DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

18 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑100/11

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowance ta’ kuljum — Kundizzjonijiet għall-għoti — Stabbiliment effettiv tal-post tax-xogħol — Rikors manifestament infondat fid-dritt — Spejjeż legali — Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih L. Marcuccio jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2010 li biha l-Kummissjoni Ewropea rrifjutatlu l-benefiċċju tal-allowance ta’ kuljum.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea. L. Marcuccio huwa kkundannat iħallas lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea s-somma ta’ EUR 2 000.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rimbors ta’ spejjeż — Allowance ta’ kuljum — Kundizzjonijiet għall-għoti — Natura kumulattiva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 20; Anness VII, Artikolu 10)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Spejjeż fiergħa jew vessatorji imposti fuq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bir-rikors abbużiv ta’ uffiċjal

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 94)

1.      L-għoti tal-allowance ta’ kuljum huwa suġġett għall-kundizzjoni li tinbidel effettivament ir-residenza biex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ residenza stabbilit fl-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal u bil-kundizzjoni li jitħallsu spejjeż jew li jkun hemm inkonvenjenti riżultanti min-neċessità taċ-ċaqliq jew tat-trasferiment provviżorju fil-post ta’ assenjazzjoni. Peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi, l-allowance ta’ kuljum ma tistax, b’mod partikolari, tingħata lil uffiċjal li ma jiġġustifikax li ħallas tali spejjeż jew li għadda minn tali inkonvenjenti.

(ara l-punt 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Frar 1987, Mouzourakis vs Il-Parlament, 280/85, punti 9 u 12

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Lulju 1992, Benzler vs Il-Kummissjoni, T‑63/91, punti 20 u 21

2.      Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jekk dan tal-aħħar ikun għamel spejjeż li setgħu jiġu evitati, b’mod partikolari, jekk ir-rikors huwa ta’ natura manifestament abbużiva, huwa jista’ jikkundanna lill-parti li kkawżathom tħallashom kollha jew tħallas parti minnhom mingħajr ma dan l-ammont ta’ ħlas lura jaqbeż is-somma ta’ EUR 2 000.

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-każ ta’ rikors manifestament infondat u abbużiv fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata iktar minn disa’ snin u nofs qabel u li ġiet annullata mill-imsemmi Tribunal, peress li barra minn hekk ir-rikorrent għażel rimedju kontenzjuż mingħajr ġustifikazzjoni valida.

(ara l-punti 45 u 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tal-14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑236/02, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kawża C‑617/11 P