SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ April 2021 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-KESE – Membri tal-persunal temporanju – Rifjut ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid – Rikors għal annullament – Terminu għat-tressiq ta’ lment – Oneru tal-prova tal-qbiż tat-terminu – Att li jikkawża preġudizzju – Ammissibbiltà – Ugwaljanza fit-trattament – Ċertezza legali – Rikors għad-danni – Dannu morali”

Fil-Kawża T‑843/19,

Paula Correia, residenti f’Woluwe-Saint-Étienne (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Levi u M. Vandenbussche, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), irrappreżentat minn M. Pascua Mateo, X. Chamodraka u K. Gambino, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-KESE, li ġiet adottata f’data mhux magħrufa tar-rikorrenti u li din tal-aħħar saret taf biha fit‑12 ta’ April 2019, li rrifjutat li tikklassifikaha mill-ġdid fil-grad AST 7 abbażi tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-2019 u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu morali li r-rikorrenti ġarrbet minħabba din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, P. Nihoul u R. Frendo (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa korp konsultattiv li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ persuni li jimpjegaw, ta’ impjegati u ta’ atturi oħra li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fil-qasam soċjoekonomiku kif ukoll dak ċiviku, professjonali u kulturali. Dan huwa kompost minn tliet gruppi, jiġifieri l-grupp ta’ persuni li jimpjegaw (iktar ’il quddiem il-“grupp I”), il-grupp tal-ħaddiema u l-grupp “Diversité Europe”. Kull wieħed minn dawn il-gruppi għandu s-segretarjat tiegħu stess li għalih huma rreklutati membri tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”)

2        Fil‑11 ta’ Lulju 2000, ir-rikorrenti, Paula Correia, ġiet irreklutata bħala membru tal-persunal temporanju fi ħdan il-grupp I fil-grad C3 (li sar AST 4) għal dħul fis-servizz fl‑1 ta’ Settembru 2000, b’kuntratt għal żmien indeterminat fis-sens tal-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

3        Fid‑9 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti ġiet ikklassifikata mill-ġdid mill-grad AST 4, skala 5, għall-grad AST 5, skala 1, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2007. Fit‑18 ta’ Jannar 2016, hija ġiet ikklassifikata mill-ġdid mill-grad AST 5, skala 3, fil-grad AST 6, skala 1, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2016.

4        Fis‑26 ta’ Marzu 2019, inżammet laqgħa bejn ir-rikorrenti u l-president tal-grupp I (iktar ’il quddiem il-“laqgħa tas‑26 ta’ Marzu 2019”). Fit‑28 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti kellha laqgħa mad-direttriċi ad interim tad-Direttorat E “Riżorsi Umani u Finanzi” tal-KESE (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“laqgħa tat‑28 ta’ Marzu 2019” u d-“Direttorat tal-Persunal”).

5        Fit‑12 ta’ April 2019, ir-rikorrenti ħadet sehem f’laqgħa mal-kap tad-diviżjoni tagħha dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni għall-2018 (iktar ’il quddiem il-“laqgħa tat‑12 ta’ April 2019”).

6        Fl‑10 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrenti ressqet ilment (iktar ’il quddiem l-“ilment”), skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), kontra d-deċiżjoni li ma tiġix ikklassifikata mill-ġdid fil-grad AST 7 fl-2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’dan l-ilment, hija indikat, b’mod partikolari, li ma kinitx taf id-data li fiha kienet ittieħdet din id-deċiżjoni.

7        Fil‑21 ta’ Ottubru 2019, il-KESE bagħat ittra lir-rikorrenti sabiex tinformaha li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-KESE (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) ma kinitx f’pożizzjoni li tirrispondi għall-ilment tagħha fit-terminu previst mill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

8        Fl‑10 ta’ Novembru 2019, l-ilment ġie miċħud b’mod impliċitu.

9        Fis‑16 ta’ Jannar 2020, il-KESE nnotifika lir-rikorrenti li l-ilment tagħha kien miċħud (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l-ilment”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati, rispettivament, fis‑16 ta’ Marzu, fit‑30 ta’ Ġunju u fis‑17 ta’ Lulju 2020.

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-KESE għall-kumpens għad-dannu morali kkawżat minn din id-deċiżjoni, evalwat ex aequo et bono għal EUR 2 000;

–        tikkundanna lill-KESE għall-ispejjeż.

12      Il-KESE titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti fformulat żewġ osservazzjonijiet dwar ir-rapport għas-seduta, li waħda minnhom kienet tirrigwarda l-eżistenza tal-laqgħa tat‑28 ta’ Marzu 2019.

14      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2021.

15      Fir-rigward tal-ittra msemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti indikat, waqt is-seduta, li hija kienet qiegħda tirrinunzja li tikkontesta l-eżistenza tal-laqgħa tat‑28 ta’ Marzu 2019, iżda li hija kienet qiegħda tikkontesta s-suġġett tal-imsemmija laqgħa. B’risposta għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ir-rapport għas-seduta, il-KESE pproduċa, waqt is-seduta, posta elettronika tal‑15 ta’ Marzu 2019, mill-President tal-grupp I u indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-KESE (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”) bil-għan li jistabbilixxi l-kontenut tal-laqgħa tat‑28 ta’ Marzu 2019 (iktar ’il quddiem il-“posta elettronika tal‑15 ta’ Marzu 2019”). Ir-rikorrenti invokat l-inammissibbiltà ta’ dan id-dokument minħabba li kien ġie ppreżentat tardivament. Il-Qorti Ġenerali daħħlet dan id-dokument fil-proċess, mingħajr preġudizzju għall-eżami tal-ammissibbiltà tiegħu.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

16      Fir-risposta tiegħu, il-KESE jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, minħabba li r-rikorrenti ma ppreżentatx l-ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata fit-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa jsostni f’dan ir-rigward li, waqt il-laqgħa tas‑26 ta’ Marzu 2019, il-President tal-grupp I informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tiegħu li ma jipproponix il-klassifikazzjoni mill-ġdid tiegħu lis-Segretarju Ġenerali abbażi tal-proċedura 2019. Hija biss din id-deċiżjoni li tikkostitwixxi att tali li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti sa fejn hija ttellifha kull opportunità li tiġi kklassifikata mil-ġdid fl-2019, b’tali mod li l-ilment imressaq fl‑10 ta’ Lulju 2019 huwa inammissibbli, l-istess bħal dan ir-rikors.

17      Ir-rikorrenti topponi l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-KESE billi ssostni, essenzjalment, li l-laqgħa tas‑26 ta’ Marzu 2019 kienet tirrigwarda biss il-kostituzzjoni mill-ġdid tal-karriera tagħha, u mhux id-deċiżjoni li ma tiġix ikklassifikata mill-ġdid. Waqt is-seduta, hija żiedet li, peress li din kienet laqgħa ta’ natura informali, din ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala okkażjoni li tinnotifika deċiżjoni individwali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, peress li d-deċiżjonijiet dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju assenjati lill-KESE ma humiex ippubblikati, ir-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tkun taf f’liema data ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata. Hija tinsisti fuq il-fatt li hija saret taf b’dan b’mod inċidentali matul il-laqgħa tat‑12 ta’ April 2019, dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-2018.

18      Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li l-ilment tagħha skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni kkontestata, ippreżentat fl‑10 ta’ Lulju 2019, ma jistax jitqies li ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu, b’tali mod li r-rikors tagħha huwa ammissibbli.

19      Fir-replika, ir-rikorrenti tenfasizza li, fid-deċiżjoni dwar l-ilment, li ġiet ikkomunikata lilha fis‑16 ta’ Jannar 2020, jiġifieri wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, il-KESE ma kkonstatax l-inammissibbiltà tal-ilment tagħha. B’dan il-mod, il-KESE ammetta impliċitament li r-rikorrenti setgħet tiġi informata bid-deċiżjoni kkontestata biss matul il-laqgħa tat‑12 ta’ April 2019.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, minkejja l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fir-risposta, il-KESE ammetta espressament, fis-sitt paragrafu tal-punt 5 tad-deċiżjoni dwar l-ilment, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet mgħarrfa lir-rikorrenti matul il-laqgħa tat‑12 ta’ April 2019, kif hija ssostni.

21      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, u kif invoka l-KESE waqt is-seduta, it-termini għat-tressiq ta’ lment u għall-preżentata ta’ rikors, imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ta’ ordni pubbliku u ma jistgħux jitħallew għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti li għandha tivverifika, anki ex officio, jekk dawn ġewx osservati (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2008, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑222/07 P, EU:T:2008:314, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Feral vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni, T‑529/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:851, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju permezz tal-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-ilmenti għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ tliet xhur “fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-persuna kkonċernata, iżda fl-ebda każ mhux aktar tard mid-data meta ta’ dan tal-aħħar irċieva t-tali notifika, jekk il-miżura taffettwa persuna speċifika” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħal f’dan il-każ.

23      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, hija l-parti li tinvoka l-iskadenza tat-terminu, jiġifieri, f’dan il-każ, il-KESE, li għandha tipproduċi l-prova tad-data li fiha l-imsemmi terminu beda jiddekorri (ara d-digriet tas‑7 ta’ Settembru 2005, Krahl vs Il‑Kummissjoni, T‑358/03, EU:T:2005:301, punt 53, u s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs HM, C‑70/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:544, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-prova tal-mument li fih il-persuna kkonċernata saret taf b’deċiżjoni individwali tista’ tirriżulta minn ċirkustanzi oħra minbarra notifika formali tal-imsemmija deċiżjoni. F’dan ir-rigward, għalkemm sempliċi indizji li jagħtu x’jifhem li deċiżjoni ġiet irċevuta ma humiex suffiċjenti, din il-prova tista’ tirriżulta b’mod partikolari minn posta elettronika tal-persuna kkonċernata li minnha jirriżulta mingħajr dubju li hija effettivament saret taf bl-imsemmija deċiżjoni qabel id-data allegata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2012, AT vs EACEA, F‑113/10, EU:F:2012:20, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan ir-rigward, il-KESE jibbaża ruħu, minn naħa, fuq skambju ta’ posta elettronika bejn ir-rikorrenti u d-direttorat tal-persunal u, min-naħa l-oħra, fuq estratt mill-kalendarju elettroniku ta’ dan id-direttorat. Waqt is-seduta, dan tal-aħħar wera r-rieda tiegħu li jinvoka wkoll element ieħor, jiġifieri posta elettronika tal‑15 ta’ Marzu 2019.

26      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-iskambju ta’ posta elettronika mehmuż mar-risposta, mill-proċess jirriżulta li, fis‑26 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti indirizzat lid-Direttorat tal-Persunal talba fformulata kif ġej:

“[Il-President tal-grupp I] għadu kemm informani li, wara l-aħħar konverżazzjoni tiegħek, jeħtieġ li nikkuntattjak sabiex nagħmel appuntament. Ir-raġuni għal din it-talba hija li jinstab motiv sabiex tavvanza l-kostituzzjoni mill-ġdid tal-karriera tiegħi u l-klassifikazzjoni mill-ġdid tiegħi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

27      Il-KESE jsostni li r-rikorrenti ma kinitx talbet din il-laqgħa ta’ urġenza kieku ma kinitx saret taf, fl-istess jum, li l-fajl tagħha ma kienx ser jiġi propost għal klassifikazzjoni mill-ġdid abbażi tal-proċedura 2019.

28      Fir-replika, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija kienet bagħtet l-imsemmija posta elettronika wara konverżazzjoni mal-President tal-grupp I, li kienet saret fl-uffiċċju tagħha. Fil-preżenza ta’ kollega ieħor, dan kien taha parir li tikkuntattja lid-direttorat tal-persunal fir-rigward tal-kostituzzjoni mill-ġdid tal-karriera tagħha. Fir-rigward tar-riferiment għall-“klassifikazzjoni mill-ġdid” f’din il-posta elettronika, ir-rikorrenti osservat, waqt is-seduta, li l-proċedura ta’ kostituzzjoni mill-ġdid tal-karriera twassal neċessarjament għall-klassifikazzjoni mill-ġdid fi grad.

29      Fis‑27 ta’ Marzu 2019, id-Direttorat tal-Persunal wieġeb għall-posta elettronika tar-rikorrenti msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq kif ġej:

“Wara t-talba tiegħek, tista’ tindikali meta nistgħu niltaqgħu sabiex nitkellmu dwar is-sitwazzjoni tal-karriera tiegħek […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30      Issa, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, li, fih innifsu, dan l-iskambju ta’ posta elettronika bl-ebda mod ma jistabbilixxi l-kontenut tal-laqgħa tas‑26 ta’ Marzu 2019. Għaldaqstant, dan ma huwiex tali li jikkonferma li, matul din il-laqgħa, id-deċiżjoni kkontestata ġiet mgħarrfa lir-rikorrenti, kif jallega l-KESE.

31      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ispjegazzjoni mogħtija mir-rikorrenti waqt is-seduta (ara l-punt 28 iktar ’il fuq) is-sempliċi riferiment li hija għamlet fil-posta elettronika tagħha tas‑26 ta’ Marzu 2019 għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tagħha ma jippermettix li jiġi konkluż mingħajr dubju li hija saret taf bid-deċiżjoni kkontestata fid-data allegata mill-KESE. Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, f’din il-posta elettronika, ir-rikorrenti kienet tħassbet biss li “tavvanza” l-klassifikazzjoni mill-ġdid tagħha, u mhux rifjut li tingħatalha, ħaġa li tikkostitwixxi pass kompletament komprensibbli fil-kuntest ta’ talba għall-kostituzzjoni mill-ġdid tal-karriera.

32      Fit-tieni lok, flimkien ma’ dan l-iskambju ta’ posta elettronika, il-KESE jipproduċi estratt mill-kalendarju elettroniku tad-Direttorat tal-Persunal meqjus li jikkonferma laqgħa tat‑28 ta’ Marzu 2019 ta’ madwar siegħa bejn ir-rikorrenti u dan id-direttorat. Matul din il-laqgħa, informa lir-rikorrenti dwar il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti saret taf bihom fis‑26 ta’ Marzu 2019. Madankollu, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li din l-affermazzjoni tikkontradixxi d-deċiżjoni dwar l-ilment, kif jirriżulta mill-punt 20 iktar ’il fuq.

33      Barra minn hekk, l-imsemmija affermazzjoni bl-ebda mod ma hija ssostanzjata bi provi. B’mod partikolari, l-estratt mill-kalendarju elettroniku msemmi fil-punt 32 iktar ’il fuq ma fih ebda dettalji dwar is-suġġett tal-laqgħa tat‑28 ta’ Marzu 2019 u l-KESE la kkomunika minuti ta’ din il-laqgħa u lanqas dikjarazzjoni mid-Direttorat tal-Persunal li tagħti indikazzjonijiet dwar is-suġġetti diskussi matul din il-laqgħa.

34      Fit-tielet lok, il-KESE jinvoka l-posta elettronika tal‑15 ta’ Marzu 2019, li huwa pproduċa matul is-seduta, li permezz tagħha l-President tal-grupp I ppropona l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ żewġ membri tal-persunal assenjati fis-segretarjat tal-imsemmi grupp. Skont il-KESE, minn dan jirriżulta li r-rikorrenti neċessarjament saret taf bid-deċiżjoni kkontestata matul il-laqgħa tas‑26 ta’ Marzu 2019.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi, b’mod partikolari, li l-partijiet jistgħu jagħmlu offerti ta’ prova anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li d-dewmien fil-preżentazzjoni tagħhom ikun iġġustifikat.

36      Issa, f’dan il-każ, il-KESE ma ġġustifikax id-dewmien fil-preżentazzjoni tal-offerta ta’ prova msemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq. Din il-konstatazzjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li, diġà fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti kkontestat l-affermazzjoni tal-KESE li tinsab fir-risposta f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-laqgħa tat‑28 ta’ Marzu 2019. Minn dan isegwi li l-produzzjoni tal-posta elettronika tal‑15 ta’ Marzu 2019 għandha tiġi kkunsidrata bħala tardiva, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, b’tali mod li dan id-dokument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

37      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-posta elettronika tal‑15 ta’ Marzu 2019 tikkostitwixxi sempliċi proposta ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid mill-President tal-grupp I, li, bħala att preparatorju, ma tikkostitwixxix id-deċiżjoni li permezz tagħha s-Segretarju Ġenerali, bħala ASTK, irrifjuta l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu. Fil-każ ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’diversi fażijiet, b’mod partikolari matul proċedura interna, bħal dik dwar il-proċedura fil-qasam tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, il-miżuri intermedji, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, ma jikkawżawx preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u jistgħu jiġu kkontestati biss b’mod inċidentali waqt rikors kontra l-atti annullabbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il‑Parlament, T‑24/01, EU:T:2003:52, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Settembru 2015, Anagnostu et vs Il‑Kummissjoni, F‑72/11, EU:F:2015:103, punt 38).

39      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li l-assenza li r-rikorrenti tissemma fil-posta elettronika tal‑15 ta’ Marzu 2019 tista’ tiġi analizzata bħala deċiżjoni tal-President tal-grupp I li ma jipproponix il-klassifikazzjoni mill-ġdid tagħha lis-Segretarju Ġenerali, dan l-att jikkostitwixxi biss wieħed mill-istadji suċċessivi tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid li tintemm bid-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, jekk ikun il-każ, ta’ membri tal-persunal temporanju oħra – deċiżjoni li għandha, barra minn hekk, tkun ippubblikata fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 25 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra skont l-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Huwa biss fil-mument tal-istabbiliment tal-lista tal-membri tal-persunal temporanju kklassifikati mill-ġdid debitament ippubblikata li s-sitwazzjoni legali tal-membri tal-persunal temporanju li huma eliġibbli għal klassifikazzjoni mill-ġdid tista’ tiġi affettwata. Minn dan isegwi li l-proposti tal-President tal-grupp I jikkostitwixxu atti preparatorji għad-deċiżjoni tal-ASTK li tistabbilixxi l-lista tal-membri tal-persunal temporanju kklassifikati mill-ġdid (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2003, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, T‑188/01 sa T‑190/01, EU:T:2003:77, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Settembru 2015, Anagnostu et vs Il‑Kummissjoni, F‑72/11, EU:F:2015:103, punt 39).

40      Madankollu, sa fejn huwa paċifiku li d-deċiżjonijiet dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju meħuda mis-Segretarju Ġenerali ma ġewx ippubblikati konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u sa fejn il-KESE ddikjara matul is-seduta li d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali bħala ASTK dwar il-proposti ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid li jinsabu fil-posta elettronika tal‑15 ta’ Marzu 2019 ma kinitx magħrufa lilu, ir-rikorrenti kienet wisq inqas f’pożizzjoni li tkun taf f’liema mument ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata. Il-KESE għalhekk ma jistax validament isostni li r-rikorrenti saret taf b’mod utli bl-imsemmija deċiżjoni l-iktar tard fis‑26 ta’ Marzu 2019, b’tali mod li l-ilment ma kienx tardiv.

41      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-KESE għandha tiġi miċħuda u dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq it-talbiet għal annullament

42      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi. Fid-dawl tal-kontenut tar-rikors, madankollu hemm lok li jiġu elenkati ħamsa. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-erba’ motivi l-oħra huma bbażati, rispettivament, it-tieni, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, it-tielet, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-raba’, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u, il-ħames, fuq ksur tad-dmir ta’ premura.

43      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina, qabelxejn u fl-istess ħin, it-tieni u t-tielet motiv, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali.

44      Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkritika lill-KESE li kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li abbażi tiegħu huwa kien obbligat jistabbilixxi kriterji oġġettivi u trasparenti li jippermettu lill-membri tal-persunal temporanju jkunu jafu l-modalitajiet tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tagħhom, u ssostni li l-assenza ta’ proċedura ċara, preċiża, prevedibbli u trasparenti f’dan il-qasam tippreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u t-tielet motiv

45      Il-KESE jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà f’dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet motiv, minħabba li r-rikorrenti ma tispjegax kif l-assenza ta’ regoli bil-miktub fil-qasam tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju tikkawżalha preġudizzju personalment, b’tali mod li l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dawn il-motivi jiġu invokati biss fl-interess tal-liġi u, konsegwentement, għandhom jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, uffiċjal ma huwiex awtorizzat jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u jista’ jsostni biss, insostenn ta’ rikors għal annullament, l-ilmenti li huma personali għalih, madankollu huwa biżżejjed li l-illegalità allegata kellha konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu sabiex l-ilment li r-rikorrent jislet minn dan jitqies li huwa lment personali (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2011, Merhzaoui vs Il‑Kunsill, F‑18/09, EU:F:2011:180, punt 63). Issa, ir-rikorrenti tallega preċiżament, f’dan il-każ, li s-sitwazzjoni ġuridika personali tagħha ġiet affettwata mill-assenza ta’ kriterji ċari u preċiżi fil-qasam tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju matul il-proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-2019, bi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali. Minn dan isegwi li t-tieni u t-tielet motiv huma ammissibbli.

 Fuq il-fondatezza tat-tieni u tat-tielet motiv

47      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, PT vs BEI, T‑573/16, EU:T:2019:481, punt 233) u jirrikjedi li kull att tal-amministrazzjoni li jipproduċi effetti ġuridiċi jrid ikun ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jirregolaw ruħhom konsegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2016, DF vs Il‑Kummissjoni, T‑782/14 P, EU:T:2016:29, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ir-rekwiżit huwa impost, b’mod partikolari, meta l-att inkwistjoni jista’ jkollu konsegwenzi mhux favorevoli għall-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA, T‑115/15, EU:T:2017:329, punt 135).

48      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-KESE, permezz tad-Deċiżjoni Nru 114/16 A li tadotta r-regoli fil-qasam tal-promozzjoni, stabbilixxa regoli bil-miktub u kkodifikati fil-qasam tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal bil-kuntratt u tal-uffiċjali.

49      Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-KESE ma adotta ebda deċiżjoni ta’ din in-natura fil-qasam tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju. B’hekk ma hemm l-ebda test vinkolanti u lanqas ebda dokument ieħor li jispeċifika l-elementi ta’ analiżi li fir-rigward tagħhom dawn il-membri tal-persunal jistgħu jibbenefikaw minn klassifikazzjoni mill-ġdid jew ir-rabta li tista’ teżisti bejn is-sistema ta’ evalwazzjoni tal-membri tal-persunal temporanju stabbilita mill-KESE u l-possibbiltajiet ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jew ukoll il-garanziji li jirrigwardaw l-eżami tas-sitwazzjonijiet individwali qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet f’dan il-qasam.

50      Madankollu, il-KESE jibbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ prattika stabbilita sew fil-qasam tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju, li hija magħrufa minn dawn tal-aħħar u li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-ġurisprudenza. Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ tali prattika u, fi kwalunkwe każ, tqis li hija la tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u lanqas il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

51      L-Artikolu 80(3) tar-regoli interni tal-KESE jispeċifika li s-setgħat tal-ASTK fir-rigward tal-applikazzjoni b’mod partikolari tal-Artikolu 10(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jirregolaw il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju huma eżerċitati mis-Segretarju Ġenerali, abbażi tal-proposti sottomessi mill-presidenti tat-tliet gruppi tal-KESE. Dawn il-proposti huma fihom infushom il-frott tal-proposti magħmula mill-kapijiet ta’ diviżjoni għall-membri tal-persunal temporanju li huma marbuta mad-diviżjoni tagħhom u jiddependu, barra minn hekk, mid-disponibbiltà tal-baġit.

52      Mill-preċiżazzjonijiet mogħtija mill-KESE waqt is-seduta jirriżulta li l-prattika li huwa jinvoka tikkonċerna b’mod partikolari l-iżvolġiment proċedurali tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, filwaqt li, minn perspettiva sostanzjali, il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju ssir abbażi tal-paragun tal-merti u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Madankollu, il-KESE enfasizza li l-ispeċifiċità tiegħu, b’mod partikolari n-natura “eminentement politika” tal-kompożizzjoni tiegħu, tipprekludi li huwa jista’ jkollu sistema ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-merti, paragunabbli ma’ dik applikabbli għall-uffiċjali skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa żied f’dan ir-rigward li l-kriterji rilevanti għall-proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju huma “fundamentalment differenti” minn dawk li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-promozzjoni tal-uffiċjali.

53      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-KESE jsostni wkoll li, għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju fi ħdan it-tliet gruppi li jikkomponuh, huwa jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-disponibbiltà ta’ pożizzjonijiet baġitarji kif ukoll ir-rati ta’ promozzjoni stabbiliti fl-Anness I.B tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità tal-membri tal-persunal fil-grad tagħhom (peress li t-tul medju huwa ta’ erba’ snin ta’ anzjanità fi grad).

54      Skont il-ġurisprudenza, l-istituzzjonijiet igawdu minn libertà ta’ għażla fil-qasam tal-organizzazzjoni u tal-ġestjoni tal-persunal, u b’mod partikolari, konsegwentement, ma għandhomx l-obbligu li jadottaw sistema partikolari ta’ evalwazzjoni u ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid pjuttost milli oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2007, Simões Dos Santos vs UASI, T‑435/04, EU:T:2007:50, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata), sakemm josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

55      Barra minn hekk, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jipprevedux dispożizzjoni speċifika dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għall-uffiċjali. F’dan ir-rigward, il-KESE jsostni, ġustament, li r-regoli applikabbli għall-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ membri tal-persunal temporanju ma jistgħux ikunu identiċi għal dawk applikabbli għall-uffiċjali. Fil-fatt, il-membri tal-persunal temporanju ma għandhomx l-istess eliġibbiltà bħall-uffiċjali li jagħmlu karriera fi ħdan l-istituzzjoni tagħhom (dwar l-eliġibbiltà li jagħmlu karriera tal-uffiċjali, ara s-sentenza tal-2007, Silva vs Il‑Kummissjoni, F‑21/06, EU:F:2007:116, punti 70, 71 u 76). Bl-istess mod, l-evalwazzjoni tal-merti professjonali tal-membri tal-persunal temporanju rreklutati, bħar-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 2(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tista’ tkun ibbażata fuq elementi ta’ analiżi li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tar-rabta ta’ impjieg li torbothom mal-istituzzjoni, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ rabta ta’ fiduċja ta’ natura partikolari, u, jekk ikun il-każ, il-kuntest politiku li fih jiġu eżerċitati l-funzjonijiet tagħhom.

56      Xorta jibqa’ l-fatt li kull proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid għandha tiżvolġi fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit ukoll fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li huma imposti fuq il-korpi, l-organi u l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, kif ukoll dak ta’ ċertezza legali (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides piti Co. et vs Il‑Kunsill  et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 440, u tat‑3 ta’ Lulju 2019, PT vs BEI, T‑573/16, EU:T:2019:481, punt 233 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-KESE, barra minn hekk, ma kkontestax dan.

57      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-ugwaljanza fit-trattament hija prinċipju ġenerali u fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm differenzazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. Ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jkollhomx differenzi essenzjali, jingħataw trattament differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Bertolete et, T‑359/07 P sa T‑361/07 P, EU:T:2009:40, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      L-osservanza tal-imsemmi prinċipju tirrikjedi li l-istituzzjoni, il-korp jew l-aġenzija tal-Unjoni tadotta sett ta’ elementi ta’ analiżi, bħar-rapporti tal-persunal, li fuqhom tibbaża l-evalwazzjoni tagħhom tal-merti, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ arbitrarjetà u tiżgura ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati eliġibbli għall-promozzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2015, Bonazzi vs Il‑Kummissjoni, F‑88/15, EU:F:2015:150, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Insegwitu, għalkemm, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet igawdu setgħa ta’ evalwazzjoni, hija madankollu l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ jekk l-istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni inkwistjoni, f’dan il-każ il-KESE, osservax il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali fl-organizzazzjoni tal-eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-eżami komparattiv li jsir f’dan l-eżerċizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 440, u tat‑3 ta’ Lulju 2019, PT vs BEI, T‑573/16, EU:T:2019:481, punt 233 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Issa, kif jirriżulta mill-punt 49 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju, il-KESE ma stabbilixxiex elementi ta’ analiżi li jippermettu li jsir paragun tal-merti li josserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-uniċi kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 53 iktar ’il fuq ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jiġu sseparati l-membri tal-persunal temporanju għal klassifikazzjoni mill-ġdid. Il-prassi segwita f’dan il-qasam mill-KESE għaldaqstant ma tiggarantixxix li l-proposti ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jiġu stabbiliti fuq bażijiet komuni mill-kapijiet kollha ta’ diviżjoni u mill-presidenti ta’ grupp u li d-deċiżjonijiet tas-Segretarju Ġenerali bħala ASTK ikunu josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

61      Din l-assenza ta’ elementi ta’ analiżi hija iktar u iktar kontestabbli peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 40 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet fil-qasam tal-klassifikazzjoni mill-ġdid ma humiex ippubblikati fi ħdan il-KESE skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, u dan jikser ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu tat-trasparenza huwa l-korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, peress li għandu l-għan li jiggarantixxi grad adegwat ta’ pubbliċità li jippermetti l-istħarriġ tal-imparzjalità u tal-assenza ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2011, IPK International vs Il‑Kummissjoni, T‑297/05, EU:T:2011:185, punt 124).

63      Minn dan isegwi li l-assenza ta’ pubblikazzjoni mill-KESE tad-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid mhux biss tmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda wkoll tali li tippreġudika d-drittijiet tal-membri tal-persunal temporanju assenjati mas-segretarjat tal-gruppi differenti tal-KESE, sa fejn din tipprekludi l-istħarriġ tal-imparzjalità min-naħa tal-amministrazzjoni matul proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid.

64      Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li, kuntrarjament għall-kollegi tagħha wkoll assenjati mas-segretarjat tat-tliet gruppi tal-KESE, il-karriera tagħha kienet is-suġġett ta’ progress bil-mod ħafna. Fil-fatt, fi 19-il sena, il-klassifikazzjoni tagħha ġiet modifikata biss darbtejn, b’effett, rispettivament, mill‑1 ta’ Jannar 2007 u mill‑1 ta’ Jannar 2016.

65      Insostenn tal-argument tagħha, hija tipproduċi tabella komparattiva, li hija stabbilixxiet, intiża sabiex turi li l-kollegi tagħha membri tal-persunal temporanju impjegati fi ħdan it-tliet gruppi tal-KESE kellhom żvilupp tal-karriera iktar mgħaġġel minn dak tagħha.

66      Issa, l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ erba’ snin ta’ anzjanità fir-rigward tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju, l-istess bħall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-KESE pprova jibbaża fuqu (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), ma tirriżultax mit-tabella komparattiva mfassla mir-rikorrenti. Fil-fatt, din it-tabella turi l-eżistenza ta’ differenzi sinjifikattivi fir-rigward tar-ritmu ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid bejn id-diversi membri tal-persunal temporanju assenjati mas-segretarjati tat-tliet gruppi tal-KESE. Bħala eżempju, fir-rigward tal-grupp I, li miegħu hija assenjata r-rikorrenti, minn din it-tabella jirriżulta li membru tal-persunal temporanju avvanza bi tliet gradi (minn AST 2 sa AST 5) fi żmien sentejn, filwaqt li membru tal-persunal ieħor kiseb promozzjoni paragunabbli (minn AST 3 sa AD 6) fi kważi sitt snin. L-istess jgħodd fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju assenjati lis-segretarjat tal-grupp tal-ħaddiema, li għalihom id-differenzi fl-avvanzament tal-karriera huma ikbar. Bħala indikazzjoni, f’dan l-aħħar grupp, jidher li membru tal-persunal temporanju avvanza żewġ gradi (minn AST 4 sa AST 6) f’sitt snin, filwaqt li membru tal-persunal ieħor avvanza tliet gradi (minn AST 4 sa AST 7) fi dsatax-il sena.

67      Il-KESE ma jressaq ebda argument tali li jikkonfuta l-kontenut ta’ din it-tabella jew l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-differenzi fir-rigward tar-ritmu ta’ progress fil-karriera bejn il-membri tal-persunal temporanju assenjati għas-segretarjat tal-gruppi tal-KESE, b’mod partikolari fis-segretarjat tal-grupp I. B’mod partikolari, il-KESE ma jipprovdi ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li l-implimentazzjoni tal-kriterji li fid-dawl tagħhom dan jippretendi li jwettaq klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju, jiġifieri, b’mod partikolari, id-disponibbiltà tal-pożizzjonijiet u r-regola ta’ anzjanità fil-grad, issir b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

68      Fil-preżenza ta’ serje ta’ indizji suffiċjentement konkordanti li jissostanzjaw l-argument tar-rikorrenti, hija l-istituzzjoni konvenuta li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ prattika skont l-imsemmi prinċipju, permezz ta’ provi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju (ara, għal dan il-għan u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, RA vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑874/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:757, punt 56).

69      Issa, għandu jiġi rrilevat li l-KESE jiddeskrivi l-mod kif ġie organizzat l-eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-2019 billi jippreċiża biss b’mod evażiv liema kien il-metodu segwit mill-ASTK sabiex jitwettaq il-paragun tal-merti tal-membri tal-persunal temporanju kandidati għall-klassifikazzjoni mill-ġdid. Fil-fatt, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-KESE la jippermettu li jiġi ddeterminat b’liema mod, u lanqas fuq liema bażi l-ASTK, jew il-President tal-grupp I, effettivament wettqet dan il-paragun tal-merti skont elementi ta’ analiżi li jirriflettu l-istruttura, il-bżonnijiet u l-organizzazzjoni speċifika tal-KESE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, RA vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑874/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:757, punt 57).

70      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkonfutati mill-argumenti l-oħra mqajma mill-KESE.

71      Fl-ewwel lok, il-KESE jsostni li ma huwiex possibbli għalih li jimplimenta sistema ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju bħas-sistema ta’ promozzjoni tal-uffiċjali, ibbażata biss fuq sistema ta’ paragun tal-merti, peress li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju fi ħdan il-KESE titwettaq skont kunsiderazzjonijiet distinti. F’dan ir-rigward, huwa jressaq diversi restrizzjonijiet ta’ natura organika.

72      L-ewwel, skont il-KESE, il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ membru tal-persunal temporanju tippresupponi bidla sostanzjali fil-kompiti eżerċitati minnu. It-tieni, huwa josserva li l-membri tal-persunal temporanju assenjati fi ħdan il-KESE jaqgħu taħt linja baġitarja differenti minn dik tal-uffiċjali, peress li dawn jitqiegħdu f’pożizzjonijiet mhux permanenti. Bħala tali, kull klassifikazzjoni hija suġġetta għad-disponibbiltà ta’ baġit allokat kull sena. It-tielet, u konsegwentement, peress li n-numru ta’ pożizzjonijiet previsti għall-membri tal-persunal temporanju huwa stabbilit b’mod limitat minħabba restrizzjonijiet baġitarji, il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ membru tal-persunal temporanju tista’ titwettaq biss jekk pożizzjoni vakanti li tikkorrispondi għall-grad il-ġdid issir disponibbli. F’dan ir-rigward, il-KESE josserva, b’mod partikolari, li sistema ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ibbażata fuq il-paragun tal-merti, bħal dik dwar il-promozzjoni tal-uffiċjali, ma tippermettix li jiġi żgurat tqassim omoġenju tal-funzjonijiet li jikkorrispondu għall-gradi AST 1 sa AST 9 fi ħdan il-KESE, b’mod partikolari fl-entitajiet li jiffunzjonaw b’numru żgħir ħafna ta’ impjegati, bħas-segretarjati tal-gruppi li jikkomponuh.

73      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-restrizzjonijiet invokati mill-KESE ma humiex, bħala tali, la partikolari għall-istruttura u għall-organizzazzjoni tas-segretarjat tal-imsemmija gruppi u lanqas ma huma insormontabbli, u ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ natura li jipprekludu l-introduzzjoni ta’ elementi ta’ analiżi komparattivi ċari, oġġettivi u trasparenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju li tippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

74      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet baġitarji invokati mill-KESE, għandu jiġi enfasizzat li dawn ma jistgħux jiġġustifikaw fihom infushom l-assenza ta’ proċedura jew ta’ regoli interni ċari, preċiżi u mhux diskriminatorji fil-qasam tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, RN vs Il‑Kummissjoni, F‑104/15, EU:F:2016:163, punt 72).

75      Fit-tieni lok, matul is-seduta, il-KESE sostna li, sa fejn jikkostitwixxi korp ta’ natura “eminentement politika”, il-merti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju tiegħu huma differenti minn dawk li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-promozzjoni tal-uffiċjali rregolata mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

76      Ċertament, kif jirriżulta mill-punti 54 u 59 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet huma liberi li jiddefinixxu l-elementi ta’ analiżi skont il-bżonnijiet tagħhom ta’ servizz u l-karatteristiċi speċifiċi organizzattivi rispettivi tagħhom u ma humiex obbligati jittrasponu r-regoli applikabbli għall-promozzjoni tal-uffiċjali għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju.

77      F’dan ir-rigward, il-KESE jirrileva li, anki jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg irendi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju assenjati ma’ gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew, u mhux għall-membri tal-persunal temporanju assenjati mal-gruppi tal-KESE, il-kriterji tal-imsemmi Artikolu 45, intiżi għat-tqabbil tal-merti u għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità fil-grad, jikkostitwixxu prinċipji inerenti għad-direttivi interni kollha applikabbli għall-persunal tal-KESE.

78      Madankollu, l-ewwel, din l-affermazzjoni ta’ natura ġenerali la tippermetti li jinftiehem kif il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal huma applikati għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju tal-KESE, u lanqas li jiġi vverifikat jekk dawn ġewx effettivament applikati f’dan il-każ.

79      It-tieni, u fi kwalunkwe każ, din l-affermazzjoni tidher li tikkontradixxi l-argument imressaq mill-KESE waqt is-seduta li n-natura “eminentement politika” tiegħu jipprekludi li jkun jista’ jintroduċi sistema ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju bbażata fuq il-paragun tal-merti, bħas-sistema ta’ promozzjoni prevista fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, sa fejn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, tipprevedi sistema ta’ promozzjoni bbażata fuq il-merti b’mod partikolari għall-membri tal-persunal temporanju assenjati fi gruppi politiċi tal-Parlament, li jikkostitwixxu gruppi politiċi fil-veru sens tal-kelma, il-KESE ma huwiex fondat li jsostni li n-natura politika tal-gruppi li jikkomponuh tipprekludih milli jkollu sistema għat-tqabbil tal-merti tal-membri tal-persunal temporanju assenjati lill-imsemmija gruppi.

80      Huma l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-libertà organizzattiva tagħhom imsemmija fil-punti 54 u 59 iktar ’il fuq, li għandhom jiddefinixxu minn qabel l-elementi ta’ analiżi komparattivi, sabiex josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom ta’ servizz. Minn dan isegwi li l-KESE ma huwiex fondat li jinvoka l-impossibbiltà, li hija partikolari għalih, li jadotta elementi ta’ analiżi tal-merti trasparenti, prevedibbli u mhux diskriminatorji, sabiex jippermetti lill-persunal tiegħu jevalwa l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid u lill-Qorti Ġenerali li tistħarreġ din il-legalità fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jintlaqgħu t-tieni u t-tielet motiv u, konsegwentement, li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata peress li tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talbiet tagħha għal annullament.

 Fuq it-talbiet għad-danni

82      Ir-rikorrenti tqis li sofriet dannu morali minħabba s-sitwazzjoni ta’ inċertezza li tinsab fiha fir-rigward tal-iżvilupp tal-karriera tagħha, li hija konsegwenza tal-assenza tal-KESE li jadotta kriterji ċari, trasparenti u nondiskriminatorji fil-qasam tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju. Hija tikkunsidra li dejjem ser ikun hemm dubju dwar l-evalwazzjoni tal-merti li hija setgħet turi li kieku kienu ġew stabbiliti kriterji ċari u preċiżi minn qabel. Konsegwentement, hija titlob li l-KESE jiġi kkundannat iħallasha kumpens evalwat ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 2 000.

83      Il-KESE jqis li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talba għad-danni huma infondati. L-ewwel, il-KESE ma wettaqx illegalità tali li tikkawża dannu lir-rikorrenti. It-tieni, peress li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet f’kuntest magħruf mir-rikorrenti, din ma tistax tinvoka l-eżistenza ta’ inċertezza fir-rigward tal-iżvilupp tal-karriera tagħha sabiex tibbaża t-talba tagħha għad-danni.

84      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni Ewropea huwa suġġett li jiġu ssodisfatti sett ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu allegat, fejn dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, DQ et vs Il‑Parlament, T‑730/18, EU:T:2019:725, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      F’dan il-każ, it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 84 iktar ’il fuq, jiġifieri l-illegalità mwettqa mill-KESE, id-dannu mġarrab mir-rikorrenti u r-rabta kawżali bejn dawn iż-żewġ elementi, huma ssodisfatti.

86      Skont il-ġurisprudenza, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità, bħad-deċiżjoni kkontestata, fih innifsu jikkostitwixxi l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, ħlief meta r-rikorrenti turi li sofriet dannu morali separabbli mill-illegalità li wasslet għall-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat b’mod sħiħ b’dan l-annullament (ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 2015, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑59/14, EU:F:2015:50, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Murariu vs AEAPP, F‑116/14, EU:F:2015:89, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      F’dan il-każ, madankollu, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax bħala tali jikkumpensa totalment id-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti.

88      Ċertament, skont l-Artikolu 266 TFUE, il-KESE huwa obbligat jeżegwixxi din is-sentenza billi jibbaża l-proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal temporanju fuq il-bażi ta’ elementi ta’ analiżi ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji. Madankollu, l-illegalità marbuta mal-assenza tal-imsemmija elementi qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors ma tistax tiġi faċilment ikkoreġuta b’mod retroattiv. Fil-fatt, huwa impossibbli li jiġu previsti l-karatteristiċi tal-elementi ta’ analiżi li l-KESE jista’ jadotta u diffiċli li jiġi ddeterminat kif is-servizzi tar-rikorrenti jistgħu jiġu evalwati skont dawn tal-aħħar. B’hekk, ikun xi jkun il-kontenut tal-mezzi adottati mill-KESE, jibqa’ dubju dwar il-perspettiva ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti b’mod retroattiv kif ukoll, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal-prestazzjonijiet li r-rikorrenti setgħet turi li kieku l-elementi ta’ analiżi fil-qasam tal-klassifikazzjoni mill-ġdid kienu ġew stabbiliti fil-bidu. Dan id-dubju jikkostitwixxi dannu li jirriżulta direttament mill-illegalità mwettqa mill-KESE u l-inċertezza li nħasset mir-rikorrenti fir-rigward tal-iżvilupp tal-karriera tagħha ma tistax tiġi rrimedjata mill-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza li ser jiġu adottati mill-KESE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, AQ vs Il‑Kummissjoni, F‑66/10, EU:F:2011:56, punt 110).

89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, meta tevalwa ex æquo et bono d-dannu mġarrab mir-rikorrenti, tikkunsidra, skont it-talbiet tagħha, li s-somma ta’ EUR 2 000 tikkostitwixxi kumpens xieraq għad-dannu morali subit minħabba l-illegalità mwettqa mill-KESE.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) li tirrifjuta l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ Paula Correia għall-proċedura ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-2019 hija annullata.

2)      Il-KESE huwa kkundannat iħallas lil P. Correia somma ta’ EUR 2 000 għad-dannu morali li ġarrbet.

3)      Il-KESE huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

Nihoul

Frendo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ April 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.