SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

2 ta’ April 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Swieq ta’ strumenti finanzjarji – Direttiva 2004/39/KE – Kunċetti ta’ ‘klijent tax-xiri bl-imnut’ u ta’ ‘konsumatur’ – Kundizzjonijiet sabiex tiġi invokata l-kwalità ta’ konsumatur – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tat-talba”

Fil-Kawża C‑500/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Cluj (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

AU

vs

Reliantco Investments LTD,

Reliantco Investments LTD Limassol Sucursala Bucureиti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AU, minn V. Berea u A.I. Rusan, avukati

–        għal Reliantco Investments LTD u Reliantco Investments LTD Limassol Sucursala Bucureşti, minn C. Stoica, L. Radu u D. Aragea, avukati,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, A. Wellman u O.-C. Ichim kif ukoll minn C.-R. Canţăr, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u P. Lacerda kif ukoll minn P. Barros da Costa u L. Medeiros, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u N. Ruiz García kif ukoll minn L. Nicolae u M. Heller, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), kif ukoll tal-Artikolu 7(2) u tal-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AU u Reliantco Investments LTD u Reliantco Investments LTD Limassol Sucursala Bucurež dwar ordnijiet b’limitu ta’ prezz ibbażati fuq it-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt minn AU fuq pjattaforma online miżmuma mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, fejn sussegwentement huwa kien tilef ċerta somma ta’ flus.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 93/13/KEE

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)      ‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

c)      ‘bejjiegħ jew fornitur’ [professjonist] tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata.”

4        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede,
tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

 Id-Direttiva 2004/39

5        Skont il-premessa 31 tad-Direttiva 2004/39:

“Wieħed mill-għanijiet ta’ din id-Direttiva huwa li jipproteġi lill-investituri. Il-miżuri sabiex jipproteġu lill-investituri għandhom jiġu addattati għall-partikolaritajiet ta’ kull waħda mill-kategoriji ta’ l-investituri (tax-xiri bl-imnut, professjonali u l-kontropartijiet).”

6        L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id- definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(10) ‘Klijent’ ifisser kull persuna naturali jew legali li ditta ta’ l-investiment tipprovdihom b’investiment u/jew servizzi anċillari;

11)      ‘Klijent professjonali’ ifisser klijent li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness II;

12)      ‘Klijent tax-xiri bl-imnut’ ifisser klijent li mhux klijent professjonali;

[…]

17)      ‘Strument finanzjarju’ ifisser dawk l-istrumenti speċifikati fit-Taqsima Ċ ta’ –L-Anness I;

[…]”

7        Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/39:

“[…]

2.      It-tagħrif kollu, inklużi l-komunikazzjonjiet dwar il-marketing, indirizzat mid-ditta ta’ l-investiment lill-klijenti jew il-klijenti potenzali, għandu jkun ġust, ċar u ma jqarraqx. Il-komunikazzjonijiet dwar il-marketing għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati biċ-ċar bħala ta’ hekk.

3.      Għandu jiġi pprovvdut tagħrif approprjat f’għamla komprensibbli lill-kljienti jew il-klijenti potenzali dwar:

–        id-ditta ta’ l-investiment u s-servizzi tagħha,

–        l-istrumenti finanzjarji u l-istrateġiji proposti ta’ l-investiment; dan għandu jinkludi gwida approprjata u twissijiet dwar ir-riskji assoċjati ma’ l-investmenti f’dawn l-istrumenti jew rigward l-istrateġiji partikolari ta’ l-investimenti,

–        il-postijiet tat-twettiq, u

–        l-ispejjeż u l-imposti assoċjati

sabiex ikunu kapaċi b’mod raġjonevoli li jifhmu n-natura u r-riskji tas-servizz ta’ l-investiment u tat-tip speċifiku ta’ l-istrument finanzjarju li jkun qiegħed jiġi offrut u, b’konsegwenza ta’ dan, sabiex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment fuq bażi informat Dan it-tagħrif jista’ jiġi pprovvdut f’format standardizzat.

[…]

5.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi d-ditti ta’ investiment, meta jkunu qegħdin jipprovdu servizzi oħra għajr dawk riferiti fil-paragrafu 4, jistaqsu lill-klijent jew lill-klijent potenzali rigward il-għerf u l-esperjenza tagħhom fil-kamp ta’ l-investiment rilevanti għat-tip speċifiku tal-prodott jew tas-servizz offruti jew iddomandati sabiex jgħinu lid-ditta ta’ l-investiment tistma jekk is-servizz jew il-prodott ta’ l-investiment previst ikunux approprjat għall-klijent.

Fil-każ li, fuq il-bażi tat-tagħrif irċevut skond il-paragrafu ta’ qabel, ditta ta’ l-investiment tikkunsidra illi l-prodott jew is-servizz ma jkunux approprjati għall-klijent jew għall-klijent potenzali, id-ditta ta’ l-investiment għandha twissi lill-klijent jew klijent potenzali. Din it-twissija tista’ tiġi pprovvduta f’format standardizzat.

Fil-każijiet meta l-klijent jew il-klijent potenzali jagħżlu li ma jipprovdux it-tagħrif riferit taħt l-ewwel sub-paragrafu, jew meta jipprovdu tagħrif mhux biżżejjed li jirrigwarda l-għerf jew l-esperjenza tagħhom, id-ditta ta’ l-investiment għandha twissi lill-klijent jew il-klijent potenzali illi deċiżjoni bħal din ma tippermettix lid-ditta tistabbilixxi jekk is-servizz jew il-prodott previsti humiex approprjati għalihom. Din it-twissija tista’ tiġi pprovvduta f’format standardizzat.

[…]”

8        Il-punt 9 tat-Taqsima Ċ tal-Anness I tal-imsemmija direttiva jirreferi għall-“[k]kuntratti finanzjarji għad-differenzi.”

9        Skont l-Anness II tal-istess direttiva, “[k]lijent professjonali huwa klijent li jippossjiedi l-esperjenza, il-għerf u l-kompetenza sabiex jagħmel id-deċiżjonijiet ta’ l-investiment tiegħu nnifsu u jistma sewwa r-riskji li jġorru.” B’mod partikolari, skont dan l-anness, huma kkunsidrati bħala klijenti professjonali, “[l]-entitajiet legali li huma meħtieġa li jkunu awtrorizzati jew irregolati sabiex joperaw fis-swieq finanzjarji.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007

10      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dannu għandu jkopri kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minn delitt/kważi-delitt ċivili, arrikkiment inġust, negotiorum gestio jew culpa in contrahendo.”

11      Skont l-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament:

“Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn relazzjonijiet qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, irrispettivament minn jekk il-kuntratt kienx fil-fatt ġie konkluż jew le, għandha tkun il-liġi li tapplika għall-kuntratt jew li kienet tkun applikabbli għalih kieku ġie konkluż.”

 Ir-Regolament Nru 1215/2012

12      Il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1215/2012 tiddikjara:

“B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali.”

13      L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

1)      a)      fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

[…]

2)      fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

14      L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jaqa’ taħt it-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7, jekk:

[…]

c)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi, tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk.”

15      L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi:

“Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt fil-qrati tal-Istat Membru li fih tkun domiċiljata dik il-parti jew, irrispettivament mid-domiċilju tal-parti l-oħra, fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.”

16      Skont l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim:

1)      li jkun seħħ wara li tkun qamet it-tilwima;

2)      li jippermetti lill-konsumatur li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati f’din it-Taqsima; jew

3)      li jkun seħħ mill-konsumatur u l-parti l-oħra tal-kuntratt li t-tnejn li huma filwaqt tal-konklużjoni tal-kuntratt ikunu domiċiljati jew ikunu abitwalment residenti fl-istess Stat Membru, u li jagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru, dment li ftehim bħal dak ma jkunx kuntrarju għal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

17      L-Artikolu 25 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. Il-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba;

b)      f’għamla li taqbel mal-prattiki li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

c)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel mal-użanza li dwarha l-partijiet huma jew li kellhom ikunu konxji u li f’dak in-negozju jew kummerċ tkun magħrufa sewwa, u regolarment osservata minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari kkonċernat.

[…]

4.      Ftehim jew dispożizzjonijiet ta’ strument ta’ trust li jagħtu ġurisdizzjoni m’għandux ikollhom forza legali jekk dawn imorru kontru l-Artikoli 15, 19 jew 23, jew jekk il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom dawn iridu jeskludu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 24.

[…]”

 Id-dritt Rumen

18      L-Artikolu 1254 tal-codul civil (il-Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

“1.      Il-kuntratt iddikjarat b’nullità assoluta jew annullat jitqies li qatt ma ġie konkluż.

2.      L-annullament tal-kuntratt iwassal, fil-kundizzjonijiet tal-liġi, għall-annullament tal-atti sussegwenti konklużi abbażi tiegħu.

3.      Meta l-kuntratt huwa annullat, kull parti għandha trodd lura lill-parti l-oħra, in natura jew bħala ekwivalenti, is-servizzi rċevuti, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1639 sa 1647, anki jekk dawn tal-aħħar ġew eżegwiti b’mod suċċessiv jew kienu ta’ natura kontinwa.”

19      L-Artikolu 1269 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“1.      Jekk wara l-applikazzjoni tar-regoli ta’ interpretazzjoni, il-kuntratt ikun għadu mhux ċar, dan jiġi interpretat għall-benefiċċju ta’ dak li jimpenja ruħu.

2.      Il-klawżoli tal-kuntratti ta’ adeżjoni għandhom jiġu interpretati kontra dak li jkun ipproponihom.”

20      Skont l-Artikolu 2(1) tal-Legea nr. 193/2000 privind clauzele abuzive din contractele încheiate între profesioniž i consumatori (il-Liġi Nru 193/2000 dwar il-Klawżoli Inġusti fil-Kuntratti Konklużi Bejn Negozjanti u Konsumaturi), li tittrasponi d-Direttiva 93/13 fid-dritt Rumen:

“‘Konsumatur’ tfisser kull persuna fiżika jew kull grupp ta’ persuni fiżiċi kkostitwit f’assoċjazzjoni li, fil-kuntest ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi preżenti, taġixxi għal finijiet separati mill-attivitajiet kummerċjali, industrijali jew ta’ produzzjoni, artiġjanali jew professjonali tagħha.”

21      L-Artikolu 4(2) u (3) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“2.      Klawżola kuntrattwali hija kkunsidrata li ma ġietx innegozjata direttament mal-konsumatur jekk tkun ġiet stabbilita mingħajr ma l-konsumatur kellu l-possibbiltà li jinfluwenza n-natura tagħha, bħal fil-każ ta’ kuntratti standard jew kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ użati min-negozjanti li joperaw fis-suq tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat.

3.      Il-fatt li ċerti elementi tal-klawżoli kuntrattwali jew li waħda biss mill-klawżoli tkun ġiet innegozjata direttament mal-konsumatur ma jeskludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi għall-bqija tal-kuntratt, fil-każ fejn evalwazzjoni globali tal-kuntratt turi li dan tal-aħħar ġie stabbilit minn qabel unilateralment min-negozjant. Jekk negozjant jallega li klawżola standard stabbilita minn qabel tkun ġiet innegozjata direttament mal-konsumatur, huwa għandu l-oneru li jipproduċi provi f’dan is-sens.”

22      L-Artikolu 4(1) tal-Legea nr. 297/2004 privind piaμa de capital (il-Liġi Nru 297/2004 dwar is-Swieq Kapitali) huwa fformulat kif ġej:

“Is-servizzi ta’ investiment finanzjarju huma pprovduti permezz ta’ persuni fiżiċi, li jaġixxu bħala aġenti għall-imsemmija servizzi. Dawn il-persuni jeżerċitaw l-attività tagħhom esklużivament f’isem l-intermedjarju li jimpjegahom u ma jistgħux jipprovdu servizzi ta’ investiment finanzjarju f’isimhom stess.”

23      L-Artikolu 4(1) tal-Ordonanţa Guvernului nr. 85/2004 privind protecţia consumatorilor la încheierea şi executarea contractelor la distanţă privind servicii financiare (id-Digriet tal-Gvern Nru 85/2004 dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi waqt il-Konklużjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Kuntratti li Jsiru mill-Bogħod dwar is-Servizzi Finanzjarji) jipprevedi:

“Qabel ma jiġi konkluż kuntratt mill-bogħod jew mal-preżentazzjoni tal-offerta, il-fornitur huwa obbligat jinforma lill-konsumatur fi żmien xieraq, b’mod korrett u komplet, dwar l-informazzjoni li ġejja relatata mal-identifikazzjoni tiegħu, tal-inqas fir-rigward:

[…]

c)      l-isem tal-intermedjarju, il-kwalità li fiha jaġixxi fir-rigward tal-konsumatur, l-indirizz tas-sede jew, skont il-każ, tad-domiċilju u l-modalitajiet ta’ kuntatt tiegħu, in-numru tat-telefon/faks, l-indirizz tal-posta elettronika, ir-reġistru tal-kummerċ li huwa rreġistrat fih u n-numru uniku ta’ reġistrazzjoni tiegħu, meta l-konsumatur jittratta ma’ intermedjarju;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24      Fil-15 ta’ Novembru 2016, AU fetaħ kont ta’ negozjar fuq il-pjattaforma online UFX, miżmuma minn Reliantco Investments, fid-dawl tan-negozjar ta’ strumenti finanzjarji bħall-kuntratti finanzjarji għad-differenzi (iktar ’il quddiem il-“KFD”).

25      Billi ħoloq il-kont tiegħu fuq il-pjattaforma online UFX, AU uża isem ta’ dominju ta’ kumpannija kummerċjali u kellu skambji ma’ Reliantco Investments bħala direttur tal-iżvilupp tal-imsemmija kumpannija.

26      Fil-11 ta’ Jannar 2017, AU kkonkluda ma’ Relianco Investments kuntratt dwar il-profitti li jirriżultaw min-negozjar ta’ strumenti finanzjarji, li jindika li huwa kien qara, fehem u aċċetta l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-offerta. Bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, it-tilwimiet kollha u l-kontroversji kollha li jirriżultaw mill-kuntratt hekk konkluż jew b’rabta miegħu għandhom jitressqu quddiem il-qrati Ċiprijotti u l-imsemmi kuntratt, kif ukoll ir-relazzjonijiet ta’ negozjar kollha bejn il-partijiet, huma rregolati mid-dritt Ċiprijott.

27      Fit-13 ta’ Jannar 2017, AU għamel diversi ordnijiet b’limitu ta’ prezz fuq il-pjattaforma online UFX ibbażati fuq it-tnaqqis tal-prezz taż-żejt u allega li, wara dawn it-tranżazzjonijiet, huwa kien tilef is-somma kollha bblokkata fil-kont tan-negozjar, jiġifieri 1 919 720 dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 1 804 345).

28      Fis-26 ta’ April 2017, AU ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali. Huwa jallega li kien vittma ta’ manipolazzjoni li wasslet għat-telf tas-somma msemmija fil-punt preċedenti u jitlob, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li r-responsabbiltà ċivili delittwali tagħhom tiġi stabbilita minħabba nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. Barra minn hekk, permezz ta’ din l-azzjoni, huwa talab il-konstatazzjoni tan-nullità, minn naħa, ta’ ċerti klawżoli kuntrattwali fil-fehma tiegħu inġusti u, min-naħa l-oħra, ta’ ċerti ordnijiet li huwa għamel fuq il-pjattaforma UFX, kif ukoll l-istabbiliment mill-ġdid tal-partijiet fis-sitwazzjoni preċedenti tagħhom.

29      Skont AU, konformement mal-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament, il-qrati Rumeni għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-imsemmija azzjoni, peress li huwa konsumatur li għandu d-domiċilju tiegħu fir-Rumanija.

30      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jinvokaw l-eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati Rumeni. Huma jqisu li, skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, u l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-kawża mressqa minn AU taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ċiprijotti. Huma jenfasizzaw li l-Eparhiako Dikastirio Lemesou (il-Qorti Reġjonali ta’ Limassol, Ċipru), adita minn AU b’rikors intiż sabiex jinkiseb digriet provviżorju tal-qbid tal-proprjetà li tinsab f’Ċipru u li tappartjeni lilhom, iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors.

31      Barra minn hekk, huma jsostnu li l-azzjoni mressqa minn AU hija bbażata fuq “culpa in contrahendo”, peress li dan huwa obbligu mhux kuntrattwali li jaqa’ taħt ir-Regolament Nru 864/2007.

32      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkontestaw ukoll il-kwalità ta’ konsumatur ta’ AU, billi jsostnu li huwa persuna fiżika li għandha skop ta’ lukru, peress li huwa wettaq atti speċifiċi ta’ attività professjonali, peress li l-persuna kkonċernata, matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, għamlet profitt ta’ USD 644 413.53 (madwar EUR 605 680) provenjenti minn 197 tranżazzjoni mwettqa matul il-perijodu ta’ bejn Novembru 2016 u t-13 ta’ Jannar 2017, li sitta biss minnhom huma kkontestati.

33      Il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-eżami tal-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tat-tilwima, tikkonstata li AU bbaża l-azzjoni tiegħu fuq ir-responsabbiltà ċivili delittwali, jiġifieri responsabbiltà mhux kuntrattwali, li għaliha japplika, fil-prinċipju, ir-Regolament Nru 864/2007, filwaqt li tinvoka l-kwalità tiegħu ta’ konsumatur, li jwassal sabiex il-ġurisdizzjoni tista’ għalhekk tiġi stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament Nru 1215/2012.

34      Madankollu, hija għandha dubji dwar l-argument imressaq minn AU bħala tweġiba għall-allegazzjonijiet tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, li l-kunċett ta’ “klijent tax-xiri bl-imnut”, li jinsab fl-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39, u dak ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, jikkoinċidu. Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, mill-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, għalkemm “konsumatur” jista’ jkun biss persuna fiżika li ma taġixxix fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, “klijent tax-xiri bl-imnut” jista’ jkun kemm persuna fiżika kif ukoll persuna ġuridika jew entità differenti minn dawk imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2004/39.

35      Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma biss il-kuntratti konklużi barra u indipendentement minn kull attività jew għan ta’ natura professjonali, bl-uniku għan li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet ta’ konsum privat ta’ individwu, li jaqgħu taħt is-sistema partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li tali protezzjoni ma hijiex iġġustifikata fil-każ ta’ kuntratt li għandu bħala għan attività professjonali.

36      Barra minn hekk, hija ssostni li t-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, li tirregola l-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi, hija applikabbli, bħala regola ġenerali, għall-azzjonijiet imressqa minn konsumatur abbażi ta’ kuntratt, filwaqt li l-azzjoni mressqa minn AU hija bbażata esklużivament fuq ir-responsabbiltà ċivili delittwali, li teskludi l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Specializat Cluj (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Cluj, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klijent tax-xiri bl-imnut” previst fil-punt 12 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/[KE], il-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tuża l-istess kriterji ta’ interpretazzjoni bħal dawk li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13/KEE?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, f’liema kundizzjonijiet “klijent tax-xiri bl-imnut”, fis-sens tad-Direttiva 2004/[39/KE], jista’ jipprevalixxi ruħu, f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-kwalità ta’ konsumatur[?] u

3)      B’mod iktar partikolari, it-twettiq minn “klijent tax-xiri bl-imnut”, fis-sens tad-Direttiva 2004/[39/KE], ta’ numru għoli ta’ tranżazzjonijiet fuq perijodu relattivament qasir u l-investiment ta’ somom kbar ta’ flus fi strumenti finanzjarji bħal dawk iddefiniti fil-punt 17 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/[KE], jikkostitwixxu kriterji rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ konsumatur ta’ “klijent tax-xiri bl-imnut” fis-sens tal-istess direttiva?

4)      Fl-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni tagħha, il-qorti nazzjonali, li hija obbligata tiddetermina l-impatt, skont il-każ, tal-Artikolu 17(1)(c) jew tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, tista’ jew għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-bażi ta’ dritt sostantiv invokat mir-rikorrent – ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali biss – sabiex tikkontesta l-introduzzjoni ta’ klawżoli allegatament inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13/KEE, skont liema d-dritt sostantiv applikabbli jkun iddeterminat abbażi tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 (Ruma II), jew l-eventwali kwalità ta’ konsumatur tar-rikorrent tagħmel mingħajr rilevanza l-bażi ta’ dritt sostantiv tat-talba tagħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

38      Il-Gvern Rumen għandu dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Huwa jsostni li l-qorti tar-rinviju kellha tipprovdi iktar preċiżazzjonijiet dwar ir-rikors ta’ AU u tesponi l-argumenti legali li fuqhom huwa bbażat. Barra minn hekk, huwa jenfasizza li d-domandi magħmula ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil-kuntratt konkluż bejn AU u Reliantco Investments. Minħabba dawn in-nuqqasijiet, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tippermetti li jingħataw risposti rilevanti għad-domandi magħmula.

39      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26).

40      Minbarra dan, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li tiddefinixxi bħala taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2019, État belge, C‑35/19, EU:C:2019:894, punt 29).

41      Madankollu, minn naħa, jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha, hija tista’ tiċħad it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Comida parallela 12, C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 20).

42      Min-naħa l-oħra, minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ ċerti konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma twassalx neċessarjament għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, tqis li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Comida parallela 12, C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 21).

43      Peress li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ddefinixxiet, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, il-kuntest leġiżlattiv u fattwali li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi li jkunu sarulha u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza ta’ dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

44      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li, skont kuntratt bħal KFD konkluż ma’ kumpannija finanzjarja, twettaq tranżazzjonijiet finanzjarji permezz ta’ din il-kumpannija, tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u jekk huwiex rilevanti, għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi bħall-fatt li din il-persuna wettqet numru għoli ta’ tranżazzjonijiet fuq perijodu relattivament qasir jew li hija investiet somom kbar f’dawn it-tranżazzjonijiet. jew li din il-persuna tkun “klijent tax-xiri bl-imnut” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39.

45      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa applikabbli fil-każ fejn jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, li parti kontraenti jkollha l-kwalità ta’ konsumatur li jaġixxi f’kuntest li jista’ jitqies li huwa barrani għall-attività professjonali tagħha, it-tieni nett, li l-kuntratt bejn tali konsumatur u professjonist ikun ġie effettivament konkluż u, it-tielet nett, li tali kuntratt jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 17(1)(a) sa (c). Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv, b’tali mod li, jekk waħda mit-tliet kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, il-ġurisdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi stabbilita skont ir-regoli fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová, C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ewwel sat-tielet domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża jikkonċernaw l-ewwel waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-kwalità ta’ “konsumatur” ta’ parti kontraenti.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’riferiment għall-pożizzjoni ta’ din il-persuna f’kuntratt partikolari, flimkien man-natura u mal-iskop tiegħu, u mhux għas-sitwazzjoni suġġettiva ta’ din l-istess persuna, persuna waħda li tista’ titqies bħala konsumatur fil-kuntest ta’ ċerti tranżazzjonijiet u bħala operatur ekonomiku fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet oħra (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová, C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li huma biss il-kuntratti konklużi barra u indipendentement minn kull attività jew skop ta’ natura professjonali, bl-uniku għan li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet proprji ta’ konsum privat ta’ individwu, li jaqgħu taħt sistema partikolari prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumatur inkwantu parti meqjusa dgħajfa (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová, C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Din il-protezzjoni partikolari ma hijiex iġġustifikata fil-każ ta’ kuntratt li għandu bħala għan attività professjonali, anki jekk prevista għall-futur, peress li n-natura futura ta’ attività ma tneħħi xejn min-natura professjonali tagħha (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová, C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Isegwi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċifiċi previsti fl-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 1215/2012, bħala prinċipju, huma applikabbli biss fis-sitwazzjoni fejn il-kuntratt kien ġie konkluż bejn il-partijiet għal użu li ma huwiex wieħed professjonali tal-oġġett jew tas-servizz ikkonċernat (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová, C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fir-rigward ta’ kuntratti bħall-KFD konklużi bejn persuna fiżika u kumpannija finanzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali strumenti finanzjarji jaqgħu taħt il-kamp ta’applikazzjoni tal-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 1215/2012 (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová, C-208/18, EU:C:2019:825, punt 49).

52      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament ma jeżiġix li l-konsumatur iġib ruħu, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż għal użu mhux relatat mal-attività professjonali tiegħu, b’mod partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová, C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 58).

53      Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li fatturi bħall-valur tat-tranżazzjonijiet imwettqa skont kuntratti bħall-KFD, is-sinjifikat tar-riskji ta’ telf finanzjarju marbuta mal-konklużjoni ta’ tali kuntratti, il-konoxxenzi u l-għarfien espert possibbli ta’ persuna fil-qasam tal-istrumenti finanzjarji jew inkella l-aġir attiv tagħha fil-kuntest ta’ tali tranżazzjonijiet huma, inkwantu tali, bħala prinċipju irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová, C‑208/18, EU:C:2019:825, punt 59).

54      L-istess japplika għaċ-ċirkustanza li l-konsumatur wettaq numru għoli ta’ tranżazzjonijiet fuq perijodu relattivament qasir jew li jkun investa somom kbar f’dawn it-tranżazzjonijiet.

55      F’dak li jirrigwarda r-rilevanza, għall-finijiet tal-kwalifika ta’ persuna bħala “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, tal-fatt li din il-persuna tkun “klijent tax-xiri bl-imnut”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39, għandu jitfakkar li l-fatt li persuna tiġi kklassifikata bħala “klijent tax-xiri bl-imnut”, fis-sens tal-aħħar dispożizzjoni, huwa, bħala tali, bħala prinċipju mingħajr effett għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha bħala “konsumatur”, fis-sens tal-ewwel dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Petruchová, C-208/18, EU:C:2019:825, punt 77).

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “klijent tax-xiri bl-imnut”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39, għandux jiġi interpretat fid-dawl tal-istess kriterji bħal dawk li huma rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur”, imsemmi fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, hija wkoll irrilevanti.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel sat-tielet domanda għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li, skont kuntratt bħal KFD konkluż ma’ kumpannija finanzjarja, twettaq tranżazzjonijiet finanzjarji permezz ta’ din il-kumpannija tista’ tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt ma taqax taħt l-attività professjonali ta’ din il-persuna, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, minn naħa, fatturi bħall-fatt li l-imsemmija persuna wettqet numru għoli ta’ tranżazzjonijiet fuq perijodu relattivament qasir jew li hija investiet somom kbar f’dawn it-tranżazzjonijiet huma, inkwantu tali, bħala prinċipju irrilevanti u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din l-istess persuna hija “klijent tax-xiri bl-imnut”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39, huwa, inkwantu tali, bħala prinċipju mingħajr effett.

 Fuq ir-raba’ domanda

58      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, azzjoni għal responsabbiltà ċivili delittwali mressqa minn konsumatur fil-konfront tal-parti kontraenti tiegħu taqa’ taħt it-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

59      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 iħassar u jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) li ssostitwixxa l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar strumenti ġuridiċi tapplika wkoll għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 23).

60      Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001, li jikkorrispondi mal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1215/2012, japplika biss sa fejn l-azzjoni inkwistjoni tkun marbuta ma’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u professjonist. Fil-fatt, skont il-formulazzjoni stess kemm tal-parti introduttiva tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll tal-Artikolu 15(1)(ċ) tiegħu, “kuntratt” għandu jiġi “konkluż” mill-konsumatur ma’ persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali. Din il-konstatazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mit-titolu tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li fiha jaqa’ dan l-Artikolu 15, li jirreferi għall-“[ġ]urisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur” (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger, C‑180/06, EU:C:2009:303, punti 52 u 53).

61      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li jikkorrispondi wkoll mal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma tistax tiġi adottata interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni li twassal sabiex ċerti pretensjonijiet abbażi ta’ kuntratt konkluż minn konsumatur jaqgħu taħt regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikoli 13 sa 15 tal-imsemmija konvenzjoni, filwaqt li azzjonijiet oħra, li għandhom ma’ dan il-kuntratt rabtiet f’dan il-punt tant stretti li huma indissoċjabbli miegħu, huma suġġetti għal regoli differenti (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Gabriel, C‑96/00, EU:C:2002:436, punt 56).

62      Fil-fatt, in-neċessità li tiġi evitata, sa fejn huwa possibbli, il-multiplikazzjoni tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess kuntatt tapplika iktar meta dan ikun kuntratt bejn konsumatur u professjonist (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Gabriel, C‑96/00, EU:C:2002:436, punt 57).

63      Fid-dawl tal-fatt li l-multiplikazzjoni tal-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni tista’ tiżvantaġġa b’mod partikolari lil parti meqjusa dgħajfa bħall-konsumatur, huwa fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li dan tal-aħħar jista’ jressaq quddiem l-istess qorti d-diffikultajiet kollha li jista’ jagħti lok għalihom kuntratt li l-konsumatur allegatament kien ġie indott li jikkonkludi minħabba l-użu, mill-professjonist, ta’ formulazzjonijiet ta’ natura li jiżgwidaw lill-parti kontraenti tiegħu (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Gabriel, C‑96/00, EU:C:2002:436, punt 58).

64      Minn dan isegwi li, sabiex tiġi applikata t-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 għal azzjoni ta’ konsumatur kontra professjonist, minkejja l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, kuntratt għandu effettivament jiġi konkluż bejn dawn iż-żewġ partijiet u din l-azzjoni għandha tkun indissoċjabbilment marbuta ma’ dan il-kuntratt.

65      F’dan il-każ, f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, ir-relazzjoni bejn AU u Reliantco Investments Limassol Sucursala Bucureиti, is-sussidjarja ta’ Reliantco Investments, għandu jiġi osservat li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dawn iż-żewġ partijiet ikkonkludew kuntratt.

66      Għaldaqstant, fir-rigward ta’ dak li ntqal fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, sa fejn azzjoni hija mressqa fiċ-ċirkustanzi fejn l-imsemmija partijiet ma kkonkludewx kuntratt, hija ma taqax taħt it-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012.

67      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-applikabbiltà ta’ din it-taqsima għall-azzjoni ta’ AU sa fejn din hija mressqa kontra Reliantco Investments, li magħha tal-ewwel ikkonkluda kuntratt, għandu jiġi osservat li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-azzjoni hija bbażata, b’mod partikolari. fuq dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, jiġifieri l-obbligu tal-fornitur li jinforma, li jagħti pariri u li javża lill-konsumaturi f’dak li jikkonċerna s-servizzi pprovduti u r-riskji li huma esposti għalihom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

68      Minn dan jirriżulta, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li l-imsemmija azzjoni hija intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-professjonist għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi prekuntrattwali fir-rigward tal-konsumatur kontraenti.

69      Tali azzjoni għandha titqies li hija indissoċjabbilment marbuta mal-kuntratt konkluż bejn il-konsumatur u l-professjonist b’tali mod li t-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 hija applikabbli għal din l-azzjoni.

70      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-azzjoni mressqa minn AU hija intiża sabiex tagħti lok għar-responsabbiltà tal-professjonist, b’mod partikolari, għal “culpa in contrahendo”, prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 864/2007 applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali.

71      Bil-kontra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 864/2007 jipprevedi li l-liġi applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn trattazzjonijiet magħmula qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, irrispettivament minn jekk il-kuntratt kienx effettivament ġie konkluż jew le, hija l-liġi li tapplika għall-kuntratt jew li kienet tkun applikabbli jekk il-kuntratt kien ġie konkluż.

72      Għalhekk, il-konklużjoni stabblita fil-punt 69 ta’ din is-sentenza hija intiża sabiex issaħħaħ il-koerenza neċessarja bejn l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 u dik tar-Regolament Nru 864/2007 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 43) sa fejn kemm il-liġi applikabbli għal obbligu li jirriżulta mit-trattaazzjonijiet li saru qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt kif ukoll il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tadixxi azzjoni li tirrigwarda tali obbligu huma stabbiliti b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntratt li l-konklużjoni tiegħu huwa previst.

73      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar’ il fuq, ir-raba’ domanda għanda tiġi risposta li r-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, azzjoni għal responsabbiltà ċivili delittwali mressqa minn konsumatur taqa’ taħt it-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament jekk din tkun indissoċjabbilment marbuta ma’ kuntratt effettivament konkluż bejn dan tal-aħħar u l-professjonist, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li, skont kuntratt bħal kuntratt finanzjarju għad-differenzi konkluż ma’ kumpannija finanzjarja, twettaq tranżazzjonijiet finanzjarji permezz ta’ din il-kumpannija tista’ tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt ma taqax taħt l-attività professjonali ta’ din il-persuna, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, minn naħa, fatturi bħall-fatt li l-imsemmija persuna wettqet numru għoli ta’ tranżazzjonijiet fuq perijodu relattivament qasir jew li hija investiet somom kbar f’dawn it-tranżazzjonijiet huma, inkwantu tali, bħala prinċipju irrilevanti u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din l-istess persuna hija “klijent tax-xiri bl-imnut”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, huwa, inkwantu tali, bħala prinċipju mingħajr effett.

2)      Ir-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, azzjoni għal responsabbiltà ċivili delittwali mressqa minn konsumatur taqa’ taħt it-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament jekk din tkun indissoċjabbilment marbuta ma’ kuntratt effettivament konkluż bejn dan tal-aħħar u l-professjonist, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Rumen.