SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

17 ta’ Novembru 2009

Kawża F-57/08

Armida Palazzo

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni – Drittijiet kweżiti bħala membru tal-persunal lokali – Kalkolu tal-bonus”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li bih A. Palazzo qiegħda titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kap tad-Diviżjoni “Pensjonijiet” tal-Uffiċċju “Ġestjoni u ħlas ta’ drittijiet individwali”, tal-24 ta’ Ottubru 2007, dwar il-kalkolu tal-bonus fir-rigward tas-snin ta’ servizz akkreditati fuq il-bażi tad-drittijiet pensjonabbli Komunitarji tagħha li jirriżultaw mid-drittijiet kweżiti tagħha bħala membru tal-persunal lokali.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa mċiħud. Ir-rikorrenti għandha tbati, barra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż kollha tal-Kummissjoni. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Ugwaljanza fit-trattament – Trattament differenzjat ta’ diversi kategoriji ta’ membri tal-persunal rigward garanziji statutorji u benefiċċji tas-sigurtà soċjali – Assenza ta’ diskriminazzjoni

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Kalkolu tas-snin ta’ servizz – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz bħala membru tal-persunal awżiljarju – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 4)

1.      Ma jistgħux jiġu kkontestati d-differenzi statutorju eżistenti bejn id-diversi kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Komunitajiet, jew bħala uffiċjali fis-sens proprju tal-kelma, jew bħala membri tal-persunal fid-diversi kategoriji ta’ membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji tikkorrispondi għall-ħtiġijiet leġittimi tal-amministrazzjoni Komunitarja u għan-natura tal-kompiti, permanenti jew temporanji, li hija għandha l-inkarigu li twettaq. B’hekk, il-leġiżlatur Komunitarju seta’ b’mod ħieles jipprovdi, fl-Artikolu 4 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-uffiċjali, il-membri tal-persunal temporanju u       l-membri tal-persunal bil-kuntratt biss jistgħu jitolbu, għall-kalkolu tad-drittijiet tal-pensjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu totali ta’ servizzi li jkunu wettqu fi ħdan l-istituzzjonijiet bħala uffiċjal, membru tal-persunal temporanju jew membru tal-persunal bil-kuntratt.

Barra minn hekk, membru tal-persunal lokali ma jistax jallega li ġie ppenalizzat meta mqabbel ma’ membri tal-persunal f’kategoriji oħra u li għalhekk bata minn inuqgwaljanza fit-trattament jew minn diskriminazzjoni li ma hijiex ġustifikata u li hija sproporzjonata, sa fejn, bħala membru tal-persunal lokali, ma huwiex f’sitwazzjoni komparabbli mal-membri tal-persunal f’kategoriji oħra. Id-differenzi fl-istatus li jeżistu bejn il-membri tal-persunal lokali, minn naħa, u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal l-oħra, min-naħa l-oħra, ma jistgħux jiġu kkonfutati abbażi tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li dawn id-differenzi legali oġġettivi fuq livell tal-garanziji statutorji, tal-klassifikazzjoni, tar-remunerazzjoni u tal-benefiċċji soċjali huma ta’ natura essenzjali. Għaldaqstant ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni, f’termini ta’ garanziji statutorji u ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali, il-fatt li ċerti kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Komunitajiet jistgħu jgawdu garanziji jew benefiċċji li ma jingħatawx lil kategoriji oħra.

(ara l-punti 38 u 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Ottubru 1983, Celant et. vs Il-Kummissjoni, 118/82 sa 123/82, Ġabra p. 2995, punt 22;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Lulju 2007, De Smedt vs Il-Kummissjoni, T‑415/06 P, Ġabra p. I-B-1-7, II-B-1-41, punti 54 u 55, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, F‑59/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑109 u II‑1‑1‑409, punt 76; 12 ta’ Marzu 2009, Arpaillange et vs Il-Kummissjoni, F‑104/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 61

2.      Sabiex il-perijodi mwettqa bħala membru tal-persunal awżiljarju jiġu ekwiparati għal dawk imwettqa bħala membru tal-persunal temporanju għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom għas-sistema ta’ pensjoni Komunitarja, huwa mitlub li l-impjieg li jikkorrispondi għall-funzjonijiet eżerċitati mill-persuna kkonċernata jinsab fil-lista ta’ impjegati tal-istituzzjoni u jkun disponibbli, u li l-funzjonijiet eżerċitati ma jkunux ta’ natura tranżitorja, fi kliem ieħor, li jirrigwardaw kompiti permanenti tas-servizz pubbliku Komunitarju.

(ara l-punti 44 u 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Frar 1979, Deshormes vs Il-Kummissjoni, 17/78, Ġabra p. 189, punt 51; 23 ta’ Frar 1983, Toledano Laredo u Grilli vs Il‑Kummissjoni, 225/81 u 241/81, Ġabra p. 347, punti 7 u 12