, għandu jiġi ammess li l-uffiċjal li jallega li huwa vittma ta’ fastidju psikoloġiku, li jikkontesta quddiem il-qorti r-rifjut tal-istituzzjoni li teżamina fuq il-mertu talba għall-assistenza, iżomm, bħala prinċipju, l-interess leġittimu rikjest mill-ġurisprudenza bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, anki jekk la jitlob il-kumpens għad-danni li allegatament irriżultaw mill-fastidju allegat, u lanqas il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra l-awtur preżunt tal-fastidju, u fejn huwa meqjus li l-fastidju ntemm diversi snin ilu.

Tali soluzzjoni hija neċessarja, l-ewwel nett, minħabba s-serjetà nnifisha tal-fatti ta’ fastidju psikoloġiku, fatti li jista’ jkollhom effetti distruttivi ħafna fuq l-istat ta’ saħħa tal-vittma. Il-membru tal-persunal li jallega li huwa vittma ta’ fastidju psikoloġiku iżomm l-interess ġuridiku tiegħu, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk tali fastidju jippersistix jew ta’ jekk l-uffiċjal jew aġent inkwistjoni jressaqx, għandux l-intenzjoni li jressaq, jew sempliċement għandu d-dritt li jressaq talbiet oħra, b’mod partikolari ta’ kumpens, b’rabta mal-fastidju psikoloġiku. L-eventwali rikonoxximent mill-amministrazzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’, fih innifsu, jkollu effett tajjeb fuq il-proċess terapewtiku ta’ rikostruzzjoni tal-vittma tal-fastidju.

(ara l-punti 29, 31 u 32)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku 30 ta’ Novembru 2009, Wenig vs Il‑Kummissjoni, F‑80/08, punt 35

2.      L-amministrazzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jikkonċerna t-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi li jiġu afdati lilu. B’mod partikolari, billi r-riżorsi tal-amministrazzjoni huma limitati, hija għandha tinvestiga l-fajls li jinġabu quddiemha b’mod proporzjonat, jiġifieri, b’mod partikolari, b’mod li jippermettilha talloka lil kull kawża parti xierqa mill-ħin għad-dispożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni għandha wkoll marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn xhieda.

(ara l-punt 38)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku 13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il‑Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punt 173

3.      L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal bl-ebda mod ma jsemmi l-mala fede tal-persuna li allegatament tagħti fastidju bħala element neċessarju għall-klassifikazzjoni ta’ mġiba bħala fastidju psikoloġiku. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li sabiex isseħħ teħtieġ li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza tal-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra “li ssir tul perijodu, hija repetittiva jew si[s]tematika” u li huma “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni, separata mill-ewwel waħda mill-prepożizzjoni “u”, teħtieġ li dan l-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkollhom bħala effett “li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fi[ż]ika jew psikoloġika ta’ xi persuna”. Peress li l-aġġettiv “intenzjonali” jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, huwa possibbli li jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, l-atteġġament fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra, previsti mill-Artikolu 12a(3), tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom ikunu ta’ natura volontarja, ħaġa li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-atteġġamenti li jseħħu b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, mhux meħtieġ li dan l-atteġġament fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra jkunu twettqu bl-intenzjoni li jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ xi persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr mal-persuna li tagħti fastidju jkollha l-intenzjoni, permezz tal-atteġġament tagħha, tiskredita l-vittma jew deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa suffiċjenti biss li l-atteġġament[i] tagħha, ladarba jitwettqu volontarjament, kellhom oġġettivament konsegwenzi bħal dawn.

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi kklassifikat bħala fastidju, l-atteġġamenti kontenzjużi kellhom oġġettivament konsegwenzi li jwasslu sabiex tiġi skreditata l-vittma jew għal degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Billi skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-atteġġamenti inkwistjoni għandu jkollhom natura abbużiva, isegwi li l-klassifikazzjoni ta’ fastidju hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan ikun oġġettivament u suffiċjentement reali, fis-sens li osservatur imparzjali u raġonevoli, li jkollu sensittività normali u mqiegħed fl-istess kundizzjonijiet, jikkunsidrahom bħala eċċessivi u ta’ min jikkritikahom.

(ara l-punti 63 u 65)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku 9 ta’ Marzu 2010, N vs Il-Parlament, F‑26/09, punt 72

4.      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemu, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tiegħu u tar-regoli kollha ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

Barra minn hekk, l-insuffiċjenza inizjali ta’ motivazzjoni tista’ tittaffa bi preċiżjonijiet supplimentari li jsiru, anki fil-mori tal-kawża, meta, qabel il-preżentata tar-rikors tagħha, il-persuna interessata diġà kellha elementi li jikkostitwixxu bidu ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 74 u 75)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim Istanza 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, punt 36; 11 ta’ Diċembru 2007, Sack vs Il‑Kummissjoni, T‑66/05, punt 65

Tribunal għas-Servizz Pubbliku 1 ta’ Diċembru 2010, Gagalis vs Il-Kunsill, F‑89/09, punt 67; 13 ta’ Settembru 2011, Nastvogel vs Il-Kunsill, F‑4/10, punt 66