SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

28 ta’ Marzu 2012

Kawża F-36/11

BD

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt — Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal — Kunflitt ta’ interess — Rabta ta’ fiduċja — Artikolu 12b tar-Regolamenti tal-Persunal — Attività esterna — Preżunzjoni ta’ innoċenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih BD jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni li tinsab f’ nota tat-30 ta’ Awwissu 2010 mill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Kummissjoni li tinformah li l-kuntratt tiegħu ma kienx ser jiġġedded. Fl-istess rikors, BD jitlob ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu d-danni bħala kumpens għad dannu moral sostnut.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat li jbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Adozzjoni ta’ direttiva interna li tistabbilixxi l-prinċipju tat-tiġdid taħt ċerti kundizzjonijiet — Awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni f’din il-materja

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli 47(b), 85 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 119)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Tkeċċija — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fuq l-għażla tal-bażi, dixxiplinarja jew kuntrattwali, tat-tkeċċija

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 47(1)(b)(i), 49(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 119)

3.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Sostituzzjoni tal-motivi tal-att ikkontestat — Użu ħażin ta’ poter — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Kundizzjonijiet — Interess tad-dipartiment u żamma tar-rabta ta’ fiduċja

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 88)

5.      Uffiċjali — Prinċipji — Dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza — Portata — Projbizzjoni li jiġi dedott mill-provi miġbura waqt l-investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) ksur tar-rabta’ ta’ fiduċja li jostakola t-tiġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt — Assenza

6.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Drittijiet u obbligi — Obbligu ta’ indipendenza u ta’ integrità — Obbligu li l-amministrazzjoni tiġi informata minn qabel bi kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 11(a); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli 3a, 11 u (81))

7.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Drittijiet u obbligi — Attività esterna — Obbligu li jintalab il-permess tal-Awtorità tal-Ħatra jew l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg — Kontinwazzjoni ta’ attività mwettqa qabel l-ingaġġ — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12b; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli 3a, 11 u 81)

8.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Żball ta’ fatt li jinsab fil-motivazzjoni, li hija barra minn hekk suffiċjenti, ta’ deċiżjoni — Assenza ta’ effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni

(Artikolu 296 TFUE)

1.      Membru tal-persunal bil-kuntratt li għandu kuntratt għal żmien determinat, ma għandu, fil-prinċipju, ebda dritt li l-kuntratt tiegħu jiġġedded, peress li dan it-tiġdid huwa biss possibbiltà, suġġett għall-kundizzjoni li dan it-tiġdid ikun konformi mal-interess tad-dipartiment.

Fil-fatt, kuntrarjament għall-uffiċjali, li l-istabbiltà tal-impjieg tagħhom hija ggarantita mir-Regolamenti tal-Persunal, mill-Artikolu 47(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 119 ta’ dawn il-kondizzjonijiet, jirriżulta li t-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg bejn istituzzjoni u membru tal-persunal bil-kuntratt rreklutat għal żmien determinat huwa rregolat, fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 85 tal-istess kondizzjonijiet, mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni tgawdi, fil-prinċipju, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju konklużi għal perijodu ddeterminat.

Madankollu, sa minn meta l-amministrazzjoni stabbilixxiet sistema speċifika, permezz ta’ direttiva interna, maħsuba sabiex tiżgura t-trasparenza tal-proċess ta’ tiġdid ta’ kuntratti, l-adozzjoni ta’ tali sistema tista’ titqies li hija awtolimitazzjoni tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjoni. Ma jikkostitwixxux tali sistema d-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li jipprovdu li t-tiġdid huwa suġġett għall-kundizzjoni li persuna tgħaddi minn eżami ta’ għażla kif ukoll li jkun hemm il-qbil mit-tmexxija.

(ara l-punti 31 sa 33, 35 u 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Ottubru 2002, Cocchi u Hainz vs Il-Kummissjoni, T-330/00 u T-114/01, punt 82; 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il-Kummissjoni, T-7/01, punt 64

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Lulju 2009, Bernard vs Europol, F-54/08, punti 44 u 47; 23 ta’ Novembru 2010, Gheysens vs Il-Kunsill, F-8/10, punt 75

2.      Mill-fatt li aġent kuntrattwali ma jibbenefikax mill-istabbiltà tal-impjieg, mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li ġġedded jew li ma ġġeddidx il-kuntratt tiegħu għal żmien determinat u mill-kliem tal-Artikolu 47(b)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta li l-awtorità kompetenti ma għadhiex l-obbligu li tibda proċeduri dixxiplinarji kontra membru tal-persunal bil-kuntratt li l-kondotta tiegħu tista’ tiġġustifika tkeċċija għal motiv dixxiplinarju u li, f’każ bħal dan, jista’ jirrikorri għall-possibbiltajiet offruti min-natura kuntrattwali tar-rabta li hemm bejniethom. Rigward l-Artikolu 49(1) tal-imsemmija kondizzjonijiet, applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 119, dan jipprevedi l-użu tal-proċeduri dixxiplinarji biss sabiex jiġi rexiss “mingħajr preavviż” kuntratt ta’ reklutaġġ. Ukoll, l-għażla li tiġi mistennija l-iskadenza tal-kuntratt għal żmien determinat tal-membru tal-persunal bil-kuntratt ikkonċernat u li dan ma jiġġeddidx ma tikkostitwixxix, bħala tali, użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punt 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, punt 38

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ April 2008, Longinidis vs Cedefop, F‑74/06, punt 116; 7 ta’ Lulju 2010, Tomas vs Il-Parlament, F-116/07, F-13/08 u F-31/08, punt 158

3.      Fid-dawl tal-għan tagħha stess, li huwa li tippermetti lill-amministrazzjoni li tirrivedi d-deċiżjoni tagħha, il-proċedura prekontenzjuża għandha natura ta’ żvilupp, hekk li, fis-sistema ta’ rimedji previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni tista’, filwaqt li tirrifjuta l-ilment, tasal li tbiddel il-motivi li abbażi tagħhom hija kienet adottat l-att ikkontestat. Għaldaqstant, il-prova ta’ użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura mill-amministrazzjoni ma tistax tinstab fil-fatt li hija, fid-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tal-ilment, ikkunsidrat motivi differenti minn dawk li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punt 47)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, punti 55 sa 60

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il-Parlament, F-45/07, punt 110; 15 ta’ Diċembru 2010, Angulo Sánchez vs Il-Kunsill, F‑67/09, punt 70; 28 ta’ Settembru 2011, AZ vs Il-Kummissjoni, F‑26/10, punt 38

4.      L-interess tad-dipartiment u ż-żamma ta’ rabta ta’ fiduċja li l-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ għandha tikkunsidra meta tiddeċiedi li jiġġedded jew le kuntratt ta’ impjieg għandhom jiġu evalwati mhux biss fuq il-livell tad-dipartiment ta’ assenjazzjoni, li l-interess tiegħu ma jistax jiġi injorat, iżda wkoll fuq il-livell tad-direttorat ġenerali li jaqa’ taħt id-dipartiment ta’ assenjazzjoni tal-persuna kkonċernata, jew fil-livell tal-istituzzjoni kollha hemm hi. Barra minn hekk, il-ħtieġa għall-awtorità kompetenti li tevalwa b’mod globali l-interess tad-dipartiment hija imposta b’mod partikolari meta jkun hemm inkwistjoni l-attitudni ta’ membru tal-persunal li għandu responsabbiltajiet finanzjarji.

F’dan ir-rigward, il-fatt li membru tal-persunal bil-kuntratt ikun wettaq perijodu ta’ prova allegatament eżemplari ma jistax jikkontesta l-evalwazzjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg fuq l-opportunità li ma ġġeddidx il-kuntratt tiegħu fid-dawl tal-fatti stabbiliti wara r-rapport li kkonkluda dan il-perijodu ta’ prova.

(ara l-punti 48 u 80)

5.      Id-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza japplika, anki fl-assenza ta’ proċeduri kriminali, għall-uffiċjal akkużat b’nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tar-Regolamenti tal-Persunal serji biżżejjed sabiex jiġġustifikaw investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li minħabba fiha l-amministrazzjoni tista’ tadotta kwalunkwe miżura, jekk ikun il-każ severa, li għandha tiġi imposta. Dan id-dritt, madankollu, la għandu l-għan u lanqas l-effett li jipprojbixxi lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ milli tiddeduċi mill-provi miġbura waqt investigazzjonijiet tal-OLAF, ksur tar-rabta ta’ fiduċja li jostakola t-tiġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt.

(ara l-punti 51 u 54)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, punt 175

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, punt 281; 8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, punt 178; 4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni, T-193/04, punt 121; 27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T-44/02 OP, T-54/05 OP, T-56/02 OP, T-60/02 OP u T-61/02 OP, punt 61; 8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T-48/05, punt 214

Il-Qorti Ġenerali: 7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il-Kunsill, T-49/07, punt 63; 5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T-11/06, punt 129

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Novembru 2010, Wenig vs Il-Kummissjoni, F-75/09, punt 58

6.      L-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikoli 11 u 81 tal-istess Regolamenti, għandu l-għan li jiggarantixxi l-indipendenza, l-integrità u l-imparzjalità tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal, u, konsegwentement, dawk tal-istituzzjonijiet li jservu billi jimponu fuq l-uffiċjal jew fuq il-membru tal-persunal ikkonċernat obbligu ta’ informazzjoni preventiv tal-Awtorità tal-Ħatra jew tal-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjiegi sabiex jippermettilha li tieħu, jekk ikun il-każ, il-miżuri xierqa. Fid-dawl tan-natura fundamentali tal-għanijiet ta’ indipendenza u ta’ integrità segwiti minn din id-dispożizzjoni u tan-natura ġenerali tal-obbligu preskritt għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal għandu kamp wiesa’ ta’ applikazzjoni, li jkopri kull sitwazzjoni li fid-dawl tagħha l-persuna kkonċernata għandha raġonevolment tifhem, meta jiġu kkunsidrati l-funzjonijiet li teżerċita u taċ-ċirkustanzi, li hija tali li tidher, fl-għajnejn ta’ terzi, bħala sors possibbli ta’ tfixkil tal-indipendenza tagħha. F’dan ir-rigward, l-indipendenza tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal bil-kuntratt vis-à-vis terzi ma għandhiex tiġi evalwata biss mill-perspettiva suġġettiva. Din tfisser ukoll li tiġi evitata, b’mod partikolari, fil-ġestjoni ta’ fondi pubbliċi, kwalunkwe aġir li oġġettivament jista’ jaffettwa d-dehra tal-istituzzjonijiet u jimmina l-fiduċja li huma għandhom jispiraw fil-pubbliku.

Barra minn hekk, huwa irrilevanti jekk l-istituzzjoni kkonċernata ma tkunx sofriet, ipotetikament, l-ebda telf finanzjarju minħabba l-ksur inkwistjoni, peress li l-obbligi imposti fuq l-uffiċjali u l-membri tal-persunal skont l-Artikoli 11a u 12b tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom ukoll it-tendenza li jżommu l-indipendenza u d-dehra tal-istituzzjoni.

(ara l-punti 68, 70 u 80)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Settembru 2002, Willeme vs Il-Kummissjoni, T-89/01, punt 47; 3 ta’ Frar 2005, Mancini vs Il-Kummissjoni, T-137/03, punt 31

7.      L-Artikolu 12b tar-Regolamenti tal-Persunal, li japplika għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra mill-Artikoli 11 u 81 tal-istess kondizzjonijiet, jobbliga lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal li jitolbu permess meta għandhom l-intenzjoni li jeżerċitaw attività esterna remunerata jew le. Dan l-obbligu japplika b’mod ġenerali, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir distinzjoni dwar in-natura jew l-importanza tal-attività.

Barra minn hekk, l-obbligu li jintalab permess sabiex tiġi eżerċitata attività barranija ma huwiex immirat biss għall-uffiċjali u l-membri tal-persunal li, matul il-karriera tagħhom, jaħsbu li jeżerċitaw tali attività, iżda wkoll għar-rekluti li jixtiequ jkomplu jeżerċitaw attività li kienu jeżerċitaw qabel ir-reklutaġġ- tagħhom u li ssir “barranija” minn meta jidħlu fil-funzjonijiet tagħhom.

(ara l-punt 72)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Marzu 1998, Tzoanos vs Il-Kummissjoni, T-74/96, punt 66; 16 ta’ Jannar 2003, Fichtner vs Il-Kummissjoni, T-75/00, punt 31

8.      F’każ ta’ motivi multipli, għalkemm motiv ta’ att kontenzjuż huwa żbaljat fil-fatt, dan il-vizzju ma jistax iwassal għall-annullament ta’ dan l-att jekk il-motivi l-oħra jipprovdu ġustifikazzjoni biżżejjed fiha nnifisha.

Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, huwa r-rikorrent li jrid jipproduċi provi biżżejjed sabiex ineħħi l-kredibbiltà tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni, hekk li dan il-motiv għandu jiġi miċħud jekk, minkejja provi prodotti, l-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni kkontestata dejjem tista’ tiġi kkunsidrata bħala tali. Fil-każ li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq diversi motivi, din iċ-ċaħda għandha ssir, b’mod iktar preċiż, meta d-deċiżjoni kkontestata hija, ipotetikament, ivvizzjata bi żball fuq waħda mill-motivi tagħha, iżda li dan il-motiv ma jistax ikun huwa biss li fuqu ddeterminat l-amministrazzjoni.

(ara l-punt 83)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: 6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, punt 162; 8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il-Kummissjoni, T-277/03, punt 85

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Ottubru 2009, Y vs Il-Kummissjoni, F-29/08, punt 90; 29 ta’ Settembru 2011, Kimman vs Il-Kummissjoni, F-74/10, punti 92 u 93