KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-18 ta’ Settembru 2014 (1)

Kawża C‑396/13

Sähköalojen ammattiliitto ry

vs

Elektrobudowa Spolka Akcyjna

[talba għal deċiżjoni preliminari tas-Satakunnan käräjäoikeus (il-Finlandja)]

“Moviment liberu tal-ħaddiema — Ħaddiema kkollokati — Pretensjonijiet ta’ salarju li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ impjieg — Regolament (KE) Nru 593/2008 (Regolament Ruma I) — Għażla ta’ liġi — Artikolu 8 — Liġi applikabbli għal kuntratti ta’ xogħol individwali — Artikolu 14 — Ċessjoni ta’ pretensjonijiet ta’ salarju lil sindakat — Artikolu 23 — Regoli speċjali dwar il-kunflitt ta’ liġijiet relatati ma’ obbligi kuntrattwali — Direttiva 96/71/KE — Artikolu 3 — Kunċett ta’ ‘rati minimi ta’ ħlas’ — Diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Protezzjoni soċjali tal-ħaddiema”





Werrej

I –   Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt tal-UE

1.     Ir-Regolament Ruma I 

2.     Id-Direttiva 96/71

B –   Il-leġiżlazzjoni Finlandiża

II – Il-fatti, il-proċedura u domandi preliminari

III – Analiżi

A –   Il-kuntest

1.     Il-paradoss fid-Direttiva 96/71

2.     L-approċċ meħud fil-ġurisprudenza

B –   L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 bħala regola ta’ għażla ta’ liġi speċjali

C –   Rati minimi ta’ ħlas

1.     Ftehimiet kollettivi ta’ applikazzjoni ġenerali fil-kuntest tad-Direttiva 96/71

2.     Il-kunċett

3.     L-elementi li jikkostitwixxu l-paga minima

a)     Klassifikazzjoni skont is-salarju u kategorizzazzjoni ta’ impjegati fi gruppi skont is-salarju

b)     Allowance għall-vaganza u l-problema ta’ minimi kompetittivi

c)     Allowances addizzjonali għall-kompiti ta’ xogħol

i)     L-allowance ta’ kuljum b’rata fissa

ii)   Kumpens għat-traġitt

4.     Teħid inkunsiderazzjoni tal-akkomodazzjoni u ta’ vawċers tal-ikel fil-kalkolu tal-paga minima

5.     L-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku fl-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71

IV – Konklużjoni

1.        Impriża stabbilita fil-Polonja tikkolloka ħaddiema lejn il-Finlandja sabiex iwettqu xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni ta’ impjant nukleari. Skont ftehimiet kollettivi ta’ “applikabbiltà ġenerali” (2) fis-settur rilevanti fil-Finlandja, il-ħaddiema huma intitolati għal ċerti drittijiet, inkluż għal paga minima li tikkonsisti f’diversi elementi differenti. Sussegwentement, il-ħaddiema jċedu l-pretensjonijiet ta’ salarju li jirriżultaw minn dawn il-ftehimiet kollettivi lil sindakat Finlandiż. Is-sindakat imbagħad iressaq proċeduri kontra l-persuna li timpjega sabiex jinvoka dawn il-pretensjonijiet.

2.        Jitqajmu żewġ kwistjonijiet. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju titlob gwida fir-rigward tal-għażla ta’ liġi li għandha tapplika fir-rigward taċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet ta’ salarju. Filwaqt li ċ-ċessjoni lil terzi (fil-każ ineżami, sindakat) hija permessa taħt il-leġiżlazzjoni Finlandiża — u saħansitra tikkostitwixxi prattika komuni f’dan il-kuntest partikolari — din iċ-ċessjoni tidher li hija pprojbita taħt il-leġiżlazzjoni Pollakka (3). It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” għall-finijiet tad-Direttiva 96/71. Din id-direttiva teħtieġ li l-Istat Membru ospitanti jiżgura livell minimu ta’ protezzjoni (dwar, inter alia, is-salarju) għall-ħaddiema kkollokati fit-territorju tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja issa għandha l-opportunità li tirrevedi l-ġurisprudenza estensiva tagħha f’dan il-qasam u li tipprovdi, sa fejn huwa possibbli, definizzjoni pożittiva tal-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas fil-kuntest tal-kollokament ta’ ħaddiema.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-UE

1.      Ir-Regolament Ruma I (4)

3.        Ir-Regolament Ruma I jirregola l-għażla ta’ liġi fir-rigward tal-obbligi kuntrattwali. Il-premessa 23 hija ta’ rilevanza partikolari hawnhekk. Din tipprovdi kif ġej:

“Fir-rigward ta’ kuntratti konklużi ma’ partijiet kunsidrati bħala aktar dgħajfa, huwa xieraq li jiġu protetti permezz ta’ regoli ta’ konflitt li huma aktar favorevoli għall-interessi tagħhom mir-regoli ġenerali.”

4.        Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament, kuntratt għandu jkun irregolat mil-liġi magħżula mill-partijiet.

5.        L-Artikolu 8(1) tar-Regolament fih regola speċifika għall-għażla tal-liġi applikabbli fir-rigward ta’ kuntratti ta’ xogħol individwali. Dan jipprovdi kif ġej:

“Kuntratt individwali ta’ impjieg għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet skond l-Artikolu 3. Madankollu, tali għażla ma tistax twassal li ċċaħħad l-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz ta’ dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ għażla, kienet tkun applikabbli skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.”

6.        L-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I jispeċifika l-liġi applikabbli għaċ-ċessjoni volontarja u s-surroga kuntrattwali ta’ pretensjonijiet. L-Artikolu 14(2) jipprovdi kif ġej:

“Il-liġi li tirregola dritt ċedut jew surrogat għandha tiddetermina ċ-ċessjonabbiltà tiegħu, ir-relazzjoni bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur, il-kondizzjonijiet li taħthom iċ-ċessjoni jew is-surroga tista’ tiġi invokati kontra d-debitur u jekk l-obbligazzjonijiet tad-debitur ġewx eżegwiti jew le.”

7.        L-Artikolu 23 tar-Regolament jipprovdi kif ġej:

“[...] dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li, fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari, jistipulaw regoli tal-konflitt tal-liġijiet relatati ma’ obbligazzjonijiet kuntrattwali.”

2.      Id-Direttiva 96/71

8.        Id-Direttiva 96/71 tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-kollokament ta’ ħaddiema fi Stati Membri oħra. Skont il-premessa 5 tal-preambolu tagħha, id-Direttiva 96/71 tfittex li tirrikonċilja, minn naħa, il-promozzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi transnazzjonali mal-bżonn għal kompetizzjoni ġusta u miżuri li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra.

9.        Mill-premessi 6 u 13 tal-preambolu tad-Direttiva 96/71 jirriżulta wkoll li l-liġijiet tal-Istati Membri għandhom ikunu kkoordinati sabiex japplikaw għall-provvista transnazzjonali tas-servizzi. Dan isir billi jiġu stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjoni tal-impjieg prevista, inkluż, b’mod partikolari, in-nukleu ta’ regoli obbligatorji għall-protezzjoni minima li jkunu osservati fil-pajjiż ospitanti mill-persuni li jimpjegaw li jikkollokaw ħaddiema sabiex iwettqu xogħol temporanju fit-territorju ta’ Stat Membru fejn huma pprovduti s-servizzi.

10.      Fir-rigward tal-kwistjoni tal-għażla tal-liġi applikabbli, il-premessa 11 tipprovdi li l-Konvenzjoni ta’ Ruma ma taffettwax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE li, fir-rigward ta’ kwistjoni partikolari, jistabbilixxu regoli tal-għażla tal-liġi dwar l-obbligi kuntrattwali.

11.      L-Artikolu 3, sa fejn huwa rilevanti hawnhekk, jipprovdi kif ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi [li jikkollokaw ħaddiema] jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

–        skond liġi, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi, u/jew

–        bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness:

[…]

(b)      it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa;

(ċ)       ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mix-xogħol […]

[…]

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) huwa definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem huwa mibgħut.

[…]

7.      Il-Paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx iżommu [jipprekludu] l-applikazzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet ta’ impjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

Il-ħlas addizzjonali minħabba l-kollokament għandu jingħadd bħala parti mis-salarju minimu, barra minn dak li jitħallas bħala rimbors ta’ spejjeż minħabba l-kollokament, bħalma huma l-ispejjeż tal-vjaġġ, ta’ l-alloġġ jew ta’ l-ikel.

8.      Ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ iddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali’ ifisser ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ li għandhom ikunu osservati mill-impriżi kollha fis-settur u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernata.

[…]

10.      Din id-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni mill-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat, għall-impriżi nazzjonali u għall-impriżi ta’ Stati oħra, fuq bażi ta’ ugwaljanza ta’ trattament ta’:

–        il-klawżoli u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg dwar kwistjonijiet barra dawk msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 sa fejn għandhom x’jaqsmu dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku,

–        il-klawżoli u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg imniżżla fil-ftehim kolletiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ fis-sens tal-paragrafu 8 u dwar attivitajiet barra dawk imsemmija fl-Anness.”

12.      L-Anness tad-direttiva jelenka l-attivitajiet imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1). Dawk l-attivitajiet jinkludu x-xogħol kollu tal-bini dwar il-kostruzzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni, l-alterazzjoni jew id-demolizzjoni ta’ bini, kif speċifikat f’dan l-Anness.

B –    Il-leġiżlazzjoni Finlandiża

13.      Il-liġi dwar il-kuntratti tax-xogħol (5) tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti tax-xogħol konklużi bejn il-persuna li timpjega u l-impjegat. L-Artikolu 7 fil-Kapitolu 1 ta’ din il-liġi jipprovdi l-possibbiltà li jiġu ċeduti pretensjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt tax-xogħol lil terzi mingħajr il-kunsens tal-parti l-oħra tal-kuntratt fejn pretensjoni li tirriżulta minn dan il-kuntratt tkun saret eżegwibbli.

14.      L-Artikolu 7 tal-Kapitolu 2 tal-liġi dwar il-kuntratti tax-xogħol jistabbilixxi regoli fir-rigward tal-applikabbiltà ġenerali ta’ ftehimiet kollettivi. Dan jipprovdi kif ġej:

“Il-persuna li timpjega għandha tosserva mill-inqas id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv nazzjonali, meqjus bħala rappreżentattiv fis-settur inkwistjoni (ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali), relatati mat-termini u mal-kundizzjonijiet tar-relazzjoni tal-impjieg li jikkonċernaw ix-xogħol li jwettaq l-impjegat jew ix-xogħol li huwa l-iżjed paragunabbli [...]”

15.      Il-liġi dwar ħaddiema kkollokati (6) tapplika, skont l-Artikolu 1 tagħha, għal xogħol imwettaq abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 1 tal-liġi dwar il-kuntratti tax-xogħol minn impjegat kollokat fil-Finlandja.

16.      L-Artikolu 2 tal-liġi dwar ħaddiema kkollokati jirregola t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli fir-rigward ta’ ħaddiema kkollokati. Dan jipprovdi li, irrispettivament mil-liġi li tirregola r-relazzjoni tal-impjieg, ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Finlandiża għandhom jiġu applikati sa fejn huma iktar favorevoli għall-ħaddiem mid-dispożizzjonijiet legali li inkella kienu jkunu applikabbli. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet kollettivi ta’ applikazzjoni ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 2 tal-liġi dwar il-kuntratti tax-xogħol fir-rigward ta’ leave annwali, sigħat tax-xogħol u s-sigurtà okkupazzjonali.

17.      Skont l-Artikolu 2 tal-liġi dwar ħaddiema kkollokati, il-ħaddiema kkollokati għandhom jitħallsu rata minima ta’ ħlas ekwivalenti għar-remunerazzjoni prevista fi ftehim kollettiv fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 2 tal-liġi dwar il-kuntratti tax-xogħol.

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

18.      Din il-kawża toriġina minn tilwima bejn sindakat Finlandiż, Sähköalojen ammattiliitto ry (iktar ’il quddiem is-“sindakat”), u impriża Pollakka, Elektrobudowa Spolka Akcyjna (iktar ’il quddiem l-“Elektrobudowa”). Hemm inkwistjoni l-pretensjonijiet ta’ salarju ta’ 186 ħaddiem Pollakk li, wara li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol ma’ Elektrobudowa fil-Polonja, ġew ikkollokati sabiex jaħdmu f’sit ta’ kostruzzjoni ta’ impjant nukleari f’Olkiluoto, il-Finlandja. Ix-xogħol sar taħt is-superviżjoni tal-fergħa rreġistrata ta’ Elektrobudowa f’Eurajoki, il-Finlandja.

19.      Il-ħaddiema kkonċernati ċedew individwalment il-pretensjonijiet ta’ salarju tagħhom lis-sindakat. Il-ħaddiema huma membri tas-sindakat li inkariga ruħu bl-irkupru tal-pretensjonijiet ta’ salarju quddiem il-qorti tar-rinviju. Essenzjalment, is-sindakat jilmenta li Elektrobudowa ma ħallsitx l-impjegati skont il-ftehimiet kollettivi applikabbli għas-settur tal-elettriku u għax-xogħol tal-installazzjoni tal-elettriku fis-settur tat-teknoloġija tal-bini (“il-ftehimiet kollettivi applikabbli”) (7). Huwa paċifiku li dawn il-ftehimiet kollettivi, kronoloġikament suċċessivi, ġew iddikjarati ta’ applikazzjoni ġenerali skont l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71 u, taħt l-Anness tagħha, jaqgħu wkoll fl-ambitu tad-direttiva (8).

20.      B’mod iktar speċifiku, is-sindakat isostni li Elektrobudowa ma rrispettatx id-drittijiet minimi għall-ħaddiema stabbiliti fil-ftehimiet kollettivi. Dawn il-ftehimiet kollettivi għandhom regoli differenti għal salarju abbażi tal-ħin u għal salarju abbażi ta’ biċċa xogħol. Is-sindakat jargumenta li Elektrobudowa ma osservatx l-obbligi tagħha taħt dawk il-ftehimiet sabiex toffri lill-impjegati tagħha xogħol bil-biċċa sabiex iżżid il-livell ta’ qligħ. Peress li x-xogħol kellu jiġi offrut fuq din il-bażi tal-aħħar, għandu jitħallas salarju speċjali ggarantit għax-xogħol. Barra minn hekk, il-ħaddiema ma ġewx ikklassifikati individwalment fi gruppi ta’ salarju skont il-ftehimiet kollettivi. Is-sindakat jargumenta wkoll li l-ħaddiema kkonċernati għandhom id-dritt għal allowance għal vaganza, allowance ta’ kuljum b’rata fissa u allowance għat-traġitt, kif previst fil-ftehimiet kollettivi.

21.      Min-naħa tagħha, Elektrobudowa ssostni li t-tilwima hija kwistjoni bejn il-ħaddiema kkollokati u l-impriża. Fil-fehma tagħha, dan huwa l-każ peress li pretensjoni ma tistax tiġi ċeduta lil terz taħt il-kodiċi tax-xogħol Pollakk, li ma jippermettix li impjegat jirrinunzja d-dritt tiegħu li jitħallas li jirriżulta minn relazzjoni ta’ xogħol jew li jittrasferixxih lil terz. Peress li l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol individwali u r-relazzjonijiet u d-drittijiet li ġejjin minnhom hija, skont Elektrobudowa, irregolata mil-leġiżlazzjoni Pollakka, il-pretensjonijiet ma jistgħux jiġu ttrasferiti b’mod validu lil sindakat. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni tal-livell xieraq ta’ kumpens għax-xogħol imwettaq, Elektrobudowa targumenta li l-pretensjonijiet għal salarju huma inkompatibbli mad-Direttiva 96/71 u/jew mal-Artikolu 56 TFUE.

22.      B’risposta għas-sottomissjonijiet magħmula minn Elektrobudowa dwar ċ-ċessjonabbiltà tal-pretensjonijiet, is-sindakat isostni li ċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet hija valida, peress li huma bbażati fuq ix-xogħol li sar fil-Finlandja u l-ħaddiema kkonċernati huma wkoll membri tas-sindakat li jaġixxi bħala rikorrent fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. Skont is-sindakat, il-projbizzjoni ta’ din iċ-ċessjoni kienet tkun kuntrarja għal diversi drittijiet li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

23.      Peress li kellha d-dubji dwar l-interpretazzjoni xierqa tal-liġi tal-UE, is-Satakunnan käräjäoikeus (Qorti Distrettwali ta’ Satakunta) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Sindakat li jaġixxi fl-interess tal-ħaddiema jista’ jinvoka direttament l-Artikolu 47 tal-[Karta] bħala sors dirett ta’ drittijiet kontra fornitur ta’ servizz minn Stat Membru ieħor f’sitwazzjoni fejn id-dispożizzjoni li allegatament tmur kontra l-Artikolu 47 (l-Artikolu 84 tal-Kodiċi tax-Xogħol Pollakk) hija dispożizzjoni purament nazzjonali?

(2)      Fi proċedura ġudizzjarja dwar krediti dovuti [pretensjonijiet miksuba] fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 96/71/KE, jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni — b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-[Karta] kif ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 u fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, flimkien mal-libertà ta’ assoċjazzjoni sindakali ggarantita mill-Artikolu 12 tal-[Karta] — li qorti nazzjonali għandha tevita l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tax-xogħol tal-Istat ta’ oriġini tal-ħaddiema li tipprekludi ċ-ċessjoni ta’ kreditu [pretensjoni] ta’ salarju lil sindakat tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol sabiex dan is-sindakat jiżgura l-irkupru tiegħu, meta d-dispożizzjoni korrispondenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol tippermetti ċ-ċessjoni tal-kreditu ta’ salarju dovut sabiex jiġi żgurat l-irkupru tiegħu, u għalhekk l-istat ta’ persuna li għandha locus standi, lil sindakat li l-ħaddiema kollha li wettqu ċ-ċessjoni tal-krediti [tal-pretensjonijiet] bil-għan ta’ rkupru huma membri tiegħu?

(3)      Il-klawżoli tal-Protokoll Nru 30 anness mat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu interpretati fis-sens li anki l-qrati nazzjonali li ma humiex stabbiliti fil-Polonja jew fir-Renju Unit għandhom jieħdu dan inkunsiderazzjoni meta t-tilwima inkwistjoni jkollha rabtiet sinjifikattivi mal-Polonja u, b’mod partikolari, meta l-liġi applikabbli għall-kuntratti tax-xogħol tkun il-liġi Pollakka? Fi kliem ieħor, il-protokoll Pollakk-Brittaniku jipprekludi li qorti Finlandiża tiddikjara li l-liġijiet, regoli jew dispożizzjonijiet, prattiki jew miżuri amministrattivi tal-Polonja huma kuntrarji għall-prinċipji, libertajiet u drittijiet fundamentali pproklamati mill-[Karta]?

(4)      Fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-[Karta], l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi ċ-ċessjoni ta’ krediti [pretensjonijiet] u ta’ drittijiet li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ impjieg?

(5)      L-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi applikabbli għaċ-ċessjoni tal-krediti [tal-pretensjonijiet] li jirriżultaw mill-kuntratt tax-xogħol hija l-liġi applikabbli għall-kuntratt tax-xogħol inkwistjoni skont ir-Regolament Ruma I, irrispettivament minn jekk id-dispożizzjonijiet ta’ liġi oħra għandhomx ukoll effett fuq il-kontenut tad-dritt individwali invokat?

(6)      Moqri fid-dawl tal-Artikoli 56 u 57 TFUE, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas ikopri l-paga bażika ta’ kull siegħa fuq il-bażi tal-klassifikazzjoni fi gruppi skont is-salarju, is-salarju ggarantit għax-xogħol ikkuntrattat fuq il-bażi ta’ ħlas skont ix-xogħol li jsir [abbażi ta’ biċċa xogħol], il-ħlas għal vaganzi, l-allowance fissa ta’ kuljum u l-allowance għat-traġitt ta’ kuljum, skont kif dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ddefiniti fi ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali li jaqa’ taħt l-Anness tad-Direttiva?

6.1.      L-Artikoli 56 [u 57] tat-Trattat TFUE u/jew l-Artikolu 3 tad-[Direttiva 96/71] għandhom jiġi interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali) ta’ dak li jissejjaħ l-Istat ospitanti, l-Istati Membri jimponu fuq fornituri ta’ servizzi minn Stati Membri oħra l-obbligu li jħallsu allowance għat-traġitt u allowance ta’ kuljum lill-ħaddiema kkollokati għal xogħol fit-territorju tagħhom, fid-dawl tal-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, kull ħaddiem ikkollokat huwa kkunsidrat li jaħdem taħt is-sistema tax-xogħol tal-ivvjaġġar professjonali matul il-perijodu kollu ta’ kollokament, u dan jagħtih id-dritt kemm għall-allowances tat-traġitt u kif ukoll għall-allowances ta’ kuljum?

6.2.      L-Artikoli 56 u 57 TFUE u/jew l-Artikolu 3 tad-[Direttiva 96/71] għandhom jiġu interpretati li ma jippermettux lil qorti nazzjonali tirrifjuta li tirrikonoxxi t-tqassim tal-ħaddiema fi klassijiet ta’ remunerazzjoni mfassal u applikat minn kumpannija ta’ Stat Membru ieħor fl-istat ta’ oriġini tagħha, jekk tali tqassim ikun sar?

6.3.      L-Artikoli 56 u 57 TFUE u/jew l-Artikolu 3 tad-Direttiva [96/71] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil persuna li timpjega minn Stat Membru ieħor li tistabbilixxi b’mod validu, u b’mod vinkolanti għall-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol, il-klassifikazzjoni tal-ħaddiema fi gruppi skont is-salarju f’sitwazzjoni fejn ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol jkun eżiġa l-istabbilment ta’ klassifikazzjoni fi gruppi skont is-salarju differenti mill-perspettiva tar-riżultat finali, jew l-Istat Membru ospitanti li fih il-ħaddiema tal-fornitur ta’ servizzi mill-Istat Membru l-ieħor kienu kkollokati jista’ jimponi fuq il-fornitur ta’ servizzi l-obbligu li josserva d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni tal-ħaddiema f’kategoriji skont is-salarju?

6.4.      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 96/71], moqri fid-dawl tal-Artikoli 56 u 57 TFUE, ir-responsabbiltà għall-akkomodazzjoni imposta fuq il-persuna li timpjega mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv imsemmi fid-domanda [6] u l-vawċers tal-ikel imqassma skont il-kuntratt tax-xogħol mill-fornitur ta’ servizzi minn Stat Membru ieħor għandhom jitqiesu bħala kumpens għall-ispejjeż sostnuti minħabba l-kollokament jew bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva?

6.5.      Id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 96/71] u tal-Artikoli 56 u 57 TFUE jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol għandu jiġi kkunsidrat iġġustifikat minħabba r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kwistjoni tar-remunerazzjoni tax-xogħol fuq il-bażi tax-xogħol li jsir [abbażi ta’ biċċa xogħol], tal-allowance għat-traġitt u tal-allowances ta’ kuljum?”

24.      L-osservazzjonijiet bil-miktub f’dawn il-proċeduri ġew sottomessi minn Sähköalojen ammattiliitto u Elektrobudowa, kif ukoll mill-Gvernijiet tal-Finlandja, tal-Belġju, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tal-Polonja, tal-Isvezja u tan-Norveġja, u mill-Kummissjoni. Is-sottomissjonijiet orali ġew ippreżentati minn Sähköalojen ammattiliitto u Elektrobudowa, kif ukoll mill-Gvernijiet tal-Finlandja, tal-Ġermanja, tal-Polonja u tan-Norveġja u mill-Kummissjoni fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2014.

III – Analiżi

A –    Il-kuntest

25.      Il-qorti tar-rinviju għamlet numru ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Kif diġà spjegat iktar ’il fuq, madankollu, il-kumplessità ta’ problemi li jqumu fil-kawża prinċipali jikkonċernaw żewġ temi, li huma marbutin mill-qrib. Sabiex nitratta dawn il-kwistjonijiet, ser nibda, permezz ta’ rimarki introduttorji, billi niddeskrivi r-ratio sottostanti tad-Direttiva 96/71, u l-għanijiet li tfittex li tilħaq. F’dan il-kuntest, ser nagħti ħarsa qasira tal-iżviluppi rilevanti fil-ġurisprudenza. Fir-rigward taż-żewġ problemi prinċipali li jqumu f’dan il-każ, l-ewwel ser nikkunsidra l-kwistjoni tal-liġi applikabbli għaċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet tas-salarju. Sussegwentement ser nindirizza l-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas”. Fid-dawl ta’ din l-analiżi, ser nipprova nagħti lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet utli ta’ kif l-elementi tar-remunerazzjoni inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali għandhom jiġu ttrattati.

1.      Il-paradoss fid-Direttiva 96/71

26.      Huwa magħruf sew li kawżi bħal Laval un Partneri (9), Rüffert (10) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (11) taw lok għal dibattitu intensiv fid-duttrina, b’mod partikolari, dwar il-konsegwenzi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għad-drittijiet tal-ħaddiema (u d-drittijiet tas-sindakati li jipproteġu dawk id-drittijiet) f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Din is-sentenza, bħala sekwenza għas-serje ta’ sentenzi msemmija iktar ’il fuq, għal darba oħra turi li l-provvista ta’ servizzi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tibqa’ kwistjoni sensittiva. Fil-fatt, dan jinvolvi numru ta’ diffikultajiet li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-pożizzjoni ta’ ħaddiema kkollokati (12) li jwettqu xogħol fi Stat Membru differenti mill-Istat fejn ġew impjegati.

27.      Għalhekk kif għandhom jiġu ddeterminati l-livelli xierqa ta’ protezzjoni għal dawn il-ħaddiema? Id-Direttiva 96/71 hija intiża (għall-inqas sa ċertu punt) li tirrimedja dawn id-diffikultajiet u li tagħti risposti dwar meta l-livelli stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti għandhom jiġu applikati. F’dan ir-rigward, isegwi mill-preambolu tad-direttiva li, billi tindika liema regoli tal-Istat Membru ospitanti għandhom jiġu applikati mill-impriżi barranin għall-ħaddiema kkollokati, hija tfittex li tirrikonċilja l-għan tal-promozzjoni tal-provvista transnazzjonali ta’ servizzi, minn naħa, ma’ “kompetizzjoni ġusta”, min-naħa l-oħra. F’dan il-kuntest, din tfittex li tiżgura li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu ċertu livell minimu ta’ protezzjoni għall-ħaddiema kkonċernati.

28.      Fuq livell ieħor, madankollu, tista’ tiġi osservata kontradizzjoni bejn l-għanijiet manifestament espressi fid-direttiva. Flimkien mal-moviment liberu, id-direttiva tinkorpora wkoll ix-xewqa tal-Istati Membri li jipproteġu s-swieq tax-xogħol interni tagħhom (13). In-nuqqas ta’ konverġenza bejn l-ispejjeż tax-xogħol ta’ diversi Stati Membri bla dubju kien fattur determinanti għall-introduzzjoni ta’ regoli li jirregolaw il-kollokament ta’ ħaddiema minn Stat Membru għall-ieħor (14).

29.      Fil-fatt, qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva, ġurisprudenza estensiva (15) ta’ din il-qorti kkostitwixxiet il-bażi sabiex jiġi ddeterminat liema leġiżlazzjoni kellha tapplika għall-ħaddiema kkollokati li jipprovdu servizzi fi Stat Membru li ma huwiex dak fejn il-persuna li timpjegahom kienet normalment topera. Dak li huwa ta’ rilevanza partikolari hawnhekk huwa li f’Rush Portuguesa (16) u Vander Elst (17) il-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-Istat Membru ospitanti diskrezzjoni wiesgħa li japplika l-leġiżlazzjoni tax-xogħol tiegħu għall-ħaddiema kkollokati, bla ħsara għall-osservazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (18). Sa ċertu punt, dan ta lill-Istati Membri ospitanti carte blanche sabiex jestendu l-applikazzjoni tat-totalità tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol tagħhom għall-ħaddiema kkollokati. Skont din il-linja ta’ ħsieb, impriżi barranin kienu liberi li jipprovdu servizzi fl-Istat Membru ospitanti, bil-kundizzjoni li jadattaw il-leġiżlazzjoni tax-xogħol tal-Istat ospitanti.

30.      F’dan l-isfond, id-Direttiva 96/71 tippreżenta lilha nfisha f’termini kemxejn paradossali. Din tidher li hija bbażata fuq risposta tal-Kummissjoni għal din il-ġurisprudenza, għalkemm sostanzjalment imdgħajfa matul il-proċedura leġiżlattiva sussegwenti (19). Fil-fatt, tidher li tirrappreżenta kompromess bejn l-interessi kompetittivi tal-Istati Membri li jibagħtu ħaddiema barranin u dawk li jirċevuhom. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li fuq il-bażi tagħhom ġiet adottata d-direttiva (b’mod partikolari l-Artikoli 57(2) u 66 KE) jagħmlu enfasi ċara fuq il-promozzjoni ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali, ir-riżultat aħħari huwa direttiva li, għall-inqas prima facie, taqleb il-vantaġġ favur il-protezzjoni ta’ sistemi tax-xogħol nazzjonali.

31.      Fil-fatt, il-kwistjonijiet li jitqiesu li huma ta’ importanza partikolari għas-salvagwardja ta’ livell minimu ta’ protezzjoni għall-ħaddiema kkollokati huma elenkati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71. Dawn il-kwistjonijiet, li jistgħu jiġu deskritti bħala n-nukleu ta’ regoli vinkolanti għall-protezzjoni minima, jinkludu s-sigħat tax-xogħol, il-leave annwali u l-paga minima. Fir-rigward ta’ dan in-nukleu, il-premessa tad-direttiva hija li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti għandha tapplika għall-ħaddiema kkollokati. Impriżi li jikkollokaw l-impjegati tagħhom għandhom konsegwentement japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih il-kuntratt qiegħed jitwettaq, ħlief meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat minn fejn ġej il-ħaddiem huwa iktar favorevoli għall-ħaddiem (20).

32.      Fundamentalment, madankollu, filwaqt li l-għan oriġinali tad-Direttiva 96/71 seta’ jew ma setax kien li jiġu stabbiliti limiti, iktar milli tapprova l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jew iktar probabbli kombinazzjoni irrikonċiljabbli ta’ dawn l-għanijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja apparentement iffokat inqas fuq il-protezzjoni tas-suq tax-xogħol nazzjonali milli fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-ġurisprudenza mogħtija sussegwentement.

2.      L-approċċ meħud fil-ġurisprudenza

33.      Il-bidla radikali deskritta iktar ’il fuq toħroġ b’mod ċar mill-ġurisprudenza li tirriżulta minn Laval (21). Bħala konsegwenza loġika tal-għan li tiġi promossa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tqiegħdet enfasi speċjali fuq il-bżonn li jiġu ggarantiti ċerti drittijiet minimi għall-ħaddiema kkollokati sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali (22). Dawn id-drittijiet minimi huma mfassla possibbilment sabiex jiżguraw lill-ħaddiema kkollokati livell xieraq ta’ protezzjoni soċjali matul il-kollokament. F’dan ir-rigward, pagi minimi stabbiliti b’mod ċar jipprovdu lill-ħaddiema b’mezzi suffiċjenti sabiex isostnu l-għajxien tagħhom fl-Istat Membru ospitanti matul il-kollokament (23).

34.      Bl-istess mod, l-approċċ meħud mill-Qorti tal-Ġustizzja jillimita sostantivament il-libertà tal-Istati Membri li jimponu livelli ta’ protezzjoni ogħla mill-minimu meħtieġ fil-konfront ta’ ħaddiema kkollokati (24). B’mod simili, waqt li l-leġiżlatura tal-UE ma kellha ebda intenzjoni li tobbliga l-Istati Membri jistabbilixxu pagi minimi fil-każ li ma kien hemm ebda dispożizzjoni għal dan il-għan fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni (25), is-sentenza Laval tidher li llimitat sostanzjalment l-iskop għall-Istati Membri li jżommu l-approċċi tagħhom stess għall-istabbiliment tal-pagi (26).

35.      Huwa importanti li dawn l-iżviluppi tal-ġurisprudenza jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71.

36.      Id-diffikultà hawnhekk tinsab fil-fatt li d-Direttiva 96/71 ma tarmonizzax espressament il-kontenut materjali ta’ dawn ir-regoli vinkolanti (27). Għall-kuntrarju, l-Istati Membri adottaw approċċi sostanzjalment differenti f’dan il-qasam (28). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri huma liberi li jiddefinixxu l-kontenut ta’ dawn ir-regoli, sakemm dan isir b’osservanza tal-liġi tal-UE (29).

37.      Kif jidhru minn din il-perspettiva, il-problemi li jqumu f’din il-kawża fir-rigward tat-tifsira tal-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” ma humiex kompletament ġodda. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat indikazzjonijiet dwar dak li ma jistax jitqies li huwa inkluż fir-rati minimi ta’ ħlas. Din il-ġurisprudenza ttrattat kwistjonijiet bħall-metodu għad-determinazzjoni dwar jekk il-ħaddiema kkollokati fir-realtà rċevew pagi daqs il-pagi minimi fl-Istat Membru ospitanti (30); dwar jekk medja statistikali ta’ pagi mħallsa f’settur partikolari tistax titqies li tikkostitwixxi paga minima (31); u dwar liema tip ta’ elementi ta’ remunerazzjoni għandhom jiġu esklużi mill-kunċett ta’ paga minima (32).

38.      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tipprovdi ebda risposta espliċita għad-domanda dwar it-tifsira konkreta tal-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas”. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw il-kontenut materjali tar-rati minimi ta’ ħlas fis-sens tad-Direttiva 96/71, l-elementi ta’ remunerazzjoni li “[jibdlu] ir-relazzjoni bejn ix-xogħol tal-ħaddiem, minn naħa, u l-korrispettiv li dan tal-aħħar jirċievi għal dan ix-xogħol, min-naħa l-oħra”, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu paga minima (33). Kif ser nipprova nuri fil-punti 70 et seq iktar ’il quddiem, ma naħsibx li din l-osservazzjoni hija b’mod jew ieħor utli għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas”.

39.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab, f’din is-sentenza, tilħaq bilanċ bejn, minn naħa, l-interessi tal-impriżi li jixtiequ jagħmlu użu mill-vantaġġ kompetittiv li l-kollokament ta’ ħaddiema minn Stat Membru għall-ieħor jista’ jġib miegħu, u min-naħa l-oħra, l-interessi tal-ħaddiema kkonċernati. Madankollu, qabel ma nitratta din il-kwistjoni, huwa l-ewwel nett neċessarju li jiġu indirizzati t-tħassib tal-qorti tar-rinviju dwar iċ-ċessjonabbiltà tal-pretensjonijiet ta’ salarju li jirriżultaw mill-ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali fl-Istat Membru ospitanti.

B –    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 bħala regola ta’ għażla ta’ liġi speċjali

40.      Id-domandi 1 sa 5 jikkonċernaw, essenzjalment, il-kwistjoni dwar liema liġi għandha tiġi applikata sabiex jiġi ddeterminat jekk ħaddiem ikkollokat jistax iċedi pretensjoni ta’ salarju kontra l-persuna li timpjegah lil sindakat fl-Istat Membru ospitanti. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I għandhom jinqraw flimkien ma’ dawk tad-Direttiva 96/71.

41.      Sabiex jiġi deċiż liema liġi ser tirregola ċ-ċessjonabbiltà ta’ pretensjoni partikolari, l-ewwel għandha tiġi ddeterminata l-liġi li tirregola l-pretensjoni (effettivament ikkontestata) innifisha. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma I li jipprovdi li “l-liġi li tirregola dritt ċedut jew surrogat għandha tiddetermina ċ-ċessjonabbiltà tiegħu”. Fil-fatt, peress li l-kwistjoni taċ-ċessjonabbiltà ta’ pretensjoni tiddependi loġikament fuq l-eżistenza ta’ din il-pretensjoni, huwa neċessarju li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-pretensjonijiet inkwistjoni.

42.      Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-regola prinċipali fir-rigward tal-għażla ta’ liġi f’relazzjonijiet kuntrattwali hija espressa permezz tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Ruma I. Għaldaqstant, l-għażla tal-partijiet għandha tiġi osservata sa fejn huwa possibbli. L-idea li l-partijiet għandhom il-libertà jagħżlu l-liġi applikabbli hija msemmija wkoll fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I li jistabbilixxi r-regola prinċipali fir-rigward tal-kuntratti tax-xogħol. Hija għalhekk l-għażla tal-partijiet li, skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3(1), għandha tirregola l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni (34).

43.      Fir-rigward ta’ din il-kawża, wieħed jista’ jara mill-fajl tal-proċess li l-partijiet li kkonkludew il-kuntratti ta’ impjieg għażlu espressament il-liġi Pollakka (għalkemm b’riferiment ambigwu fil-kuntratt tax-xogħol li d-dispożizzjonijiet tal-liġi tax-xogħol Finlandiża huma “meħuda inkunsiderazzjoni” wkoll) bħala l-liġi li għandha tirregola l-klawżoli tal-impjieg tal-ħaddiema kkonċernati. Fl-analiżi finali, madankollu, ma huwiex neċessarju li tiġi ddeterminata l-liġi li tirregola l-kuntratti ta’ impjieg individwali li huma l-bażi ta’ din il-kawża.

44.      Huwa pjuttost importanti li wieħed jiftakar li s-sindakat ibbaża l-pretensjonijiet tiegħu fuq drittijiet li joħorġu minn numru ta’ dispożizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet kollettivi rilevanti li ġew iddikjarati ta’ applikazzjoni ġenerali fl-Istat Membru ospitanti (jiġifieri fil-Finlandja). Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw id-drittijiet minimi li għandhom jiġu ggarantiti lill-ħaddiema fis-setturi rilevanti tal-impjieg. Fil-fatt, il-problemi li huma l-bażi ta’ din il-kawża joriġinaw preċiżament mill-fatt li l-ftehimiet kollettivi rilevanti jipprovdu għad-drittijiet tal-ħaddiema li ma jikkorrispondux għad-drittijiet iggarantiti lill-ħaddiema taħt, pereżempju, id-dritt Pollakk.

45.      Fuq dan il-punt, kemm il-Gvern Pollakk kif ukoll Elektrobudowa jargumentaw li pretensjonijiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol ma jistgħux jiġu “separati” mill-kuntratt globali. Kull konklużjoni oħra kieku tkun tirriżulta, kif jargumentaw, f’inċertezza ikbar fir-rigward tal-liġi applikabbli fir-rigward tal-pretensjonijiet li joħorġu minn relazzjoni ta’ xogħol. Għaldaqstant, il-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol individwali tirregola, fil-fehma tagħhom, il-pretensjonijiet kollha li jirriżultaw minn din ir-relazzjoni. Fl-opinjoni tagħhom, il-liġi applikabbli hija l-liġi Pollakka, skont l-għażla espressa magħmula mill-partijiet. Konsegwentement, il-pretensjonijiet invokati mis-sindakat għandhom jiġu eżaminati fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Pollakka applikabbli.

46.      Ma ninsabx konvint b’din l-argumentazzjoni.

47.      Minn naħa, ma narax raġuni li tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ applikazzjoni konkorrenti ta’ żewġ liġijiet (jew iktar) li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-istess kuntratt. Fil-fatt, din is-sitwazzjoni hija wkoll prevista b’mod ċar, u aċċettata, fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I, li jagħti lok għall-applikazzjoni konkorrenti ta’ diversi liġijiet għall-istess kuntratt ta’ xogħol (35).

48.      Min-naħa l-oħra, kif jinnota l-Gvern Awstrijak, il-kwistjoni li hija deċiżiva hawnhekk hija fil-fatt liema sett ta’ regoli dwar għażla ta’ liġi għandu japplika, dawk inklużi fir-Regolament Ruma I jew forsi regola dwar għażla ta’ liġi iktar speċifika inkluża fi strument legali ieħor tal-UE, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Ruma I?

49.      F’dan l-istadju, għandu jiġi rrilevat li skont il-premessa 23 fil-preambolu tar-Regolament Ruma I, ir-regolament b’ebda mod ma jinjora l-bżonn li jiġu protetti l-partijiet li huma meqjusa li huma l-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni. Sabiex jiġu protetti dawn il-partijiet, għandha tingħata preċedenza lir-regoli ta’ għażla ta’ liġi li huma l-iktar favorevoli għall-interessi ta’ dawn il-partijiet, milli lir-regoli ġenerali.

50.      Għandu jitfakkar hawnhekk li, l-Artikolu 23 tar-Regolament Ruma I jinkludi eċċezzjoni għall-applikabbiltà tar-regoli tal-għażla ta’ liġi li jistabbilixxi dan ir-regolament. Fi kliem ieħor, fejn id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE jistabbilixxu regoli tal-għażla ta’ liġi dwar l-obbligi kuntrattwali fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari, dawn ir-regoli għandhom jingħataw preċedenza.

51.      Hija l-konvinzjoni tiegħi li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 — u l-miżuri nazzjonali li jimplementaw din id-dispożizzjoni — jikkostitwixxi espressjoni ta’ din ir-regola fir-rigward ta’ kwistjonijiet irregolati minn din id-dispożizzjoni. Hawnhekk, huwa ta’ sinjifikat partikolari li l-Artikolu 3(1) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, “tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg”, impriżi għandhom josservaw il-qofol ta’ regoli vinkolanti li jsir riferiment għalihom f’din id-dispożizzjoni (inklużi rati minimi ta’ ħlas). Din id-dispożizzjoni għalhekk tistabbilixxi, kif irrilevat preċedentement il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi ggarantit” mill-Istat Membru ospitanti (36). Konsegwentement, fir-rigward tar-regoli vinkolanti identifikati fid-direttiva, ir-regola tal-għażla ta’ liġi li tirriżulta mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Ruma I tipprevali fuq ir-regoli l-oħra kollha previsti fl-istess regolament.

52.      F’dan ir-rigward, id-Direttiva 96/71 tieħu bħala punt ta’ tluq li l-mistoqsijiet ibbażati fuq (flimkien mas-sitt kwistjonijiet l-oħra elenkati fl-Artikolu 3(1)) ir-rati minimi ta’ ħlas, huma rregolati mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti (sakemm l-Istat ta’ domiċilju ma jipprovdix protezzjoni iktar estiża) (37). Fil-fatt, mill-premessa 13 fil-preambolu tagħha jirriżulta li d-Direttiva 96/71 hija intiża li tikkoordina l-liġijiet tal-Istati Membri sabiex tistabbilixxi l-qalba ta’ regoli vinkolanti għall-protezzjoni minima li għandhom jiġu osservati fl-Istat Membru minn persuni li jimpjegaw li jikkollokaw ħaddiema hemmhekk. Dan in-nukleu ta’ regoli vinkolanti huwa stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva.

53.      Huwa minnu li s-soluzzjoni adottata fid-direttiva tista’ tikkuntrasta mal-għażla libera magħmula mill-partijiet fir-rigward tal-liġi applikabbli. Dan huwa l-każ fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dan is-sens, dan imur ukoll kontra r-regola ġenerali dwar l-għażla ta’ liġi stabbilita fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I għall-kuntratt ta’ xogħol. Lanqas ma tikkorrispondi mal-ipoteżijiet l-oħra elenkati fl-Artikolu 8. Madankollu, dan l-istat attwali huwa aċċettat b’mod ċar: mhux biss ma huwa rikonoxxut fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament u kkonfermat mill-premessa 11 fil-preambolu għad-Direttiva 96/71 iżda huwa wkoll konformi mal-għan, imsemmi mill-premessa 23 fil-preambolu għar-regolament, li tingħata preċedenza lil regoli tal-għażla ta’ liġi li huma favorevoli lill-parti l-iktar dgħajfa.

54.      Bħala prinċipju, it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg li l-Istat Membru ospitanti jista’ jimponi fuq impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju tiegħu huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 (38). Hemm biss eċċezzjoni waħda għal din ir-regola, jiġifieri dik imsemmija fl-Artikolu 3(10) tad-direttiva, li tippermetti lill-Istati Membri (b’osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament) jimponu regoli fuq kwistjonijiet oħra minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) fejn huwa meqjus neċessarju fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku. Ser nerġa’ nindirizza din l-eċċezzjoni fil-punt 115 iktar ’l isfel.

55.      Konsegwentement, sa fejn il-pretensjonijiet ta’ salarju inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju jirriżultaw mir-rati minimi ta’ ħlas fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71 li għandhom jiġu osservati, il-kwistjoni dwar jekk dawn il-pretensjonijiet humiex fondati għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-liġi tal-Istat Membru li hija applikabbli skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (39), jiġifieri, il-liġi tal-Istat Membru fejn ġew ikkollokati l-ħaddiema.

56.      Fi kliem ieħor, il-pretensjonijiet ta’ salarju inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali jaqgħu fl-iskop tar-regola speċjali tal-għażla ta’ liġi espressa fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71. Dan huwa hekk, b’mod partikolari, peress li d-dispożizzjoni tirreferi għal-liġi tal-Istat Membru fejn ġew ikkollokati l-ħaddiema. Minn dan isegwi, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma I, li ċ-ċessjonabbiltà ta’ dawn il-pretensjonijiet hija neċessarjament irregolata wkoll mil-liġi ta’ dan l-Istat.

57.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hija l-opinjoni tiegħi li, b’interpretazzjoni xierqa tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma I, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, id-domanda dwar jekk ħaddiem ikkollokat jistax iċedi pretensjoni ta’ salarju kontra l-persuna li timpjegah lil sindakat fl-Istat Membru ospitanti għandu jiġi ddeterminat mil-liġi applikabbli għall-pretensjonijiet ta’ salarju inkwistjoni. Sa fejn dawn il-pretensjonijiet jirriżultaw mit-termini u l-kundizzjonijiet li sar riferiment għalihom fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, hija l-liġi tal-Istat Membru fejn ġew ikkollokati l-ħaddiema li għandha tapplika mhux biss fir-rigward ta’ dawn il-pretensjonijiet iżda anki fir-rigward taċ-ċessjonabbiltà tagħhom.

58.      Fl-aħħar nett, sa fejn huma kkonċernati d-domandi 1 sa 4, nixtieq nirrileva li huma ta’ rilevanza biss sa fejn il-liġi Pollakka tirregola ċ-ċessjonabbiltà ta’ pretensjonijiet ta’ salarju fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Peress li jiena konvint b’mod sod li ċ-ċessjonabbiltà tal-pretensjonijiet tas-salarju hija rregolata mil-liġi Finlandiża, dawn id-domandi ma humiex ittrattati f’din l-opinjoni. Peress li din ġiet iċċarata, issa ser nindirizza l-kunċett ta’ paga minima.

C –    Rati minimi ta’ ħlas

59.      It-tieni kwistjoni li dwarha l-qorti tar-rinviju tfittex kjarifiki hija dik tal-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” fis-sens tad-Direttiva 96/71, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE. Għalkemm il-qorti tar-rinviju qasmet id-domanda 6 f’numru ta’ domandi oħra, jiena naħseb li dawn id-domandi jistgħu jiġu ttrattati flimkien. Essenzjalment, id-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tikkjarifika hija dik dwar dak li jikkostitwixxi “rati minimi ta’ ħlas” fis-sens tad-Direttiva 96/71. Qabel ma nindirizza din id-domanda, ser nagħmel ċerti osservazzjonijiet ġenerali dwar is-sistema ta’ ftehimiet kollettivi, li huma l-bażi ta’ din il-kawża, fir-rigward tal-Artikolu 3(8) tad-direttiva.

1.      Ftehimiet kollettivi ta’ applikazzjoni ġenerali fil-kuntest tad-Direttiva 96/71

60.      B’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi finanzjarja, in-negozjar kollettiv bħala metodu għall-istabbiliment tal-pagi huwa kwistjoni kontenzjuża. Id-Direttiva 96/71 tipprovdi wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà għall-istabbiliment ta’ livelli minimi ta’ protezzjoni għall-ħaddiema kkollokati permezz tan-negozjar kollettiv.

61.      Il-paga minima stabbilita mil-liġi nazzjonali u/jew mill-prassi fl-Istat Membru ospitanti għandha tiġi ddeterminata skont il-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 96/71. B’mod iktar speċifiku, mill-Artikolu 3(1) isegwi li, fir-rigward tas-settur tal-bini (kif iddefinit fl-Anness tad-direttiva), it-termini u l-kundizzjonijiet minimi li sar riferiment għalihom f’din id-dispożizzjoni jistgħu jiġu stabbiliti “skond liġi, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi, u/jew bi ftehim kollettiv ... li kienu ddikjarati universalment applikabbli” fis-sens tal-Artikolu 3(8).

62.      F’din il-kawża, Elektrobudowa argumentat li s-sistema Finlandiża ta’ ftehim kollettiv ma hijiex trasparenti peress li tippermetti impriżi nazzjonali jikkonkludu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ftehimiet kollettivi alternattivi li jieħdu preċedenza fuq dak iddikjarat ta’ applikazzjoni ġenerali fis-settur ikkonċernat. Bħala konsegwenza, impriżi barranin li jixtiequ jipprovdu servizzi fil-Finlandja huma, fl-opinjoni tagħha, suġġetti għal trattament differenti li ma jistax jiġi ġġustifikat. Fil-fatt, l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71 jipprovdi espressament li livelli minimi ta’ protezzjoni stabbiliti minn ftehimiet kollettivi ta’ applikazzjoni ġenerali għandhom jiġu osservati mill-impriżi kollha fiż-żona ġeografika u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernata.

63.      Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma ttrattatx speċifikament din il-kwistjoni u lanqas ma staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdi indikazzjonijiet dwar dan il-punt. Il-partijiet lanqas ma indirizzaw din il-kwistjoni fid-dettall. Madankollu, insostni li sistema bħal dik Finlandiża li fiha impriżi (nazzjonali) jistgħu “jevitaw” l-applikabbiltà ta’ ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali billi jikkonkludu ftehim kollettiv ieħor, possibbilment iktar speċifiku u anki, f’ċerti każijiet, inqas favorevoli għall-ħaddiema (40), ma tidhirx li hija kompletament mingħajr problemi mill-perspettiva tal-provvista ta’ servizzi lil hinn minn fruntieri nazzjonali.

64.      Fil-fatt, għandi dubji dwar jekk din is-sistema hijiex għalkollox konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Portugaia Construções (41). Skont din is-sentenza, fejn, b’differenza għal persuna li timpjega minn Stat Membru ospitanti, persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor ma tkunx tista’ tevita obbligi li jirriżultaw minn ftehim kollettiv li jirregola s-settur ekonomiku kkonċernat, dan jammonta għal inugwaljanza fit-trattament kuntrarjament għal dak li, f’dak iż-żmien, kien l-Artikolu 49 KE. F’din il-kawża, persuna nazzjonali li timpjega setgħet tħallas pagi li kienu iktar baxxi mill-pagi minimi stabbiliti fi ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali billi tikkonkludi ftehim kollettiv ieħor speċifiku għal impriża waħda, filwaqt li din l-għażla ma kinitx miftuħa għall-persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor. Bla dubju, ċerti paralleli jistgħu jiġu osservati bejn din is-sitwazzjoni u dik imsemmija minn Elektrobudowa.

65.      Fi kwalunkwe każ, il-kompatibbiltà tas-sistema Finlandiża ta’ ftehimiet kollettivi mad-dritt tal-UE ma hijiex direttament inkwistjoni f’din il-kawża. Għalhekk issa ser neżamina f’iktar dettall il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas.

2.      Il-kunċett

66.      Huwa ċar li l-Istati Membri jżommu diskrezzjoni sostanzjali fid-determinazzjoni tal-kontenut materjali tar-regoli li sar riferiment għalihom fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71. Madankollu, kif turi l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq, hemm limiti għal din id-diskrezzjoni. Li kieku ma ġew stabbiliti ebda limiti, dan kien ifixkel sostanzjalment l-għan ta’ promozzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fl-Unjoni Ewropea. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi numru ta’ indikaturi li abbażi tagħhom jistgħu jiġu identifikati l-kontorni tal-kunċett tar-“rati minimi ta’ ħlas”.

67.      Fis-sentenza Laval, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom obbligu li jestendu l-livell minimu ta’ protezzjoni pprovdut mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom għall-ħaddiema kkollokati (42). Min-naħa l-oħra, madankollu, hija ddikjarat li dan il-livell ta’ protezzjoni ma jistax, bħala prinċipju, imur lil hinn minn dak li huwa pprovdut fil-punti (a) sa (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 (43). Minħabba din id-dikjarazzjoni, ġie sostnut li s-sentenza Laval biddlet l-armonizzazzjoni minima tad-direttiva għal armonizzazzjoni sħiħa fir-rigward ta’ din il-kwistjoni partikolari. Għaldaqstant, jista’ jiġi sostnut li l-livell minimu ta’ protezzjoni stabbilit fid-direttiva — li ħalla l-Istati Membri b’libertà wiesgħa sabiex japplikaw livelli ta’ protezzjoni ogħla (mil-livelli minimi) għall-ħaddiema kkollokati — issa nbidel f’limitu massimu (44).

68.      Fi kwalunkwe każ, l-intenzjoni tal-leġiżlatura tal-UE ma tidhirx li kienet dik li tintroduċi obbligu sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ rati minimi ta’ ħlas. Hija lanqas, mill-bidu, ma llimitat il-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-kontenut ta’ dan il-minimu (filwaqt li l-limiti massimi ta’ din il-kompetenza jkunu naturalment irregolati mill-Artikoli 56 u 57 TFUE). Barra minn hekk, bħala eċċezzjoni għar-regola li l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini għandha tapplika għall-ħaddiema kkollokati, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Il-kwistjonijiet li għalihom għandhom japplikaw l-livelli ta’ protezzjoni stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti huma għaldaqstant ristretti għal dawk elenkati fl-Artikolu 3(1), u l-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi applikat huwa l-livell minimu stabbilit fl-Istat Membru ospitanti (45).

69.      Madankollu, dan l-approċċ ma jgħid xejn dwar liema tip ta’ elementi jistgħu jiġu inklużi fil-minimu stabbilit mill-Istat Membru ospitanti fir-rigward tar-rati minimi ta’ ħlas.

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja pprovat tagħmel dan fis-sentenza Isbir. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma biss l-elementi tar-remunerazzjoni li ma jibdlux ir-relazzjoni bejn ix-xogħol tal-ħaddiem, minn naħa, u l-korrispettiv li dan tal-aħħar jirċievi għal dan ix-xogħol, min-naħa l-oħra, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-paga minima fis-sens tad-Direttiva 96/71 (46). Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-formazzjoni ta’ ammont ta’ kapital li l-ħaddiem ser jibbenefika minnu fit-tul ma jistax jitqies, għall-finijiet tad-Direttiva 96/71, li jifforma parti mir-relazzjoni abitwali bejn ix-xogħol li sar u l-korrispettiv għal dan ix-xogħol mill-persuna li timpjega. Dan kien iktar u iktar il-każ peress li l-għan tal-kontribuzzjoni kien wieħed ta’ politika soċjali.

71.      Din id-dikjarazzjoni ta’ hawn fuq hija, fil-fatt, ibbażata fuq is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (47) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qed tittratta sitwazzjoni għalkollox differenti. F’din is-sentenza, il-kwistjoni ma kinitx il-kompetenza tal-Istat Membru ospitanti li jiddefinixxi l-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas, iżda pjuttost, kien hemm inkwistjoni l-metodi ta’ determinazzjoni dwar jekk il-ħaddiema kkollokati effettivament irċevewx paga daqs il-paga minima fl-Istat Membru ospitanti. B’mod iktar speċifiku, din is-sentenza ċċarat il-kundizzjonijiet li taħthom l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni allowances imħallsa lill-ħaddiema kkollokati li ma humiex iddefiniti bħala elementi kostitwenti ta’ paga minima fl-Istat Membru ospitanti. F’dan il-kuntest partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk persuna li timpjega teħtieġ ħaddiem sabiex iwettaq xogħol addizzjonali jew sabiex jaħdem taħt kundizzjonijiet partikolari, għandu jingħata kumpens lil ħaddiem għal dan is-servizz addizzjonali mingħajr ma dan jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-paga minima.

72.      Ir-riżultat milħuq mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Isbir (48) huwa pjuttost attraenti. Madankollu, ma naħsibx li s-sentenza ċċitata dwar l-elementi li jistgħu jew li ma jistgħux jitqiesu li jifformaw parti mir-rati minimi ta’ ħlas fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71, hija kriterju funzjonali fir-rigward tal-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas.

73.      Fl-opinjoni tiegħi, din l-obiter dictum hija bbażata fuq diviżjoni artifiċjali bejn, minn naħa, ir-remunerazzjoni li hija l-korrispettiv għax-xogħol imwettaq u, min-naħa l-oħra, tipi oħra ta’ remunerazzjoni. L-ewwel nett, huwa diffiċli li ssir din id-distinzjoni peress li r-remunerazzjoni neċessarjament tirrappreżenta korrispettiv għax-xogħol imwettaq. It-tieni nett, kif irrileva b’mod korrett il-Gvern Norveġiż fis-seduta, il-problema ta’ distinzjoni bejn tipi differenti ta’ remunerazzjoni diġà hija evidenti fl-Artikolu 3(1)(ċ) li b’mod espliċitu jsemmi remunerazzjoni ta’ sahra bħala element kostitwenti ta’ paga minima. Il-kumpens tas-sahra ma jistax jitqies b’mod xieraq li huwa intrinsikament marbut max-xogħol imwettaq peress li jikkonċerna ċ-ċirkustanzi partikolari li fihom jitwettaq ix-xogħol. Fi kliem ieħor, id-definizzjoni mogħtija fis-sentenza Isbir tinjora l-aspetti suġġettivi tar-remunerazzjoni li ma jistgħux, minħabba l-inklużjoni tar-rati ta’ sahra fl-Artikolu 3(1), jiġu separati mir-rati minimi ta’ ħlas.

74.      Għall-kuntrarju pjuttost, jiena naħseb li l-limitu għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri jista’ jinsab mill-qari tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 fid-dawl tal-għan li jiġi pprovdut livell minimu ta’ protezzjoni soċjali għall-ħaddiema kkollokati, u mhux fid-dawl tal-protezzjoni tas-suq tax-xogħol nazzjonali. Barra minn hekk, numru ta’ kundizzjonijiet oħra għandhom ukoll jiġu ssodisfatti.

75.      L-ewwel nett, kif imsemmi iktar ’il fuq, sabiex tikkonforma mad-direttiva, il-paga minima stabbilita mil-leġiżlazzjoni u/jew ftehimiet kollettivi fl-Istat Membru ospitanti kellha tiġi stabbilita skont il-proċeduri stabbiliti minn din id-direttiva. B’mod speċifiku, mill-Artikolu 3(1) isegwi li ftehimiet kollettivi kellhom jiġu ddikjarati ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens tal-Artikolu 3(8), li jipprovdi iktar kundizzjonijiet speċifiċi. Minkejja l-problemi possibbli inerenti fis-sistema tal-ftehimiet kollettivi Finlandiża msemmija fil-qosor iktar ’il fuq, joħroġ mid-digriet tar-rinviju — u ebda waħda mill-partijiet ma kkontestat dan — li l-ftehimiet kollettivi li sar riferiment għalihom ġew iddikjarati ta’ applikazzjoni ġenerali u li dawn il-ftehimiet kollettivi jistabbilixxu l-livelli ta’ protezzjoni li għandhom josservaw impriżi barranin fir-rigward tal-ħaddiema kkollokati (49).

76.      It-tieni nett, u possibbilment l-aspett l-iktar fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza Laval il-fatt li l-Artikolu 3(1)(ċ) jagħmel riferiment għal rati “minimi” ta’ ħlas. Għalhekk, din id-dispożizzjoni teskludi rati ta’ ħlas li huma ogħla mir-rati minimi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti (50). Fi kliem ieħor, anki jekk jiġi preżunt li fil-prattika l-parti l-kbira tal-ħaddiema (jew kollha) jirċievu de facto paga ogħla minħabba ċirkustanzi personali, dan ma jbiddilx il-fatt li huwa l-minimu assolut stabbilit, skont il-każ, fil-leġiżlazzjoni u/jew il-ftehim kollettiv inkwistjoni li huwa l-punt ta’ riferiment għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(1)(ċ). Kwalunkwe soluzzjoni oħra kienet tirriżulta, fil-prattika, fl-aċċettazzjoni ta’ għadd kbir ta’ minima, jew pjuttost, ta’ rati differenti ta’ ħlas li jiddependu fuq iċ-ċirkustanzi personali ta’ kull ħaddiem u li, b’riżultat ta’ dan, imorru lil hinn mill-minimu assolut aċċettat fl-Istat Membru ospitanti.

77.      Filwaqt li ser inżomm f’moħħi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Laval, ser nittratta issa l-aspetti differenti ta’ remunerazzjoni inkwistjoni fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju.

3.      L-elementi li jikkostitwixxu l-paga minima

78.      Il-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” jista’ jinkludi għadd kbir ta’ elementi u jista’ jkollu diversi għamliet differenti fi Stati Membri differenti. Fil-fatt, il-paga minima tista’ tkun ibbażata fuq perijodu partikolari ta’ żmien (kull xahar jew għal kull siegħa) jew, saħansitra, fuq livell partikolari ta’ produttività; tista’ tinvolvi rata waħda bbażata fuq ftehim għall-impjegati kollha f’industrija partikolari jew rati differenti ta’ salarju minimu skont l-attività, il-kompetenzi u l-attribuzzjonijiet kif stabbiliti fil-ftehimiet kollettivi. Barra minn hekk, diversi allowances u bonusijiet huma tipikament inklużi fil-paga minima applikabbli (51). Konsegwentement u fid-dawl, b’mod partikolari, tad-diskrezzjoni li jgawdu l-Istati Membri fid-definizzjoni tal-kontenut ta’ “rati minimi ta’ ħlas”, ma jidhirx li huwa mixtieq li tingħata definizzjoni pożittiva u globali ta’ dan il-kunċett permezz ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja. Kif turi l-evalwazzjoni li ġejja, id-determinazzjoni tal-kontorni tal-minimu applikabbli tinvolvi neċessarjament evalwazzjoni każ b’każ.

a)      Klassifikazzjoni skont is-salarju u kategorizzazzjoni ta’ impjegati fi gruppi skont is-salarju

79.      Mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħaddiema kkonċernati tħallsu abbażi tal-ħin tax-xogħol. Dan il-ħlas jidher li jissodisfa l-ammont minimu tal-klassifikazzjoni fi gruppi skont is-salarju l-iktar baxx abbażi tal-ħin taħt il-ftehimiet kollettivi applikabbli. Madankollu, dan jibqa’ iktar baxx mis-salarju ggarantit abbażi ta’ biċċa xogħol li huwa previst f’dan il-ftehim. Il-problema li tirriżulta fir-rigward ta’ klassifikazzjoni skont is-salarju u klassifikazzjoni fi gruppi skont is-salarju pprovduti fil-ftehimiet kollettivi inkwistjoni hija li l-leġiżlazzjoni Finlandiża ma tistabbilixxix paga minima ġenerali (jew inkella paga minima skont is-settur speċifiku). Minflok, din il-kwistjoni hija deċiża mill-imsieħba soċjali kkonċernati fin-negozjar kollettiv. Diffikultà oħra tikkonċerna l-fatt li l-ftehimiet kollettivi li fuqhom jiddependi s-sindakat jinkludu regoli kemm dwar salarju abbażi tal-ħin kif ukoll salarju abbażi ta’ biċċa xogħol.

80.      F’dan ir-rigward, is-sindakat isostni li persuna li timpjega barranija li tikkolloka ħaddiema lejn il-Finlandja hija taħt obbligu li toffri lill-ħaddiema tagħha xogħol bil-biċċa sabiex iżżid il-livell ta’ qligħ, f’liema każ għandu jitħallas salarju speċjali ggarantit abbażi ta’ biċċa xogħol. Kwistjoni kontenzjuża oħra, marbuta mill-qrib ma’ din, hija l-klassifikazzjoni (jew l-assenza tagħha) tal-ħaddiema fi gruppi skont is-salarju konformement mal-ftehimiet kollettivi inkwistjoni.

81.      Ftit li xejn jidher li hemm dubju li, kemm ħlas abbażi tal-ħin (ħlas fis-siegħa) kif ukoll ħlas abbażi ta’ biċċa xogħol huma għamliet ta’ remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti u għalhekk, huma koperti mill-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71. Madankollu, nsibha diffiċli naċċetta l-argument sostnut mis-sindakat u mill-parti l-kbira tal-Gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Huma jargumentaw li salarju ggarantit abbażi ta’ biċċa xogħol għandu jikkostitwixxi l-minimu għall-finijiet fil-kawża ineżami. Fil-fatt, ma narax raġuni konvinċenti għalfejn kwalunkwe ħaġa oħra għajr dik tal-inqas ħlas (f’dan il-każ ħlas abbażi tal-ħin, fis-siegħa) li sar riferiment għalih fil-ftehim kollettiv tista’ titqies li hija l-“minimu” għall-finijiet tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71. L-istess osservazzjoni tapplika għall-klassifikazzjoni fi gruppi skont is-salarju inkwistjoni. Fil-fatt, jekk tiġi ammessa kwalunkwe pożizzjoni oħra, dan ikun ifisser, fil-prattika, li tiġi awtorizzata sitwazzjoni li tixbah lil dik espressament prekluża mis-sentenza Laval fejn sindakat talab impriża barranija tikkonforma ruħha ma’ rata ta’ ħlas ibbażata fuq medja statistikali ta’ pagi mogħtija lill-ħaddiema li għandhom kwalifiki professjonali (52). Fil-fatt, din il-medja bilkemm tista’ tiġi interpretata li tikkostitwixxi l-“minimu” fis-sens tad-Direttiva 96/71.

82.      B’mod iktar fundamentali, hawnhekk hawn inkwistjoni ftehimiet kollettivi applikabbli f’settur speċifiku tal-industrija tal-bini. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma narax kif ir-rata l-iktar baxxa ta’ ħlas — kemm bi klassifikazzjoni skont is-salarju kif ukoll bi klassifikazzjoni fi gruppi skont is-salarju — prevista fil-ftehimiet kollettivi ma kinitx tipproteġi b’mod xieraq il-ħaddiema kkollokati. Wara kollox, dan il-ħlas ser ikun applikabbli fil-każ ta’ ċerti ħaddiema nazzjonali wkoll. F’dan ir-rigward, dak kollu li jmur lil hinn minn dan il-minimu ser imur ukoll, neċessarjament, kontra l-Artikolu 56 TFUE (53).

83.      B’kunsiderazzjoni għall-enfasi tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-ġurisprudenza tagħha, hija l-fehma tiegħi li jekk l-Istati Membri jiġu awtorizzati jimponu klassifikazzjonijiet skont is-salarju jew klassifikazzjonijiet fi gruppi skont is-salarju fuq impriżi barranin lil hinn mill-minimu previst espressament fil-leġiżlazzjoni rilevanti jew ftehimiet kollettivi, dan ipoġġi enfasi mhux ġustifikata fuq il-protezzjoni tas-suq tax-xogħol nazzjonali għad-detriment tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Sa fejn l-impriża li tikkolloka ħaddiema fl-Istat Membru ospitanti tikkonforma ma’ dan il-minimu, l-Istat Membru ospitanti ma jistax jimponi klassifikazzjoni speċifika skont is-salarju jew jeżiġi li din l-impriża tikkategorizza l-impjegati tagħha fi gruppi speċifiċi skont is-salarju. Dan ikun jirriżulta f’paga li teċċedi l-minimu previst fil-ftehimiet kollettivi rilevanti.

b)      Allowance għall-vaganza u l-problema ta’ minimi kompetittivi

84.      Il-qorti tar-rinviju esprimiet ukoll dubji fir-rigward tal-allowance għall-vaganza inkwistjoni fil-kawża quddiemha. Qabelxejn, nosserva li l-allowance għall-vaganza (“lomaraha”) hija element ta’ remunerazzjoni li ma huwiex previst fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti li jirregolaw il-leave annwali u l-kumpens għall-vaganza (“lomakorvaus”) fil-liġi dwar il-leave annwali (54). B’differenza għall-kumpens għall-vaganzi, dan l-element ta’ remunerazzjoni huwa bbażat fuq dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet kollettivi. Il-ħlas ta’ din l-allowance jfisser li l-kumpens għall-vaganza kif previst fil-leġiżlazzjoni huwa miżjud b’50 %.

85.      F’dan l-istadju, qabel ma tiġi eżaminata f’iktar dettall in-natura tal-allowance tal-vaganza bħala forma ta’ remunerazzjoni, huwa neċessarju li tiġi indirizzata fil-qosor is-sottomissjoni magħmula minn Elektrobudowa fir-rigward ta’ din l-allowance. Hija targumenta li allowance għall-vaganza bħal dik inkwistjoni ma tistax titqies li tifforma parti mir-rati minimi ta’ ħlas għaliex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ fil-leġiżlazzjoni.

86.      Il-kliem tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 jaċċetta b’mod espliċitu li r-rati minimi ta’ ħlas applikabbli jistgħu jiġu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni u/jew fi ftehimiet kollettivi. Dan jidher li jindika li, filwaqt li ċerti elementi ta’ dawn ir-rati minimi ta’ ħlas jistgħu jkunu bbażati fuq il-leġiżlazzjoni, oħrajn jista’ tabilħaqq ikunu bbażati fuq ftehimiet kollettivi (ta’ applikazzjoni ġenerali). F’dan ir-rigward, ma jidher li ma hemm xejn fid-direttiva li kien jeskludi — a priori — din l-allowance partikolari mill-iskop tal-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas”. Dan huwa l-każ għalkemm dan jikkostitwixxi supplement għall-kumpens għall-vaganza previst fil-leġiżlazzjoni.

87.      Madankollu, għandi nagħmel riżerva importanti. L-approċċ stabbilit fil-punt 85 iktar ’il fuq huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li hemm inkwistjoni elementi differenti ta’ remunerazzjoni. Kieku dan ma kienx il-każ, fil-fatt kien ikun hemm inkwistjoni minima kompetittivi sal-punt li kemm il-leġiżlazzjoni applikabbli kif ukoll il-ftehim kollettiv rilevanti ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens tal-Artikolu 3(8) kienu jinkludu dispożizzjonijiet fuq l-istess u l-uniku element ta’ remunerazzjoni. (55) Skont din is-sitwazzjoni, u b’kunsiderazzjoni għall-għan ewlieni tad-Direttiva 96/71 — kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja — li tiġi promossa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dan il-kunflitt ikollu jiġi deċiż favur dawn il-“minima” l-iktar baxxi (56). Kwalunkwe konklużjoni oħra tkun mhux biss irrikonċiljabbli ma’ dan l-għan iżda wkoll kunċettwalment inkompatibbli mal-idea ta’ “minimum”.

88.      Wara li għalaqt din il-parenteżi, ser nindirizza l-allowance għall-vaganza bħala element kostitwenti ta’ “rati minimi ta’ ħlas” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71.

89.      F’dan ir-rigward, nosserva li taħt l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 96/71, impriżi li jikkollokaw ħaddiema lejn Stat Membru ieħor għandhom josservaw mhux biss ir-rati minimi ta’ ħlas iżda wkoll ir-regoli dwar il-leave annwali minimu mħallas fl-Istat Membru ospitanti. Is-sempliċi fatt li parti mill-ħlas huwa previst fi ftehim kollettiv ma jfissirx li għandu jiġi eskluż mill-iskop tal-kunċett ta’ ħlas. Jekk jiġi eskluż dan ikun effettivament iċaħħad lill-ħaddiema kkollokati lejn l-Istat Membru ospitanti inkwistjoni milli jirċievu remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-minimu applikabbli f’dan l-Istat, li jkun jikser id-Direttiva 96/71. B’differenza għall-allowances diskussi iktar ’il quddiem, l-allowance għall-vaganza tikkostitwixxi parti intrinsika mir-remunerazzjoni li l-ħaddiem jirċievi bħala korrispettiv għas-servizzi li huwa jipprovdi.

c)      Allowances addizzjonali għall-kompiti ta’ xogħol

90.      L-allowance ta’ kuljum b’rata fissa u l-kumpens għat-traġitt previsti fil-ftehimiet kollettivi joħolqu għadd ta’ diffikultajiet għall-qorti tar-rinviju. Ċertament, hemm it-tentazzjoni li jiġi ammess li dawn l-allowances ma għandhomx jaqgħu fl-iskop tal-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” sempliċement minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe rabta bejn dawn l-allowances u x-xogħol imwettaq. Wara kollox, it-tnejn huma marbuta mal-persuna (u mas-sitwazzjoni personali tal-persuna) li twettaq ix-xogħol.

91.      Madankollu, dan ikun jikkontradixxi l-kliem tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71 li jsemmi espliċitament rata ta’ sahra bħala element kostitwenti tal-ħlas minimu. Fil-fatt, kif diġà ġie allegat fil-punt 73 iktar ’il fuq fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Isbir (57), ir-rata tas-sahra, bħall-allowances inkwistjoni hawnhekk, hija marbuta intrinsikament mas-sitwazzjoni personali tal-ħaddiem u mhux max-xogħol li attwalment twettaq. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, ma nistax nara kif dawn l-allowances jistgħu awtomatikament jiġu esklużi mill-iskop tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71.

92.      Fil-fatt, allowances addizzjonali għall-kompiti ta’ xogħol jistgħu jaqgħu fl-iskop tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71, sakemm ikunu jikkorrispondu mar-rata li hija meqjusa bħala r-rata minima ta’ ħlas għal dawn il-kompiti. Din il-kundizzjoni hija konsegwenza inevitabbli tad-diskrezzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri meta jiddefinixxu l-kontenut materjali ta’ dan il-kunċett. Madankollu, tapplika riżerva importanti f’dan ir-rigward. Il-kontenut ta’ regoli vinkolanti li jikkonċerna l-protezzjoni minima għall-finijiet tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71 għandu josserva wkoll l-Artikolu 56 TFUE (58).

93.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 56 TFUE ma jeżiġix biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kontra l-fornituri ta’ servizzi li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra. Dan jeżiġi wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni li tista’ tipprekludi, tfixkel jew tirrendi inqas attraenti attivitajiet ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdi servizzi simili. Dan huwa l-każ ukoll anki jekk ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni fir-rigward ta’ fornituri nazzjonali tas-servizzi u ta’ dawk ta’ Stati Membri oħra (59).

94.      Għandu jitfakkar li Stati Membri ma għandhomx jissuġġettaw il-provvista ta’ servizzi fit-territorju tagħhom għall-konformità mal-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għal stabbiliment. Dan sabiex jiġi żgurat li l-provvista ta’ servizzi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ma tkunx indebitament imfixkla. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti lill-impriżi barranin tista’ tipprekludi, tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-provvista ta’ servizzi sal-punt li tkun tinvolvi spejjeż u piż ekonomiku addizzjonali (60).

95.      Mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-allowances inkwistjoni japplikaw kemm għall-impriżi barranin kif ukoll għall-kompetituri nazzjonali bl-istess mod. Madankollu, ma nistax neskludi a priori li l-obbligu impost fuq fornituri ta’ servizz barranin sabiex iħallsu dawn l-allowances jista’ jirrendih inqas attraenti, jew effettivament iktar diffiċli, għal dawn il-fornituri ta’ servizzi li jwettqu s-servizzi tagħhom fl-Istati Membri ospitanti. Dan l-obbligu għalhekk jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE. Tali obbligu jkun effettivament inaqqas kwalunkwe vantaġġ kompetittiv li jistgħu joffru spejjeż iktar baxxi tax-xogħol fl-Istat Membru ta’ oriġini. Ir-raġuni hija għaliex dawn l-allowances għandhom jitħallsu — bla ħsara għal numru ta’ kundizzjonijiet — f’ċirkustanzi fejn ix-xogħol jitwettaq f’post differenti minn dak fejn l-impjegati ġew irreklutati (61). Għalhekk, jidher li filwaqt li ċerti impriżi nazzjonali ma humiex marbuta jħallsu dawn l-allowances, il-ħlas tagħhom huwa konsegwenza neċessarja tal-kollokament ta’ ħaddiema lejn Stat Membru ospitanti.

96.      Fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti jiġu applikati mingħajr distinzjoni għall-persuni u impriżi kollha li joperaw fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, hija ġurisprudenza stabbilita li r-restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata fil-każ li jiġu sodisfatti rekwiżiti imperattivi relatati mal-interess pubbliku. Dan huwa hekk sa fejn dan l-interess ikun issalvagwardat mir-regoli li huwa suġġett għalihom il-fornitur ta’ dan is-servizz fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit. Barra minn hekk, ir-restrizzjoni għandha tikkostitwixxi miżura xierqa sabiex tiżgura l-kisba tal-għan li tfittex u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiksbu (62). Fil-każ ineżami, huwa ta’ sinjifikat partikolari li r-raġunijiet imperattivi li jikkonċernaw l-interess pubbliku jinkludu l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema (63).

97.      Filwaqt li, fl-analiżi finali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina din il-kwistjoni, jidhirli li ż-żewġ allowances inkwistjoni hawnhekk jissodisfaw l-iskop li jikkumpensaw l-impjegat għall-ispejjeż addizzjonali sostnuti minnu bħala konsegwenza ta’ kompitu. Fir-rigward ta’ ħaddiema kkollokati, jista’ jingħad li l-ħlas ta’ dawn l-allowances jiżgura l-kisba ta’ livell ta’ remunerazzjoni neċessarju sabiex jiġi żgurat livell raġonevoli ta’ għajxien matul il-kompitu. Din hija r-raġuni għalfejn ma nistax neskludi, in abstracto, li l-ħlas ta’ dawn l-allowances jista’ jkun neċessarju għall-protezzjoni soċjali tal-impjegati kkonċernati.

98.      Madankollu, il-ħlas ta’ dawn l-allowances addizzjonali għandu wkoll ikun proporzjonat mal-kisba ta’ dan l-għan, fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha tibbilanċja, fuq naħa, il-piżijiet amministrattivi u ekonomiċi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi flimkien, min-naħa l-oħra, mal-protezzjoni soċjali miżjuda li jagħtu lill-ħaddiema ppparagunata mal-protezzjoni ggarantita mil-liġi tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-persuna li timpjegahom (64).

99.      Sabiex nassisti lill-qorti tar-rinviju fil-kompitu tagħha, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

i)      L-allowance ta’ kuljum b’rata fissa

100. Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tippresupponi li, bis-saħħa tal-ftehimiet kollettivi inkwistjoni, il-ħaddiema kkollokati ser ikunu intitolati għall-allowance ta’ kuljum b’rata fissa għall-perijodu kollu tal-kollokament tagħhom (65). Dan għaliex huma ġew irreklutati fil-Polonja u mhux fil-post fejn għandu jsir ix-xogħol. Għandi diffikultà naċċetta li dan jikkostitwixxi miżura proporzjonata sabiex jiġu protetti l-ħaddiema kkollokati.

101. Hemm essenzjalment żewġ raġunijiet għal dan.

102. L-ewwel nett, allowance ta’ kuljum b’rata fissa bħal dik inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali hija mfassla sabiex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż addizzjonali li jistgħu jiġu sostnuti minn impjegat matul il-perijodu li fih huwa jkun (temporanjament) ’il bogħod mill-post ta’ residenza tiegħu. Tipikament, dan huwa l-każ ta’ kompiti li jeħtieġu soġġorn ta’ lejl. Filwaqt li ma huwiex ikkontestat li l-impjegati kienu ġew irreklutati fil-Polonja, matul il-kollokament tagħhom fil-Finlandja xorta waħda qagħdu fl-akkomodazzjoni mħallsa mill-persuna li timpjegahom, fil-viċinanza tas-sit ta’ kostruzzjoni tal-impjant nukleari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher diffiċli li wieħed jargumenta b’mod persważiv li l-ħlas tal-allowance ta’ kuljum b’rata fissa huwa neċessarju sabiex jiġu protetti l-ħaddiema kkollokati.

103. It-tieni nett, jekk l-Istat Membru ospitanti jkun permess jeżiġi allowance bħal dik inkwistjoni li titħallas lill-ħaddiema kkollokati għall-perijodu sħiħ ta’ kollokament, konvint li dan ifixkel sostanzjalment l-abbiltà tal-impriżi barranin li jikkompetu ma’ kompetituri nazzjonali peress li dawn l-impriżi bla dubju jkunu skoraġġuti bl-ispejjeż involuti fil-kollokament ta’ ħaddiema (66). Min-natura tiegħu stess, l-obbligu li ħaddiema kkollokati jitħallsu allowance bħall-allowance ta’ kuljum b’rata fissa għall-perijodu kollu tal-kollokament tagħhom ipoġġi lill-impriżi barranin fi żvantaġġ. Dan jidher li huwa l-każ peress li impriżi li jikkollokaw ħaddiema lejn il-Finlandja huma b’mod sistematiku meħtieġa li jħallsu din l-allowance waqt li impriżi nazzjonali ma humiex neċessarjament jew sistematikament meħtieġa li jagħmlu hekk.

ii)    Kumpens għat-traġitt

104. Mid-digriet għar-rinviju jirriżulta li l-ftehimiet kollettivi jeħtieġu wkoll li l-persuna li timpjega tħallas kumpens għat-traġitt lill-impjegati fil-każ li t-traġitt ta’ kuljum lejn il-post tax-xogħol jieħu iktar minn siegħa. Is-sindakat jinvoka l-ħlas ta’ din l-allowance skont ir-rata l-iktar baxxa prevista f’dawn il-ftehim. Hemm nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet dwar jekk it-tul tat-traġitt ta’ kuljum fir-realtà jeċċedix siegħa.

105. Fi kwalunkwe każ, it-traġitt lejn il-post fejn jitwettaq ix-xogħol bla dubju jinvolvi mhux biss spejjeż għall-impjegat iżda wkoll telf ta’ ħin. Filwaqt li t-traġitt ta’ kuljum mill-akkomodazzjoni pprovduta mill-persuna li timpjega lejn il-post tax-xogħol ma jistax jitqies li huwa ħin effettiv ta’ xogħol, xorta waħda huwa ħin investit għall-finijiet li jitwettqu s-servizzi miftiehma fil-kuntratt ta’ xogħol. Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, jidher li t-tul ta’ ħin tat-traġitt lejn il-post tax-xogħol ma huwiex kwistjoni li fir-rigward tagħha l-impjegati għandhom għażla libera, minħabba mhux biss il-post tal-akkomodazzjoni mħallsa mill-persuna li timpjega iżda wkoll tal-post imbiegħed tas-sit ta’ kostruzzjoni.

106. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-ħaddiem jiġi kkumpensat għal dan il-ħin b’allowance speċifika li (ladarba jintlaħaq il-limitu ta’ siegħa kuljum) hija proporzjonata mal-ħin tat-traġitt lejn ix-xogħol, jidher prima facie li huwa miżura li tikkontribwixxi ġenwinament għall-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema. Wara kollox, bħall-kumpens għas-sahra, il-ħlas ta’ kumpens għat-traġitt jiżgura li l-impjegati huma kkumpensati għat-telf ta’ ħin u ta’ flus dovut għat-traġitt ta’ kuljum.

107. Madankollu, bħall-allowance ta’ kuljum b’rata fissa, ir-rekwiżit impost fuq impriżi barranin li jikkumpensaw il-ħaddiema kkollokati tagħhom għat-traġitt, ma jidhirx li għandu effett dissważiv fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi transkonfinali. Ir-raġuni hija l-ispejjeż addizzjonali li jimplika dan l-obbligu. Minkejja dan, il-bżonn li impriżi barranin jintalbu jħallsu dan il-kumpens huwa, fl-opinjoni tiegħi, marbut mill-qrib maċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti. Jekk, pereżempju, minħabba l-post imbiegħed tax-xogħol, il-ħaddiema nazzjonali kollha jkunu intitolati għal dan il-kumpens, il-fatt li ma jitħallasx dan il-kumpens lill-ħaddiema kkollokati, ikun iċaħħad dawn il-ħaddiema mill-protezzjoni minima meħtieġa mill-Istat Membru ospitanti. Jekk, madankollu, dan ma jkunx il-każ u wħud mill-ħaddiema nazzjonali ma jkunux intitolati għal dan il-kumpens, ma narax raġuni li tiġġustifika, mill-perspettiva tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, l-impożizzjoni sistematika ta’ dan ir-rekwiżit fuq impriżi barranin. Bħall-allowance ta’ kuljum, il-kumpens għat-traġitt jista’ fl-opinjoni tiegħi jkun ġustifikat u konsegwentement meqjus neċessarju mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-ħaddiema biss fejn ħaddiem nazzjonali li jwettaq xogħol taħt kundizzjonijiet simili jkun, fiċ-ċirkustanzi kollha, intitolat għall-ħlas ta’ din l-allowance.

108. Fil-qosor, hija l-fehma tiegħi li l-allowance għal kuljum b’rata fissa u l-kumpens għat-traġitt huma koperti mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71. Madankollu, peress li l-applikazzjoni ta’ dawn l-allowances lill-impriżi barranin li jikkollokaw ħaddiema tista’ trendi l-provvista ta’ servizzi inqas attraenti sal-punt li tinvolvi spejjeż u piż ekonomiku addizzjonali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-ftehimiet kollettivi ta’ applikazzjoni ġenerali li jipprovdu għall-allowances inkwistjoni jfittxux l-għan ta’ protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u tivverifika li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiksbu dan l-għan.

109. Kif jirriżulta mill-analiżi iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar dak li huwa kopert mir-“rati minimi ta’ ħlas” f’kull każ individwali, u fir-rigward ta’ kull element individwali ta’ remunerazzjoni, tista’ tiġi mwieġba billi tittieħed bħala punt tat-tluq ir-rata ta’ ħlas li tikkorrispondi għar-rata minima preskritta fid-dispożizzjonijiet rilevanti applikabbli fl-Istat Membru ospitanti u billi jiġi vverifikat, fir-rigward tal-allowances li jiddependu fuq iċ-ċirkustanzi personali tal-impjegat, jekk il-ħlas ta’ dawn l-allowances huwiex neċessarju għall-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema.

4.      Teħid inkunsiderazzjoni tal-akkomodazzjoni u ta’ vawċers tal-ikel fil-kalkolu tal-paga minima

110. Fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, Elektrobudowa pprovdiet akkomodazzjoni u vawċers tal-ikel għall-ħaddiema kkollokati kkonċernati (67). Il-kwistjoni li għalhekk tqum hija dwar kif għandhom jiġu ttrattati dawn il-benefiċċji fid-determinazzjoni ta’ jekk dawn il-ħaddiema rċevewx, de facto, paga daqs dik minima stabbilita fl-Istat Membru ospitanti. L-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71 jipprovdi li allowances minħabba l-kollokament għandhom jitqiesu li huma parti mill-paga minima, sakemm ma jitħallsux bħala rimbors ta’ spejjeż li ġew effettivament sostnuti minħabba l-kollokament, bħall-ispejjeż tal-vjaġġ, tal-alloġġ u tal-ikel. Hawn inkwistjoni r-rimbors ta’ spejjeż effettivament sostnuti minħabba l-kollokament, jew hawn inkwistjoni ħaġa oħra?

111. Anki abbażi ta’ interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 3(7), ir-risposta għal din id-domanda tidher li hija relattivament sempliċi. Wara kollox, għalkemm il-persuna li timpjega ma rrimborsatx l-ispejjeż tal-alloġġ u tal-ikel ex post lill-impjegati, din ipprovdiet akkomodazzjoni u vawċers tal-ikel għal dawn il-ħaddiema matul il-kollokament. Minkejja dan, xorta waħda jista’ jiġi sostnut li dawn il-benefiċċji jikkostitwixxu allowances “speċifiċi għall-kollokament” u għandhom, għaldaqstant, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ jekk il-ħaddiema kkollokati jirċevux paga li tikkorrispondi mal-livell minimu applikabbli fl-Istat Membru. Madankollu, tali klassifikazzjoni tal-benefiċċji, fl-opinjoni tiegħi, tikkontribwixxi sabiex jiġi evitat l-għan tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71.

112. Din id-dispożizzjoni għandha l-intenzjoni li teskludi l-possibbiltà li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-paga minima, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji relatati mal-vjaġġ, l-alloġġ u l-ikel b’mod li jċaħħad lill-ħaddiema kkonċernati mill-valur ekwiparabbli ekonomiku ta’ xogħolhom. Ir-raġuni hija li l-benefiċċji kollha huma intrinsikament marbuta mal-kollokament tal-ħaddiema. Naturalment jista’ jiġi sostnut li l-vawċers tal-ikel b’mod partikolari jikkostitwixxu benefiċċju addizzjonali. Wara kollox, il-ħaddiema kkollokati għandhom l-istess spejjeż relatati mal-ikel meta jaħdmu fl-Istat ta’ oriġini tagħhom. Madankollu, il-vawċers tal-ikel, jew sabiex tiġi adottata t-terminoloġija użata fid-direttiva, l-ispejjeż tal-ikel, jidhru xorta waħda neċessarji sabiex jikkumpensaw għall-għoli tal-ħajja ogħla fl-Istat Membru ospitanti. Fid-dawl ta’ dan, ftit li xejn jista’ jiġi kkontestat li l-inklużjoni tal-akkomodazzjoni u tal-vawċers tal-ikel ipprovduti mill-persuna li timpjega fil-kalkolu tal-paga minima fil-prattika kienet tbaxxi l-livell ta’ paga globali tal-ħaddiema kkollokati kkonċernati taħt il-minimu aċċettat.

113. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja hija partikolarment utli. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fejn persuna li timpjega teħtieġ li ħaddiem jaħdem taħt kundizzjonijiet partikolari, għandu jingħata kumpens lill-ħaddiem għal dan is-servizz addizzjonali mingħajr ma dan jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlas minimu (68). Din l-istess idea hija riflessa fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71. Fil-fatt, sal-punt li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-benefiċċji jbiddel, b’mod detrimentali għall-ħaddiem, il-bilanċ bejn is-servizzi mogħtija mill-ħaddiem u l-ħlas riċevut bħala korrispettiv, dawn il-benefiċċji ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jsir paragun bejn l-ammont totali ta’ salarji rċevuti de facto mill-ħaddiema kkollokati u r-rati minimi ta’ ħlas meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

114. Fi kliem ieħor, l-akkomodazzjoni u l-vawċers tal-ikel ipprovduti mill-impriża li tikkolloka ħaddiema lejn l-Istat Membru ospitanti għandhom jitqiesu li huma rimbors tal-ispejjeż effettivament sostnuti minħabba l-kollokament. Għalhekk, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ jekk il-ħaddiema kkollokati rċevewx paga daqs il-minimu stabbilit fl-Istat Membru ospitanti.

5.      L-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku fl-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71

115. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk — sa fejn il-benefiċċji inkwistjoni (69) ma jagħmlux parti min-nukleu ta’ drittijiet vinkolanti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) — jistgħux jiġu interpretati bħala kwistjonijiet koperti mill-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri japplikaw lill-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorji tagħhom termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg fuq kwistjonijiet oħra minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) sa fejn dan jikkonċerna dispożizzjonijiet tal-ordni pubbliku.

116. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

117. L-ewwel nett, nosserva li skont l-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71, din id-dispożizzjoni tapplika biss għal termini u kundizzjonijiet ta’ xogħol li jkopru kwistjonijiet għajr dawk imsemmija speċifikament fil-punti (a) sa (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) sa fejn dawn it-termini u kundizzjonijiet jiġu applikati b’mod konformi mat-Trattat (70). It-tieni nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-Artikolu 3(10) għandu — bħala “eċċezzjoni għal eċċezzjoni” — jiġi interpretat restrittivament (71).

118. B’mod iktar speċifiku, sabiex jaqgħu taħt l-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom jitqiesu li huma tant kruċjali għall-protezzjoni tal-ordni politiku, soċjali jew ekonomika fl-Istat Membru kkonċernat li jeħtieġu l-konformità mill-persuni kollha preżenti fit-territorju nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru u r-relazzjonijiet legali kollha f’dan l-Istat (72). Pereżempju, ir-regoli li jipprekludu x-xogħol forzat jistgħu, wisq probabbli, jikkwalifikaw bħala tali dispożizzjonijiet (73). Partikolarment konxja tal-bżonn li tinterpreta l-Artikolu 3(10) sabiex ma tikkompromettix il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk enfasizzat li “dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku” għandhom jiġu interpretati sabiex ikopru biss dawk ir-regoli vinkolanti li ma jistax ikun hemm deroga minnhom u li, bin-natura u l-għan tagħhom, jissodisfaw rekwiżiti imperattivi tal-interess pubbliku.

119. Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, forsi stretta ħafna, tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71, l-elementi ta’ remunerazzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju ma jilħqux il-livell għoli meħtieġ, stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha. B’mod iktar importanti, kollha kemm huma — kif ġie spjegat iktar ’il fuq — jaqgħu taħt l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-direttiva. Barra minn hekk, kollha jmorru lil hinn mill-minimu assolut meħtieġ mil-leġiżlazzjoni u/jew ftehimiet kollettivi (74) u ma jistgħux, f’dan is-sens, jitqiesu neċessarji sabiex jilħqu rekwiżiti imperattivi tal-interess pubbliku.

IV – Konklużjoni

120. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tas-Satakunnan käräjäoikeus kif ġej:

(1)      L-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni ta’ jekk ħaddiem kollokat jistax iċedi pretensjoni ta’ salarju kontra l-persuna li timpjegah lil sindakat fl-Istat Membru ospitanti għandha tiġi ddeterminata mil-liġi applikabbli għall-pretensjonijiet ta’ salarju inkwistjoni. Sa fejn dawn il-pretensjonijiet jirriżultaw minn termini u kundizzjonijiet li sar riferiment għalihom fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 3(1) tad-Direttiva 96/71, hija l-liġi tal-Istat Membru fejn il-ħaddiema ġew ikkollokati li għandha tiġi applikata mhux biss fir-rigward ta’ dawn il-pretensjonijiet iżda wkoll fir-rigward taċ-ċessjonabbiltà tagħhom.

(2)      L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 96/71, moqri fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas jista’ jkopri ħlas bażiku fis-siegħa skont klassifikazzjoni fi gruppi ta’ salarju, salarju ggarantit abbażi ta’ biċċa xogħol, allowance għall-vaganza, allowance ta’ kuljum b’rata fissa u kumpens għat-traġitt ta’ kuljum, kif dawn il-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol huma ddefiniti fi ftehim kollettiv iddikjarat ta’ applikazzjoni ġenerali applikabbli fis-sens tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71 u li jaqgħu fl-iskop tal-Anness għal din id-direttiva (jew, skont il-każ, fi strumenti rilevanti oħra). Madankollu:

–        l-Istat Membru ospitanti ma jistax jimponi klassifikazzjoni skont is-salarju jew gruppi skont is-salarju fuq impriżi barranin li jikkollokaw ħaddiema lejn dan l-Istat lil hinn mill-minimu previst espressament f’dan il-ftehim kollettiv fl-Istat Membru ospitanti;

–        l-Istat Membru ospitanti ma jistax jimponi fuq impriżi barranin li jikkollokaw ħaddiema lejn dan l-Istat l-obbligu li jħallsu allowance ta’ kuljum b’rata fissa lill-ħaddiema kkollokati matul il-perijodu kollu ta’ kollokament jew kumpens għat-traġitt għal dawn il-ħaddiema fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-applikazzjoni ta’ dawn l-allowances lil dawn l-impriżi barranin trendi l-provvista ta’ servizzi inqas attraenti u fejn il-ħlas ta’ dawn l-allowances imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan ta’ protezzjoni soċjali tal-ħaddiema.

(3)      L-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħlas għall-akkomodazzjoni u għall-vawċers tal-ikel ipprovdut minn impriża li tikkolloka ħaddiema, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni, għandu jitqies li huwa rimbors ta’ spejjeż effettivament sostnuti minħabba l-kollokament. Għalhekk, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi kkalkolat jekk il-ħaddiema kkollokati rċevewx paga daqs il-minimu stabbilit fl-Istat Membru ospitanti.

(4)      L-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li elementi ta’ remunerazzjoni bħas-salarju abbażi ta’ biċċa xogħol, kumpens għat-traġitt u allowances ta’ kuljum previsti fil-ftehimiet kollettivi li ġew iddikjarati ta’ applikazzjoni ġenerali ma jistgħux jiġu interpretati li jikkostitwixxu termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg, li l-osservanza tagħhom hija neċessarja sabiex jintlaħqu rekwiżiti imperattivi tal-interess pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431).


3 – Skont l-Artikolu 84 tal-kodiċi tax-xogħol Pollakk (Ustawa z dnia 26 czerwca 1974 r. Kodeks pracy, Dz.U. 1974 nr 24 poz. 141 z późn. zm, u emendi iktar tard), iċ-ċessjoni lil terzi ta’ remunerazzjoni li tirriżulta minn relazzjoni ta’ impjieg hija prekluża.


4 – Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6). Dan huwa s-suċċessur tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 2005 C 169, p. 10) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”).


5 – Liġi Nru 55/2001, tas-26 ta’ Jannar 2001, dwar kuntratti tax-xogħol (Työsopimuslaki).


6 – Liġi Nru 1146/1999 tad-9 ta’ Diċembru 1999 dwar ħaddiema kkollokati, kif emendata mill-Att Nru 74/2001 (Laki lähetetyistä työntekijöistä).


7 – Rispettivament “Sähköistysalan työehtosopimus 2010–2013”, disponibbli fis-sit tal-internet: http://osasto019.sahkoliitto.fi/@Bin/112850/S%C3%A4hk%C3%B6istysalan%2BTES%2B2010-2013.pdf(375.pdf u “Talotekniikka-alan sähköasennustoimialan työehtosopimus 2007–2010”, mhux disponibbli online.


8 – Għandu jkun enfasizzat li l-possibbiltà li jiġu stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet minimi skont l-Artikolu 3(1) u (8) tad-Direttiva 96/71 permezz ta’ negozjar kollettiv tikkonċerna biss is-settur tal-bini. Għal analiżi tal-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-direttiva, ara Davies, P., “Posted workers: Single market or protection of national labour law systems?”, 34(1997) Common Market Law Review, p. 571 sa 602.


9 – Sentenza C‑341/05, EU:C:2007:809 (iktar ’il quddiem “Laval”).


10 – Sentenza C‑346/06, EU:C:2008:189.


11 – Sentenza C‑319/06, EU:C:2008:350.


12 – Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/71, “ħaddiem kollokat” ifisser ħaddiem li, għal perijodu limitat jagħmel ix-xogħol tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru barra mill-Istat li normalment jaħdem fih.


13 – Ara, f’dan ir-rigward, Davies, P., op. cit., b’mod partikolari p. 591.


14 – Ara l-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-forniment ta’ servizzi [COM(91) 230 finali], b’mod partikolari p. 5 sa 8.


15 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Webb (279/80, EU:C:1981:314); Seco u Desquenne & Giral (62/81 u 63/81, EU:C:1982:34); u Rush Portuguesa (C‑113/89, EU:C:1990:142).


16 – EU:C:1990:142.


17 – C‑43/93, EU:C:1994:310.


18 – Sentenzi EU:C:1990:142, punti 17 u 18, u EU:C:1994:310, punt 23.


19 – Ara Davies, P., op. cit., p. 591, dwar il-kontradizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 96/71.


20 – Ara s-sentenzi Laval (EU:C:2007:809, punt 80) u Rüffert (EU:C:2008:189, punti 32 sa 34).


21 – EU:C:2007:809.


22 – Ibid, punti 103 sa 108.


23 – Ara, pereżempju, Sigeman, T., “Fri rörlighet av tjänster och nationell arbetsrätt”, 2005 Europarättslig tidskrift, p. 465 sa 495, f’p. 474.


24 – Sentenzi Laval (EU:C:2007:809, punti 80 and 81); Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189, punti 32 sa 34); u Il‑Kummissjoni v Il-Lussemburgu (EU:C:2008:350, punt 47). Ara wkoll Kilpatrick, C., “Laval’s regulatory conundrum: collective standard-setting and the Court’s new approach to posted workers”, 6(34) 2009 European Law Review, p. 844 sa 865.


25 – Ara l-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva fuq l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar il-kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-forniment ta’ servizzi [COM(2012) 131 finali], p. 3. Ara wkoll id-Dok. tal-Kunsill 10048/96 ADD1 tal-20 ta’ Settembru 1996.


26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Laval (EU:C:2007:809, punt 81). Għad-duttrina, ara pereżempju, Kilpatrick, op. cit., p. 853 u 854.


27 – Ara Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑490/04, EU:C:2007:430, punt 19).


28 – Ara, pereżempju, van Hoek, A., u Houwerzijl, M., Complementary study on the legal aspects of the posting of workers in the framework of the provision of services in the European Union, p. 8 et seq., disponibbli fis-sit internet http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=471.


29 – Sentenzi Laval (EU:C:2007:809, punt 60); Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (EU:C:2007:430, punt 19); u Isbir (C‑522/12, EU:C:2013:711, punt 37).


30 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑341/02, EU:C:2005:220).


31 – Sentenza Laval (EU:C:2007:809).


32 – Sentenza Isbir (EU:C:2013:711).


33 – Ibid., EU:C:2013:711, punt 45.


34 – L-Artikolu 8 jipprovdi wkoll sett ta’ ipoteżi li b’referenza għalihom il-liġi applikabbli għall-kuntratti tax-xogħol individwali għandha tiġi ddeterminata f’ċirkustanzi oħra (jiġifieri, fl-assenza ta’ għażla).


35 – Ara wkoll ir-Rapport li jikkonċerna l-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali minn Giuliano, M., u Lagarde, P. (ĠU 1980 C 282, p. 1), b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 12(2) tal-Konvenzjoni li jirregola l-kwistjoni taċ-ċessjonabbiltà: “Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, il-kwistjonijiet li jkopri, bl-eċċezzjoni biss taċ-ċessjonabbiltà, huma rregolati, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn iċ-ċedent u d-debitur jekk kuntratt jeżisti bejniethom, mil-liġi li tirregola l-kuntratt tagħhom sa fejn l-imsemmija kwistjonijiet huma ttrattati f’dan il-kuntratt”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


36 – Sentenza Laval (EU:C:2007:809, punt 81).


37 – Ara, dwar dan il-punt, idem, u sentenza Rüffert (EU:C:2008:189, punt 34).


38 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (EU:C:2008:350, punti 31 u 49).


39 – Hawnhekk għandu jiġi enfasizzat ukoll li, sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni tal-liġi applikabbli ma huwiex neċessarju li l-ewwel jiġi stabbilit jekk il-pretensjonijiet li jsiru humiex, bħala tali, ġustifikati. Huwa suffiċjenti f’dan ir-rigward li jkun hemm pretensjoni. Kieku dan ma kienx hekk l-ordni ta’ evalwazzjoni tad-domandi tinbidel b’mod kemxejn inabitwali fejn il-kwistjoni sostantiva tkun trid tiġi ttrattata qabel ma tingħata risposta għad-domanda tal-għażla ta’ liġi.


40 – Skont il-paragrafu 7(1) fil-Kapitolu 2 tal-liġi Finlandiża dwar il-kuntratti tax-xogħol, il-persuni kollha li jimpjegaw għandhom, bħala prinċipju, japplikaw minn tal-inqas id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv li ġie ddikjarat ta’ applikazzjoni ġenerali fis-settur inkwistjoni fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet tar-relazzjoni tal-impjieg. Madankollu, hemm eċċezzjoni għal din ir-regola. Fil-fatt, l-Artikolu 7(3) fil-Kapitolu 2 tagħha jiddikjara li sa fejn persuna li timpjega (jew l-organizzazzjoni tagħha ta’ persuni li jimpjegaw) tkun ikkonkludiet ftehim kollettiv ma’ organizzazzjoni nazzjonali ta’ impjegati, hija għandha tapplika dan il-ftehim minflok.


41 – Sentenza C‑164/99, EU:C:2002:40.


42 – Sentenza Laval (EU:C:2007:809, b’mod partikolari l-punti 80 u 81).


43 – Ibid., punt 80.


44 – Ara, inter alia, Deakin, S., “The Lisbon Treaty, the Viking and Laval Judgments and the Financial Crisis: In Search of New Foundations for Europe’s ‘Social Market Economy”’, fi Bruun, N., Lörcher, K., u Schömann, I. (eds), The Lisbon Treaty and Social Europe, Hart Publishing, Oxford: 2012, p. 19 sa 43, f’p. 28; Kilpatrick, C., op. cit., p. 848.


45 – Sentenzi Laval (EU:C:2007:809, punti 80 u 81); Rüffert (EU:C:2008:189, punti 33 u 34); u Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (EU:C:2008:350, punti 24 sa 26).


46 – EU:C:2013:711, punt 40.


47 – EU:C:2005:220.


48 – EU:C:2013:711, punt 40.


49 – Madankollu, il-fatt li dawn il-ftehimiet kollettivi huma, fir-realtà, applikabbli għall-ħaddiema kkonċernati, huwa kkontestat. Din il-kwistjoni, għalkemm bla dubju waħda interessanti, ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.


50 – Sentenza Laval (EU:C:2007:809, punti 70 u 71).


51 – Ara r-rapport tas-servizzi tal-Kummissjoni fuq l-implementazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE li jikkonċerna l-kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi [COM(2006) 159 finali], p. 16.


52 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Laval (EU:C:2007:809, punt 71). Fir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tat sinjifikat partikolari lill-fatt li l-ftehimiet kollettivi inkwistjoni ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit fl-Artikoli 3(1) u 3(8) tad-Direttiva 96/71 li għandhom jiġu użati bħala l-punt ta’ riferiment korrett għall-ħlas minimu fl-Istat Membru ospitanti.


53 – Ara l-punt 90 et seq iktar ’il quddiem. Fil-fatt, huwa importanti li jitfakkar li ħaddiema kkollokati, għall-kuntrarju ta’ ħaddiema migranti, min-natura tagħhom iwettqu xogħol b’mod temporanju biss fl-Istat Membru ospitanti u għalhekk ma jidhirx neċessarju jew xieraq li d-drittijiet kollha li l-ħaddiema li abitwalment iwettqu xogħol fl-Istat Membru ospitanti għandhom jiġu estiżi lill-ħaddiema kkollokati. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-approċċ meħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza preċedenti. Ara, dwar id-differenza li tikkonċerna d-drittijiet li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema, Kilpatrick, C., op. cit., p. 847 sa 849. Ara wkoll, dwar il-każ partikolari tal-industrija tal-bini, Davies, P., op. cit., p. 601.


54 – Liġi Nru 162/2005 tat-18 ta’ Marzu 2005 dwar il-leave annwali kif emendata mil-Liġi Nru 1448/2007 (Vuosilomalaki). L-Artikoli 16 u 17 ta’ din il-liġi jistabbilixxu r-regoli dwar kif għandu jitħallas il-kumpens għall-vaganzi lill-impjegat matul u fi tmiem tar-relazzjoni tal-impjieg.


55 – Fuq il-kwistjoni tal-minimi kompetittivi fir-rigward ta’ sitwazzjoni fejn ħlas minimu legali jikkoeżisti ma’ minimu definit fi ftehim kollettiv, ara Kilpatrick, C., op. cit., p. 855 u 856.


56 – Ara s-sentenza Laval (EU:C:2007:809, punt 78) fil-kuntest ta’ ftehimiet kollettivi li ma ssodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71.


57 – EU:C:2013:711.


58 – Ara, b’mod simili, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA, EFTA Surveillance Authority vs In-Norveġja tat-23 ta’ Jannar 2012 (E‑2/11, EFTA Court Report, p. 4, punti 72 et seq).


59 – Sentenzi Arblade et (C-369/96 u C‑376/96, EU:C:1999:575, punt 33) u Portugaia Construções (EU:C:2002:40, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


60 – Sentenzi Mazzoleni u ISA (C‑165/98, EU:C:2001:162, punti 23 u 24) u Portugaia Construções (EU:C:2002:40, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll sentenza FKP Scorpio Konzertproduktionen (C‑290/04, EU:C:2006:630, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


61 – Dan jirriżulta b’mod ċar mill-mekkaniżmu stabbilit mill-Artikolu 14 tal-ftehim kollettiv għas-settur tal-elettriku. Skont din id-dispożizzjoni, il-ħlas ta’ allowance ta’ kuljum b’rata fissa (sħiħ jew parzjali) u l-kumpens għat-traġitt huma meħtieġa biss jekk is-sit tax-xogħol huwa mill-inqas 40 km ’il bogħod mill-post fejn il-ħaddiema ġew irreklutati u mill-inqas 15 km ’il bogħod mid-domiċilju tal-ħaddiem.


62 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Webb (EU:C:1981:314, punt 17); Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107, punt 25); Mazzoleni u ISA (EU:C:2001:162, punt 26); Wolff & Müller (C‑60/03, EU:C:2004:610, punt 34); u Portugaia Construções (EU:C:2002:40, punt 19). Ara wkoll, iktar reċentement, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 44).


63 – Sentenzi Arblade et (EU:C:1999:575, punt 36), u wkoll, fl-istess sens, Mazzoleni u ISA (EU:C:2001:162, punt 27).


64 – Ara, pereżempju, is-sentenza Finalarte et, C‑49/98, C‑50/98, C‑52/98 sa C‑54/98 u C‑68/98 sa C‑71/98, EU:C:2001:564, punti 49 u 50.


65 – Għas-sena 2012, din l-allowance ta’ kuljum ġiet stabbilita għal EUR 36 kuljum.


66 – Skont il-ftehimiet kollettivi inkwistjoni, flimkien mal-kundizzjonijiet imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61 iktar ’il fuq, jeżisti rekwiżit ieħor għall-ħlas ta’ allowance ta’ kuljum b’rata fissa. Skont l-Artikolu 14(A)(2) tal-ftehim, l-allowance sħiħa ta’ kuljum għandha titħallas biss fejn it-traġitt ta’ distanza twila (“työmatka”) jieħu iktar minn 10 sigħat.


67 – Jidher mid-digriet tar-rinviju li Elektrobudowa hija meħtieġa, skont il-ftehimiet kollettivi inkwistjoni, li tħallas għall-akkomodazzjoni f’ċirkustanzi fejn ix-xogħol jitwettaq f’post differenti minn dak fejn l-impjegati ġew irreklutati. Madankollu, il-vawċers tal-ikel, li jistgħu jintużaw ukoll sabiex jinxtara ikel f’ċerti ħwienet, jiġu pprovduti skont il-kuntratt ta’ xogħol.


68 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑341/02, EU:C:2005:220, punti 39 u 40).


69 – Jiġifieri, salarju abbażi ta’ biċċa xogħol, l-allowance għat-traġitt u allowances ta’ kuljum.


70 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Laval (EU:C:2007:809, punt 82). Ara wkoll is-sentenza Rüffert (EU:C:2008:189, punti 36 u 37) fir-rigward ta’ dak li qabel kien l-Artikolu 49 KE.


71 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (EU:C:2008:350, punt 31). Kif espressa fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, l-eċċezzjoni f’dan il-każ hija għall-prinċipju tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini.


72 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (EU:C:2008:350, punti 29 sa 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif osserva kummentatur wieħed, l-impatt tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu huwa li tinterpreta l-Artikolu 3(10) “b’mod li ċċaħħdu mill-eżistenza”. Ara Barnard, C., “The UK and Posted Workers: The Effect of Commission v Luxembourg on the Territorial Application of British Labour Law”, 1(38), 2009, Industrial Law Journal, p. 122 sa 132, f’p. 129.


73 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (EU:C:2008:350, punti 3 u 32).


74 – Ara wkoll, mutatis mutandis, is-sentenza Laval (EU:C:2007:809, punt 84).