SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Ottubru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 34 u 36 TFUE – Moviment liberu tal-merkanzija – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika – Bejgħ mill-ispiżeriji – Iffissar ta’ prezzijiet uniformi – Restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni – Miżura li għandha effett ekwivalenti – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem”

Fil-Kawża C‑148/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri, Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Deutsche Parkinson Vereinigung eV

vs

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President ta’ Awla, E. Regan (Relatur) A. Arabadjiev, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deutsche Parkinson Vereinigung eV, minn T. Diekmann, K. Nordlander u M. Meulenbelt, avukati, kif ukoll minn D. Costesec, solicitor,

–        għal Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs eV, minn C. Dechamps, avukat, u J. Schwarze,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Lippstreu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren, kif ukoll minn E. Karlsson u L. Swedenborg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve, J. Herkommer u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE u tal-Artikolu 36 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Deutsche Parkinson Vereinigung e.V. (iktar ’il quddiem “DPV”) au Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs e.V. (assoċjazzjoni li tiġġieled kontra l-kompetizzjoni inġusta, iktar ’il quddiem iz-“ZBUW”), dwar l-iffissar fid-dritt Ġermaniż tal-prezzijiet uniformi għall-bejgħ mill-ispiżeriji ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika.

 Il-kuntest ġuridiku Ġermaniż

 Il-liġi dwar il-prodotti mediċinali

3        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 78(1) tal-Gesetz über den Verkehr mit Arzneimitteln, (Arzneimittelgesetz) (liġi dwar il-prodotti mediċinali) tipprevedi :

“Il-Ministeru għall-Ekonomija u t-Teknoloġija għandu jkun awtorizzat [...] jistabbilixxi [...]

1.      marġini tal-prezz għall-prodotti mediċinali li huma ddistribwiti f’kummerċ bl-ingrossa jew fl-ispiżeriji jew li huma mibjugħa mill-ġdid minn kirurgi veterinarji.”

4        Permezz tal-liġi tad-19 ta’ Ottubru 2012 (BGBl. I, p. 2192), is-segwenti sentenza ddaħħlet fl-Artikolu 78(1) tal-liġi dwar il-prodotti mediċinali:

“L-Arzneipreisverordnung, adottat fuq il-bażi tal-ewwel sentenza, japplika wkoll għall-prodotti mediċinali introdotti fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Liġi skont il-punt 1a tal-paragrafu 73(1).”

5        Il-punt 1a tal-paragrafu 73(1) tal-liġi dwar il-prodotti mediċinali, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 78(1) ta’ din il-liġi, jirrigwarda l-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali kkonsenjati fil-Ġermanja lill-konsumaturi finali minn spiżeriji li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. L-Awla Komuni tal-Qrati Federali Superjuri Ġermaniżi ddeċidiet, permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Awwissu 2012, li, bħall-verżjoni emendata tal-liġi dwar il-prodotti mediċinali, għandha tiġi interpretata l-verżjoni l-iktar antika ta’ din il-liġi fis-sens li l-Arzneimittelpreisverordnung (id-Digriet dwar il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali) japplika bl-istess mod għal dan il-bejgħ.

6        L-Artikolu 78(2) tal-liġi dwar il-prodotti mediċinali jipprevedi:

“Il-prezzijiet u l-marġini tal-prezzijiet għandhom iqisu l-interessi leġittimi tal-konsumaturi ta’ prodotti mediċinali, kirurgi veterinarji, spiżeriji u l-kummerċ bl-ingrossa. Għandu jiġi ggarantit prezz uniformi tal-bejgħ bl-imnut għall-prodotti mediċinali li ma jistgħux jinbiegħu jekk mhux minn spiżeriji [...]”.

 Id-Digriet dwar il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali

7        L-Artikolu 1 tad-Digriet dwar il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali jipprevedi li l-manifattur għandu jistabbilixxi prezz għall-prodott mediċinali tiegħu li, skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet, għandhom jiżdiedu miegħu żidiet intiżi għall-bejjiegħ bl-ingrossa u kif ukoll kif jipprevedi l-Artikolu 3 tal-imsemmi digriet, żidiet għall-ispiżeriji. Dan l-istess digriet ma japplikax għall-prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika.

 Il-liġi dwar ir-reklamar fis-settur tas-saħħa

8        Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-punt 2 tal-Artikolu 7(1) tal-Heilmittelwerbegesetz (liġi dwar ir-reklamar fis-settur tas-saħħa) jipprojbixxi rikompensi fi flus, bħalma huma, skonti u bonusijiet, kif ukoll rigali pubbliċitarji għall-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika.

 Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        DPV hija organizzazzjoni ta’ awtoassistenza li l-għan tagħha huwa li ttejjeb il-ħajja tal-pazjenti bil-marda ta’ Parkinson u dik tal-familji tagħhom. Permezz ta’ ittra ta’ Lulju 2009, li tippromwovi kooperazzjoni kummerċjali bejn DPV u l-ispiżerija Olandiża tal-bejgħ bil-korrispondenza DocMorris, DPV informat lill-membri tagħha b’sistema ta’ bonus li tipprevedi għall-prodotti mediċinali li jikkuraw il-marda ta’ Parkinson, li huma suġġetti għal preskrizzjoni medika u li jistgħu jinkisbu biss mill-ispiżeriji, diversi bonusijiet meta jinxtraw mingħand DocMorris mill-membri ta’ DPV (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ bonus”).

10      Iz-ZBUW tikkunsidra, b’mod partikolari li s-sistema ta’ bonus tikser il-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tipprevedi l-iffissar ta’ prezz uniformi għall-konsenja mill-ispiżeriji għal prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika.

11      Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) laqgħet it-talba għal inġunzjoni mressqa miz-ZBUW u pprojbit lil DPV li tippromwovi s-sistema ta’ bonus b’mod analoga għal dak użat permezz tal-ittra mibgħuta fix-xahar ta’ Lulju 2009. DPV appellat mis-sentenza tal-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) quddiem il-qorti tar-rinviju.

12      Din il-qorti rrilevat li s-sistema ta’ bonus tikser id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti mhux biss meta spiżjar jikkonsenja prodott mediċinali li l-prezz tiegħu huwa impost għal prezz differenti minn dak li għandu jiġi ffatturat skont id-Digriet dwar il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali, iżda wkoll meta, parallellament max-xiri tal-prodott mediċinali għall-prezz impost, jingħataw lill-klijent vantaġġi li juru x-xiri bħala li huwa ekonomikament iktar vantaġġuż.

13      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt ta’ jekk, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, l-Artikolu 78(1) tal-liġi dwar il-prodotti mediċinali, kemm fil-verżjoni inizjali kif ukoll fil-verżjoni emendata, fihiex restrizzjoni li hija pprojbita skont l-Artikolu 34 TFUE.

14      Fil-każ fejn il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu jiġu sodisfatti, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) tistaqsi jekk l-iffissar tal-prezzijiet imposti jistax jiġi ġġustifikat skont l-Artikoli 36 TFUE għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem. Skont din il-qorti, l-eżami tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni tqajjem, b’mod partikolari, il-kwistjoni ta’ jekk il-possibbiltà riċenti offerta lill-popolazzjoni rurali li jiksbu l-prodotti mediċinali permezz tal-bejgħ bil-korrispondenza tistax ta’ mill-inqas tirrelativizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta, b’mod partikolari, fl-aħħar nett, mis-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll‑Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68).

15      Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk l-iffissar tal-prezzijiet imposti biss għall-prodotti mediċinali suġġetti għall-preskrizzjoni medika jiżgurax il-provvista uniformi lill-popolazzjoni fit-territorju kollu ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika tkun probabbilment determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwima prinċipali. Din il-qorti tirrileva li, sa issa, iz-ZBUW ma ressqitx la argument konkret fuq dan il-punt u lanqas dokumenti li jsostnu dan l-argument. L-espożizzjoni tal-motivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirreferi sempliċiment għall-allegati riskji li s-sistema ta’ prezzijiet imposti inkwistjoni fil-kawża prinċipali trid tikkumbatti.

16      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji, barra minn hekk, fuq il-punt ta’ jekk, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ konsenja bil-korrispondenza, jekk ikun il-każ, għandu jiġi ttollerat theddid eventwali lill-ispiżeriji tradizzjonali, b’mod partikolari fiż-żoni rurali.

17      Minkejja jitressqu raġunijiet oħra fl-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi 19 ta’ Ottubru 2012, il-qorti tar-rinviju ma tqishomx a priori bħala ġustifikazzjoni suffiċjenti sabiex tirrestrinġi il-moviment liberu tal-merkanzija.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iffissar ta’ prezzijiet imposti għall-prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib, stipulat mid-dritt nazzjonali, jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE?

2.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-iffissar tal-prezzijiet imposti għall-prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni tat-tabib huwa ġġustifikat skont l-Artikolu 36 TFUE għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni, b’mod partikolari jekk huwa biss b’dan il-mod li tista’ tiġi ggarantita fil-Ġermanja kollha, partikolarment fiż-żoni rurali, provvista uniformi ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni li tkopri t-territorju kollu?

3.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għat-tieni domanda: liema rekwiżiti għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi kkonstatat ġudizzjarjament li s-sitwazzjoni prevista fit-tieni parti tat-tieni domanda fil-fatt teżisti ?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

19      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-iffissar ta’ prezzijiet uniformi għall-bejgħ mill-ispiżeriji ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika, tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu.

20      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-moviment liberu tal-merkanzija huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat FUE li jsib l-espressjoni tiegħu fil-projbizzjoni mniżżla fl-Artikolu 34 TFUE ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll il-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2007, Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 31).

21      Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li s-sistema ta’ prezzijiet imposti tapplika kemm għall-ispiżeriji li għandhom is-sede tagħhom fil-Ġermanja kif ukoll għal dawk fi Stati Membri oħra. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din is-sistema tistax tiġi kklassifikata bħala “miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva”, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.

22      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja skont liema l-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE, ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tirrigwarda l-miżuri kollha tal-Istati Membri li jistgħu jfixklu direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, l-importazzjonijiet bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑141/07, EU:C:2008:492, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fir-rigward ta’ projbizzjoni imposta mid-dritt Ġermaniż li jsir bejgħ b’korrispondenza ta’ prodotti mediċinali li bejgħ tagħhom hija rriżervata esklużivament lill-ispiżeriji fl-Istat Membru kkonċernat, li tali projbizzjoni jikkawża żvantaġġ ikbar lill-ispiżeriji li jinsabu barra l-Ġermanja milli lil dawk li jinsabu fit-territorju Ġermaniż. Jekk għal dawn tal-aħħar ftit jista’ jingħad kontra l-fatt li din il-projbizzjoni ċċaħħadhom minn mezz addizzjonali jew alternattiv li jilħqu s-suq Ġermaniż ta’ konsumaturi finali tal-prodotti mediċinali, jibqa’ l-fatt li tibqgħalhom il-possibbiltà li jbigħu l-prodotti mediċinali fl-ispiżeriji tagħhom. Min‑naħa l‑oħra, l‑internet huwa mezz iktar importanti għall‑ispiżeriji li mhumiex stabbiliti fit‑territorju Ġermaniż biex jilħqu direttament l‑imsemmi suq. Projbizzjoni li għandha impatt żvantaġġuż ikbar fuq spiżeriji stabbiliti barra t-territorju Ġermaniż tista’ timpedixxi l-aċċess għas-suq ta’ prodotti minn Stati Membri oħrajn iktar milli timpedixxi l-aċċess għal prodotti domestiċi u tikkostitwixxi, għaldaqstant, miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C‑322/01, EU:C:2003:664, punti 74 sa 76).

24      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, bħal ZBUW kif ukoll bħalma l-gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Isvezja enfasizzaw huma stess, l-ispiżeriji tradizzjonali huma, bħala prinċipju, iktar kapaċi mill-ispiżeriji tal-bejgħ bil-korrispondenza biex jagħtu lill-pazjenti parir individwali permezz tal-persunal fl-ispiżerija u sabiex tiġi żgurata provvista ta’ prodotti mediċinali f’każ ta’ emerġenza. Sa fejn l-ispiżeriji tal-bejgħ bil-korrispondenza ma jistgħux, minħabba l-fatt li joffru servizzi ristretti, jissostitwixxu b’mod xieraq dawn is-servizzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-kompetizzjoni mill-prezzijiet tista’ tirrappreżenta parametru kompetittiv usa’ għal dawn tal-aħħar milli għall-ispiżeriji tradizzjonali, dan il-parametru jikkundizzjona l-possibbiltà tagħhom li jaċċedu direttament għas-suq Ġermaniż u li jibqgħu kompetittivi fih.

25      Konsegwentement, u peress li l-bejgħ bil-korrispondenza jikkostitwixxi mezz iktar importanti, jekk hux saħansitra, eventwalment, l-uniku mezz, inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi partikolari tas-suq Ġermaniż kif jirriżulta mill-fajl imressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ispiżeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli għall-ispiżeriji stabbiliti fil-Ġermanja sabiex jaċċedu direttament għas-suq, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taffettwax bl-istess mod il-bejgħ tal-prodotti mediċinali nazzjonali u dak tal-prodotti mediċinali ġejjin minn Stati Membri oħrajn.

26      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-impożizzjoni ta’ prezz ta’ bejgħ uniformi, bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, għandha impatt ikbar fuq spiżeriji stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja minn dawk li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju Ġermaniż, fatt li jista’ jimpedixxi l-aċċess għas-suq ta’ prodotti minn Stati Membri oħrajn iktar milli timpedixxi l-aċċess għal prodotti nazzjonali.

27      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-iffissar ta’ prezzijiet uniformi għall-bejgħ mill-ispiżeriji ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu, peress li din il-leġiżlazzjoni taffettwa l-iktar il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika minn spiżeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli l-bejgħ ta’ prodotti mediċinali minn spiżeriji stabbiliti fit-territorju nazzjonali.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

28      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 36 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-iffissar ta’ prezzijiet uniformi għall-bejgħ mill-ispiżeriji ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika, tista’ tiġi ġġustifikata għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem fis-sens ta’ dan l-artikolu.

29      Preliminarjament, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja skont liema l-Artikolu 36 TFUE, bħala eċċezzjoni għar-regola tal-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni, għandu jiġi interpretat strettament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 1985, Association des Centres distributeurs Leclerc u Thouars Distribution, 229/83, EU:C:1985:1, punt 30 ; tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑141/07, EU:C:2008:492, punt 50, u tad-9 ta’ Diċembru 2010, Humanplasma, C‑421/09, EU:C:2010:760, punt 38).

30      Fir-rigward ta’ miżura nazzjonali li taqa’ taħt il-qasam tas-saħħa pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost il-beni u l-interessi protetti mit-Trattat u li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lis-saħħa pubblika kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu, C‑198/14, EU:C:2015:751, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      B’mod partikolari, in-neċessità li tiġi żgurata l-provvista stabbli tal-pajjiż għall-finijiet mediċi essenzjali tista’ tiġġustifika, fis-dawl tal-Artikolu 36 TFUE, ostakolu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, sa fejn dan l-għan jaqa’ taħt il- protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem (ara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995, Evans Medical u Macfarlan Smith, C‑324/93, EU:C:1995:84, punt 37).

32      Anki jekk huwa stabbilit, fil-kawża prinċipali, li l-bejgħ bil-korrispondenza ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika ma għadhiex ipprojbita fil-Ġermanja, iz-ZBUW kif ukoll il-gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Isvezja jsostnu li s-sistema ta’ prezzijiet uniformi li tapplika għall-bejgħ ta’ dawn il-prodotti mediċinali hija ġġustifikata bil-għan li tiġi żgurata fost il-popolazzjoni Ġermaniża provvista ta’ prodotti mediċinali sigura u ta’ kwalità.

33      B’mod partikolari, skont il-Gvern tal-Ġermanja, l-imsemmija sistema hija intiża li tiżgura li l-ispiżeriji tal-bejgħ bil-korrispondenza ma jinqabdux f’kompetizzjoni rovinuża permezz ta’ prezzijiet li jwasslu għal-għajbien tal-ispiżeriji tradizzjonali, fuq kollox fiż-żoni rurali jew bi ftit nies li jirrappreżentaw l-insedjamenti l-inqas attraenti għal dawn tal-aħħar. Dan il-gvern jinsisti fuq il-fatt li huma biss dawn l-ispiżeriji li jistgħu jiżguraw provvista ċerta u ta’ kwalità, fuq kollox f’każ ta’ emerġenza, kif ukoll pariri individwali u kontroll effikaċi tal-prodotti mediċinali distribwiti.

34      Jekk l-għan li tiġi żgurata provvista ċerta u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali fit-territorju nazzjonali kollu jaqa’, bħala prinċipju, taħt l-Artikolu 36 TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li leġiżlazzjoni li tirrestrinġi libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, bħalma hija l-libertà tal-moviment liberu tal-merkanzija, tista’ tiġi validament iġġustifikata biss sakemm hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mixtieq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2010, Humanplasma, C‑421/09, EU:C:2010:760, punt 34, kif ukoll tat-23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 33).

35      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-awtoritajiet nazzjonali, f’kull każ speċifiku, li għandhom jipproduċu l-provi neċessarji f’dan is-sens. Ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom għaldaqstant jinkludu analiżi ta’ kemm il-miżura adottata minn dan l-Istat hija adattata u proporzjonali, kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li tissostanzja l-argumenti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, The Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 54, kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Minn dan isegwi, meta teżamina leġiżlazzjoni nazzjonali inkonnessjoni mal-ġustifikazzjoni marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE, qorti nazzjonali tkun obbligata li teżamina b’mod oġġettiv, bl-għajnuna tad-data tal-istatistika, limitati jew b’mezzi oħra, jekk il-provi pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat jippermettux raġonevolment li jitqies li l-mezzi magħżula huma adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti kif ukoll il-possibbiltà li jintlaħqu dawn tal-aħħar permezz ta’ miżuri inqas restrittivi fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, The Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 59).

37      F’dak li jirrigwarda l-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jintlaħqu l-għanijiet invokati, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ibbażat fuq in-neċessità li tiġi żgurata l-provvista uniformi ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika fit-territorju kollu Ġermaniż ma huwiex sostnut minn ebda prova li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt 35 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, permezz tad-dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali li ġew imressqa dwar dan is-suġġett fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma ġiex ipprovat, kif essenzjalment, irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, kif il-fatt li jiġu imposti prezzijiet uniformi għal dawn il-prodotti mediċinali jippermetti l-iżgurar ta’ tqassim ġeografiku aħjar tal-ispiżeriji tradizzjonali fil-Ġermanja.

38      Bil-kuntrarju, ċerti provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni jissuġġerixxu li żieda fil-kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn l-ispiżeriji tista’ tibbenefika l-provvista uniformi tal-prodotti mediċinali, billi tistimula l-istabbiliment ta’ spiżeriji fir-reġjunijiet li fihom numru żgħir ta’ spiżeriji tippermetti fatturazzjoni ta’ prezzijiet iktar għoljin.

39      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq provvista ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, għandu jiġi kkonstatat li kuntrarjament għal dak sostnut mill-Gvern tal-Ġermanja, l-ebda prova imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi biss li fl-assenza ta’ sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ispiżeriji tal-bejgħ bil-korrispondenza jistgħu jidħlu f’kompetizzjoni fil-prezzijiet b’tali mod li xi servizzi essenzjali, bħalma hija kura ta’ emerġenza, ma jkunux jistgħu jibqgħu ggarantiti fil-Ġermanja minħabba t-tnaqqis konsegwenti tan-numru ta’ spiżeriji. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-parametri tal-kompetizzjoni barra dak tal-prezz, kif esposti fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li jistgħu jippermettu eventwalment lill-ispiżeriji tradizzjonali li jibqgħu kompetittivi fis-suq Ġermaniż anki meta ffaċċjati b’kompetizzjoni li jikkostitwixxi il-bejgħ bil-korrispondenza.

40      Bl-istess mod, il-provi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża ma humiex suffiċjenti sabiex juru li kompetizzjoni fil-prezzijiet għall-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika għandha effett negattiv fuq il-kisba mill-ispiżeriji tradizzjonali ta’ ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali, bħalma hija l-manifattura ta’ prodotti mediċinali bi preskrizzjoni jew iż-żamma ta’ ċerta ħażna u assortiment ta’ prodotti mediċinali. Għall-kuntrarju, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, jista’ jiġri, li meta ffaċċjati minn kompetizzjoni fil-prezzijiet mill-ispiżeriji tal-bejgħ bil-korrispondenza, l-ispiżeriji tradizzjonali jiġu inkoraġġiti li jiżviluppaw dawn l-attivitajiet.

41      Lanqas ma ġie stabbilit, konformement mal-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li l-allegata relazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ imposti fil-kawża prinċipali u tnaqqis konsegwenti tar-riskju li l-pazjenti jipprovaw jagħmlu pressjoni fuq it-tobba sabiex jiksbu preskrizzjoni medika ta’ konvenjenza.

42      F’dak li jirrigwarda t-teżi mressqa miz-ZBUW u l-Gvern tal-Ġermanja skont liema l-pazjent, fi stat ta’ saħħa dgħajjef, ma għandux ikun obbligat li jwettaq analiżi tas-suq sabiex jeżamina l-ispiżerija li toffri prodott mediċinali mixtieq bl-iktar prezz favorevoli, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ riskju reali għas-saħħa tal-bniedem għandha tiġi mkejla, mhux fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali, iżda abbażi tar-riċerki xjentifiċi rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, van der Veldt, C‑17/93, EU:C:1994:299, punt 17). Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet ġenerali mqajma f’dan ir-rigward ma huma bl-ebda mod suffiċjenti sabiex juru r-riskju veru, għas-saħħa tal-bniedem, li jirrappreżentaw il-possibbiltà għall-konsumatur li jipprova jikseb prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika bi prezz irħas.

43      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, li bħalma għamlu DPV u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, li f’dan il-każ, il-kompetizzjoni fil-prezzijiet tista’ tibbenefika lill-pazjent, sa fejn din tippermetti, jekk ikun il-każ, li jiġu offerti, fil-Ġermanja, il-prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika bi prezzijiet iktar favorevoli għal dawk attwalment imposti mill-Istat Membru. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni effikaċi tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni teżiġi, b’mod partikolari, li l-prodotti mediċinali jinbiegħu bi prezzijiet raġonevoli (ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 1976, de Peijper, 104/75, EU:C:1976:67, punt 25).

44      Fl-aħħar nett, għandu jiżdied li l-fatt li jeżistu miżuri nazzjonali oħra, bħar-regola ta’ esklużjoni ta’ persuni li ma humiex spiżjara li jkollhom dritt li joperaw spiżeriji, li għandha bħala għan, skont il-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-provvista ċerta u ta’ kwalità fil-Ġermanja ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika, ma għandhiex impatt fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-sistema ta’ iffissar tal-prezzijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li restrizzjoni, bħal dik li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma ġietx ipprovata bħala li hija adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet invokati u għaldaqstant ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata għat-twettiq ta’ dawk l-għanijiet.

46      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 36 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-iffissar ta’ prezzijiet uniformi għall-bejgħ mill-ispiżeriji ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika, ma tistax tiġi ġġustifikata għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem fis-sens ta’ dan l-artikolu, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma hijiex adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-iffissar ta’ prezzijiet uniformi għall-bejgħ mill-ispiżeriji ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens ta’ dan l-artikolu u għaldaqstant li din il-leġiżlazzjoni taffettwa l-iktar il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni medika minn spiżeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti mediċinali minn spiżeriji stabbiliti fit-territorju nazzjonali.

2)      L-Artikolu 36 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-iffissar ta’ prezzijiet uniformi għall-bejgħ mill-ispiżeriji ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem suġġetti għall-preskrizzjoni medika, ma tistax tiġi ġġustifikata għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem fis-sens ta’ dan l-artikolu, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma hijiex adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.