SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

30 ta’ Settembru 2013

Kawża F‑124/11

Daniele Possanzini

vs

Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Frontex – Membru tal-persunal temporanju – Rapport ta’ evalwazzjoni tal-karriera li jinkludi evalwazzjonijiet negattivi tal-validatur mhux ikkomunikati lill-persuna kkonċernata – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Deċiżjoni bbażata fuq l-opinjoni tal-validatur – Drittijiet tad-difiża – Ksur – Kawża ta’ natura pekunjarja – Ġurisdizzjoni sħiħa”


Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu D. Possanzini jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), tat-28 ta’ Marzu 2011, li ma jiġġeddidx il-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2011 li ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju ta’ D. Possanzini, adottata mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, hija annullata. L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil D. Possanzini s-somma ta’ EUR 5000 bħala danni. L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn D. Possanzini.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Direttiva interna ta’ aġenzija tal-Unjoni marbuta mat-tiġdid tal-kuntratti għal żmien determinat – Effetti legali – Ksur – Nuqqas amministrattiv

(Kondizzjonijiet tal-impjieg, Artikolu 8)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ membru tal-persunal temporanju – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi li ma humiex inklużi fil-fajl individwali tiegħu, iżda li ġew ikkomunikati minn qabel lill-persuna kkonċernata – Legalità – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 26)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kawżi ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett – Rikors li jikkonċerna l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

4.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni – Suġġett – Ekwivalenza tal-kapaċità ta’ akkwist – Teħid inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ paragun bejn il-livell ta’ remunerazzjonijiet irċevuti mill-membri tal-persunal u uffiċjali ta’ postijiet differenti ta’ assenjazzjoni – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 64; Kondizzjonijiet tal-Impjieg, Artikolu 20)

1.      Deċiżjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ organu tal-Unjoni kkomunikata lill-persunal kollu u maħsuba sabiex tiggarantixxi lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal kkonċernati trattament identiku, f’qasam li fih l-imsemmija istituzzjoni jew l-imsemmi organu għandha jew għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal, tikkostitwixxi direttiva interna u għandha, bħala tali, tiġi kkunsidrata bħala regola ta’ kondotta indikattiva li l-amministrazzjoni timponi fuqha stess u li minnha hija ma tistax teżenta ruħha mingħajr ma tipprovdi r-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel dan, taħt piena li tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Konsegwentement, fir-rigward ta’ direttiva interna fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanju adottati minn aġenzija tal-Unjoni, il-ksur tal-obbligu ta’ notifikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid fit-terminu stabbilit mid-direttiva jikkostitwixxi nuqqas amministrattiv li jista’ jiġġustifika kumpens. Madankollu, tali irregolarità proċedurali tista’ biss tiġi ssanzjonata permezz tal-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni jekk jiġi stabbilit li din l-irregolarità setgħet tinfluwenza l-kontenut tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 43, 44, 46, 47 u 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Lulju 1997, Monaco vs Il-Parlament, T-92/96, punt 46

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Jannar 2013, Wahlström vs Frontex, F-87/11, punti 56 sa 58

2.      Istituzzjoni twettaq ksur tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-drittijiet tad-difiża ta’ membru tal-persunal temporanju meta tadotta deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tiegħu mingħajr ma tkun ikkomunikatlu minn qabel l-evalwazzjonijiet fuq il-kompetenza tiegħu li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. F’dan ir rigward, is-sempliċi fatt li l-persuna kkonċernata jkollha għarfien ta’ dawn l-elementi, anki jekk dan jiġi stabbilit, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prova suffiċjenti li l-membru tal-persunal ikkonċernat kellu l-possibbiltà jiddefendi effettivament l-interessi tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju. Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-membru tal-persunal, jeħtieġ ukoll li l-istituzzjoni turi, b’kull mezz, li hija kienet preċedentement tat il-possibbiltà lill-imsemmi membru tal-persunal jifhem li l-evalwazzjonijiet inkwistjoni, li ma kinux ġew ikkomunikati lilu qabel il-klassifikazzjoni tagħhom fil-fajl individwali tiegħu, kienu ta’ natura li jiġġustifikaw id-deċiżjoni li tippreġudikah. Fin-nuqqas ta’ dan, il-komunikazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 26 tar Regolamenti tal-Persunal ma tistax titqies li seħħet.

(ara l-punt 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ottubru 2009, de Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs de Brito Sequeira Carvalho, T-40/07 P u T-62/07 P, punt 94

3.      It-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħti lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-kawżi ta’ natura pekunjarja, ġurisdizzjoni sħiħa li permezz tagħha huwa għandu s-setgħa, jekk ikun hemm bżonn, jikkundanna lill-konvenut, ex officio, iħallas kumpens għal dannu kkawżat minħabba nuqqas tiegħu, u f’każ bħal dan, b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, jiddetermina d-dannu mġarrab ex æquo et bono.

Rikors li permezz tiegħu uffiċjal jipprova jikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li taffettwa l-pożizzjoni tal-impjieg tiegħu jista’ jagħti lok għal kawża ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

B’mod partikolari, meta ex membru tal-persunal temporanju jitlob lill-qorti tal-Unjoni tagħti deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tiegħu, hemm lok li jinftiehem, a fortiori, li r-rikors tiegħu jagħti lok ukoll għal kawża ta’ natura pekunjarja. Fil-fatt, id-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt għandha effetti diretti fuq il-kontinwità tal-persuna kkonċernata fil-pożizzjoni tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, u għalhekk fuq ir-remunerazzjoni u d-drittijiet pekunjarji tagħha.

(ara l-punti 70, 71 u 73)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kumissjoni, C-583/08 P, punti 44 u 46

4.      Skont l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 20 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u ta’ membri tal-persunal temporanju hija suġġetta għal koeffiċjent korrettur stabbilit skont il-kundizzjonijiet tal-ħajja fil-post tal-assenjazzjoni tagħhom, bil-għan li, indipendentement minn dan tal-aħħar, huma jibbenefikaw minn kapaċità ta’ akkwist ekwivalenti. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent korrettur ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni bil-għan li jsir paragun bejn il-livell ta’ remunerazzjonijiet rċevuti minn dawn il-membri tal-persunal temporanju u uffiċjali.

(ara l-punt 79)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Lulju 1997, Apostolidis et vs Il-Kummissjoni, T-81/96, punt 3