KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-10 ta’ Diċembru 2009 1(1)

Kawża C-346/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

“Direttiva 2001/80/KE – Tniġġis – Impjanti tal-kombustjoni – Limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċertu tniġġis fl-arja – Użu ta’ enerġija fil-produzzjoni tal-aluminju”







I –    Introduzzjoni

1.        Il-Kummissjoni u r-Renju Unit ma jaqblux dwar jekk ċentrali elettrika tal-faħam li tiġġenera l-elettriku għall-produzzjoni tal-aluminju għandhiex tosserva l-valuri limitu stabbiliti fid-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (2). Dan jikkonċerna l-emissjoni ta’ diossidu tal-kubrit, ossidi tan-nitroġenu u trab.

2.        Għandu jiġi ddeterminat b’mod konkret jekk l-enerġija elettrika hijiex prodott tal-kombustjoni, peress li d-direttiva ma tapplikax għal impjanti kbar tal-kombustjoni fejn il-prodotti tal-kombustjoni huma użati b’mod dirett fil-proċessi tal-manifattura.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/80, hija tapplika għal impjanti tal-kombustjoni b’saħħa termika nominali ugwali jew superjuri għal 50 megawatt, irrispettivament mit-tip ta’ karburanti użat (solidu, likwidu jew ta’ gass).

4.        Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(7), “impjant tal-kombustjoni” tfisser kull apparat tekniku fejn il-karburanti huma ossidizzati sabiex jużaw is-sħana ġġenerata.

5.        Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, it-tieni sar-raba’ sentenzi tal-Artikolu 2(7) jistabbilixxu wkoll li:

“Din id-direttiva għandha tapplika biss għall-impjanti tal-kombustjoni disinjati għall-produzzjoni tal-enerġija, ħlief għal dawk li jagħmlu użu dirett mill-prodotti tal-kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura. B’mod partikolari, din id-direttiva m’għandhiex tapplika għall-impjanti tal-kombustjoni li ġejjin:

(a) impjanti fejn il-prodotti tal-kombustjoni huma użati biex isaħħnu direttament, inixxfu, jew xi trattament ieħor ta’ oġġetti jew materjali, e.ż fran biex isaħħnu mill-ġdid u fran għat-trattament tas-sħana;

(b) impjanti ta’ post-kombustjoni jiġifieri kull apparat tekniku disinjat biex jippurifika l-gassijiet tal-iskart bil-kombustjoni li mhux operat bħala impjant ta’ kombustjoni indipendenti;

(ċ) faċilitajiet għar-riġenerazzjoni ta’ katalisti ta’ xquq katalitiku;

(d) faċilitajiet għall-konverżjoni ta’ sulfide tal-idroġenu f’kubrit;

(e) reatturi użati fl-industrija kemikali;

(f) fran ta’ coke battery;

(ġ) cowpers;

(ħ) kull apparat tekniku użat fil-propulsjoni ta’ vettura, vapur jew ajruplan;

(i) turbini tal-gass użati fuq pjattaformi barra mill-kosta;

(j) turbini tal-gass mogħtija liċenza qabel is-27 ta’ Novembru 2002 jew li minħabba l-awtorità kompetenti huma s-suġġett ta’ talba sħiħa għal liċenza qabel is-27 ta’ Novembru 2002, kemm-il darba l-impjant ma jitħaddimx iktar tard mis-27 ta’ Novembru 2003 mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(1) u l-Anness VIII(A) u (B);

Impjanti mmexxija b’inġenji ta’ diesel, petrol u gass m’għandhomx ikunu koperti b’din id-Direttiva.”

III – Fatti, proċedura u talbiet tal-partijiet

6.        Manifattur tal-aluminju ilu għal ċertu żmien jopera ċentrali elettrika tal-faħam ġewwa Lynemouth fil-kosta tal-lvant tal-Ingilterra. L-enerġija elettrika ġġenerata hija użata kważi kollha kemm hi għall-produzzjoni tal-aluminju bit-trattamenti elettrolitiċi tal-allumina (il-proċess ta’ Hall Héroult) fil-fabbrika ta’ ħdejha. Madwar 9 % biss tal-enerġija elettrika ġġenerata tinbiegħ lix-xibka nazzjonali.

7.        Minn mhux iktar tard mill-bidu tas-sena 2006, ir-Renju Unit ma applikax iktar id-Direttiva 2001/80 għal din iċ-ċentrali elettrika. Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni tinvoka l-pożizzjoni li din iċ-ċentrali elettrika hija suġġetta għar-rekwiżiti tad-direttiva. Ir-Renju Unit kien innotifikat dwar dan permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ġunju 2007 li permezz tagħha l-Kummissjoni stiednet lir-Renju Unit jissottometti l-kummenti tiegħu (“ittra ta’ intimazzjoni”). Fir-risposta tal-31 ta’ Awwissu 2007, ir-Renju Unit ma bidilx il-pożizzjoni tiegħu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fit-23 ta’ Ottubru 2007, fejn iffissat terminu finali ta’ xahrejn biex ir-Renju Unit jirrimedja l-oġġezzjonijiet indirizzati lilu.

8.        Peress li r-Renju Unit żamm il-pożizzjoni tiegħu fir-risposta tal-21 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fil-25 ta’ Lulju 2008. Hija qed titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, peress li rrifjuta li japplika d-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni għaċ-ċentrali elettrika ta’ Lynemouth, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva;

tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.

9.        Ir-Renju Unit qed jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors u tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

IV – Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Iċ-ċentrali elettrika ta’ Lynemouth għandha tosserva l-valuri limitu applikabbli għal impjanti eżistenti jekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. Din tapplika għal impjanti tal-kombustjoni b’saħħa termika nominali ugwali jew superjuri għal 50 megawatt, skont l-Artikolu 1 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80.

11.      Madankollu, sabiex tkun tista’ tapplika d-Direttiva 2001/80, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) ta’ din id-direttiva tirrikjedi li ċ-ċentrali elettrika tkun impjant tal-kombustjoni ddisinjat għall-produzzjoni tal-enerġija, iżda li l-prodotti tal-kombustjoni ma jintużawx b’mod dirett fil-proċessi tal-manifattura. Huwa veru li ċ-ċentrali elettrika sservi biex tipproduċi l-enerġija, iżda n-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet jirrigwarda l-kwistjoni jekk il-prodotti tal-kombustjoni taċ-ċentrali elettrika humiex użati b’mod dirett fil-manifattura tal-aluminju.

A –    Fuq il-kunċett ta’ prodott tal-kombustjoni

12.      Il-kunċett ta’ prodott tal-kombustjoni (Verbrennungsprodukt, product of combustion) jista’ jiġi interpretat b’modi differenti. Jekk jiġu kkunsidrati biss is-sustanzi materjali, il-prodotti tal-kombustjoni huma gassijiet tal-iskart, irmied u fdalijiet oħra. Is-sħana ġġenerata tista’ titqies li hija wkoll prodott tal-kombustjoni. Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80, impjant tal-kombustjoni huwa kkaratterizzat preċiżament minn karburanti li huma ossidizzati sabiex jużaw is-sħana ġġenerata.

13.      L-enerġija elettrika hija l-uniku prodott taċ-ċentrali elettrika li jintuża fil-fabbrika tal-aluminju. Fit-trattamenti elettrolitiċi tal-allumina, l-enerġija elettrika tgħaddi minn kontenitur mimli melħ sħun u mdewweb li jibdel l-allumina ġewwa fih f’aluminju. Dan l-użu huwa dirett. Konsegwentement, għandu jkun magħruf jekk l-enerġija ġġenerata fiċ-ċentrali elettrika tikkostitwixxix prodott tal-kombustjoni.

14.      L-enerġija elettrika la hija prodott materjali tal-kombustjoni u lanqas hija sħana. Hija tiġi ġġenerata b’dan il-mod: is-sħana ġġenerata mill-kombustjoni tipproduċi fwar li jħaddem turbina. L-enerġija elettrika hija ġġenerata permezz ta’ din it-turbina biss. Sabiex jinkludi l-enerġija elettrika, il-kunċett “prodott tal-kombustjoni” għandu jiġi interpretat b’mod tant wiesgħa li jinkludi fih ukoll prodotti oħra li jirriżultaw b’mod indirett minn kombustjoni. Madankollu, dan probabbilment ma jikkorrispondix mal-lingwaġġ kurrenti.

B –    Fuq in-natura derogatorja tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80

15.      Il-fatt li l-artikolu jiddefinixxi l-portata ta’ eċċezzjoni għal regola ġenerali jmur ukoll kontra interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ prodott tal-kombustjoni. L-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (3) sabiex ir-regoli ġenerali ma jitneħħilhomx is-sens tagħhom. Il-klassifikazzjoni ta’ eċċezzjoni tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

16.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80 tiddefinixxi impjant tal-kombustjoni bħala apparat tekniku li fih il-karburanti huma ossidizzati sabiex jużaw is-sħana ġġenerata. Dawn l-impjanti għandhom ikunu suġġetti għall-valuri limitu stabbiliti jekk jeċċedu l-livell minimu stabbilit, jiġifieri saħħa termika nominali ta’ 50 megawatt kif previst fl-Artikolu 1, u li jservu biex jipproduċu l-enerġija skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7).

17.      Din ir-regola ġenerali timplementa l-għanijiet tad-direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu u dijossidu tal-kubrit (mit-tieni sas-sitt premessi) kif ukoll ta’ trab (l-għaxar premessa) minn impjanti kbar tal-kombustjoni. Dan jirrifletti l-għan ġenerali tal-politika ambjentali Ewropea skont l-Artikoli 2 KE u 174 KE (li saru, wara emenda, l-Artikolu 3(3) TUE u l-Artikolu 191 TFUE; ara wkoll il-premessa tat-TUE), li tippromwovi livell għoli ta’ protezzjoni u titjib fil-kwalità tal-ambjent. Iktar ma jkun għoli n-numru ta’ impjanti li għandhom josservaw il-valuri limitu, iktar jitħarsu dawn l-għanijiet.

18.      Bil-kontra tal-fehma tar-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 2(7) ma jippreċiżaw bl-ebda mod il-kunċett ta’ impjant tal-kombustjoni, imma jirristrinġuha. Huma jeskludu l-impjanti anki jekk huma impjanti tal-kombustjoni. Dan jissemma espressament fit-test tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80, peress li skont it-tali dispożizzjoni, id-direttiva hija applikabbli għal impjanti tal-kombustjoni disinjati għall-produzzjoni tal-enerġija ħlief dawk li jagħmlu użu dirett mill-prodotti tal-kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura.

C –    Fuq l-għanijiet tal-eċċezzjonijiet

19.      Il-leġiżlazzjoni lanqas ma turi l-għanijiet li jeżiġu interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ prodott tal-kombustjoni bil-kontra tal-lingwaġġ kurrenti, kif jissuġġerixxi r-Renju Unit.

20.      L-eċċezzjoni applikabbli għall-użu dirett tal-prodotti tal-kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura jmur lura għall-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 88/609 KEE (4), issostitwita bid-Direttiva 2001/80. Fil-verżjoni oriġinali, il-Kunsill, mingħajr indikazzjoni oħra tar-raġunijiet, ikkompleta l-proposta tal-Kummissjoni (5) b’eċċezzjoni simili kif ukoll bl-eċċezzjonijiet għal tipi ta’ impjanti speċifiċi li llum huma msemmija fis-subparagrafi (a) sa (ġ). Lanqas id-Direttiva 2001/80 ma tindika l-għanijiet tal-eċċezzjonijiet li jistgħu jgħinu fl-interpretazzjoni.

21.      Skont il-Kummissjoni, l-eċċezzjonijiet huma bbażati fuq kontaminazzjoni tal-gassijiet residwi tal-kombustjoni minn pollutanti li jirriżultaw mill-użu dirett ta’ prodotti tal-kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura. Il-Kummissjoni tqis li meta jintużaw b’mod dirett, dawn il-gassijiet residwi jiġu f’kuntatt ma’ materjali oħra u għalhekk jiġu affettwati iktar milli fil-każ ta’ proċessi ta’ kombustjoni waħidhom. Issa, skont il-Kummissjoni, il-valuri limitu previsti mid-Direttiva 2001/80 huma intiżi għall-proċessi ta’ kombustjoni waħidhom.

22.      Din il-kunsiderazzjoni teskludi l-enerġija elettrika peress li l-użu tagħha għall-manifattura tal-prodotti ma jaffettwa bl-ebda mod l-emissjonijiet taċ-ċentrali elettrika. L-enerġija elettrika tista’ wkoll tinbiegħ lix-xibka nazzjonali tal-enerġija elettrika mingħajr ma jiġu ġġenerati emissjonijiet oħra.

23.      It-teorija tal-Kummissjoni madankollu tippreżupponi li l-gassijiet tal-iskart biss huma prodotti tal-kombustjoni. Min-naħa l-oħra, ma għandhiex effett jekk is-sħana ġġenerata hija wkoll prodott tal-kombustjoni u jsir użu dirett minnha mingħajr it-tniġġis tal-gassijiet tal-iskart ma’ sustanzi oħra. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li s-sħana hija wkoll prodott tal-kombustjoni u, għalhekk, it-teorija tal-Kummissjoni hija kontradittorja.

24.      Skont ir-Renju Unit, l-eċċezzjonijiet jirriżultaw minn evalwazzjoni tal-ispejjeż tal-applikazzjoni tal-valuri limitu u l-vantaġġi ambjentali tagħhom. Huwa possibbli li dan japplika għat-tipi ta’ impjanti msemmija espressament fl-Artikolu 2(7)(a) sa (j) tad-Direttiva 2001/80. Fil-fatt, huwa possibbli li jiġu evalwati l-ispejjeż u l-vantaġġi tal-valuri limitu speċifiċi fir-rigward ta’ tipi partikolari ta’ impjanti.

25.      Min-naħa l-oħra, l-eċċezzjoni fformulata b’mod astratt fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80 ma tistax tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-ispejjeż u l-vantaġġi. Dan għaliex l-ispejjeż jew il-vantaġġi li jistgħu jiġu assoċjati mal-applikazzjoni tal-valuri limitu għall-impjanti li ma jiġġenerawx enerġija, jew li ma jagħmlux użu dirett tal-prodotti tal-kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura, ma jistgħux ikunu previsti.

26.      Huwa possibbli madankollu li dak li jkun jifhem li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80, hija intiża favur proċessi tal-manifattura li jiddependu fuq l-użu ta’ impjanti kbar tal-kombustjoni. Il-prodotti tat-tali proċessi jista’ jkollhom żvantaġġ fil-kompetizzjoni internazzjonali permezz tal-ispejjeż żejda kkawżati minn valuri limitu iktar stretti.

27.      Fil-kawża inkwistjoni, din l-idea hija fil-prinċipju valida għall-kombinazzjoni ta’ ċentrali elettrika u fabbrika tal-aluminju. Ir-Renju Unit jissottometti li t-tkomplija tal-produzzjoni tal-aluminju tiġi mhedda jekk iċ-ċentrali elettrika tkun suġġetta għad-direttiva.

28.      Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80 tindika b’mod ċar li eċċezzjoni għandha tkun aċċettata biss fejn teżisti rabta partikolarment stretta bejn il-proċess tal-manifattura u l-proċessi tal-kombustjoni: huwa meħtieġ użu dirett tal-prodotti tal-kombustjoni fil-proċessi tal-manifattura.

29.      Ir-rabta hija b’saħħitha l-iktar jekk jiġi kkunsidrat biss l-użu tal-prodotti diretti tal-kombustjoni, jiġifieri s-sħana u l-prodotti tar-reazzjoni ġġenerati mill-kombustjoni. Min-naħa l-oħra, jekk il-kategorija ta’ prodotti li jistgħu jintużaw tiġi estiża għall-prodotti indiretti tal-kombustjoni, bħall-enerġija elettrika, ir-rabta bejn il-proċessi tal-manifattura u l-kombustjoni ssir dgħajfa.

30.      Il-fatt li l-enerġija elettrika tista’ tiġi ttrasferita għal distanzi twal u għaldaqstant tista’ tiġi minn diversi sorsi, imur kontra d-dgħufija tar-rabta bejn il-proċessi. Hija tista’ tiġi ġġenerata mingħajr l-użu ta’ impjant kbir tal-kombustjoni, pereżempju permezz ta’ impjant idroelettriku jew nukleari. Min-naħa l-oħra, is-sħana użata b’mod dirett għandha tiġi ġġenerata fil-viċin u għalhekk tista’ speċifikament tiġi biss minn ċerti sorsi speċifiċi li jinsabu fuq l-iskala lokali. Normalment, dawn huma impjanti kbar tal-kombustjoni.

31.      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li jekk iċ-ċentrali elettrika tal-faħam ma tosservax id-Direttiva 2001/80, il-produzzjoni tal-aluminju f’Lynemouth tkun qed tiġi vvantaġġjata inġustament fil-kompetizzjoni intra-Komunitarja. Fil-fatt, il-kompetituri Ewropej jiksbu l-enerġija elettrika tagħhom mix-xibka ġenerali u għalhekk ibatu l-ispejjeż mill-osservanza tal-valuri limitu fil-produzzjoni tal-enerġija elettrika.

32.      Ikun qed jingħata vantaġġ inġust favur iċ-ċentrali elettrika fil-konfront ta’ kumpanniji oħra li jipproduċu l-enerġija elettrika, peress li madwar 9 % tal-produzzjoni tinbiegħ lix-xibka nazzjonali.

33.      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80, ma għandhiex tiġi estiża għal ċentrali elettrika tal-faħam, fejn l-enerġija elettrika ġġenerata hija essenzjalment intiża għal fabbrika tal-aluminju ta’ ħdejha.

D –    Fuq l-iskema tal-eċċezzjonijiet

34.      Bil-kontra tal-fehma tar-Renju Unit, l-eċċezzjoni prevista għal cowpers taħt it-tielet sentenza tal-Artikolu 2(7)(ġ) tad-Direttiva 2001/80, ma twassalx għal interpretazzjoni differenti tat-tieni sentenza.

35.      Ir-Renju Unit jikkunsidra l-eċċezzjonijiet applikabbli għat-tipi speċifiċi ta’ impjanti msemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80, bħall-każijiet tal-applikazzjoni tar-regola astratta msemmija fit-tieni sentenza. Skont it-tielet sentenza, id-direttiva ma għandhiex tapplika b’mod partikolari għat-tipi ta’ impjanti msemmija fis-subparagrafi (a) sa (j). Madankollu, fil-verżjoni eżistenti, il-kliem “b’mod partikolari” ma jistgħux jitqiesu fis-sens li jirreferu għat-tieni sentenza peress li t-tipi ta’ impjanti msemmija fis-subparagrafi (ħ) sa (j) ma għandhomx konnessjoni qawwija mal-proċessi tal-manifattura espressament previsti fit-tieni sentenza.

36.      Għaldaqstant, ir-Renju Unit qed jinvoka l-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 2(7) li tinsab fid-Direttiva 88/609/KEE. Dan l-argument huwa kontestabbli anki jekk dan huwa biss għar-raġuni li l-kawża inkwistjoni hija dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/80. Iżda ma hija lanqas konvinċenti l-liġi l-preċedenti meta tiġi kkunsidrata separatament.

37.      Minbarra l-eċċezzjoni astratta, l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 88/609/KEE jinkludi fih dawk li llum huma s-subparagrafi (a) sa (ġ), li juru rabta mal-proċessi tal-manifattura. Skont ir-Renju Unit, f’dak iż-żmien, l-aħħar tip ta’ impjant imsemmi espressament, cowpers, li llum jinsab fis-subparagrafu (ġ), juri li l-kunċett ta’ prodott tal-kombustjoni għandu jiġi interpretat b’mod wiesgħa u għandu jinkludi fih ukoll prodotti indiretti tal-kombustjoni, bħall-enerġija elettrika.

38.      Cowpers jittrasferixxu s-sħana ġġenerata mill-proċess tal-kombustjoni fl-arja li wara titpoġġa ġewwa forn sħun biex jgħin fil-produzzjoni tal-ħadid. Is-sħana hija ġġenerata mill-gassijiet tal-iskart imsaħħna mill-kombustjoni u tiġi ttrasferita fl-arja permezz ta’ briks refrattarji.

39.      Bil-kontra tal-fehma tar-Renju Unit, din l-eċċezzjoni ma toħloqx relazzjoni mal-kunċett ta’ prodott tal-kombustjoni. Hija tikkonċerna l-użu ta’ prodott dirett tal-kombustjoni, jiġifieri s-sħana (6).

40.      Huwa veru li cowpers ma jikkostitwixxux eżempju tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni astratta taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2001/80. Il-prodott tal-kombustjoni li jikkostitwixxi s-sħana huwa użat mhux b’mod dirett, iżda b’mod indirett wara t-trasferiment mill-gassijiet tal-iskart għal żewġ mezzi oħra, il-briks u l-arja. Konsegwentement, l-eċċezzjoni applikabbli għall-cowpers hija indikazzjoni li l-eċċezzjonijiet speċifiċi taħt l-Artikolu 2(7), li diġà jissemmew fil-verżjoni tad-Direttiva 88/609, ma jinterpretawx b’mod konkret l-eċċezzjoni astratta, iżda huma fondati fuq evalwazzjoni tal-ispejjeż u l-vantaġġi ta’ applikazzjonijiet speċifiċi tad-direttiva (7). Dan l-approċċ huwa kkonfermat permezz tal-eċċezzjonijiet l-oħra miżjuda mid-Direttiva 2001/80 li ma jistgħux jiġu manifestament inklużi iktar taħt it-tieni sentenza.

41.      Il-proposta tal-Kummissjoni, diskussa bħalissa, għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar emissjonijiet industrijali (prevenzjoni u kontroll integrat tat-tniġġis) (8) inkwistjoni, u li titlob li jingħaqdu d-diversi direttivi, inkluża d-Direttiva 2001/80, tipprova ssegwi din it-triq. Fil-fatt, b’differenza mill-eċċezzjonijiet partikolari msemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 2(7)(a) sa (j) tad-Direttiva 2001/80, l-eċċezzjoni astratta taħt it-tieni sentenza ma hijiex iktar inkluża (9). Minflok, il-Kunsill qed jipproponi eċċezzjonijiet oħra (10). Madankollu, eċċezzjoni speċifika għal impjanti bħaċ-ċentrali elettrika ta’ Lynemouth, ma hijiex prevista.

E –    Konklużjoni

42.      Fil-qosor, għandu jingħad li l-użu tal-enerġija elettrika għall-produzzjoni tal-aluminju ma huwiex użu dirett ta’ prodotti tal-kombustjoni fi proċess tal-manifattura. Konsegwentement, il-valuri limitu stabbiliti fid-Direttiva 2001/80 għandhom japplikaw għaċ-ċentrali elettrika ta’ Lynemouth, u r-rikors għandu jintlaqa’.

V –    Fuq l-ispejjeż

43.      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

VI – Konklużjoni

44.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Peress li rrifjuta li japplika d-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni għaċ-ċentrali elettrika ta’ Lynemouth, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva;

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 299, fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, li tadatta d-Direttivi 73/239/KEE, 74/557/KEE u 2002/83/KE fil-qasam tal-ambjent, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 352M, p. 883).


3 –      Ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Kapper (C‑476/01, Ġabra p. I‑5205, punt 72); WWF Italia et (C-60/05, Ġabra p. I‑5083, punt 34); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑36/05, Ġabra p. I‑10313, punt 31); tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/05, Ġabra p. I‑4713, punt 25); tal-1 ta’ April 2008, Il-Parlament vs Il‑Kummissjoni (C‑14/06 u C‑295/06, Ġabra p. I‑1649, punt 71); u tat-12 ta’ Novembru 2009, TeliaSonera Finland (C‑192/08, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).


4 –      Direttiva tal-Kunsill 88/609/KEE, tal-24 ta’ Novembru 1988, dwar il-limitazzjoni ta' emissjonijiet minn ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU L 336, p. 1).


5 –      Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet minn ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU C 49, p. 1). L-emendi sussegwenti tal-Kummissjoni ġew riprodotti fil-ĠU C 76, p. 6.


6 –      Ara l-punt 12 hawn fuq.


7 –      L-evalwazzjoni dwar cowpers tista’ tiddependi mill-fatt li huma normalment jaħarqu gass li jiġi prodott fil-fran sħan u għalhekk jiffrankaw l-enerġija. Dan il-gass huwa diġà mniġġes b’mod li, minkejja li jsir trattament permezz tal-użu tal-aħjar teknika disponibbli, il-valuri limitu għall-użu mill-karburanti ta’ gass ma jinqabżux. Skont l-Anness VI tad-Direttiva 2001/80, 200 sa 300 mg/Nm3 huma għalhekk previst għall-ossidi tan-nitroġenu (NOx); issa, bl-użu tal-aħjar teknika disponibbli, jinħarġu sa 350 mg/Nm3 (‘Best Available Techniques Reference Document on the Production of Iron and Steel’, dokument ta’ referenza ta’ Diċembru 2001, dwar l-aħjar teknika disponibbli, p. vii u 212, http://eippcb.jrc.es/reference/_download.cfm?twg=isp&file=isp_bref_1201.pdf); il-Kummissjoni elaborat dan id-dokument u b’kollaborazzjoni mal-esperti tal-Istati Membri abbażi tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Specjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), kodifikata bid-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (ĠU L 24, p. 8).


8 –      COM(2007) 844 finali.


9 –      Ara l-Artikolu 3(19) u t-tieni punt tal-Artikolu 31 tal-proposta tal-Kummissjoni u l-Artikolu 28 tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (Dokument tal-Kunsill 11962/09, tas-16 ta’ November 2009).


10 –      Ara l-abbozz ta’ motivazzjoni għall-pożizzjoni komuni (Dokument tal-Kunsill 11962/09 ADD 1, tas-16 ta’ Novembru 2009, p. 8).